Language of document : ECLI:EU:T:2011:378

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

14 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur – Drittijiet tad-difiża – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet – Prinċipju ta’ legalità tad-delitti u l-pieni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Ċertezza legali – Użu ħażin ta’ poter – Multi”

Fil-Kawża T‑190/06,

Total SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

Elf Aquitaine SA, stabbilita f’Courbevoie,

irrappreżentati minn É. Morgan de Rivery, A. Noël-Baron, u E. Lagathu, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u O. Beynet, sussegwentement minn V. Bottka, P. J. Van Nuffel u B. Gencarelli, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fuq bażi prinċipali, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni C (2006) 1776 finali tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), u, fuq bażi sussidjarja, talba għar-riforma tal-Artikolu 2(i) tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), fil-funzjoni ta’ President, M. Prek, A. Dittrich, L. Truchot u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Total SA u Elf Aquitaine SA, huma kumpanniji stabbiliti taħt id-dritt Franċiż, kumpanniji parent tal-grupp li għalih kienet tappartjeni Arkema France SA (li qabel kienet Atofina SA, iktar ’il quddiem, “Arkema”), li b’mod partikolari kienet tikkummerċjalizza, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem, il-“PI”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem, il-“PBS”).

2        Bejn id-data tal-bidu tal-ksur u x-xahar ta’ April 2000, Elf Aquitaine kienet l-azzjonista prinċipali ta’ Arkema, b’97.5 % tal-ishma. Wara dik id-data, Elf Aquitaine kellha 96.48 % tal-ishma ta’ Arkema, waqt li Total kellha 99.43 % tal-ishma ta’ Elf Aquitaine.

3        F’Novembru 2002, Degussa AG informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PI u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il-quddiem, il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

4        Degussa pproduċiet provi materjali lill-Kummissjoni li ppermettewlha twettaq, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, spezzjonijiet fil-bini ta’ tliet impriżi, fosthom dawk ta’ Arkema.

5        Wara dawn l-ispezzjonijiet, diversi impriżi, fosthom EKA Chemicals AB, Arkema u Solvay SA, talbu l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u bagħtu lill-Kummissjoni provi dwar l-akkordju inkwistjoni.

6        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.

7        Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati, li seħħ fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals, Degussa, Edison SpA, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air liquide SA, Chemoxal SA, SNIA SpA, Caffaro Srl, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, ir-rikorrenti Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PI u tal-prodott sekondarju [downstream], il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali tal-produzzjoni, fi tqassim tal-ishma tas-suq u tal-klijenti kif ukoll fl-iffissar u s-sorveljanza tal-osservanza tal-prezzijiet mixtieqa.

10      Ir-rikorrenti u Arkema inżammu responsabbli “konġuntament u in solidum” għall-ksur (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, P. 171), iktar ’il quddiem, il-“linji gwida”).

12      Il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti bażiċi tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), li ġie kklassifikat bħala gravi ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Skont trattament differenzjat, ir-rikorrenti u Arkema ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun (premessi 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti, ġie applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 fuq dan l-ammont inizjali, fid-dawl tal-fatturat konsiderevoli tar-rikorrenti (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Peress li Arkema u Elf Aquitaine ħadu sehem fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mit-12 ta’ Mejju 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri għal perijodu ta’ ħames snin u seba’ xhur, l-ammont tal-multa imputabbli lilhom ġie miżjud b’55 % abbażi tat-tul ta’ żmien (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Dik iż-żieda ma ġietx applikata għall-multa imputabbli lil Total, li nżammet responsabbli għall-ksur għall-perijodu bejn it-30 ta’ April u l-31 ta’ Diċembru 2000 (premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm ċirkustanza aggravanti fir-rigward ta’ Arkema, wara li qieset is-sitwazzjoni ta’ reċidiva fir-rigward tal-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni tagħha 85/74/KEE tat-23 ta’ Novembru 1984, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (każ IV/30.907 – Prodotti tal-Perossiġenu) (ĠU 1985, L 35, p. 1), u d-Deċiżjoni tagħha 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (każ IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14). Konsegwentement, hija applikat, fuq l-ammont bażiku tal-multa imputabbli lil Arkema, żieda ekwivalenti għal 50 % tal-ammont bażiku li kien jiġi applikat kieku r-rikorrenti, il-kumpanniji parent tal-grupp, ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 469 sa 471 u nota ta’ qiegħ il-paġna nru 409 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni kkunsidrat li Arkema kienet it-tieni impriża li ssodisfat il-kundizzjoni msemmija fil-punt 21 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u, fuq din il-bażi, applikat fir-rigward tagħha tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 30 %, u dak it-tnaqqis ġie applikat fuq l-ammont totali tal-multa imposta kontra Arkema u kontra r-rikorrenti (premessi 509 sa 514 u 529 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      L-Artikolu 1(o) sa (q) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li t-tliet kumpanniji kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fil-ksur ikkonċernat: Total, mit-30 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2000, waqt li Arkema u Elf Aquitaine, mit-12 ta’ Mejju 1995 sal-31 ta’ Diċembru 2000.

19      L-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi multa ta’ EUR 78.663 miljun kontra Arkema, li minnha Total u Elf Aquitaine jinżammu responsabbli “konġuntament u in solidum”, rispettivament, għall-ammonti ta’ EUR 42 miljun u EUR 65.1 miljun.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

21      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ġiet irrinvjata quddiem is-Sitt Awla Estiża.

22      Peress li żewġ membri tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina żewġ Imħallfin oħra, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompletaw l-Awla.

23      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, iddekretati mill-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2010, il-Kummissjoni pproduċiet, b’ittra tal-4 ta’ Mejju 2010, ċerti elementi tal-fajl amministrattiv invokati mir-rikorrenti fir-rikors.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-3 ta’ Settembru 2010.

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fuq bażi prinċipali, tannulla l-Artikolu 1(o) u (p), l-Artikolu 2(i) u l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        fuq bażi sussidjarja, tirriforma l-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni kkundannathom in solidum ma’ Arkema għal multa, u tnaqqas l-ammont ta’ dik il-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi, li jallegaw, l-ewwel, ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet, ksur tal-uniċità tal-kunċett ta’ impriża, ir-raba’, ksur tar-regoli tal-imputabbiltà lill-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom, il-ħames, żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ Total, is-sitt, ksur ta’ diversi prinċipji essenzjali rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha u li jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika tal-Unjoni, is-seba’, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tmien, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-disa’, ksur ta’ ċerti prinċipji fundamentali li jirregolaw l-iffissar ta’ multi, u l-għaxar, użu ħażin ta’ poter.

28      Fuq bażi sussidjarja, permezz tal-ħdax-il motiv, ir-rikorrenti jitolbu tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Il-Qorti Ġenerali jidhrilha li huwa opportun li jiġi eżaminat fl-ewwel lok l-argument issollevat fil-kuntest tar-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, li jallega ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom

30      Ir-raba’ motiv jikkonsisti fi tliet partijiet. Għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok it-tieni parti ta’ dak il-motiv.

 Fuq it-tieni parti, li tallega żball ta’ dritt fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà u dwar l-osservanza mill-Kummissjoni tal-prattika deċiżjonali tagħha

–       Osservazzjonijiet preliminari

31      Għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrigwarda l-attivitajiet ta’ impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jħaddan kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, dik l-unità ekonomika tkun komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu jiġi imputat b’mod inekwivoku lil persuna ġuridika li kontriha jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar. Huwa importanti wkoll li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tindika f’liema kwalità persuna ġuridika tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 59).

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni iuris tantum li l-imsemmija kumpannija teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ippreċiżat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ dik il-kumpannija sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fil-każ ineżami, fil-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Unjoni, il-prinċipji li hija kienet intiża li tapplika sabiex tidentifika d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Hija fakkret li kumpannija parent setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir illegali ta’ kumpannija sussidjarja, inkwantu din tal-aħħar ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent. Hija ppreċiżat li, essenzjalment, jista’ jiġi preżunt li kumpannija sussidjarja li tkun 100 % l-proprjetà tal-kumpannija parent essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, u li din tal-aħħar tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni bi prova kuntrarja (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Rigward ir-responsabbiltà ta’ Elf Aquitaine, il-Kummissjoni rrilevat li din kellha 98 % tal-kapital ta’ Arkema u dejjem innominat il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar. B’hekk, il-Kummissjoni ppreżumiet li Elf Aquitaine kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Rigward Total, il-Kummissjoni indikat li din kienet assumiet il-kontroll ta’ 99.43 % tal-kapital ta’ Elf Aquitaine f’April 2000, li hija kienet tikkontrolla direttament jew indirettament il-kapital tal-kumpanniji tal-grupp li kellhom rwol dirett fl-aġir illeċitu u li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hija ppreżumiet l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ta’ Total fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha Elf Aquitaine u Arkema (premessi 428 u 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Fil-premessi 430 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-argumenti invokati mir-rikorrenti kontra l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni u eżaminathom fil-premessi 433 sa 440 tagħha.

44      Fil-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonfermat il-konklużjoni tagħha, fejn qalet li Arkema u r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu impriża waħda, u żammithom responsabbli għall-ksur inkwistjoni, waqt li ppreċiżat li Total kienet responsabbli għall-ksur biss mid-data meta assumiet il-kontroll tal-kapital ta’ Elf Aquitaine, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ April u l-31 ta’ Diċembru 2000.

45      Fil-kontestazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, żewġ ilmenti li jirrigwardaw, minn naħa, il-validità tal-preżunzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda tal-provi mressqa biex tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ Arkema.

–       Fuq il-validità tal-preżunzjoni inkwistjoni

46      Ir-rikorrenti jargumentaw, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tmur kontra l-ġurisprudenza u l-prattika deċiżjonali tagħha stess dwar dan is-suġġett, iżżommhom responsabbli għall-aġir ta’ Arkema unikament fuq il-bażi tal-preżunzjoni marbuta mal-kontroll kważi totali tagħhom tal-kapital ta’ dik is-sussidjarja.

47      Għandu jiġi kkonstatat li l-metodu segwit mill-Kummissjoni biex jiġi imputat il-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti, inkwantu kien ibbażat fuq il-preżunzjoni inkwistjoni, huwa konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 38 iktar ’il fuq.

48      Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li donnhom jissuġġerixxu r-rikorrenti, dik l-imputazzjoni ma hijiex ibbażata biss fuq l-istruttura tal-pussess tal-kapital, iżda wkoll fuq il-konstatazzjoni li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħhom ma ġietx ikkonfutata (ara b’mod partikolari l-premessi 437 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn dik il-ġurisprudenza (ara b’mod partikolari l-punti 37 u 38 iktar ’il fuq) li l-istruttura tal-pussess tal-kapital ta’ kumpannija sussidjarja tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti sabiex issir dik il-preżunzjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tressaq indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent, kif jeżiġu r-rikorrenti.

50      Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-fatt li dawk l-indizji supplimentari setgħu jiġu rrilevati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punti 13 u 54). Fil-fatt, kemm mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 61 u 62) kif ukoll mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq (punti 61 u 62), jirriżulta b’mod inekwivoku li l-implementazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ tali indizji. Bl-istess mod, ma huwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi għal dan il-għan li l-kumpannija parent kienet taf, fil-mument meta seħħew il-fatti, bl-aġir illeċitu tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

51      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tikkonċerna speċifikament il-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 60). Iżda f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma għandhiex il-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja kkonċernata (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

52      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jissollevaw ebda argument ibbażat fuq il-fatt li l-ishma tagħhom ma kinux jilħqu l-100 %. Għall-kuntrarju, l-argument tagħhom dwar il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirrikorri għall-preżunzjoni inkwistjoni jirrigwarda mingħajr distinzjoni s-sitwazzjoni tal-pussess ta’ “100 % jew qrib” tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, u b’hekk jikkonferma li huma ma jopponux l-applikazzjoni tal-istess reġim probatorju fiż-żewġ sitwazzjonijiet.

53      Finalment, anki jekk nassumu li, kif isostnu r-rikorrenti, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur, il-Kummissjoni invokat indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent, dak is-sempliċi fatt ma jistax ikun ta’ natura li jpoġġi f’dubju l-validità tal-metodu ta’ imputazzjoni applikat f’din il-kawża.

54      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-firxa ta’ indizji mressqa mir-rikorrenti biex jistabbilixxu l-awtonomija ta’ Arkema fis-suq

55      Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni, il-kumpannija parent għandha tressaq provi suffiċjenti li juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi fis-suq b’mod awtonomu.

56      F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-elementi kollha pertinenti fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dik il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 61 u 74).

57      B’mod partikolari, ma hemmx lok li din l-evalwazzjoni tiġi limitata għall-elementi marbuta mal-politika kummerċjali stricto sensu tal-kumpannija sussidjarja, bħall-istrateġija tad-distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkonfutata biss billi jintwera li hija l-kumpannija sussidjarja li tiġġestixxi dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi struzzjonijiet f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 65 u 75).

58      F’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti invokaw argument ibbażat fuq l-awtonomija ta’ Arkema, billi sostnew b’mod partikolari li l-grupp tagħhom kien ikkaratterizzat minn ġestjoni deċentralizzata ta’ kumpanniji sussidjarji, li Arkema ddefinixxiet b’mod awtonomu d-direzzjonijiet strateġiċi tagħha dwar l-attivitajiet tagħha, li l-ġestjoni tal-attività tagħha fis-suq ma kinitx suġġetta għall-istruzzjonijiet tal-kumpanniji parent, li hija kienet tagħti rendikont lil dawn tal-aħħar biss f’termini ġenerali, li hija kellha awtonomija finanzjarja u s-setgħa ta’ kontrattazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom minn qabel u li hija kienet tiddefinixxi l-istrateġija ġuridika tagħha b’mod awtonomu. Barra minn hekk l-awtonomija ta’ Arkema ġiet ikkonfermata mill-perċezzjoni ta’ terzi.

59      Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti ppreżentaw biss tliet fuljetti maħruġa minn Arkema u minn waħda minnhom, Elf Aquitaine, bit-titolu “Swieq u professjonijiet”, rispettivament għas-snin 1995, 2000 u 2003. Indipendentement mill-kwistjoni dwar liema valur probatorju għandu jiġi attribwit lil dawk id-dokumenti, għandu jiġi kkonstatat li dan fih biss informazzjoni frammentarja dwar ir-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija sussidjarja tagħhom. B’hekk, dawk id-dokumenti jistgħu jiċċertifikaw, sal-massimu, li Arkema kienet tikkostitwixxi unità deċentralizzata, il-“fergħa kimika”, fi ħdan il-grupp, li hija kellha ssir entità indipendenti fl-2006 u li hija kienet timmanifattura numru importanti ta’ prodotti f’oqsma differenti. Bl-eċċezzjoni tal-fuljett “Swieq u professjonijiet” dwar is-sena 2000, dawk id-dokumenti jikkonċernaw snin mhux inklużi fil-perijodu tal-ksur.

60      Barra minn hekk, f’nota ta’ qiegħ il-paġna tar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti għamlu riferiment għal ċerti elementi li jirriżultaw mir-risposta ta’ Arkema għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni.

61      L-elementi inkwistjoni, ippreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-4 ta’ Mejju 2010, jinkludu dokument bit-titolu “Poteri interni u impenji ta’ spejjeż” u lista ta’ diretturi tal-kumpanniji tal-grupp għas-snin 1991 sa 2003.

62      Fir-rigward tal-ewwel dokument, jirriżulta mir-risposta ta’ Arkema għat-talba għal informazzjoni, ippreżentata mill-Kummissjoni, li dan jinkludi r-regoli li jiddeterminaw id-dritt ta’ involviment tal-grupp, applikabbli “sa mill-2001”. Skont dan id-dokument, il-kumitat eżekuttiv ta’ Total jintervjeni biss għad-deċiżjonijiet tal-kumpanniji sussidjarji dwar investimenti ta’ iktar minn EUR 10 miljun, waqt li jiġi evalwat il-livell ta’ riskju u ta’ profittabbiltà.

63      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li d-dokument inkwistjoni, inkwantu fih jinsabu r-regoli dwar it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan il-grupp sa mis-sena 2001, ma jistax iservi bħala indizju pertinenti tar-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati matul il-perijodu tal-ksur, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2000.

64      Min-naħa l-oħra, mir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jirriżulta li dak id-dokument huwa invokat insostenn tal-argument tagħhom li huma qatt ma intervjenew fil-ġestjoni tal-attività ta’ Arkema dwar il-PI u l-PBS, u li l-intervent tagħhom kien illimitat għall-iktar investimenti importanti tal-kumpannija sussidjarja. L-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi stabbilita billi sempliċement jintwera li din tiġġestixxi b’mod awtonomu l-aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur.

65      Fir-rigward tat-tieni dokument, li jagħti lista tad-diretturi tal-kumpanniji kkonċernati, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-fatt li wħud mid-diretturi tal-kumpannija parent u tal-kumpannija sussidjarja huma l-istess jikkostitwixxi indizju tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, in-nuqqas ta’ tali sovrapożizzjoni ma jistax jikkostitwixxi indizju suffiċjenti tal-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja.

66      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ma kienx issostanzjat minn elementi ta’ prova konkreti tal-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħhom u b’hekk kien jikkonsisti, essenzjalment, f’sempliċi affermazzjonijiet, li manifestament ma jistgħux jikkostitwixxu firxa ta’ indizji suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument inkwistjoni ma kienx ta’ natura tali li juri l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħhom.

68      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li Elf Aquitaine kienet biss kumpannija holding mhux operattiva, kumparabbli għal sempliċi “tmexxija finanzjarja”, u li dik is-sitwazzjoni ma nbidlitx wara t-teħid tal-kontroll minn Total, għandu jiġi osservat li, anki jekk nassumu li r-rikorrenti kienu biss holdings mhux operattivi, dik is-sempliċi ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti biex jiġi eskluż li huma eżerċitaw influwenza determinanti fuq Arkema, billi kkoordinaw b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Effettivament, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding hija kumpannija intiża biex tiġbor flimkien l-ishma f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hi li tiżgura l-unità fit-tmexxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 63).

69      Ir-rikorrenti jaffermaw huma stess li Elf Aquitaine kienet tintervjeni fid-deċiżjonijiet l-iktar importanti li seta’ kellhom impatt fuq il-livell tal-grupp sħiħ u li hija kienet tiddetermina politika ferm ġenerali dwar il-kompatibbiltà tal-attivitajiet tad-diversi fergħat fosthom, għall-bidliet tal-attivitajiet u għall-implantazzjoni ġeografika tal-attivitajiet fid-dinja. Dawn l-affermazzjonijiet mhux talli ma jinvalidawx l-argument dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika komposta mir-rikorrenti u l-kumpanniji sussidjarji tagħhom, iżda pjuttost jikkonfermaw li l-funzjoni ta’ Elf Aquitaine kienet li tiżgura unità fit-tmexxija u koordinazzjoni, ta’ tali natura li tinfluwixxi fuq l-aġir ta’ Arkema fis-suq.

70      Fit-tieni lok, inkwantu r-rikorrenti jindikaw li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni, huma qatt ma intervjenew fid-definizzjoni tal-istrateġija ta’ prodott partikolari tal-“fergħa kimika”, għandu jiġi rrilevat li dik l-affermazzjoni ma hijiex issostanzjata minn provi suffiċjenti. Rigward id-dimensjoni tal-grupp, l-allegat partikolariżmu tal-attività kimika fi ħdan kumpannija taż-żejt, id-daqs ta’ Arkema u n-numru konsiderevoli ta’ prodotti mibjugħa fi swieq differenti, għandu jiġi rrilevat li dawk il-provi ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, fihom infushom, li r-rikorrenti qatt ma intervjenew fid-definizzjoni tal-istrateġija kummerċjali ta’ wieħed mill-prodotti tal-“fergħa kimika”.

71      Fit-tielet lok, inkwantu r-rikorrenti jargumentaw li huma qatt ma ddefinixxew il-politika kummerċjali ta’ Arkema u li qatt ma intervjenew fil-ġestjoni tal-attività fir-rigward tal-PI u l-PBS tal-kumpannija sussidjarja tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, it-tqassim tal-kompiti jikkostitwixxi fenomenu normali li ma huwiex biżżejjed biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li r-rikorrenti u Arkema jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 81 KE. L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument li Arkema kienet tintervjeni fis-suq f’isimha u akkont tagħha stess, u mhux bħala rappreżentanta tal-kumpanniji parent tagħha Total u Elf Aquitaine.

72      Għaldaqstant, ebda konklużjoni ma tista’ tiġi dderivata mill-fatt li r-rikorrenti qatt ma kellhom klijenti komuni mal-kumpannija sussidjarja tagħha, li huma kienu assenti mis-swieq li investiet fihom il-kumpannija sussidjarja tagħhom u swieq relatati, li l-attività relatata mal-prodotti kkonċernati kienet biss parti żgħira tal-fatturat globali ta’ kull waħda mir-rikorrenti u li dawk il-prodotti kienu jirrappreżentaw biss uħud min-numru ferm kbir ta’ prodotti tal-“attività kimika” ta’ Arkema.

73      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni u ta’ relazzjoni bejnhom u Arkema, ħlief għal informazzjoni li tirriżulta mill-obbligi legali fil-qasam tal-kontabbiltà u mir-regolamenti finanzjarji, għandu jiġi osservat li, peress li l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja ma tiġix evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operattiva tal-impriża, il-fatt li l-kumpannija sussidjarja qatt ma implementat, favur il-kumpannija parent tagħha, politika ta’ informazzjoni speċifika fis-suq ikkonċernat ma hijiex suffiċjenti biex turi l-awtonomija tagħha.

74      Fil-ħames lok, għalkemm ir-rikorrenti jargumentaw li Arkema għandha s-setgħa li tiffirma kuntratti mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u għandha awtonomija finanzjarja sostanzjali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jammettu li kkontrollaw il-proġetti ta’ investiment industrijali u ta’ akkwiżizzjoni maġġuri kif ukoll l-iktar impenji importanti tal-kumpannija sussidjarja tagħhom, u li dik iċ-ċirkustanza tista’ biss issaħħaħ il-konklużjoni tal-Kummissjoni li dik il-kumpannija sussidjarja ma kinitx awtonoma.

75      Fis-sitt lok, l-istess għandu jingħad fir-rigward tal-allegat fatt li Arkema ddefinixxiet l-istrateġija ġuridika tagħha b’mod awtonomu fil-kawża inkwistjoni, sa mill-istadju tal-investigazzjoni, fejn hija ddeċidiet li tikkollabora mingħajr ma kkonsultat minn qabel lill-kumpanniji parent tagħha. Effettivament, il-fatt li impriża ma tippreżentax ruħha bħala interlokutriċi unika, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fl-istadju litiġjuż, ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li l-kumpannija sussidjarja kkonċernata hija awtonoma fil-konfront tal-kumpannija jew kumpanniji parent tagħha.

76      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ma huwiex l-involviment dirett tal-kumpannija parent fil-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda, li jawtorizza lill-Kummissjoni li żżomm lil din tal-ewwel responsabbli għall-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Kummissjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-fatt li r-rikorrenti ma ġewx informati minn Arkema u li saru jafu bl-eżistenza tal-akkordju inkwistjoni biss wara l-verifiki li saru mill-Kummissjoni fil-bini tal-kumpannija sussidjarja.

77      Fis-seba’ lok, l-argument li l-awtonomija ta’ Arkema tirriżulta wkoll mill-perċezzjoni li terzi jista’ jkollhom tagħha, inkwantu b’mod partikolari l-fatt li ma teżistix trade mark komuni bejn il-kumpanniji kkonċernati u li ma hemmx konfużjoni bejn il-kumpanniji kkonċernati f’moħħ il-fornituri, il-klijenti u l-konsumaturi, ma huwiex issostanzjat minn provi.

78      Barra minn hekk, il-fuljetti “Swieq u Professjonijiet”, annessi mar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li huma manifestament indirizzati lil terzi, jidentifikaw lil Arkema bħala li teżerċita attività kimika jew li tikkostitwixxi l-“fergħa kimika” tal-gruppi Total u Elf Aquitaine. Dan jikkontradixxi l-argument tar-rikorrenti li jindika li t-terzi kienu jipperċepixxu lil Arkema bħala operatur totalment distint mill-kumpanniji parent tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-perċezzjoni ta’ terzi fir-rigward tal-immaġni ta’ kumpannija ma hijiex biżżejjed fiha nfisha biex turi li kumpannija sussidjarja hija awtonoma fil-konfront tal-kumpannija jew kumpanniji parent tagħha.

79      Fit-tmien lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-awtonomija ta’ Arkema ġiet ikkonfermata bid-Deċiżjoni C (2003) 4570 tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi Organiċi), għandu jiġi rrilevat li dik id-deċiżjoni ma tinkludi ebda evalwazzjoni f’dan is-sens, peress li l-Kummissjoni għażlet li ma tivverifikax jekk il-ksur kellux jiġi imputat lil kumpannija parent tal-grupp (ara l-punt 212 iktar ’il quddiem).

80      Fid-disa’ lok, fir-rigward tal-element issollevat mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq il-fatt li Arkema sseparat ruħha mir-rikorrenti mill-perspettiva tal-kapital azzjonarju fit-18 ta’ Mejju 2006, għandu jiġi rrilevat li dik is-separazzjoni, li seħħet wara l-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax isservi bħala indizju rilevanti sabiex jiġu evalwati r-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati matul il-perijodu tal-ksur.

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li l-elementi mressqa mir-rikorrenti, anki meta jittieħdu fit-totalità tagħhom, ma kinux suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni.

82      Finalment, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li, billi ċaħdet l-indizji pprovduti lilha, il-Kummissjoni ttrasformat il-preżunzjoni inkwistjoni fi preżunzjoni iuris et de iure.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret ġurisprudenza stabbilita li tistabbilixxi li l-kumpannija parent tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni billi tipproduċi provi suffiċjenti li juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha aġixxiet b’mod awtonomu. F’din il-kawża, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li l-provi mressqa mir-rikorrenti, anki meta jittieħdu fit-totalità tagħhom, ma kinux suffiċjenti biex tiġi kkonfutata dik il-preżunzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jallegaw li l-preżunzjoni sempliċi inkwistjoni ġiet ittrasformata fi preżunzjoni iuris et de iure.

84      B’hekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda fit-totalità tagħha.

 Fuq l-ewwel parti, li tallega żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura oġġettiva tal-kriterju tal-imputabbiltà

85      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat in-natura oġġettiva tal-kriterji tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà, billi affermat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha f’dan ir-rigward, fil-kuntest tar-rifjut tal-argument tagħhom ibbażat fuq il-fatt li r-responsabbiltà tal-kumpannija parent ta’ Arkema ma kinitx ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni C (2003) 4570 (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Għandu jiġi osservat li, fil-premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti, dan li ġej:

“[Il]-fatt li […] il-Kummissjoni indirizzat id-Deċiżjoni [C (2003) 4570] tagħha esklużivament lil [Arkema] ma jżommhiex milli, fil-każ ineżami, tindirizza d-deċiżjoni tagħha kemm lil [Arkema] kif ukoll [lir-rikorrenti]. Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni biex tagħmel imputazzjoni tar-responsabbiltà lil kumpannija parent f’ċirkustanzi simili u l-fatt li hija ma użatx dik is-setgħa f’deċiżjoni preċedenti ma jżommhiex milli tagħmel dan f’din il-kawża.”

87      Għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni f’dan il-każ ma ppretendietx li għandha “setgħa diskrezzjonali biex tiddetermina l-kriterju pertinenti tal-imputabbiltà” u b’hekk is-setgħa li żżomm lil kumpannija responsabbli għall-ksur imwettaq minn kumpannija oħra, bi ksur tar-regoli stabbiliti mill-ġurisprudenza. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni sempliċement tirribatti l-argument tar-rikorrenti, fejn dawn qalu li ma saritx imputazzjoni fid-Deċiżjoni C (2003) 4570, indirizzata Arkema, tal-aġir ta’ din tal-aħħar lill-kumpannija parent tagħha. Barra minn hekk, minn dak li ntqal hawn fuq li jirriżulta, sabiex il-ksur inkwistjoni jiġi imputat lir-rikorrenti, il-Kummissjoni użat metodu preċiż, b’konformità mar-regoli stipulati mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mal-kunċett ta’ impriża skont id-dritt tal-kompetizzjoni.

88      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti ma huwiex validu. Fil-fatt, anki jekk nassumu li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma, il-Kummissjoni hija dejjem obbligata li tagħmel imputazzjoni tal-aġir illeċitu ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, meta dawk iż-żewġ kumpanniji jkunu jifformaw impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatt li hija ma għamlitx dan fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet preċedenti huwa mingħajr ebda konsegwenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għamlet tali imputazzjoni f’din il-kawża.

89      Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tivverifika sistematikament jekk l-aġir illeċitu ta’ kumpannija sussidjarja jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 330 u 331). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma pprevedietx il-possibbiltà li tindirizza d-Deċiżjoni C (2003) 4570 lill-kumpannija parent ta’ Arkema ma jipprekludix li hija tagħmel dan f’din il-kawża, b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà.

90      Għaldaqstant, din il-parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, li tallega ksur tal-“prinċipju ta’ awtonomija ekonomika tal-persuna ġuridika”

91      Ir-rikorrenti jargumentaw li, skont dak li huma jsejħu l-“prinċipju ta’ awtonomija ekonomika tal-persuna ġuridika”, is-sitwazzjoni fejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, anki jekk tkun ikkontrollata 100 % minn din tal-ewwel, jitqiesu li jifformaw impriża waħda tikkostitwixxi eċċezzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni marret kontra dan il-“prinċipju” meta imputat lilhom, b’mod “awtomatiku”, ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni.

92      Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha. Dan b’hekk għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, dik l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara l-punti 31 u 32 iktar ’il fuq).

93      Minn dan isegwi li l-fatt li kumpannija sussidjarja jkollha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed biex tiġi eliminata l-possibbiltà li hija tikkostitwixxi impriża waħda mal-kumpannija parent tagħha.

94      Għandu jitfakkar li l-ksur inkwistjoni ġie imputat lir-rikorrenti fuq il-bażi li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha ma ġietx ikkonfutata, peress li huma ma ppreżentawx provi suffiċjenti dwar l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jikkwalifikaw il-metodu użat f’din il-kawża bħala “awtomatiku”, għaliex hija ppermettiet għalkollox li tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni proprja tar-rikorrenti u b’mod partikolari r-rabtiet li kienu jgħaqqduhom ma’ Arkema fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni.

95      Dan il-metodu b’hekk huwa kompatibbli mal-kunċett ta’ impriża taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, inkwantu ppermetta li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti u Arkema jifformawx l-istess unità ekonomika. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq, il-fatt li dak il-metodu huwa bbażat fuq preżunzjoni u li l-oneru jinsab fuqha biex tikkontestaha billi tressaq prova kuntrarja huwa konformi mal-ġurisprudenza.

96      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li jmur kontra l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni f’din il-kawża. Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq ir-regoli tad-dritt ċivili u d-dritt kummerċjali Franċiż u Amerikan, kif ukoll fuq il-prattika deċiżjonali tal-awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża, għandu jiġi rrilevat li dawn ma humiex elementi li fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

97      Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi sempliċement mezz ta’ prova għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni u b’ebda mod ma tippreġudika r-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom u b’mod partikolari l-grad ta’ awtonomija ġuridika jew ekonomika li jista’ jkollha kumpannija sussidjarja, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli u mal-għażliet tal-kumpanniji inkwistjoni.

98      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tielet parti ta’ dan il-motiv u, b’hekk, ir-raba’ motiv fit-totalità tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ewwel motiv, li jallega ksur tad-drittijiet tad-difiża

99      L-ewwel motiv jikkonsisti f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, li tallega li kien impossibbli għar-rikorrenti li jiddefendu ruħhom b’mod utli

100    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kienet obbligata li tagħti raġunijiet għar-rifjut min-naħa tagħha tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, billi tippreżantalhom ġabra sħiħa tal-provi kollha li abbażi tagħhom ġiet stabbilita r-responsabbiltà tagħhom. Peress li ma ressqitx dan il-livell ta’ provi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ “equality of arms”.

101    Għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq jirriżulta li hija l-kumpannija parent li għandha tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni, billi tressaq provi suffiċjenti li juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. B’hekk, meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-preżunzjoni ma ġietx ikkonfutata, hija jkollha d-dritt li żżomm lill-kumpannija parent responsabbli għall-ksur, mingħajr ma huwa meħtieġ li tressaq “ġabra sħiħa ta’ provi” biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha, kif isostnu r-rikorrenti.

102    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija irrilevanti l-ġurisprudenza li għaliha jirreferu r-rikorrenti b’analoġija u li tistabbilixxi li, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tibbaża unikament fuq l-aġir tal-impriżi fis-suq biex tikkonkludi li jeżisti ksur, huma jistgħu jikkontestaw il-ksur billi jinsistu fuq iċ-ċirkustanzi li jixħtu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li b’hekk jippermettu li l-ispjegazzjoni tal-fatti mogħtija mill-Kummissjoni tiġi ssostitwita bi spjegazzjoni oħra plawżibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punti 186 u 187). L-ipoteżi msemmija f’dik il-ġurisprudenza ma hijiex il-każ f’din il-kawża.

103    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet, matul il-proċedura amministrattiva, f’pożizzjoni li tispjega sew il-fehma tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21).

104    F’dan ir-rigward, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), jipprovdi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, il-fatturi essenzjali kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 35).

105    Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara s-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li kontriha jistgħu jiġu imposti multi, din għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar u għandha tindika f’liema kwalità din il-persuna ser tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

107    B’hekk, kemm-il darba l-kumpannija li kontriha tiġi invokata l-preżunzjoni inkwistjoni tkun tista’, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u matul is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta, tippreżenta l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi sabiex tikkontesta dik il-preżunzjoni u kemm-il darba l-Kummissjoni tkun obbligata li tieħu f’kunsiderazzjoni dawk l-elementi sabiex, jekk ikun il-każ, tabbanduna l-ilmenti li jirriżultaw li kienu infondati, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ikun ġie osservat.

108    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ippermettiet li huma jieħdu f’kunsiderazzjoni li l-implikazzjoni tagħhom f’din il-kawża kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni marbuta mal-kontroll kważi totali tagħhom ta’ Arkema. Peress li dik il-preżunzjoni kienet iuris tantum, huma setgħu jippreżentaw id-difiża tagħhom fuq dan il-punt matul il-proċedura amministrattiva billi jipprovaw jikkonfutawha. Barra minn hekk, dan huwa preċiżament dak li għamlu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mir-rikors, mingħajr madankollu ma rnexxielhom jikkonvinċu lill-Kummissjoni.

109    B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

110    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’mod imparzjali l-prova kuntrarja mressqa sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni, u li b’hekk huma ma setgħux jiffokaw id-difiża tagħhom fuq elementi konkreti.

111    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jippreċiżawx liema elementi speċifiċi rilevanti ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni.

112    Jekk nassumu li dan l-ilment huwa intiż biex jikkontesta l-eżami mill-Kummissjoni tal-provi kollha mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni ta’ dawk il-provi mill-Kummissjoni ġiet ikkonfermata fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv imsemmi iktar ’il fuq.

113    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet parti tat-tieni motiv iktar ’il quddiem, in-natura konċiża tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt ma tippermettix li jiġi kkonstatat, minnu nnifsu, ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati b’attenzjoni u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva.

114    Fil-fatt, il-qari tal-premessi 434 sa 441 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti, sintetizzati fil-premessa 431, intiżi biex jissostanzjaw l-argument tagħhom li Arkema kellha tkun id-destinatarja ta’ dik id-deċiżjoni. L-analiżi tar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ma tippermettix li jiġu identifikati elementi rilevanti oħrajn li ġew injorati mill-Kummissjoni.

115    Minn dan jirriżulta li dan l-ilment huwa infondat.

116    Fit-tielet lok, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li, billi naqset milli tinformahom dwar l-investigazzjoni inkwistjoni qabel ma nnotifikatilhom id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni naqset milli tosserva r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal proċess ġust, kif rikonoxxut mill-Artikolu 6(3)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, affermati mill-ġdid mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T‑99/04, Ġabra p. II‑1501), kif ukoll mill-kodiċi ta’ prattiki tajbin tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

117    Għandu jiġi osservat li, fis-sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq (punt 56), il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tinforma lill-impriża kkonċernata, fl-istadju tal-ewwel miżura adottata fir-rigward tagħha, inklużi t-talbiet għal informazzjoni li hija tindirizzalha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-għan tal-istruttorja. Fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss jekk l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni kienet ta’ natura li taffettwa b’mod konkret id-drittijet tad-difiża tal-impriża inkwistjoni fil-proċedura amministrattiva li tali irregolarità tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

118    Issa f’dan il-każ, minbarra l-fatt li minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni hija obbligata, kif tiddikjara r-rikorrenti, tadotta miżuri ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ impriża qabel tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet meta hija tqis li għandha barra minn hekk informazzjoni li tiġġustifika li tintbagħat tali dikjarazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element konkret li jistabbilixxi li hija kienet, minħabba dan il-fatt, miċħuda mill-possibbiltà li tipprovdi l-prova li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Arkema.

119    Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kisret il-Kodiċi ta’ prattiki tajbin billi ma indirizzatilhom ebda miżura ta’ investigazzjoni qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmi kodiċi, li, skont il-punt 5 tiegħu, għandu jiġi applikat biss għall-kawżi pendenti u futuri mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kien ġie adottat wara d-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, ma huwiex applikabbli għall-fatti tal-każ.

120    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-punt 14 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi, b’riferiment għas-sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq (punt 56) li, “fil-mument tal-ewwel miżura ta’ investigazzjoni (normalment talba għal informazzjoni jew ispezzjoni), l-impriżi huma informati bil-fatt li dwaru huma s-suġġett ta’ investigazzjoni preliminari kif ukoll bis-suġġett u bl-għan ta’ tali investigazzjoni”. Għaldqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-portata legali tal-imsemmi kodiċi, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li dan il-kodiċi ma joħloq l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li tindirizza miżuri ta’ investigazzjoni lill-impriżi qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

121    Għaldaqstant, dan l-ilment u, sussegwentement, l-ewwel parti tal-motiv fit-totalità tagħha għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, li tallega ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza

122    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza minħabba l-fatt li, fl-ewwel lok, iddikjarathom a priori “ħatja” ta’ ksur fuq il-bażi ta’ sempliċi preżunzjoni mhux issostanzjata minn elementi konkreti u, fit-tieni lok, żammithom responsabbli minkejja li huma ma setgħux jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tad-difiża.

123    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għal multi jew sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150).

124    L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju ġie miksur f’din il-kawża.

125    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq kumpannija sussidjarja, f’każ fejn din ikollha l-ishma azzjonarji kollha jew kważi kollha tagħha, sabiex iżżommha responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra l-kumpannija sussidjarja tagħha. F’tali każ, il-kumpannija parent titqies li tifforma impriża waħda mal-kumpannija sussidjarja tagħha, li skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali għandha tirrispondi għal dak il-ksur. F’din il-kawża, il-ksur ġie rikonoxxut minn Arkema fit-talba tagħha ppreżentata abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara l-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju inkwistjoni.

126    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni żammithom “ħatja” a priori, għaliex huma setgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni msemmija hawn fuq, li kienet tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, billi juru l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħhom.

127    Għandu jitfakkar li l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni f’ebda każ ma tista’ titqies bħala prova ta’ ħtija tal-impriża kkonċernata. Fil-każ kuntrarju, il-ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura f’dan il-qasam potenzjalment jista’ jmur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 99).

128    Barra minn hekk, inkwantu r-rikorrenti sostnew matul is-seduta, essenzjalment, li l-preżunzjoni tal-innoċenza ġiet miksura f’din il-kawża, minħabba l-“konċentrazzjoni f’idejn il-Kummissjoni tal-poteri ta’ pulizija, ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet”, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ġie ssollevat tard, peress li ġie fformulat għall-ewwel darba fl-istadju tas-seduta u li ma jistax jitqies bħala elaborazzjoni tal-motiv preżenti kif issollevat fir-rikors, fejn intqal li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza billi invokat, fir-rigward tar-rikorrenti, il-preżunzjoni li tirriżulta mill-kontroll kważi totali tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħhom. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

129    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni parti u, għaldaqstant, dan il-motiv fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, li jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

130    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt dettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punti 78 sa 80).

132    Ir-rikorrenti jifformulaw dan il-motiv fi tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, li tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ minħabba l-fatt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet waħda ġdida

133    Ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa msaħħaħ f’din il-kawża, minħabba l-pożizzjoni ġdida adottata mill-Kummissjoni fil-konfront tal-prattika deċiżjonali tagħha. Skont huma, il-Kummissjoni ma rrispettatx dak l-obbligu, billi affermat sempliċement l-affermazzjoni tagħha tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà tal-ksur lil kumpannija parent.

134    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti, dan li ġej:

“[I]l-fatt li […] il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni tagħha [C (2003) 4570] esklużivament lil [Arkema] ma jwaqqafhiex, f’din il-kawża, milli tindirizza d-deċiżjoni tagħha kemm lil [Arkema] kif ukoll [lir-rikorrenti]. Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni biex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli f’ċirkustanzi simili u l-fatt li hija ma użatx dik is-setgħa f’deċiżjoni preċedenti ma jwaqqafhiex milli tagħmel dan f’din il-kawża.”

135    Għandu jiġi kkonstatat li din is-silta ma tindikax li l-Kummissjoni adottat f’din il-kawża pożizzjoni radikalment ġdida u sostanzjalment differenti mill-prattika preċedenti tagħha, kif jallegaw ir-rikorrenti.

136    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, ibbażata biss fuq ir-relazzjoni fil-livell tal-kapital azzjonarju, diġà ġiet applikata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha C (2004) 4876, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel, Akzo Nobel Nederland BV, Akzo Nobel Chemicals BV, Akzo Nobel Functional Chemicals BV, Akzo Nobel Base Chemicals AB, EKA Chemicals, Akzo Nobel AB, Atofina, Elf Aquitaine, Hoechst AG, Clariant GmbH, Clariant AG (każ E-1/37.773 – AMCA), fejn hija imputat il-ksur imwettaq minn Arkema lil Elf Aquitaine. Ir-rikorrenti b’hekk ma jistgħux isostnu li l-Kummissjoni applikat f’din il-kawża pożizzjoni radikalment ġdida fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti sostnew li hija preċiżament id-Deċiżjoni C (2004) 4876 li tirrappreżenta “bidla awdaċi” fil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u talbu lil din tal-aħħar biex tistenna l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja li huma fetħu kontra dik id-deċiżjoni (ara l-premessi 430 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti teżiġi biss li l-Kummissjoni tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta hija tieħu, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali tagħha, deċiżjoni li tmur sostanzjalment lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. B’hekk ma huwiex biżżejjed, f’każ bħal dan, li tingħata motivazzjoni sommarja, b’mod partikolari b’riferiment għal prattika deċiżjonali stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 3).

138    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet, b’mod espliċitu, billi għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, kemm il-prinċipji li hija kien beħsiebha tapplika biex tidentifika d-destinatarji tagħha (premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji fir-rigward tar-rikorrenti (premessi 427 sa 441). Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonsisti fir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur, b’hekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq.

139    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv ma tistax tiġi aċċettata.

 Fuq it-tieni parti, li tallega l-eżistenza ta’ kontradizzjoni tal-motivi

140    Ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni, imsemmija fil-premessi 370 sa 372, 435 sa 442 u 458 sa 529 tad-deċiżjoni kkontestata, fiha kontradizzjoni, inkwantu l-Kummissjoni għamlet konfużjoni bejn żewġ kunċetti, jiġifieri minn naħa l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, bħala entità ekonomika responsabbli għall-ksur u li għandha tiġi ppenalizzata fuq din il-bażi, u min-naħa l-oħra, l-entità ġuridika li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni.

141    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-terminoloġija użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata kull waħda mill-premessi tagħha invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ambigwità li huwa fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li r-rikorrenti u Arkema jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li l-Kummissjoni ddeċidiet li żżommhom responsabbli għall-ksur inkwistjoni u li timponi multi kontrihom. Dik il-konklużjoni ma hijiex invalidata miċ-ċirkustanza li t-test tad-deċiżjoni kkontestata xi kultant ma jużax terminoloġija koerenti u juża t-terminu “impriża” biex jikkwalifika xi waħda jew l-oħra mill-kumpanniji tal-grupp ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, Ġabra p. II-10, punt 62).

142    Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni, minn naħa, tafferma fid-deċiżjoni kkontestata li d-diversi kumpanniji tal-grupp Total jikkostitwixxu impriża waħda li kkommettiet il-ksur inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tidentifika kull waħda minn dawk il-kumpanniji bħala d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata li kontriha hija imposta l-multa, għandu jiġi rrilevat li din hija sempliċement il-konsegwenza tal-fatt li d-destinatarji tar-regoli tal-kompetizzjoni u d-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma humiex neċessarjament l-istess.

143    Fil-fatt, filwaqt li r-regoli tal-kompetizzjoni jikkonċernaw lill-impriżi u japplikaw għalihom direttament, mingħajr ma jitqies b’mod partikolari l-istatus ġuridiku tagħhom, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jrid jiġi imputat b’mod inekwivoku lil persuna ġuridika li kontriha jistgħu jiġu imposti multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 54 sa 57, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, I‑10896, punti 68 u 69).

144    Fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-diversi kumpanniji tal-grupp Total fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ddedikati għall-kalkolu tal-multa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija deċiżjoni turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-ammont tal-multa kif ukoll l-ammonti li r-rikorrenti nżammu responsabbli għall-ħlas tagħhom.

145    Finalment, inkwantu r-rikorrenti jallegaw żball fil-merti, jiġifieri li l-applikazzjoni ta’ kalkolu tal-multa speċifiku għal kull waħda mill-kumpanniji kkonċernati hija inkompatibbli mal-kunċett ta’ impriża waħda, għandha ssir referenza għall-analiżi tat-tielet motiv, li tinsab iktar ’il quddiem.

146    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, li tallega nuqqas ta’ risposta mill-Kummissjoni għall-argumenti li jirribattu l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti

147    Ir-rikorrenti jinvokaw li ma ngħatawx raġunijiet biżżejjed għaċ-ċaħda, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-provi mressqa matul il-proċedura amministrattiva sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni marbuta mal-kontroll kważi totali tagħhom tal-kapital ta’ Arkema.

148    Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza msemmija fil-punti 130 u 131 iktar ’il fuq. Għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li sabiex tkun immotivata b’mod suffiċjenti fir-rigward tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata trid tinkludi espożizzjoni ċċirkustanzjata tal-motivi li tiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur għal dawk il-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, punt 80).

149    Minn dan jirriżulta li, meta bħal f’din il-kawża, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha u li l-kumpanniji inkwistjoni ressqu, matul il-proċedura amministrattiva, provi sabiex jikkonfutaw dik il-preżunzjoni, id-deċiżjoni trid tinkludi spjegazzjoni suffiċjenti tal-motivi li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li dawk il-provi ma kinux suffiċjenti biex tiġi kkonfutata dik il-preżunzjoni.

150    Għandu jiġi rrilevat li, f’dan ir-rigward, mill-premessi 430 sa 441 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni mmotivata fuq l-elementi invokati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

151    Fil-fatt, wara li ddeskriviet, fil-premessi 430 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti ssollevati minn dawn tal-aħħar, li huma bbażati prinċipalment fuq l-illegalità tal-imputazzjoni tal-aġir fuq il-bażi tal-preżunzjoni, fir-rigward b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ awtonomija ta’ entità ġuridika, tan-natura personali tal-pieni, tar-responsabbiltà personali, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-equality of arms.

152    Barra minn hekk, fil-premessi 433 sa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li l-preżunzjoni marbuta maż-żamma mir-rikorrenti ta’ kważi l-kapital kollu ta’ Arkema ma kinitx ġiet ikkonfutata u li l-konklużjoni dwar ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur kellha tinżamm fuq il-bażi ta’ dik il-preżunzjoni.

153    Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dawn il-motivi, il-Kummissjoni rrispondiet għall-punti essenzjali tal-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, punt 64), hija ma tistax tiġi akkużata li ma tatx risposta preċiża għal kull argument invokat mir-rikorrenti.

154    Barra minn hekk, in-natura konċiża tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt hija ġġustifikata mill-fatt li l-argument invokat mir-rikorrenti kien jikkonsisti, essenzjalment, f’sempliċi affermazzjonijiet u ma kienx issostanzjat minn provi konkreti dwar ir-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati matul il-perijodu tal-ksur.

155    Barra minn hekk, inkwantu ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li wasslet għaċ-ċaħda tal-elementi inkwistjoni, l-argument tagħhom jirrigwarda l-legalità fil-merti tad-deċiżjoni kkontestata, eżaminata fil-kuntest tar-raba’ motiv iktar ’il fuq.

156    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda, bl-istess mod bħat-tieni motiv, fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, li jallega ksur tal-uniċità tal-kunċett ta’ impriża

157    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni marret kontra n-natura unitarja tal-kunċett ta’ impriża, billi ma kinitx koerenti fl-użu tal-kunċett ta’ “impriża” fid-diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi. Fil-fehma tagħhom, dik id-determinazzjoni kellha ssir b’mod omoġenju fir-rigward tal-unità ekonomika kkonċernata, peress li t-tqassim tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multa bejn id-diversi entitajiet ġuridiċi li flimkien jikkostitwixxu l-impriża kellu jkun stadju distint ta’ raġunament.

158    Għandu jiġi rrilevat li dak l-argument, li jirrigwarda esklużivament il-metodu applikat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi u t-tqassim tar-responsabbiltà għall-ħlas tagħha bejn id-diversi kumpanniji tal-grupp, ma tistax tpoġġi inkwistjoni l-legalità tal-evalwazzjoni li wasslet għall-imputazzjoni tal-ksur lir-rikorrenti.

159    Inkwantu l-argumentazzjoni tar-rikorrenti setgħet tinftiehem bħala li tpoġġi inkwistjoni l-ammont tal-multa jew it-tqassim tar-responsabbiltà rispettiva ta’ kull kumpannija tal-grupp għall-ħlas ta’ dik il-multa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx ir-riżultati konkreti tal-kalkoli li saru mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, huma ma jallegawx li metodu differenti kien ser iwassal biex huma jinżammu responsabbli għall-ħlas ta’ parti iżgħar tal-multa.

160    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex inkompatibbli mal-kunċett ta’ impriża.

161    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ġustament jargumentaw li, skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, huma l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala l-awturi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi kontra l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, b’mod partikolari, huma jikkommettu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE.

162    Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ impriża jħaddan kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ impriża, meta jitpoġġa fil-kuntest tiegħu, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, dik l-entità tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 54 u 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal dak il-ksur (ara s-sentenza ETI et, iċċitata fil-punt 143 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu jiġi imputat b’mod inekwivoku lil persuna ġuridika li jistgħu jiġu imposti multi kontriha (sentenzi Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, punt 38, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 57). Għaldaqstant, meta l-eżistenza ta’ tali ksur tkun stabbilita, għandha tiġi ddeterminata l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet responsabbli għall-operat tal-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur sabiex hija tirrispondi għal dan (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 236; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78).

164    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija konformi mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (issostitwit bl-Artikolu 23(2) tar-Regolament nru 1/2003) il-prattika tal-Kummissjoni li żżomm lil kumpannija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ parti mill-multa imposta kontra kumpannija oħra, meta l-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar ikun jista’ jiġi imputat lilha. F’tali ipoteżi, il-kumpannija inkwistjoni hija kkundannata biex tħallas multa għal ksur li hija titqies li wettqet permezz ta’ dik l-imputazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punti 26 sa 28).

165    Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika persuni ġuridiċi differenti li għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa ma huwiex inkompatibbli mal-kunċett ta’ impriża. Għall-kuntrarju, dan jikkonsisti f’applikazzjoni eżatta ta’ dak il-kunċett, meta jkun stabbilit li l-impriża inkwistjoni hija, mill-perspettiva ġuridika, ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

166    Bl-istess mod, ebda ksur tal-kunċett ta’ impriża ma jista’ jiġi dderivat mis-sempliċi fatt li dawk il-persuni ġuridiċi differenti huma responsabbli għall-ħlas tal-multa f’ammonti differenti. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li diversi persuni ġuridiċi jifformaw impriża waħda responsabbli għat-twettiq tal-ksur ma timplikax neċessarjament li l-elementi rilevanti kollha għall-kalkolu tal-multa huma imputabbli lilhom bl-istess mod, b’mod partikolari meta l-kompożizzjoni tal-impriża inkwistjoni mill-perspettiva ġuridika tkun evolviet maż-żmien. B’hekk, f’din il-kawża, Total inżammet responsabbli biss għal parti mill-perijodu tal-ksur (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata) u ebda waħda mir-rikorrenti ma tqieset bħala reċidiva (premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata).

167    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja invalidat l-approċċ li jikkonsisti fl-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-aġir illeċitu tal-kumpanniji sussidjarji tagħha meta dan ikun seħħ qabel l-akkwiżizzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bħala prinċipju, huwa obbligu tal-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, li tirrispondi għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra. Wara li enfasizzat li l-kumpanniji inkwistjoni ma kinux ġew purament u sempliċement assorbiti mill-akkwirent, iżda komplew bl-attivitajiet tagħhom bħala sussidjarji ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma kellhom, bħala konsegwenza, jirrispondu huma stess għall-aġir illeċitu li seħħ qabel l-akkwiżizzjoni tagħhom mill-kumpannija parent, u li din tal-aħħar ma tistax tinżamm responsabbli (punti 77 sa 80 tas-sentenza).

168    Għaldaqstant, peress li akkwistat il-kontroll ta’ Elf Aquitaine f’April 2000, il-Kummissjoni ġustament żammitha responsabbli għall-ksur inkwistjoni biss sa mit-30 ta’ April 2000 (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata) u ġustament ma żiditx l-ammont inizjali tal-multa imposta kontriha abbażi tat-tul ta’ żmien (premessi 467 u 468 tad-deċiżjoni kkontestata).

169    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw validament lill-Kummissjoni talli identifikat kumpanniji differenti tal-grupp Total fil-motivi ddedikati għall-kalkolu tal-multa.

170    Finalment, għandu jiġi enfasizzat li, minbarra ż-żidiet abbażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur u tar-reċidiva, li għall-fini tad-determinazzjoni tagħhom il-Kummissjoni ħadet f’kunsiderazzjoni l-bidliet maż-żmien fil-kompożizzjoni tal-impriża kkonċernata, il-multa ġiet ikkalkulata b’mod omoġenju għall-kumpanniji kollha tal-grupp Total ikkonċernati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni applikat għalihom l-istess ammont inizjali tal-multa u l-istess tnaqqis abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-kritiki tar-rikorrenti dwar dawk iż-żewġ stadji tal-kalkolu tal-multa huma infondati.

171    B’hekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, li jallega żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ Total

172    Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti li jikkontestaw ir-responsabbiltà ta’ Total. Fl-ewwel lok, huma jikkontestaw il-fatt li Total, li ħadet il-kontroll tal-grupp f’April 2000, setgħet tat lil Arkema “struzzjonijiet dwar il-kartell”, fir-rigward ta’ akkordju li kien ilu jeżisti snin u li l-aħħar laqgħa multilaterali dwaru seħħet fit-18 ta’ Mejju 2000. Huma jindikaw li d-dewmien tal-ksur imputabbli lil Total huwa ta’ massimu ta’ tmien xhur, minkejja li, fir-realtà, dan kien biss ta’ xahar, meta saret l-aħħar laqgħa multilaterali fit-18 ta’ Mejju 2000.

173    Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-perijodu tal-ksur imputabbli lil Total kien limitat biss għal xahar hija bbażata fuq il-premessa li l-akkordju ġie mitmum fid-data tal-aħħar laqgħa multilaterali, it-18 ta’ Mejju 2000.

174    Ir-rikorrenti ma jippreżentaw ebda argument insostenn ta’ din it-teżi u, b’mod partikolari, ma jikkontestawx b’mod argumentat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2000 wasslet għal konsensus ġenerali dwar iż-żamma tal-livell tal-prezzijiet, u għaldaqstant, li l-akkordju kompla bl-effetti tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2000 (premessi 357 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata).

175    Sussegwentement, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà ta’ Total hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, sa mit-30 ta’ April 2000, id-data meta hija akkwistat il-grupp ikkonċernat, hija kienet tikkostitwixxi, flimkien ma’ Arkema u Elf Aquitaine, l-istess impriża responsabbli għall-ksur inkwistjoni (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

176    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li Total ħadet il-kontroll tal-grupp fil-fażi finali tal-ksur ma huwiex suffiċjenti biex jiġi eskluż li hija eżerċitat, matul il-perijodu kkonċernat, influwenza determinanti fuq l-aġir fis-suq tal-kumpannija sussidjarja tagħha implikata fil-ksur.

177    Sa mid-data tat-teħid ta’ kontroll tal-grupp minn Total, ir-rikorrenti ma semmew ebda ċirkustanza speċifika li tista’ turi li, bejn ix-xhur ta’ Mejju u Diċembru 2000, Arkema kienet tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu minn Total.

178    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet validament tippreżumi li, qabel it-teħid tal-kontroll ta’ kważi l-kapital kollu tal-grupp sa mit-30 ta’ April 2000, Total eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Arkema fis-suq u, sussegwentement, li żżommha responsabbli għall-ksur għall-perijodu kkonċernat, fuq il-bażi ta’ dik il-preżunzjoni li ma ġietx ikkonfutata.

179    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud bħala invalidu l-argument tar-rikorrenti li, meta titqies id-data meta ħadet il-kontroll tal-grupp, Total ma kinitx f’pożizzjoni li ssir taf dwar il-prattiki illeċiti tal-kumpannija sussidjarja tagħha u li tieħu deċiżjonijiet sabiex twaqqafhom.

180    Effettivament, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil Total tirriżulta mill-fatt li hija kienet waħda mill-entitajiet ġuridiċi li jagħmlu parti mill-impriża li kisret id-dritt tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jitqies il-fatt jekk hija kinitx taf jew le bil-ksur.

181    Għaldaqstant l-ewwel ilment ma jistax jiġi aċċettat.

182    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni indikat b’mod żbaljat, fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji tad-Deċiżjoni 85/74/KEE tat-23 ta’ Novembru 1984 dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (każ IV/30.907 – Prodotti tal-Perossiġenu) (ĠU 1985, L 35, p. 1), u d-Deċiżjoni 94/599, li ttieħdu f’kunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reċidiva, kienu jagħmlu parti mill-grupp Total fil-mument meta ġew adottati dawk id-deċiżjonijiet preċedenti.

183    Għandu jiġi osservat li huwa bi żball li l-Kummissjoni, kif ammettiet hija stess fir-risposta, indikat fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata li “il-persuni ġuridiċi li huma destinatarji [tad-]Deċiżjonijiet [85/74 u 94/599] kienu u għadhom membri tal-grupp [ta’] Total”.

184    Dik il-konstatazzjoni madankollu ma tinċidix fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Effettivament, minn naħa, mill-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Total inżammet responsabbli għall-ksur unikament sa mid-data meta hija ħadet il-kontroll tal-grupp, jiġifieri t-30 ta’ April 2000.

185    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li Arkema ma kinitx tagħmel parti mill-grupp ta’ Total fiż-żmien tal-kundanni preċedenti, u applikat iż-żieda marbuta mar-reċidiva biss għall-ammont tal-multa imputabbli lil Arkema.

186    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni ilment u, għaldaqstant, il-ħames motiv fit-totalità tiegħu huma miċħuda.

 Fuq is-sitt motiv, li jallega ksur ta’ diversi prinċipji essenzjali rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha u li jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika tal-Unjoni

187    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi żammithom responsabbli għall-ksur inkwistjoni u billi imponiet multa kontrihom, il-Kummissjoni marret kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, tar-responsabbiltà personali u tan-natura personali tal-pieni, kif ukoll kontra l-prinċipju tal-legalità tad-delitti u tal-pieni.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

188    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li żammithom responsabbli sempliċement fuq il-bażi tal-preżunzjoni inkwistjoni, waqt li bbażat ir-responsabbiltà tal-kumpanniji l-oħrajn li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-preżunzjoni ssostanzjata bi provi addizzjonali (premessi 385, 391 u 394, 405, 411 u 423 sa 427 tad-deċiżjoni kkontestata).

189    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li mill-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, li l-Kummissjoni applikat, fir-rigward tad-destinatarji kollha, l-istess regola li tgħid li l-kontroll tal-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tal-kumpannija sussidjarja huwa suffiċjenti biex issir preżunzjoni iuris tantum li tippermetti li tiġi imputata r-responsabbiltà lill-kumpannija parent. Il-preżunzjoni inkwistjoni effettivament ġiet applikata kemm għall-grupp ta’ Total kif ukoll għall-gruppi ta’ kumpanniji oħrajn li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni kkontestata.

190    Il-fatt li, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Akzo Nobel, FMC, L’Air liquide, SNIA u Edison, il-Kummissjoni invokat, minbarra l-preżunzjoni, ċerti indizji supplimentari tal-influwenza determinanti eżerċitata minn kumpanniji parent ma jfissirx li l-prinċipji applikati ma kinux l-istess għad-destinatarji kollha.

191    Effettivament, fir-rigward ta’ Akzo Nobel, mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, “peress li [hija] tikkontrolla 100% ta’ EKA [Chemicals], il-Kummissjoni hija tal-fehma li [hija] eżerċitat influwenza determinanti fuq EKA [Chemicals], inkwantu ma ġiet ippreżenata ebda prova li tikkonfuta dik il-preżunzjoni”. Dik il-kunsiderazzjoni ma hijiex kontradetta mill-fatt li, fil-premessa 385 ta’ dik l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għal ċerti indizji supplimentari li għandhom tendenza li jikkonfermawha.

192    Fir-rigward ta’ FMC, il-Kummissjoni indikat li hija dderivat il-konklużjoni dwar ir-responsabbiltà tagħha “mill-fatt li FMC Foret [kienet] kumpannija sussidjarja kkontrollata (indirettament) 100 % minn [FMC]” (premessa 390 tad-deċiżjoni kkontestata). Dik il-kunsiderazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-fatt li, fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat indizju supplimentari tal-influwenza determinanti eżerċitata minn FMC fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha.

193    Fir-rigward ta’ L’Air liquide, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, li “peress li [hija] kellha 100 % tal-kapital ta’ Chemoxal fiż-żmien meta seħħ il-ksur u peress li hija kellha s-setgħa li tinnomina l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Chemoxal, [hija] ppreżumiet li kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha”. Il-Kummissjoni ppreċiżat dik il-kunsiderazzjoni billi indikat, fil-premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, li “is-sehem 100 % tal-kapital ta lok għal preżunzjoni li [segħet] tiġi kkonfutata billi jintwera li […] l-kumpannija sussidjarja kienet tibbenefika minn […] awtonomija”.

194    Fir-rigward ta’ SNIA, mill-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija nżammet responsabbli minħabba l-fużjoni tagħha mal-kumpannija li kienet il-kumpannija parent ta’ 100 % tal-entità implikata direttament fil-ksur, u li s-sitwazzjoni invokata b’hekk ma kinitx kumparabbli ma’ dik tar-rikorrenti.

195    Finalment, fir-rigward ta’ Edison, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata, li “fin-nuqqas ta’ argument li jikkonfuta l-preżunzjoni, iż-żamma ta’ 100 % tal-kapital ġie kkunsidrat [mill-ġurisprudenza] bħala element suffiċjenti”. Barra minn hekk, fil-premessi 419 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat ċerti elementi supplimentari, billi indikat li dawn jikkontradixxu l-argument ta’ Edison ibbażat fuq l-awtonomija tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

196    B’hekk mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, invokati mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-kontroll tal-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tal-kumpannija sussidjarja kien suffiċjenti, fin-nuqqas ta’ argument li jikkonfuta l-preżunzjoni riżultanti, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli, u li indizji supplimentari ta’ influwenza eżerċitata minn ċerti kumpanniji parent ikkonċernati fuq is-sussidjarji tagħhom issemmew, meta kienu disponibbli, jew biex tiġi msaħħa l-konklużjoni li tirriżulta diġà validament tal-kontroll totali tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jew b’risposta għall-argumenti mressqa mill-impriżi kkonċernati.

197    Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat ukoll, minbarra r-rabta fil-livell tal-kapital, il-fatt li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Arkema kienu ġew innominati minn Elf Aquitaine (premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda mingħajr ma ssuġġettat l-imputazzjoni ta’ aġir illeċitu ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha li jkollha 100 % jew kważi 100 % tal-ishma tagħha għall-eżistenza ta’ elementi addizzjonali.

198    Dan l-ilment b’hekk huwa infondat.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji tar-responsabbiltà personali u tan-natura personali tal-pieni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni

199    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipji tad-dritt invokati, billi naqset milli tirrikonoxxi li Arkema kienet tikkostitwixxi entità ekonomika awtonoma fil-konfront tagħhom, u li għaldaqstant, b’mod żbaljat żammithom responsabbli u kkundannathom biex iħallsu multi.

200    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tal-multi relatati, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ dawk l-atti li jikkostitwixxu ksur hija ta’ natura personali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 78). Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna fiżika jew ġuridika għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li bihom tiġi akkużata individwalment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63), prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 118).

201    F’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata, li tgħid li ebda ksur ma ġie kkonstatat fir-rigward tagħhom u li ebda multa personali ma ġiet imposta kontrihom. Għall-kuntrarju, minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ġew ikkundannati personalment għal ksur tal-Artikolu 81 KE, li huma ġew meqjusa li wettqu huma stess minħabba r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqduhom mas-sussidjarji tagħhom u n-nuqqas ta’ awtonomija ta’ dawn tal-aħħar fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 164 iktar ’il fuq, punti 27 u 34).

202    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, mill-eżami tar-raba’ motiv imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta li ksur tal-Artikolu 81 KE ġie pprovat fil-konfront tagħhom. Is-sanzjonijiet relatati ma’ tali ksur huma previsti b’mod ċar fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, il-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege ġie osservat.

203    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud dan l-ilment, kif ukoll is-sitt motiv fit-totalità tiegħu.

 Fuq is-seba’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

204    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli teżamina b’reqqa u b’mod imparzjali l-provi mressqa biex tintwera l-awtonomija ta’ Arkema.

205    Peress li huma sempliċement itennu l-argument tagħhom li ma ġewx eżaminati l-provi inkwistjoni, li ġie eżaminat u miċħud fil-punti 111 sa 115 iktar ’il fuq, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

206    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kien imissha, għall-finijiet ta’ ekonomija tal-proċedura, tilqa’ t-talba tagħhom li tissospendi t-teħid tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikorsi mressqa kontra d-Deċiżjoni C (2004) 4876.

207    Fir-rigward tal-argument li jinvoka sempliċi ekonomija tal-proċedura u li b’hekk manifestament ma jistax ipoġġi f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dan għandu jiġi miċħud minnufih.

208    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

209    Ir-rikorrenti jsostnu li n-novità tal-kriterju tal-imputabbiltà applikat f’din il-kawża, fil-konfront tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, fil-konfront tad-Deċiżjoni C (2003) 4570, wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

210    Huwa biżżejjed li jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-ewwel deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni imputat ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn Arkema lill-kumpannija parent tagħha fuq il-bażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Effettivament, fid-Deċiżjoni C (2004) 4876, il-Kummissjoni kienet diġà pproċediet għal tali imputazzjoni lil Elf Aquitaine. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix devjazzjoni fil-prattika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-imputabbiltà, inkluż fir-rigward tal-grupp inkwistjoni. Barra minn hekk, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet f’din il-kawża, ir-rikorrenti diġà jagħmlu riferiment għall-kriterju ta’ imputabbiltà applikat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C (2004) 4876, kif jirriżulta wkoll mill-argumenti tagħhom ippreżentati fil-kuntest tas-sitt motiv. Għaldaqstant, il-premessa ta’ dan il-motiv, li tgħid li l-Kummissjoni applikat fil-konfront tar-rikorrenti kriterju ġdid ta’ imputabbiltà huwa, f’din il-kawża, skorrett.

211    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tipprevedi sistematikament l-imputazzjoni tal-aġir illeċitu ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha (ara l-punt 89 iktar ’il fuq). B’hekk, il-fatt li hija tiddeċiedi li tagħmel imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur ikkonstatat lill-impriża komposta mill-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, waqt li skont il-prattika preċedenti tagħha, hija ma tkunx ipprevediet li tagħmel dan, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

212    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mid-Deċiżjoni C (2003) 4570 (premessi 373 sa 391), invokata mir-rikorrenti, jirriżulta li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma analizzat il-problema tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent ta’ Arkema u, b’mod partikolari, li hija ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-awtonomija tagħha fil-konfront tal-kumpannija parent. B’hekk, anki jekk nassumu li l-fatti f’dik il-kawża kienu simili għal dawk f’din il-kawża, ma jistax jiġi sostnut li dik id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi xi garanzija fir-rigward tal-mod kif il-Kummissjoni tipperċepixxi r-relazzjonijiet bejn Arkema u l-kumpanniji parent tagħha, u lanqas fir-rigward tal-kriterju ta’ imputabbiltà applikabbli għal dak il-grupp ta’ kumpanniji.

213    Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq id-disa’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-iffissar ta’ multi

214    Ir-rikorrenti jikkontestaw, fuq diversi motivi, l-ammont tal-multa imposta kontrihom.

215    Fl-ewwel lok, huma jsostnu li kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-fatt li ma kinux jafu bil-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħhom. Huma jindikaw, waqt li jinvokaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-Kummissjoni tat tnaqqis fuq din il-bażi lil destinatarja oħra tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Caffaro.

216    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont inizjali tal-multa lill-impriża, ikkostitwita mill-kumpanniji SNIA u Caffaro, meta ma kienx stabbilit li din tal-aħħar, li pparteċipat f’numru limitat ta’ laqgħat tal-akkordju dwar wieħed biss mill-prodotti kkonċernati, kienet taf jew kellha tkun taf bil-proġett globali ta’ arranġamenti antikompetittivi (premessi 332 u 461 tad-deċiżjoni kkontestata).

217    Fir-rigward tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-ksur inkwistjoni ġie imputat lilhom minħabba l-fatt li huma kienu jikkostitwixxu impriża waħda mal-kumpannija sussidjarja tagħhom, u mhux minħabba l-implikazzjoni diretta tagħhom fil-ksur, u li l-kwistjoni jekk kinux jafu bil-ksur kienet irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-imputazzjoni.

218    Inkwantu r-rikorrenti ma jsostnux li l-kumpannija sussidjarja tagħhom li pparteċipat direttament fil-ksur ma kinitx taf bil-proġett globali ta’ arranġamenti antikompetittivi, in-nuqqas ta’ konoxxenza min-naħa tagħhom dwar l-akkordju ma jikkostitwixxix indizju tal-fatt li l-gravità tal-ksur imwettaq mill-impriża li huma jikkostitwixxu mal-kumpannija sussidjarja kien ta’ grad inqas u b’hekk ma jistax jikkostitwixxi motiv li jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

219    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, bħala entitajiet ġuridiċi responsabbli għall-operat tal-impriża li kkumerċjalizzat iż-żewġ prodotti kkonċernati u li pparteċipat direttament fl-elementi kollha tal-akkordju, ma jinsabux f’sitwazzjoni kumparabbli ma’ dik ta’ Caffaro, l-operatriċi tal-impriża li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ma kienx jestendi għat-totalità tal-proġett globali antikompetittiv.

220    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

221    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipji tal-preżunzjoni tal-innoċenza u taċ-ċertezza legali, fir-rigward taż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tal-effett dissważiv.

222    Fl-ewwel lok, l-argument tagħhom li jallega ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza huwa bbażat fuq il-premessa li “ebda element […] ma kien jippermetti li jinżammu responsabbli għall-kartell”. Inkwantu mill-eżami tar-raba’ motiv, imsemmi iktar ’il fuq, jirriżulta li r-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet stabbilita korrettament, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

223    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, waqt li jagħmlu riferiment għall-premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, meta indikat li billi toħloq kumpannija sussidjarja ġuridikament distinta, kumpannija parent tista’ ssegwi l-għan li tassoċja dik il-kumpannija sussidjarja ma’ aġir illeċitu, waqt li tevita kull sanzjoni.

224    Fil-premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li jikkritika ż-żieda tal-ammont inkwistjoni, li, “kieku [hija] kellha tiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ dak l-argument, li l-multa imposta kontra Atofina [kellha] tkun inqas minn dak li huwa ġġustifikat mid-daqs tal-impriża li minnha hija [kienet tagħmel] parti, impriża kbira ħafna li tipparteċipa f’akkordju wieħed jew aktar tkun tista’ tevita multi kbar billi toħloq sussidjarji żgħar b’fatturat baxx sabiex tassoċjahom f’aġir illeċitu”.

225    Kif jirriżulta minn din il-premessa, meta applikat iż-żieda tal-ammont tal-multa inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li dik iż-żieda kienet tippermetti li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jikkostitwixxu l-impriża waħda kkonċernata, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa f’livell suffiċjentement dissważiv.

226    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ta’ natura ġenerali ma tistax titqies li tikkostitwixxi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward tar-rikorrenti.

227    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi jtennu l-argument tagħhom, li ġie ssollevat fil-kuntest tat-tmien motiv, ibbażat fuq allegata devjazzjoni mill-prattika tal-Kummissjoni. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 210 sa 212 iktar ’il fuq.

228    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità taż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tal-effett dissważiv, billi jsostnu li tali żieda ma hijiex prevista mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, u lanqas mil-linji gwida.

229    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li din tkun ta’ natura dissważiva u, f’dan ir-rigward, hija tista’ tieħu f’kunsiderazzjoni b’mod partikolari d-daqs u l-qawwa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, punti 106 u 120, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243).

230    B’hekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet legalment iżżid l-ammont inizjali tal-multa inkwistjoni, waqt li jitqies id-daqs tal-impriża mmexxija mir-rikorrenti, kif jirriżulta mill-fatturat dinji tagħhom li huwa partikolarment sostanzjali (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    L-ilmenti kontra ż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tal-effett dissważiv b’hekk ma humiex fondati.

232    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti sostnew, matul is-seduta, li l-livell minimu ta’ 10 % tal-fatturat, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa illegali fir-rigward tal-prinċipji tal-legalità u taċ-ċertezza legali, inkwantu jagħmel riferiment għall-fatturat tal-impriża miksub matul is-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, u mhux għal dak tal-perijodu li matulu twettaq il-ksur.

233    Għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment ġie ssollevat b’mod tardiv, peress li ġie fformulat għall-ewwel darba fl-istadju tas-seduta u li ma jistax jitqies bħala estensjoni tal-motiv preżenti kif ippreżentat fir-rikors, li jitlob, minn naħa, tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tan-nuqqas ta’ għarfien tal-ksur u li jikkritika, min-naħa l-oħra, iż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tal-effett dissważiv.

234    Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

235    Fi kwalunkwe każ, huwa irrilevanti inkwantu r-rikorrenti ma jindikawx li t-teħid f’kunsiderazzjoni ta’ sena finanzjarja matul il-perijodu tal-ksur seta’ kellu xi effett, fir-rigward tal-applikazzjoni, f’din il-kawża, tar-regola prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-illegalità tiegħu hija invokata.

236    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan il-motiv huwa infondat.

 Fuq l-għaxar motiv, li jallega l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

237    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkommettiet użu ħażin ta’ poter inkwantu, meta żammithom responsabbli għall-ksur, hija ma fittxitx li tippenalizza lill-impriża responsabbli, iżda li żżid l-ammont tal-multa imposta, billi ħadet f’kunsiderazzjoni d-daqs sostanzjali tagħhom.

238    Skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 1998, IECC vs Il-Kummissjoni, T‑133/95 u T‑204/95, Ġabra p. II‑3645, punt 188, u l-ġurisprudenza ċċitata).

239    Għandu jitfakkar ukoll li, b’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni timponi multi kontra impriżi li jikkommettu ksur tal-Artikolu 81 KE. Huwa stabbilit li s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom l-iskop li jippenalizzaw l-atti illeċiti tal-impriżi kkonċernati kif ukoll biex jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 16).

240    Peress li r-rikorrenti u Arkema jifformaw impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u peress li dik l-impriża pparteċipat fil-ksur inkwistjoni, is-sanzjoni imposta kontrihom b’ebda mod ma ddevjat mill-għan tagħha, u dan ukoll għaliex meta adottat dik is-sanzjoni l-Kummissjoni kienet qed issegwi oġġettiv ta’ dissważjoni.

241    Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħdax-il motiv, ippreżentat fuq bażi sussidjarja, ibbażat fuq tnaqqis tal-ammont tal-multa f’livell adattat

242    Fil-kuntest tal-ħdax-il motiv, ir-rikorrenti jitolbu tnaqqis tal-ammont tal-multa għal livell adattat, u dan fuq bażi doppja.

243    Minn naħa, huma jsostnu li meta jitqies il-fatt li huma ma kinux jafu bil-ksur, l-ammont inizjali tal-multa tagħhom kellu jitnaqqas b’25 %, fuq il-bażi tat-tnaqqis mogħti fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata.

244    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li s-sitwazzjoni msemmija fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kumparabbli għal dik tar-rikorrenti (ara l-punt 219 iktar ’il fuq). Il-Qorti Ġenerali jidhrilha, għaldaqstant, li r-rikorrenti ma jistgħux jibbenefikaw minn tnaqqis fuq din il-bażi.

245    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jitolbu l-benefiċċju ta’ ċirkustanza mitiganti, billi jinvokaw il-fatt li huma ġew ikkundannati għall-ħlas ta’ multi sostanzjali għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordji oħrajn matul l-istess perijodu bħal dak imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, mid-Deċiżjoni C (2004) 4876 u d-Deċiżjoni C (2006) 2098, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/F/38.645 – Metakrilati).

246    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li peress li l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kkommettew tliet atti distinti li jikkostitwixxu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, hija setgħet timponi kontrihom tliet multi distinti, li kull waħda minnhom tirrispetta l-limiti ffissati fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 56). Kull waħda minn dawn il-multi kellha neċessarjament tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tad-dewmien u tal-gravità proprja tal-ksur li tissanzjona. Għandu jiġi kkonstatat li l-impożizzjoni ta’ multa kontra r-rikorrenti għal diversi attivitajiet antikompetittivi li jirrigwardaw prodotti oħrajn ma taffettwax ir-realtà tal-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 52).

247    Għaldaqstant, fir-rigward tal-oġġettiv ta’ dissważjoni segwit mill-multi, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ġew ikkundannati reċentement għal żewġ multi oħrajn, għal atti ta’ ksur parzjalment simultanji, ma jistax jiġġustifika t-tnaqqis tal-multa imposta f’din il-kawża.

248    Ir-rikorrenti ma jressqu ebda prova li turi li l-impożizzjoni tal-multa f’din il-kawża, ikkombinata ma’ multi oħrajn reċenti, poġġiethom f’sitwazzjoni finanzjarja partikolarment diffiċli, li tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni, eċċezzjonalment, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa tagħhom.

249    Finalment, fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti tad-Deċiżjoni 94/599, li minnha jirriżulta li, meta ffissat l-ammont tal-multi fil-kuntest tal-akkordju inkwistjoni f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-maġġoranza tal-impriżi kienu diġà ġew ikkundannati għal multi sostanzjali għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju ieħor f’suq relatat, prattikament matul l-istess perijodu (premessa 52 tad-Deċiżjoni 94/599), għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 94/599 ġiet qabel il-linji gwida applikati f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni kkunsidrata f’dik id-deċiżjoni hija differenti minn dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, f’din il-kawża, minn naħa, il-ksur fis-swieq tal-PI u tal-PBS kienu suġġetti għal kundanna waħda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jinvokawx l-eżistenza ta’ rabta bejn dawk is-swieq u dawk ikkonċernati fil-kundanni l-oħrajn reċenti tagħhom.

250    Għaldaqstant, peress li ebda prova invokata f’din il-kawża ma tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba, ippreżentata fuq bażi sussidjarja, għar-riforma tal-ammont tal-multa imposta kontra r-rikorrenti.

251    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

252    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati biex ibatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Total SA u Elf Aquitaine SA huma kkundannati biex ibatu l-ispejjeż.

Vadapalas

Prek

Dittrich

Truchot

 

      O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2011.

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 2

Id-deċiżjoni kkontestataII – 3

Proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 4

Id-drittII – 5

Fuq ir-raba’ motiv, li jallega ksur tar-regoli dwar l-imputabbiltà lill-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhomII – 6

Fuq it-tieni parti, li tallega żball ta’ dritt fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-imputabbiltà u dwar l-osservanza mill-Kummissjoni tal-prattika deċiżjonali tagħhaII – 6

– Osservazzjonijiet preliminariII – 6

– Fuq il-validità tal-preżunzjoni inkwistjoniII – 8

– Fuq il-firxa ta’ indizji mressqa mir-rikorrenti biex jistabbilixxu l-awtonomija ta’ Arkema fis-suqII – 10

Fuq l-ewwel parti, li tallega żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura oġġettiva tal-kriterju tal-imputabbiltàII – 15

Fuq it-tielet parti, li tallega ksur tal-“prinċipju ta’ awtonomija ekonomika tal-persuna ġuridika”II – 16

Fuq l-ewwel motiv, li jallega ksur tad-drittijiet tad-difiżaII – 17

Fuq l-ewwel parti, li tallega li kien impossibbli għar-rikorrenti li jiddefendu ruħhom b’mod utliII – 17

Fuq it-tieni parti, li tallega ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenzaII – 21

Fuq it-tieni motiv, li jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoniII – 22

Fuq l-ewwel parti, li tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ minħabba l-fatt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet waħda ġdidaII – 23

Fuq it-tieni parti, li tallega l-eżistenza ta’ kontradizzjoni tal-motiviII – 24

Fuq it-tielet parti, li tallega nuqqas ta’ risposta mill-Kummissjoni għall-argumenti li jirribattu l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinantiII – 25

Fuq it-tielet motiv, li jallega ksur tal-uniċità tal-kunċett ta’ impriżaII – 26

Fuq il-ħames motiv, li jallega żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ TotalII – 29

Fuq is-sitt motiv, li jallega ksur ta’ diversi prinċipji essenzjali rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha u li jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika tal-UnjoniII – 31

Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattamentII – 31

Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji tar-responsabbiltà personali u tan-natura personali tal-pieni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieniII – 33

Fuq is-seba’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajbaII – 34

Fuq it-tmien motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legaliII – 34

Fuq id-disa’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-iffissar ta’ multiII – 35

Fuq l-għaxar motiv, li jallega l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poterII – 38

Fuq il-ħdax-il motiv, ippreżentat fuq bażi sussidjarja, ibbażat fuq tnaqqis tal-ammont tal-multa f’livell adattatII – 38

Fuq l-ispejjeżII – 40



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.