Language of document : ECLI:EU:T:2015:859

Kawża T‑361/13

(pubblikazzjoni f’estratti)

Menelaus BV

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali VIGOR – Trade marks Komunitarja u internazzjonali figurattivi preċedenti VIGAR – Ammissibbiltà tal-provi tal-użu ppreżentati fuq CD-ROM – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi komplementari mhux ippreżentati fit-terminu mogħti – Użu ġenwin mit-trade marks preċedenti – Artikolu 15 u Artikolu 57(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Forma li tinbidel permezz ta’ elementi li ma jibdlux il-karattru distintiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-18 ta’ Novembru 2015

1.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Eżami tat-talba – Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Rekwiżit ta’ provi konkreti u oġġettivi – Metodi u mezzi ta’ prova – Assenza ta’ limitazzjoni – Ammissibbiltà tal-provi ddepożitati fuq CD-ROM

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 57(2) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(4) u 40(6))

2.      Trade mark Komunitarja – Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ legalità – Ħtieġa ta’ eżami strett u komplet f’kull każ konkret

1.      Mir-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità kif emendat jirriżulta li l-lista ta’ mezzi ta’ provi (pakketti, katalogi, kontijiet, eċċ.) li hija tinkludi ma hijiex eżawrjenti, peress li tindika li dawn [“fil-prinċipju, huma limitati”] għal-lista ta’ eżempji indikati. Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-metodi u l-mezzi ta’ prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark ma humiex limitati. F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-mezzi ta’ prova bħal materjal awdjo jew vidjo, bħal riklami mxandra fuq ir-radju jew it-televixin, ma humiex esklużi. Issa, dawn huma ġeneralment disponibbli fuq support informatiku bħal CD-ROM jew USB key u ma jistgħux jiġu ppreżentati fuq support tal-karta jew f’folder diġitali ta’ tali dokument.

Dan ma jgħoddx għall-mezzi ta’ prova bħal kontijiet jew katalogu, li setgħu jiġu ppreżentati fuq support tal-karta jew permezz ta’ fajl li jinkludi scan tad-dokumenti, iżda li ġew maħżuna fuq CD-ROM sabiex jiġu ddepożitati. Anki jekk il-prinċipji mfakkra iktar 'il fuq ma jipprekludux provi taħt il-forma ta’ CD-ROM, il-kwistjoni mqajma tikkonċerna qabel xejn il-modi ta’ trażmissjoni tal-provi lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 li jikkonċernaw speċifikament it-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju ma jipprekludux it-trażmissjoni ta’ provi fuq CD-ROM.

Ma huwiex eskluż li l-preżentazzjoni ta’ provi fuq CD-ROM li jinkludi diversi fajls elettroniċi tista’ trendi iktar diffiċli l-analiżi tal-provi hekk ippreżentati meta mqabbla ma’ support tal-karta jew sempliċi folder li jinkludi scan tad-dokumenti, li jippermetti faċilment ir-riproduzzjoni identika tagħhom billi jiġu stampati. F’dan ir-rigward, huma l-partijiet li jippreżentaw il-provi ta’ użu fuq CD-ROM li għandhom jiżguraw li l-faċilità tagħhom li jinqraw ma tikkompromettix il-valur probanti tagħhom.

(ara l-punti 23-29, 34, 35)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 37, 38)