Language of document : ECLI:EU:F:2008:40

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

8 ta’ April 2008

Kawża F-134/06

Giovanni Bordini

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni – Stat Membru ta’ residenza – Kunċett ta’ residenza – Kunċett ta’ residenza prinċipali – Dokumenti ta’ sostenn”

Test sħiħ bil-lingwa tal-kawża (il-Franċiż) …………. II-A-1 - 0000

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Bordini jitlob, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Jannar 2006, li tirrifjuta l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni tar-Renju Unit għall-pensjoni tiegħu, kif ukoll l-annullament, sa fejn hemm bżonn, tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2006 li tiċħad l-ilment tiegħu mressq fid-19 ta’ April 2006, u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas, fuq is-somom dovuti abbażi tal-applikazzjoni retroattiva tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni tar-Renju Unit għall-pensjoni tiegħu sa mill-1 ta’ April 2004, l-interessi, abbażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjud b’żewġ punti.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż tar-rikorrent relatati mal-laqgħa informali tal-5 ta’ Ġunju 2007. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ nofs l-ispejjeż tiegħu għal-laqgħa informali tal-5 ta’ Ġunju 2007.

Sommarju

Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 82)

Il-kunċett ta’ residenza, skont l-Artikolu 82 tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, li jipprovdu għall-applikazzjoni għall-pensjonijiet tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni stabbilit għall-pajjiż li fih il-persuna intitolata għall-pensjoni tiġġustifika li tkun stabbiliet ir-residenza tagħha, jistabbilixxi l-post fejn l-ex uffiċjal ikun effettivament stabbilixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu, jiġifieri l-post fejn il-persuna kkonċernata tkun stabbiliet, bir-rieda li tagħtih karattru stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha u fejn hija meqjusa li tagħmel l-infieq tagħha. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ residenza jimplika, indipendentement mill-informazzjoni purament kwantitattiva taż-żmien mgħoddi mill-persuna fit-territorju ta’ pajjiż jew ieħor, minbarra l-fatt fiżiku tal-għixien f’ċertu post, l-intenzjoni li dan il-fatt jingħata l-kontinwità li tirriżulta minn drawwa ta’ ħajja u ta’ kif jiżvolġu r-relazzjonijiet soċjali normali. Dan il-kunċett ta’ residenza huwa partikolari għas-servizz pubbliku Komunitarju u mhux neċessarjament jaqbel mal-interpretazzjonijiet nazzjonali ta’ dan it-terminu.

(ara l-punti 69 u 86)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Ġunju 2003, Del Vaglio vs Il‑Kummissjoni, T‑124/01 u T‑320/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑767, punti 70, u l-ġurisprudenza ċċitata, 71, u l-ġurisprudenza ċċitata, u 72; 12 ta’ Settembru 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑320/04, Ġabra p. I‑0000, punt 39; 27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il‑Kunsill, T‑416/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑897, punt 71