Language of document : ECLI:EU:T:2009:321

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

9 ta’ Settembru 2009

Kawża T-375/08 P

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri li ġġedded il-mandat tas-Segretarju Ġenerali tagħha – Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni lill-appellant fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004 – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tas-26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-108/07, Ġabra p. I-A-1-221, II-A-1-1205), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Bart Nijs għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura – Rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Identità tal-kontenut normattiv ta’ artikolu tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ artikolu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Applikabbiltà tal-imsemmi artikolu tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal kawża ppreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tiegħu

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

2.      Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Smigħ tal-Avukat Ġenerali – Formalità ineżistenti fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

3.      Proċedura – Rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Possibbiltà ta’ skambju ieħor ta’ noti – Setgħa diskrezzjonali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 7(3))

4.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

5.      Appell – Dikjarazzjoni fir-rikors tal-aggravji u argumenti ta’ dritt – Motiv mhux suffiċjentement preċiż – Riferiment għall-annessi kollha – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 138(1)(ċ))

6.      Appell – Aggravji – Aggravju kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-ispejjeż – Inammissibbiltà fil-każ ta’ ċaħda tal-aggravji l-oħra kollha

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(2))

1.      Fil-każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li jsegwi r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, ikun applika simultanjament l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal kawża ppreżentata qabel id‑dħul fis-seħħ ta’ dawn tal-aħħar, ir-rikorrent ma jistax validament isostni li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jkun jaf, fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu, ir-regoli li abbażi tagħhom ġie miċħud ir-rikors tagħha. Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni għall-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-kontenut normattiv tal-imsemmija Artikoli 111 u 76 huwa strettament identiku. Issa, peress li t-test tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġie ppubblikat fit-30 ta’ Mejju 1991 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in‑nuqqas ta’ għarfien ma jistax iservi ta’ ġustifikazzjoni.

(ara l-punti 21, 23, 24 u 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta' Lulju 1989, Binder, 161/88, Ġabra, p. I‑2415, punt 19

2.      Peress li l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza għall-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar, neċessarjament timplika kunsiderazzjoni tal-organizzazzjoni interna tal-imsemmi Tribunal, ma jista’ jiġi impost l-ebda intervent minn Avukat Ġenerali permezz ta’ tali dispożizzjoni fil-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, la t-Trattat KE, la d-Deċiżjoni 2004/752 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, u lanqas l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa assistit minn Avukati Ġenerali. Barra minn dan, ma huwa previst lanqas li, f’kawżi partikolari, membru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jinħatar minnu sabiex jeżerċita l‑funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑222/07 P, Ġabra p. I-B-1-37, II-B-1-267, punti 49 u 50

3.      Mill-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex obbligat jitlob lill-partijiet jipproċedu għal skambju ieħor ta’ noti. Id-deċiżjoni li jintalab tali skambju tirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali ta’ dan it-Tribunal, li huwa jeżerċita skont il-bżonn li jkollu għall-informazzjoni. Konsegwentement, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fir-rikorrent fir-rigward tal-possibbiltà li jippreżenta nota oħra wara r-rikors.

(ara l-punt 27)

4.      Rikors jissodisfa biss ir-rekwiżiti stabbiliti permezz tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jekk is-suġġett tal-kawża u l‑espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati jkunu suffiċjentement ċari u preċiżi tant li jippermettu lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors, liema żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi. Għaldaqstant, jekk ir-rikors ma jippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza tifhem l-argumenti ppreżentati u għalhekk tevalwa l-fondatezza tagħhom, l-allegazzjoni li r-rikors jista’ jinftiehem mill-parti l-oħra minħabba li din għandha konoxxenza tal-fatti hija rrilevanti.

(ara l-punti 35 sa 37)

5.      Fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ma ttrattax motiv ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk ir-rikorrent ma jispjegax f’termini ċari u preċiżi fiex jikkonsisti l-allegat żball. F’dan ir-rigward, riferiment globali għal dokumenti oħra, minbarra r-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni fid-dritt mitluba minn din id‑dispożizzjoni. Barra minn dan, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u li tidentifika, fl-annessi, l-aggravji u l-argumenti li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu l-fundament tal-appell, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament ta’ prova u instrumentali.

(ara l-punti 41 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta' Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49; 14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Mill-Artikolu 11(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax isir appell fuq il-kap tal-ispejjeż biss, dwar min ibatihom u l-ammonti tagħhom. Jirriżulta li, fil-każ li l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell kontra deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar min għandu jbati l-ispejjeż għandhom ikunu ddikjarati bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 71, 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, Ġabra p. I‑4071, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata