Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2010 - Rubinetteria Cisal vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-368/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Rubinetteria Cisal (Alzo Frazione di Pella, l-Italja) (rappreżentant: M. Pinnarò, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni C(2010) 4185 tat-23 ta' Ġunju 2010;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tannullax il-multa imposta, tnaqqas il-multa għal ammont iktar approprjat;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża preżenti hija l-istess bħal dik fil-kawża T-364/10, Duravit et vs Il-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti insostenn tat-talbiet tagħha:

Ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 101 TFUE u 53 ŻEE

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni, fil-parti li tikkonċernaha, hija assolutament żbaljata, billi Cisal ma pparteċipatx (lanqas inkonxjament) f'akkordju, u dan għaliex hija llimitat ruħha għall-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali mhux sensittiva, mhux irriżervata u (kważi fil-każijiet kollha) sussegwenti għall-għażliet magħmula b'mod awtonomu, fejn l-imsemmija informazzjoni kienet diġà tqassmet fis-suq.

Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rwol, l-implikazzjoni, ir-responsabbiltà, il-vantaġġi, eċċ., ta' kull produttur ivarjaw b'mod kunsiderevoli bejniethom. B'mod konkret, il-konvenuta ma tistabbilixxi ebda differenza u ma tispjegax għalfejn għandha tiġi imposta s-sanzjoni massima fuq Cisal, filwaqt li din: i) qatt ma kienet parti minn waħda miż-żewġ assoċjazzjonijiet (Michelangelo); ii) qatt ma kellha kuntatti bilaterali; iii) qatt ma ħadet sehem fil-laqgħat li matulhom ġew diskussi t-tliet prodotti (iżda biss il-viti u l-artikli tal-ċeramika); iv) dejjem żammet parti żgħira tas-suq.

Għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonstata u tikkunsidra l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, kif ukoll il-portata tas-suq ġeografiku rilevanti; il-konvenuta kellha tikkunsidra wkoll il-kapaċità effettiva ta' Cisal - f'termini ekonomiċi - li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll tal-piż speċifiku tagħha.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssemmi l-bażi ta' kalkolu żbaljata li ntużat fil-kwatifikazzjoni tal-multa, kif ukoll in-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni ta' ċirkustanzi attenwanti.

____________