Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2012 - VTZ et vs Il-Kunsill

(Kawża T-432/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Volžskij trubnyi zavod OAO (VTZ OAO) (Volzhsky, ir-Russja); Taganrogskij metallurgičeskij zavod OAO (Tagmet OAO) (Taganrog, ir-Russja); Sinarskij trubnyj zavod OAO (SinTZ OAO) (Kamensk-Uralsky, ir-Russja) u Severskij trubnyj zavod OAO (STZ OAO) (Polevskoy, ir-Russja) (rappreżentanti: J.-F. Bellis, F. Di Gianni, G. Coppo u C. Van Hemelrijck, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropa

Talbiet

tannulla, sa fejn ir-rikorrenti huma kkonċernati, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 585/2012, tas-26 ta' Ġunju 2012, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina, wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment ta' reviżjoni ta' skadenza dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja (ĠU L 174, p. 5), u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, billi akkumula l-importazzjonijiet mir-Russja ma' dawk mill-Ukraina, il-Kunsill wettaq żball manifest ta'evalwazzjoni tal-fatti, kiser l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (iktar 'il quddiem ir-"regolament bażiku") u kiser il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament.

Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, billi kkonkluda li t-tħassir tal-miżuri jista' jwassal għal okkorrenza mill-ġdid tad-dannu, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti, u, għaldaqstant, kiser l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku.

Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser l-Artikoli 9(4) u 21 tar-regolament bażiku u l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament billi wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-analiżi tal-interess tal-Unjoni.

Permezz tar-raba' motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser, il-prinċipju ta' amminstrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi naqas milli jeżamina l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul l-investigazzjoni u billi naqas milli jikkomunika lir-rikorrenti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jikkonċernaw il-kawża, l-obbligu ta' motivazzjoni, u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress li huwa pprovda lill-Istati Membri b'informazzjoni dwar il-kawża qabel ma rċieva kummenti mir-rikorrenti u peress li huwa kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv ta' Kontra d-Dumping qabel ma nstemgħu r-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51), kif emendat.