Language of document : ECLI:EU:T:2009:350

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

23 Settembru 2009 (*)

“Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Polonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 – Terminu ta’ tliet xhur – Kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal‑Kummissjoni – Trattament ugwali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 9(1) u (3) u Artikolu 11(2) tad‑Direttiva 2003/87”

Fil-Kawża T‑183/07,

Ir-Repubblika tal-Polonja, inizjalment irrappreżentata minn E. Ośniecka-Tamecka, wara minn T. Nowakowski, wara minn T. Kozek, wara minn M. Dowgielewicz u fl-aħħar minn Dowgielewicz, M. Jarosz u M. Nowacki, bħala aġenti,

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas, R. Somssich u M. Fehér, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Slovakka, inizjalment irrappreżentata minn J. Čorba, wara minn B. Ricziová, bħala aġenti

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn Z. Bryanston-Cross u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn H. Mercer, barrister, wara minn I. Rao u S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn J. Maurici, barrister,

intervenjent

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, totali jew parzjali, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1295 finali, tat-26 ta’ Marzu 2007, li tirrigwarda l-pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Polonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Leġiżlazzjoni internazzjonali u Komunitarja dwar Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima u l‑Protokoll ta’ Kyoto

1        Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima adottata f’New York fid-9 ta’ Mejju 1992 (iktar ’il quddiem l‑“UNFCCC”), approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1993 dwar il-konklużjoni tal‑Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal‑Klima (ĠU 1994, L 33, p. 11), għandha l-għan aħħari li tinkiseb stabbilizzazzjoni fil-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi kull indħil perikoluż antropoġeniku fis-sistema tal‑klima. L-Anness I tal-UNFCCC fih lista ta’ Stati Membri kontraenti, li fosthom tidher ir-Repubblika tal-Polonja li, barra minn hekk, hija kklassifikata fil-kategorija ta’ pajjiżi fi tranżizzjoni lejn ekonomija tas‑suq. L-UNFCCC daħlet fis-seħħ fil-Komunità fil-21 ta’ Marzu 1994. L-UNFCCC ġiet irrattifikata mir-Repubblika tal-Polonja fit-28 ta’ Lulju 1994 u daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Ottubru 1994.

2        Sabiex jintlaħaq l-għan aħħari tal-UNFCCC, il-Protokoll ta’ Kyoto għall‑UNFCCC ġie adottat fil-11 ta’ Diċembru 1997 (Deċiżjoni 1/CP.3: “Adozzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto [għall-UNFCCC]”. Fl-Anness A tal‑Protokoll ta’ Kyoto, tidher lista ta’ gassijiet serra u dik ta’ setturi/kategoriji ta’ sorsi koperti mill-Protokoll ta’ Kyoto. Fl-Anness B tal-Protokoll ta’ Kyoto tidher il-lista tal-partijiet kontraenti għall-Protokoll ta’ Kyoto flimkien mal-impenji kkwantifikati ta’ limitazzjoni jew ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet.

3        Fil-25 ta’ April 2002, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002 dwar l‑approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-[għall-UNFCCC] u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, p. 1). Il‑Protokoll ta’ Kyoto, kif ukoll l-Annessi A u B tiegħu, ġie riprodott fl‑Anness I tad-Deċiżjoni 2002/358. It-tabella tal-impenji kkwantifikati ta’ limitazzjoni jew ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, intiża sabiex tistabbilixxi l-kwantitajiet rispettivi ta’ emissjonijiet attribwiti lill‑Komunità u lill-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto, tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2002/358.

4        Ir-Repubblika tal-Polonja, min-naħa tagħha, irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto fit-13 ta’ Diċembru 2002. Il‑Protokoll ta’ Kyoto daħal fis-seħħ fil-Komunità u fir-Repubblika tal-Polonja fis-16 ta’ Frar 2005.

II –  Leġiżlazzjoni dwar l-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18), jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità [...] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

6        L-Artikolu 9 tad-Direttiva jipprovdi kif ġej :

“ 1.      Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il‑pjan għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr prġudizzju għat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal 31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implementazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

Għall-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1), il-pjan għandu jiġi ppjanat [ppublikat] u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2004. Għall-perjodi sussegwenti taż-żmien, il-pjan għandu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas 18-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien rilevanti.

2. Il‑pjani ta’ l-allokazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati ġewwa l-kumitat riferit fl-Artikolu 23(1) [tad-Direttiva].

3. Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni.”

7        Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva :

“2. Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.”

8        L-Anness III tad-Direttiva jelenka tnax-il kriterju applikabbli għall‑pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni. Il‑kriterji Nru 1 sa 3, 5 u 6, 10 u 12 tal‑Anness III jipprovdu rispettivament dan li ġej :

“1. Il‑kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto, fil-waqt li jitqiesu, minn banda waħda, l-proporzjon ta’ l-emissjonijiet ġenerali li dawn l-emissjonijiet [il-kwoti] jirrappreżentaw f’paragun ma’ l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b’din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il‑kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness.Qabel is-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti […] [mal-ilħiq tal-mira] [tiegħu] skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto [jew ma’ riżultat aħjar minn dan].

2.      Il‑kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li trid tiġi allokata għandha tkun konsistenti ma’ l-istimi tal-progress attwali u proġettati sabiex iwettqu l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri għall-impennji Komunitarji magħmula skond id-Deċiżjoni 93/389/KEE.


3.      Il‑kwantitajiet tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu konsistenti mal-potenzali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ l-attiviajiet koperti b’din l-iskema sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jsejsu d-distribuzzjoni tagħhom tal-kwoti fuq l-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra skond il-prodott f’kull attività u l-progress li jista’ jinkiseb f’kull attività.

[…]

5. Il‑pjan ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpaniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 87 u 88 tiegħu.

6. Il‑pjan għandu jkun fih tagħrif dwar il-manjiera li fiha dawk li jidħlu ġodda jkunu kapaċi li jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja fl-Istati Membri interessati.

[…]

10. Il‑pjan għandu jkun fih lista ta’ l-istallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċessonijiet maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda.

[…]

12.      Il‑pjan għandu jispeċifika l-ammont massimu ta’ [tnaqqis ta’ emissjonijiet iċċertifikati] u [unitajiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet] li jista’ jintuża minn operaturi fl-iskema tal-[K]omunità bħala persentaġġ ta’ l-allokazzjoni tal-kwoti għal kull stallazzjoni. Il‑persentaġġ għandu jkun konsistenti ma’ l-obbligi supplimentari ta’ l-Istati Membri taħt il-Protokoll ta’ Kjoto u d-deċiżjonijiet adottati skond il-UNFCCC jew il-Protokoll ta’ Kjoto.”

 Il‑fatti li wasslu għall-kawża

9        B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2006, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva bil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 (iktar ’il quddiem il-“PNA”). Skont il-PNA, ir-Repubblika tal-Polonja kellha l-intenzjoni talloka lill‑industrija nazzjonali tagħha koperta mid-Direttiva medja annwali totali ta’ 284,648332 miljun tonnellata-ekwivalenti ta’ dijossidu tal‑karbonju (CO2).

10      Il‑PNA ntbagħat flimkien ma’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2006, tal‑Ministeru tal-Ambjent Pollakk, għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, fejn ġie indikat li “it-tabelli li fihom id-data preċedenti, kif ukoll il‑previżjonijiet ta’ emissjonijiet inkwistjoni fl-Anness 10 tal-linji gwida msemmija iktar ’il fuq ser jintbagħtu lill-Kummissjoni malli tkun riċevuta d-data aġġornata indispensabbli” u li “[i]l-verżjoni definittiva tal-lista nominattiva tal‑operaturi ta’ stallazzjonijiet u l-ammont ta’ kwoti allokati lilhom ser jintbagħtu lill-Kummissjoni wara l-adozzjoni fil‑Kunsill tal-Ministri”.

11      B’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006 indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni rrilevat li, wara eżami preliminari tal-PNA, dan tal‑aħħar ma kienx komplet u li, f’dan l-istadju, ma kienx kompatibbli mal-kriterji Nru 2 u 5 tal-Anness III tad-Direttiva. Għaldaqstant, hija stiednet lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tirrispondi, f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol, għal diversi domandi u talbiet ta’ informazzjoni addizzjonali. Il‑Kummissjoni żiedet li kienet f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni fuq il-PNA l-iktar tard fi żmien tlett xhur wara li tirċievi l-informazzjoni kompleta.

12      B’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2006, il-viċi segretarju tal-Istat tal-Ministeru tal-Ambjent Pollakk talab lill-Kummissjoni tipposponi t-terminu stabbilit sabiex jippreżenta r-risposta tiegħu għall-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006 sat-tmiem tat-tielet ġimgħa tax-xahar ta’ Novembru 2006 u b’mod partikolari sostna li dan iż-żmien addizzjonali kien jippermettilu jipprepara informazzjoni eżatta u jippreċiża aspetti essenzjali, u dan kien ikollu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproċedi għal evalwazzjoni korretta u realment kompleta tad‑dokument ippreżentat.

13      Ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet għall-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006 b’ittra tad-29 ta’ Diċembru 2006. B’ittra tad-9 ta’ Jannar 2007, hija kkomunikat xi informazzjoni addizzjonali.

14      Fis-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat, skont id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva, id-Deċiżjoni C(2007) 1295 finali dwar il-PNA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, essenzjalment, ksur ta’ diversi kriterji tal-Anness III tad-Direttiva u, għaldaqstant, naqqset bi 76,132937 CO2 il-kwantita totali annwali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet stabbiliti fil-PNA sabiex stabbilixxiet il-limitu għal 208,515395 CO2.

15      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi dan li ġej:

“L-ewwel Artikolu

L-aspetti li ġejjin tal-[PNA] għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva huma inkompatibbli, rispettivament, ma’:

1.      il-kriterji [Nru] 1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva: il-frazzjoni tal-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati - ekwivalenti għas‑somma tal-volum annwali ta’ emissjonijiet ta’ 76,132937 [CO2], tal-livell ta’ aġġustament konsekuttiv għal kull tnaqqis tan-numru ta’ stallazzjonijiet u ta’ għoxrin fil-mija tal‑kwantità totali ta’ kwoti allokati mir-[Repubblika tal-]Polonja skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva – mhijiex konformi mal‑istimi mwettqa skont id-Deċiżjoni 280/2004/KE u mhijiex kompatibbli mal-potenzjal, inkluż dak teknoloġiku, ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ attivitajiet li jaqgħu fis-sistema Komunitarja ; din il-frazzjoni titnaqqas sal-livell tal-kwoti allokati minħabba proġetti li jirrigwardaw l-istallazzjonijiet koperti mid-Direttiva, li kienu qed jitwettqu fl-2005, u li ppermettew matul din l-istess sena li jitnaqqsu jew li jiġu llimitati l‑emissjonijiet tagħhom, meta jkun hemm data ġġustifikata u ivverifikata; barra minn hekk, il-frazzjoni tal-kwantità totali ta’ kwoti, potenzjalment ekwivalenti għal 6,2884 [CO2] fis-sena korrispondenti għall-emissjonijiet addizzjonali tal‑istallazzjonijiet ta’ kombustjoni, inkwantu dawn l-emissjonijiet mhumiex marbuta esklużivament mal-iżvilupp, minn dawn l‑istallazzjonijiet, ta’ attivitajiet ġodda u mhumiex sostnuti minn data ġġustifikata u vverifikata, skont il-metodoloġija ġenerali tal-[PNA];

2.      il-kriterju [Nru] 5 tal-Anness III tad-Direttiva: l-allokazzjoni lil ċerti stallazzjonijiet ta’ kwoti ogħla mill-bżonnijiet stmati minħabba r‑rikonoxximent tal-miżuri meħuda fi stadju bikri, tal-użu tal‑bijomassa jew tal-koġenerazzjoni;

3. il-kriterju [Nru] 6 tal-Anness III tad-Direttiva: l-informazzjoni fuq il-mod li bih il-parteċipanti ġodda jistgħu jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja;

4.      il-kriterju [Nru] 10 tal-Anness III tad-Direttiva: l-intenzjoni tar‑[Repubblika tal-] Polonja li tittrasferixxi l-kwoti inizjalment allokati lill-istallazzjonijiet tas-settur tal-produzzjoni tal‑kokk lejn iċ-ċentrali elettriċi fil-każ ta’ bejgħ, minn dawn l‑istallazzjonijiet, ta’ gass tal-kokk liċ-ċentrali elettriċi;

5.      il-kriterju [Nru]12 tal-Anness III tad-Direttiva: il-kwantità massima ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet iċċertifikati u ta’ unità ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet li l-operaturi jistgħu jużaw fl-iskema Komunitarja, taħt il-forma ta’ perċentwali ta’ kwoti allokati lil kull stallazzjoni, iffissata għal 25%, ma tikkonformax mal-obbligi supplimentari tar-[Repubblika tal-]Polonja li jirriżultaw mill‑Protokoll ta’ Kyoto u mad-deċiżjonijiet adottati skont l‑UNFCCC jew il-Protokoll ta’ Kyoto, inkwantu din hija ogħla mil-limitu ta’ 10 %.

Artikolu 2

Mhux ser jitqajmu oġġezzjonijiet għall-[PNA], suġġett għall-fatt li l-emendi iktar ’il quddiem jitwettqu b’mod mhux diskriminatorju u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun, fid-dawl tat-termini neċessarji għat-twettiq tal-proċedura nazzjonali mingħajr dewmien mhux ġustifikat:

1. il-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni fil-kuntest tal-iskema Komunitarja titnaqqas sas-somma: tal-volum annwali ta’ emmissjonijiet ta’ 76,132937 [CO2], tal-livell ta’ aġġustament konsekuttiv għal kull tnaqqis tan-numru ta’ stallazzjonijiet u ta’ għoxrin fil-mija tal kwantità totali ta’ kwoti allokati mir-[Repubblika tal-]Polonja skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva; il-kwoti allokati lill-istallazzjonijiet ta’ kombustjoni addizzjonali huma ddeterminati skont il-metodoloġija ġenerali indikati fil-[PNA], fuq il-bażi tad‑data tal-emissjonijiet ġġustifikata u vverifikata, li ma tikkonċernax l-attivitajiet il-ġodda tagħhom, filwaqt li l‑kwantità totali titnaqqas sal-ammont ta’ kull differenza bejn il‑kwoti allokati lill-istallazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u l-6,2884 [CO2], korrispondenti għar-riżerva annwali tal-kwoti allokati għal dawn l-istallazzjonijiet; il-kwantità totali tiżdied bil-kwoti allokati minħabba proġetti li jirrigwardaw l-istallazzjonijiet koperti mid‑Direttiva, li kienu qed jitwettqu matul l-2005, u li ppermettew matul din l-istess sena li jitnaqqsu jew li jiġu llimitati l-emissjonijiet tagħhom, inkwantu dan it-tnaqqis jew dawn il-limitazzjonijiet huma sostnuti data ġġustifikata u vverifikata;

2.      il-kwoti allokati lil-istallazzjonijiet mhumiex ogħla mill‑bżonnijiet stmati, minħabba r-rikonoxximent tal-miżuri meħuda fi stadju bikri, tal-użu tal-bijomassa jew tal‑koġenerazzjoni;

3.      informazzjoni hija pprovduta fuq il-mod kif il‑parteċipanti ġodda jkunu jistgħu jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja, b’mod konformi mal-Anness III tad-[Direttiva] u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 ta’ din tal-aħħar;

4.      il-kwantita ta’ kwoti allokata lil waħda mill-istallazzjonijiet imsemmija fil-[PNA] u li għandha attività fuq it-territroju nazzjonali kollu ma tistax tiġi aġġustata minħabba l-għeluq ta’ istallazzjoni oħra preżenti fuq dan it-territorju;

5.      il-limitu massimu ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet iċċertifikati u tal-unitajiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet li l-operaturi jistgħu jużaw fl-iskema Komunitarja, taħt forma ta’ perċentwali ta’ kwoti allokata lil kull stallazzjoni, jitnaqqas b’mod li mhuwiex ogħla mil-limitu ta’ 10 %.

Artikolu 3

1.      Il‑kwantità totali annwali medja ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mir‑[Repubblika tal-Polonja] skont [il-PNA] lill‑istallazzjonijiet imsemmija f’dan il-pjan u għall-parteċipanti l-ġodda – imnaqqsa, minn naħa, sal-livell tas-somma, tal-livell ta’ aġġustament konsekuttiv għal kull tnaqqis tan-numru ta’ stallazzjonijiet u ta’ għoxrin fil-mija tal kwantità totali ta’ kwoti allokati mir‑[Repubblika tal-]Polonja skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, sal-ammont tad-differenza bejn il-kwoti allokati lill-istallazzjonijiet ta’ kombustjoni addizzjonali u l‑6,2884 miljun tunnellata korrispondenti għar-riżerva annwali għal dawn l-istallazzjonijiet, flimkien mal-kwoti allokati minħabba proġetti li jirrigwardaw l-istallazzjonijiet koperti mid‑Direttiva, li kienu qed jitwettqu matul l-2005, u li ppermettew matul din l-istess sena li jitnaqqsu jew li jiġu llimitati l-emissjonijiet tagħhom, inkwantu dan it-tnaqqis jew dawn il-limitazzjonijiet, sa fejn dan it-tnaqqis jew limitazzjonijiet jirriżultaw esklużivament mit-tkabbir tal-gamma tal-attivitajiet tagħhom u huma bbażati fuq data ġġustifikata u vverifikata – hija ekwivalenti għal 208,515395 [CO2] u ma nqabżitx.

2.      Il‑[PNA] jista’ jiġi emendat mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni jekk l-emenda tirrigwarda l-kwoti allokati lil ċerti stallazzjonijiet, fil-limiti tal-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lill-istallazzjonijiet imsemmija fil-pjan, b’konsegwenza ta’ titjib fil-kwalità tad-data, jew jekk tikkonsisti fi tnaqqis tal-perċentwali ta’ kwoti għall‑allokazzjoni b’xejn fil-limiti ddefiniti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva.

3.      Kull emenda tal-[PNA] meħtieġa sabiex jiġu korretti l‑inkompatibbiltajiet indikati fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, iżda li tevita dawk imsemmija fl-Artikolu 2, għandha tiġi nnotifikata l-iktar fiss possibbli, fid-dawl tat-termini neċessarji għat-twettiq tal-proċeduri nazzjonali mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, u teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal‑Kummissjoni, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva. Kull emenda oħra tal-[PNA], bl-eċċezzjoni ta’ dawn meħtieġa mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, hija inammissibbli.

Artikolu 4

Ir-Repubblika tal-Polonja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.”

 Il‑proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Mejju 2007, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir-Repubblika tal-Polonja talbet sabiex tingħata deċiżjoni permezz tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. B’deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza (il-Ħames Awla) ċaħdet din it-talba.

18      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, u lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

19      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fis-7 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet lill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tad-9 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Awwissu 2007, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-5 ta’ Ottubru 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta dan l-intervent. Ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fid‑19 ta’ Diċembru 2007. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal‑Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika tal‑Polonja u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent ippreżentata mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Ottubru 2007, ir-Repubblika tal-Litwanja talbet sabiex tintervjeni fil‑kawża preżenti insostenn tar-Repubblika tal-Polonja. B’digriet tad‑19 ta’ Novembru 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal‑Prim’Istanza kkonstata li din it-talba kienet ġiet ippreżentata skont l‑Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura, iżda wara l-iskadenza tat‑terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tal-istess regoli. Għaldaqstant, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta din it-talba, iżda llimita d-drittijiet tar-Repubblika tal-Litwanja għal dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tal-istess regoli.

22      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-7 u fl-20 ta’ Frar 2008 rispettivament, ir-Repubblika Slovakka u r‑Repubblika tal-Ungerija talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar‑Repubblika tal-Polonja. B’digriet tal-10 ta’ April 2008, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstata li din it-talba ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura, iżda wara l‑iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tal‑istess regoli. Għaldaqstant, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta dawn iż-żewġ talbiet, iżda llimita d-drittijiet tar-Repubblika Slovakka u tar-Repubblika tal-Ungerija għal dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tal-istess regoli.

23      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż .

24      Il‑Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      B’mod ġenerali, kif jirriżulta wkoll minn sunt tal-motivi mqajma mir‑Repubblika tal-Polonja, li jinsab fl-aħħar parti tar-rikors, intitolat “Talbiet”, l-imsemmija motivi huma intiżi sabiex juru li d-deċiżjoni kkontestata “ġiet adottat[a] mill-Kummissjoni, minkejja li ma kellhiex kompetenza biex tagħhmel dan, bi ksur tar-regoli tal-forom proċedurali sostanzjali, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u billi eċċediet is-setgħat tagħha.”

26      B’mod iktar preċiż, insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal‑Polonja tqajjem disgħa motivi bbażati, essenzjalment, minn naħa fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 9(1) u (3) u l‑kriterji Nru 1 sa 3 u 12 tal-Anness III u tal-Artikolu 13(2) u, min-naħa l-oħra fuq il-ksur tad-dritt li ssir taf, waqt il-proċedura, bl-elementi ta’ fatt li fuq il-bażi tagħhom ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u b’dannu għas‑sigurtà tal-enerġija tagħha.

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kkontestata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva

A –  L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni kisret id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva minħabba l-fatt li, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li kienet tiddisponi minnu, skont dan l-artikolu, sabiex tiċħad il-PNA jew kwalunkwe aspett tiegħu (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ tliet xhur”) hija ma kellhiex iktar id-dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Dan it-terminu kien beda jiddekorri mid-data tan-notifikazzjoni tal-PNA, jiġifieri, f’dan il-każ, fit-30 ta’ Ġunju 2006. L-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2006, li fiha kienet talbet informazzjoni addizzjonali rigward il-PNA ma ssospendietx dan it-terminu. Insostenn tat-teżi tagħha, ir-Repubblika tal‑Polonja tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni (T‑178/05, Ġabra p. II-4807), u b’mod iktar partikolari l-punti 55 u 73 tagħha. Minn dan, hija tikkonkludi li, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u, min-naħa l-oħra, li għandu jiġi kkunsidrat li l-PNA kien ġie aċċettat mill-Kummissjoni.

28      B’mod iktar preċiż, jirriżulta mis-sentenza, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li, meta l-Kummissjoni ssostni li PNA mhuwiex komplet, hija tista’ biss tiċħad dan tal-aħħar u titlob in‑notifika ta’ PNA ġdid qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur. Għaldaqstant, fil-punt 7 tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-gwida addizzjonali fir-rigward tal-pjanijiet ta’ allokazzjoni għall-perijodu 2008-2012 tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet [COM (2005) 703 finali] ippubblikata fit-22 ta’ Diċembru 2005, il‑Kummissjoni żbaljat meta indikat li t-terminu ta’ tliet xhur beda jiddekorri biss fil-mument li ġie ppreżentat il-PNA komplet. Bl-istess mod, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni rrepetiet din l‑interpretazzjoni żbaljata tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-terminu ta’ tliet xhur billi indikat li kienet ser tadotta deċiżjoni f’terminu massimu ta’ tliet xhurli jidba jiddekorri mid-data meta hija tirċievi l-informazzjoni kompleta mitluba.

29      Fir-rigward tal-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006, ir-Repubblika tal-Polonja hija tal-opinjoni li din ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑PNA. It-talba tagħha għal estensjoni tat-terminu għar-risposta għal din l-ittra tirrigwarda t-terminu ta’ għaxart ijiem li kien inkluż fih u mhux it-terminu ta’ tliet xhur. Hija tosserva li, peress li ma pprovditx risposta għal din l-ittra qabel id-29 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ma adottat ebda deċiżjoni ta’ ċaħda. Issa, it-terminu ta’ tliet xhur ma jista’ jiġi interrottminn ebda att ta’ ebda mill-partijiet fil-proċedura.

30      Fl-aħħar, jekk jitqies li n-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali mitluba fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006 kien suffiċjenti sabiex jiġġustifika deċiżjoni ta’ ċaħda tal-PNA, il-Kummissjoni kienet b’hekk marbuta li tadotta tali deċiżjoni qabel it-30 ta’ Settembru 2006 u li titlob lir‑Repubblika tal‑Polonja biex tippreżenta PNA ġdid komplet.

31      Il‑Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, hija tal-opinjoni li, minkejja li dan mhuwiex ippreċiżat mid‑Direttiva, huwa raġjonevoli li jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ tliet xhur ma jistax jibda jiddekorri qabel in-notifika tal-PNA komplet. Skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali mal-Istati Membru, hija jkollha titlobhom jikkompletaw il-PNA mhux komplet, u dan fit-tliet xhur li jibdew jiddekorru min-notifikazzjoni tagħha. F’kull każ, hija tirrileva li, skont il-prattika amministrattiva kostanti, il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ tliet xhur għandu jinżamm bħala d-data ta’ reġistrazzjoni tal‑PNA nnotifikat quddiem is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, li f’dan il-każ, hija s-6 ta’ Lulju 2006.

B –  Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

32      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li ġejjin mhumiex ikkontestati mill-partijiet. Minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat il-PNA fit-30 ta’ Ġunju 2006 u din in-notifika kienet mehmuża ma’ ittra tal-Ministeru tal-Ambjent Pollakk li fiha ġie indikat espressament li ċertu numru ta’ elementi kienu nieqsa mill-PNA u li dawn kienu ser ikunu kkomunikati sussegwentement lill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rċeviet il-PNA fit-30 ta’ Ġunju 2006. Barra minn hekk, fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni indikat b’mod espress lir-Repubblika tal-Polonja li, fl-istat attwali tiegħu, il-PNA ma kienx komplet u kien inkompatibbli ma’ ċerti kriterji tal-Anness III tad-Direttiva u konsegwentement stidnietha sabiex tirrispondi għal diversi domandi u talbiet għal informazzjoni addizzjoni. Fl-aħħar, fit-30 ta’ Ottubru 2006, ir-Repubblika tal-Polonja talbet formalment għal estensjoni tat-terminu għar-risposta għad-domandi u għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali li jidhru fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006.

33      Qabel kollox, għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja, li huma intiżi biex juru li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ tliet xhur previst fl-artikolu 9(3) tad-Direttiva, minn naħa, beda jiddekorri fit-30 ta’ Ġunju 2006, u dan anki jekk il-PNA ma kienx komplet, u min-naħa l-oħra, skada fit-30 ta’ Settembru 2006.

34      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it‑terminu ta’ tliet xhur bdiex jiddekorri fit-30 ta’ Ġunju 2006 filwaqt li l-PNA nnotifikat ma kienx komplet, qabel kollox, hemm lok li jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, fit-tliet xhur wara n‑notifika ta’ PNA minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tiċħad dan il-PNA jew kull aspett tiegħu fil-każ ta’ inkompatibbiltà mal-kriterji tal-Anness III jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva.

35      It-tieni nett, kif iddeċidiet diġà il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma hemm l‑ebda raġuni sabiex jitqies li, meta jiġi nnotifikat PNA mhux komplet, it‑terminu ta’ tliet xhur li tiddisponi minnu l-Kummissjoni sabiex tiċħad PNA ma jistax jibda jiddekorri. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax, meta jinnotifika PNA li mhuwiex komplet, jipposponi b’mod indefinit it-teħid ta’ deċiżjoni tal‑Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva (sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 73).

36      It-tielet nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-setgħa ta’ stħarriġ u ta’ rifjut tal-Kummissjoni tal-PNA, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, hija ristretta ħafna, peress li għandha limiti kemm essenzjali u kemm ta’ żmien. Minn naħa, dan l-istħarriġ huwa limitat għall-eżami mill-Kummissjoni tal‑kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji tal-Anness III u mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva, u min-naħa l-oħra, għandu jitwettaq f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmi PNA mill-Istat Membru (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il‑Kummissjoni, T-387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 104; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑374/04, Ġabra p. II-4431, punt 116). Għall-bqija, fir-rigward tal-limiti taż-żmien, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jipprovdi biss terminu wieħed ta’ tliet xhur li fih il-Kummissjoni tista’ tippronunzja ruħha fuq il-PNA.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-Repubblika tal-Polonja sostniet ġustament li t-terminu ta’ tliet xhur beda jiddekorri min-notifika tal-PNA mir-Repubblika tal‑Polonja, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2006.

38      Din il-konstatazzjoni tal-aħħar ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi, essenzjalment, li t-terminu ta’ tliet xhur jibda jiddekorri, skont il-prattika amministrattiva kostanti, mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-ittra ta’ notifika tal-PNA fis‑Segretarjat‑Ġenerali tal-Kummissjoni, jiġifieri f’dan il-kaz, fis-6 ta’ Lulju 2006.

39      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox, li l-Kummissjoni ma ressqet ebda element ta’ prova insostenn tal-affermazzjoni tagħha fir‑rigward tal-eżistenza ta’ prattika amministrattiva kostanti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa indikat espressament fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva li l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ tliet xhur huwa n-notifika tal-PNA. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li rċeviet in-notifika tal-PNA fit-30 ta’ Ġunju 2006.

40      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-terminu ta’ tliet xhur skadiex fit-30 ta’ Settembru 2006, hemm lok li jiġi evalwati l-effetti prodotti mill-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2006, li fiha, minn naħa, hija tikkonstata n-natura mhux kompleta u inkompatibbli tal-PNA u min-naħa l-oħra, hija tistieden lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tirrispondi għal ċertu numru ta’ domandi u talbiet għal informazzjoni addizzjonali.

41      Qabel kollox, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ a priori mwettaq skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva ma jwassalx neċessarjament għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tintervjeni biss fil-każ fejn hija tqis li huwa neċessarju li tqajjem xi oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-PNA nnotifikat, u li tieħu, fil-każ tar-rifjut ta’ Stat Membru li jemenda l-PNA tiegħu, deċiżjoni ta’ rifjut. Dawn l-oġġezzjonijiet u deċiżjoni ta’ rifjut għandhom iseħħu fit-tliet xhur li jibdew jiddekorru mid-data ta’ notifika tal-PNA. Fil‑fatt, fin-nuqqas ta’ dan, il-PNA nnotifikat isir definittiv u jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità li tippermetti li tintemm il-projbizzjoni temporanja tal-eżekuzzjoni tal-PNA mill-Istat Membru (Digriet EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 115). Barra minn hekk, fir-rigward tas-setgħa ristretta ħafna li tiddisponi minnha l-Kummissjoni sabiex teżamina PNA, kif tfakkar fil-punt 36 hawn fuq, tali oġġezzjonijiet u deċiżjoni ta’ rifjut għandhom neċessarjament ikunu bbażati fuq il-konstatazzjoni tal‑inkompatibbiltà tal-PNA nnotifikat mal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Anness III jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva.

42      Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ setgħa ġenerali ta’ awtorizzazzjoni stricto sensu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-PNA nnotifikat, in-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet minn naħa tagħha mal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur ma jistax ikun ta’ bażi għal kwalunkwe preżunzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-PNA. Għaldaqstant, l-iskadenza ta’ dan it-terminu għandha bħala konsegwenza unika li l-PNA jsir definittiv u jista’ jiġi eżegwit mill-Istat Membru (Digriet EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 120).

43      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni tista’ tintervjeni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, mhux biss, inizjalment, billi tqajjem xi oġġezzjonijiet jew billi tagħhmel xi domandi fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-PNA nnotifikat, iżda wkoll, imbagħad, fil-każ tar-rifjut ta’ Stat Membru li jemenda l-PNA tiegħu, billi tadotta deċiżjoni ta’ rifjut tal-PNA nnotifikat. Peress li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ikollha bħala effett li tinterrompi t-terminu ta’ tliet xhur, meta l-Kummissjoni tqajjem xi oġġezzjonijiet jew tagħmel xi domandi fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-PNA nnotifikat, it-terminu ta’ tliet xhur jiġi sospiż.

44      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2006, jiġifieri xahrejn wara n-notifika tal-PNA, minn naħa, il-Kummissjoni ġibdet formalment l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Polonja fuq in‑natura mhux biss mhux komplet, iżda wkoll inkompatibbli, f’dak iż‑żmien, tal-PNA fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni applikabbli fil-kuntest tal‑eżami tiegħu taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva u min-naħa l-oħra, hija stiednet lir-Repubblika tal-Polonja biex tirrispondi diversi domandi u talbiet għal informazzjoni addizzjonali sabiex il-PNA jiġi kkompletat. Fir-rigward ta’ dawn it-talbiet tal-aħħar, dawn irrigwardaw b’mod partikolari l-lista nominattiva tal-operaturi ta’ stallazzjonijiet u l-kwantità ta’ kwoti li r‑Repubblika tal-Polonja kellha intenzjoni tallokalhom, data li kienet nieqsa mill-PNA. Issa, dawn iż‑żewġ tipi ta’ data, li huma meħtieġa skont il-kriterju Nru 10 tal-Anness III tad-Direttiva, jippreżentaw natura fundamentali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l‑kompatibbiltà tal-PNA. Fin-nuqqas ta’ tali data, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni sabiex teżamina l‑PNA, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva. Fl‑aħħar, il-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkonstata li jirriżulta minn elementi tal-proċess li, wara l-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006, ir‑Repubblika tal-Polonja ma rrifjutatx li temenda l-PNA tagħha u li tirrispondi għad-domandi tal‑Kummissjoni fl-imsemmija ittra.

45      Jirriżulta mill-iżviluppi li ġew qabel li l-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006 kien fiha xi oġġezzjonijiet li tqajmu mill-Kummissjoni fit‑terminu ta’ tliet xhur, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 41 u 42 hawn fuq. Għaldaqstant, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 43 hawn fuq, ir-Repubblika tal-Polonja tiżbalja meta ssostni li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ tliet xhur, li ġie sospiż mill‑oġġezzjonijiet u d-domandi li jidhru fl-ittra ta’ 30 ta’ Awwissu 2006, skada fit-30 ta’ Settembru 2006.

46      Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni minħabba l-fatt li l‑Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni ta’ rifjut tal-PNA qabel l‑iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil‑punt 42 hawn fuq, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ PNA, li tista’ isseħħ wara, tista’ tiġi adottata biss meta l-Istat Membru kkonċernat ċaħad l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni jew irrifjuta li jemenda l-PNA tiegħu. Issa, f’dan il-każ, huwa kostanti li l-Ministeru tal-Ambjent Pollakk, fl-ittra tiegħu mehmuża mal-PNA, innotifikat fit-30 ta’ Ġunju 2006, kien diġà f’dik id-data ġibed l-attenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fuq in-natura mhux kompleta tal-PNA u fuq il-fatt li l-elementi nieqsa kienu ser jiġu kkomunikati sussegwentement. Huwa barra minn hekk ukoll kostanti li, wara l‑ittra tal‑Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2006, ir-Repubblika tal-Polonja, mhux talli ma rrifjutatx li tirrispondi għad-domandi u għat‑talbiet tal‑Kummissjoni, li jidhru fl-imsemmija ittra, jew li temenda l-PNA, talli, għall-kuntrarju, fid-diskussjonijiet bejn l-uffiċjali tagħha u dawk tal-Kummissjoni, u mbagħad b’mod formali permezz tal-ittra tat-30 ta’ Ottubru 2006, talbet lill-Kummissjoni sabiex testendi t-terminu stabbilit sabiex tkun tista’ tippreżenta r-risposti tagħha għad-domandi u għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ittra tat-30 ta’ Ottubru 2006 li hija insistiet fuq il-fatt li l‑Kummissjoni tkun tista’ b’hekk tipprocedi għal evalwazzjoni korretta u realment kompleta tal-PNA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li ma kienx hemm lok li tiċħad il-PNA f’dan l-istadju, qabel ma rċeviet ir-risposta tar-Repubblika tal‑Polonja għad‑domandi u għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali li kien hemm fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2006.

47      Jirriżulta mit-totalità tal-iżviluppi li ġew qabel li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva

A –  L-argumenti tal-partijiet

48      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni kisret id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, minħabba l-fatt li hija ma użatx, mingħajr raġun u “mingħajr motivazzjoni rilevanti” l‑evalwazzjoni tad-data elenkata fil-PNA u li ssostitwit l‑analiżi ta’ din id-data b’analiżi tad-data tagħha stess miksuba insegwitu ta’ applikazzjoni inkoerenti tal-metodu tagħha stess ta’ analiżi ekonomika.

49      L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħalliet barra mill-analiżi tagħha d-data li hija pprovdiet fil-PNA kif ukoll dik li kkomunikatilha fir-risposta tagħha għad‑domandi fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006. Sabiex tiġġustifika r‑rifjut ta’ din id-data, il-Kummissjoni semmiet in‑nuqqas ta’ affidabbiltà tagħha, mingħajr madankollu ma pprovdiet raġuni iktar preċiża. F’dan is-sens, ir-Repubblika tal-Polonja tafferma li l‑Kummissjoni indikat biss, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata li “ma [setax] għaldaqstant jiġi konkluż li l-emissjonijiet reali ġew sopravalutati minħabba l-ammonti relattivi għall-emissjonijiet tas-snin preċedenti kkomunikati mir-[Repubblika tal-] Polonja”. Il‑Kummissjoni kienet b’hekk “skreditat” id-data pprovduta mir-Repubblika tal-Polonja u l-isforzi kollha ta’ preparazzjoni tal-PNA fuq il-bażi ta’ u skont l‑istruzzjonijiet tagħha stess.

50      Barra minn hekk, hija takkuża lill-Kummissjoni li ma wrietx li d-data elenkata fil-PNA kienet inadattata. Issa, fir-rigward b’mod partikolari tal-emissjonijiet iddikjarati mir-Repubblika tal‑Polonja qabel l-2005, dawn kienu s-suġġett ta’ rapport fil-kuntest tal-UNFCCC u kienu ġew issorveljati mill-Kummissjoni, mingħajr l‑iċken osservazzjoni min-naħa tagħha.

51      Ir-Repubblika tal-Polonja żżid li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija marbuta twettaq evalwazzjoni individwali, permezz tal-qasam ekonomiku kopert mid-Direttiva, tad-data pprovduta lill-Istat Membru sabiex jipprepara l-PNA. F’dan ir‑rigward, hija tfakkar li l-kriterju Nru 3 tal-Anness III tad-Direttiva jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jibbażaw il-metodi ta’ allokazzjoni tal-kwoti fuq id-data wżata fir-rigward tal-attivitajiet tal-oqsma ekonomiċi differenti koperti mid-Direttiva.

52      Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni, u li wasslitha biex ma tikkunsidrax id-data li tidher fil-PNA, tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata u mhux ġustifikata tal-Kummissjoni tar-rwol tagħha fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-PNA. Fl-opinjoni tagħha, il-missjoni tal-Kummissjoni tikkonsisti f’li turi, billi tipprovdi argument komplet, li l-metodu applikat fil-PNA jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

53      Issa, fir-replika wkoll, ir-Repubblika tal-Polonja tinsisti fuq il-fatt li, sabiex tkun tista’ ma tużax il-metodu miżmum sabiex jiġi mfassal il‑PNA, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tirrispetti r-“rwol predominanti” li jgawdu l-Istati Membri f’dan is-sens, turi b’mod inkontestabbli u ċar li dan il-metodu jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Bl-istess mod, hija tikkunsidra li, kemm fid-deċiżjoni kkontestata u kemm fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova li d-data użata fil-PNA mhijiex oġġettiva u affidabbli. Barra minn hekk, fil-premessa 5 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi hija stess li, fil‑mument tal-adozzjoni tagħha, hija ma kienet tiddisponi minn ebda prova ta’ natura żbaljata jew ineżatta tad-data mniżżla fil-PNA u tikkonstata biss li hija ma tistax teskludi li d-data mniżżla fil‑PNA “tgħolli b’mod spoporzjonat l-livelli reali tal-emissijonijiet ta’ gass”.

54      It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni m’għandiex id-dritt, mingħajr ebda ġustifikazzjoni jew konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li tissostitwixxi d-data mniżżla fil-PNA ta’ dan tal-aħħar bid-data tagħha stess miksuba wara l‑applikazzjoni tal-metodu tagħha stess ta’ analiżi ekonomika, li ġiet issostitwita wkoll b’dik miżmuma mill-imsemmi Stat Membru. Skont l‑evalwazzjoni ta’ PNA, il-Kummissjoni għandha biss id-dritt teżamina d-data pprovduta mill-Istat Membru. Tali metodu ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija data huwa distint kemm mill‑introduzzjoni tal-Kummissjoni tal-metodu ta’ analiżi ekonomika tagħha u kemm mis-sostituzzjoni f’dan il-mudell tad-data tagħha, mill-korrezzjoni diskrezzjonali ta’ din tal-aħħar mill‑Kummissjoni u, fl-aħħar, mill-ordni mogħtija lir-Repubblika tal‑Polonja biex tuża r-riżultati b’hekk miksuba.

55      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni la indikat fil-gwida addizzjonali tal-2005 (ara l-punt 28 hawn fuq) u lanqas fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2006, li kellha intenzjoni tuża l-mudell Primes bħala mudell ta’ analiżi ekonomika għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tat-tkabbir tal-prodott gross domestiku (PDG) u tal-potenzjal tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet. Kien biss fir-rapport tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2006 fuq il‑progress imwettaq fit-twettiq tal-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto [COM (2006) 658 finali], ippubblikat wara li r-Repubblika tal-Polonja kienet innotifikat il-PNA, li l-Kummissjoni kienet indikat li, sabiex tevalwa l‑konformità ta’ PNA fir-rigward tal-kriterji Nri 2 u 3 tal‑Anness III tad-Direttiva, hija kienet ibbażat ruħha fuq il-“metodu tal‑PDG” minnflok fuq il-“metodu settorjali” użat mir-Repubblika tal‑Polonja fil-PNA.

56      B’hekk, fir-rigward tal-affidabbiltà tal-mudell Primes, ir-Repubblika tal-Polonja tikkonstata li, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kellha data iktar preċiża u aġġornata dwar il‑PDG Pollakk. Dan jirriżulta min-nota f’qiegħ il-paġna Nru 24 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni indikat li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data dwar il-previżjonijiet temporanji ta’ Frar 2007, ippubblikata mid‑Direttorat Ġenerali “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji” tagħha tas-16 ta’ Frar 2007, peress li din kienet disponibbli biss għal sebgħa Stati Membri u, għaldaqstant, ma kkostitwitx totalità ta’ data suffiċjentement koerenti u ugwali għall-Unjoni Ewropea kollha.

57      Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni fir-risposta tagħha li tipprovdi li, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-PNA għandu jkun identiku għal dawn l-Istati kollha, din tmur kontra l-gwidi tagħha stess dwar it-tfassil ta’ PNA kif ukoll il-prattika deċiżjonali tagħha f’dan ir-rigward fil-konfront ta’ Stati Membri oħra. Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li l-użu ta’ data disponibbli l-iktar riċenti u l-iktar preċiża ma jikkostitwixxix “diskriminazzjoni”.

58      Hija żżid li, fl-ebda mument waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-PNA, il-Kummissjoni ma ħallietha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward, minn naħa, il-konstatazzjoni li l-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha sabiex tfassal l-PNA kiser id-dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju, u min-naħa l-oħra, l-għażla tagħha li tevalwa l‑livell awtorizzat ta’ emissjonijiet skont il-“metodu tal-PDG”, minnflok il-“metodu settorjali” u fl-aħħar, il-funzjonament tal-mudell Primes użat mill-Kummissjoni. Id-diskussjonijiet fi ħdan il‑kumitati jew il‑korpi repreżentattivi fuq il-kriterji li għandhom jinżammu mill‑Kummissjoni ma jistgħux jeħilsu lil din tal-aħħar mill-obbligu li tippreżenta lir-Repubblika tal-Polonja bil-konklużjonijiet tagħha waqt il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ tali konsultazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri.

59      Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, insostenn tal‑ewwel motiv li, il-Kummissjoni tiddisponi, skont id-Direttiva, minn rwol limitat li jikkonsisti esklussivament fl-evalwazzjoni tal-PNA nnotifikati lilha, fir-rigward tal-kriterji previsti mid-Direttiva. Barra minn hekk, hija tfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tad‑Direttiva, kull Stat Membru jiddeċiedi l-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati u jibda l-proċess ta’ allokazzjoni tal-kwoti lill‑operaturi kkonċernati. Hija ssostni li l-Kummissjoni hija marbuta, qabel ma tirrifjuta PNA, anki qabel ma timponi l-awtorizzazzjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra iktar ristretti minn dawk previsti fil‑PNA, li turi b’mod ċert u ddettaljat li dan tal-aħħar ma jikkonformax mad-dritt Komunitarju. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-għan ta’ evalwazzjoni ta’ PNA mill-Kummissjoni mhuwiex li tissostitwixxi lil Stat Membru fit-tfassil tal-PNA tiegħu.

60      Il‑Kummissjoni ssostni li t-tieni motiv jirrigwarda l-mod li hija użat id-data mniżżla fil-PNA fl-istadju tal-evalwazzjoni ta’ dan tal‑aħħar.

61      Madankollu r-Repubblika tal-Polonja kienet qajmet, fl-istadju tar‑replika, fil-parti ddedikata għall-ewwel motiv, motiv ġdid ibbażat fuq il‑ksur tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, inkwantu l-Kummissjoni kienet qabżet il-limiti tal-kompetenzi ta’ stħarriġ tagħha mogħtija lilha minn din id-Direttiva. Issa, il-Kummissjoni tirrileva li l-ewwel motiv imqajjem fir-rikors jirrigwarda biss il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 44(1)(ċ) u l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

62      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li ċerti aspetti tal-PNA ma kinux konformi ma’ diversi kriterji tal-Anness III tad-Direttiva. Hija żżid li hija ffissat il-kwantità annwali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkwistjoni għal 208,515395 CO2 billi naqqset b’hekk b’76,132937 CO2 il-kwantità annwali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra proposta mir-Repubblika tal-Polonja fil-PNA.

63      Hija tfakkar li, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, billi evalwat il‑PNA fid-dawl tal-kriterji Nri 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva, hija ħadet inkunsiderazzjoni tlett indikaturi, jiġifieri, minn naħa, id-data vverifikata dwar l-emissjonijiet reali ta’ gassijiet serra fl-2005 (fil‑kuntest tal-kriterju Nru 2), min-naħa l-oħra, il-previżjonijiet ta’ tkabbir tal-PDG fl-2010 u fl-aħħar, it-tendenzi li jirrigwardaw il-livell tal‑karbonju għas-snin 2005 sal-2010 (dawn l-aħħar żewġ indikaturi jirriżultaw mill-kriterju Nru 3). “Data vverifikata” tfisser id-data mibgħuta mill-istallazzjonijiet, u wara osservata, irreġistrata u vverifikata minn esperti dipendenti.

64      Il‑Kummissjoni ssostni li evalwazzjoni korretta ta’ PNA fuq il-bażi tal‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva għandha tippermetti li jiġi evitat li jkun hemm qbiż ta’ kwoti li jista’ iwassal għal “kollass tas-suq”, bħal dak li kien hemm fil-perijodu ta’ skambju bejn l-2005 sal-2007. Hija biss “rarità ta’ kwoti adegwati” li tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tad-Direttiva, li huwa t-tnaqqis ta’ emissjonijiet serra f’ċirkustanzi ekonomikament effikaċji u effiċjenti. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq jaffermaw li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni fl-għażla ta’ data tagħha l-fatt li l-għoti ta’ allokazzjonijiet mitluba mir-Repubblika tal-Polonja kienu jirriżultaw fi qbiż ta’ allokazzjonijiet immedjat u għaldaqstant f’eċċess ta’ offerti fuq is‑suq tal-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra, li jaffettwa l-prezz tal-imsemmija kwoti.

65      Il‑Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, tikkunsidra li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva ma jobbligahiex tuża l-metodu ta’ analiżi użat mill-Istat Membru kkonċernat u d-data mniżżla fil-PNA li hija qed teżamina. Huwa minnu li hija ma tikkontestax il-fatt li l-Istati Membri jiddisponu minn “setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni” fl-eżekuzzjoni tal-PNA tagħhom wara l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, sabiex tevalwa PNA fir-rigward tal‑kriterji tal-Anness III u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva, hija għandha tuża d-data l-iktar oġġettiva u affidabbli kif ukoll, skont il-prinċipju tat‑trattament ugwali bejn l-Istati Membri, l-istess metodu ta’ analiżi ekonomika għal kollha, li jista’ xi drabi jwassalha, fil-konfront ta’ uħud minnhom, li tuża data li mhijiex perfettament aġġornata. Il‑Kummissjoni żżid li dan l-obbligu, b’mod partikolari li tuża data affidabbli fir-rigward tal-emissjonijiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal‑PNA, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, jirriżulta mill-Artikoli 14 u 15 ta’ din tal-aħħar u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/156/KE, tad-29 ta’ Jannar 2004, dwar l-adozzjoni ta’ linji gwida dwar il-monitoraġġ u r‑rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva (ĠU, L 59, p. 1). Minħabba s-setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa li tibbenefika minnha skont l-evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi użati fil-kuntest tal-istħarriġ tal-PNA, hija mhijiex marbuta li tipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati fuq l-użu tal-indikaturi ekonomiċi u ambjentali. Fl-aħħar, hija ssostni li l-evalwazzjoni li hija wettqet skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, mhijiex intiża biex tissostitwixxi l-PNA, iżda biss sabiex jiġi ddeterminat livell massimu għall‑kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġi allokati.

66      Sabiex turi li l-Istati Membri jistgħu jużaw il-metodu tagħhom stess ta’ kalkolu sabiex jiddeterminaw il-kwantità totali ta’ kwoti għall‑allokazzjoni, hija tiċċita bħala eżempju r-Renju Unit tal‑Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir‑Repubblika Franċiża u r-Renju tad-Danimarka li ma qabżux il-“limitu stabbilit” għall-kwantità ta’ kwoti possibbli skont it-tieni perijodu ta’ skambju, b’mod li la l-PNA tagħhom u lanqas il‑kwantitajiet totali ta’ kwoti mniżżla fih ma ġew irrifjutati.

67      Skont ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-għażla ta’ politika meħuda mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-data, li timplika, min-natura tagħha, deċiżjoni ekonomika kumplessa u li hija s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett, mhijiex illimitata għall-evalwazzjoni tal-kwalità tad-data kkonċernata, iżda tinkludi wkoll evalwazzjoni tar-reazzjoni li s-suq jista’ ikollu fil-konfront tal-kwalità ta’ din id-data. Barra minn hekk, proposta ta’ allokazzjoni eċċessiva, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, kjarament tirriskja, li jkollha impatt sinjifikkattiv fuq l-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità. Għaldaqstant, l-imsemmija proposta ta’ allokazzjoni għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-kwoti addizzjonali mitluba mill-Istati Membri l-oħra fil-PNA rispettivi tagħhom.

68      Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l‑Irlanda ta’ Fuq, huwa b’hekk li, l-ewwel nett, hija kienet iddeċidiet li tuża d-data li tirrigwarda l-emmissjonijiet fl-Istati Membri kollha waqt is-sena 2005, kif ippubblikata fil-15 ta’ Mejju 2006 fir‑Reġistru tat‑Tranżazzjonijiet Komunitarju Indipendenti (CITL - Community Independent Transaction Log). Hija żżid li, permezz ta’ komunikat stampa tal-istess ġurnata, hija indikat li kienet tikkunsidra din id-data bħala l-aħjar u l-iktar eżatta u li kienet se toħodha inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-PNA għall-perijodu mill-2008 sal-2012. Din id-data ntużat ukoll fir-rapport tal-2006 (ara l‑punt 55 hawn fuq) u, fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, kienet ġiet ikkompletata wkoll fuq il-bażi ta’ risposta tagħha għall-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006. Il‑Kummissjoni ppreċiżat li, b’mod kuntrarju għad‑data tal-emissjonijiet fuq is-sena 2005, dik innotifikata mir‑Repubblika tal-Polonja fil-PNA, li kienet tirrigwarda s-snin preċedenti sal-2005, ma kinitx ġiet ivverifikata b’mod indipendenti u li ma kinitx teskludi li din “tgħolli b’mod spoporzjonat l-livelli reali tal-emissijonijiet ta’ gass”. Il‑fatt li din id-data kienet is-suġġett ta’ rapport fil-kuntest tal-UNFCCC u ġiet issorveljata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni ma jirriżultax awtomatikament fir-“rikonoxximent” tagħha fil-kuntest tal-iskema ta’ skambju tal-kwoti.

69      It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li hija użat il-mudell Primes biss sabiex tiffissa l-indikatur li jirrigwarda l-livell ta’ karbonju għall-perijodu bejn l-2005 sal-2010 u min-naħa l-oħra, dan huwa mudell li jinkludi d-data l-iktar affidabbli fir-rigward tal-livell tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Din is-sistema ta’ data kienet imfassla u amministrata, għall-Kummissjoni, minn esperti indipendenti mill-Universita ta’ Ateni. Din id-data nġabret waqt l-istess perijodu għall-Istati Membri kollha u dan il-fatt iggarantixxa, għaldaqstant, livell komparabbli ta’ koerenza u eżattezza. Fl-aħħar, il-fatt li l‑eżami tal-PNA rriżulta impossibbli għat-tieni parti tal-2006, peress li l-informazzjoni indispensabbli għal dan il-għan ntbagħtet mir-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni biss fl-2007, ma jqiegħedx lir-Repubblika tal-Polonja f’sitwazzjoni differenti, jew anki iktar vantaġjuża, fir-rigward tal-previżjonijiet tal-PDG, minn dik tal-Istati Membri li nnotifikaw PNA komplet.

B –  Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

70      Il‑Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li t-tieni motiv huwa maqsum fiż-żewġ partijiet. Fir-rigward tal-ewwel parti, ir-Repubblika tal-Polonja takkuża lill-Kummissjoni li ma użatx, mingħajr raġuni u “mingħajr motivazzjoni rilevanti”, il-metodu ta’ analiżi ekonomika li hija kienet użat kif ukoll id-data mniżżla fil-PNA. Fir-rigward tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fil‑kuntest tal‑imsemmija parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja tikkritika lill‑Kummissjoni talli kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal‑Artikolu 253 KE. Fir-rigward tat-tieni parti, hija tikkritikha talli kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva, minn naħa, billi ssostitwixxiet l-imsemmi metodu u l-imsemmija data bil-metodu tagħha ta’ evalwazzjoni u d-data tagħha stess miksuba fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, billi imponiet fuqha, bħala parti mill‑istħarriġ tal-PNA, limitu għall-kwantità totali ta’ kwoti għall‑allokazzjoni.

1.     Fuq l-eżistenza ta’ motiv ġdid allegat, imqajjem mir-Repubblika tal‑Polonja fil-fażi tar-replika u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi ta’ stħarriġ tagħha

71      Għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni wkoll il-Kummissjoni, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, minħabba l-fatt li l‑Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi ta’ stħarriġ tagħha mogħtija lilha minn dan l-Artikolu, jikkostitwixxix motiv ġdid li, għaldaqstant, għandux jiġi miċħud.

72      Mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 44(1)(ċ) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li m’huwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-proċedura.

73      Qabel kollox, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta wkoll mit-talbiet li jinsabu fl-aħħar parti tar-rikors (ara l-punt 25 hawn fuq), ir-Repubblika tal‑Polonja tikkritika lill-Kummissjoni, b’mod ġenerali, talli adottat id‑deċiżjoni kkontestata, minkejja li ma kellhiex kompetenza biex tagħmel dan, u dan “bi ksur tar-regoli sostanzjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u billi eċċediet is-setgħat tagħha”. Minn dan is-sunt tal-motivi mqajma mir-Repubblika tal-Polonja jirriżulta li, mill-istadju tar- rikors ’il quddiem, hija kkritikat lill-Kummissjoni talli eċċediet il-kompetenzi tagħha mogħtija lilha mill‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva sabiex tevalwa l-PNA.

74      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fil-punt 53 tar‑rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fit-tieni motiv, li, fil‑kuntest tal-evalwazzjoni ta’ PNA, il-Kummissjoni għandha biss id-dritt li teżamina l-kompatibbiltà tad-data ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat fil-konfront tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-Direttiva. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt, f’dan il-kuntest, li ddaħħal id-data tagħha minnflok id-data pprovduta mill-Istat Membru. Il‑Qorti tal-Prim’Istanza tosserva wkoll li r‑Repubblika tal-Polonja żżid, fl-istess punt tar-rikors, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad‑data pprovduta minn Stat Membru fil-PNA tiegħu ma għandhiex titfixkel mal‑introduzzjoni minnha tal-metodu ta’ analiżi ekonomika tagħha stess, mas‑sostituzzjoni tad-data tagħha ma’ dik imniżżla fi PNA, mal-korrezzjoni diskrezzjonali ta’ din tal-aħħar minnha jew anki mal-ordni mogħtija mill-Kummissjoni biex jintużaw ir-riżultati b’hekk miksuba.

75      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, fil-punt 54 tar‑rikors, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li kull Stat Membru għandu d‑dritt, fir-rigward tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, li jippretendi mill-Kummissjoni li din twettaq evalwazzjoni individwali tad-data li huwa pprovda sabiex ifassal l-PNA tiegħu. Bl-istess mod, fil-punt 56 tar‑rikors, ir-Repubblika tal-Polonja takkuża lill-Kummissjoni li ma wrietx li d-data mniżżla fil-PNA kienet inadattata.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-Repubblika tal‑Polonja fil-punt 8 tar-replika, taħt l-ewwel motiv, huma essenzjalment identiċi għal dawk li hija żviluppat fl-istadju tal‑proċedura bil-miktub, iżda taħt it-tieni motiv (ara l-punt 53 hawn fuq). Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, hija ssostni essenzjalment li, sabiex tadotta deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari twarrab il-metodu ta’ evalwazzjoni użat mill-Istat Membru kkonċernat, il‑Kummissjoni għandha, filwaqt li tosserva r-“rwol predominanti” tal-Istati Membri fit-tfassil tal-PNA, turi b’mod inkontestabbli u ċar li l-imsemmi metodu jikser id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qajmitx l‑inammissibbiltà ta’ dan l‑argument espost fir-replika insostenn tat‑tieni motiv. Fl-aħħar, mill‑argumenti ppreżentati fil-punt 52 hawn fuq, li ġew żviluppati wkoll fil-fażi tar-replika insostenn tat-tieni motiv, jirriżulta li r‑Repubblika tal-Polonja ssostni b’mod espress li l‑pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni, li wasslitha sabiex ma tieħux inkunsiderazzjoni d‑data li tinsab fil-PNA, tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata u mhux iġġustifikata minnha tar-rwol tagħha fil‑proċess ta’ evalwazzjoni tal-PNA.

77      F’kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkonstatat hija stess li t-tieni motiv kien jirrigwarda l-mod li bih hija użat id-data mniżżla fi PNA fl-istadju ta’ evalwazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, irrispondiet b’mod ċar għal dan il-motiv fis-sens li huwa kien jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha tal-PNA, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

78      Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja, mill-istadju tar-rikors ’il quddiem, mhux biss ikkritikat lill-Kummissjoni talli ma rrispettatx il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ evalwazzjoni tagħha tal-PNA, li hija għandha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, iżda, barra minn hekk, issostni, essenzjalment, li l‑Kummissjoni kienet eċċediet il-kamp tal-imsemmija kompetenza, u dan billi ssostitwixxiet il-metodu ta’ analiżi ekonomika u d-data tagħha għal dawk imniżżla fil-PNA billi kkorreġiet b’mod diskrezzjonali l-imsemmija data u billi obbligataha biex tuża r-riżultati b’hekk miksuba.

79      Għaldaqstant, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l‑ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi ta’ stħarriġ li hija għandha abbażi ta’ dan l-artikolu, ma jikkostitwix motiv ġdid. Għaldaqstant huwa ammissibbli.

2.     Fuq il-fondatezza tat-tieni motiv

a)     Osservazzjonijiet preliminari

80      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-għanijiet segwiti mid-Direttiva, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tagħha u fl-aħħar, il-portata tas-stħarriġ ġudizzjarju mill-qorti Komunitarja fuq deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-għanijiet tad-Direttiva

81      Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-għan prinċipali ddikjarat tad-Direttiva huwa li jitnaqqsu, b’mod sostanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex ikunu jistgħu jiġu rrispettati l-impenji tal-Komunità u tal-Istati Membri fir-rigward tal-Protokoll ta’ Kyoto. Dan il-għan għandu jinkiseb filwaqt li jiġu osservati sensiela ta’ “għanijiet sekondarji” u bl-użu ta’ ċerti strumenti. L‑istrument prinċipali f’dan ir-rigward huwa kkostitwit mill-iskema ta’ skambju ta’ kwotas (l-Artikolu 1 u l‑premessa 2 tad-Direttiva), li t-tħaddim tagħha huwa ddeterminat minn ċertu “għanijiet sekondarji”, jiġifieri ż-żamma tal-kundizzjonijiet ekonomikament effettivi u effiċjenti, is-salvagwardja tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjieg kif ukoll dak tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (l-Artikolu 1 u l-premessi 5 u 7 tal‑imsemmija direttiva) (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 124).

 Fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri

82      Għal dak li jirrigwarda t-tqassim tax-xogħol u tal-kompetenzi bejn il‑Kummissjoni u l-Istati Membru meta dan jinvolvi t-traspożizzjoni ta’ direttiva fil-qasam tal-ambjent, għandu jitfakkar il-kliem tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li jipprovdi li “[I]d-direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Minn dan jirriżulta li, ladarba d-direttiva inkwistjoni ma tippreskrivix il-forma u l-metodi sabiex jinkiseb riżultat partikolari, il‑libertà ta’ azzjoni tal-Istat Membru rigward l-għażla tal-forom u tal-metodi xierqa għall-kisba tal-imsemmi riżultat tibqa’, bħala regola, sħiħa. Madankollu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li jagħżlu l-forom u l-metodi l-iktar xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tad-direttivi. Jirriżulta barra minn hekk li, fin-nuqqas ta’ regola Komunitarja li tippreskrivi, b’mod ċar u preċiż, il-forma u l-metodi li għandhom jintużaw mill-Istat Membru, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tal‑eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ, b’mod partikolari skont l‑Artikoli 211 KE u 226 KE, li għandha turi, b’mod suffiċjenti skont il‑liġi, li l-istrumenti użati mill-Istat Membru għal dan l-għan imorru kontra d-dritt Komunitarju (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Barra minn hekk, għandu jingħad li huwa biss bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li tista’ tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, prinċipju li jorbot lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolamentari tagħhom u li suppost ġie osservat meta ġiet adottata d‑direttiva (premessa 30 tal-imsemmija direttiva). Skont dan il‑prinċipju, il-Komunità tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il‑kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni intiża ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni mixtieqa, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju. B’hekk, f’qasam bħal dak tal-ambjent, irregolat mill-Artikoli 174 KE sa 176 KE, li fih il-kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri jinqasmu bejniethom, l-oneru tal‑prova jaqa’ fuq il-Komunità, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq il‑Kummissjoni, li għandha turi sa fejn il-kompetenzi tal-Istat Membru u, għaldaqstant, il-libertà ta’ azzjoni tiegħu huma llimitati fid-dawl tal‑kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 82 hawn fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 79).

84      Fir-rigward tad-Direttiva, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal‑implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal‑gassijiet serra, hija tiddetermina b’mod ċar u espliċitu, fl-Artikolu 9(1) u (3) u fl-Artikolu 11(2), it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil, l-istħarriġ u l‑implementazzjoni tal-PNA. Għaldaqstant, fir-rigward tar-rabta stretta li għandhom bejniethom fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi, hemm lok li dawn l-artikoli jiġu kkunsidrati flimkien, u dan kemm fir-rigward tal‑interpretazzjoni tagħhom kif ukoll fir-rigward l-evalwazzjoni ta’ kull motiv ibbażat fuq il-ksur tagħhom.

–       Fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri

85      Fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri, jirriżulta b’mod ċar mill‑Artikolu 9(1) u mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva li l-Istati Membri biss huma kompetenti, fil-bidu, biex ifasslu PNA billi jippreċiżaw il‑kwantità totali tal-kwoti li huma qegħdin jipproponu li jallokaw għall‑perijodu kkonċernat u l-mod kif jipproponu li jattribwuhom u, imbagħad, biex jiddeċiedu l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jallokaw għal kull perijodu ta’ ħames snin u biex jibdew il-proċess ta’ allokazzjoni individwali ta’ dawn il-kwoti.

86      Huwa minnu li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, bħal dawk elenkati fl-Anness III tad-Direttiva. Bl-istess mod, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrifjuta totalment jew parzjalment PNA, l-Istat Membru jista’ biss jieħu deċiżjoni skont l‑Artikolu 11(2) tad-Direttiva jekk l-emendi proposti minnu jkunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

87      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva ma tipprovdix b’mod ċar u preċiż il-forma u l-mezzi sabiex jintlaħaq ir-riżultat li hija tistabbilixxi. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 85 hawn fuq, l-Istati Membri huma l-uniċi kompetenti sabiex ifasslu l-PNA tagħhom u biex jiddeċiedu l-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn għandhom rwol ċentrali fl‑implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ gassijiet serra.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ukoll diġà iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, huma jiddisponu għaldaqstant minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għat‑traspożizzjoni tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 80) u għaldaqstant, sabiex jagħżlu l-miżuri li jikkunsidraw l-iktar adatti sabiex jintlaħaq, fil-kuntest speċifiku ta’ suq tal-enerġija nazzjonali, l-għan stabbilit mill-imsemmija direttiva.

–       Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni

89      Fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jirriżulta b’mod ċar li s-setgħa ta’ stħarriġ u ta’ rifjut tagħha tal-PNA hija, kif tfakkar ukoll fil-punt 36 hawn fuq, ristretta ħafna. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-limiti sostanzjali ta’ din is‑setgħa, il-Kummissjoni tista’ biss tivverifika l-konformità mal-miżuri meħuda mill-Istat Membru mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III u d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva. Barra minn hekk, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija marbuta, meta tiddeċiedi tirrifjuta PNA, li tagħti motivazzjoni għad‑deċiżjoni tagħha. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-eżeċizzju ta’ din is-setgħa ristretta ħafna ta’stħarriġ tal-PNA jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi mwettqa fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti ekonomikament effettivi u effiċjenti (Artikolu 1 u premessa 5 tad‑Direttiva), il-Kummissjoni tgawdi wkoll, hija stess, minn marġini ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 80).

90      Barra minn hekk, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu, skont l‑Artikolu 11(2) tad-Direttiva, deċiżjoni rigward il-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni, u dan b’rispett tal-obbligu tagħhom, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, li jipprovdi li l-imsemmija deċiżjoni tista’ tittieħed biss jekk l-emendi proposti ġew aċċettati mill‑Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha d-dritt, meta tkun qed tevalwa PNA, li tagħmel kritiċi speċifiċi rigward l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati u, jekk ikun il-każ, li tifformula xi proposti jew xi rakkomandazzjonijiet b’mod li l‑Istat Membru jkun f’pożizzjoni biex jemenda l-PNA tiegħu, b’mod li, skont il-Kummissjoni jagħmluh kompatabbli mal-kriterji ta’ stħarriġ previsti mid-Direttiva.

 Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

91      Isegwi li, fil-kuntest tal-isħarriġ tagħha tal-legalità f’dan ir-rigward, il‑qorti Komunitarja teżerċita kontroll komplet rigward l‑applikazzjoni korretta min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli ta’ dritt rilevanti, li l‑portata tagħhom għandha tiġi ddeterminata skond il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza. Madankollu, il‑Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lilha nfisha għall‑Kummissjoni meta din ikollha tagħmel, f’dan il-kuntest, evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi. Għal dan il-għan, il‑Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha għal verifika ta’ jekk il‑miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jekk l‑awtorità kompetenti ma qabżitx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u jekk il-garanziji proċedurali, li għandhom importanza ferm iżjed fundamentali f’dan il-kuntest, ġewx kompletament irrispettati (ara s‑sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Huwa fid-dawl tal-prinċipji kollha mfakkra hawn fuq li għandha għaldaqstant tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv imqajjem mir‑Repubblika tal-Polonja li huwa intiż, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa jekk, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kisritx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva, billi ndaħlet fuq il-kompetenzi ta’ tfassil u ta’ implementazzjoni tal-PNA tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 9(1) u l‑Artikolu 11(2) tad-Direttiva u għaldaqstant, eċċediet il-kompetenza ta’ stħarriġ tal-PNA tagħha, li għandha skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

b)     Fuq id-deċiżjoni kkontestata

93      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li parti mill‑kwantità totali tal-kwoti li r-Repubblika tal-Polonja kienet qed tipproponi li talloka fil-PNA, jiġifieri 76,132937 CO2 fis-sena, hija inkompatibbli mal-kriterji Nri 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva. Fl‑istess ħin, fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li ma kinitx ser tqajjem oġġezzjonijiet għall-PNA, suġġett, madankollu, għal ċertu numru ta’ emendi li kellhom isirulu, b’mod partikolari li l-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni għall‑finijiet tal-iskema Komunitarja titnaqqas bi 76,132937 CO2 fis-sena. Fl-aħħar, fl-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika li l-kwantità totali annwali medja tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mir-Repubblika tal-Polonja, skont il-PNA, lill‑istallazzjonijiet li huma msemmija u lill-operaturi ġodda tammonta għal 208,5153395 CO2 u m’għandiex tinqabeż.

94      Il‑Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata previsti fil-punt 93 hawn fuq huma kollha bbażati fuq il‑konklużjoni tal-Kummissjoni fl-aħħar paragrafu tal-premessa13 tad‑deċiżjoni kkontestata, li fiha hija tikkonstata, b’mod partikolari, li l‑eċċess annwali medju tal-kwoti tar-Repubblika tal-Polonja għall‑perijodu 2008-2012, li jammonta għal 76,132937 CO2 fi tmiem tal‑ewwel stadju ta’ kalkolu, huwa inkompatibbli mal-kriterji Nri 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva.

95      Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu espressament għall-imsemmi eċess annwali. Bl-istess mod, kif tfakkar ukoll fil-punt 62 hawn fuq, jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal‑Kummissjoni li l-limitu tal-kwantità annwali tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkwistjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad‑deċiżjoni kkontestata, għall-ammont ta’ 208,515395 CO2, inkiseb billi tnaqset il-kwantità annwali tal-kwoti ta’ emissjonijiet tal‑gassijiet serra proposta mir-Repubblika tal-Polonja fil-PNA, jiġifieri 284,648332 CO2, bl-istess ammont ta’ 76,132937 CO2.

96      Fl-aħħar, huwa fil-kuntest tal-premessi 4 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stħarrġet il-kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji Nri 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi evalwata l-fondatezza tat-tieni motiv fir-rigward tal-motivi esposti fil-premessi 4 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata.

97      Hemm lok li jiġu eżaminati sussegwentement iż-żewġ partijiet tat-tieni motiv, u dan billi tiġi eżaminata l-ewwel it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva.

98      Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 91 hawn fuq, sa fejn, sabiex tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-tieni motiv, il-Qorti tal‑Prim’Istanza għandha l-ewwel, titsħarreġ jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat sew ir-regoli ta’ dritt rilevanti fir‑rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u hija stess, peress li l-istħarriġ eżegwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar din il‑kwistjoni ta’ dritt għandu jkun komplet. Huwa biss jekk, imbagħad, jiġi stabbilit li l-Kummissjoni applikat sew l-imsemmija regoli, li għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk l-istħarriġ li hija wettqet dwar il‑kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva u, b’mod partikolari, l-għażla tagħha tal-metodu ta’ analiżi ekonomika u ekoloġika tal-PNA humiex ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq il-fondatezza tat-tieni parti tat-tieni motiv

99      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (3), minn naħa, billi bidlet il-metodu ta’ analiżi li hija użat u d-data mniżżla fil-PNA bil-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha u d-data miksuba fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, billi imponiet fuqha, abbażi tal-istħarriġ tal-PNA, livell li ma jistax jinqabeż għall‑kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni.

100    L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, sabiex tissostitwixxi l-metodu ta’ evalwazzjoni li hija kienet użat u d-data mniżżla fil-PNA bil-metodu ta’ evalwazzjoni u d‑data tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li t‑totalità tal-argumenti esposti bħala difiża mill‑Kummissjoni f’dan ir‑rigward jidhru li jikkonfermaw li hija kisret il-portata tal-kompetenzi tagħha bħalma huma ddefiniti fid-Direttiva.

101    Qabel kollox, il-Kummissjoni ma tistax tafferma, kif jirriżulta wkoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-Direttiva ma tobbligahiex tuża d-data mniżżla fil-PNA li qiegħda tistħarreġ, u li, sabiex tevalwah, ikollha tuża l-istess metodu għall-Istati Membri kollha. Fil-fatt, skont l‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva, is-setgħa ta’ stħarriġ tagħha tal-PNA hija bbażata neċessarjament fuq id-data mniżżla fil-PNA inkwistjoni, inkwantu, kif tfakkar ukoll fil-punti 82 sa 90 hawn fuq, il‑Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà tagħhom mal-kriterji tal-Anness III u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva. Għaldaqstant, hija għandha neċessarjament tistħarreġ l-għażla tad-data tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tat-tfassil tal-PNA tiegħu.

102    Huwa minnu li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha tal-PNA, il‑Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li fasslet il-metodu tagħha ta’ evalwazzjoni tal-PNA bbażat fuq id-data li hija tikkunsidra l-iktar adattata u li tużaha bħala għodda ta’ paragun għall-evalwazzjoni tad‑data mniżżla fil-PNA tal-Istati Membri, data li jkollha tevalwa l‑kompatibbiltà tagħha mal-kriterji tal-Anness III u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva. Abbażi ta’ dan, inkwantu t-tfassil u l-użu ta’ tali mudell jeħtieġ evalwazzjonijiet ekonomiki u ekoloġiċi kumplessi, il-Kummissjoni tiddisponi, kif tfakkar ukoll fil-punt 89 hawn fuq, minn marġini ta’ diskrezzjoni, b’mod li l-użu ta’ tali mudell ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi kkontestat biss fil-każ fejn jirriżulta fi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

103    Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, ma tistax, kif hija sostniet ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u kif jirriżulta wkoll mid‑deċiżjoni kkontestata, twarrab id-data mniżżla fil-PNA inkwistjoni biex tissostitwiha totalment bl-informazzoni miksuba mill-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha. B’mod kuntrarju għal dak li tallega l‑Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, hija ma tistax, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l‑Istati Membru, tuża u tapplika l-istess metodu ta’ evalwazzjoni għall‑PNA tal-Istati Membri kollha.

104    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-Istati Membri ma tistax ikollha bħala effett li timmodifika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif previst mid-Direttiva, skont il‑prinċipju ta’ sussidjarjetà li suppost ġie osservat meta din ġiet adottata (premessa 30 tal-imsemmija direttiva). Issa, kif tfakkar ukoll fil‑punti 82 sa 90 hawn fuq, l-Istati Membri huma l-uniċi kompetenti biex ifasslu PNA u biex jieħdu deċiżjoni finali dwar il-kwantità ta’ kwoti għall-allokazzjoni.

105    Barra minn hekk, kif tfakkar ukoll fil-punt 82 hawn fuq, l-użu ta’ forom u mezzi differenti mill-Istati Membri sabiex jilħqu l-għan segwit minn Direttiva huwa inerenti għan-natura stess ta’ tali att. Għaldaqstant, peress li d-Direttiva ma tistabbilixxix b’mod ċar u preċiż il‑forma u l-mezzi li għandhom jintużaw għall-finijiet tat-traspożizzjoni tagħha, għandu jiġi kkonstatat li billi sostniet li, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, hija tista’ tuża u tapplika l-istess metodu ta’ evalwazzjoni tal-PNA għall-Istati Membri kollha sabiex tilħaq l-għan segwit mid-Direttiva, il-Kummissjoni qabżet il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha mid-Direttiva.

106    Kieku l-Kummissjoni tista’ tuża l-istess metodu ta’ evalwazzjoni tal-PNA għall-Istati Membri kollha, dan jirriżulta mhux biss fir‑rikonoxximent tas-setgħa reali tagħha ta’ uniformizzazzjoni fil‑kuntest tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, iżda wkoll f’rwol ċentrali fit-tfassil tal-PNA. Issa, la tali setgħa ta’ uniformizzazzjoni u lanqas tali rwol ċentrali ma ngħataw lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur fid-Direttiva, fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ tal-PNA.

107    F’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni evalwat il-PNA fid-dawl tad-data tagħha stess miksuba fuq il-bażi tal‑metodu ta’ evalwazzjoni tagħha.

108    Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni għaldaqstant ma llimitatx ruħha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif kellha d-dritt, li tqabbel id-data mniżżla fil-PNA mad-data li hija kienet kisbet mill-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha, u dan sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-ewwel mal-kriterji stabbiliti fid‑Direttiva. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ stħarriġ tal-PNA li hija użat jippermetti, fil-prattika, lill‑Kummissjoni tfassal hija stess, b’mod kompletament awtonomu, il‑PNA ta’ riferenza u li tevalwa l-kompatibbiltà tal-PNA nnotifikati, mhux fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva, iżda, l-ewwel nett, fid-dawl tad-data u r-riżultati miksuba mill-metodu tagħha stess.

109    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, kif ġie enfassizzat ukoll fil-punt 66 hawn fuq, il-Kummissjoni tosserva fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-Istati Membri setgħu jużaw il‑metodu ta’ kalkolu tagħhom stess sabiex jiddeterminaw il-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni, inkwantu “ma [qabżu]x il-limitu stabbilit tal-kwantità ta’ kwoti possibbli għat-tieni perijodu ta’ skambju”, b’mod li la l-PNA tagħhom u lanqas il-kwantità globali ta’ kwoti li huma pproponew fil-PNA tagħhom ma ġew irrifjutati. Minn tali argument jirriżulta li, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istħarriġ tagħha tal-PNA kellu neċessarjament jibda b’paragun tal-kwantità ta’ kwoti mniżżla fil-PNA mal-kwantità li hija kkunsidrat “possibbli” fir-rigward tar-riżultati miksuba mill-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha stess.

110    Isegwi li l-Kummissjoni, b’mod definittiv, sempliċement issostitwixxiet id-data tagħha b’dik imniżżla fil-PNA, mingħajr ma kkontrollat il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva.

111    Għall-bqija, fir-rigward dejjem tar-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-Istati Membri, li tibbaża ruħha fuqu l‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-PNA kien ġie evalwat b’mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni tal‑Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, fuq il-linji gwida intiżi biex jgħinu lill-Istati Membri jimplementaw il-kriterji li jidhru fl-Anness III tad-[Direttiva] u l-kundizzjonijiet li taħthom jitqies li teżisti forza maġġuri [COM (2003) 830 finali].

112    Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, fil-punt 10 tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni indikat espressament, fir-rigward tal‑Istati Membri ġodda mhux previsti mid-Deċiżjoni 2002/358, li fosthom tidher ir-Repubblika tal-Polonja, li l-għan rispettiv tagħhom, skont il-Protokoll ta’ Kyoto, jikkostitwixxi l-punt ta’ referenza għall-kriterju Nru 1 tal-Anness III tad-Direttiva, kriterju li huwa r-rabta bejn il-kwantità totali ta’ kwoti u l-għan impost fuq l-Istat Membru skont kemm tad-Deċiżjoni 2002/358, u kemm tal‑Protokoll ta’ Kyoto stess. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-linji gwida tagħha stess, li l-Istati Membri l-ġodda, fosthom ir-Repubblika tal-Polonja, jibbenefikaw minn trattament differenti fil-konfront tal-Istati Membri l‑oħra fir-rigward tat-tfassil tal-PNA tagħhom.

113    F’dak li jirrigward l-argument tal-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, li skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-Istati Membri, hija tista’ ma tikkunsidrax ċerta data aġġornata tal-PNA, għandu jitfakkar li d-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi suq Ewropew effiċjenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gas serra, billi ssir l-anqas ħsara possibbli lill-iżvilupp ekonomiku u lill-impjieg (Artikolu 1 u premessa 5 tad-Direttiva 2003/87). B’hekk, minkejja li d-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont l-impenji tal-Komunità u tal-Istati Membri skont il-Protokoll ta’ Kyoto, dan l-għan għandu jitwettaq, sa fejn possibbli, billi jiġu rispettati l-bżonnijiet tal-ekonomija Ewropea. Isegwi li l-PNA mfassla fil-kuntest tad-Direttiva għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-data u l-informazzjoni eżatta relatati mal-emissjonijiet previsti għall-istallazzjonijiet u s-setturi kkonċernati mid-Direttiva. Jekk PNA jkun ibbażat parzjalment fuq informazzjoni jew evalwazzjonijiet żbaljati rigward il-livell ta’ emissjonijiet ta’ ċerti setturi jew ta’ ċerti stallazzjonijiet, għandu jkun possibbli, għall-Istat Membru inkwistjoni, li jipproponi emendi tal-PNA, inklużi fosthom żidiet fil-kwantitajiet totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni, sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi qabel ma dawn jkollhom riperkussjonijiet fuq is-suq (sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 60).

114    Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza jirriżulta li xejn fit-termini tad-Direttiva jew fin-natura jew l-għanijiet tal-iskema li din tistabbilixxi ma jeskludi l‑possibbiltà li Stat Membru, wara deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, jista’ jemenda d-data mniżżla fil-PNA tiegħu, sabiex, pereżempju, jieħu inkunsiderazzjoni d-data ġdida miġbura, b’mod partikolari, waqt it-tieni konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva (is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 58).

115    Barra minn hekk, kif ġie rrikonoxxut ukoll mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 hawn fuq, l-Istati Membri jiddisponu anki mid-dritt li jipproċedu għal aġġustamenti ex post, wara li jadottaw id-deċiżjoni ta’ allokazzjoni individwali skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva.

116    Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-konsultazzjoni pubblika, kif prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fuq il-bażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, tkun superfluwa, u l-kummenti tal-pubbliku jkunu sempliċement teoretiċi, jekk l-emendi tal-PNA li jistgħu jiġu proposti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jkunu ristretti għal dawk indikati mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 57).

117    Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra hawn fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Istati Membri jistgħu għaldaqstant, mingħajr ma jkunu neċessarjament marbuta bir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni f’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, mhux biss jikkoreġu u jaġġornaw il-PNA tagħhom wara tali deċiżjoni, iżda wkoll jipproċedu għall-aġġustament tagħhom wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni individwali tagħhom.

118    Għaldaqstant, fir-rigward kemm tal-kliem tad-Direttiva kif ukoll tal-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-iskema li hija tistabbilixxi u l-ġurisprudenza li tirrigwardaha, il-Kummissjoni hija marbuta li tiżgura, b’mod permanenti, li l-PNA jieħdu inkunsiderazzjoni d-data u l‑informazzjoni l-iktar eżatta u għaldaqstant l-iktar aġġornata possibbli sabiex issir l-inqas ħsara possibbli għall-izvilupp ekonomiku u għall-impjieg, filwaqt li tinżamm skema effiċjenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

119    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tal‑Kummissjoni li skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-Istati Membri, hija ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċerta data aġġornata tal-PNA għandu jiġi miċħud bħala infondat.

120    Fir-rigward tat-totalità tal-iżviluppi hawn fuq, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-għażla tal‑Kummissjoni tal-mudell Primes bħala mudell ta’ evalwazzjoni tal‑PNA, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Polonja ssostni ġustament li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tissotitwixxi d-data mniżżla fil-PNA bid-data tagħha, miksuba fuq il-bażi tal-istess metodu ta’ evalwazzjoni applikat fl-Istati Membri kollha.

121    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment li l‑Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-d‑Direttiva, inkwantu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmija Direttiva, hija ma kellhiex id-dritt li timponilha, taħt l-istħarriġ tal-PNA, limitu għall-kwantità ta’ kwoti għall-allokazzjoni.

122    Kif jirriżulta wkoll mill-argumenti ppreżentati fil-punt 65 hawn fuq, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni li hija wettqet skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva mhijiex intiża sabiex tissostitwixxi l-PNA, iżda biss biex tistabbilixxi livell massimu tal-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, billi stabbilixxiet fid‑deċiżjoni kkontestata tali limitu ta’ kwoti li meta jinqabeż il-PNA jkun ikkunsidrat bħala inkompatibbli mad-Direttiva, il‑Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ li hija għandha teżerċita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

124    Huwa minnu li, kif tfakkar ukoll hawn fuq, il-Kummissjoni biss hija kompetenti, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, sabiex tikkontrolla, u anki tirrifjuta l-PNA mfassla mill-Istati Membri, u dan fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva.

125    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipji mfakkra fil-punti 82 sa 90 hawn fuq, il-Kummissjoni ma tistax tallega, kif affermat hija stess fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, skont din l-aħħar kompetenza, hija tista’ tistabbilixxi livell massimu għall-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni.

126    Għall-kuntrarju, kif jirriżulta wkoll b’mod espress mill-ġurisprudenza, skont l-Artikoli 11(2) u (3) tad-Direttiva, huwa kull Stat Membru, u mhux il-Kummissjoni, li għandu, fuq il-bażi tal‑PNA mfassal skont tal-Artikolu 9 u skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, jiddeċiedi fuq il-kwantità totali tal-kwoti li ser jalloka fil‑perijodu inkwistjoni, jibda l-proċess ta’ allokazzjoni ta’ dawn il‑kwoti lill-operaturi ta’ kull installazzjoni, kif ukoll jiddeċiedi fuq l‑allokazzjoni ta’ dawn l-imsemmija kwoti (Digriet tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 75).

127    Fil-kawża preżenti, billi imponiet, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, limitu ta’ kwoti li jekk jinqabeż il-PNA jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-Direttiva, il-Kummissjoni ssostitwixxiet, fil-prattika, lir-Repubblika tal‑Polonja għall-finijiet tal-iffissar tal-kwantità totali ta’ kwoti, skont l‑Artikolu 11(2) tad-Direttiva. Fil-fatt, mill-imsemmi dispożittiv jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja hija obbligata temenda l-PNA b’tali mod li l-kwantità totali ta’ kwoti tkun f’kull każ inqas jew ugwali għal dan il-limitu, taħt il-piena li ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għaliha sabiex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva.

128    Għaldaqstant, tali deċiżjoni għandha mhux biss bħala effett li tneħħi l‑effetti utli tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, iżda wkoll, u f’kwalunkwe każ, li tostakola l-kompetenza esklussiva li dan l-artikolu jikkonferixxi fuq l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu fuq il‑kwantità totali ta’ kwoti li ser jallokaw għall-perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2008.

129    Fl-aħħar, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, sostnut mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, li l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li l‑Kummissjoni ma setgħatx tiffissa l-limitu għall-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni billi tnaqqas l-ammont propost mir‑Repubblika tal-Polonja fil-PNA mill-eċċess ta’ kwoti li hija identifikat, jista’ iwassal għall-kollass tas-suq ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, anki kieku jitqies din it-teżi hija fondata, din ma tistax tiġġustifika, f’komunità ta’ dritt bħalma hija l-Komunità, iż-żamma fis‑seħħ tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li dan l-att ġie adottat bi ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membru u l-Kummissjoni, kif iddefinit fid-Direttiva.

130    Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud iktar u iktar l-argument imqajjem mir‑Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, li skontu hija l‑Kummissjoni li għandha tagħżel id-data, anki jekk biss minħabba l‑għażliet ta’ politika tagħha. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkunsidra li huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu l-miżuri li, fl-opinjoni tagħhom, huma l-iktar adattati sabiex jintlaħaq, fil-kuntest speċifiku tas-suq tal-enerġija nazzjonali, l-għan stabbilit mid-Direttiva. L-approċċ tal-Kummissjoni, sostnut mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, li jikkonsisti f’li tiġi kkunsidrata biss id-data li hija taħseb li tista’ tintuża għall-finijiet tat-tfassil ta’ PNA jċaħħad manifestament lill-Istati Membri mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, kif tfakkar fil-punt 88 hawn fuq.

131    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, billi ffissat livell massimu għall-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

132    Mill-konklużjonijiet li saru fil-punti 120 u 131 hawn fuq jirriżulta li, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir‑Repubblika tal-Polonja ġustament tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva, minħabba l-fatt li, minn naħa, billi ssostitwixxiet id-data mniżżla fil-PNA bid-data tagħha stess, miksub mill-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha tal-PNA tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, billi ffissat il-livell massimu għall-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja matul il‑perijodu bejn l-2008 sa l-2012, hija eċċediet il-kompetenzi li hija għandha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

133    Konsegwentement, u mingħajr ma hemm bżonn ta’ deċiżjoni fuq l-ilmenti l-oħra mqajma mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi ddikjarat fondat.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għall-finijiet ta’ kompletezza li hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti mqajma insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

135    Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni warrbet, mingħajr motivazzjoni, il-metodu ta’ analiżi ekonomika użat sabiex jitfassal il-PNA kif ukoll id-data miksuba fuq il-bażi ta’ dan il-metodu u mniżżla f’dan il-PNA.

136    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill‑Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir‑raġunament tal-awtorità Komunitarja, li tkun adottat l-att inkwistjoni, b’tali mod li l-interessati jkunu jistgħu jkunu jafu x’inhuma l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u l-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 96, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 164).

137    L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ‑ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 1999, Micro Leader Business vs Il‑Kummissjoni, T-198/98, Ġabra p. II-3989, punt 40). M’huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, inkwantu l‑kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li flimkien jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 97, u s-sentenza Joynson vs Il‑Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 165).

138    Għandu jitfakkar ukoll li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE, kif affermat mill-ġdid fl-aħħar sentenza tal‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva, dwar id-deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni li jiċħdu totalment jew parzjalment PNA, għandha importanza ħafna iżjed fundamentali, f’dan il-każ, inkwantu l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi u inkwantu l-istħarriġ tal-legalità u tal-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet mill-qorti Komunitarja huwa ristrett (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 168, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Qabel kollox, kif diġà enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fil‑punti 87 u 88 hawn fuq, inkwantu d-Direttiva ma tipprovdix, b’mod ċar u preċiż, il-forma u l-mezzi li għandhom jintużaw mill-Istati Membri sabiex jimplementaw l-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva, dawn igawdu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ analiżi ekonomika u ta’ kalkolu tad-data għall-finijiet tat-tfassil tal-PNA mill-Istati Membri.

140    Barra minn hekk, kif tfakkar ukoll fil-punt 89 hawn fuq, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jirriżulta li, il‑Kummissjoni biss tista’ tivverifika l-konformità tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva.

141    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, li jipprovdu li l-Kummissjoni tadotta linji gwida għall‑monitoraġġ u għar-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, ibbażati fuq il-prinċipji definiti fl-Anness IV tad-Direttiva, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa s‑setgħa tal-Kummissjoni biex tiffissa l-metodu ta’ analiżi ekonomika u tal-kalkolu tad-data li għandha tintuża mill-Istati Membri sabiex ifasslu l-PNA tagħhom.

142    Fil-fatt, mid-dispiżozzjonijiet tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 14(2) u (3) u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva jirriżulta li tali linji gwida jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ rrappurtar, mill-istallazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom huma koperti mill-Anness I tad-Direttiva, tal-emissjonijiet tal‑gassijiet serra, u dan taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Konsegwentement, il-linji gwida adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva u applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri dawk adottati bid-Deċiżjoni 2004/156, huma intiżi biss sabiex jippermettu kemm lill-istallazzjonijiet u kemm lill-Istati Membri sabiex jiġbru d-data l-iktar affidabbli.

143    Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċiżżju tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, li għandha tispjega kif l-istrumenti użati mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tfassal il-PNA kienu inkompatibbli mal-kriterji tal-Aness III u mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva. Għall-bqija, kif tfakkar ukoll fil-punt 89 hawn fuq, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, jirriżulta b’mod espliċitu li l-leġiżlatur ippreċiża fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni li jorbot lill-Kummissjoni meta tadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ PNA.

144    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-PNA mal‑kriterju Nru 2 tal-Anness III tad-Direttiva, il-Kummissjoni rrifjutat id-data kkomunikata mir-Repubblika tal-Polonja dwar is-snin preċedenti sal-2005 bħala “inqas affidabbli”, minħabba l-fatt, fl‑opinjoni tagħha, li, minn naħa ma kinitx ġiet ivverifikata b’mod indipendenti u koerenti u, min-naħa l-oħra, li ma kienx ċert li din kienet tikkorrispondi b’mod preċiż għan-numru ta’ stallazzjonijiet inklużi fl-iskema mir-Repubblika tal-Polonja. Hija kkonkludiet minn dan fl-istess premessa li “ma [setax] għaldaqstant jiġi eskluż li l-emissjonijiet ġew sopravalutati minħabba l-ammonti relattivi għall-emissjonijiet tas-snin preċedenti kkomunikati mir-[Repubblika tal-]Polonja” u li “ammont ta’ tluq, miksub permezz tal-medja tad-data ta’ emissjonijiet ivverifikata b’mod indipendenti għall-2005 u ammonti oħra kkomunikati mir‑[Repubblika tal-]Polonja, seta’ ma kienx realment rappreżentattiv tal-emissjonijiet reali u ma ggarantixxix li t-total ta’ kwoti ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju”.

145    F’dak li jirrigwarda r-rifjut mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ analiżi ekonomika użat mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tfassal il-PNA, il‑‑Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fir-rigward tal-istħarriġ tal‑kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterju Nru 3 tal-Anness III tad-Direttiva, il-Kummissjoni llimitat ruħha biex tafferma, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li, fost id-data kollha mqiegħda għad‑dispożizzjoni tagħha, hija kkunsidrat li dik miksuba mill-mudell Primes kienet tikkostitwixxi l-istimi l-iktar eżatti u affidabbli kemm għaż-żieda tal-PDG kif ukoll għat-titjib fil-livelli tal-karbonju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, ebda ġustifikazzjoni li tippermetti li jinftiehem kif il-mod ta’ analiżi ekonomika użat mir-Repubblika tal-Polonja ma kienx affidabbli.

146    F’dak li jirrigwarda r-rifjut tad-data mniżżla fil-PNA minħabba l-fatt li din ma kinitx, fl-opinjoni tagħha, l-aħjar disponibbli u li għaldaqstant kien jeżisti r-riskju ta’ sopravalutazzjoni tal-emissjonijiet mir‑Repubblika tal-Polonja, hemm lok li jiġi kkonstatat li, meta tinqara d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tagħmel paragun bejn il-kwantità totali tal-kwoti proposti mir-Repubblika tal‑Polonja fil-PNA mar-riżultati tal-kalkoli tagħha stess. B’hekk fuq il‑bażi ta’ dan il-paragun, hija kkunsidrat li sopravalutazzjoni tal‑imsemmija kwantità ma setatx tiġi eskluża u għaldaqstant, billi bbażat ruħha fuq din l-ipoteżi sempliċi, iddeċidiet li twarrab l‑informazzjoni mniżżla mir-Repubblika tal-Polonja fil-PNA.

147    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma identifikat bl-ebda mod fid‑deċiżjoni kkontestata d-data mniżżla fil-PNA li hija kkunsidrat bħala “inqas affidabbli”. L-iktar l-iktar, hija llimitat ruħha, fil-premessa 5 tad‑deċiżjoni kkontestata, biex tirreferi għad-data kkomunikata mir‑Repubblika tal-Polonja għas-snin preċedenti.

148    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma spjegatx kif id-data mniżżla fil-PNA ma kinitx affidabbli. L-iktar l-iktar, hija affermat li ma ġietx ivverifikata b’mod indipendenti u koerenti.

149    Fuq dan il-punt tal-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fir‑rigward tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha, kif tfakkar ukoll fil‑punt 83 hawn fuq, il-Kummissjoni ma pprovdiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ebda element li jista’ jippermetti li jinftiehem b’mod suffiċjenti kif l-għażla tal-metodu ta’ analiżi ekonomika u d-data użata mir-Repubblika tal-Polonja kienu kuntrarji għad-dritt Komunitarju.

150    Barra minn hekk, dejjem fuq dan il-punt tal-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja tafferma li d-data mniżżla fil-PNA kienet is-suġġett ta’ rapport fil-kuntest tal-UNFCCC u, f’dan ir-rigward, kienet ġiet issorveljata mill-Kummissjoni. Madankollu, b’risposta għal dan l‑argument, il-Kummissjoni tillimita ruħha biex tafferma li dan ma jinvolvix awtomatikament ir-“rikonoxximent” tagħha fil-kuntest tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti.

151    Dwar dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, inkwantu d-Direttiva ma tipprovdix il-metodu ta’ analiżi ekonomika li għandha tintuża mill‑Istati Membri sabiex ifasslu l-PNA tagħhom, u f’dan ir-rigward, tirrikonoxxi ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lil dawn tal-aħħar, tali motivazzjoni ma tippermettix li jinftehmu r-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni warrbet l-imsemmija data użata mir-Repubblika tal-Polonja. Fil‑fatt, peress li hi la kkontestat il-fatt li d-data mniżżla fil-PNA ma kienet is-suġġett ta’ rapport għall-UNFCCC u lanqas il-fatt li, kif tafferma wkoll ir-Repubblika tal-Polonja, hija stess stħarrġet l‑imsemmija data, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma jistax jiġi eskluż, a priori, li din tippreżenta ċertu grad ta’ affidabbiltà. Konsegwentement, minn tal-inqas il-Kummissjoni għandha tispjega kif l-informazzjoni mniżżla mir-Repubblika tal-Polonja fil-PNA ma kinitx affidabbli u, abbażi ta’ dan, kif setgħat tiġi rrifjutatat skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva.

152    L-affermazzjoni tal-Kummissjoni biss, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kalkolu tagħha wasslu għar-riżultati l-iktar affidabbli mhijiex suffiċjenti, fid-dawl tat-tqassim tal‑kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni mfakkra fil-punti 82 sa 90 hawn fuq, sabiex tispjega kif id-data użata mir-Repubblika tal-Polonja fil-PNA ma tirrispettax il-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva.

153    Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri biex ifasslu l-PNA, billi warrbet b’hekk il-metodu ta’ analiżi użat mir-Repubblika tal‑Polonja kif ukoll id-data mniżżla fil-PNA, il-Kummissjoni kisret l‑obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi ddikjarata bħala fondata.

154    Mill-konklużjonijiet li saru fil-punti 133 u 153 hawn fuq kif ukoll mill‑kunsiderazzjonijiet ifformulati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil‑punti 93 sa 95 hawn fuq jirriżulta li t-tieni motiv, ikkunsidrat fiż-żewġ partijiet tiegħu, għandu jintlaqa’ u għaldaqstant, għandhom jiġu annullati l‑Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il‑konsegwenzi tal-annullament tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l‑Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

155    F’dan l-istadju ta’ eżami tar-rikors preżenti, hemm lok li jiġu evalwati liema huma l‑konsegwenzi li jista’ jkollu l-annullament tad-dispożizzjonijiet tad‑deċiżjoni kkontestata previsti fil-punt 154 hawn fuq fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess att.

156    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li l-annullament tagħhom qed jintalab jistgħu jiġu mifruda mill-kumplament tal-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Deċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, punt 45 u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-239/01, Ġabra p. I-10333, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑378/00, Ġabra p. I-937, punt 30). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-eżiġenza ta’ separazzjoni mhijiex sodisfatta fil-każ fejn l-annullament parzjali ta’ att jkollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punt 13; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, France et vs Il‑Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 257 u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

157    F’dan il-każ, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jibda b’dawn it-termini: “[l]-aspetti li ġejjin tal-[PNA] tar-[Repubblika tal-]Polonja għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva huma inkompatibbli, rispettivament, ma’ […]”. Wara, fl‑Artikolu 1(1) sa (5) il-Kummissjoni telenka inkompatibbilitajiet differenti tal-PNA ma’ diversi kriterji tal-Anness III tad-Direttiva. Fid-dawl tal-istruttura tal-Artikolu 1, l-annullament eventwali ta’ ċerti mill-paragrafi tagħha jkollu bħala konsegwenza li jnaqqas in‑numru ta’ inkompatibbiltajiet mad-Direttiva li ġew ikkonstatati fid‑deċiżjoni kkontestata.

158    Hemm lok li jiġi osservat li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jibda bit-termini li ġejjin: “[m]hux ser jitqajmu oġġezzjonijiet għall-[PNA], suġġett għall-fatt li l-emendi iktar ’il quddiem jitwettqu b’mod mhux diskriminatorju u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun, fid-dawl tat-termini neċessarji għat-twettiq tal-proċedura nazzjonali mingħajr dewmien mhux ġustifikat”. Wara fl-Artikolu 2(1) sa (5) il-Kummissjoni tistabbilixxi, f’kull paragrafu, l-emenda tal-PNA li hija neċessarja, fl‑opinjoni tagħha, bħala rimedju għall-inkompatibbiltà ddikjarata fil‑paragrafu korrispondenti tal-Artikolu 1. B’hekk, l-annullament eventwali ta’ ċerti mill-paragrafi tagħha jkollu biss bħala konsegwenza li jżomm fis-seħħ l-obbligu tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir‑rigward tal-PNA, filwaqt li jitnaqqsu n-numru ta’ emendi li minħabba fihom ingħata inizjalment dan l-obbligu.

159    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 157 u 158 hawn fuq, l‑Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata huma marbuta strettament flimkien. Fil-fatt, kull inkompatibbiltà prevista fil-ħames paragrafi tal‑Artikolu 1, hija s-suġġett, fil-ħames paragrafi tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, ta’ proposta għal emenda sabiex il-PNA jsir kompatibbli, skont il-Kummissjoni, mad-Direttiva. Għaldaqstant, jekk jitqies li waħda mill-inkompatibbiltajiet irrilevati mill-Kummissjoni fl-Artikolu 1 mhijiex iġġustifikata, u, minħabba dan tiġi mwarrba, il-paragrafu tal‑Artikolu 2 li jipproponi emendi sabiex titneħħa l-imsemmija inkompatibbiltà jiġi awtomatikament ipprivat minn suġġett.

160    Mill-istruttura ta’ dawn iż-żewġ artikoli jirriżulta li l-paragrafi 1 sa 5 tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jistgħu jiġu separati fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 156 hawn fuq. Fil-fatt, l-annullament eventwali ta’ wieħed mill-paragrafi tal-Artikolu 1, kif ukoll dak tal-paragrafu korrispondenti tal-Artikolu 2, ikollu bħala effent li jemenda s-sustanza stess tad‑deċiżjoni kkontestata.

161    Tali annulament jissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-PNA jista’ jiġi adottat taħt il-kundizzjoni ta’ ħames emendi speċifiċi li jippermettu r-rimedju għal ħames inkompatibbiltajiet mal‑kriterji tal-Anness III tad-Direttiva, b’deċiżjoni differenti li taħtha dan il-pjan jkun jista’ jiġi adottat taħt il-kundizzjoni ta’ numru iżgħar ta’ emendi. Iktar u iktar huwa minnu li d-deċiżjoni li b’hekk tissostitwixxi lid‑deċiżjoni kkontestata tkun tant sostanzjalment differenti għal din tal‑aħħar li t-tieni motiv imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja jdaħħal inkwistjoni l-inkompatibbiltà kkonstatata u l-emenda korrispondenti meħtieġa rispettivament fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tad‑deċiżjoni kkontestata. Issa, hija preċiżament din l-inkompatibbiltà li teħtieġ l-emenda l-iktar sinjifikattiva tal-PNA.

162    Fir-rigward tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet fihom preċiżazzjonijiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, inkwantu, kif jirriżulta mill-punt 154 hawn fuq, għandhom jiġu annulati l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok, mingħajr ma jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma insostenn tar‑rikors preżenti, li tiġi annullata din tal-aħħar kollha kemm hi.

 Fuq l-ispejjeż

164    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

165    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil‑kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant ir‑Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Slovakka u r‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1295 finali, tat-26 ta’ Marzu 2007, li tirrigwarda l-pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Polonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, hija annullata.

2)      Il‑Kummissjoni għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, l‑ispejjeż tar-Repubblika tal-Polonja.

3)      Ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir‑Repubblika Slovakka u r Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2009.


Firem



Werrej


Il‑kuntest ġuridiku

I –  Leġiżlazzjoni internazzjonali u Komunitarja dwar Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima u l‑Protokoll ta’ Kyoto

II –  Leġiżlazzjoni dwar l-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

Il‑fatti li wasslu għall-kawża

Il‑proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kkontestata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva

A –  L-argumenti tal-partijiet

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.  Fuq l-eżistenza ta’ motiv ġdid allegat, imqajjem mir-Repubblika tal‑Polonja fil-fażi tar-replika u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi ta’ stħarriġ tagħha

2.  Fuq il-fondatezza tat-tieni motiv

a)  Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-għanijiet tad-Direttiva

Fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri

–  Fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri

–  Fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni

Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

b)  Fuq id-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-fondatezza tat-tieni parti tat-tieni motiv

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Il‑konsegwenzi tal-annullament tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l‑Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.