Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta Ġunju 2012 - GDF Suez vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-370/09) 

("Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Ġermaniż u dak Franċiż tal-gass naturali - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Tqassim tas-suq - Tul tal-ksur - Multi")

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: GDF Suez (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Gunther u C. Breuvart, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, A. Bouquet u R. Sauer, aġenti)

Suġġett

Prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5355 finali, tat-8 ta' Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 - E.ON/GDF), u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Dispożittiv

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5355 finali, tat-8 ta' Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 - E.ON/GDF), huwa annullat, minn naħa, sa fejn jikkonstata li l-ksur dam għaddej mill-1 ta' Jannar 1980 sa minn tal-inqas l-24 ta' April 1998, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, sa fejn jikkonstata l-eżistenza ta' ksur imwettaq fi Franza bejn it-13 ta' Awwissu 2004 u t-30 ta' Settembru 2005.

L-ammont tal-multa imposta fuq GDF Suez SA fl-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni C (2009) 5355 finali huwa stabbilit għal EUR 320 miljun.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 282, 21.11.2009.