Language of document : ECLI:EU:T:2011:278

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Multi – Preskrizzjoni – Trattament differenzjat – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑192/06,

Caffaro Srl, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn A. Santa Maria u C. Biscaretti di Ruffia, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Di Bucci u F. Amato, sussegwentement minn V. Di Bucci u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), inkwantu l-Kummissjoni imponiet multa fuq ir-rikorrenti u SNIA SpA in solidum, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), fil-funzjoni ta’ President, A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Caffaro Srl, li qabel kienet Industrie Chimiche Caffaro SpA, iktar tard Caffaro SpA, hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Taljan li kienet tikkummerċjalizza, sal-1999, perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”). Fiż-żmien tal-fatti ta’ dan il-każ, hija kienet sussidjarja 100 % ta’ Caffaro SpA, li saret, fis-sena 2000, SNIA SpA.

2        F’Novembru 2002, Degussa AG (iktar ’il quddiem Degussa) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PI”) u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

3        Degussa pprovdiet provi konkreti lill-Kummissjoni li ppermettewlha tagħmel, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, verifiki fil-bini ta’ tliet impriżi.

4        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.

5        Wara li semgħet lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa, Edison, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, L’Air liquide SA, Chemoxal SA, SNIA, ir-rikorrenti, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA. (Każ COMP/F/38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PI u l-prodott downstream, il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Il-ksur, li ġie kkonstatat fir-rigward tal-perijodu mill-31 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2000, ikkonsista prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u ta’ kapaċitajiet potenzjali u reali tagħhom, fi tqassim ta’ ishma mis-suq u ta’ klijenti kif ukoll fl-iffissar u fis-sorveljanza tal-osservanza tal-miri tal-prezz.

8        Ir-rikorrenti nżammet responsabbli għall-ksur “flimkien u in solidum” ma’ SNIA (premessi 407 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, il-Kummissjoni applikat il‑metodoloġija esposta fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il‑“linji gwida”).

10      Il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti bażiċi tal-multi fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), li ġie kklassifikat bħala li huwa serju ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Bl-applikazzjoni ta’ trattament differenzjat, ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fir-raba’ u l-aħħar kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 1.875 miljun. Fid-determinazzjoni ta’ dan l-ammont, il-Kummissjoni applikat ukoll tnaqqis ta’ 25 %, fid-dawl tal-fatt li ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti kienet taf jew kellha neċessarjament tkun taf bil-pjan globali ta’ arranġamenti antikompetittivi (premessi 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mid-29 ta’ Mejju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1998, jiġifieri għal perijodu ta’ sena u seba’ xhur, l-ammont inizjali tal-multa tagħha żdied bi 15 % (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kellha rwol passiv u minuri fil-ksur u, fuq il-bażi ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti, naqqset l-ammont tal-multa b’50 % (premessi 476 u 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      L-Artikolu 1(l) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti kisret l‑Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipat fil-ksur ikkonċernat mid-29 ta’ Mejju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1998.

15      Fl-Artikolu 2(g) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir‑rikorrenti, flimkien ma’ SNIA “konġuntament u in solidum”, multa fl-ammont ta’ EUR 1.078 miljun.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fit-18 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

17      Peress li sar tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għas-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ntbagħtet quddiem is-Sitt Awla Estiża.

18      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tat-22 ta’ Diċembru 2009, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub lir-rikorrenti, li għaliha r-rikorrenti rrispondiet fit-terminu mogħti.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fl-4 ta’ Marzu 2010.

20      Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li żewġ membri tal-Awla kienu impeduti milli jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, id‑deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tkomplew mit-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni imponiet multa fuqha flimkien ma’ SNIA in solidum;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa għal ammont simboliku;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas dan l-ammont “b’mod sostanzjali”, fid-dawl taż-żmien qasir tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Insostenn tar-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l‑Kummissjoni imponiet multa fuq ir-irikorrenti flimkien ma’ SNIA in solidum, jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni ta’ fatti fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat fatt li hija “vittma u mhux membru tal-akkordju dwar il-[PI]”, fit-tieni lok, tal-għażla, allegatament żbaljata, tas-sena ta’ referenza fil-kuntest tat-trattament differenzjat, fit-tielet lok, tal-evalwazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, fir-raba’ lok, tal-applikazzjoni tal-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u, fil-ħames lok, tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

 Fuq l-allegat stat ta’ “vittma u mhux [ta’] membru tal-akkordju dwar il-PI” invokat mir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li hija “vittma tal-akkordju”, minħabba li hija ħarġet mis-suq tal-PBS, fl-1999, preċiżament wara l-ftehim illegali li saru fis-suq tal-PI. Fil-fatt, hija ġiet kostretta li għall-provvista ta’ PI, li huwa l-uniku materja prima neċessarja għall-produzzjoni tal-PBS, tirrikorri għand produtturi involuti fl-akkordju, li huma l-kompetituri diretti tagħha fis-suq tal-PBS. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-PI, deċiża mill-partijiet fl-akkordju, tefgħet lir-rikorrenti barra mis-suq.

25      Ir-rikorrenti kienet f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika assoluta fuq il‑produtturi tal-PI, minħabba li ma setgħetx tadatta l-istrateġija kummerċjali tagħha fis-suq tal-PBS fil-kuntest taż-żidiet fil-prezz ippjanati għas-suq tal-PI. Il‑Kummissjoni stess irrikonoxxiet li “ma [kienx] ġie stabbilit li [r-rikorrenti] kienet taf jew [kellha] neċessarjament tkun taf bil-pjan globali ta’ arranġamenti antikompetittivi” (premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Ir-rikorrenti ssostni li, f’diversi deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix multa fuq il-parteċipanti ta’ dawn il-ftehim illegali, inkwantu dawn kienu aġixxew kontra l-interessi tagħhom jew kienu ekonomikament dipendenti fuq impriżi oħra partijiet f’dan il-ftehim. F’każijiet oħra simili, il-Kummissjoni imponiet biss multa simbolika. Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li timponi multa simbolika hija prevista b’mod espliċitu fil-punt 5(d) tal-linji gwida.

27      Il-Kummissjoni hija marbuta b’dawn id-deċiżjonijiet preċedenti, inkwantu dawn kienu diversi u l-każijiet inkwistjoni kienu jixbhu l-każ preżenti. Id-denominatur komuni tagħhom jikkonsisti fil-fatt li, bħar-rikorrenti, l-impriżi kkonċernati kienu involuti fi ftehim konkluż kontra l-interessi tagħhom jew, fi kwalunkwe każ, kienu ekonomikament dipendenti fuq partijiet oħra għall-ftehim. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tista’ tiġi assimilata għal dik ta’ distributur fil-każ ta’ ftehim vertikali konkluż ma’ produttur, fir-rigward, fiż-żewġ każijiet, ta’ impriża ekonomikament dipendenti.

28      B’mod partikolari, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tixbah ħafna li dik tal-Compagnie maritime zaïroise (CMZ) prevista fid-Deċiżjoni 93/82/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1992, dwar proċedura skont l-Artikolu [81KE] (IV/32.448 u IV/32.450 – Cewal, Cowac, Ukwal) u l-Artikolu [82 KE] (IV/32.448 u IV/32.450 – Cewal) (ĠU 1993, L 34, p. 20), kumpannija li fir-rigward tagħha l‑Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix multa, peress li din ma kienet kisbet ebda vantaġġ mill-ksur ikkonstatat.

29      Peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-istess ċirkustanzi fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE, l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-linji gwida, kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. L-evalwazzjoni inkwistjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn użu ħażin ta’ poter. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħalltet, bi żball, l-istat tar-rikorrenti ma’ dak ta’ Atochem SA, ta’ Kemira u ta’ Chemoxal, produtturi tal-PI [premessa 332(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

30      B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l‑produtturi tal-PI stabbilixxew sistema li kellha l-effett li tirdoppja l-prezzijiet f’inqas minn sena u nofs, li r-rikorrenti ma kinitx tipproduċi PI u kienet f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika totali fuq dawn l-impriżi, li hija ma kinitx taf bil-pjan globali tal-akkordju, li hija kellha ssostni żieda sostanzjali fil-prezz tal-PI, aspett determinanti għall-ħruġ tagħha mis-suq tal-PBS matul l-akkordju, li hija ma ħadet ebda benefiċċju lanqas meta bidlet il-fornitur, fid-dawl tal-fatt li l‑allinjament tal-prezzijiet kien jikkonċerna l-produtturi kollha tal-PI, u li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tadatta l-istrateġija kummerċjali tagħha fis-suq tal-PBS, peress li hija qatt ma ħadet parti fil-laqgħat dwar il-PI. Minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni u ta’ motivazzjoni ta’ din l-għażla, l-impożizzjoni ta’ multa fuq ir-rikorrenti hija illegali.

31      Fl-aħħar nett, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija nieqsa minn effett utli, kemm fir-rigward tal-għan ta’ repressjoni kif ukoll fir-rigward tal-għan ta’ dissważjoni, peress li r-rikorrenti diġà ħarġet mis-suq ikkonċernat preċiżament wara l-akkordju inkwistjoni, u għalhekk hija diġà ġiet issanzjonata u ma hijiex iktar f’pożizzjoni li twettaq mill-ġdid il-ksur.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-argumentazzjoni żviluppata fir-rikors, ir-rikorrenti, filwaqt li tirreferi għall-allegat stat ta’ “vittma u mhux [ta’] membru tal-akkordju dwar il-[PI]”, ma tikkontestax, fil-fatt, la l‑parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u lanqas n-natura unika tiegħu.

34      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-akkordju li nżammu fit-28 jew id-29 ta’ Mejju 1997 f’Séville u fl-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains, u lanqas ma tikkontesta l-kontenut illegali ta’ dawn il-laqgħat, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-premessi 162 sa 164 u 226 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda tikkontesta biss, fil-kuntest tat-tielet motiv eżaminat iktar ’il quddiem, it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti “hija vittma u mhux membru tal-akkordju dwar il-[PI]”, għandu jinftiehem bħala li huwa intiż, fil-fatt, sabiex jikkontesta l-legalità u l-livell tal-multa fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti fi ħdan l-akkordju.

36      Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tinvoka numru ta’ ċirkustanzi li, fil-fehma tagħha, kellhom iwasslu għan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa jew, iktar minn hekk, għall-impożizzjoni ta’ multa simbolika ta’ EUR 1 000 prevista fil-punt 5(d) tal-linji gwida. Hija tinvoka, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni unika tagħha ta’ produttur tal-PBS, prodott downstream tal-PI, billi ssostni li hija kienet ekonomikament dipendenti fuq partijiet oħra għall-ftehim, produtturi tal-PI jew taż-żewġ prodotti inkwistjoni, kif ukoll il-fatt li hija pparteċipat fl-arranġamenti ta’ kollużjoni kontra l-interessi tagħha, billi ma kisbet ebda vantaġġ, peress li hija ġiet kostretta toħroġ mis-suq tal-PBS f’nofs is-sena 1999.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni ta’ sorveljanza li d-dritt tal-Unjoni jagħtiha. Din il-funzjoni tinkludi d-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida f’dan is-sens l-imġiba tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105).

38      Il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-imġiba tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax iżżid, f’kull waqt, dan il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 109).

39      Din il-marġni ta’ diskrezzjoni teżisti, għal raġuni iktar qawwija, fil-kuntest tal-possibbiltà, f’ċerti każijiet, li tiġi imposta multa msejħa “simbolika”, li l‑Kummissjoni rriżervat għaliha fil-punt 5(d) tal-linji gwida, jew li ma timponix multa.

40      Fil-każ ineżami, sabiex tikkontesta l-legalità tal-multa imposta fuqha, ir-rikorrenti tinvoka, qabel xejn, is-sitwazzjoni tagħha ta’ dipendenza fuq partijiet oħra fl-akkordju.

41      Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li tkun aġixxiet f’sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika ma jikkostitwixxix, bħala tali, ċirkustanza li tista’ teskludi r‑responsabbiltà ta’ parti fl-akkordju. Tali ċirkustanza lanqas ma għandha neċessarjament tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

42      Skont ġurisprudenza stabbilità sewwa, impriża li tipparteċipa f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv, anki jekk taħt il-pressjoni ta’ parteċipanti oħra li għandhom saħħa ekonomika ikbar, għandha dejjem il-possibbiltà li tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni sabiex tirrapporta l-attivitajiet antikompetittivi inkwistjoni minflok ma tkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 178, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 423). Fil-fatt, anki jekk wieħed jissoponi li impriża kellha pressjoni sabiex taderixxi għall-akkordju, hija setgħet dejjem tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, minflok ma ssir parti f’dan l-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 344).

43      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, la l-allegata sitwazzjoni ta’ dipendenza fuq parti oħra għall-ftehim u lanqas il-pożizzjoni minaċċanti allegatament adottata minn din tal-aħħar ma għandhom jikkaratterizzaw sitwazzjoni li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 424).

44      Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex, a fortiori, tkun marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-istess elementi għall-finijiet ta’ deċiżjoni li ma tiġix imposta multa jew li tiġi imposta biss multa simbolika.

45      Fid-dawl tal-premessa, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha ta’ dipendenza ekonomika fuq partijiet oħra fl-akkordju ma jistax jirnexxi.

46      Fir-rigward, imbagħad, tar-riferiment li r-rikorrenti għamlet għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, li fihom hija ma imponietx multa jew imponiet biss multa simbolika, għandu jiġi mfakkar li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d‑deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza possibbli ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li huwa ftit probabbli li ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60).

47      F’dan il-kuntest, jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni hija marbuta tosserva l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ma tistax tittratta sitwazzjonijiet simili b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

48      Issa, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-każijiet li wasslu għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti għandhom differenzi sinjifikattivi meta mqabbla ma’ dik inkwistjoni fil-każ ineżami.

49      Minn naħa, ir-rikorrenti tinvoka diversi deċiżjonijiet li jikkonċernaw ftehim u prattiki miftiehma bejn produttur u distributuri li jinvolvu miżuri li jimpedixxu l‑importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet paralleli.

50      Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest ta’ ċerti każijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet vertikali, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d‑distributuri, impriżi sostanzjalment iktar dgħajfa mill-perspettiva ekonomika, kienu qed jaġixxu taħt il-pressjoni ta’ produttur u kontra l-interessi ekonomiċi tagħhom stess, minħabba l-biża’ li dan jirtiralhom id-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, li ma żżommx id-distributuri responsabbli, li ma timponix multa fuqhom jew li timponilhom multa b’ammont moderat ħafna.

51      Issa, għandu jiġi rrilevat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex direttament applikabbli għal każijiet ta’ restrizzjonijiet orizzontali, bħalma huwa l-kartell tal-prezz u t-tqassim tas-swieq fil-każ ineżami, ksur li huma serji ħafna min-natura tagħhom stess, li ġeneralment isiru bejn impriżi li għandhom rwol ekonomiku paragunabbli, kif inhuma l-produtturi kollha tal-prodott jew prodotti inkwistjoni.

52      Fil-fatt, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ħadet sehem fil-ksur uniku, li involva s-swieq tal-PI u tal-PBS. Il-fatt li hija kienet tipproduċi biss il-PBS, li hija kienet marbuta tirrikorri għand partijiet oħra fl-akkordju sabiex tiġi pprovduta bil-PI u, għalhekk, li hija kienet suġġetta għal pressjonijiet tariffarji fis-suq downstream tal-PI, ma jurix li hija kienet kostretta taġixxi b’mod illegali fis-suq tal-PBS. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda prova konkreta sabiex tistabbilixxi li l-partijiet l-oħra fl-akkordju ssuġġettawha għal pressjonijiet, pereżempju, permezz ta’ theddid li jwaqqfulha l-provvista ta’ PI, fil-każ li hija tinjora l-imġiba ta’ kollużjoni imposta fis-suq tal-PBS.

53      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-restrizzjonijiet orizzontali, ir-rikorrenti tinvoka d‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/210/KE, tad-29 ta’ Marzu 1994, dwar proċedura skont l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (Każ 33.941 – HOV-SVZ/MCN) (ĠU L 104, p. 34), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ 38.238 − Tabakk mhux ipproċessat – Spanja), li tagħha ġie ppubblikat sommarju f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2007 (ĠU L 102, p. 14).

54      Għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 94/210 kienet tirrigwarda impriżi ta’ ferroviji partijiet f’“akkordju difensiv” intiż sabiex jikkontrobatti l-effetti tal-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti, eżaminati mill-perspettiva tal-Artikolu 82 KE fl‑ambitu tal-istess deċiżjoni. Fil-premessi 109 sa 112 tal-istess deċiżjoni, il‑Kummissjoni rrilevat inter alia li, “b’mod ġenerali […] akkordju ta’ natura difensiva ma [setax] jeżonera lill-impriżi mill-impożizzjoni ta’ multa” qabel ma ddeċidiet li, “fid-dawl […] tal-aspetti speċifiċi tal-każ ineżami, […] ma [kienx] hemm lok li jiġu imposti multi għall-ksur tal-Artikolu [81 KE]”.

55      Fir-rigward tad-Deċiżjoni C (2004) 4030, dwar żewġ akkordji bejn l-impriżi tat-trasformazzjoni tat-tabakk u bejn rappreżentanti tal-produtturi, rispettivament, il‑Kummissjoni kienet, fir-rigward tat-tieni akkordju, waslet għall-konklużjoni li kien hemm biss lok li tiġi imposta multa simbolika ta’ EUR 1000 fuq kull wieħed mir-rappreżentanti tal-produtturi, peress li l-qafas leġiżlattiv nazzjonali wassal għal livell sinjifikattiv ta’ inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-imġiba tagħhom. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu, tal-inqas, inkoraġġew lir-rappreżentati tal-produtturi sabiex ikomplu bin-negozjati fuq il‑prezzijiet, filwaqt li l-ministeru tal-Agrikoltura awtorizza wkoll it-tabelli tal-prezzijiet nnegozjati, li kienu ġew annessi mal-kuntratt tip ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali Spanjoll [premessi 425 sa 431 tad-Deċiżjoni C (2004) 4030].

56      Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li ż-żewġ deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti jikkostitwixxu deċiżjonijiet iżolati bbażati fuq ċirkustanzi speċifiċi, li bl-ebda mod ma huma komparabbli ma’ dawk invokati mir-rikorrenti fil-każ ineżami.

57      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegata “diskriminazzjoni” fid-dawl tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika fuq partijiet oħra fl-akkordju, ma jistax jirnexxi.

58      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li ma kisbet ebda benefiċċju mill-akkordju, jew li hija fil-fatt sostniet ħsara.

59      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriża ma kisbet l-ebda vantaġġ mill-ksur ma jistax jostakola l-impożizzjoni ta’ multa, altrimenti din titlef in-natura dissważiva tagħha. Minn dan isegwi li, sabiex tiffissa l-multi, il-Kummissjoni la hija marbuta tistabbilixxi li l-ksur ikun wassal għal vantaġġ illegali lill-impriżi kkonċernati u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, in‑nuqqas ta’ benefiċċju miksub mill-ksur inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 4881, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02 u T‑126/02, T‑128/02 u T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 671).

60      In-nuqqas ta’ tali benefiċċju ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa ċirkustanza attenwanti li tista’ titqies fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 91, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 442), u, għalhekk, ma jikkostitwixxix motiv li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa simbolika.

61      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, fil-prinċipju, fir-rigward tal-allegat fatt li r‑rikorrenti pparteċipat f’kollużjoni mal-kompetituri tagħha kontra l-interessi ekonomiċi tagħha u li hija sostniet, konsegwentement, l-effetti negattivi ta’ din il‑kollużjoni, peress li tali ċirkustanza, anki jekk titqies stabbilita, lanqas ma tikkostitwixxi element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti u, a fortiori, bħala ċirkustanza li tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa simbolika.

62      Skont il-ġurisprudenza, impriża li tkompli tiftiehem mal-kompetituri tagħha fuq il‑prezzijiet, minkejja l-allegata ħsara li hija ssostni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li wettqet ksur inqas gravi minn dak ta’ impriżi oħra involuti wkoll fil-kollużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T‑304/94, Ġabra p. II‑869, punt 141).

63      F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sitwazzjoni ta’ CMZ, prevista fid-Deċiżjoni 93/82, għandu jiġi osservat li mill-premessi 111 u 112 ta’ din id-deċiżjoni, li jidhru taħt it-titolu “Grad ta’ parteċipazzjoni”, jirriżulta li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix fuq CMZ minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta essenzjalment mal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, u b’mod partikolari n-nuqqas tal-preżenza attiva tagħha fis-suq ikkonċernat, filwaqt li n-nuqqas ta’ vantaġġ miksub mill-ksur ġie rrilevat biss għal finijiet ta’ kompletezza. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-Kummissjoni kienet korretta meta ma imponietx multa fuq il‑kumpannija kkonċernata, minħabba li s-sitwazzjoni kummerċjali u finanzjarja tagħha kienet differenti minn dik tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur f’dak iż-żmien (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, Compagnie maritime belge vs Il‑Kummissjoni, T‑276/04, Ġabra p. II‑1277, punt 96).

64      Għalhekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni iżolata, adottata fil-kuntest ta’ każ li barra minn hekk ma jkollu ebda xebh mal-każ ineżami, din ma tistax issostni l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-neċessità li n-nuqqas ta’ benefiċċju mill-ksur jittieħed inkunsiderazzjoni.

65      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li l-Kummissjoni kienet marbuta tastjeni milli timponi fuqha multa jew li timponi fuqha multa simbolika, minħabba l-fatt li hija ma kienet kisbet ebda benefiċċju mill-akkordju, jew kienet fil-fatt sostniet konsegwenzi negattivi.

66      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ effett utli tal-multa, kemm fir-rigward tal-għan ta’ repressjoni kif ukoll fir-rigward tal-għan ta’ dissważjoni, għandu jiġi mfakkar li l-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, u mhux biss is‑sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 23, u tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, T‑13/03, Ġabra p. II‑947, punt 71).

67      Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma tinkludix l-evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-impriża inkwistjoni terġa’ twettaq ksur. Fil-fatt, it-tfittxija tal-effett dissważiv ma tipprevedix biss l-impriżi speċifikament previsti mid-deċiżjoni li timponi multi, u dan inkwantu l-impriżi ta’ daqs simili u li għandhom riżorsi analogi għandhom ukoll jiġu inċitati sabiex jastjenu milli jipparteċipaw fi ksur simili tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

68      Fi kwalunkwe każ, ladarba r-rikorrenti ma waqqfetx l-attività ekonomika kollha, il-fatt li hija ma toperax iktar fis-suq ikkonċernat bl-ebda mod ma jqiegħed f’dubju n-neċessità li n-natura dissważiva tas-sanzjoni imposta fuqha tiġi żgurata.

69      Fir-rigward tal-għan ta’ repressjoni, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-fatt li l‑waqfien tal-attivitajiet kummerċjali fis-suq ikkonċernat ikollu l-konsegwenza li l-impriża inkwistjoni taħrab l-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur imwettaq huwa kuntrarju għal dan l-għan.

70      Konsegwentement, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata li hija nieqsa minn effett utli.

71      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati, ikkunsidrati b’mod komplessiv, ma jurux li l-Kummissjoni eċċediet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-ambitu tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ sanzjoni fir-rigward tar-rikorrenti.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni elementi li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, billi applikat tnaqqis ta’ 25 % fuq l-ammont inizjali tal-multa tagħha, peress li ma kienx ġie stabbilit li r-rikorrenti kienet taf bil-pjan globali ta’ arranġamenti antikompetittivi (premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata), u billi applikat ukoll tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa, fuq il-bażi ta’ ċirkustanza attenwanti bbażata fuq ir-rwol passiv u minuri tagħha, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma kienx komparabbli ma’ dak tal-membri attivi l-oħra (premessi 476 u 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      Barra minn hekk, bl-argument tagħha ibbażat fuq l-allegat paragun magħmul mill-Kummissjoni bejn is-sitwazzjoni tagħha u dik tal-produtturi tal-PI, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi għall-premessa 332(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-fatt li ċerti impriżi jipproduċu biss wieħed jew l-ieħor mill-prodotti kkonċernati ma jikkonfutax il-konstatazzjoni tan-natura unika tal-ksur. Issa, peress li r-rikorrenti ma tikkontestax n-natura unika tal-ksur inkwistjoni, l-argument tagħha huwa inapplikabbli.

74      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq użu ħażin ta’ poter għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq, is-sanzjoni imposta fuqha ma kienet bl-ebda mod żbaljata fl-iskop tagħha, kemm fir-rigward tal-għan ta’ repressjoni kif ukoll fir-rigward tal-għan ta’ dissważjoni.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stipulat biss fit-titolu ta’ dan il-motiv fir-rikors, mingħajr ma ġie żviluppat la fl-atti u lanqas fl-osservazzjoniijiet orali magħmula fis-seduta.

76      Fil-fatt, jekk jitqies li, b’dan l-ilment, ir-rikorrenti qiegħda tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx pożizzjoni fuq is-sitwazzjoni partikolari tagħha fi ħdan l-akkordju, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Kummissjoni esponiet il‑kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, fil-premessi 461 u 474 sa 477 tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx marbuta tieħu pożizzjoni fuq l‑impożizzjoni possibbli ta’ multa simbolika, li hija biss possibbiltà prevista, bħala eċċezzjoni, fil-punt 5(d) tal-linji gwida.

77      Fi-dawl ta’ dan kollu premess, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sena ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-trattament differenzjat

 L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball, meta użat, fil-kuntest tat-trattament differenzjat, is-sehem tagħha mis-suq fir-rigward tas-sena 1998, filwaqt li, għad-destinatarji l-oħra kollha tad-deċiżjoni kkontestata, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-ishma mis-suq fl-1999, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-linji gwida.

79      Il-Kummissjoni kienet marbuta li tagħżel, bħala sena ta’ referenza, l-aħħar sena sħiħa tal-perijodu ta’ ksur. Barra minn hekk, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 129) jirriżulta li huwa biss l-użu ta’ sena ta’ referenza komuni għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-istess ksur li jiżgura trattament ugwali. Fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni użat sena ta’ referenza waħda, minkejja li d-diversi impriżi pparteċipaw fil-ksur f’perijodi differenti.

80      Bl-għażla tas-sena 1998 għar-rikorrenti, il-Kummissjoni fittxet li żżid l-ammont tal-multa tagħha. Id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fl-1999 u kif ukoll is-sehem mis-suq korrispondenti kienu kjarament inqas minn dawk tal-1998, billi d-dħul mill‑bejgħ dinji tagħha għall-PBS naqas minn EUR 12.9 miljun fl-1998 għal EUR 9.1 miljun fl-1999.

81      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

82      Skont il-sitt paragrafu tal-punt 1A tal-linji gwida, fil-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi, jista’ jkun opportun li l-ammont inizjali jiġi bbilanċjat, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-imġiba illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, partikolarment meta jkun hemm disparità konsiderevoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk il-punt inizjali tal-ammont bażiku jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża.

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tqassim ta’ membri ta’ akkordju f’kategoriji, sabiex isir trattament differenzjat fl-istadju tal-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi, għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 219, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward, għandha madankollu tillimita ruħha għall-istħarriġ ta’ jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat, (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 416, u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 220).

85      Fil-każ ineżami, sabiex jiġi ddeterminat il-piż individwali ta’ kull parteċipant għall-ksur, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l‑ishma tas-suq li jirriżultaw mill-bejgħ flimkien taż-żewġ prodotti inkwistjoni fis-suq dinji fl-1999, l-aħħar sena sħiħa li matulha l-ksur kien jinvolvi dawn iż-żewġ prodotti. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s‑sehem tagħha mis-suq fl-1998, l-aħħar sena tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset b’25 % l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li ma kienx ġie stabbilit li din kienet taf jew kellha neċessarjament tkun taf bil-pjan globali ta’ arranġamenti antikompetittivi (premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li fil-kuntest ta’ trattament differenzjat tiġi stabbilita sena ta’ referenza differenti għal membru tal-akkordju ma jwasslax, fih innifsu, għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

88      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, minn naħa, li l-użu ta’ sena ta’ referenza komuni għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-istess ksur jiżgura lil kull impriża li din tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-oħrajn, inkwantu s-sanzjonijiet jiġu ddeterminati b’mod uniformi u, min-naħa l-oħra, li l-għażla tas-sena ta’ referenza li tagħmel parti mill-perijodu ta’ ksur tippermetti l-evalwazzjoni tal-estent tal-ksur mwettaq fid-dawl tar-realtà ekonomika kif kienet tidher matul dan il-perijodu (sentenza Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 129).

89      Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, ma jirriżultax li l‑għażla tas-sena komuni tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ determinazzjoni tas-sanzjonijiet b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

90      B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ legalment tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal impriża partikolari, is-sena ta’ referenza komuni tkun barra mill-perijodu ta’ ksur stabbilit fir-rigward tagħha u ma tikkostitwixxix għalhekk indikazzjoni utli tal-piż individwali tagħha meta sar il-ksur u, minħabba f’hekk, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ sena differenti mis-sena ta’ referenza komuni, kemm-il darba t-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji jibqa’ koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

91      Fil-fatt, huwa fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet analogi li għandha ssir l-għażla ta’ sena finanzjarja ta’ referenza differenti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward ta’ impriża li ma għadhiex attiva fis-suq matul is-sena finanzjarja stabbilita għall-partijiet l-oħra fl-akkordju, li għalhekk ma tikkostitwixxix indikazzjoni affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 28 sa 30 u 43, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑33/02, Ġabra p. II‑4973, punt 74).

92      Għalhekk, fil-każ ineżami, wara li kkonstatat li l-bejgħ tar-rikorrenti matul is-sena ta’ referenza komuni stabbilita għall-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju ma kinitx tikkostitwixxi indikazzjoni affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha matul il-perijodu ta’ ksur, fid-dawl inter alia tal-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet diġà waqfet, il-Kummissjoni setgħet legalment tirreferi għall-bejgħ tagħha tal-1998, l-aħħar sena tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

93      Għandu wkoll jiġi osservat li dan il-kriterju ġie applikat b’mod oġġettiv fir-rigward tal-membri kollha tal-akkordju, l-impriżi kollha inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li pparteċipaw fl-akkordju fl-1999, sena li għalhekk tikkostitwixxi l‑aħħar sena tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li jinvolvi ż-żewġ prodotti kkonċernati.

94      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-għażla ta’ sena ta’ referenza differenti għaliha wasslet għal nuqqas ta’ koerenza fit-tqassim f’kategoriji.

95      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti hija l-unika impriża kklassifikata fir-raba’ u l-aħħar kategorija, b’ammont inizjali tal-multa li jitla’ għal EUR 1.875 miljun (jew EUR 2.5 miljun qabel it-tnaqqis applikat fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata), li huwa għalhekk sostanzjalment inqas minn dak li jikkorrispondi għat-tielet kategorija, jiġifieri EUR 20 miljun. Barra minn hekk, id‑differenza bejn l-ishma mis-suq tar-rikorrenti fl-1998 u fl-1999 hija relattivament ftit kbira, b’mod partikolari meta mqabbla mad-diverġenza li hemm bejn l-ishma mis-suq tad-diversi impriżi li huma lkoll ikklassifikati fi ħdan it-tielet kategorija, liema diverġenza hija għalkollox spjegabbli mill-iffissar minn qabel tal-ammonti meħuda inkunsiderazzjoni.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-ammonti inizjali marbuta ma’ kull waħda mill-kategoriji ma humiex strettament proporzjonali għall-ishma mis-suq rispettivi ma jistax jiġi ċċensurat, inkwantu dan huwa biss ir-riżultat tal-iffissar minn qabel tal-ammonti (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 411).

97      Issa, id-diverġenza invokata mir-rikorrenti, bejn l-ishma tagħha mis-suq fl-1998 u fl-1999, ma hijiex ta’ kobor tali li l-metodu adottat mill-Kummissjoni seta’ jwassal għal rappreżentazzjoni serjament żnaturata tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 159, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra p. II‑2511, punt 70).

98      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-evalwazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-rikorrenti tikkontesta t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, hija tinvoka żnaturament tal-fatti, użu ħażin tal-poter, ksur tad-drittijiet tad-difiża, nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida.

100    Essenzjalment, hija tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tas-26 ta’ Novembru 1998, li nżammet fi Brussell fl-okkażjoni tal-assemblea tal-Kunsill Ewropew tal-Industrija Kimika (CEFIC) (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata), u tallega li r-rappreżentant tagħha pparteċipa biss fid-diskussjonijiet legali matul l-imsemmija assemblea. Meta kkonstatat il-parteċipazzjoni tagħha fil-kuntatti illegali li saru fil-pawsi matul l-assemblea, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Degussa, li tinkludi biss lista tal-parteċipanti fl-assemblea tas-CEFIC. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-persuni kollha li pparteċipaw fl-assemblea tas-CEFIC, “mingħajr eċċezzjoni”, ipparteċipaw fil-kuntatti illegali ma tistax tiġi dedotta minn din id-dikjarazzjoni. Il-fatt li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Degussa ma “rtiratx” id-dikjarazzjonijiet tagħha u lanqas ma mmodifikathom (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jipprova xejn, inkwantu d-dikjarazzjoni inizjali ta’ Degussa kienet diġà insuffiċjentement dettaljata.

101    Barra minn hekk, fil-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat, sabiex issostni oġġezzjoni marbuta mal-preżenza tar-rikorrenti fil-laqgħa ta’ Brussell, elementi bbażati fuq ir-risposta ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għaliha r-rikorrenti ma kellhiex aċċess. Dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

102    Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni ta’ Degussa ma setgħetx titqies bħala element ta’ responsabbiltà, peress li din ġiet kkontestata mir-rikorrenti u ma ġietx ikkorroborata bi provi oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet impliċitament l-assenza tar-rikorrenti fil-laqgħa ta’ Brussell, peress li hija affermat li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet limitata għal żewġ laqgħat (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata) li setgħu kienu biss dawk ta’ Séville u ta’ Évian-les-Bains.

103    Skont ir-rikorrenti, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa ta’ Brussell ma ġietx stabbilita, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-14 ta’ Mejju 1998, id-data tal-laqgħa ta’ Évian-les-Bains, bħala d-data finali tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma applikatx il-ftehim dwar il-prezz tal-PBS stabbiliti matul il-laqgħa ta’ Évian-les-Bains. Dan huwa kkorroborat mill-assenza tagħha fil-ħames laqgħat sussegwenti tal-1998, li kellhom l-għan tal-eżekuzzjoni tal-ftehim milħuq f’Évian-les-Bains, kif ukoll mid-deċiżjoni tagħha li toħroġ mis-suq tal-PBS, meħuda matul l-aħħar xhur tal-1998.

104    Għalhekk il-Kummissjoni wettqet żball meta ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur għal sena u seba’ xhur, minflok sena, mid-29 ta’ Mejju 1997 sal-14 ta’ Mejju 1998, u applikat żieda indebita tal-ammont tal-multa fuq il-bażi ta’ dan it-tul ta’ żmien.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

106    Mill-proċess jirriżulta li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni akkużat lir-rikorrenti li ħadet sehem fl-imġiba illegali bejn l-24 ta’ Mejju 1996 u t‑30 ta’ Ġunju 1999. Dan il-perijodu ta’ ksur tnaqqas sostanzjalment fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur bejn id-29 ta’ Mejju 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998 [Artikolu 1(l)) tad-deċiżjoni kkontestata].

107    Fl-ambitu ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għal parti mill-perijodu ta’ ksur, jiġifieri l-perijodu bejn l-14 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 1998, inkwantu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-perijodu wassal għaż-żieda fl-ammont tal-multa tagħha.

108    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, kif indikat mill-Kummissjoni, ir‑rikorrenti affermat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet involuta fil-kuntatti illegali, b’mod partikolari, matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Mejju 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998.

109    F’dan ir-rigward, ċertament, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-preżenza ta’ rikonoxximent espliċitu, ċar u preċiż mill-impriża inkwistjoni tal-fatti li minnhom tilmenta l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, dawn il-fatti għandhom minħabba f’hekk jiġu kkunsidrati stabbiliti, peress li l-impriża ma hijiex iktar, bħala regola ġenerali, f’pożizzjoni li tikkontestahom quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Madankollu, fil-każ ineżami, minkejja li, fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-perijodu mill-24 ta’ Mejju 1996 sat-30 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrenti fil-fatt indikat li “t-tul tal-ksur imputat [lilha] [kien] jikkorrispondi, għall-massimu, għall-perijodu [bejn] id-29 ta’ Mejju 1997 [u] l-31 ta’ Diċembru 1998”, fl-istess risposta, hija kkontestat il-parteċipazzjoni tagħha f’kuntatti illegali f’dan il-perijodu, jiġifieri l-laqgħat tas-16 ta’ Settembru u tas-26 ta’ Novembru 1998.

111    Għalhekk, fid-dawl tal-kuntest li fih l-informazzjoni inkwistjoni ngħatat, ir‑rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li rrikonoxxiet, b’mod espliċitu, ċar u preċiż, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul il-perijodu inkwistjoni.

112    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

113    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li r‑rikorrenti la tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa dwar il-PBS fl-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains u lanqas ma tikkontesta l-kontenut illegali tad-diskussjonijiet li saru fl-ambitu ta’ din il-laqgħa, esposti fil-premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata.

114    Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrenti ma ħaditx sehem f’erba’ laqgħat oħra tal-akkordju dwar il-PBS, li nżammu bejn l-assemblea tas-CEFIC ta’ Mejju u dik ta’ Novembru 1998, jiġifieri żewġ laqgħat trilaterali li rrigwardaw l-għeluq ta’ sit ta’ Atochem (premessi 233 u 243 tad-deċiżjoni kkontestata), laqgħa multilaterali ta’ “livell għoli” u laqgħa bilaterali bejn Solvay u Degussa (premessi 237 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Mandakollu, ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha f’kuntatti illegali fl-okkażżjoni tal-assemblea tas-CEFIC fis-26 ta’ Novembru 1998 fi Brussell, billi targumenta li l-involviment tagħha fl-akkordju ntemm fid-data tal-laqgħa tal-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains. Hija ssostni li, fir-rigward ta’ dawn il-kuntatti, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss, b’mod żbaljat, fuq id-dikjarazzjoni ta’ Degussa, li hija impreċiża u ma hijiex ikkorroborata minn provi oħra.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id‑dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata, li l-eżattezza tagħha tkun ikkontestata minn impriżi oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr is-sostenn ta’ provi oħra (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 285, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntatti illegali fis-26 ta’ Novembru 1998, mill-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑“produtturi tal-PBS (skont Degussa, [xi] rappreżentanti ta’ Ausimont, [tar-rikorrenti], ta’ Degussa, ta’ Atochem, ta’ FMC Foret u ta’ Solvay kienu preżenti) kellhom kuntatti bilaterali u multilaterali bejniethom matul il-pawsa tal-assemblea tas-CEFIC, sabiex jiskambjaw il-perspettivi tagħhom dwar l-applikazzjoni taż-żieda fil-prezz tal-PBS deċiża f’Mejju fil-laqgħa ta’ Évian”.

118    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-kontestazzjoni ta’ dawn il-kuntatti mir-rikorrenti, billi indikat dan li ġej (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Degussa qalet b’mod ċar li ċerti rappreżentanti ħadu sehem fil-laqgħa uffiċjali dwar il-PBS u li, matul din il-laqgħa, dawn il-persuni kellhom kuntatti illegali (filwaqt li ma eskludiet lil ħadd, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Degussa ma rtiratx dawn id-dikjarazzjonijiet u lanqas ma mmodifikathom). Atofina qiegħdet dawn il-kuntatti illegali fl-istess kuntest mingħajr ma kienet taf, minn qabel, bid-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, b’tali mod li l-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn id-diskussjonijiet fil-fatt seħħew u li l‑persuni ċċitati minn Degussa pparteċipaw fihom.” (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata)

119    Minn dawn ir-raġunijiet jirriżulta li, sabiex tikkonstata l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntatti illegali inkwistjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l‑informazzjoni li toħroġ mid-dikjarazzjoni ta’ Degussa, magħmula fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

120    Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni rrilevat ukoll li Degussa “ma [kinitx] irtirat l‑attestazzjonijiet tagħha u li d-dikjarazzjoni tagħha kienet tikkoinċidi ma’ ċerta informazzjoni ta’ Atofina, dawn l-indikazzjonijiet ma jinvolvu ebda prova addizzjonali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-proċess, l-informazzjoni ta’ Atofina tikkonstata biss il-laqgħa dwar il-PI li nżammet fil-25 ta’ Novembru 1998 u bl-ebda mod ma tirreferi għar-rikorrenti.

121    Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ Degussa ma tirreferix b’mod espliċitu għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’kuntatti ta’ kollużjoni, iżda sempliċement tipprovdi l-lista tal-parteċipanti fl-assemblea uffiċjali tas-CEFIC, li tinkludi rappreżentat tar-rikorrenti, u tafferma, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ kuntatti bilaterali illegali fl-okkażjoni tal-laqgħat uffiċjali.

122    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi li joħorġu mid-dikjarazzjoni ta’ Degussa ma jaffermawx b’mod ċert il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntatti illegali fi Brussell u, fin-nuqqas ta’ korroborazzjoni, ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti ħadet sehem f’dawn il-kuntatti.

123    Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddeċidiet li r-rikorrenti pparteċipat fil-kuntatti illegali tas-26 ta’ Novembru 1998.

124    Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ dan l-iżball, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, fihom infushom, ta’ natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod sodisfaċenti skont il-liġi, id-difetti li jistgħu jkunu marbuta ma’ motivi oħra tal-att huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-parti operattiva tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 144, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 26 sa 29).

125    Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑konstatazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur sal-31 ta’ Diċembru 1998 ma hijiex ibbażata biss fuq il-prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kuntatti illegali tas-26 ta’ Novembru 1998, iżda wkoll fuq il-motiv li r-rikorrenti “kkonformat ruħha mal-arranġamenti ta’ kollużjoni tal-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1998”, id-data sa liema l-arranġamenti ta’ kollużjoni deċiżi fil-laqgħa tal-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains kienu applikabbli.

126    Ladarba r-rikorrenti la tikkontesta l-preżenza tagħha fil-laqgħa ta’ Évian-les-Bains u lanqas il-kontenut tal-ftehim konklużi f’din il-laqgħa (premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata), il-konstatazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim deċiżi f’Évian-les-Bains għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 1998 ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument tagħha bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ applikazzjoni tal-arranġamenti inkwistjoni, li huwa allegatament ikkorroborat mill-assenza tagħha f’laqgħat ta’ kollużjoni oħra tal-1998 kif ukoll mid-deċiżjoni tagħha li toħroġ mis-suq tal-PBS, meħuda fl-aħħar tas-sena 1998.

127    Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li impriża ma ssegwix l-eżitu ta’ laqgħa li jkollha għan antikompetittiv ma huwiex ta’ natura li jeżoneraha mir-responsabbiltà tagħha, sakemm din ma tkunx pubblikament żammet ’il bogħod mill-kontenut illegali tad-diskussjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Min-naħa l-oħra, l-akkordju jista’, validament, jiġi kkunsidrat bħala li kompla bl-effetti tiegħu sad-data finali prevista fl-ambitu tal-arranġamenti ta’ kollużjoni, indipendentement mill-effetti konkreti tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 186).

129    B’dan il-mod, fil-każ ineżami, sa fejn huwa stabbilit li r-rikorrenti aderixxiet għall-arranġamenti deċiżi f’Évian-les-Bains, li jinkludu b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet tal-PBS applikabbli fit-tieni semestru 1998 (premessi 229 u 362 tad-deċiżjoni kkontestata), il-fatt biss li hija evitat l-applikazzjoni tagħhom, anki jekk jitqies li dan intwera, ma jistax ikollu effett fuq ir-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni fl-akkordju matul il-perijodu kkonċernat.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in‑nuqqas tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat matul it-tieni semestru 1998 ma jistax juri li hija żammet ruħha pubblikament ’il bogħod mill-kontenut tal-ftehim illegali konklużi fl-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains. Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-rikorrenti baqgħet attiva fis-suq tal-PBS sa nofs is-sena 1999.

131    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur sal-31 ta’ Diċembru 1998 hija bbażata, suffiċjentement skont il-liġi, fuq il-fatt li r-rikorrenti aderixxiet għall-arranġamenti ta’ kollużjoni applikabbli għat-tieni semestru 1998 deċiżi fil-laqgħa tal-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains.

132    Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntatti illegali tas-26 ta’ Novembru 1998 ma għandux effett fuq it-tul tal-ksur ikkunsidrat fir-rigward tagħha.

133    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 125 u 129 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 226 sa 230 u 362 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm il-kunsiderazzjonijiet legali kif ukoll l-elementi ta’ fatt li fuqhom hija bbażat il-konstatazzjoni dwar id‑data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

134    Fil-fatt, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġonament insostenn tal-konstatazzjoni tagħha li r-rikorrenti aderixxiet għall-arranġamenti ta’ kollużjoni deċiżi fil-laqgħa tal-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains. Barra minn hekk, hija indikat, fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-prezzijiet miftiehma f’[Évian-les-Bains] ġew applikati sal-31 ta’ Diċembru 1998” u li, “ladarba [r-rikorrenti] kkonformat ruħha tal-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1998 mal-arranġamenti ta’ kollużjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra [l‑imsemmija data] bħala data finali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-tul tal-ksur fil-każ [tagħha]”.

135    Fl-aħħar nett, peress li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrentti fil-kuntatti illegali tas-26 ta’ Novembru 1998 ġiet ikkonfutata, ma huwiex neċessarju li jiġi ttrattat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża li jaffettwa lil din il-konstatazzjoni, li jirriżulta mill-fatt li, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa ta’ Brussell, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq element mhux żvelat li joħroġ mir-risposta ta’ Degussa għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

136    Fi kwalunkwe każ, b’dan l-argument, ir-rikorrenti qiegħda sempliċement tindika li, fil-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatt li, “fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Degussa ma [kinitx] irtirat dawn id-dikjarazzjonijiet [fir-rigward tal-kuntatti illegali li seħħew fis-26 ta Novembru 1998 fi Brussell] u lanqas ma mmodifikathom”. Issa, minn dan ir‑riferiment bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni applikat prova addizzjonali li ma kinitx ikkomunikata lir-rikorrenti, li tista’ twassal għal ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

137    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-preskrizzjoni ta’ ħames snin

 L-argumenti tal-partijiet

138    Ir-rikorrenti ssostni li, meta rrifjutat li tikkonstata li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet preskritta, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-drittijiet ta’ difiża tagħha, kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni.

139    Hija ssostni li kienu għaddew ħames snin mid-data tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, il-31 ta’ Diċembru 1998, sad-data tat-talba għal informazzjoni, li saritilha fit-18 ta’ Marzu 2004.

140    Ir-rikorrenti taċċetta li, skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l‑interruzzjoni tal-preskrizzjoni jkollha effett fil-jum meta l-att jiġi nnotifikat lil tal-inqas waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Madankollu hija tindika li, fil-każ ineżami, hija kellha “ssostni l-effetti tal-inerzja tal-Kummissjoni”. Fil-fatt, sax-xahar ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ma kinitx taf bl-eżistenza tal-investigazzjoni u ma setgħetx tkun taf biha, peress li hija ġiet kostretta toħroġ mis-suq ħames snin qabel.

141    Skont ir-rikorrenti, li tinvoka s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq (punt 484), l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin, li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni llimitat ruħha għal “interpretazzjoni formalistika” tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 u naqset milli tispjega r‑raġunijiet li għalihom hija ma bagħtitx it-talba għal informazzjoni lir-rikorrenti fil-bidu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni injorat ir-raġuni li ssostni l‑interruzzjoni tal-preskrizzjoni, jiġifieri l-effikaċità tal-azzjoni amministrattiva, u aġixxiet bi ksur tar-rekwiżiti ta’ proċedura mgħaġġla u tal-interessi tar-rikorrenti.

142    Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali inkwantu l-Kummissjoni imponiet multa fuq ir-rikorrenti, meta din tal-aħħar kienet waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju iktar minn ħames snin qabel ma ngħata bidu għall-investigazzjoni fil-konfront tagħha. Din it-teżi hija kkonfermata mill-approċċ segwit mill-Kummissjoni fil-każ ineżami fir-rigward ta’ Chemoxal u ta’ Air Liquide (premessa 448 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll fid-deċiżjonijiet preċedenti, fejn il-Kummissjoni ma imponietx multi fuq il-produtturi li kienu waqqfu l‑parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju iktar minn ħames snin qabel ma ngħata bidu għall-investigazzjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/566/KE, tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C.37.533 – Klorur tal-kolin) (ĠU 2005, L 190, p. 22)].

143    L-attitudni tal-Kummissjoni hija illegali, inkwantu, filwaqt li bbażat ruħha fuq l‑Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, hija naqset, għal iktar minn sena, milli tinforma lir-rikorrenti bl-eżistenza ta’ investigazzjoni u ma mmotivatx dan in‑nuqqas. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’“eċċess ta’ poter”, li jikkonsisti f’użu ħażin tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni u f’nuqqas ta’ motivazzjoni. Dan il-vizzju proċedurali għandu bħala konsegwenza l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni imponiet multa fuq ir-rikorrenti.

144    L-inerzja tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri l-komunikazzjoni tardiva lir-rikorrenti tat-talba għal informazzjoni, imputabbli għal negliġenza tal-istituzzjoni, twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

145    Il-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, peress li naqset milli tindika r-raġunijiet li għalihom il-komunikazzjoni lir-rikorrenti saret tard. Barra minn hekk, in-natura tardiva tal-azzjoni tal-Kummissjoni rrestrinġiet indebitament id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li kellha inqas żmien sabiex tipprepara d-difiża tagħha u sabiex tieħu konjizzjoni tal-fatti inkwistjoni.

146    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

147    Skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħa ta’ sanzjoni prevista għall-Kummissjoni mill-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

148    Skont l-Artikolu 25(2) tal-istess regolament, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-jum li fih ikun sar il-ksur jew, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, mill-jum li fih il-ksur intemm.

149    Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni hija interrotta b’kull att tal-Kummissjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri fir-rigward tal-ksur. L-interruzzjoni tapplika b’effet mid-data li fiha l-azzjoni tiġi nnotifikata lil mill-anqas waħda mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur u, skont l-Artikolu 25(4) tal-istess regolament, tapplika għall-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur.

150    L-istess regoli jirriżultaw mill-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, dwar il-preskrizzjoni fil-qasam tal-proċeduri u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1).

151    Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet motiv (ara l-punt 131 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonstatat, korrettament, li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur sal-31 ta’ Diċembru 1998.

152    Huwa stabbilit li l-ewwel miżura meħuda mill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l‑ksur inkwistjoni kienet tikkonsisti fi spezzjonijiet fil-postijiet ta’ ċerti impriżi, li saru fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2003 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), jiġifieri qabel l‑iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin fir-rigward tar-rikorrenti, b’tali mod li t-terminu tal-preskrizzjoni ma kienx għadu skada fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

153    Minn dan jirriżulta li l-proċedura tal-ksur fir-rigward tar-rikorrenti ma kinitx preskritta.

154    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li kienu għaddew ħames snin bejn id-data tat-tmiem tal-ksur u d-data tat-talba għal informazzjoni mibgħuta lilha mill-Kummissjoni, joriġina minn interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 u ta’ dawk tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/74, li minnhom jirriżulta ċar li l‑interruzzjoni tal-preskrizzjoni jkollha effett fil-jum meta l-att jiġi nnotifikat lil tal-inqas waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur u tapplika fir-rigward tal-impriżi kollha li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

155    Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jirriżultaw b’mod espliċitu mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, ma jistgħux jiġu kkonfutati bl-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq in-neċessità ta’ interpretazzjoni stretta tar-regoli tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, fuq “eċċess ta’ poter” li jikkonsisti f’użu ħażin tal-iskop ta’ din id‑dispożizzjoni u kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

156    Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma hija korretta li tallega “diskriminazzjoni”, meta tirreferi għan-nuqqas ta’ kundanna għal multa ta’ impriżi f’deċiżjonijiet preċedenti, peress li l-imsemmija impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet manifestament differenti minn dik tagħha, inkwantu t-terminu tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin kien skada fid-data tal-ewwel azzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi għall-investigazzjoni tal-ksur (premessa 448 tad-deċiżjoni kkontestata u l-premessa 184 tad-Deċiżjoni 2005/566).

157    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ġurisprudenza li tipprovdi li, għall-interruzzjoni valida tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin, talba għal informazzjoni għandha tkun tista’ leġittimament titqies li għandha rabta mal-ksur preżunt (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 484 sa 488), huwa suffiċjenti li jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argumentazzjoni bl-għan li turi li l-azzjonijiet ta’ interruzzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-ispezzjonijiet tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 2003 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), ma ġewx iġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet tal-investigazzjoni jew li l-għan uniku tagħhom kien dak li jtawwal artifiċjalment it-terminu tal-preskrizzjoni.

158    Għalhekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-applikazzjoni allegatament żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni hija infondata.

159    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-allegata negliġenza tal-Kummissjoni, li bagħtet it-talba għal informazzjoni lir-rikorrenti kważi sena wara li ngħata bidu għall-investigazzjoni, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tad-drittijiet ta’ difiża tagħha. Ir-rikorrenti tipprovdi b’mod partikolari li hija ma kinitx taf bl-eżistenza tal-investigazzjoni fi żmien utli u li hija ma setgħetx tkun taf biha, peress li ma kinitx għadha preżenti fis-suq inkwistjoni.

160    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġitimi, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza li tipprovdi li, fin-nuqqas ta’ test li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni tkun tista’ ddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 et T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 87 sa 89), huwa suffiċjenti li jiġi osservat li l‑ipoteżi prevista minn din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti għall-każ ineżami, peress li s-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni eżerċitata fil-konfront tar-rikorrenti hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 u kif ukoll fl-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament nru 2988/74.

161    Peress li l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni ġie osservat fil-każ ineżami, l‑impożizzjoni tal-multa fuq ir-rikorrenti ma tiksirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

162    Fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, li jirriżulta mill-informazzjoni allegatament tardiva tal-eżistenza tal-investigazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li l-Kummissjoni hija marbuta tipprovdi lill-impriża kkonċernata ċerti elementi ta’ informazzjoni, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, dan l-obbligu jipprevedi l-informazzjoni mogħtija lill-impriża kkonċernata, fl-istadju tal-ewwel miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, punti 52 sa 56).

163    Issa, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma tikkontestax li kienet ġiet informata bl-investigazzjoni li kienet għaddejja, b’mod adegwat, fl-istadju tal-ewwel miżura meħuda fil-konfront tagħha, jiġifieri fil-kuntest tat-talba għal informazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2004.

164    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-fatt li r-rikorrenti ma ġietx informata bl-investigazzjoni mal-ewwel azzjonijiet tal-investigazzjoni jista’, bħala tali, jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-eżami ta’ allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova konkreta sabiex issostni t-teżi tagħha li n-natura allegatament tardiva ta’ din l-informazzjoni ppreġudikat l-effikaċità tad-difiża tagħha.

165    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

166    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida, żnaturat il-fatti u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, meta ċaħditha milli tibbenefika miċ-ċirkustanzi attenwanti fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim u n-nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju miksub mill-ksur.

167    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma applikatx il-ftehim konklużi fil-laqgħat ikkunsidrati fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li fil-laqgħat ta’ Séville, f’Mejju 1997, ma ġie konkluż ebda ftehim (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata), hija rilevanti biss l-applikazzjoni tal-ftehim fuq il-PBS milħuqa fil-laqgħa ta’ Évian-les-Bains, f’Mejju 1998, li jinvolvu żieda fil-prezzijiet matul it-tieni semestru 1998 (premessi 229 u 230 tad-deċiżjoni kkontestata).

168    Issa, matul il-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrenti, b’mod ġenerali, naqqset il‑prezzijiet tagħha tal-bejgħ tal-PBS, bl-eċċezzjoni ta’ żieda żgħira fix-xahar ta’ Awwissu 1998, ikkawżata miż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima prinċipali, il‑PI. Sa Marzu 1999, il-prezzijiet tagħha tal-PBS baqgħu ġeneralment f’livell iktar baxx mil-livelli tal-prezzijiet ta’ Mejju 1998. Għalhekk, huwa ċar li ż-żidiet fil-prezzijiet previsti f’Évian-les-Bains ma ġewx applikati mir-rikorrenti.

169    Fid-dawl tad-diverġenza tal-prezzijiet applikati mir-rikorrenti meta mqabbla ma’ dawk miftiehma, kif ukoll tad-deċiżjoni tagħha li toħroġ mis-suq tal-PBS meħuda fil-ħarifa 1998, huwa impossibbli li r-rikorrenti pprovat tuża l-akkordju għall-benefiċċju tagħha, kif il-Kummissjoni tallega.

170    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tindika li l-allegata parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma tatha l-ebda vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju, iżda, għall-kuntrarju, din wasslitha sabiex toħroġ ’il barra mis-suq tal-PBS. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni dan il-fattur, bħala ċirkustanza attenwanti.

171    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

172    Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir‑rikorrenti b’50 %, fuq il-bażi tar-rwol passiv u minuri tagħha fil-ksur. Fil-fatt, hija kkonstatat li r-rwol tar-rikorrenti fl-ambitu tal-akkordju ma kienx komparabbli ma’ dak tal-membri l-oħra attivi, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-kuntatti ta’ kollużjoni kienet sostanzjalment iktar sporadika, limitata biss għal żewġ laqgħat dwar il-PBS, u dan jikkonferma l-parteċipazzjoni mnaqqsa tagħha fl-arranġamenti illegali (premessi 476 u 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mil-linji gwida ma jirriżultax li l‑Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 tagħhom. Minkejja li ċ-ċirkustanzi elenkati huma ċertament fost dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’każ partikolari, din tal-aħħar ma hijiex obbligata li tikkonċedi tnaqqis addizzjonali fuq din il-bażi b’mod awtomatiku, meta impriża tressaq provi ta’ natura li jindikaw il-preżenza ta’ waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi.

174    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura mandatorja fil-linji gwida fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il‑Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l‑estent ta’ tnaqqis possibbli tal-ammont tal-multi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi attenwanti kollha li jikkaratterizzaw il-każ partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 274 u 275, u Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punti 325 u 326; ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembri 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 204).

175    Fil-każ ineżami, fid-dawl tal-livell għoli tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa applikat fid-deċiżjoni kkontestata, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra, li ma ġewx aċċettati mill-Kummissjoni, anki jekk jitqiesu li huma fondati, ma tistax twassal sabiex jiġi aċċettat li t-tnaqqis, li l‑Kummissjoni tat fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti, kien ta’ natura inadegwata.

176    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jurux, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra li ma humiex dawk aċċettati mill-Kummissjoni.

177    Fir-rigward, minn naħa, tal-allegat nuqqas ta’ benefiċċju miksub mill-ksur inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tistabbilixxi li l-ksur ikun ta’ vantaġġ illegali lill-impriżi kkonċernati u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il‑każ, in-nuqqas ta’ benefiċċju miksub mill-ksur (ara s-sentenza Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 671, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti (ara s-sentenza BPB vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 442, u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-allegat nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim, fatt previst mit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti ressqitx argumenti ta’ natura li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet għall-ftehim ta’ ksur, hija fil-fatt naqset milli tapplikahom billi adottat imġiba kompetittiva fis-suq jew, tal-inqas, li hija kisret b’mod ċar u sostanzjali l-obbligi intiżi sabiex jimplementaw dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 196).

179    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ksur imputat lir-rikorrenti jirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha, minn naħa, fil-laqgħat illegali miżmuma fid-29 ta’ Mejju 1997 f’Séville, konklużi mingħajr ftehim fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kollużjoni (premessi 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min naħa l-oħra, f’dik tal-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains, li wasslet għall-ftehim ta’ ksur dwar l-ishma mis-suq u l-prezzijiet tal-PBS, applikabbli fit-tieni semestru 1998 (premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-prezzijiet tagħha applikati matul il‑perijodu kkonċernat ma sostnewx iż-żidiet previsti mill-ftehim ta’ ksur konklużi fl-14 ta’ Mejju 1998 f’Évian-les-Bains. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-provi annessi mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u annessi mar-rikors u kif ukoll għall-provi supplementari mressqa fl-istadju tar-replika.

181    Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-provi inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma provi affidabbli tal-imġiba tar-rikorrenti fis-suq. Fil-fatt, dawn jikkonsistu fi grafika u tabelli redatti mir-rikorrenti fl-2005, mingħajr l-iċken spjegazzjoni tal-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha din ir-redazzjoni ġiet stabbilita, u mingħajr prova insostenn tagħhom. Barra minn hekk, minkejja li, fl-anness tar-replika, ir-rikorrenti tipprovdi ċertu numru ta’ fatturi tal-1998 maħruġa għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, dawn il-provi, li ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom, minħabba f’hekk, jiġu injorati (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 89).

182    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim ta’ ksur konklużi f’Évian-les-Bains ma rrigwardawx biss il-prezzijiet, iżda wkoll it-tqassim tas-suq, filwaqt li r-rikorrenti pparteċipat fl-istabbiliment tal-mudell ta’ kontroll tal-ishma mis-suq billi pprovdiet l-informazzjoni tagħha.

183    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumentazzjoni u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex juru li hija evitat l-applikazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti ta’ kollużjoni kollha, billi adottat imġiba kompetittiva fis-suq jew, tal-inqas, li hija kisret b’mod ċar u sostanzjali l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l‑akkordju, sal-punt li fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju.

184    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

185    Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm ħtieġa li din il-qorti tippronunzja ruħha fir-rigward tal-punt tan-nuqqas ta’ ammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni u bbażat fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il‑Kummissjoni imponiet multa fuq il-kumpannija parent tagħha SNIA.

 Fuq l-ispejjeż

186    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Caffaro Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem
















Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-allegat stat ta’ “vittma u mhux [ta’] membru tal-akkordju dwar il-PI” invokat mir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sena ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-trattament differenzjat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-evalwazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-preskrizzjoni ta’ ħames snin

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.