Language of document : ECLI:EU:T:2009:350

Kawża T-183/07

Ir-Repubblika tal-Polonja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Polonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 — Terminu ta’ tliet xhur — Kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal‑Kummissjoni — Trattament ugwali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 9(1) u (3), u Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87”

Sommarju tas-sentenza

1.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 9(3)) 

2.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 9(3)) 

3.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 9(3)) 

4.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(1)(3) u 11(2))

5.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87)

6.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 9(3)) 

7.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(3) u 11(2))

8.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA)

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9, 10 u 11(2)(3))

1.      Is-setgħa ta’ stħarriġ u ta’ rifjut tal-Kummissjoni ta’ pjan nazzjonali tal‑allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) nnotifikat minn Stat Membru skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità, hija ristretta ħafna, peress li għandha limiti kemm sostanzjali kif ukoll taż-żmien. Minn naħa, dan l-istħarriġ huwa limitat għall-eżami mill‑Kummissjoni tal‑kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji tal-Anness III u mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, għandu jitwettaq f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmi PNA mill-Istat Membru.

Fir-rigward tal-limiti taż-żmien, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jipprovdi terminu wieħed biss ta’ tliet xhur li fih il-Kummissjoni tista’ tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il-PNA. L‑ebda raġuni ma tippermetti sabiex jitqies li, meta jiġi nnotifikat PNA mhux komplet, it‑terminu ta’ tliet xhur li tiddisponi minnu l-Kummissjoni sabiex tiċħdu ma jistax jibda jiddekorri. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax, meta jinnotifika PNA li mhuwiex komplet, jipposponi b’mod indefinit it-teħid ta’ deċiżjoni tal‑Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 35, 36)

2.      Fin-nuqqas ta’ setgħa ġenerali ta’ awtorizzazzjoni stricto sensu tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) nnotifikat, in-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet minn naħa tagħha mal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu 9(3) tad‑Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ma jistax ikun ta’ bażi għal kwalunkwe preżunzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-PNA.

Fil-fatt, l-istħarriġ a priori mwettaq skont l-imsemmi Artikolu 9(3) ma jwassalx neċessarjament għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tintervjeni biss fil-każ fejn hija tqis li huwa neċessarju li tqajjem xi oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-PNA nnotifikat, u li tieħu, fil-każ tar-rifjut ta’ Stat Membru li jemenda l-PNA tiegħu, deċiżjoni ta’ rifjut. Fin-nuqqas ta’ dan, il-PNA nnotifikat isir definittiv u jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità li tippermetti li tintemm il-projbizzjoni temporanja tal-eżekuzzjoni tal-PNA mill-Istat Membru.

(ara l-punti 41, 42)

3.      Il-Kummissjoni tista’ tintervjeni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, previst mill-Artikolu 9(3), tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għal‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, mhux biss, inizjalment, billi tqajjem xi oġġezzjonijiet jew billi tagħhmel xi domandi fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) nnotifikat, iżda wkoll, imbagħad, fil-każ tar-rifjut ta’ Stat Membru li jemenda l-PNA tiegħu, billi tadotta deċiżjoni ta’ rifjut tal-PNA nnotifikat. Meta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ikollha bħala effett li tinterrompi t-terminu ta’ tliet xhur, meta l-Kummissjoni tqajjem xi oġġezzjonijiet jew tagħmel xi domandi fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-PNA nnotifikat, it-terminu ta’ tliet xhur jiġi sospiż.

(ara l-punt 43)

4.      Id-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, għall-finijiet tal‑implementazzjoni ta’ din l-iskema, tiddetermina b’mod ċar u espliċitu, fl‑Artikolu 9(1) u (3) u fl-Artikolu 11(2), it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil, l-istħarriġ u l‑implementazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) nnotifikat.

Fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri, mill‑imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri biss huma kompetenti, fil-bidu, biex ifasslu PNA billi jippreċiżaw il‑kwantità totali tal-kwoti li huma qegħdin jipproponu li jallokaw għall‑perijodu kkonċernat u l-mod kif jipproponu li jattribwuhom u, imbagħad, biex jiddeċiedu l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jallokaw għal kull perijodu ta’ ħames snin u biex jibdew il-proċess ta’ allokazzjoni individwali ta’ dawn il-kwoti. Huwa minnu li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tal‑imsemmija direttiva, l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, bħal dawk elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, skont it-tieni sentenza tal‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrifjuta totalment jew parzjalment PNA, l-Istat Membru ma jista’ jieħu deċiżjoni skont l‑Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva biss jekk l-emendi proposti minnu kunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

Madankollu, id-Direttiva 2003/87 ma tipprovdix b’mod ċar u preċiż il-forma u l‑mezzi sabiex jintlaħaq ir-riżultat li hija tistabbilixxi. L-Istati Membri jiddisponu għaldaqstant minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għat traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u għaldaqstant, sabiex jagħżlu l-miżuri li jikkunsidraw l-iktar adatti sabiex jintlaħaq, fil-kuntest speċifiku ta’ suq tal-enerġija nazzjonali, l-għan stabbilit minn din id-direttiva.

(ara l-punti 84-88)

5.      Fil-kuntest tal‑implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal‑gassijiet serra ġewwa l-Komunità stabbilita mid-Direttiva 2003/87, il‑possibbiltà li l-Kummissjoni tuża l-istess metodu ta’ evalwazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) għall-Istati Membri kollha twassal mhux biss għar-rikonoxximent tas-setgħa reali tagħha ta’ uniformizzazzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, iżda wkoll għal rwol ċentrali fit-tfassil tal-PNA. Issa, la tali setgħa ta’ uniformizzazzjoni u lanqas tali rwol ċentrali ma ngħataw lill‑Kummissjoni mil-leġiżlatur fid-Direttiva, fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ tal-PNA.

Fil-fatt, l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-Istati Membri ma tistax ikollha bħala effett li timmodifika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif previst mid-Direttiva 2003/87, skont il‑prinċipju ta’ sussidjarjetà li suppost ġie osservat meta din ġiet adottata.

(ara l-punti 104, 106)

6.      Deċiżjoni li tirrigwarda pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA), adottata mill-Kummissjoni skont id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, li tikkonstata l-ksur ta’ diversi kriterji tal-Anness III tal-imsemmija direttiva, filwaqt li l-Kummissjoni tkun sempliċement issostitwixxiet id-data tagħha b’dik imniżżla fil-PNA, mingħajr ma tkun ikkontrollat il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal‑kriterji stabbiliti fid-Direttiva, ma tosservax it-tqassim tal-kompetenzi bejn l‑Istati Membru u l-Kummissjoni, kif iddefinit fid-Direttiva.

Il-metodu ta’ stħarriġ tal-PNA adottat mill-Kummissjoni, li jikkonsisti fit-tqabbil tad-data mniżżla fil-PNA mad-data li hija kienet kisbet mill-metodu ta’ evalwazzjoni jwassal, fil-prattika, li jippermetti lill‑Kummissjoni tfassal hija stess, b’mod kompletament awtonomu, il‑PNA ta’ referenza tagħha u li tevalwa l‑kompatibbiltà tal-PNA nnotifikati, mhux fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fid‑direttiva, iżda, qabel kollox, fid-dawl tad-data u r-riżultati miksuba mill‑metodu tagħha stess.

(ara l-punti 107, 108, 110)

7.      Il-konsultazzjoni tal-pubbliku, kif prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fuq il-bażi ta’ din l‑istess dispożizzjoni, tkun superfluwa, u l-kummenti tal-pubbliku jkunu sempliċement teoretiċi, jekk l-emendi ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) li jistgħu jiġu proposti wara deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva jkunu ristretti għal dawk indikati mill-Kummissjoni.

Fil-fatt l-Istati Membri jistgħu, mingħajr ma jkunu neċessarjament marbuta bir‑rakkomandazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni f’deċiżjoni meħuda skont l-imsemmi Artikolu 9(3), mhux biss jikkorreġu u jaġġornaw il-PNA tagħhom wara tali deċiżjoni, iżda wkoll jaġġustawh wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni individwali tagħhom. Barra minn hekk, fid-dawl kemm tal-kliem tad‑Direttiva kif ukoll tal-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-iskema li hija tistabbilixxi, il-Kummissjoni hija marbuta li tiżgura, b’mod permanenti, li l-PNA jieħdu inkunsiderazzjoni d-data u l‑informazzjoni l-iktar eżatta u għaldaqstant l-iktar aġġornata possibbli sabiex issir l-inqas ħsara possibbli għall-iżvilupp ekonomiku u għall-impjieg, filwaqt li tinżamm skema effiċjenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

(ara l-punti 116-118)

8.      Billi tistabbilixxi, fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tirrigwarda pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA), adottat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall‑iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità, livell massimu għall-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni, limitu li jekk jinqabeż il-PNA jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-Direttiva, il-Kummissjoni tmur lil hinn mill-kompetenzi li hija għandha taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet.

Fil-fatt, skont l-Artikoli 11(2) u (3) tal-istess direttiva, huwa kull Stat Membru, u mhux il-Kummissjoni, li għandu, fuq il-bażi tal‑PNA mfassal skont tal-Artikolu 9 u skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, jiddeċiedi fuq il-kwantità totali tal‑kwoti li ser jalloka fil‑perijodu inkwistjoni, jibda l-proċess ta’ allokazzjoni ta’ dawn il‑kwoti lill-operaturi ta’ kull installazzjoni, kif ukoll jiddeċiedi fuq l‑allokazzjoni ta’ dawn l-imsemmija kwoti.

(ara l-punti 123, 126, 131)