Language of document : ECLI:EU:T:2018:251

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

3 ta’ Mejju 2018 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina – Modifika tad-dazju antidumping definittiv – Eżami mill-ġdid intermedju parzjali – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-valur normali – Valur normali maħdum – Bdil ta’ metodu – Trattament individwali – Artikolu 2(7)(a) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li saru l-Artikolu 2(7)(a) u l-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑431/12,

Distillerie Bonollo SpA, stabbilita f’Formigine (l-Italja),

Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, stabbilita f’Borgoricco (l-Italja),

Distillerie Mazzari SpA, stabbilita f’Sant’Agata sul Santerno (l-Italja),

Caviro Distillerie Srl, stabbilita fi Franza (l-Italja),

Comercial Química Sarasa, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn R. MacLean, solicitor, u A. Bochon, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn G. Berrisch, avukat, u N. Chesaites, barrister, sussegwentement minn G. Berrisch u fl-aħħar minn N. Tuominen, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, sussegwentement minn M. França u J.‑F. Brakeland, bħala aġenti,

u minn

Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd, stabbilita f’Changzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn E. Vermulst, S. Van Cutsem, F. Graafsma u J. Cornelis, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 tas‑26 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kunsill] (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, L 182, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva, E. Bieliūnas, R. Barents u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-aċidu tartariku huwa użat b’mod partikolari bħala addittiv tal-ikel fil-produzzjoni tal-inbid u ta’ xarbiet oħra u bħala ritardant tat-tgħaqqid tal-ġibs. Fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Arġentina, l-aċidu tartariku L+ huwa mmanifatturat minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid, magħrufa bħala l-karfa tal-inbid, li huma pproċessati f’tartrat tal-kalċju u, sussegwentement, f’aċidu tartariku. Fiċ-Ċina, l-aċidu tartariku L+ u l-aċidu tartariku DL huma mmanifatturati mill-benżen, li jiġi pproċessat f’anidride malejka, u sussegwentement f’aċidu malejku u, fl-aħħar nett f’aċidu tartariku. L-aċidu tartariku mmanifatturat permezz ta’ sinteżi kimika għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u huwa intiż għall-istess użi bażiċi bħal dak immanifatturat minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid.

2        Fl‑24 ta’ Settembru 2004 tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar prattiki ta’ dumping fil-qasam tal-aċidu tartariku, liema lment tressaq minn diversi produtturi Ewropej, fosthom Comercial Química Sarasa, SL, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA.

3        Fit‑30 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2004, C 267, p. 4).

4        Il-produtturi li ressqu dan l-ilment ippreżentaw l-opinjoni tagħhom.

5        Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fil-bini ta’ diversi produtturi Ewropej, inkluż għand it-tliet kumpanniji indikati fil-punt 2 iktar ’il fuq u Distillerie Bonollo SpA.

6        Fis‑27 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1259/2005, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2005, L 200, p. 73, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

7        Fit‑23 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 130/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2008, L 334M, p. 755, rettifika fil-ĠU 2009, L 58M, p. 304, iktar ’il quddiem ir-“Regolament definittiv”).

8        Wara l-pubblikazzjoni, fl‑4 ta’ Awwissu 2010, ta’ avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU 2010, C 211, p. 11), il-Kummissjoni rċeviet, fis‑27 ta’ Ottubru 2010, talba għall-eżami mill-ġdid tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri, imressqa mir-rikorrenti, Caviro Distillerie Srl, Comercial Química Sarasa, Distillerie Bonollo, Distillerie Mazzari u Industria Chimica Valenzana.

9        Fis‑26 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ tnedija ta’ reviżjoni ta’ skadenza u ta’ reviżjoni tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, C 24, p. 14), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)) u, b’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (li sar Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036).

10      Fid‑9 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ressqu talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali li tikkonċerna Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd u Ninghai Organic Chemical Factory (iktar ’il quddiem iż-“żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi”), skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2016/1036).

11      Fid‑29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2011, C 223, p. 16), skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

12      Fis‑16 ta’ April 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 349/2012, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (ĠU 2012, L 110, p. 3).

13      Fl-istess data, il-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni finali li jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija pprevediet li tissuġġerixxi l-emenda tal-miżuri antidumping fis-seħħ.

14      Fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni talba għal kjarifiki dwar il-kalkolu tal-valur normali.

15      Fid‑19 ta’ April 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti t-tweġiba tagħha.

16      Fil‑25 ta’ April 2012, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali, li permezz tiegħu huma kkritikaw b’mod partikolari l-allegat bdil ta’ metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

17      Fl‑10 ta’ Mejju 2012, waqt il-laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti esprimew l-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-pożizzjoni tagħha. Huma ppreżentaw barra minn hekk osservazzjonijiet bil-miktub fis‑16 ta’ Mejju u fis‑7 ta’ Ġunju 2012.

18      Wara l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali li tikkonċerna ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, fis‑26 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 626/2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012 (ĠU 2012, L 182, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

19      Essenzjalment, ir-regolament ikkontestat jiċħad liż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi l-istatus ta’ impriżi li joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem is-“SES”) u, wara l-istabbiliment tal-valur normali fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija minn produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu, jiġifieri l-Arġentina, iżid id-dazju antidumping applikabbli għall-prodotti mmanifatturati miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, minn 10.1 għal 13.1 % u minn 4.7 għal 8.3 %, rispettivament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

21      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti talbu s-sospensjoni tal-proċedura. B’ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill talab ukoll is-sospensjoni tal-proċedura.

22      Fit‑13 ta’ Diċembru 2012, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal sospensjoni għal perijodu ta’ sentejn, skont l-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

23      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Jannar u fis‑16 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni u Changmao Biochemical Engineering, rispettivament, talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

24      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti talbu ż-żamma tas-sospensjoni tal-proċedura. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill esprima l-qbil tiegħu ma’ din it-talba.

25      Fis‑27 ta’ Jannar 2015, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal sospensjoni sat‑13 ta’ April 2015, skont l-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

26      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti talbu sospensjoni addizzjonali tal-proċedura. Madankollu, peress li l-Kunsill oġġezzjona għal din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ġunju 2015, il-kawża ma setgħetx tiġi sospiża fuq il-bażi tal-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991.

27      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991.

28      Fit‑22 ta’ April 2016, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, fis-Sitt Awla, li, b’digriet tal‑20 ta’ Lulju 2016, żied mal-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u rriżerva l-ispejjeż.

29      B’deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2016 u b’digriet tal‑15 ta’ Settembru 2016, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-interventi tal-Kummissjoni u ta’ Changmao Biochemical Engineering, filwaqt li speċifika li, peress li t-talbiet għal intervent tagħhom kienu tressqu wara l-iskadenza tat-terminu indikat fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, huma kienu ser jiġu awtorizzati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom waqt il-proċedura orali, fuq il-bażi tar-rapport għas-seduta li ġie kkkomunikat lilhom.

30      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

31      Fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti ikbar.

32      Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara dan ir-rikors inammissibbli;

–        tannulla r-regolament ikkontestat, filwaqt li żżomm fis-seħħ l-effetti tiegħu sal-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri ta’ implimentazzjoni ordnati mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lil kull intervenjent għall-ispejjeż.

33      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2017.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

36      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill hija bbażata, minn naħa, fuq l-assenza ta’ locus standi u, min-naħa l-oħra, fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

 Fuq il-locus standi

–       L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kunsill isostni li r-regolament ikkontestat jillimita ruħu li jżid bi ftit id-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku mmanifatturat miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, mingħajr ma jbiddel il-konstatazzjonijiet l-oħra mwettqa mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012, bħad-dumping imwettaq minn kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż ieħor, il-ħsara sostanzjali sostnuta mill-industrija tal-Unjoni, ir-rabta kawżali bejn id-dumping u l-ħsara u l-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri. Il-Kunsill iżid li r-regolament ikkontestat huwa strument legali ibridu. Fil-fatt, skont il-Kunsill, filwaqt li jinkludi deċiżjonijiet individwali għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ġenerali għar-rikorrenti. Għall-finijiet tal-ammissibbiltà tar-rikors, is-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi u tal-produtturi tal-Unjoni, bħalma huma r-rikorrenti, hija għalhekk fundamentalment differenti.

38      F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li l-fatt li r-rikorrenti kienu wasslu għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, permezz tat-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali, ma huwiex deċiżiv. Fl-opinjoni tiegħu, jekk it-talba għal eżami mill-ġdid tagħhom kienet ġiet miċħuda, ir-rikorrenti setgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni. Peress li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali nfetħet fuq it-talba tar-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat li jirriżulta minnha huwa miżura ta’ applikazzjoni ġenerali għalihom, li huma ma jistgħux jikkontestaw minħabba diversi motivi.

39      L-ewwel nett, skont il-Kunsill, ir-rikorrenti ma humiex direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, li jillimita ruħu li jistabbilixxi dazju antidumping rivedut għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi. F’dan ir-rigward, il-Kunsill iżid li l-bdil fir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi ma jistax jipproduċi effetti legali fuq ir-rikorrenti, peress li huma ma jħallsux dazju antidumping. Għalkemm ir-reviżjoni tar-rata inkwistjoni setgħet ikollha impatt ekonomiku għall-produtturi tal-Unjoni, inkluż għar-rikorrenti, din ma turix l-effett legali meħtieġ.

40      Ir-rikorrenti ma għandhomx dritt suġġettiv għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ta’ ċertu livell fil-konfront tal-kompetituri tagħhom. Minn naħa, l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping hija suġġetta għall-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex dritt suġġettiv li dazju ta’ livell preċiż jiġi stabbilit, peress li l-livell tad-dazju jiddependi fuq data kunfidenzjali ta’ partijiet oħra u jirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi kumplessi.

41      It-tieni nett, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment mir-regolament ikkontestat. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, bħala produtturi ta’ aċidu tartariku, hija analoga għal dik ta’ kwalunkwe entità li teżerċita attivitajiet fis-suq tal-aċidu tartariku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment b’analoġija għall-ġurisprudenza fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, li jimplika li r-rikorrenti għandhom juru li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun sostanzjalment affettwata mill-bidla tad-dazji antidumping imwettqa mir-regolament ikkontestat. Il-fatt biss li att jista’ jkollu ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li r-rikorrenti jkunu jinsabu fi kwalunkwe relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-att ma huwiex biżżejjed sabiex jitqiesu li huma individwalment ikkonċernati.

42      Il-Kunsill jiċħad bħala mhux issostanzjata d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-industrija tal-aċidu tartariku tal-Unjoni tista’ faċilment tisparixxi, fid-dawl tal-marġni ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid.

43      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-fatt li r-rikorrenti pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva ma huwiex biżżejjed sabiex jitqiesu li huma individwalment ikkonċernati. Barra minn hekk, il-livell tad-dazji antidumping ma huwiex ibbażat fuq data pprovduta mir-rikorrenti, iżda fuq data pprovduta miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u mill-produttur li jkun ikkoopera fil-pajjiż analogu jew fuq data aċċessibbli għall-pubbliku.

44      F’dan il-kuntest, il-Kunsill iqis li l-fatt li r-regolament ikkontestat isemmi r-rikorrenti b’mod espliċitu huwa irrilevanti.

45      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li hija ssostni l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill dwar l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti. Madankollu, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, hija speċifikat li l-fatt li r-rikorrenti ma jħallsux dazju antidumping huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fost oħrajn, iżda ma huwiex deċiżiv fih innifsu sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

46      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill dwar il-locus standi tagħhom u jsostnu li huma direttament u individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

47      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu, tippreżenta rikors kontra l-atti li hija d-destinatarju tagħhom jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolamentari li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

48      Peress li r-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk humiex direttament u individwalment ikkonċernati minnu.

49      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati, din il-kundizzjoni teżiġi, skont formula użata ta’ spiss fil-ġurisprudenza, li l-att tal-Unjoni kkontestat ikun jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, minn naħa, u li ma tkun ingħatat l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu, liema implimentazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra, min-naħa l-oħra (digrieti tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 71, u tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punt 40).

50      Peress li l-Istati Membri, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regolament ikkontestat, ma kellhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rata tad-dazju antidumping u tal-impożizzjoni ta’ dan id-dazju fuq il-prodotti msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 28 (mhux ippubblikata)), it-tieni rekwiżit imsemmi fil-punt 49 iktar ’il fuq huwa ssodisfatt.

51      Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, interpretazzjoni restrittiva tar-rekwiżit ta’ inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’.

52      F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punt 71), li fihom intqal li ma huwiex rari li l-ġurisprudenza, ġustament, taċċetta bħala ammissibbli rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi kontra atti tal-Unjoni li l-effetti tagħhom fuq ir-rikorrenti ma humiex effetti ta’ dritt, iżda huma essenzjalment materjali minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li huma direttament ikkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ operaturi f’kompetizzjoni ma’ kompetituri tagħhom.

53      Fil-fatt, għalkemm il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni f’din il-kawża dwar il-kunċett ta’ inċidenza diretta kienet korretta, kull rikors ippreżentat minn produttur tal-Unjoni kontra regolament li jimponi dazji antidumping għandu jkun sistematikament iddikjarat inammissibbli, kif ukoll kull rikors ippreżentat minn kompetitur tal-benefiċjarji ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u kull rikors ippreżentat minn kompetitur kontra deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

54      Issa, dawn it-tipi ta’ rikorsi ġew iddikjarati ammissibbli mill-ġurisprudenza ripetutament.

55      L-ewwel nett, fil-qasam tal-antidumping, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punti 12 sa 16), li kienet tikkonċerna sitwazzjoni simili ħafna għal dik f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament iddeċidiet li r-regolament inkwistjoni kien jikkonċerna direttament lir-rikorrent, produttur Ewropew kompetitur li kien qies li d-dazji antidumping imposti ma kinux għoljin biżżejjed. Barra minn hekk, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1998, CECOM vs Il-Kunsill (T‑232/95, EU:T:1998:158), u tat‑28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill (T‑210/95, EU:T:1999:273), l-inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet ta’ produtturi Ewropej kontra regolamenti li jimponu dazji antidumping li dawn il-produtturi kienu jqisu bħala mhux sodisfaċenti ma tqajmet la mill-konvenut u lanqas ex officio.

56      Għalkemm il-ġurisprudenza ddikjarat inammissibbli r-rikors ippreżentat minn ċertu numru ta’ produtturi tal-Unjoni li jappartjenu għal assoċjazzjoni li ressqet ilment antidumping kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta impenji tal-produtturi esportaturi fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, din il-konklużjoni rriżultat mill-fatt li din id-deċiżjoni kienet ġiet meqjusa li ma tipproduċix direttament effetti fuq ir-rikorrenti, liema effetti setgħu eventwalment jirriżultaw mir-regolament antidumping li jimplimenta l-impenji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punti 48, 52 u 58, ikkonfermat b’digriet tal‑10 ta’ Marzu 2016, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, C‑142/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:163, punti 24 sa 28), li huwa differenti ħafna mill-każ inkwistjoni.

57      It-tieni nett, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ġie deċiż ħafna drabi li kompetituri tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat kienu direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 30; tas‑27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T‑435/93, EU:T:1995:79, punti 60 u 61, u tat‑22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, EU:T:1996:153, punt 49). F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li s-sitwazzjoni tal-kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna u dik tal-kompetitur tal-produttur esportatur li l-prodotti tiegħu huma suġġetti għal dazji antidumping allegatament insuffiċjenti huma essenzjalment komparabbli għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta fil-kuntest tal-ammissibbiltà tar-rikors.

58      It-tielet nett, jeżistu ħafna eżempji fil-ġurisprudenza ta’ rikorsi ppreżentati minn kompetituri kontra deċiżjonijiet li jiddikjaraw konċentrazzjonijiet kompatibbli mas-suq intern li fihom il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta ġiet meqjusa li hija ssodisfatta (sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑2/93, EU:T:1994:55, punt 41; tat‑3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 89, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, ARD vs Il-Kummissjoni, T‑158/00, EU:T:2003:246, punt 60). Jirriżulta b’mod partikolari minn dawn il-kawżi li ġiet irrikonoxxuta l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għalkemm huma ma kinux jifformaw parti mill-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, peress li d-deċiżjonijiet inkwistjoni f’dawk il-kawżi ppermettew il-ħolqien immedjat tal-konċentrazzjoni, huma kienu ta’ natura li jġibu bidla immedjata tas-sitwazzjoni tas-swieq ikkonċernati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sa fejn ir-rieda tal-partijiet għall-konċentrazzjoni li joħolquha ma kinitx suġġetta għall-garanzija, l-operaturi ekonomiċi li jintervjenu fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati setgħu, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, jiksbu modifika immedjata jew ta’ malajr tal-istat tas-suq (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punti 31 u 32).

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li r-regolament ikkontestat itemm il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali, li nbdiet fuq it-talba tar-rikorrenti, billi mmodifika d-dazji antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi. Fil-fatt, bil-preżentazzjoni tat-talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali tagħhom taħt l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, ir-rikorrenti riedu li l-Kummissjoni u l-Kunsill jadottaw miżuri xierqa sabiex jinkiseb kontrobilanċ għad-dumping li jikkawżalhom il-ħsara. Sa fejn ir-rikorrenti wasslu għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali u sa fejn il-miżuri adottati fit-tmiem ta’ din il-proċedura kienu intiżi sabiex joħolqu kontrobilanċ għad-dumping li jikkawża l-ħsara li huma vittmi tagħha bħala produtturi kompetituri li joperaw fl-istess suq, huma direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

60      L-argumenti mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma jistgħux ixejnu din il-konklużjoni.

61      L-ewwel nett, l-argument tal-Kunsill dwar il-fatt li l-modifika tad-dazji antidumping applikabbli ma tistax tipproduċi effetti legali fil-konfront tar-rikorrenti, peress li huma ma jħallsu l-ebda dazji antidumping, għandu jiġi miċħud. Dan il-fatt ma huwiex deċiżiv fih innifsu (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq), kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet barra minn hekk waqt is-seduta.

62      Minbarra dan, għandu jitfakkar li, kif ġie ġustament irrilevat mir-rikorrenti, lanqas iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi ma jħallsu tali dazji. Fil-fatt, dawn id-dazji jitħallsu mill-importaturi fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku (li sar Artikolu 12 tar-Regolament 2016/1036), moqri fid-dawl tal-premessi 16 u 18 tiegħu (li saru l-premessi 17 u 19 tar-Regolament 2016/1036), jipprekludi t-teħid ta’ responsabbiltà, jew “assorbiment”, tad-dazji antidumping mill-produtturi esportaturi.

63      It-tieni nett, l-argument tal-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li jgħid li r-rikorrenti ma għandhomx dritt suġġettiv għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ta’ ċertu livell fil-konfront tal-kompetituri tagħhom, għandu jiġi miċħud. Minn naħa, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk ir-regolament ikkontestat għandux inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti, li huwa l-każ għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mir-rikors, ir-rikorrenti ma jsostnux li huma għandhom dritt suġġettiv għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ta’ livell speċifiku, iżda huma jillimitaw ruħhom li jikkritikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ksur tar-regoli previsti mir-Regolament bażiku fil-kalkolu tal-valur normali.

64      It-tielet nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li, ladarba huwa stess u l-Kummissjoni jaċċettaw li jiftħu l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw l-eżitu ta’ din il-proċedura. Jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 16 tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u mill-punt 23 tal-kontroreplika li dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq żewġ kunsiderazzjonijiet, jiġifieri li, minn naħa, l-eżitu ta’ din il-proċedura ma jistax iwassal għal riżultat inqas favorevoli għall-industrija tal-Unjoni, peress li d-dazji antidumping jew jiżdiedu jew jinżammu fil-livell tagħhom, u li, min-naħa l-oħra, l-att adottat fit-tmiem ta’ din il-proċedura huwa miżura ta’ portata ġenerali għar-rikorrenti.

65      It-tieni aspett ta’ dan l-argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali fil-punti 74 sa 91 iktar ’il quddiem. Fir-rigward tal-ewwel aspett tal-argument, dan ma jistax jintlaqa’ għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, il-Kunsill ma jirreferi għal ebda dispożizzjoni legali li tipprekludi li huwa stess u l-Kummissjoni jiddeċiedu li jimponu dazji antidumping inqas għoljin fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedjarju, li jistgħu jipparteċipaw fiha barra minn hekk il-produtturi esportaturi msemmija. Fil-fatt, ma jistgħux jiġu ppreġudikati l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, li jistgħu jwasslu għall-użu ta’ metodu differenti jekk ikun hemm bdil fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku (li sar Artikolu 11(9) tar-Regolament 2016/1036) jew jekk jirriżulta li l-metodu inizjalment użat imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (li sar Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punti 41 u 42). Min-naħa l-oħra, li kieku kellha tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huma jkollhom il-possibbiltà jaħarbu de facto mill-istħarriġ tal-qorti billi jillimitaw ruħhom iżidu b’mod purament marġinali d-dazji antidumping wara kull talba għal eżami mill-ġdid intermedjarju tal-industrija tal-Unjoni, minkejja li l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku kellha twassal għal żieda sinjifikattiva għola. Tali possibbiltà ma tistax tiġi aċċettata.

66      Ir-raba’ nett, l-argumenti mressqa mill-Kunsill fuq il-bażi tal-ġurisprudenza sabiex tiġi kkontestata l-inċidenza diretta tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

67      Qabelxejn, il-Kunsill jiċċita l-punt 75 tad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419), li jgħid li għalkemm ma jistax jiġi eskluż li projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq prevista mir-regolament ikkontestat jista’ jkollha xi konsegwenzi fuq l-attività ta’ persuni li jintervjenu upstream jew downstream f’dan it-tqegħid fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li tali konsegwenzi ma jistgħux jitqiesu li jirriżultaw direttament minnu. Dan il-punt jispeċifika wkoll li, “fir-rigward tal-konsegwenzi eventwali ta’ din il-projbizzjoni għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, dawn tal-aħħar ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni legali, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ fatt tar-rikorrenti”.

68      F’dan ir-rigward, mill-qari tal-punt 75 tad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419) fl-intier tiegħu jirriżulta li dan kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki kienx jipproduċi effetti diretti biss fuq is-sitwazzjoni ta’ dawk li kienu attivi f’dan is-suq jew jekk kienx jipproduċi effetti diretti wkoll fis-sitwazzjoni ta’ persuni li joperaw upstream, bħall-kaċċaturi, li l-Qorti Ġenerali eskludiet peress li qieset li l-eventwali effetti kienu jkunu indiretti. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-punti 73 sa 75 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:21). Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax jinvoka insostenn tal-argument tiegħu d-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419), liema digriet jittratta ċirkustanzi u kwistjonijiet li huma fondamentalment differenti mill-każ inkwistjoni.

69      Il-Kunsill jirreferi wkoll għall-punt 40 tad-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2014, Group’Hygiène vs Il-Kummissjoni (T‑202/13, EU:T:2014:664), li jirrigwarda rikors għal annullament kontra direttiva. Mill-punti 36 sa 40 ta’ dan id-digriet jirriżulta li huma d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-direttiva, u mhux din tal-aħħar, li jistgħu jipproduċu effetti legali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din tal-aħħar ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-allegati konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mid-direttiva sabiex turi li din kienet tikkonċernaha direttament.

70      Għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi u l-kwistjonijiet li jittratta d-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2014, Group’Hygiène vs Il-Kummissjoni (T‑202/13, EU:T:2014:664), ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk ta’ dan il-każ. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw direttiva u ma teżisti l-ebda miżura nazzjonali ta’ transpożizzjoni li jista’ jkollha inċidenza diretta fuqhom. Fil-fatt, kif irrikonoxxa l-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta, ir-regolament ikkontestat ma jinkludi l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni fuq il-pjan nazzjonali fil-konfront tar-rikorrenti. Għalkemm il-Kunsill jipprevali ruħu mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija, sussidjarjament, fil-punt 40 tad-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2014, Group’Hygiène vs Il-Kummissjoni (T‑202/13, EU:T:2014:664), dwar l-assenza ta’ inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti f’dak il-każ ma tidhirx li tapplika għal din it-tilwima minkejja li, kif tfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza taċċetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra atti tal-Unjoni li l-effetti fuq ir-rikorrenti huma essenzjalment effetti materjali.

71      Fl-aħħar nett, il-Kunsill jiċċita l-punti 78, 79 u 87 tas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill (T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340), insostenn tal-argumenti tiegħu dwar l-assenza ta’ inċidenza diretta.

72      Għandu jiġi rrilevat li l-punti 75 sa 87 tas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill (T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340), kienu jikkonċernaw kwistjoni differenti minn dik f’dan il-każ. B’mod partikolari, huma kienu jirrigwardaw l-eżami tal-locus standi individwali, u għalhekk indipendentement mil-locus standi, bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom, ta’ żewġ assoċjazzjonijiet ta’ produtturi Amerikani li l-prodotti tagħhom kienu ġew suġġetti għal dazji antidumping. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-assoċjazzjonijiet rikorrenti ma kinux affettwati individwalment mir-regolament antidumping li jkopri l-prodotti tal-membri tagħhom, ħlief f’dak li jirrigwarda motiv intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura antidumping. Minn dan jirriżulta li l-punti 78, 79 u 87 tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill (T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340), ma jistgħux isostnu l-argument tal-Kunsill.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

74      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kkonċernati humiex individwalment ikkonċernati, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-persuni distinti mid-destinatarji tad-deċiżjoni jistgħu jippretendu biss li jkunu kkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fil-każ li dan l-att jolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi fejn huma jistgħu jiġu ddifferenzjati mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dawn il-fatturi tindividwalizzahom bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

75      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-qasam tal-antidumping, għalkemm huwa minnu li, fir-rigward tal-kriterji tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-regolamenti li jimponu dazji antidumping għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi interessati, madankollu ma huwiex eskluż li dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw individwalment ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19).

76      Minn dan jirriżulta li l-atti li jimponu dazji antidumping jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, mingħajr ma jitilfu n-natura regolatorja tagħhom, jikkonċernaw individwalment lil ċerti operaturi ekonomiċi, li għandhom, għaldaqstant, locus standi sabiex jirrappreżentaw rikors għall-annullament ta’ dawn l-atti (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 14).

77      Ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jippreżentaw rikors għall-annullament ta’ regolament antidumping ma jistax madankollu jipprekludi lil operaturi oħra milli jkunu wkoll individwalment ikkonċernati minn tali regolament, minħabba ċerti karatteristiċi partikolari tagħhom (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 16, u tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 22). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ma teżisti l-ebda lista eżawrjenti tal-kriterji li għalihom għandha tikkorrispondi s-sitwazzjoni tar-rikkorrenti, b’tali mod li r-rikorrenti jistgħu jirreferu għall-eżistenza ta’ numru ta’ elementi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 17).

78      Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, ir-rwol tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura antidumping u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq kopert mir-regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punti 12 sa 15; tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill, T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340, punt 122, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il-Kunsill, T‑277/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:343, punt 84).

79      L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrent fil-proċedura amministrattiva, pereżempju permezz ta’ lment, tal-komunikazzjoni ta’ data, tas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub jew tal-parteċipazzjoni f’seduta, tikkostitwixxi element rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza individwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punti 24 sa 26, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill, T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340, punti 123 sa 127).

80      It-tieni nett, sabiex jiġi evalwat jekk il-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ġietx affettwata, il-qorti tal-Unjoni tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ elementi bħall-istruttura kkonċentrata jew frammentata tas-suq, il-pożizzjoni tar-rikorrent u tal-kompetitur inkwistjoni f’termini assoluti u relattivi fis-suq jew l-estent tal-impatt tal-att kontenzjuż fuq l-attivitajiet tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punti 15; tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, T‑276/13, C-358/89, EU:C:1991:214, punt 17; u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill, T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340, punti 128 u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il-Kunsill, T‑277/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:343, punt 90).

81      Mill-evalwazzjoni mwettqa ta’ din is-sensiela ta’ elementi mill-qorti tal-Unjoni jista’ jiġi dedott li iktar ma jkunu diretti r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrent u l-kompetitur inkwistjoni, minħabba li n-numru ta’ operaturi attivi fis-suq ikun żgħir jew minħabba li l-impriża inkwistjoni tkun il-kompetitriċi prinċipali tar-rikorrent, u iktar ma jkunu sinjifikattivi l-konsegwenzi negattivi għal dan tal-aħħar, iktar hemm lok li jiġi konkluż li huwa individwalment ikkonċernat mill-att ikkontestat.

82      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tar-rikorrenti sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

83      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura amministrattiva, kriterju li la huwa indispensabbli u lanqas suffiċjenti fih innifsu, iżda li huwa madankollu rilevanti, mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat jiriżulta li r-rikorrenti kienu wasslu għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali minħabba t-talba tagħhom imressqa, fid-9 ta’ Ġunju 2011, taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat jirriżulta wkoll li r-rikorrenti huma identifikati fih b’isimhom, li, kuntrarjament għal dak allegat mill-Kunsill, huwa element rilevanti flimkien ma oħrajn għall-evalwazzjoni tal-inċidenza individwali tagħhom. Minbarra dan, huma ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub tal-inqas ħames darbiet matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedjarju, dwar iċ-ċaħda tas-SES liż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u l-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali applikat mill-Kummissjoni. Huma pparteċipaw ukoll għal laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fl‑10 ta’ Mejju 2012. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 39 u 41 tar-regolament ikkontestat li dan jiċħad ċerti argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

84      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva u kkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għall-iżvolġiment tagħha, kif ukoll għall-eżitu tagħha.

85      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju dwar l-effett tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, minkejja li l-ġurisprudenza tradizzjonali fil-qasam ta’ antidumping ma tistabbilixxix b’mod ġenerali r-rekwiżit li l-effett tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ikkonċernat għandu jkun sostanzjali, bħal fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, ir-raġunament applikat huwa materjalment identiku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prinċipju li jippermetti l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ ammissibbiltà inqas stretti fil-qasam ta’ antidumping, kif huma jallegaw. Minbarra dan, il-ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti Ġenerali tirreferi għar-rekwiżit ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill, T‑276/13, taħt appell, EU:T:2016:340, punti 122 u 128, u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il-Kunsill, T‑277/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:343, punti 84 u 90). Għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill li huma r-rikorrenti li għandhom juru li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata huwa fondat.

86      Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq fid-dawl taċ-ċirkustanza tal-każ inkwistjoni, għandu jiġi qabelxejn irrilevat li l-Kunsill stess jammetti li r-regolament ikkontestat ma jqegħidx f’dubju l-konstatazzjonijiet stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012 li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ħsara sinjifikattiva sostnuta mill-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, inklużi dawk taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, u l-imsemmija ħsara. Dawn il-konstatazzjonijiet, li ma humiex ikkontestati mill-partijiet, huma importanti sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti kinux individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, intiż għall-adozzjoni tal-miżuri antidumping xierqa.

87      B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti jsostnu li l-produzzjoni tagħhom tirrappreżenta 73 % tal-produzzjoni ta’ aċidu tartariku tal-industrija tal-Unjoni, mingħajr ma dan huwa kontradett mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni tirrileva li l-industrija tal-Unjoni kellha sehem fis-suq ta’ 44 % fl-2012. Ir-rikorrenti sostnew ukoll waqt is-seduta, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li dawn kienu jinkludu l-produtturi prinċipali tal-industrija tal-Unjoni, inkluż il-produttur l-iktar importanti, jiġifieri Distillerie Mazzari. Barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet tar-rikorrenti u mill-premessa 58 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012 jirriżulta li s-suq inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn numru ristrett ta’ produtturi fl-Unjoni u li dan huwa għalhekk relattivament ikkonċentrat.

88      Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li, bħala kompetituri taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, huma soffrew l-effetti negattivi serji tal-prattiki ta’ dumping, b’mod partikolari telf ta’ ishma fis-suq u telf ta’ impjiegi ta’ 28 % u li tali prattiki jistgħu joħolqu r-riskju li jiġu eliminati mis-suq. Minkejja li l-Kunsill jikkontesta l-allegat riskju ta’ eliminazzjoni mis-suq tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 75 u 77 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012, adottat xahrejn biss qabel ir-regolament ikkontestat, jindikaw tnaqqis tas-sehem fis-suq tal-produtturi tal-Unjoni ta’ iktar minn 7 punti bejn l-2007 u l-2010 kif ukoll tnaqqis ta’ 28 % tal-livell ta’ impjieg matul l-istess perijodu. Barra minn hekk, il-premessa 80 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012 tindika li l-industrija tal-Unjoni baqgħet vulnerabbli għall-effetti dannużi tad-dumping. Għaldaqstant, ma jistax jiġi miċħud li r-rikorrenti kienu qegħdin isofru l-effetti negattivi serji tal-prattiki ta’ antidumping li r-regolament ikkontestat kien intiż li jelimina. Minbarra dan, skont il-premessa 62 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012, il-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott inkwistjoni li kien ġej minn produtturi esportaturi Ċiniżi li kienu s-suġġett ta’ miżuri antidumping laħaq sehem fis-suq ta’ iktar minn 12 % fl-2010, li huwa kunsiderevoli.

89      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-kunsiderazzjonijiet dwar Changmao Biochemical Engineering, preżenti għas-seduta, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat l-effett sostanzjali tal-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ għal diversi raġunijiet. Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-regolament ikkontestat kien intiż għall-adozzjoni ta’ dazji antidumping xierqa sabiex jinkiseb kontrobilanċ għad-dumping marbut mal-importazzjonijiet tal-prodotti ta’ Changmao Biochemical Engineering u ta’ Ninghai Organic Chemical Factory. Barra minn hekk, fil-fatt twettqu importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ Changmao Biochemical Engineering. Minbarra dan, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn il-kunsiderazzjonijiet relatati ma’ Changmao Biochemical Engineering ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti kinux individwalment ikkonċernati. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), annullat ir-regolament ikkontestat biss minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward ta’ Changmao Biochemical Engineering. Fl-aħħar nett, bħalma huwa indikat fil-punti 105 sa 113 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku wkoll sabiex jiġi evitat li l-illegalitajiet ikkritikati lilhom ma jerġgħux iseħħu fil-futur, b’mod partikolari fil-kuntest taż-żamma prevista tad-dazji antidumping.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid‑19 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea n-notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, C 122. p. 8), skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill u l-Kummissjoni jipprevedu ż-żamma tad-dazji antidumping għall-prodotti tal-produtturi esportaturi kollha msemmija, inkluż Changmao Biochemical Engineering.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandhom kwalitajiet partikolari bħala kompetituri taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi u huma f’sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom u tindividwalizzahom b’mod analogu għal dik tad-destinatarji tar-regolament ikkontestat.

92      Barra minn hekk, peress li dan ma jimponix dazji antidumping fuq il-prodotti tar-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat ma jistax bħala prinċipju jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali fil-konfront tagħhom, għad-differenza tas-sitwazzjoni tal-produttur esportatur jew tal-importatur ta’ prodotti suġġetti għal dazji antidumping (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2014, Bricmate vs Il-Kunsill, T‑596/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:53, punti 71 sa 73). Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhomx bħala prinċipju rimedji ġudizzjarji alternattivi fuq il-pjan nazzjonali sabiex jasserixxu l-allegata illegalità tar-regolament ikkontestat.

93      Minkejja li fatt bħal dan ma jistax iwassal sabiex titwarrab il-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali, li hija espressament prevista mit-Trattat FUE, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni li persuna tista’ tippreżenta rikors sabiex tikkontesta regolament biss jekk din tkun ikkonċernata mhux biss direttament iżda wkoll individwalment għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi ċirkustanzi li jkunu ta’ natura li jindividwalizzaw rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 44; tal‑1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punt 36, u tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 44).

94      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li r-rikorrenti huma direttament u individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, fis-sens tat-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

95      Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-locus standi tar-rikorrenti skont it-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra att regolatorju li jikkonċerna r-rikorrenti direttament u li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni, kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta.

 Fuq l-interess ġuridiku

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma għandhom l-ebda interess fl-annullament tar-regolament ikkontestat, minħabba li dan l-annullament jimplika li d-dazji antidumping stabbiliti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012, inqas għoljin, isiru applikabbli b’mod retroattiv mid-data ta’ dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat.

97      Huwa jżid li l-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-effetti tar-regolament ikkontestat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ma humiex issodisfatti. B’mod partikolari, huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-importaturi, li jkollhom iħallsu dazji antidumping illegali sal-adozzjoni ta’ regolament ġdid.

98      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fuq il-konsegwenzi tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), il-Kunsill isostni li din it-tilwima ma għadx għandha skop f’dak li jirrigwarda d-dazji antidumping imposti fuq il-prodotti ta’ Changmao Biochemical Engineering. Għaldaqstant, is-suġġett ta’ din it-tilwima hija limitata għad-dazji antidumping imposti fuq il-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory.

99      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-interess ġuridiku, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li n-natura tal-illegalitajiet ikkritikati lilha ma kinux tali li setgħu jerġgħu jseħħu fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:740). Fil-fatt, l-illegalitajiet ikkritikati huma strettament marbuta maċ-ċirkustanzi tal-kawża.

100    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-oġġezzjonijiet dwar l-interess ġuridiku tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

101    Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att inkwistjoni jiġi annullat (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il-Kummissjoni, T‑188/99, EU:T:2001:166, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jippreżupponi li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, iġib benefiċċju għall-parti li tippreżentah (ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, EU:C:2008:230, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jitolbu l-impożizzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping iktar għoljin iżda s-sostituzzjoni tad-dazji li jirriżultaw mir-regolament ikkontestat mid-data ta’ adozzjoni tal-eventwali regolament ġdid tal-Kunsill. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ma jistax jiġi dedott li t-talba tar-rikorrenti tinjora l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha involuti, kemm pubbliċi kif ukoll privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 66).

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta rikors ma huwiex intiż għat-tneħħija tal-effetti li jirriżultaw mill-att ikkontestat, iżda għas-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ miżura ta’ portata iktar stretta li tinkludi l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping iktar għoli, il-qorti tal-Unjoni tista’ tagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE sabiex jinżamm id-dazju antidumping stabbilit mir-regolament li huwa kkontestat sakemm l-istituzzjonijiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 32; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, EU:T:2000:175, punt 55).

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandhom interess jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat, li jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom. Għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill għandu jiġi miċħud.

105    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-effetti tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), kif jirriżulta mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li din it-tilwima ma hijiex kompletament mingħajr skop minħabba dik is-sentenza, sa fejn il-Kunsill ma jikkontestax li din it-tilwima tibqa’ żżomm l-iskop tagħha tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat għall-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory.

106    Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat ġie annullat biss f’dak li jirrigwarda Changmao Biochemical Engineering u jibqa’ għalhekk kompletament fis-seħħ fir-rigward il-prodotti tal-produttur esportatur l-ieħor imsemmi, jiġifieri Ninghai Organic Chemical Factory. Barra minn hekk, huwa ġie annullat minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża.

107    Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-annullament ta’ att għal ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, il-proċedura intiża għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ bħala prinċipju titkompla mill-punt preċiż li fih titwettaq l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 45 u 73).

108    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li rikorrent jista’ jżomm interess jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jippermetti li jiġi evitat li fil-futur terġa’ sseħħ l-illegalità li dan huwa allegatament ivvizzjat biha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50, u tat‑18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 48).

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jikkontestaw għal diversi raġunijiet il-metodu li ntagħżel mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, fir-regolament ikkontestat, sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali u għaldaqstant il-marġni ta’ dumping, metodu li jista’ jerġa’ jintuża fil-futur, b’mod partikolari fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li jkunu joriġinaw miċ-Ċina.

110    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:740), li l-irregolaritajiet ikkritikati f’dan il-każ huma strettament marbuta maċ-ċirkustanzi tal-kawża u ma jistgħux jerġġħu jitwettqu indipendentement minnha. Minn naħa, l-użu ta’ metodu żbaljat għall-kalkolu tal-valur normali jista’ jerġa’ jseħħ fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ. Min-naħa l-oħra, l-element determinanti msemmi fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:740) huwa l-fatt li l-irregolaritajiet jistgħu jerġgħu jseħħu fil-futur, minkejja li l-att ikkontestat ikun waqaf milli jipproduċi l-effetti tiegħu, u mhux li din il-possibbiltà teżisti indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża.

111    Barra minn hekk, bħalma huwa indikat fil-punt 90 iktar ’il fuq, fid‑19 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppubblikat in-notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina.

112    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni bħalissa għandha l-intenzjoni li żżomm il-miżuri li jirriżultaw mir-regolament ikkontestat u li għadhom fis-seħħ fir-rigward tal-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory, bla ħsara għall-possibbiltà li jittieħdu l-miżuri xierqa għall-korrezzjoni tal-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali kkonstatati, fir-rigward ta’ Changmao Biochemical Engineering, permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372).

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

114    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku minħabba l-bdil tal-metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036], moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament 2016/1036), minħabba l-użu ta’ valur normali stabbilit minflok il-prezzijiet ta’ bejgħ interni effettivament applikati fil-pajjiż analogu, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku fl-istabbiliment tal-valur normali fuq il-bażi tal-ispejjeż f’pajjiż differenti mill-pajjiż analogu, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku fl-istabbiliment tal-valur normali bl-użu ta’ materja prima li ma kinitx ekwivalenti u, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku sa fejn il-Kunsill bidel il-metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali, mingħajr ma dan huwa ġġustifikat minn bdil fiċ-ċirkustanzi. B’mod partikolari, huma jikkritikaw ir-regolament ikkontestat peress li stabbilixxa l-valur normali minflok ma għamel użu mill-prezzijiet interni effettivi ta’ bejgħ.

116    Minkejja li r-rikorrenti jammettu li kien inevitabbli li l-metodu għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, li ma kinux għadhom eliġibbli għas-SES, kellu jinbidel bl-użu ta’ pajjiż analogu, huma jqisu li l-Kunsill kellu jibbaża ruħu fuq il-prezzijiet interni effettivi ta’ bejgħ fil-pajjiż analogu, kif kien għamel għall-investigazzjoni inizjali għall-produtturi esportaturi li ma kinux talbu s-SES.

117    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda dan il-motiv, jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

118    B’mod iktar speċifiku, il-Kunsill jirrileva li, waqt l-investigazzjoni inizjali, iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi bbenefikaw mis-SES u, għaldaqstant, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet interni effettivi ta’ bejgħ tagħhom, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament 2016/1036]. Skont il-Kunsill, fid-dawl tal-fatt li r-regolament ikkontestat ikkonkluda li l-kundizzjonijiet li jippermettulhom jibbenefikaw mis-SES ma kinux iktar issodisfatti, il-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi ma setax jiġi użat u l-valur normali kellu jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma japplikax f’dan il-każ.

119    Il-Kunsill iqis li, fil-fatt, ir-rikorrenti qegħdin isostnu li r-regolament ikkontestat kellu japplika għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi l-istess metodu li ġie applikat waqt l-investigazzjoni inizjali fir-rigward tal-produtturi esportaturi l-oħra kollha li ma kinux ikkooperaw. Fl-opinjoni tiegħu, dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jikkonċerna l-applikazzjoni tal-istess metodu għall-istess entità ekonomika waqt investigazzjonijiet inizjali u ta’ eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, il-Kunsill jiċħad l-argument li investigazzjoni unika titwettaq għall-esportazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina. Fil-fatt, ħafna metodi huma applikati b’mod simultanju waqt investigazzjoni abbażi tas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull produttur esportatur, skont jekk ikunx inkluż jew le fil-kampjun, u jekk jikkooperax jew le.

120    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tħassar kull distinzjoni bejn il-produtturi esportaturi li jkunu kkooperaw u l-produtturi esportaturi li ma jkunux ikkooperaw, li jmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

121    Minbarra dan, il-Kunsill jirrileva li, waqt l-investigazzjoni inizjali, il-marġni ta’ dumping taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi ġiet ikkalkolata fuq il-bażi ta’ data relatata mal-proċess ta’ produzzjoni sintentika. L-interpretazzjoni tar-rikorrenti twassal li għall-ewwel darba il-kalkolu tal-valur normali jiġi bbażat fuq data relatata mal-proċess ta’ produzzjoni naturali, filwaqt li l-prezz ta’ esportazzjoni jkun dejjem ikkalkolat fuq il-bażi ta’ data relatata mal-proċess ta’ produzzjoni sintetika, li tfixkel il-paragun tagħhom.

122    Fl-aħħar nett, il-Kunsill jirreferi għall-obbligu li jitwettaq paragun ġust, li jirriżulta mill-Artikolu 11(9) moqri flimkien mal-Artikolu 2(10) u (11) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(10) u (11) tar-Regolament 2016/1036). Minkejja li tirrikonoxxi li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jikkonċerna l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, din id-dispożizzjoni timplika wkoll li huwa għandu jiżgura wkoll li dan il-kalkolu tal-valur normali jitwettaq b’tali mod li jippermetti li l-paragun sussegwenti jkun ġust. F’dan il-każ, fid-dawl tad-differenzi fil-proċessi ta’ produzzjoni fl-Arġentina u fiċ-Ċina, ma kienx ikun ġust li jintużaw il-prezzijiet effettivi ta’ bejgħ tal-produttur Arġentin bħala bażi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

123    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw essenzjalment lill-Kunsill għall-fatt li huwa stabbilixxa l-valur normali użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, minflok ma għamel użu mill-prezzijiet interni effettivi ta’ bejgħ fil-pajjiż analogu, bħalma huwa kien għamel għall-produtturi li ma kinux jibbenefikaw mis-SES waqt l-investigazzjoni inizjali. Skont ir-rikorrenti, proċedura bħal din tmur kontra l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli għall-kalkolu tal-valur normali huma stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament 2016/1036). Għall-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u li huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni, il-valur normali huwa ddeterminat bħala prinċipju skont il-metodu speċifiku previst fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Skont dan il-metodu, il-valur normali huwa ddeterminat b’mod partikolari fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri l-pajjiż analogu.

125    Bħala eċċezzjoni, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament meta huwa stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija ta’ suq jipprevalu għal dan jew dawn il-produtturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, EU:T:2004:317, punt 50, u tas‑26 ta’ Settembru 2012, LIS vs Il-Kummissjoni, T‑269/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:474, punt 39). Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku jinkludi regoli applikabbli għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq.

126    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni tapplika, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, l-istess metodu bħal dak użat waqt l-investigazzjoni li tkun wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

127    Mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, bħala regola ġenerali, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw l-istess metodu, anki għat-tqabbil tal-prezz ta’ esportazzjoni u l-valur normali, bħall-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali li tkun wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju. Din l-istess dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet li japplikaw metodu differenti minn dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu. Mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li l-metodu applikat għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punti 41 u 42).

128    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li dan il-każ għandu jiġi eżaminat.

129    Mill-premessi 18 sa 28 tar-Regolament provviżorju u mill-premessa 13 tar-Regolament definittiv jirriżulta li, waqt l-investigazzjoni inizjali, f’dak li jirrigwarda ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, li kienu wrew li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kienu jipprevalixxu għalihom u li, għaldaqstant, kienu bbenefikaw mis-SES, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali skont regoli previsti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-prezz intern reali ta’ bejgħ ffatturat minn kull produttur esportatur. Fir-rigward tal-produtturi esportaturi li ma jibbenefikawx mis-SES waqt l-investigazzjoni inizjali, mill-premessi 29 sa 34 tar-Regolament provviżorju u mill-premessa 13 tar-Regolament definittiv jirriżulta li l-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni li toriġina mill-produttur tal-pajjiż analogu, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa fis-suq intern tal-Arġentina, skont regoli previsti fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

130    Skont il-premessi 15 sa 21 tar-regolament ikkontestat, is-SES ġie rrifjutat liż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi waqt l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid. Għal din ir-raġuni, il-valur normali ma setax jiġi stabbilit iktar abbażi tal-prezz intern reali ta’ bejgħ ffatturat minn kull wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Bħalma jammettu r-rikorrenti, dan ma jikkostitwixxix fih innifsu bdil ta’ metodu li huwa kuntrarju għall-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

131    Issa, mill-premessi 27 sa 29 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, waqt l-investigazzjoni inizjali, il-valur normali ġie stabbilit, essenzjalment, fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina, u mhux fuq l-użu tal-prezzijiet ta’ bejgħ interni f’dan il-pajjiż.

132    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, dan jikkostitwixxi bdil ta’ metodu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni tapplika “l-istess metodu bħal dak fl-investigazzjoni li tat lok għall-impożizzjoni tad-dazju”. F’dan il-każ, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma jibbenefikawx mis-SES kien ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-prezzijiet interni ta’ bejgħ fl-Arġentina waqt l-investigazzjoni inizjali, filwaqt li ġie stabbilit, essenzjalment, fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina waqt l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li ma setgħux jibbenefikaw iktar mis-SES. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku tagħmel riferiment għall-applikazzjoni tal-istess metodu fl-investigazzjoni inizjali u fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha li teżiġi biss l-applikazzjoni tal-istess metodu għall-istess entità ekonomika.

133    Huwa evidenti li metodi differenti jistgħu jiġu applikati għall-kalkolu tal-valur normali ta’ produtturi esportaturi li, peress li jkunu f’sitwazzjonijiet differenti, huma suġġetti għal dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament bażiku. Dan huwa pereżempju l-każ tal-produtturi esportaturi li jibbenefikaw mis-SES u ta’ dawk li ma jibbenefikawx mis-SES. Issa, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw l-istess metodu għall-kalkolu tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma jibbenefikawx mis-SES, waqt l-investigazzjoni inizjali u l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, bla ħsara għal bdil fiċ-ċirkustanzi jew għall-fatt li l-metodu inizjalment użat ikun irriżulta li huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

134    F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat ma jagħmilx riferiment għal bdil fiċ-ċirkustanzi. Għalkemm huwa speċifikat fil-premessa 27 tar-Regolament bażiku li l-għażla tal-metodu applikat tirriżulta mid-differenzi bejn il-proċeduri ta’ produzzjoni tal-aċidu tartariku fl-Arġentina u fiċ-Ċina, jiġifieri, il-proċedura naturali u l-proċedura sintetika, rispettivament, bħalma ġustament isostnu r-rikorrenti, dawn id-differenzi kienu jeżistu u kienu diġà magħrufa fl-istadju tal-investigazzjoni inizjali.

135    Għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill isostni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li l-paragun bejn, minn naħa, il-valur normali kkalkolat abbażi tal-prezzijiet interni ta’ bejgħ fl-Arġentina u għalhekk ibbażat fuq data relatata mal-proċess ta’ produzzjoni naturali u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi relatati mal-proċess ta’ produzzjoni sintetika jkun distort, saħansitra inġust. Mistoqsi dwar il-portata ta’ dan l-argument waqt is-seduta, il-Kunsill isostni li tali metodu ta’ kalkolu tad-dazji antidumping huwa kuntrarju għall-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

136    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ma jindikax li l-metodu inizjali huwa kuntrarju għall-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li d-dazju antidumping fis-seħħ għall-produtturi esportaturi l-oħra huwa dejjem ibbażat fuq il-valur normali ddeterminat skont il-metodu inizjali. Jekk l-ipoteżi tal-Kunsill tiġi aċċettata, dan ikollu bħala konsegwenza li l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għall-produtturi esportaturi l-oħra, li d-dazju tagħhom huma dejjem stabbiliti fuq il-bażi ta’ dan il-metodu, tkun illegali. Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-adozzjoni tar-Regolament provviżorju l-Kunsill u l-Kummissjoni ma bidlu bl-ebda mod id-dazju antidumping applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħra.

137    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-fondatezza ta’ dan l-argument, fid-dawl tal-fatt li l-aċidu tartariku mmanifatturat permezz ta’ sinteżi kimika għandu l-istess karatteristiċi u huwa intiż għall-istess użi bażiċi bħal dak immanifatturat minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid, kif inhu indikat fil-punt 1 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-paragun bejn il-valur normali kkalkolat fuq data relatata mal-proċess ta’ produzzjoni naturali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni bbażati fuq il-proċess ta’ produzzjoni sintetiku ma jidhirx li huwa kuntrarju għall-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

138    Għandu jingħad ukoll li l-Kunsill ma jistax jiġġustifika l-bdil tal-metodu billi jikkunsidra sempliċement li l-metodu adottat mir-regolament ikkontestat huwa iktar xieraq. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex suffiċjenti li metodu ġdid ikun iktar xieraq mill-antik meta dan madankollu jikkonforma mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikat, EU:T:2008:258, punt 50).

139    Fl-aħħar nett, l-argument imressaq mill-Kunsill li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tħassar kull distinzjoni bejn il-produtturi esportaturi li jkunu kkooperaw u dawk li ma jkunux ikkooperaw għandu jiġi miċħud. Mill-premessa 22 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament 2016/1036), ibbenefikaw minn trattament individwali. Għaldaqstant, għad-differenza tal-produtturi esportaturi l-oħra li ma kkooperawx, huma bbenefikaw minn dazju antidumping individwali bbażat fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni rispettivi tagħhom.

140    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, dazju antidumping individwali huwa normalment ikkalkolat billi l-valur normali applikabbli għall-produtturi esportaturi kollha jitqabbel mal-prezzijiet individwali ta’ esportazzjoni tal-produttur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 130, u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Giant (China) vs Il-Kunsill, T‑425/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:896, punt 47). Għaldaqstant, l-argument imressaq mill-Kunsill u mill-Kummissjoni waqt is-seduta intiża sabiex l-ewwel motiv jiġi skartat fuq il-bażi tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi miċħud.

141    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li huwa loġiku li, meta diversi produtturi esportaturi jingħataw is-SES, il-valur normali jkun differenti għal kull wieħed minnhom, peress li dan huwa kkalkolat fuq il-bażi tad-data rispettiva tagħhom. Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-valur normali jkun differenti fil-każ ta’ diversi produtturi esportaturi li jiġi rrifjutat lilhom is-SES, peress li, f’din is-sitwazzjoni, il-kalkoli tal-valur normali huma bbażati fuq id-data ta’ pajjiż analogu u għalhekk indipendentement mid-data rispettiva tagħhom. F’dan l-aħħar każ, produttur esportatur jista’ dejjem jitlob trattament individwali, li jimplika li marġni ta’ dumping individwali tkun ikkalkolata billi l-valur normali, li huwa l-istess għal kulħadd, jitqabbel mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tiegħu, minflok ma l-valur normali jitqabbel mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-industrija.

142    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ. Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat.

143    Għalhekk, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li teżamina l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq it-talba għaż-żamma fis-seħħ tal-effetti tar-regolament ikkontestat

–       L-argumenti tal-partijiet

144    Fil-każ fejn ir-rikors għal annullament jiġi milqugħ, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha żżomm fis-seħħ l-effetti tar-regolament ikkontestat sakemm il-Kunsill jadotta l-miżuri xierqa sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li s-sempliċi annullament tar-regolament ikkontestat ikollu bħala konsegwenza li jqegħedhom f’sitwazzjoni iktar diffiċli minn qabel, peress li huma jkunu esposti għad-dumping taż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, sakemm jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni mill-Kunsill. Huma jispeċifikaw li r-rikors tagħhom ma huwiex intiż li jinkiseb l-annullament tal-effetti kollha tar-regolament ikkontestat, iżda iktar sabiex jiġi korrett. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jingħata vantaġġ mhux iġġustifikat liż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi.

145    Skont il-Kunsill, ir-rikorrenti ma wrewx li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE kienu ssodisfatti f’dan il-każ. B’mod partikolari, il-Kunsill jirrileva li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi inkwistjoni kollha, b’mod partikolari dawk tal-importaturi li jkollhom iħallsu dazji antidumping illegali sakemm l-istituzzjonijiet ma jkunux aġixxew. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ motivi importanti ta’ ċertezza legali intiżi għaż-żamma fis-seħħ tal-effetti tar-regolament ikkontestat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

146    Fid-dawl tal-annullament deċiż permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), ma huwiex possibbli li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda Changmao Biochemical Engineering. Madankollu, din it-talba tista’ tintlaqa’ f’dak li jirrigwarda Ninghai Organic Chemical Factory.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikors ma huwiex intiż għat-tħassir tad-dazju antidumping li jirriżulta mir-regolament ikkontestat, iżda għas-sostituzzjoni tiegħu permezz ta’ miżura ta’ portata iktar stretta li tinkludi dazju antidumping iktar għoli b’applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu differenti. Barra minn hekk, peress li l-konsegwenzi tas-sempliċi annullament tar-regolament ikkontestat jistgħu jkollhom bħala effett li jippreġudikaw l-interess ġenerali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ antidumping, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ tali miżuri u kuntrarjament għall-oġġezzjonijiet tal-Kunsill, id-dazju antidumping li jirriżulta mir-regolament ikkontestat għandu jinżamm fis-seħħ sakemm l-istituzzjonijiet ikunu ħadu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 32).

148    Barra minn hekk, hemm lok li jsir riferiment għall-punti 101 sa 113 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda l-interess ġuridiku tar-rikorrenti minkejja l-annullament tar-regolament ikkontestat.

149    Għaldaqstant, it-talba għaż-żamma fis-seħħ tal-effetti tar-regolament ikkontestat għandha tintlaqa’ sa fejn ma kienx ġie annullat permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372).

 Fuq l-ispejjeż

150    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

151    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

152    Skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, għandu jiġi deċiż li Changmao Biochemical Engineering għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 tas26 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kunsill] (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat.

2)      Id-dazju antidumping impost permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 626/2012 għandu jinżamm f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory sakemm il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jkunu ħadu l-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din is-sentenza.

3)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie Srl u Comercial Química Sarasa, SL.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

5)      Changmao Biochemical Engineering għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Collins

Kancheva

Bieliūnas

Barents

 

      Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Mejju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.