Language of document : ECLI:EU:T:2010:389

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Settembru 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni ċinematografika u awdjoviżiva – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-193/06,

Télévision française 1 SA (TF1), stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza), irrappreżentata minn J.-P. Hordies u C. Smits, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, T. Scharf u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u L. Butel, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġetta talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 832 finali, tat-22 ta’ Marzu 2006, dwar miżuri ta’ sostenn għaċ-ċinema u l-awdjoviżiv fi Franza (għajnuna NN 84/2004 u N 95/2004 – Franza, Skemi ta’ għajnuna għaċ-ċinema u l-awdjoviżiv),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi li, “[b]la ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il‑kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

2        L-Artikolu 87(3)(d) KE jipprovdi li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni dik l-għajnuna intiża għall-promozzjoni tal-kultura u għall-preservazzjoni tal-patrimonju, meta din ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fil‑Komunità b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

3        Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2001 lill‑Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rigward ċerti aspetti ġuridiċi marbutin max-xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra (ĠU 2002,C 43, p. 6), tippreċiża l-kriterji speċifiċi li fuq il-bażi tagħhom il‑Kummissjoni tevalwa l-għajnuna mill-Istat għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, fil-kuntest tad-deroga prevista fl‑Artikolu 87(3)(d) KE. Hawnhekk, il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li, meta hija tevalwa l-iskemi ta’ għajnuna għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, hija għandha tivverifika li dawn jirrispettaw il-“prinċipju ta’ legalità ġenerali”, jiġifieri li hija għandha tiżgura li ma jkunx fihom klawżoli li huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE f’oqsma oħra barra l‑għajnuna mill-Istat (inklużi d-dispożizzjonijiet fiskali). Fl‑‑2004 il-Kummissjoni estendiet il-validità ta’ dawn il-kriterji speċifiċi ta’ kompatibbiltà għall-għajnuna għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi sat-30 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 123, p. 1).

4        Il-Liġi Franċiża Nru 86-1067, tat-30 ta’ Settembru 1986, dwar il-libertà ta’ komunikazzjoni (JORF tal-1 ta’ Ottubru 1986, p. 11755), kif emendata bil-Liġi Nru 2000-719, tal-1 ta’ Awwissu 2000 (JORF tat‑2 ta’ Awwissu 2000, p. 11903), tistabbilixxi r-regoli dwar is-servizzi ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva.

5        Il-leġiżlazzjoni Franċiża fiha miżuri ta’ sostenn għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. Dawn jirrigwardaw, minn naħa, mekkaniżmi ta’ sostenn għall-produtturi, implementati mis-Centre national de la cinématographie (CNC). Il-finanzjament ta’ dawn il‑mekkaniżmi huwa żgurat, b’mod partikolari, minn taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni (iktar ’il quddiem, it‑“Taxxa”). Min-naħa l-oħra, dawn jirrigwardaw obbligi imposti fuq l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni sabiex jinvestu fix-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi.

6        Il-mekkaniżmi ta’ sostenn għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi mis-CNC huma rregolati minn:

–        fir-rigward tal-qasam ċinematografiku, id-Digriet Nru 99-130, tal-24 ta’ Frar 1999, dwar is-sostenn finanzjarju tal-industrija ċinematografika (JORF tal-25 ta’ Frar 1999, p. 2902), kif emendat,

–        fir-rigward tal-qasam awdjoviżiv, id-Digriet Nru 95-110, tat-2 ta’ Frar 1995, dwar is-sostenn finanzjarju tal-Istat għall-industrija tal‑programmi awdjoviżivi (JORF tat-3 ta’ Frar 1995, p. 1875), ikkompletat bid-Digriet Nru 98-35, tal-14 ta’ Jannar 1998, dwar is-sostenn finanzjarju tal-Istat għall-industrija awdjoviżiva (JORF tas-17 ta’ Jannar 1998, p. 742), kif emendati.

7        It-Taxxa hija rregolata bl-Artikolu 302a KB tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, introdott mill-Artikolu 28(A) tal-Liġi finanzjarja ta’ rettifika għall-1997 Nru 97-1239, tad‑29 ta’ Diċembru 1997, (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1997, p, 19101), u emendata bil-Liġi finanzjarja għall-2006 Nru 2005‑1719, tat-30 ta’ Diċembru 2005, (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2005, p. 20597), u bil-Liġi finanzjarja ta’ rettifika għall‑2005 Nru 2005-1720, tat-30 ta’ Diċembru 2005, (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2005, p. 20654).

8        Il-mekkaniżmu tal-obbligi għall-investiment huwa rregolat minn:

–        Digriet Nru 2001-609, tad-9 ta’ Lulju 2001, adottat għall‑applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 71 tal-Liġi Nru 86-1067 u li jirrigwarda il-kontribuzzjoni tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni mxandra b’forma mhux kodifikata permezz ta’ frekwenza terrestri, b’mod analoġiku għall-iżvilupp tal-produzzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi (JORF tal-11 ta’ Lulju 2001, p. 11073), kif emendat,

–        Digriet Nru 2001-1332, tat-28 ta’ Diċembru 2001, adottat għall-applikazzjoni tal-Artikoli 27, 28 u 71 tal-Liġi Nru 86-1067 u li jirrigwarda il-kontribuzzjoni tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni mxandra permezz ta’ frekwenza terrestri, b’mod analoġiku,fejn il-finanzjament jinvolvi ħlas minn naħa tal-utenti għall-iżvilupp tal-produzzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi (JORF tad-29 ta’ Diċembru 2001, p. 21310), kif emendat,

–        Digriet Nru 2001-1333, tat-28 ta’ Diċembru 2001, adottat għall-applikazzjoni tal-Artikoli 27, 70 u 71 tal-Liġi Nru 86-1067 u jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar ix-xandir tas-servizzi barra dawn radjufoniċi permezz ta’ frekwenza terrestri b’mod diġitali (JORF tad-29 ta’ Diċembru 2001, p. 21315), kif emendat,

–        Digriet Nru  2002-140, tal-4 ta’ Frar 2002, adottat għall‑applikazzjoni tal-Artikoli 33, 33-1, 33-2 u 71 tal-Liġi Nru 86-1067 u li jistabbilixxi l-iskema applikabbli għal diversi kategoriji ta’ servizzi ta’ xandir ta’ radju u ta’ televiżjoni mxandra bil-kejbil jew bis-satellita (JORF tas-6 ta’ Frar 2002, p  2412), kif emendat.

9        Dawn l-obbligi ta’ investiment għandhom ikunu, tal-inqas żewġ terzi minnhom fil-qasam awdjoviżiv u tal-inqas tliet kwarti minnhom fil‑qasam ċinematografiku, iddedikati għal produzzjoni indipendenti, fejn il-kunċett ta’ produzzjoni indipendenti għandu jfisser, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, l-indipendenza tal-produttur tax-xogħol meta mqabbel mal-editur tas-servizzi ta’ televiżjoni li jiffinanzja dan ix‑xogħol u li huwa ddefinit skont kriterji li jirrigwardaw, b’mod partikolari, iż-żamma reċiproka ta’ kapital azzjonarju jew ta’ drittijiet ta’ vot għall-produttur u għall-editur tas-servizzi kkonċernati u għall‑parti ta’ dan l-editur fl-attività riċenti tal-imsemmi produttur.

10      Il-miżuri ta’ sostenn għall-produzzjoni awdjoviżiva ta’ CNC għandha wkoll tibbenefika lill-impriżi ta’ produzzjoni indipendenti, peress li l‑kunċett ta’ produttur indipendenti huwa ddefinit fl-istess termini bħal fil‑qasam tal-obbligi għall-investiment.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Fil-15 ta’ Lulju 1992, permezz tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna N7/92 (ĠU C 203, p. 14), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat, għal perijodu illimitat, ċerti modalitajiet tal-iskema Franċiża ta’ sostenn għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi.

12      Permezz tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna N 3/98, tat-3 ta’ Ġunju 1998, kif emendata fid-29 ta’ Lulju 2008 (ĠU C 279, p. 4), il-Kummissjoni approvat, għal sentejn, ċerti emendi għas-sistema ta’ sostenn awtomatiku għall-produzzjoni ċinematografika. Fis‑7 ta’Awwissu 1998, il-validità ta’ din l-approvazzjoni ġiet estiża sat‑3 ta’ Ġunju 2004.

13      Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti, Télévision française 1 SA (TF1), ippreżentat żewġ ilmenti, quddiem il-Kummissjoni, li jirrigwardaw ċerti modalitajiet tas-sistema ta’ sostenn Franċiża għaċ-ċinema u l-awdjoviżiv.

14      Permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Frar 2004, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw l-iskema ta’ għajnuna selettiva għax-xogħlijiet ċinematografiċi li jippreżentaw interess għall-pajjiżi barranin (N 95/2004). Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Franċiżi, li rrispondew. Dawn indirizzaw ukoll lill-Kummissjoni avviż ta’ implementazzjoni tal-iskema, li sussegwentement irtiraw f’Jannar 2005.

15      Permezz ta’ posta elettronika tat-13 u tas-27 ta’ April 2004, is-CNC bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-ilmenti tar-rikorrenti.

16      Permezz ta’ posta elettronika tal-24 ta’ Mejju 2004, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw l-iskemi ta’ għajnuna għaċ-ċinema u għall-awdjoviżiv kollha lill-Kummissjoni, filwaqt li talbuha sabiex testendi temporanjament il-validità tal-iskemi koperti mid-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna N 7/92 u N 3/98, li hija rrifjutat. Permezz ta’ posta elettronika tas-27 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkompletaw in-notifikazzjoni tagħhom, li huma għamlu permezz ta’ posta elettronika fl-2004 u fl-2005. Fl-14 ta’ Diċembru 2004, l-iskemi kollha ta’ għajnuna nnotifikati ġew irreġistrati taħt ir-referenza NN 84/2004.

17      Permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kumissjoni informat lill-awtoritajiet Franċiżi li hija kienet tikkunsidra l-iskemi ta’ sostenn notifikati, li kienu diġà implementati, bħala illegali fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE.

18      Permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat suppliment għall-ilmenti tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2001.

19      Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 832 finali, tat-22 ta’ Marzu 2006, dwar miżuri ta’ sostenn għaċ-ċinema u għall-awdjoviżiv fi Franza (għajnuna NN 84/2004 u N 95/2004 – Franza, Skemi ta’ għajnuna għaċ-ċinema u għall-awdjoviżiv) (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni fit-tmiem tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni prevista fl‑Artikolu 88(3) KE.

20      Fl-14 ta’ Diċembru 2006, sommarju tad-Deċiżjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 305, p. 12), li kien jirreferi għas-sit Internet tal-Kummissjoni li jippermetti l-aċċess għat-test sħiħ ta’ din id-deċiżjoni.

 Id-deċiżjoni

21      Mid-Deċiżjoni jirriżulta li din kienet intiża għall-iskema ta’ sostenn għax‑xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, b’mod partikolari l‑miżuri ta’ sostenn finanzjarju mogħtija mill-intermedjaraju CNC u l-mekkaniżmu tal-obbligi ta’ investiment.

22      L-ewwel nett, fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi mogħtija mill-intermedjarju CNC, il-Kummissjoni tiddeskrivi lil dan tal-aħħar bħala stabbiliment pubbliku ta’ natura amministrattiva, li għandu personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja, u li qiegħed taħt l-awtorità tal-Ministeru Franciż għall-Kultura u l-Komunikazzjoni (punt II(20) tad-deċiżjoni). Il-baġit ġestit mis-CNC huwa diviż f’żewġ taqsimiet: it-taqsima “Industriji awdjoviżivi” [li fih il-kont ta’ sostenn għall-industrija tal-programmi awdjoviżivi (COSIP)] u t-taqsima “Industriji ċinematografiċi” (punt II(21) tad-deċiżjoni). Sussegwentement, il-Kummissjoni tindika li l-baġit tas-CNC huwa ffinanzjat minn taxxi parafiskali fosthom it-Taxxa (punt II(22) tad-deċiżjoni). Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 302a KB tal-Kodiċi Ġenerali Franċiż tat-Taxxa, it-Taxxa hija dovuta mill-utenti stabbiliti fi Franza tas-servizzi ta’ televiżjoni meħuda fiż-żoni metropolitani ta’ Franza u fid-dipartimenti barranin li, waqt is-sena preċedenti, ipprogrammaw xogħol, jew diversi xogħlijiet awdjoviżivi jew ċinematografiċi eliġibbli għall-miżuri ta’ sostenn tas-CNC u li hija bbażata, essenzjalment, fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-edituri ta’ servizzi tat-televiżjoni (punt II(23) u (24) tad-Deċiżjoni).

23      Fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn tas-CNC għax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi kkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il‑Kummissjoni tiddeskrivi fid-Deċiżjoni l-miżuri ta’ “sostenn għall‑produzzjoni ta’ films ċinematografiċi twal” [punt II(29) sa (95)], ta’ “sostenn għall-promozzjoni f’pajjiżi barranin tax-xogħlijiet ċinematografiċi” [punt II(121) sa (126)], ta’ “sostenn għax-xogħlijiet ċinematografiċi qosra” [punt II(127) sa (149)] u ta’ “sostenn għall-produzzjoni awdjoviżiva” [(punt II(186) sa (219)], kif ukoll il-mod ta’ finanzjament tagħhom [(punt II(19) sa (24)].

24      Wara analiżi tal-imsemmija miżuri fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li wħud minnhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u huma kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(d) KE, sa tmiem is-sena 2011, filwaqt li oħrajn ma ġewx ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol  2. p  138) (punt III(38) sa (124), tad-Deċiżjoni għas-“sostenn taċ-ċinema – sostenn għall produzzjoni ta’ films ċinematografiċi twal”, punt III(158) sa (193), tad-Deċiżjoni għas‑“sostenn għall-promozzjoni f’pajjiżi barranin tax-xogħlijiet ċinematografiċi”, punt III(194) sa (223), tad-Deċiżjoni għas-“sostenn għax-xogħlijiet ċinematografiċi qosra”, punt III(257) sa (331), tad-Deċiżjoni għas-“sostenn għall-produzzjoni awdjoviżiva”). Fir-rigward tal-miżuri ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni skont l‑Artikolu 87(3)(d) KE, il-Kummissjoni tasal għal din il-konklużjoni jew billi tapplika l-kriterji stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-2001, iċċitata fil-punt 3 iktar ’il fuq, jew billi tapplika dawn il-kriterji b’analoġija jew bħala riferiment rilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tagħhom.

25      It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligi ta’ investiment [punt II(246) sa (255) tad-Deċiżjoni], il-Kummissjoni tindika li dawn huma imposti, b’ċerti differenzi fil-modalitajiet tagħhom, fuq l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni mxandra b’forma mhux kodifikata permezz ta’ frekwenza terrestri, b’mod analoġiku jew diġitali, permezz ta’ kejbil jew satellita, fuq l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni bi ħlas mxandra permezz ta’ frekwenza terrestri, b’mod analoġiku u fuq l-edituri ta’ servizzi msejħa bħala “ħlas skont kemm tara”, imxandra permezz ta’ frekwenza terrestri b’mod diġitali.

26      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-ammont tal-obbligi ta’ investiment huwa ddeterminat bl-applikazzjoni ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tal-editur tas-servizzi ta’ televiżjoni kkonċernat għas-sena preċedenti (punt II(250) tad-Deċiżjoni). L-imsemmi ammont huwa differenti skont il-mod ta’ xandir tas-servizzi tat-televiżjoni u tal-karatteristiċi tal-editur [punt II (251) sa (254), tad-Deċiżjoni]. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrileva li l-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ li għandha tiġi investita fil-produzzjoni ċinematografika hija ogħla jekk il-programmazzjoni tas-servizz tat-televiżjoni tiffoka fuq iċ-ċinema u li hija inqas jekk din il-programmazzjoni ma tiffokax prinċipalment fuq iċ-ċinema [punt II(251) tad-Deċiżjoni].

27      Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-obbligi ta’ investiment ma jinvolvux riżorsi tal-Istat u għaldaqstant ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE [punt III(390) sa (398) tad-Deċiżjoni].

28      Fil-punt IV tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni “jiddispjaċiha li Franza implementat il-biċċa l-kbira tal-miżuri eżaminati f’din id-deċiżjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) [KE]”. Sussegwentement, il-Kummissjoni tiddikjara li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, ikkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li ġew innotifikati lilha u li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni, huma kompatibbli mas-suq komuni, sa’ tmiem is-sena 2011, fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(d) KE. Fl-aħħar, ġie ppreċiżat ukoll dan il-punt li ġej:

“Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li dan it-tul taż-żmien ingħata b’kunsiderazzjoni tal-impenn offert mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex ‘jipproċedu għall-adattamenti eventwalment neċessarji sabiex jikkonformaw mal-iżvilupp tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għaċ-ċinema u għall-awdjoviżiv wara t-30 ta’ Ġunju 2007’. Il-Kummissjoni tfakkar lill-awtoritajiet Franċiżi li għandhom jippreżentaw rapport ta’ kull sena fuq l-implementazzjoni tal-miżuri nnotifikati. Dan ir-rapport għandu jipprovdi biżżejjed dettalji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika jekk dawn il-mekkaniżmi jostakolawx il-kompetizzjoni sa fejn imorru kontra l-interess komuni.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ att ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li mill-1 ta’ Diċembru 2009 saret il-Qorti Ġenerali) fit-12 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2006, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-14 ta’ Novembru 2006, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini stabbiliti.

31      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

32      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ April 2010.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

35      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat:

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Mingħajr ma tqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors, billi tinvoka n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors, billi ssostni li r-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata individwalment bid-Deċiżjoni. L-ewwel nett, peress li r-rikorrenti ddaħħal inkwistjoni il-fondatezza tad-Deċiżjoni, hija għandha tistabbilixxi, skont il-ġurisprudenza, l-istatus partikolari tagħha, billi turi li l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq ġiet affettwata sostanzjalment, u mhux biss il-pożizzjoni tagħha ta’ kompetitriċi meta mqabbla mal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna.

38      Ir-rikorrenti kellha twettaq analiżi tas-suq sabiex tistabbilixxi l-prodotti speċifiċi jew is-swieq ġeografiċi li għalihom kienet f’kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I-10737, I-10741, punti 117 u 118). B’hekk, hija kellha turi li ma setgħet tibbenefika minn ebda waħda mill-miżuri ta’ għajnuna previsti mid-Deċiżjoni u li dan l-iżvantaġġ jaffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

39      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ma tipprovax tistabbilixxi l-locus standi dirett u individwali tagħha fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn għall-produzzjoni tas-CNC. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li r-rikorrenti tammetti impliċitament li r-rikors tagħha ma huwiex ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-obbligi ta’ investiment. Dan huwa spjegat faċilment mill-fatt li r-rikorrenti tista’ tibbenefika mill-miżuri ta’ sostenn għall-produzzjoni tas-CNC. Għall-produzzjoni ċinematografika, ir-rikorrenti tibbenefika, b’mod partikolari, mis-sostenn awtomatiku għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni kif ukoll minn għajnuna għall-editjar vidjografiku. Għall-produzzjoni awdjoviżiva, ir-rikorrenti tibbenefika direttament mis-sostenn tas-COSIP, permezz tas-sussidjarji ta’ produzzjoni tagħha, u tibbenefika minnu indirettament għall-programmi ta’ sensieli mħallsa minn qabel minn produtturi ddelegati. Fil-fehma tal-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrenti jkollha interess, eżistenti u attwali, li l-att ikkontestat jiġi annullat. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti sa fejn, anki fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti u tannulla d-Deċiżjoni, sa fejn din tirrigwarda l-miżuri ta’ sostenn iddikjarati kompatibbli, ir-rikorrenti ma tkunx tista’ tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni u ssib ruħha f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża minn dik li tirriżulta mid-Deċiżjoni.

40      It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligi ta’ investiment, fil-każ fejn il-Kummissjoni wettqet żball billi kkonstatat in-nuqqas ta’ riżorsi tal-Istat, ir-rikorrenti kellha turi wkoll li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment mill-fatt li hija ma tibbenefikax, anki potenzjalment, mill-miżuri previsti.

41      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li, b’xi differenzi fil-modalitajiet tagħhom, l-obbligi ta’ investiment jobbligaw lill-edituri ta’ servizzi ta’ televiżjoni li kull sena jonfqu ċerti ammonti għall-finanzjament tax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. Peress li dawn l-obbligi huma imposti fuq l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni kollha, ir-rikors tar-rikorrenti ma huwiex konsegwentement ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala waħda li ma hijiex għajnuna. F’dan ir-rigward, ir-riferiment tar-rikorrenti għas-sitwazzjoni legali fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-ilmenti fl-2001, ma hijiex rilevanti għall-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, peress li l-legalità ta’ att huwa evalwat, skont ġurisprudenza stabbilta, permezz tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tiegħu. Barra minn hekk, fir-rigward tad-differenza fit-trattament allegata mir-rikorrenti, ibbażata fuq il-fatt li ċerti edituri tas-servizzi tat-televiżjoni mxandra permezz ta’ frekwenza terrestri, b’mod diġitali biss huma kkonċernati mill-obbligi ta’ investiment, li jimplika diskriminazzjoni u, b’mod impliċitu, jimplika li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata, il-Kummissjoni ssostni li din id-differenza hija ġġustifikata minn ċirkustanzi oġġettivi marbuta mad-dħul mill-bejgħ. Barra minn hekk, l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni li jibbenefikaw minn trattament differenti huma dawk li ma jxandrux jew ixandru ftit xogħol awdjoviżiv u li għaldaqstant ma humiex f’kompetizzjoni ma’ edituri tas-servizzi tat-televiżjoni bħar-rikorrenti, li parti sostanzjali tal-programmi tagħha hija kkostitwita minn xogħol awdjoviżiv.

42      It-tieni nett, b’risposta għar-rikorrenti, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jsostnu li l-awtoritajiet Franċiżi għażlu, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata, li jadottaw id-dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk tal-imsemmija direttiva u li jikkalkolaw l-ammont tal-obbligi ta’ investiment skont id-dħul mill-bejgħ tal-editur tas-servizzi tat-televiżjoni. Fi kwalunkwe każ, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-edituri kollha tas-servizzi tat-televiżjoni Franċiża huma suġġetti għall-obbligi ta’ investiment fl-istess proporzjonijiet. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-ispejjeż tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma iktar minn dawk tal-kompetituri tagħha minħabba l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq Franċiż tax-xandir bit-televiżjoni u l-importanza tad-dħul mill-bejgħ tagħha, ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi individwalizzata, u r-rikorrenti qisha tammetti dan fir-replika. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti tirrikonoxxi li l-miżura toħloq dannu għal grupp wiesa’ ta’ operaturi, il-Kummissjoni ssostni li, jekk diversi operaturi oħrajn jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħar-rikorrenti, dan juri li din ma tinsabx f’sitwazzjoni partikolari, bil-kontra tar-rekwiżiti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, (25/62, Ġabra p. 197).

43      It-tielet nett, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-miżuri ta’ sostenn tas-CNC u l-obbligi ta’ investiment jibbenefikaw gruppi kbar ta’ komunikazzjoni, minflok ma jiffavorixxu l-produzzjoni indipendenti. Skont din il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni kollha għandhom jiddedikaw iż-żewġ terzi tal-obbligi ta’ investiment tagħhom għall-produzzjoni awdjoviżiva indipendenti, skont l-istess kriterji. Fil-prattika, il-maġġoranza ta’ dawn l-investimenti, taħt il-forma ta’ xiri u xiri minn qabel, isiru mal-produtturi indipendenti minn kull grupp ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva. Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li l-iskema Franċiża tagħti vantaġġ lil dawn il-gruppi ta’ komunikazzjoni, ir-rikorrenti tkun żvantaġġata bl-istess mod bħall-edituri l-oħra tas-servizzi tat-televiżjoni suġġetti għall-istess obbligi. L-effetti tas-sistema Franċiża fuq ir-rikorrenti huma marbuta biss mal-pożizzjoni kompetittiva tagħha, sa fejn, peress li hija l-editur ta’ servizzi tat-televiżjoni li għandha l-ikbar dħul mill-bejgħ, hija tiffinanzja, permezz tal-obbligi ta’ investiment fil-produzzjoni indipendenti, lil produtturi oħra ta’ xogħol awdjoviżiv, f’proporzjonijiet ikbar mill-kompetituri tagħha, iżda dejjem skont element oġġettiv, jiġifieri d-dħul mill-bejgħ.

44      It-tielet nett, fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja, il-Kummissjoni tenfasizza li għandha ssegwi l-liġi pożittiva u l-ġurisprudenza stabbilita, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13  ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, (T-210/02, Ġabra p. II-2789) (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 40). B’hekk, bħala teorija, ir-rikorrenti tista’ tirrifjuta li tikkonforma mal-iskema vinkolanti tal-obbligi ta’ investiment u ssostni quddiem il-qorti nazzjonali l-inkompatibbiltà ta’ din l-iskema mad-dritt Komunitarju, fejn, jekk ikun il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tirriferi b’mod preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni tal-validità tad-Deċiżjoni.

45      Ir-Repubblika Franċiża taqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti huwa inammissibbli, peress li din ma hijiex individwalment ikkonċernata bid-Deċiżjoni.

46      L-ewwel nett, bħall-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ rikorrenti li tikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni, ir-rikors tagħha jkun ammissibbli biss jekk turi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment mill-miżura inkwistjoni. Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza wkoll li, fir-rigward tar-riferiment tar-rikorrenti għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma r-rekwiżit li l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti tiġi affettwata b’mod sostanzjali. F’dan ir-rigward, bħall-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża ssostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka biss il-kwalità ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, iżda li għandha turi l-kobor tal-preġudizzju lill-pożizzjoni tagħha fis-suq. Fl-aħħar, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet adottat id-Deċiżjoni bħala risposta għan-notifika mill-awtoritajiet Franċiżi, fl‑24 ta’ Mejju 2004, tal-iskemi ta’ għajnuna kollha għaċ-ċinema u għall-awdjoviżiv, u mhux wara l-ilment tar-rikorrenti tat-3 ta’ Ottubru 2001.

47      It-tieni nett, ir-rikorrenti ma wrietx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata b’mod sostanzjali mid-Deċiżjoni. L-ewwel nett, b’risposta għar-rikorrenti, ir-Repubblika Franċiża ssostni, bħall-Kummissjoni, li l-awtoritajiet Franċiżi għażlu li jikkalkolaw l-ammont tal-obbligi ta’ investiment skont id-dħul mill-bejgħ tal-editur tas-servizzi tat-televiżjoni u li l-fatt li l-ispejjeż tar-rikorrenti huma ikbar minn dawk tal-kompetituri tagħha minħabba l-pożizzjoni tagħha fis-suq Franċiż tax-xandir televiżiv u tal-importanza tad-dħul mill-bejgħ tagħha, ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi individwalizzata, u r-rikorrenti qisha tammetti dan fir-replika (ara punt 42 iktar ’il fuq).

48      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-miżuri ta’ sostenn tas-CNC u tal-obbligi ta’ investiment jibbenefikaw lill-gruppi kbar ta’ komunikazzjoni, minflok ma jiffavorixxu l-produzzjoni indipendenti, ir-Repubblika Franċiża żżid tgħid li, fir-rigward ta’ terz tal-obbligi ta’ investiment tagħha, ir-rikorrenti tibqa’ ħielsa, bħall-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra, li tinvesti mal-produttur tal-għażla tagħha, b’mod partikolari fis-sussidjarji tagħha stess. Bħala eżempju, ir-Repubblika Franċiża tiċċita ċ-ċifri għas-sena 2005 li jirrigwardaw l-investimenti tar-rikorrenti fil-produzzjonijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi.

49      It-tielet nett, fil-kuntest tal-obbligi ta’ investiment tagħha fir-rigward tal-produzzjoni indipendenti, ir-rikorrenti tista’ żżomm drittijiet esklużivi għal perijodu relattivament twil, ta’ 42 xhar, u mhux ta’ 18‑il xhar bħalma tallega hi. Barra minn dawn l-obbligi, l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni jżommu l-kontroll ekonomiku tax-xogħlijiet li huma jiffinanzjaw, billi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom setgħa kbira ta’ manuvrar kemm fil-fażi ta’ produzzjoni, permezz ta’ għażla ta’ forom ta’ intervent għall-finanzjament kif ukoll fil-fażi tal-użu, fir-rigward tat-tul taż-żmien tad-drittijiet, tax-xiri mill-ġdid u tal-użu fuq medja differenti.

50      It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun f’pożizzjoni li turi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata b’mod sostanzjali. L‑ewwel nett, fir-rigward tal-obbligi ta’ investiment fil-produzzjoni awdjoviżiva u ċinematografika, ir-rikorrenti hija suġġetta għalihom bl-istess mod bħall-edituri kollha tas-servizzi tat-televiżjoni Franċiża, skont id-dħul mill-bejgħ tagħha. It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża, bħall-Kummissjoni, tistaqsi dwar l-interess, għar-rikorrenti, li fil-fatt tibbenefika minn miżuri ta’ sostenn għaċ-ċinema u għall-awdjoviżiv, li tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni li tiddikjara dawn il-miżuri kompatibbli (ara l-punt 39 iktar ’il fuq).

51      Ir-rikorrenti ssostni li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni. Fir-rigward tal-interess dirett tagħha li tippreżenta rikors kontra d-Deċizjoni, hija tallega li kull impriża kompetitriċi ta’ impriża li tibbenefika minn għajnuna għandha interess sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, peress li tali annullament iwassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna. Barra minn hekk, l-għajnuna inkwistjoni kienet diġà ngħatat, fis-sens li d-deċiżjoni tippermetti ż-żamma ta’ għajnuna li r-rikorrenti ilha titlob li tiġi rrevokata mill-2001. Fir-replika, ir-rikorrenti tenfasizza li dan l-interess dirett ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

52      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-interess individwali tar-rikorrenti jkun stabbilit meta l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq hija affettwata minn miżuri ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fir-risposta, imorru lil hinn minn dawk stabbiliti mill-ġurisprudenza. Qabel kollox, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fatt li hija ma bbenefikatx minn miżuri ta’ għajnuna previsti mid-Deċiżjoni, ir-rikorrenti tallega li hija għandha locus standi, peress li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Sussegwentement, meta r-rikors huwa bbażat fuq motivi bbażati fuq il-fondatezza ta’ Deċiżjoni, rikorrenti jkollha tistabbilixxi s-sitwazzjoni partikolari tagħha, li tista’ tiġi dedotta mill-effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, u, jekk ikun il-każ, mill-intervent tagħha fil-proċedura preliminari. Kull soluzzjoni oħra twassal sabiex jiġi injorat il-fatt li miżura ta’ għajnuna ta’ apparenza ġenerali tista’ fir-realtà tiffavorixxi biss ċerti operaturi jew attivitajiet speċifiċi, anki jekk tista’ teoretikament tibbenefika lill-kulħadd.

53      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kawża preżenti, il-pożizzjoni kompetittiva tagħha hija affettwata fuq is-suq tax-xandir tat-televiżjoni b’aċċess ħieles u fuq is-suq tal-akkwist tad-drittijiet u l-kontenut awdjoviżiv. Fil-fatt, id-Deċiżjoni żżomm sistema ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji favur il-produzzjoni awdjoviżiva, billi jew tiddikjara li l-obbligi ta’ investiment ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, jew li l-miżuri ta’ sostenn tas-CNC jikkostitwixxu għajnuna li hija kompatibbli mas-suq komuni. Dawn id-diffikultajiet huma fl-oriġini tal-ilmenti tar-rikorrenti.

54      L-ewwel nett, il-miżuri ta’ sostenn imsemmija u awtorizzati fid-Deċiżjoni, joħolqu żvantaġġ kompetittiv, billi jillimitaw il-possibbiltà għar-rikorrenti sabiex tiżviluppa l-attività ta’ produzzjoni tagħha, għaż-żewġ terzi mill-ispejjeż marbuta mal-obbligi ta’ investiment, u jikkontribwixxu sabiex jiffavorixxu l-gruppi ta’ komunikazzjoni kompetituri tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-allegat kontroll ekonomiku tax-xogħlijiet li hija tiffinanzja, ir-rikorrenti ssostni, b’risposta għar-Repubblika Franċiża, li l-livell tal-obbligi ta’ investiment tagħha huwa tali li jistruttura de facto l-użu kollu tal-kapaċitajiet ta’ investiment tagħha.

55      It-tieni nett, hekk kif ir-rikorrenti kienet spjegat sew fl-ilmenti tagħha, l-iskema Franċiża ta’ sostenn għall-industrija ċinematografika u awdjoviżiva, twassal sabiex hija tikkontribwixxi, permezz tal-ħlas tat-Taxxa li tiffinanzja s-COSIP u s-sussidju mogħti minn din tal-aħħar lill-produtturi indipendenti, sabiex tiffinanzja l-kompetituri tagħha stess. Fil-fatt, minħabba d-definizzjoni ta’ “produttur indipendenti” tal-leġiżlazzjoni Franċiża, numru minn dawn il-produtturi huma kkontrollati minn kompetituri tar-rikorrenti u numru sinjifikattiv fosthom huma miżmuma minn gruppi kbar tal-komunikazzjoni, jew li għandhom attivita ta’ xandir (kejbil, sattellita, frekwenza terrestri b’mod diġitali, televiżjoni fuq l-internet), jew li huma attivi fil-produzzjoni awdjoviżiva, jew li għandhom dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet.

56      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-figuri, għas-sena 2005, ippreżentati mir-Repubblika Franċiża. Fost is-26 produtturi kklassifikati bħala indipendenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Franċiża u li magħhom ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet xi kuntratti matul is-sena 2005, huma biss disgħa li huma produtturi realment indipendenti minn kull editur tas-servizzi tat-televiżjoni. Fost is-17 l-oħra, tmienja huma sussidjarji ta’ gruppi awdjoviżivi u disgħa tal-impriżi integrati fi gruppi industrijali li jagħtuhom piż ekonomiku sinjifikattiv u li jakkumulaw, fil-parti l-kbira, il-kwalitajiet ta’ produttur u distributur. Ir-rikorrenti tirrileva li 17-il sieħeb kummerċjali huma, fil-parti l-kbira, impriżi kbar u ekonomikament b’saħħithom, li ma jikkorrispondux għad-definizzjoni ta’ “produttur indipendenti”, stabbilita fil-premessa 23 tad-Direttiva 89/552. Ir-rikorrenti tenfasizza li huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fil-klassifika tal-produtturi ta’ finzjoni li tintwera fl-ewwel parti tal-lejl għas-sena 2005, l-ewwel benefiċjarju tal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar miżuri ta’ sostenn għall-produzzjoni u għall-obbligu ta’ investiment huwa, permezz ta’ ħames sussidjarji, grupp. Din l-istess klassifika turi wkoll li, fost l-ikbar għaxar produtturi għas-sena 2005, ma jidher l-ebda produttur realment indipendenti fis-sens tal-kliem u l-ispirtu tad-Direttiva 89/552.

57      It-tielet nett, dawn il-gruppi kbar ta’ komunikazzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ sostenn, mingħajr ma kellhom jipparteċipaw fil-finanzjament tagħha. Barra l-benefiċċju ta’ sostenn tas-COSIP permezz tal-intermedjarju tal-produtturi integrati tagħhom, huma jistgħu jżommu, fuq ix-xogħlijiet prodotti, id-drittijiet ta’ kooproduzzjoni mingħajr limitu ta’ żmien, li wara jkunu jistgħu jbigħu mill-ġdid, b’mod partikolari lir-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn il-gruppi kbar huma vantaġġati ħafna fil-kostituzzjoni ta’ xogħlijiet u fix-xandir ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ medja oħra, b’mod partikolari permezz ta’ frekwenza terrestri b’mod diġitali, bis-satellita, internet u telefonija tat-tielet ġenerazzjoni. Gruppi li jibbenefikaw minn xogħol diġa kkostitwit, jibdew ixandru, minn dak iż-żmien, permezz ta’ frekwenza terrestri b’mod diġitali, f’kompetizzjoni diretta mar-rikorrenti.

58      Bil-kontra, l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni ma jistgħux, fil-prattika jakkwistaw drittijiet sa fejn huma ma jistgħux iżommu ishma ta’ koproduzzjoni fuq ix-xogħlijiet awdjoviżivi ffinanzjati skont l-obbligi ta’ investiment tagħhom f’impriżi ta’ produzzjoni indipendenti, fejn dawn jirrappreżentaw żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom skont l-obbligi ta’ investiment. Huma jistgħu biss jakkwistaw “ishma ta’ xandir”, jiġifieri d-drittijiet ta’ xandir ta’ dawn ix-xogħlijiet, limitati għal ċertu numru ta’ xandiriet fuq perijodu limitat.

59      Barra minn hekk, quddiem il-pressjoni kostanti mill-gruppi ta’ komunikazzjoni kompetituri, ir-rikorrenti u l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra jinsabu kummerċjalment ristretti, fl-iskadenza tad-drittijiet ta’ xandir tagħhom, fejn il-perijodu ta’ esklużività huwa limitat għal 18-il xahar, sabiex jixtru mill-ġdid ix-xogħol awdjoviżiv li huma ffinanzjaw. Fil-fatt, peress li s-serje ewlenin tal-istazzjonijiet televiżivi Franċiżi jibqgħu jiġu prodotti fuq perijodi li jaqbżu t-tul taż-żmien inizjali tad-drittijiet ta’ xandir tal-ewwel episodji, ix-xiri mill-ġdid ta’ dawn id-drittijiet huma indispensabbli sabiex jiġi evitat li dawn l-episodji jixxandru fuq stazzjonijiet kompetituri. Bħala risposta għar-Repubblika Franċiża li tinvoka l-marġni ta’ manuvra wiesgħa tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni fil-fażi tal-użu tax-xogħol u tat-tul ta’ żmien tad-drittijiet ta’ xandir, ir-rikorrenti tafferma li dan it-tul ta’ żmien u n-numru ta’ xandiriet permessi matul dan iż-żmien huma strettament irregolati mil-leġiżlazzjoni Franċiża.

60      Ir-raba’ nett, fir-replika, ir-rikorrenti żżid tgħid li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-ammont tal-obbligi ta’ investiment huwa kkalkolat mid-dħul mill-bejgħ u mhux mill-baġit ta’ programmazzjoni tal-istazzjon, kif previst mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/552. Għaldaqstant, l-ispejjeż tar-rikorrenti abbażi ta’ dan huma ħafna iktar minn dawk tal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari France 2, France 3 u M6, bi ħsara għall-użu liberu tal-baġit tagħha u tal-għażliet tagħha fir-rigward tal-programmazzjoni, u dan jikkontribwixxi sabiex tiġi individwalizzata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Ir-rikorrenti tfakkar ukoll li l-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi kienet tirreferi biss, fid-data li fiha ppreżentat l-ilment tagħha fl-2001, għall-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni mxandra b’forma mhux kodifikata permezz ta’ frekwenza terrestri, b’mod analoġiku, jiġifieri r-rikorrenti, iż-żewġ stazzjonijiet pubbliċi u M6, il-gruppi ta’ komunikazzjoni l-oħra attivi fi Franza li ma jużawx stazzjonijiet ta’ dan it-tip u konsegwentement jevitaw dawn l-obbligi. Għalkemm il-leġiżlazzjoni nbidlet progressivament sabiex timponi l-istess tip ta’ obbligi fuq l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra, l-obbligi imposti ma kinux daqshekk ristrettivi, u l-ammonti investiti ma kinux daqshekk kbar bħal dawk imposti fuq ir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li d-Deċiżjoni tista’ taffettwa wkoll operaturi oħrajn u li tkun tista’ toħloq dannu ikbar jikkostitwixxi raġuni addizzjonali sabiex tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors.

61      Il-ħames nett, fir-rigward tal-benefiċċju dirett u indirett li għandha r‑rikorrenti taħt l-iskema ta’ sostenn għall-produzzjoni awdjoviżiva, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża. F’dan ir-rigward, hija tallega li ma bbenefikatx indirettament mill-miżuri ta’ sostenn tas-CNC. Minn naħa, is-sostenn finanzjarju tas-CNC għal produzzjoni partikolari tibbenefika esklużivament lill-produttur, b’mod partikolari billi jiġi kkreditat il-kont tiegħu miftuħ għand is-CNC u billi jippermetti li tiġi ġġenerata awtomatikament għajnuna ġdida. Bil-kontra, huwa ma jnaqqasx il-piż tal-obbligi ta’ investiment tal-editur tas-servizzi tat-televiżjoni. Għaldaqstant, is-sostenn finanzjarju mogħti lill-produtturi li ma humiex sussidjarji tar-rikorrenti ma jagħtiha l-ebda benefiċċju. Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ dan is-sostenn tas-CNC, ibbażat fuq l-impenn finanzjarju ta’ editur tas-servizzi tat-televiżjoni, bħar-rikorrenti, ta’ iktar minn 25 % tal-ammont minimu tal-istima ta’ produzzjoni ma jwassal bl-ebda mod sabiex jitnaqqsu l-obbligi leġiżlattivi jew sabiex jitnaqqsu l-piżijiet fuq dan l-editur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikklassifika bħala minimu l-ammont ta’ benefiċċju dirett irċevut, permezz tas-sussidjarji tagħha, mill-iskema ta’ sostenn għall-produzzjoni awdjoviżiva. Huwa biss terz mill-obbligi ta’ investiment li jista’ eventwalment jitwettaq mas-sussidjarji ta’ produzzjoni tagħha, fejn numru żgħir minnhom jipproduċu xogħlijiet ta’ ħażna u tnejn biss kienu bbenefikaw, fl-2005, minn sostenn finanzjarju tas-CNC għal ammont totali li kien ħafna inqas mit-Taxxa li r-rikorrenti kellha tħallas fl-istess sena.

62      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li skont il-ġurisprudenza, l-istatus partikolari ta’ rikorrent, fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, ma jirriżultax esklużivament mill-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il‑Kummissjoni, T-395/04, Ġabra p. II-1343, punt 32). Barra minn hekk, hija tirrileva li l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, fil-punti 141 u 142, jargumenta b’mod ċar favur l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ interess individwali li ma huwiex ristrett esklużivament għal dan l-effett biss. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni affarijiet oħra, bħal pereżempju, il-fatt li l-ilmenti tar-rikorrenti fl-2001 u s-suppliment tagħhom f’Jannar 2006 huma, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża, fl-oriġini tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan u d-Deċiżjoni, barra minn hekk, tirriferi għalih u tirrispondih direttament.

63      Ir-raba’ nett, interpretazzjoni stretta wisq tal-kunċett ta’ locus standi individwali, kif ippreżentata mill-Kummissjoni, twassal sabiex iċċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tiċċaħħad minn kull possibbiltà li targumenta fil-fond in-natura tal-għajnuna mill-Istat tal-obbligi ta’ investiment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

64      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet indirizzati lilha jew kontra d-deċiżjonijiet li għalkemm meħuda fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

65      Fil-kawża preżenti, peress li d-deċiżjoni kienet indirizzata lir-Repubblika Franċiża, għandu jiġi eżaminat jekk din tikkonċernax lir-rikorrenti direttament u individwalment.

66      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar interess individwali, skont ġurisprudenza kostanti, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 20; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3202, punt 14; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punt 26).

67      Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika fil-kawża preżenti jekk ir-rikorrenti tistax tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata bid-Deċiżjoni.

68      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti trid tikseb mingħand il-Qorti Ġenerali l-annullament ta’ deċiżjoni adottata fit-tmiem tal-proċedura preliminari tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi tal-eżami, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 16; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, punt 34, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 27).

70      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja. Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors jkun li, b’dan il-mod, tħares id-drittijiet proċedurali tagħha taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara s-sentenzi, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 28).

71      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li tali persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati fl-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 29).

72      Bil-kontra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova li hija għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 38 iktar ’il fuq, punt 37, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 30 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25).

73      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li l-portata ġenerali tad-Deċiżjoni, li tirriżulta minn dak li din id-deċiżjoni għandha b’mod partikolari bħala għan li tawtorizza skema ta’ għajnuna li tapplika għal kategorija ta’ operaturi stabbiliti b’mod ġenerali u astratt, ma hijiex ta’ natura li ttellef l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 31).

74      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ppreżentat tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE.

75      Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawn il-motivi ta’ annullament ma huma intiżi sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji mqajma mill-miżuri ta’ sostenn fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat jew mill-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, liema diffikultajiet kienu jobbligaw lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura formali. Ir-rikorrenti ma ddaħħalx inkwistjoni r-rifjut tal-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE u ma tinvokax ksur tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, iżda hija trid esklużivament li tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni fuq il-mertu, hekk kif ikkonfermat fis-seduta b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, u ttieħed nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

76      Għaldaqstant, peress li dan ir-rikors ma huwiex intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, is-sempliċi fatt li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors. Għaldaqstant hija għandha turi li għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, peress li l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija affettwata sostanzjalment mill-miżuri li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fil-konfront tal-impriża benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, iżda għandha turi, minbarra dan, il-kobor tal-preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C-106/98 P, Ġabra p. I-3659, punti 40 u 41, u tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 33; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Werkgroep Commerciële Jachthavens Zuidelijke Randmeren et vs Il‑Kummissjoni, T-117/04, Ġabra p. II-3861, punt 53).

78      F’dan il-każ, hekk kif ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, l-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha għandha tiġi eżaminata fil-konfront tal-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, peress li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi għas-sostenn tax-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, għandu jiġi kkunsidrat li dawn jibbenefikaw lil operaturi li għandhom attività ta’ produzzjoni fl-oqsma ċinematografiċi u awdjoviżivi, jew tal-inqas f’waħda minn dawn l-oqsma skont il-miżuri previsit. Huwa barra minn hekk paċifiku li r-rikorrenti, li hija editur tas-servizzi tat-televiżjoni, hija attiva wkoll fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet, u tista’ wkoll, abbażi ta’ dan, tibbenefika mill-miżuri ta’ sostenn inkwistjoni.

79      Ir-rikorrenti tidentifika, bħala operaturi li meta mqabbla magħhom il-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata, l-edituri l-oħra tas-servizzi tat-televiżjoni u ta’ gruppi kbar tal-komunikazzjoni awdjoviżiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjoni tagħha hija affettwata fuq is-suq tax-xandir televiżiv b’ aċċess ħieles u fuq is-suq tal-akkwist tad-drittijiet u l-kontenut awdjoviżiv.

80      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx b’mod konkret u preċiż kif il-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment, b’mod partikolari f’dawn iż-żewġ swieq, meta mqabbla mal-kompetituri tagħha li huma edituri tas-servizzi tat-televiżjoni u gruppi kbar tal-komunikazzjoni awdjoviżiva, li jibbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni.

81      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi konkluż li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment meta mqabbla mal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra, kemm fir-rigward tal-obbligi ta’ investiment u kemm fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn ikkontestati tas-CNC.

82      Qabel kollox, fir-rigward tal-obbligi ta’ investiment, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jsostni li l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra – li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-miżuri għall-attività eventwali ta’ produzzjoni tagħhom – huma suġġetti għall-kundizzjonijiet differenti minn dawk imposti fuq ir-rikorrenti sabiex tibbenefika minnhom u li huma ta’ natura li joħolqu impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

83      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont ta’ spejjeż abbażi tal-obbligi ta’ investiment tagħha huma ħafna iktar mill-ammont ta’ dawk tal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari France 2, France 3 u M6, bi ħsara għall-użu liberu tal-baġit tagħha u tal-għażliet tagħha fir-rigward tal-programmazzjoni, u dan jikkontribwixxi sabiex jindividwalizzaha meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar. Madankollu, hekk kif ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni li magħhom tinsab f’pożizzjoni ta’ kompetizzjoni kienu, skont il-miżuri li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni, marbuta wkoll bl-obbligi ta’ investiment. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ammont tal-obbligi huwa ddeterminat bl-applikazzjoni ta’ perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tal-editur tas-servizzi tat-televiżjoni kkonċernat tas-sena preċedenti (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-kompetituri ċċitati mir-rikorreni huma marbuta b’obbligi ta’ investiment fl-istess proporzjonijiet li hija marbuta bihom hi, minħabba l-applikazzjoni tal-istess perċentwali fuq id-dħul mill-bejgħ tagħhom, iwassal sabiex jiġi konkluż, bħalma kkonkludew il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, li, jekk jiġi stabbilit li l-ammont tal-ispejjeż tar-rikorrenti huwa ħafna iktar minn dak tal-ispejjeż tal-imsemmija kompetituri, dan huwa biss konsegwenza tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ tagħha huwa ikbar minn tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-imsemmija ċirkustanza sabiex turi status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, minħabba l-applikazzjoni ta’ perċentwali partikolari fuq l-edituri l-oħra tas-servizzi tat-televiżjoni.

84      It-tielet nett, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-fatt li l-ammont tal-obbligi ta’ investiment huwa kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-editur tas-servizzi tat-televiżjoni kkonċernat, u mhux permezz tal-baġit ta’ programmazzjoni tiegħu, kif jipprovdi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/552, ma jippermettix li tiġi konkluża n-natura partikolari tal-istatus tar-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma wrietx kif dan il-mod ta’ kalkolu jqegħidha f’sitwazzjoni differenti għal dik tal-kompetituri tagħha, edituri tas-servizzi tat-televiżjoni, u barra minn hekk, ir-rikorrenti enfasizzat li l-edituri l-oħra ta’ tali servizzi jistgħu jinsabu f’sitwazzjoni simili għal tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li teżamina, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fir-rigward tad-Direttiva 89/552.

85      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-obbligu li jiġu ddedikati tal-inqas żewġ terzi tal-ispejjeż bħala obbligi ta’ investiment fil-produzzjoni awdjoviżiva, kif ukoll tal-inqas tliet kwarti tal-ispejjeż bħala obbligi ta’ investiment fil-produzzjoni ċinematografiku, għall-iżvilupp tal-produzzjoni indipendenti (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni ta’ “produzzjoni indipendenti” fil-leġiżlazzjoni Franċiża tindika b’mod partikolari li l-produttur ikun indipendenti mill-editur tas-servizzi tat-televiżjoni li jissussidja x-xogħol ikkonċernat [punt II(249) tad-deċiżjoni], li l-partijiet ikkonfermaw waqt is-seduta. Għaldaqstant, anki jekk tali restrizzjoni tista’ twassal, kif issostni r-rikorrenti, għal-limitazzjoni tal-possibbiltà li tiżviluppa l-attività ta’ produzzjoni tagħha, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tindikax kif is-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra, li magħhom tinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni.

86      Konsegwentement, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li, fir-rigward tal-obbligi ta’ investimenti, il-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment meta mqabbla ma’ dik tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra.

87      Sussegwentement, fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn tas-CNC ikkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tippreżenta l-ebda argument intiż sabiex juri s-sitwazzjoni partikolari tagħha meta mqabbla mal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra. Barra minn hekk, u għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu għal produttur, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn dawn il-miżuri, li jkollu l-finanzjament ta’ editur tas-servizzi tat-televiżjoni u l-kundizzjoni korrispondenti ta’ indipendenza ta’ dan il-produttur fil-konfront tal-editur tas-servizzi tat-televiżjoni li jipprovdi dan il-finanzjament, huwa impost bl-istess mod fuq ir-rikorrenti u fuq l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra, u r-rikorrenti ma tikkontestax dan.

88      Fir-rigward tal-finanzjament ta’ dawn il-miżuri ta’ sostenn tas-CNC, b’mod partikolari mill-ħlas tat-Taxxa mill-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni, ir-rikorrenti kkonfermat, waqt is-seduta, u b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-kompetituri tagħha, l-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni, huma suġġetti għat-Taxxa. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni u li l-ammont dovut huwa kkalkolat bl-applikazzjoni ta’ perċentwali fuqu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala individwalizzata meta mqabbla mal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni l-oħra li magħhom tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni.

89      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-pożizzjoni kompettitiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment fir-rigward tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ sostenn tas-CNC ikkontestati.

90      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha hija affettwata meta mqabbla ma’ gruppi kbar ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tiddefinixxix lill-imsemmija gruppi b’mod preċiż u li ma tindikax b’mod suffiċjentement preċiż f’liema relazzjoni ta’ kompetizzjoni hija tinsab fil-konfront ta’ dawn.

91      Issa, għandu jiġi mfakkar li l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti għandha tiġi eżaminata fil-konfront tal-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-gruppi kbar ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva, li r-rikorrenti tirriferi għalihom, għandu jkollhom tal-inqas xi attivitajiet fil-produzzjoni tax-xogħlijiet. Barra minn hekk, sa fejn dawn il-gruppi huma attivi wkoll fix-xandir televiżiv, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreċiża bl-ebda mod kif is-sitwazzjoni tagħhom hija differenti minn dik, eżaminata fil-punti 81 sa 89 iktar ’il fuq, tal-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni li għandhom attività ta’ produzzjoni.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkundsidrat li r-riferiment tar-rikorrenti għall-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, meta mqabbla mal-gruppi kbar ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva, ma hijiex suffiċjentement iddettaljata u sostnuta sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ impatt individwali fuq ir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tipproċedi permezz ta’ konġetturi fir-rigward tar-raġunamenti u tal-kunsiderazzjonijiet preċiżi, kemm fattwali kif ukoll legali, ta’ natura li jissostanzjaw il-kontestazzjonijiet tar-rikors (Digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il-Kummissjoni, T-144/04, Ġabra p. II-761, punt 57).

93      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha u li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata bid-Deċiżjoni. Konsegwentement, hija ma għandhiex locus standi.

94      Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti bbażati fuq li, fil-każ fejn dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, hija ma jkollha l-ebda mezz sabiex tikkontesta d-Deċiżjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ma jistgħux jiġu mwarrba minħabba l-interpretazzjoni li jagħmel ir-rikorrent tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’hekk, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-qasam ittrattat fir-rikors preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li persuna li ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li, minħabba f’hekk, l-interessi tagħha ma humiex affettwati mill-miżura Statali li hija s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront ta’ deċiżjoni bħal din (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C-260/05 P, Ġabra p. I-10005, punti 64 u 65, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Issa, mill-elementi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet hija nieqsa f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija kienet individwalment ikkonċernata bid-Deċiżjoni. Isegwi li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li l-fatt li dan ir-rikors jiġi ddikjarat bħala inammissibbli jippreġudika d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

97      Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Télévision française 1 SA (TF1) hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummmissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.