Language of document : ECLI:EU:T:2013:11

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Jannar 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali BELLRAM — Trade marks nazzjonali verbali u figurattivi preċedenti RAM u Ram — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Dritt għal smigħ — Artikolu 63(2), Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009 — Termini għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni”

Fil-Kawża T-237/11,

Lidl Stiftung & Co. KG, stabbilita f’Neckarsulm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Träger, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn K. Klüpfel u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Lactimilk, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn P. Casamitjana Lleonart, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Marzu 2011 (Każ R 1154/2009-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Lactimilk, SA, u Lidl Stiftung & Co. KG,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Settembru 2011,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Jannar 2012,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2012,

wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-15 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti, Lidl Stiftung & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BELLRAM.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mal-prodotti: “ġobnijiet”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil- Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 42/2006, tas-16 ta’ Ottubru 2006.

5        Fid-9 ta’ Jannar 2007, l-intervenjenti, Lactimilk, SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti fil-klassi 29 imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks Spanjoli preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark figurattiva, bil-kulur isfar u blu, irreġistrata bin-numru 2414439 (iktar ’il quddiem l-“ewwel trade mark figurattiva preċedenti”), riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva, irreġistrata bin-numru 98550 (iktar ’il quddiem it-“tieni trade mark figurattiva preċedenti”), riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark verbali RAM, irreġistrata bin-numru 151890 (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali preċedenti”).

7        L-ewwel trade mark figurattiva preċedenti ġiet irreġistrata għall-prodotti fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice u tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Laħam, ħut, tiġieġ u tjur; laħam ipproċessat; frott, ħaxix, laħam u ħut ikkonservat, imnixxef u msajjar; iffriżat, fi zlazi; bajd; żjut u grassijiet edibbli; platti ppreparati komposti minn laħam, minn ħut, minn ħaxix u b’mod partikolari ħalib u prodotti tal-ħalib, jogurt, ġobon, butir, marġerin u krema friska (prodotti tal-ħalib)”.

8        It-tieni trade mark figurattiva preċedenti ġiet irreġistrata għall-prodotti fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice u tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Kull tip ta’ butir, ħalib frisk, ħalib ikkondensat u ħalib fil-forma ta’ trab, ġobon, butir, jogurt, kéfir u prodotti oħra derivati mill-ħalib”.

9        It-trade mark verbali preċedenti ġiet irreġistrata inizjalment għall-prodotti fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice u tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħalib frisk, ħalib ikkondensat u ħalib fil-forma ta’ trab, ġobon, butir, jogurt, kéfir u prodotti oħra derivati mill-ħalib”. Dik il-lista ta’ prodotti ġiet kompluta ulterjorment permezz tal-lista ta’ prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti alimentari li joriġnaw mill-annimali; żjut u grassijiet edibbli; ħaxix niexef u ħaxix ieħor ippreparat għall-konsum jew ikkonservat; iffriżat u marmellati; laħam, tiġieġ u tjur; bajd; zlazi għall-insalata; xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent bażiku; b’esklużjoni espressa fir-rigward tal-ħut u l-prodotti tal-baħar ikkonservati”.

10      L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha msemmija mit-tliet trade marks preċedenti.

11      Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

12      Fil-31 ta’ Awwissu 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni tal-intervenjenti billi bbażat ruħha esklużivament fuq paragun bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-ewwel trade mark figurattiva preċedenti. Qabel xejn, fir-rigward tal-paragun tal-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks, hija kkunsidrat li dawn kienu identiċi. Sussegwentement, fir-rigward tal-paragun tas-sinjali, hija rrilevat, minn naħa, li kien jeżisti livell medju ta’ xebh viżiv u fonetiku bejniethom. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-ebda wieħed minn dawk is-sinjali ma kellu sinifikat kunċettwali partikolari fil-lingwa Spanjola. Fl-aħħar, b’kont meħud tal-karattru distintiv medju tal-ewwel trade mark figurattiva preċedenti, hija kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, fid-dawl tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li teżisti bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-ewwel trade mark preċedenti, ma kienx neċessarju li hija twettaq paragun bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, minn naħa, u t-tieni trade mark figurattiva preċedenti u t-trade mark verbali preċedenti, min-naħa l-oħra.

13      Fl-1 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, huwa kkunsidra, minn naħa, li, peress li l-intervenjenti pproduċiet biss il-prova tar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali preċedenti, l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni seta’ jsir biss fir-rigward tal-imsemmija trade mark, bl-esklużjoni taż-żewġ trade marks figurattivi preċedenti (ara l-punti 13 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, qabel xejn, peress li l-prova dwar l-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti ġiet prodotta biss fir-rigward tal-“ħalib, krema u xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent predominanti”, b’tali mod li jista’ jingħad biss li din tal-aħħar ġiet irreġistrata għal dawk il-prodotti (ara l-punti 23 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, huwa kkunsidra li kien jeżisti xebh bejn il-“ħalib, krema u xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent predominanti” koperti mit-trade mark verbali preċedenti u l-prodotti tal-“ġobnijiet” koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha (ara l-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija kkunsidrat li s-sinjali inkwistjoni kienu simili (ara l-punti 31 sa 35 tal-imsemmija deċiżjoni) u li kien ġie stabbiliti li t-trade mark verbali preċedenti kienet akkwistat, permezz tal-użu intensiv tagħha, karattru distintiv miksub (ara l-punti 37 sa 39 tal-imsemmija deċiżjoni). Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti, u dan anki jekk jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar kellha biss karattru distintiv medju (ara l-punti 36 sa 40 tal-imsemmija deċiżjoni).

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

16      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tas-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell, fit-tieni lok, fuq żball tal-Bord tal-Appell relatat mal-prodotti koperti mit-trade mark verbali preċedenti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, fit-tielet lok, fuq żbalji marbuta mal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti, fir-raba’ lok, fuq żball ta’ evalwazzjoni relatata mal-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti u, fil-ħames lok, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.

18      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawk il-motivi kollha.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tas-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell

19      Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ ilmenti prinċipali fil-kuntest tal-ewwel motiv. Minn naħa, il-Bord tal-Appell kiser id-dritt tagħha għal smigħ, kif jirriżulta mill-Artikolu 63(2) u mill-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell kiser is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, kif tirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004, tas-6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 183M, 5.7.2006, p. 345), moqrija flimkien mal-Artikolu 63(2) u l-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdu għad-dritt għal smigħ. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jistedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-trade mark verbali preċedenti fil-kuntest tal-proċedura quddiemu, peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet wettqet biss paragun tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mal-ewwel trade mark figurattiva preċedenti.

20      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

21      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kiser id-dritt tagħha għal smigħ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, qabel xejn, li l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li, “[w]aqt l-eżaminazzjoni tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess”.

22      Barra minn hekk, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi kif ġej:

“Id-deċiżjonijiet tal-[UASI] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jiġbor fih, fil-kuntest tad-dritt dwar it-trade marks Komunitarji l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, Anheuser-Busch vs UASI — Budějovický Budvar (BUDWEISER), T-191/07, Ġabra p. II-691, punti 33 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Safejn l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 76 tal-istess regolament jippreskrivu d-dritt għal smigħ tal-partijiet dwar l-osservazzjonijiet, il-punti ta’ fatt u l-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell, dawk iż-żewġ artikoli jiġbru fihom ukoll fid-dritt tat-trade marks Komunitarji l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

24      Skont dak il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, sanċit, inter alia, fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389), id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sensibbili l-interessi tagħhom għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jwasslu b’mod utli l-opinjoni tagħhom (ara s-sentenza BUDWEISER, punt 23 iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, wara l-eżami tal-fondatezza tal-appell, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u, b’dan il-mod, huwa jista’ “jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni”, jiġifieri, li huwa jista’ jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-oppożizzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjara fondata d-deċiżjoni meħud fl-ewwel istanza quddiem l-UASI. Għalhekk minn dik id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li, bħala effett tal-appell li jiġi ppreżentat quddiemu, il-Bord tal-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut tal-fondatezza tal-oppożizzjoni kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (sentenza BUDWEISER, punt 23 iktar ’il fuq, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 jindika dan li ġej:

“1. Fi proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-[UASI] għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2. L-[UASI] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

27      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ma jirriżultax, la mid-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti u lanqas mill-ġurisprudenza li l-Bord tal-Appell huwa obbligat li jitlob lill-partijiet jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u waħda mit-trade marks preċedenti meta, bħal f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell jibbaża l-eżami tiegħu dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq trade mark preċedenti li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, iżda li kienet ġiet invokata b’mod validu insostenn tal-imsemmija oppożizzjoni. Issa, f’dak ir-rigward, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li, permezz tal-att ta’ oppożizzjoni tad-9 ta’ Jannar 2007, l-intervenjenti invoka partikolarment it-trade mark verbali preċedenti insostenn tal-imsemmija oppożizzjoni, u lanqas li, fil-motivi li jsejsu l-att ta’ oppożizzjoni ppreżentati fid-19 ta’ Ġunju 2007, l-intervenjenti semmiet espressament il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti b’mod partikolari.

28      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-opportunità effettiva, kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell, li ssostni l-argumenti tagħha relatati man-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u b’mod partikolari it-trade mark verbali preċedenti, iżda li hija għażlet li ma tiżviluppax argumenti relatati ma’ dan tal-aħħar quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt huwa stabbilit li, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ressqet argumenti, fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, intiżi sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-ewwel trade mark figurattiva preċedenti esklużivament, u mhux bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti. Issa, safejn l-oppożizzjoni kienet fondata partikolarment fuq it-trade mark verbali preċedenti safejn il-Bord tal-Appell kellu s-setgħa, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jwettaq l-eżami dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dik it-trade mark preċedenti waħidha u t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, hija r-rikorrenti li għandha, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tippreżenta, fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell, l-osservazzjonijiet tagħha relatati mat-trade mark verbali preċedenti jekk hija kienet tixtieq li l-Bord tal-Appell jirrispondi għalihom fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li hija ma setgħetx tipprevedi li l-Bord tal-Appell kien sejjer jibbaża l-eżami tiegħu dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq it-trade mark verbali preċedenti.

29      Mill-evalwazzjonijiet ifformulati fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kisirx id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti billi ma stedinhiex b’mod espliċitu sabiex tifformula osservazzjonijiet fuq it-trade mark verbali preċedenti.

30      Barra minn hekk, safejn ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti, hija ma għandhiex dritt tikkritika l-fatt li l-Bord tal-Appell ma rrispondiex b’mod espliċitu fid-deċiżjoni kkontestata għall-imsemmija argumenti. Fil-fatt, li kieku l-Bord tal-Appell jintalab li jwettaq eżami ġdid u komplet tal-fondatezza tal-oppożizzjoni, jirriżulta għall-kuntrarju mill-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, li l-kontenut tiegħu tfakkar fil-punt 26 iktar ’il fuq, li huwa obbligat li jeżamina biss il-motivi u l-argumenti mressqa quddiemu. Li kieku kien mod ieħor, dan kien iwassal sabiex il-Bord tal-Appell jagħti deċiżjoni fuq motivi u argumenti li r-rikorrenti ma xtaqitx tipprevalixxi ruħha minnhom f’dak l-istadju tal-proċedura.

31      Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta (punti 27 sa 30 iktar ’il fuq) li l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jinċaħad bħala infondat.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kiser is-setgħa diskrezzjonali tiegħu safejn huwa kien obbligat li jikkomunika lir-rikorrenti l-intenzjoni tiegħu li jissostitwixxi, fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-ewwel trade mark figurattiva preċedenti bit-trade mark verbali preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fir-rigward tar-regoli tad-dritt li hija tinvoka l-ksur taghom u li huma esposti fil-punt 19 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 216/96 jipprovdi kif ġej:

“Ir-rapporteur [f’kull Bord tal-Appell tal-UASI] għandu jwettaq studju preliminari dwar l-appell. Jista’ jħejji komunikazzjonijiet għall-partijiet bla ħsara għall-istruzzjonijiet tal-President tal-Bord. Il-komunikazzjonijiet għandhom ikunu firmati mir-rapporteur f’isem il-Bord.”

33      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 216/96 jipprovdi li, “Jekk il-Bord iqis li jkun jeħtieġ li jikkomunika mal-partijiet dwar il-possibbiltà li jiġu diskussi materji ta’ sustanza jew legali, din il-komunikazzjoni għandha ssir b’tali mod illi ma tinftiehemx illi l-Bord huwa marbut biha b’xi mod”.

34      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għal dak li tiddikjara r-rikorrenti, iż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 216/96 esposti fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, u li r-rikorrenti ssosnti li għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 63(2) u l-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdu għad-dritt għal smigħ, ma jimponu l-ebda obbligu fuq il-Bord tal-Appell sabiex jinforma lill-partijiet bl-intenzjoni tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni trade mark preċedenti waħda jew kollha li huma s-suġġetti tal-oppożizzjoni fil-kuntest tal-eżami tiegħu dwar probabbiltà ta’ konfużjoni.

35      Għaldaqstant, hemm lok li jinċaħdu bħala infondati t-tieni ilment tar-rikorrenti u l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball relatat mal-prodotti koperti mit-trade mark verbali preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni

36      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-regola 15(2)(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 12). F’dak ir-rigward hija tosserva, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni biss, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-“ħalib frisk, ħalib ikkondensat u ħalib fil-forma ta’ trab, ġobon, butir, jogurt, kéfir u prodotti oħra derivati mill-ħalib” koperti mit-trade mark verbali preċedenti, peress li kienu dawk il-prodotti biss li ġew identifikati fl-att ta’ oppożizzjoni ippreżentat fit-terminu legali preskritt ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

37      L-UASI u l-intervenjenti jopponu l-argumenti tar-rikorrenti.

38      Fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġu esposti r-regoli prinċipali relatati mal-preżentata ta’ oppożizzjoni, sussegwentment, fit-tieni lok, li tiġi stabbilita l-portata eżatta tal-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti, u finalment, fit-tielet lok, li jiġi determinat jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kellux dritt li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, il-prodotti kollha koperti mit-trade mark verbali preċedenti jew jekk kellux jieħu inkusiderazzjoni parti minnhom biss.

39      Fl-ewwel lok, qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009, “Fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, notifika ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tista’ tingħata fuq il-bażi li ma tistax tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 8 [tal-istess regolament]”.

40      Sussegwentement l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa redatt kif ġej:

“L-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir […] Fi żmien perjodu stabbilit mill-[UASI], l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.”

41      Barra minn hekk, ir-Regola 15(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi kif ġej:

“In-notifika ta’ l-oppożizzjoni għandha tinkludi:

[…]

b)      identifikazzjoni ċara tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti li fuqhom l-oppożizzjoni hi bbażata, jiġifieri:

i)      fejn l-oppożizzjoni hi bbażata fuq marka preċedenti fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 8 (2) (a) jew (b) tar-Regolament [n° 207/2009 …], l-indikazzjoni tan-numru tal-fajl jew numru tar-reġistrazzjoni tal-marka preċedenti, l-indikazzjoni jekk il-marka preċedenti hijiex reġistrata jew applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, kif ukoll l-indikazzjoni ta' l-Istati Membri inkluż, fejn applikabbli l-Benelux, li fihom jew li għalihom il-marka preċedenti hi protetta, jew, jekk applikabbli, l-indikazzjoni li hija trejdmark tal-Komunità;

[…]

f)      l-oġġetti u s-servizzi li fuqhom l-oppożizzjoni hi bbażata;

[…]”

42      Barra minn hekk, ir-Regola 17(4) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li ġej:

“Jekk in-notifika ta’ oppożizzjoni ma tikkonformax ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ Regola 15 [tar-Regolament Nru 2868/95, l-UASI] għandu jinforma lill-parti li qed topponi b’dan u għandu jistedinha biex tirrimedja d-defiċjenzi nnutati fi żmien perjodu ta’ xahrejn. Jekk id-defiċjenzi ma jiġux irrimedjati qabel jiskadi l-limitu taż-żmien, l-[UASI] għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni minħabba li tkun inammissibbli.”

43      Barra minn hekk, skont ir-Regola 18(1) tar-Regolament Nru 2868/95 “Meta l-oppożizzjoni tinstab li hi ammissibbli skond ir-Regola [17] [tal-imsemmi regolament, l-UASI] għandu jibgħat komunikazzjoni lill-partijiet u jinfurmhom li procedimenti ta’ l-oppożizzjoni għandhom jibdew xahrejn wara li tasal il-komunikazzjoni”.

44      Fl-aħħar, ir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, relatata mal-“Prova tal-verit ta’ l-oppożizzjoni [Fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni]”, tipprovdi dan li ġej:

“1. L-[UASI] għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15 (3), fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni kellhom jibdew skond Regola 18 (1) [tal-istess regolament].

2. Fi żmien l-perjodu msemmi f'paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

a)      jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

[…]

ii)      jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark.

[…]”

45      Fit-tieni lok, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-portata tal-oppożizzjoni mressqa mill-intervenjenti f’dan il-każ.

46      Fl-ewwel lok, huwa stabbilit li, permezz tal-att ta’ oppożizzjoni ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2007, l-intervenjenti indikat li hija tibbaża l-oppożizzjoni tagħha “fuq l-oġġetti u s-servizzi kollha koperti mit-[trade mark verbali preċedenti]”.

47      Fit-tieni lok, insostenn tal-att ta’ oppożizzjoni ppreżentat fid-9 ta’ Jannar 2007, l-intervenjenti pprovda ċertifikat (iktar ’il quddiem l-“ewwel ċertifikat”) mill-Oficina Española de Patentes y Marcas (uffiċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks), datat l-4 ta’ Ġunju 2004, li jindika li t-trade mark verbali preċedenti ġiet ippreżentata fit-30 ta’ Marzu 1944, għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 29 u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħalib frisk, ħalib ikkonsensat u ħalib fil-forma ta’ trab, ġobon, butir, jogurt, kéfir u prodotti oħra derivati mill-ħalib”.

48      Fit-tielet lok, mill-ittra tad-19 ta’ Frar 2007 mibgħuta mill-UASI lill-intervenjenti jirriżulta li l-UASI stedinha tipprovdi jew li tikkompleta, f’terminu ta’ erba’ xhur, sal-20 ta’ Ġunju 2007, kull punt ta’ fatt, prova jew argument insostenn tal-oppożizzjoni tagħha u li tipprova l-eżistenza u l-validità tat-trade mark preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni tagħha.

49      Fir-raba’ lok, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 2007 mibgħuta lill-UASI b’risposta għall-ittra msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-intervenjenti pprovdiet lill-UASI fotokopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark verbali preċedenti. Dak iċ-ċertifikat (iktar ’il quddiem it-“tieni ċertifikat”) tal-Oficina Española de Patentes y Marcas, tat-28 ta’ Marzu 2007, jindika li dik it-trade mark, li ġiet irreġistrata fit-30 ta’ Marzu 1944, tkopri l-prodotti fil-klassi 29 li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħalib frisk, ħalib ikkonsensat u ħalib fil-forma ta’ trab, ġobon, butir, jogurt, kéfir u prodotti oħra derivati mill-ħalib”. Dan jippreċiża wkoll li, mit-8 ta’ Settembru 1995, ir-reġistrazzjoni ġiet estiża għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti alimentari li joriġnaw mill-annimali; żjut u grassijiet edibbli; ħaxix niexef u ħaxix ieħor ippreparat għall-konsum jew ikkonservat; iffriżat u marmellati; laħam, tiġieġ u tjur; bajd; zlazi għall-insalata; xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent bażiku; b’esklużjoni espressa fir-rigward tal-ħut u l-prodotti tal-baħar ikkonservati”.

50      Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 46 sa 49 iktar ’il fuq, jirriżulta li, qabel xejn, l-intervenjenti ressaq l-oppożizzjoni tiegħu fit-terminu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark mitluba fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji. Sussegwentement, għalkemm dak l-att ta’ oppożizzjoni kien jindika li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq “il-prodotti kollha koperti” mit-trade mark verbali preċedenti, l-ewwel ċertifikat madankollu kien jenumera biss parti mill-prodotti koperti mill-imsemmija trade mark. Finalment, ir-rikorrenti pprovdiet, fit-terminu stabbilit mill-UASI sabiex tikkompleta l-oppożizzjoni tagħha, it-tieni ċertifikat li kien jenumera l-prodotti kollha koperti mill-imsemmija trade mark.

51      Fit-tielet lok, fid-dawl, minn naħa, tar-regoli esposti fil-punti 39 sa 44 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 50 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball billi ħa inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti fil-kuntest tal-eżami dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni.

52      Fil-fatt, fl-ewwel lok, kien b’mod korformi mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li l-intervenjenti ressqet l-oppożizzjoni tagħha fid-9 ta’ Jannar 2007, jiġifieri fit-terminu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tat-trade mark mitluba fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji, fis-16 ta’ Ottubru 2006 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), billi invokat b’mod espliċitu t-trade mark verbali preċedenti.

53      Fit-tieni lok, minn naħa, jirriżulta wkoll mill-att tal-oppożizzjoni tal-intervenjenti li, b’mod konformi mar-Regola 15(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 2868/95, hija identifikat b’mod ċar it-trade mark verbali preċedenti bħala waħda mit-trade marks li fuqhom hija tibbaża l-oppożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, kien b’mod konformi mar-Regola 15(2)(f) tar-Regolament Nru 2868/95, li hija indikat li “l-prodotti kollha” koperti mit-trade mark verbali preċedenti kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-oppożizzjoni. Ċertament, għalkemm ma huwiex feliċi li, b’mod kuntrarju għal dak li tikkonferma l-intervenjenti u kif juri l-fajl tal-UASI, hija hemżet l-ewwel ċertifikat, li kien isemmi biss parti mill-prodotti protetti mit-trade mark verbali preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jaffettwax il-konstatazzjoni li jirriżulta b’mod espliċitu mill-att tal-oppożizzjoni li hija invokat il-prodotti kollha protetti mill-imsemmija trade mark insostenn tal-oppożizzjoni tagħha.

54      Fit-tielet lok, fid-dawl tal-kontradizzjoni eżistenti bejn, minn naħa, l-att ta’ oppożizzjoni, li kien jindika li l-imsemmija oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit-trade mark verbali preċedenti, u, min-naħa l-oħra, l-ewwel ċertifikat, li kien isemmi biss parti mill-imsemmija prodotti, l-UASI, b’mod konformi mar-Regola 19(1) u (2)(a)(i) tar-Regolament Nru 2868/95, talab lill-intervenjenti tipprovdih b’ċertifikat ieħor li jistabbilixxi l-eżistenza tat-trade mark verbali preċedenti u l-portata tal-protezzjoni tal-imsemmija trade mark, u dan l-intervenjenti għamlitu billi pprovdiet it-tieni ċertifikat, li kien jenumera b’mod eżawrjenti l-prodotti u s-servizzi kollha li fuqhom l-intervenjenti kienet indikat li riedet tibbaża l-oppożizzjoni tagħha.

55      Għaldaqstant, l-intervenjenti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma estendietx b’mod illegali l-portata tal-oppożizzjoni wara li kien skada t-terminu ta’ tliet xhur, iżda hija kkompletat b’mod validu l-oppożizzjoni tagħha billi pprovdiet it-tieni ċertifikat, li kien jistabbilixxi l-lista eżatta tal-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti.

56      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji marbuta mal-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti

57      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji marbuta mal-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti u li minħabba dan huwa kiser l-Artikolu 15 u l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

58      L-UASI u l-intervenjenti jopponu l-argumenti tar-rikorrenti.

59      Jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li, kif jirriżulta mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, il-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss safejn hija tkun intużat b’mod effettiv. B’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista’ jitlob li tingħata l-prova li jkun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju li fih hija kienet protetta matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark li kontra tagħha tkun tressqet oppożizzjoni.

60      Sussegwentment, skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, il-prova tal-użu ġenwin għandha tkopri l-post, it-tul ta’ żmien, l-importanza u n-natura tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti.

61      Barra minn hekk, skont l-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 15(1)(a) u tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew Komunitarja, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni fil-konfront ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, tinkludi wkoll il-prova tal-użu ta’ trade mark preċedenti f’għamla li jkollha xi elementi differenti iżda li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ dik it-trademark fl-għamla li fiha tkun ġiet irreġistrata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI — Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T-29/04, Ġabra p. II-5309, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

62      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina ż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrenti billi tibda bit-tieni lment.

63      Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-provi ta’ użu ġenwin ipprovduti mill-intervenjenti lill-UASI kienu jikkonċernaw it-trade marks figurattivi preċedenti msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, u, b’mod partikolari, l-ewwel trade mark figurattiva preċedenti, u mhux it-trade mark verbali preċedenti. F’dak ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI (C-234/06 P, Ġabra p. I-7333), l-intervenjenti ma setgħetx tistabbilixxi l-użu ġenwin tat-trade mark verbali preċedenti billi tibbaża ruħha fuq dokumenti li jirrappreżentaw l-ewwel trade mark figurattiva preċedenti.

64      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, minn naħa, fil-punt 26 tal-imsemmija deċiżjoni, jirrileva li l-intervenjenti kienet ipprovdiet fatturi li hija kienet ħarġet fil-konfront ta’ supermarkits Spanjoli, f’ammont ta’ għadd ta’ eluf ta’ ewro kull wieħed, matul il-perijodu rilevanti ta’ bejn Ottubru 2001 u Otturbu 2006 u li dawk il-fatturi kellhom fuqhom l-element verbali RAM kemm fl-intestatura tagħhom kif ukoll fil-linji li jidentifikaw in-natura tal-prodotti mibjugħa, jiġifieri ħalib, krema u xarbiet tal-ħalib, kif ukoll il-kwantità u l-prezz tagħhom. Min-naħa l-oħra, fil-punt 27 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell irrileva barra minn hekk li t-trade mark verbali preċedenti kienet tidher ukoll fuq dokumenti differenti pprovduti mill-intervenjenti, bħal ritratti ta’ reklamar u ta’ imballaġġi ta’ ċerti prodotti koperti mill-imsemmija trade mark.

65      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva, fir-rigward tal-fatturi msemmija iktar ’il fuq fil-punt preċedenti li, b’mod konformi mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-fatt li t-trade mark verbali preċedenti kienet tidher stampata bil-kulur blu u fuq nofs ċirku isfar ma kienx ibiddel il-karattru distintiv tagħha, peress li dawn kienu elementi grafiċi bażiċi, użati b’mod regolari fil-kummerċ.

66      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, in-numru kbir ħafna ta’ fatturi pprovduti mir-rikorrenti li fihom il-prodotti differenti mibjugħa huma identifikati b’mod speċifiku mit-trade mark verbali preċedenti jkopri l-perijodu kollu ta’ ħames snin rilevanti qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, ma’ dawk il-fatturi hemm ukoll diversi ritratti ta’ reklamar u ta’ imballaġġi li fuqhom hemm mhux biss l-ewwel trade mark figurattiva preċedenti, iżda wkoll it-trade mark verbali preċedenti.

67      F’dawk il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq kienu jippermettu lill-Bord tal-Appell li jikkonkludi ġustament favur l-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti.

68      Safejn ir-rikorrenti jsostni li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ma setgħax, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, jibbaża ruħu b’mod validu fuq dokumenti li jistabbilixxu l-użu ġenwin tal-ewwel trade mark figurattiva preċedenti sabiex jikkonkludi favur l-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti, minħabba n-nuqqas ta’ differenzi sinjifikattivi bejn dawk iż-żewġ trade marks, tali argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball billi pproċeda għall-konstatazzjoni esposta fil-punt 65 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami dwar l-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti, dan ma jinċidix fuq il-konklużjoni esposta fil-punt preċedenti li l-provi tal-użu mit-trade mark verbali preċedenti kienu barra minn hekk suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-użu mill-imsemmija trade mark kien ġenwin.

69      Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti ġiet prodotta biss fir-rigward tal-“ħalib proċessat b’temperatura għolja ħafna u xarbiet tal-ħalib kkonservati”. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti kienet ipproduċiet il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti għall-“ħalib, krema, xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent prinċipali”, bl-esklużjoni ta’ prodotti oħra koperti mit-trade mark verbali preċedenti.

70      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatturi kif ukoll il-fotokopji tar-reklamar u tal-imballaġġi li huma deskritti fil-punt 64 iktar ’il fuq isemmu l-bejgħ ta’ tipi differenti ta’ ħlejjeb, bħal ħalib mhux imsaffi mix-xaħam, ħalib parzjalment imsaffi mix-xaħam u ħalib imsaffi mix-xaħam, kif ukoll il-krema u x-xarbiet tal-ħalib bħax-xarbiet tal-ħalib bit-togħma taċ-ċikkulata.

71      Fl-ewwel lok, għalkemm huwa veru, kif tosserva essenzjalment ir-rikorrenti, li l-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti mill-intervenjenti ma kien jistabbilixxi li t-trade mark verbali preċedenti intużat għal kategorija ta’ prodotti deskritti bħala “ħalib frisk”, qabel xejn, xorta jibqa’ l-fatt, kif osserva l-UASI, li l-ispeċifikazzjoni ta’ “ħalib frisk” fir-rigward tat-trade mark verbali preċedenti għandha tinftiehem bħala li tagħmel riferiment għal ħalib likwidu, peress li dak it-tip ta’ ħalib jikkompleta l-lista ta’ tipi oħra ta’ ħalib li huma “il-ħalib ikkondensat” u l-“ħalib f’forma ta’ trab”, koperti mill-imsemmija trade mark. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li l-“ħalib frisk” jikkostitwixxi kategorija ta’ ħalib li ma jistax ikun ħalib mhux imsaffi mix-xaħam, ħalib parzjalment imsaffi mix-xaħam u ħalib imsaffi mix-xaħam. Fl-aħħar, u fi kwalunkwe każ, kif ġustament tosserva l-intervenjenti, il-ħalib mhux imsaffi mix-xaħam, ħalib parzjalment imsaffi mix-xaħam u ħalib imsaffi mix-xaħam, jidħlu fil-kategorija ta’ “xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent prinċipali”, li jikkorrispondu, essenzjalment, għal “ħlejjeb” li magħhom jiżdiedu ingredjenti oħra. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li l-intervenjenti ma pproduċietx il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti għall-“ħalib” jew “ħalib frisk” għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

72      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-intervenjenti pproduċiet numru limitat ta’ provi dwar l-użu tat-trade mark verbali preċedenti għal “krema” mingħajr ma semmiet fl-att tal-oppożizzjoni li l-imsemmi prodott kien jikkorrispondi għal “prodotti derivati mill-ħalib”, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-fatturi prodotti mill-intervenjenti, li sar riferiment għalihom fil-punt 64 iktar ’il fuq, jagħmlu riferiment għal diversi tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ “krema” fil-perijodu kkonċernat. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-“krema” tikkorrispondi għal “prodotti derivati mill-ħaib”. F’dawk il-kundizzjonijiet, l-argument tar-rikorrenti f’dak ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

73      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li x-“xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent predominanti” ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni safejn huma ma kinux jifformaw parti mill-oppożizzjoni, hemm lok li dak l-argument jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punti 51 sa 55 iktar ’il fuq, l-intervenjenti invokat b’mod validu l-prodotti kollha protetti mill-imsemmija trade mark insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, inklużi x-“xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent predominanti”. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-intervenjenti pproduċiet il-prova tal-użu ġenwin ta’ dawn il-prodotti tal-aħħar.

74      F’dawk il-kundizzjonijiet, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat u t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala li parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames motiv, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ evalwazzjoni relatat mal-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti u fuq żbalji fil-paragun tas-sinjali inkwistjoni

75      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll ir-regola 19(1) u (3) u r-regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ħa inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv miksub tat-trade mark verbali preċedenti meta l-intervenjenti ma ressqitx argumenti u lanqas provi f’dan ir-rigward fit-termini stabbiliti.

76      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dak ir-rigward, hija tikkunsidra li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark verbali preċedenti. Qabel xejn, jeżisti biss xebh dgħajjef ħafna bejn il-ħalib u l-ġobon. Barra minn hekk, is-sinjali inkwistjoni ma humiex simili, partikolarment safejn l-aċċent tat-ton fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma huwiex fuq it-tieni sillaba. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ma setgħax jieħu inkunsiderazzjoni karattru distintiv miksub, partikolarment minħabba l-fatt li l-eżami tiegħu kien limitat mill-portata tal-oppożizzjoni kif iddeterminata mill-intervenjenti. Fl-aħħar, il-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, partikolarment minħabba l-fatt li s-sinjal BELLRAM huwa kompost biss minn kelma waħda u minħabba l-karattru ġdid tat-terminu “bellram”.

77      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw dawk iż-żewġ motivi.

78      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, għalkemm il-karattru distintiv ta’ trade mark preċedenti li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, dan huwa element wieħed fost l-oħrajn li jkunu preżenti waqt dik l-istess evalwazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-31 ta’ Jannar 2012, Spar vs UASI — Spa Group Europe (SPA GROUP), T-378/09, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv kontemporanjament ma’ dawk imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv, li permezz tagħhom hija ssostni, essenzjalment li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti.

79      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi ddeżinjati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

81      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi jew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jiddeżinjaw. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI — easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II-43, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

82      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI — Atlana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

83      Fl-aħħar, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark fil-kuntest tal-eżami tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, anki fir-rigwrad ta’ trade mark preċedenti li jkollha karattru distintiv dgħajjef, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, partikolarment, minħabba xebh tas-sinjali, tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SPA GROUP, punt 78 iktar ’il fuq, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, jeħtieġ jiġi rrilevat qabel xejn li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-konsumatur medju Spanjol. Fil-fatt, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ebda kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, minn naħa, il-prodotti inkwistjoni huma intiżi għal konsumaturi finali li jifformaw parti mill-pubbliku inġenerali u, min-naħa l-oħra, it-trade mark verbali preċedenti ġiet irreġistrata fi Spanja.

 Fuq il-paragun tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti

85      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“ħalib, krema, xarbiet tal-ħalib li fihom il-ħalib huwa l-ingredjent predominanti”, koperti mit-trade mark verbali preċedenti, jixxiebħu ħafna mal-“ġobnijiet” koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Fl-opinjoni tagħha, ma jeżistix xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni jew li dak ix-xebh huwa dgħajjef.

86      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-metodu tal-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra, bħalma huma l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI — Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, Ġabra p. II-2579, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata].

87      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-“ġobnijiet”, koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, huma prodotti alimentari ffabrikati, interament jew kważi, abbażi tal-“ħalib”, liema prodott jifforma parti mill-prodotti koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Għaldaqstant, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi r-rikorrenti, il-prodotti koperti mill-imsemmija sinjali ma humiex distinti ħafna min-natura tagħhom, iżda għall-kuntrarju jippreżentaw ċertu xebh. Dan ix-xebh huwa kkonfermat mill-fatt li, kif ġustament isostni l-UASI, il-“ħalib” u l-“ġobnijiet” jistgħu jiġu preċepiti bħala prodotti kompetittivi jew sostitwibbli minn konsumatur li jkun jixtieq dieta alimentari b’kontenut għoli ta’ kalċju. L-argumenti tar-rikorrenti li l-prodotti inkwistjoni għandhom kontenuti alimentari u togħmiet differenti ma jikkontestawx dik il-konstatazzjoni.

88      Fit-tieni lok, anki li kieku kien veru li, kif issostni r-rikorrenti, produtturi kbar Spanjoli tal-ġobon ma jipproduċux ħalib, dan madankollu ma jkunx jippermetti li jiġi eskluż li, kif ġustament josserva l-UASI, dak il-fattur jista’ ma jkunx magħruf mill-konsumatur medju Spanjol. Fil-fatt, dan tal-aħħar jista’ jaħseb li l-ġobnijiet u l-ħalib jirriżultaw mill-istess impriżi, fid-dawl tal-fatt li l-ġobnijiet huma prodotti interament jew kważi mill-ħalib.

89      Fit-tielet lok, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li, kif enfasizza l-UASI, il-prodotti inkwistjoni għandhom l-istess ċirkwit ta’ distribuzzjoni, jiġifieri partikolarment is-supermarkits, u li, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, jinbiegħu fl-istess faxex ta’ prodotti tal-ħalib tal-imsemmija supermarkits.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li l-prodotti inkwistjoni kienu simili ħafna. Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-paragun tas-sinjali inkwistjoni

91      Ir-rikorrenti ssostni jew li ma hemmx xebh bejn iż-żewġ sinjali inkwistjoni jew li hemm biss xebh dgħajjef bejniethom.

92      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara, s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fl-ewwel lok, fil-livell viżiv, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali inkwistjoni evalwati fl-intier tagħhom, kienu simili. F’dak ir-rigward, huwa rrileva, essenzjalment, li, għalkemm iż-żewġ trade marks kunfliġġenti huma ta’ tulijiet differenti minħabba l-ewwel erba’ ittri, “b”, “e”, “l” u “l”, tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, xorta jibqa’ l-fatt li, anki jekk din tal-aħħar tiġi perċepita bħala ħaġa waħda, ma huwiex probabbli wisq li l-konsumaturi ma jinnotawx il-fatt li ż-żewġ trade marks għandhom komuni bejniethom it-tliet ittri “r”, “a” u “m”, li jirrappreżentaw kważi nofs is-sinjal li ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tiegħu.

94      Ir-rikorrenti topponi dik l-evalwazzjoni billi ssostni li ma huwiex probabbli wisq li l-konsumaturi jinnotaw il-koinċidenza tal-aħħar tliet ittri, “r”, “a” u “m”, fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u fit-trade mark verbali preċedenti, peress li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, it-trade marks komposti minn kelma waħda jiġu perċepiti bħala ħaġa waħda u mhux bħala li huma komposti minn elementi differenti.

95      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li jeżisti nuqqas ta’ xebh viżiv bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-ewwel trade mark verbali preċedenti, li jirriżulta mill-fatt li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludi sitt ittri filwaqt li l-ewwel trade mark verbali preċedenti tinkludi biss tlieta, u li l-ewwel erba’ ittri tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha huma distinti minn dawk li jikkomponu l-ewwel trade mark verbali preċedenti. Madankollu, dawk l-elementi ta’ nuqqas ta’ xebh ma humiex suffiċjenti sabiex jeliminaw fir-rigward tal-konsumatur rilevanti l-impressjoni li dawk it-trade marks, evalwati globalment, huma simili fuq il-livell viżiv, fid-dawl tal-elementi tagħhom ta’ xebh. Fl-ewwel lok, kif irrileva l-Bord tal-Appell, il-fatt li waħda miż-żewġ sillabi li jikkomponu t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija identika għas-sillaba waħda li tikkomponi l-ewwel trade mark verbali preċedenti kien joħloq impressjoni ta’ xebh bejn l-imsemmija trade marks. Fit-tieni lok, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi r-rikorrenti, il-fatt li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tiġi perċepita bħala ħaġa waħda, ma jikkontestax ix-xebh eżistenti bejn it-trade marks inkwistjoni minħabba l-fatt li t-trade mark preċedenti verbali hija kontenuta internament fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Fit-tielet lok, dak ix-xebh ma huwiex, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, imsaħħaħ mill-fatt li s-sillaba komuni għal dawk iż-żewġ trade marks, jiġifieri “ram”, tikkostitwixxi biss it-tieni sillaba fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha meta minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-konsumaturi normalment jagħtu iktar importanza lill-bidu tas-sinjali. Fil-fatt, it-terminu li jikkomponi t-trade mark verbali preċedenti, “ram”, u dak li jikkomponi t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, “bellram”, li huma ta’ tul ta’ tliet u seba’ ittri rispettivament, huma, f’dawk iż-żewġ każijiet, sinjali qosra. F’dawk il-kundizzjonijiet, l-identità fiż-żewġ trade marks inkwistjoni tas-sillaba “ram” hija ta’ natura li tattira u żżomm partikolarment l-attenzjoni tal-konsumatur rilevanti.

96      Għaldaqstant, hemm lok, min-naħa, li jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti f’dak ir-rigward u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li, evalwati fl-intier tagħhom, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti jippreżentaw xebh fuq il-livell viżiv.

97      Fit-tieni lok, fuq il-livell fonetiku, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks inkwistjoni, evalwati fl-intier tagħhom, kienu simili. Minn naħa, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija ppronunzjata f’żewġ sillabi. Min-naħa l-oħra, skont ir-regoli tal-pronunzja Spanjola, l-aċċent jinsab fuq it-tieni sillaba li hija identika għall-unika sillaba li tikkomponi t-trade mark verbali preċedenti. Barra minn hekk, dik it-tieni sillaba tibda bl-ittra “r” li huwa ħoss qawwi ħafna u distint fl-Ispanjol.

98      Ir-rikorrenti tikkontesta dik l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fid-dawl tar-regoli tal-pronunzja fl-Ispanjol, ikun żball jekk jiġi kkunsidrat li l-aċċent ta’ kelma jaqa’ neċessarjament fuq l-aħħar sillaba. F’dak ir-rigward, il-pronunzja aċċentwata tkun tiddependi fuq l-aċċentwazzjoni u ċerti kliem ta’ diversi sillabi ma jkollhom l-ebda aċċentwazzjoni. Sussegwentement, l-ittra “r” ma hijiex tonika.

99      Jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabel kollox, bħalma jagħmel il-Bord tal-Appell, li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinkludi sillaba żejda meta mqabbla ma’ dik li tikkomponi l-ewwel trade mark verbali preċedenti u li l-ewwel waħda minn dawk iż-żewġ sillabi li jikkomponu t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija differenti minn dik li tikkomponi t-trade mark verbali preċedenti. Madankollu, dawk l-elementi ta’ nuqqas ta’ xebh ma humiex suffiċjenti sabiex ixejnu fi ħsieb il-konsumatur rilevanti l-impressjoni li dawk it-trade marks, evalwati globalment, huma simili fuq il-livell fonetiku, fid-dawl tal-elementi ta’ xebh tagħhom. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-imsemmija trade marks huma komposti minn sillaba identika, minn naħa, li tikkostitwixxi l-unika element verbali li jikkomponi l-ewwel trade mark verbali preċedenti u, min-naħa l-oħra, li hija waħda miż-żewġ sillabi li jikkomponu t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Fit-tieni lok, anki jekk jiġi preżunt li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li, fl-Ispanjol, l-aċċent fil-prinċpju, jitpoġġa fuq it-tieni sillaba, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx, f’dan il-każ, li l-aċċent jitpoġġa fuq l-ewwel sillaba minflok fuq it-tieni waħda, b’tali mod li l-pronunzja tal-ewwel sillaba tnaqqas l-importanza tat-tieni waħda. F’dawk il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-konsumatur rilevanti jkun jista’ xorta waħda jipperċepixxi b’mod distint ix-xebh fonetiku bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti fid-dawl tal-identità tas-sillaba “ram” fit-trade marks kunfliġġenti. Fit-tielet lok, anki jekk jista’ jiġi kkunsidrat, fil-prinċipju, li l-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 95 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-fatt li t-trade marks inkwistjoni huma żewġ sinjali qosra, l-identità tas-sillaba “ram” fit-trade marks inkwistjoni hija ta’ natura li tattira u żżomm b’mod partikolari l-attenzjoni tal-konsumatur rilevanti meta din tiġi ppronunzjata. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk, kif tippretendi r-rikorrenti, il-konsonanti “r” ma hijiex fil-prinċipju, tonika fl-Ispanjol, xorta jibqa’ l-fatt li din hija konsonanti qawwija u distintiva ta’ natura li taċċentwa l-importanza fonetika tat-tieni sillaba tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

100    F’dawk il-kundizzjonijiet, hemm lok, minn naħa, li jinċaħdu bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti f’dak ir-rigward u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkonstatat li jeżisti xebh fonetiku bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark verbali preċedenti, evalwati fl-intier tagħhom.

101    Fit-tielet lok, fuq il-livell kunċettwali, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-paragun kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni ma kienx ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom. Hemm lok li tiġi kkonfermata dik il-konstatazzjoni, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, peress li, kif ġustament irreleva l-Bord tal-Appell, l-ebda wieħed miż-żewġ sinjali inkwistjoni, meħuda fl-intier tagħhom, ma għandu sinifikat.

102    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 96, 100 u 101 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li s-sinjali inkwistjoni, evalwati fl-intier tagħhom, huma simili, fid-dawl, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, tax-xebh viżiv u fonetiku u minħabba, barra minn hekk, li n-nuqqas ta’ sinjifikat tagħhom ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

103    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, qabel xejn, fil-punti 37 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark verbali preċedenti kellha karattru distintiv miksub, fid-dawl tal-provi ta’ użu intensiv tat-trade mark prodotti mill-intervenjenti. Sussegwentement, huwa kkunsidra, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-karattru distintiv miksub tat-trade mark verbali preċedenti, tax-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali u tax-xebh kbir bejn il-prodotti, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Fl-aħħar, huwa ppreċiża, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni anki jekk it-trade mark verbali preċedenti kellha biss karattru distintiv medju.

104    Ir-rikorrenti topponi dik l-evalwazzjoni billi ssostni, fl-ewwel lok, fil-kuntest tar-raba’ u l-ħames motiv, li l-Bord tal-Appell ma setgħax jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark verbali preċedenti safejn l-intervenjenti ma ressqet l-ebda argument f’dak ir-rigward fit-termini stabbiliti. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, partikolarment minħabba l-fatt li s-sinjal BELLRAM huwa kompost minn kelma waħda biss u minħabba l-karattru uniformi u ġdid tat-terminu “bellram”.

105    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, safejn il-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn konsumaturi finali medji (ara l-punt 84 iktar ’il fuq), li l-prodotti inkwistjoni huma simili ħafna (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), u li s-sinjali inkwistjoni huma simili (ara l-punt 102 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, indipendentement minn jekk it-trade mark verbali preċedenti tgawdix jew le minn karattru distintiv qawwi jew dgħajjef.

106    F’dawk il-kundizzjonijiet, anki jekk jista’ jiġi kkunsidrat li l-bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti, dan ma jvarjax il-konstatazzjoni li huwa kkonkluda ġustament favur l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

107    L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jikkonfutaw il-konklużjoni esposta fil-punt 106 iktar ’il fuq.

108    Fl-ewwel lok, safejn ir-rikorrenti ssostni li l-element “ram” jikkonserva l-pożizzjoni distintiva awtonoma tiegħu fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, hemm lok li jiġi kkonstatat li dak l-argument, li r-rikorrenti qajmet ukoll fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali inkwistjoni, għandu jiġi miċħud għall-motivi esposti fil-punti 95 u 99 iktar ’il fuq.

109    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li din tal-aħħar ikkunsidrat, f’kawżi li jikkonċernaw trade marks oħra bħal dawk inkwistjoni, li l-eżistenza ta’ sillaba komuni ma hijiex suffiċjenti sabiex tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni, dan għandu jinċaħad bħala infondat. Fil-fatt, il-konstatazzjoni f’kawża partikolari li l-eżistenza ta’ sillaba waħda komuni għal żewġ trade marks kunfliġġenti ma hijiex suffiċjenti sabiex toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni hija marbuta mal-fatti tal-kawża odjerna u ma tistax tikkonfuta l-evalwazzjoni li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, ma wettaqx żbalji fid-dawl tal-konstatazzjonijiet riprodotti fil-punt 102 iktar ’il fuq.

110    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u l-ħames motiv għandu bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

111    Peress li l-motivi kollha ppreżentati mir-rikorrenti għandhom jinċaħdu, hemm lok li jinċaħad ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Lidl Stiftung & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tas-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball relatat mal-prodotti koperti mit-trade mark verbali preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami dwar il-probabbiltŕ ta’ konfużjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji marbuta mal-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti

Fuq ir-raba’ u l-ħames motiv, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ evalwazzjoni relatat mal-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti u fuq żbalji fil-paragun tas-sinjali inkwistjoni

Fuq il-paragun tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti

Fuq il-paragun tas-sinjali inkwistjoni

Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.