Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' April 2011 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-235/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 1023 finali, tat-18 ta' Frar 2001, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja mill-Fond ta' Koeżjoni għall fażijiet tal-proġetti

"Suministro y montaje de materiales de vía en la Línea de Alta Velocidad Madrid-Zaragoza-Barcelona-Frontera francesa. Tramo Madrid-Lleida" (CCI Nru 1999.ES.16.CPT.001)

"Línea de Alta Velocidad ferroviaria Madrid-Barcelona. Tramo Lleida-Martorell (Plataforma, 1ª fase)" (CCI Nru 2000.ES.16.C.PT.001)

"Línea de Alta Velocidad Madrid-Zaragoza-Barcelona-Frontera francesa. Accesos a Zaragoza" (CCI Nru 2000.ES.16.C.PT.003)

"Línea de Alta Velocidad Madrid-Zaragoza-Barcelona-Frontera francesa. Tramo Lleida-Martorell. Subtramo X-A (Olérdola - Avinyonet del Penedés" (CCI Nru 2001.ES.16.C.PT.007) u

"Nuevo acceso ferroviario de Alta Velocidad a Levante. Subtramo La Gineta-Albacete (Plataforma)" (CCI Nru 2004.ES.16.C.PT.014).

sussidjarjament, tannulla parzjalment, sa fejn din tirreferi għall-korrezzjonijiet applikati għall-modifiki msemmijin espliċitament fil-paragrafi ta' dan ir-rikors, billi tnaqqas l-ammont tal-korrezzjoni għal EUR 27 047 647.00.

f'kull każ, tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9), peress li l-Kummissjoni ma osservatx it-terminu ta' tliet xhur, mid-data ta' meta tinżamm is-seduta, sabiex tadotta d-Deċiżjoni.

2.    It-tieni motiv ibbażat, fir-rigward tal-kuntratti ta' provvista, fuq il-ksur, minħabba applikazzjoni żbaljata, tal-Artikolu 20(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38, tal-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194) u, fir-rigward tal-kuntratti ta' xogħolijiet u tal-kuntratti ta' servizzi li huma s-suġġett tal-korrezzjoni, fuq ksur, minħabba applikazzjoni żbaljata, tal-Artikolu 20(2)(f) tal-istess direttiva, peress li l-użu ta' servizzi addizzjonali huwa figura li hija kunċettwalment distinta mill-modifika ta' kuntratt fil-fażi ta' eżekuzzjoni previst mil-liġi Spanjola fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, b'tali mod li tali modifika ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

3.    It-tielet motiv, sussidjarjament għal dak preċedenti u biss fir-rigward tal-kuntratti ta' xogħolijiet u ta' servizzi li huma s-suġġett tal-korrezzjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 93/38, peress li kienu ssodisfatti r-rekwiżiti kollha sabiex l-awtoritajiet Spanjoli jagħtu, permezz tal-proċedura ta' negozjar mingħajr informazzjoni lill-pubbliku, ix-xogħolijiet addizzjonali mwettqa fil-ħames fażijiet tal-proġett effetwati mill-korrezzjoni.

____________