Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Settembru 2012 - Distillerie Bonollo et vs Il-Kunsill

(Kawża T-431/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Distillerie Bonollo SpA (Formigine, l-Italja); Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA (Borgoricco, l-Italja); Distillerie Mazzari SpA (Sant'Agata sul Santerion, l-Italja); Caviro Distillerie Srl (Faenza, l-Italja); u Comercial Química Sarasa, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012, tas-26 ta' Ġunju 2012, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina 2 (iktar 'il quddiem, ir-"Regolament ikkontestat") sa fejn id-dazji antidumping applikabbli għal Ninghai Organic Chemical Factory u Changmao Biochemical Engineering Company Co. Ltd ġew stabbiliti illegalment, abbażi ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni li vvizjaw il-miżura, bi ksur tal-Artikoli 2 u 11(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009  (iktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku antidumping"), ta' ksur tad-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti u ta' nuqqas ta' raġuni valida tar-Regolament ikkontestat.

tordna ż-żamma fis-seħħ tar-regolament ikkontestat sakemm il-Kunsill ikun adotta l-miżuri neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 264 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u

tikkundanna lill-konvenut u kwalunkwe parti oħra intervenjenti għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni billi biddel il-metodoloġija segwita għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu mingħajr ġustifikazzjoni legalment suffiċjenti għall-bidla fiċ-ċirkustanzi u, minħabba dan, kiser l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku antidumping.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ effettivi fis-suq intern tal-pajjiz analogu u uża b'mod żbaljat il-valuri ddeterminati, bi ksur tal-Artikolu 2(1), (2) u (7)(a) u (b) tar-Regolament bażiku antidumping.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut wettaq żball ta' evalwazzjoni billi uża l-prezz tal-benżen kif inhu fl-Istati Uniti u fl-Ewropa tal-Punent minflok uża l-ispiża effettiva tal-materja prima fil-pajjiż ta' produzzjoni, bi ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku antidumping u, għalhekk, ikkalkula valur żbaljat għall-valur normali użat fil-kuntest tar-reviżjoni.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut wettaq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni billi ġew żnaturati l-ispejjeż ta' produzzjoni fil-kalkolu tal-valur normali ddeterminat u billi ġew użati l-ispejjeż tal-materja prima li ma kinux ekwivalenti, bi ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku antidumping.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut u l-Kummissjoni Ewropea kisru d-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti billi naqsu milli jagħtuhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu f'pożizzjoni li jifhmu l-metodu użat sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali, u naqsu milli jagħtuhom spjegazzjoni adegwata fuq l-elementi essenzjali dwar il-kalkolu tal-valur normali tal-pajjiż analogu u dwar il-marġini ta' dumping korrispondenti li ġew użati, b'tali mod li ġie vvizzjat ir-Regolament ikkontestat.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012, tas-26 ta' Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 182, p. 1).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51), kif emendat.