Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Roca Sanitario vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-408/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Roca Sanitario, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: J. Folguera Crespo u M. Merola, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta' Ġunju 2010, sa fejn dawn jirrigwardaw lil Roca Sanitario;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq Roca Sanitario, skont l-argumenti esposti fir-rikors, sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa rilevati għar-raġunijiet esposti hemmhekk jew għal raġunijiet oħra li l-Qorti Ġenerali tista' tevalwa;

sussidjarjament, u fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikorsi l-oħra ppreżentati minn Roca France jew Laufen Austria billi tnaqqas il-multa imposta permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta' Ġunju 2010, għal ksur imwettaq minn dawn il-kumpanniji li magħhom hija responsabbli in solidum Roca Sanitario, tirrikonoxxi d-dritt ta' Roca Sanitario għal tnaqqis ekwivalenti tal-ammont tal-multa li hija responsabbli in solidum għaliha, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Roca Sanitario.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rikors hija l-istess waħda bħal dik ikkontestata fil-Kawżi T-364/10, Duravit et vs Il-Kummissjoni u T-368/10, Rubinetteria Cisal vs Il-Kummissjoni.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk invokati f'dawn il-kawżi.

Ir-rikorrenti ssostni, b'mod partikolari, żball manifest ta' evalwazzjoni fid-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum għal-ksur allegatament imwettaq minn Roca France u Laufe Austria, peress li nqabeż b'mod kunsiderevoli l-ammont massimu tal-multa li jista' jiġi impost skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat 1.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tinjora, mingħajr motivazzjoni, il-prova sostanzjali li hija pproduċiet, li tikkonfuta l-preżunzjoni li r-rikorrenti kienet teżerċità influenza deċiżiva fuq Roca France u Laufen Austria għall-finijiet tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà u tal-kalkolu tal-multa.

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra d-drittijiet tad-difiża, peress li tibbaża r-responsabbiltà tagħha fuq punti ta' fatt u fuq evalwazzjonijiet suġġettivi li ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma ngħatatx l-opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205