Language of document : ECLI:EU:T:2011:377

Kawża T-189/06

Arkema France SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Multi — Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 253 KE)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża ssanzjonata — Rilevanza — Applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni għall-ammont inizjali

(Artikolu 81 KE, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(A))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur adottata wara deċiżjonijiet oħra ta’ kundanna li ħadu inkunsiderazzjoni l-element tar-reċidiva — Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18 u 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 21 u 23(b))

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18 u 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 21 u 23(b))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-impriża implikata barra mill-kuntest stabbilit mill-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni — Kundizzjonijiet — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjonijiet tal‑Kummissjoni 96/C 207/04, 98/C 9/03, punt 3, u 2002/C 45/03)

1.      L-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din is-sussidjarja, għalkemm għandha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, li jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital azzjonarju kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

L-istruttura ta’ detenzjoni tal-kapital ta’ sussidjarja tikkostitwixxi kriterju suffiċjenti biex tkun tista’ ssir l-imsemmija preżunzjoni, mingħajr il-bżonn li l-Kummissjoni tkun marbuta tressaq indizji addizzjonali relatati mal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent. Din il-konklużjoni ma hijiex preġudikata mill-fatt li tali indizji addizzjonali setgħu jiġu rrilevati f’kawżi oħra.

Meta l-kontroll tal-kapital kollu jew ta’ kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja ġie kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex ikun hemm l-imsemmija preżunzjoni fir-rigward tad-destinatarji kollha ta’ deċiżjoni li timponi multa għal ksur tad-dritt tal-Kompetizzjoni, u fin-nuqqas ta’ argumenti li jikkonfutaw din il-preżunzjoni, il-fatt li l-Kummissjoni invokat, fir-rigward ta’ wħud mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, indizji addizzjonali, kemm sabiex issaħħaħ il-konklużjoni li tirriżulta diġà b’mod validu mill-kontroll sħiħ tal-kapital tas-sussidjarja, kemm sabiex tirrispondi għall-argumenti żviluppati mill-impriżi kkonċernati, ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li l-prinċipji applikati mill-Kummissjoni ma kinux l-istess għad-destinatarji kollha u li l-ugwaljanza fit-trattament inkisret.

(ara l-punti 31-34, 46, 47, 52, 53, 59)

2.      Meta l-Kummissjoni tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti sabiex timputa fuq kumpannija parent l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja, hija l-imsemmija kumpannija parent li għandha tipproduċi l-provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, provi li jistgħu jvarjaw skont il-każ. B’mod partikolari, din l-evalwazzjoni ma għandhiex tkun limitata biss għall-elementi marbuta mal-politika kummerċjali strictu sensu tas-sussidjarja, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkonfutata biss billi jintwera li hija s-sussidjarja li tamministra dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi istruzzjonijiet f’dan ir-rigward.

Il-fatt biss li l-kumpannija parent hija holding mhux operattiv ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja, b’mod partikolari billi koordinat l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija tagħhom.

Barra minn hekk, id-diviżjoni tax-xogħol, li hija fenomenu normali fi grupp ta’ kumpanniji, ma hijiex biżżejjed biex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ ksur determinanti.

F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarja tagħha, il-fatt li din tal-aħħar qatt ma implementat politika ta’ informazzjoni speċifika, favur il-kumpannija parent tagħha, fis-suq ikkonċernat, lanqas ma huwa biżżejjed biex juri l-awtonomija tagħha, peress li l-awtonomija ta’ sussidjarja ma hijiex evalwata biss fid-dawl tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża.

(ara l-punti 67-69, 74, 76, 78)

3.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun possibbli għall-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fiha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Meta deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija.

Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u meta l-kumpanniji kkonċernati jkunu ressqu, matul il-proċedura amministrattiva, elementi intiżi li jikkonfutaw din il-preżunzjoni, id-deċiżjoni għandha jkun fiha sunt adegwat tal-motivi ta’ natura li jiġġustifika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn il-provi ma kinux biżżejjed biex l-imsemmija preżunzjoni tiġi kkonfutata. Madankollu l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha mqajma quddiemha mill-partijiet ikkonċernati. Konsegwentement, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx risposta preċiża fuq kull argument imqajjem minn impriża. Fil-fatt, risposta globali tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun biżżejjed biex l-impriża tkun tista’ tiddefendi effettivament id-drittijiet tagħha u biex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 89-91, 96)

4.      Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-komportament tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tagħha, u, f’dan ir-rigward, hija tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

Il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, titlob li l-ammont tal-multa għandu jiġi aġġustat sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa, u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

B’mod partikolari, hija l-possibbiltà tal-impriża li tikseb iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha li tista’ tiġġustifika, fid-dawl ta’ effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tistabbilixxi rabta bejn l-użu tar-riżorsi tal-impriża kkonċernata u l-ksur inkwisjtoni, iżda tista’ tieħu legalment inkunsiderazzjoni d-daqs globali tal-impriża. Peress li ż-żieda applikata mill-Kummissjoni hija legalment ibbażata fuq id-daqs tal-impriża kkonċernata, peress li r-riżorsi użati fil-kuntest tal-ksur ma humiex kriterju rilevanti, l-applikazzjoni tagħha ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss minħabba l-fatt li hija ma tagħmilx distinzjoni bejn l-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur skont l-imsemmi kriterju. Barra minn dan, żieda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ dissważjoni, meta din tkun kompletament iġġustifikata, meħud inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriża kkonċernata, ikkonfermat mid-dħul mill-bejgħ dinji partikolarment sinjifikattiv tagħha.

(ara l-punti 113-115, 117-120)

5.      L-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identità tal-fatti, ta’ unità ta’ min iwettaq il-ksur u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett. Għalhekk, dan il-prinċipju jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata għal iktar minn darba għall-istess aġir illeċitu sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku. Issa, sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ ksur preċedenti ma huwiex intiż sabiex jissanzjona mill-ġdid l-imsemmi ksur, iżda sempliċement sabiex jissanzjona l-impriża kkonċernata għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kkonċernat fid-deċiżjoni kkontestata bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tagħha ta’ reċidivista, il-fatt li l-Kummissjoni tkun diġà ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-istess ksur f’deċiżjonijiet preċedenti ma jinvolvix ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

(ara l-punti 127, 128)

6.      Mill-punti 21 u 23 tal-komunikazzjoni fuq l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju jirriżulta li, sabiex tkun tista’ titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa, impriża għandha tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi li jikkontribwixxu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha.

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa previsti fil-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mument li fih l-impriża ssodisfat dan ir-rekwiżit.

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-istruttura tas-sistema prevista mill-komunikazzjoni inkwistjoni, li tipprovdi tliet faxex differenti ta’ tnaqqis għall-“ewwel impriża”, għat-“tieni impriża” u għal “impriżi oħra” li ssodisfaw ir-rekwiżit inkwistjoni, li għalhekk timplika li l-Kummissjoni tiddetermina l-mument preċiż li fih ir-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa huma sodisfatti mill-impriża kkonċernata, billi tqabbel il-provi prodotti ma’ dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha fid-data li fiha saret it-talba. Il-Kummissjoni hija ġġustifikata meta tibbaża ruħha, minn naħa, fuq dan il-kriterju kronoloġiku, u, min-naħa l-oħra, fuq il-livell tal-valur miżjud tal-kontribuzzjonijiet tal-impriżi, meta hija teżamina, skont ir-rekwiżit previst fil-punt 21 tal-imsemmija komunikazzjoni, jekk il-provi prodotti għandhomx valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dawk li diġà huma fil-pusses tagħha fid-data ta’ meta ssir kull talba rispettiva.

Dan l-approċċ, li jieħu inkunsiderazzjoni kemm l-aspett ratione temporis kif ukoll dak kwalitattiv tal-kontribuzzjoni u li jikkumpensa l-ewwel l-impriża li tissodisfa r-rekwiżiti għat-tnaqqis, jikkonforma mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija komunikazzjoni, billi jħeġġeġ lill-impriżi li jixtiequ jikkooperaw biex jintervjenu fl-investigazzjoni mill-iktar fis possibbli billi jipproduċu, fl-ewwel talba tagħhom, il-provi kollha li jkollhom. B’mod partikolari, billi jħeġġeġ biex jintlaħaq il-livell ta’ valur miżjud sinjifikattiv sa mill-ewwel talba, huwa jippermetti li jiġi eskluż li l-impriża li tagħmel talba għal klemenza tqassam l-isforz ta’ kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura. Barra minn hekk, peress li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tistrieħ fuq approċċ li jeżiġi li tiġi stabbilita ordni kronoloġika preċiża tat-talbiet, li jikkorrispondi għall-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali, l-applikazzjoni tagħha ma għandhiex tvarja skont jekk l-intervall bejn it-talbiet ikunx twil jew qasir.

(ara l-punti 146-148, 153-155)

7.      Għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, madankollu hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża speċifika. Għaldaqstant, żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni biss jista’ jiġi ċċensurat.

(ara l-punt 168)

8.      Fir-rigward tal-ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju, bħala prinċipju, il-persuna kkonċernata ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha inkwantu ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest legali tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ impriża, billi naqqset l-ammont tal-multa skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi validament ikkritikata talli ma applikatx tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa imposta fuq din l-impriża, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni.


(ara l-punti 178, 179)