Language of document : ECLI:EU:T:2009:485

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

9 ta’ Diċembru 2009

Kawża T‑377/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Gerhard Birkhoff

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall‑mard – Rimbors tal-ispejjeż mediċi – Annullament fl-ewwel istanza tad‑deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ispejjeż għall-akkwist ta’ siġġu bir-roti – Żnaturament ta’ prova”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-8 ta’ Lulju 2008, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni (F‑76/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-8 ta’ Lulju 2008, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni (F‑76/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata. Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Ħlas, tat-8 ta’ Novembru 2006, hija annullata. Gerhard Birkhoff u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri. Il‑Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż kollha relatati mal‑proċeduri fl-ewwel istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż ta’ mard – Rimbors – Rifjut – Ilment – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż ta’ mard – Rimbors – Rifjut – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

3.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-uffiċjal

(Leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 35(2))

1.       Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija meqjusa li hija l-istess bħad-deċiżjoni li sar l-ilment kontriha.

Għalhekk, meta l-Uffiċċju tal-Ħlas, fuq opinjoni negattiva tat-tabib konsulent, jirrifjuta li jkopri ċerti spejjeż mediċi skont l-Artikolu 20 tal-leġiżlazzjoni komuni u meta l-persuna kkonċernata tressaq ilment dwar in-natura eċċessivament ġenerali jew qasira tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rifjut, l-amministrazzjoni tista’, sabiex twieġeb għal dan l-ilment, tipprovdi motivi iktar espliċiti matul il-proċedura prekontenzjuża. Tali motivi speċifiċi rigward il-każ individwali, ikkomunikati qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, huma meqjusa l-istess bħad-deċiżjoni ta’ rifjut u għandhom jitqiesu, għalhekk, bħala elementi ta’ informazzjoni rilevanti għall‑eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 55 u 56)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 9 ta’ Diċembru 1993, Il‑Parlament vs Volger, C‑115/92 P, Ġabra p. I‑6549, punt 22; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punti 47 sa 49;

Il‑Qorti Ġenerali 22 ta’ Marzu 1995, Kotzonis vs CES, T‑586/93, Ġabra p. II‑665, punt 105; Il‑Qorti Ġenerali 11 ta’ Marzu 1999, Gaspari vs Il‑Parlament, T‑66/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑287, punti 30 sa 33; Il‑Qorti Ġenerali 11 ta’ Mejju 2000, Pipeaux vs Il‑Parlament, T‑34/99, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑337, punti 18 u 19; Il‑Qorti Ġenerali 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 107

2.       L-istħarriġ tal-qorti ma huwiex estiż għall-evalwazzjonijiet mediċi fis-sens strett tal-kelma, liema evalwazzjonijiet għandhom jitqiesu li huma finali meta jkunu saru taħt kundizzjonijiet regolari.

Opinjonijiet ta’ tabib konsulent u ta’ kumitat mediku, fir-rigward ta’ kwistjoni waħda, ta’ natura purament teknika, jiġifieri jekk siġġu bir-roti difettuż, fid-dawl tal-materjal użat fil-produzzjoni tiegħu u tal-kawża li wasslet sabiex id-dahar tiegħu jinkiser, setax raġonevolment jissewwa jew jekk kienx ġustifikat, għal raġunijiet ta’ sigurtà, li jiġi ffinanzjat l-akkwist ta’ siġġu bir-roti ġdid, ma jesprimu l-ebda evalwazzjoni medika fis-sens strett tal-kelma. Għaldaqstant, il‑ġurisprudenza fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju limitat tal-opinjonijiet mediċi ma tistax tiġi applikata għal tali każ ipotetiku.

(ara l-punti 68 sa 70)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 2/87, Ġabra p. 143, punt 8;

Il‑Qorti Ġenerali 16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, Ġabra p. II‑249, punt 44; Il‑Qorti Ġenerali 12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑191/01, ĠabraSP p. I‑A‑147 u II‑659, punt 62

3.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju bejn id‑drittijiet u l-obbligi reċiproki li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir‑relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-persunal tas-servizz pubbliku, jimplika b’mod partikolari li, meta hija tiddeċiedi dwar sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l‑Awtorità tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat.

L-Awtorità tal-Ħatra ma tosservax id-dmir tagħha ta’ premura meta hija ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-appellant, uffiċjal irtirat, u titlob ir-rimbors tal‑ispejjeż sabiex jinxtara mill-ġdid siġġu bir-roti biex jissostitwixxi dak difettuż tat-tifla tiegħu, meta l-Awtorità tal-Ħatra la tinjora l-fatt li l-appellant joqgħod fi Stat Membru differenti minn dak tat-tifla tiegħu u lanqas li s-siġġu nxtara fl‑ewwel Stat Membru u ssewwa fit-tieni Stat Membru. Din is-sitwazzjoni tagħmilha partikolarment diffiċli għall-appellant li juri l-kawża li wasslet għad‑difett fis-siġġu u li jistabbilixxi li t-tifla parapleġika tiegħu għandha bżonn ta’ siġġu ġdid sabiex ikollha ħajja privata u professjonali deċenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tadotta rwol iktar attiv fl‑istruttorja tal-kawża billi tipprevedi, b’mod partikolari, applikazzjoni b’mod analogu tal-Artikolu 35(2) tal-leġiżlazzjoni komuni dwar l-assigurazzjoni għar‑riskji għall-mard tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jipprovdi li l‑amministrazzjoni, qabel ma tiddeċiedi dwar ilment, tista’, meta l-kunflitt huwa ta’ natura medika, titlob l-opinjoni ta’ tabib espert, u “l-ispejjeż tal-espert [jiġu] koperti mis-sistema komuni”. Peress li tali kunflitt huwa ta’ natura teknika, l‑imsemmija Awtorità tal-Ħatra għandha titlob, għalhekk, jekk ikunx aħjar, mil-lat finanzjarju, li tingħaqad mal-appellant sabiex tfittex espert tekniku, bl-ispejjeż fuq is-sistema komuni tal-assigurazzjoni għall-mard, jew li tipprevedi r-rimbors tal‑ispejjeż għall-akkwist ta’ siġġu bir-roti ġdid, eventwalment limitat għal ċertu ammont massimu.

(ara l-punti 87 sa 89)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 22; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38;

Il‑Qorti Ġenerali 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑189 u II‑A‑2‑969, punt 88