Language of document : ECLI:EU:T:2005:333

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

21 ta' Settembru 2005 (*)

"Kompetizzjoni – Konċentrazzjoni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Deċiżjoni li tiddikjara Konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni – Suq Portugiż ta' l-enerġija elettrika u tal-gass – Ksib ta' GDP minn EDP u minn Eni – Direttiva 2003/55/KE – Liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass – Impenji"

Fil-kawża T-87/05

EDP – Energias de Portugal, SA, stabbilita f'Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn C. Botelho Moniz, R. García-Gallardo, A. Weitbrecht u J. Ruiz Calzado, Avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u M. Schneider, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Gas Natural SDG, SA, stabbilita f'Barċellona (Spanja), irrappreżentata minn J. Perez-Bustamante Köster u P. Suárez Fernández, Avukati,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4715 finali, tad-9 ta' Diċembru 2004, li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni li permezz tagħha EDP – Energias de Portugal, SA u Eni Portugal Investment, SpA biħsiebhhom jakkwistaw il-kontroll konġunt ta' Gás de Portugal SGPS, SA (kawża COMP/M.3440 – EDP/ENI/GDP),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President ta' l-Awla, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1), kif rettifikat (ĠU L 257, 1990, p. 13), u kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 180, p.1) (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 4064/89"), jipprovdi:

"Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi ddikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni."

2        L-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, ta' l-1 ta' Marzu 1998, dwar in-notifiki, perijodi ta' żmien u smigħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament Nru 4064/89 (ĠU L 61, p. 1), jipprovdi:

"Wegħdiet [Impenji] proposti lill-Kummissjoni mill-impriżi kkonċernati skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 li huma maħsuba mill-partijiet sabiex jiffurmaw l-bażi għal deċiżjoni skond dak l-Artikolu għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn tliet xhur mid-data li fiha bdew il-proċeduri. Il-Kummissjoni tista' f'każijiet eċċezzjonali testendi dan il-perijodu."

3        Il-punt 43 ta' l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 447/98 (ĠU 2001, C 68, p. 3, iktar ‘il quddiem l–"Avviż dwar ir-Rimedji" ) jipprovdi:

"[…] Fejn sussegwentament, il-partijiet jimmodifikaw l-impenji proposti, il-Kummissjoni tista’ taċċetta dawn l-impenji modifikati […] fejn hija tista’ tistabbilixxi biċ-ċar - fuq il-bażi ta’ l-istima tagħha ta’ informazzjoni diġà rċevuta matul il-kors ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-riżultati ta’ qabel l-ittestjar tas-suq, u mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe test tas-suq ieħor - li impenji bħal dawn, ladarba implementati, jsolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati u jippermettu ħin biżżejjed għal konsultazzjoni xierqa ta’ Stati Membri."

4        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/55/KE, tas-26 ta' Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, p. 57, iktar 'il quddiem it-"tieni Direttiva Gass") jipprovdi:

"L-Istati Membri għandhom jaċċertaw, abbażi ta’ l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u kont tenut tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, […] , impriżi tal-gass naturali jiġu operati skond il-prinċipji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali kompetittiv, sigur u sostenibbli fl-ambjent, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom."

5        L-Artikolu 1 tat-tieni Direttiva Gass jiddefinixxi suq emerġenti bħala "Stat Membru li fih l-ewwel fornitura kummerċjali ta’ l-ewwel kuntratt tal-fornitura tal-gass naturali tiegħu sar mhux iktar minn 10 snin ilu".

6        L-Artikolu 28(2) u (3) tat-tieni Direttiva Gass jipprovdi:

"2. Stat Membru li jikkwalifika bħala suq emerġenti, li minħabba l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva jesperjenza problemi sostanzjali jista’ jidderoga mill-Artikoli 4, 7, 8(1) u (2), 9, 11, 12(5), 13, 17, 18, 23(1) u/jew 24 ta’ din id-Direttiva. Din id-deroga għandha tiskadi awtomatikament mill-mument meta l-Istat Membru ma jibqax jikkwalifika bħala suq emerġenti. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni

3. Fid-data meta tiskadi d-deroga msemmija fil-paragrafu 2, id-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli għandha tirriżulta fi ftuħ tas-suq ugwali għall-inqas għal 33 % tat-total tal-konsum tal-gass annwali fis-suq nazzjonali tal-gass. Sentejn wara dan, għandu japplika l-Artikolu 23(1)(b), u tliet snin wara, l-Artikolu 23(1)(ċ). Sakemm ikun japplika l-Artikolu 23(1)(b) l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 2 jista’ jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 18 sa fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi anċillari u ħażna temporanja għall-proċess tal-gassifikazzjoni mill-ġdid u l-konsenja sussegwenti tiegħu lis-sistema tat-trażmissjoni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrenti, EDP – Energias de Portugal, SA (iktar 'il quddiem "EDP" jew ir-"rikorrenti"), hija storikament il-kumpannija Portugiża ta' l-enerġija elettrika. L-attivitajiet prinċipali tagħha huma l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall. EDP hija kkwotata fil-Borża Euronext ta' Lisbona (il-Portugall). L-Istat Portugiż huwa l-ikbar azzjonist importanti fiha, u għandu, direttament jew indirettament, 30% mill-ishma, filwaqt li l-bqija ta' l-ishma huwa mqassam fost ħafna. EDP għandha l-kontroll ta' Hydrocantábrico, kumpannija li topera fis-setturi ta' l-enerġija elettrika u tal-gass fi Spanja. EDP għandha ishma f'Turbogás (20 %) u f'Tejo Energia (10 %), kumpanniji li joperaw fil-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall. EDP għandha wkoll 30 % ta' Rede Eléctrica Nacional, SA, li tamministra n-netwerk ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall.

8        Eni SpA hija kumpannija Taljana li topera fuq il-livelli kollha tal-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni ta' enerġija.

9        Gás de Portugal SGPS, SA (iktar 'il quddiem "GDP") hija l-kumpannija storika Portugiża ta' gass. GDP hija kompletament sussidjarja tal-kumpannija Portugiża Galp Energia SGPS, SA (iktar 'il quddiem "Galp"). Fil-preżent, Galp hija kkontrollata mill-Istat Portugiż u minn Eni u għandha interessi kemm fis-settur tal-petrol kif ukoll fis-settur tal-gass. GDP u l-kumpanniji sussidjarji tagħha jkopru l-livelli kollha tal-katina ta' provvista tal-gass fil-Portugall. GDP, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Transgàs, timporta gass naturali permezz ta' pipeline tal-gass u permezz tat-terminal LNG ("Liquefied Natural Gas", gass naturali fi-stat likwidu) ta' Sinès u hija responsabbli għat-trasport, għall-ħażna, għad-distribuzzjoni u għall-provvista permezz ta' pipelines ta' gass li jifilħu pressjoni għolja (iktar 'il quddiem "netwerk ta' gass"). GDP topera wkoll fil-provvista ta' gass naturali lill-klijenti industrijali kbar u fl-iżvilupp u l-amministrazzjoni futura ta' l-ewwel sit ta' ħażna taħt l-art ta' gass naturali. GDP, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha GDP Distribuição Energia, SA, tikkontrolla wkoll ħamsa mis-sitt kumpanniji lokali ta' distribuzzjoni ta' gass.

10      Rede Eléctrica Nacional SA (iktar 'il qudiem "REN") hija kumpannija Portugiża li rriżultat mill-privatizazzjoni ("spin-off"), fl-1994, tan-netwerk ta' l-enerġija elettrika Portugiż li qabel kien proprjetà ta' EDP. Fil-preżent, REN tmexxi n-netwerk ta' l-enerġija elettrika u taġixxi bħala "xerrej waħdieni", fis-sens tad-direttivi Komunitarji, peress li tixtri l-enerġija elettrika mingħand il-produtturi u terġa tbigħha lid-distributuri/fornituri għall-provvista lill-klijenti "mhux eliġibbli", jiġifieri lill-klijenti li ma jistgħux jagħżlu l-fornituri tagħhom. L-Istat Portugiż jikkontrolla direttament jew indirettament 70 % tar-REN.

11      Fl-2003, il-Gvern Portugiż stabbilixxa l-politika tiegħu ta' ristrutturar tas-settur ta' l-enerġija fil-Portugall, fid-dawl tal-liberalizzazzjoni sħiħa fil-futur qarib ta' dan is-settur, li kienet rikjesta mid-direttivi Komunitarji rilevanti. Kif oriġinalment prevista mill-Gvern portugiż, dan ir-ristrutturar kellu jikkonsisti fl-istadji segwenti:

–        is-separazzjoni fi tliet partijiet ta' l-attivitajiet ta' GALP li jirrigwardaw il-gass u ż-żejt: (a) it-trasport tal-gass (Transgàs), (b) id-distribuzzjoni u l-provvista ta' gass (GDP) u (c) ir-raffinar u d-distribuzzjoni tal-prodotti taż-żejt (Petrogal);

–        il-promozzjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-attivitajiet li jirrigwardaw il-gass u l-enerġija elettrika fi ħdan l-istess grupp ekonomiku;

–        l-akkwist ta' l-attivitajiet ta' trasport ta' gass (b'mod partikolari n-netwerk ta' gass u, potenzjalment, ta' elementi oħra li huma s-suġġett ta' regolamentazzjoni) minn REN.

12      Skond ftehim ta' xiri ta' ishma tal-31 ta' Marzu 2004, EDP, Eni (permezz tal-kumpannija kompletament sussidjarja tagħha Eni Portugal Investment, SpA) u REN kellhom, b'mod konġunt, jixtru l-kapital sħiħ ta' GDP mingħand Galp. Fl-istess jum ġie konkluż ftehim ieħor li jikkonċerna l-parteċipazzjoni temporanja ta' REN f'GDP u l-bejgħ futur tan-netwerk ta' gass mingħand REN bi bdil ma' l-ishma tagħha f'GDP. Il-konklużjoni tat-tranżazzjoni kollha kemm hi kienet suġġetta għall-awtorizzazzjoni, tat-tranżazzjoni sħiħa, mill-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni.

13      Fid-9 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni rċeviet notifika tat-tranżazzjoni sħiħa, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89. Peress li kkunsidrat li t-tranżazzjoni kienet twassal għal żewġ operazzjonijiet distinti, waħda li kienet intiża għall-kontroll esklużiv tan-netwerk ta' gass minn REN u l-oħra intiża għall-akkwist tal-kontroll konġunt ta' GDP minn EDP u Eni (iktar 'il quddiem il-"Partijiet") permezz ta' xiri ta' ishma, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-aħħar operazzjoni (iktar 'il quddiem il-"Konċentrazzjoni") kellha dimensjoni Komunitarja (ĠU C 185, p. 3).

14      Fl-istess data, l-awtorità Portugiża tal-kompetizzjoni ġiet innotifikata bl-akkwist minn REN tal-kontroll esklużiv tan-netwerk ta' gass.

15      Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Konċentrazzjoni kienet toħloq dubbji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Għalhekk, fit-12 ta' Awwissu 2004, b'mod konformi ma' l-Artikolu 6(1)(ċ ) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni bdiet proċedura fir-rigward ta' din il-Konċentrazzjoni.

16      Fit-12 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-Partijiet nota ta' lmenti fejn ikkonkludiet, fuq bażi provviżorja, li l-Konċentrazzjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

17      Fis-27 ta' Ottubru 2004 l-Partijiet wieġbu għan-nota ta' lmenti.

18      Fit-28 ta' Ottubru 2004, il-Partijiet offrew impenji intiżi sabiex jiġu solvuti l-problemi ta' kompetizzjoni li l-Kummissjoni identifikat fin-nota ta' lmenti.

19      Fid-29 ta' Ottubru u fl-4 ta' Novembru 2004, il-Kummissjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89, bagħtet kwestjonarju lill-kompetituri potenzjali ta' l-entità magħquda, lill-awtoritajiet regolatorji Spanjoli u Portugiżi u lill-operatur tan-netwerk tal-gass Spanjol (iktar 'il quddiem il-"prova tas-suq").

20      Fis-17 ta' Novembru 2004, il-Partijiet ippreżentaw emendi fl-impenji preċedenti tagħhom.

21      Fis-26 ta' Novembru 2004, il-Partijiet ippreżentaw emendi ġodda fl-impenji tagħhom li jikkonċernaw is-settur ta' l-enerġija elettrika u ħabbru emendi ġodda fl-impenji tagħhom li jikkonċernaw is-settur tal-gass. Fil-lejla tat-3 ta' Diċembru 2004, huma bagħtu lill-Kummissjoni l-verżjoni definittiva ta' l-emendi li jirrigwardaw is-settur tal-gass.

22      Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Diċembru 2004 [kawża COMP/M3440 – EDP/ENI/GDP C (2004) 4715 finali] (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ddikjarat il-Konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

23      Għall-finijiet ta' din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata tista' tiġi mqassra kif ġej.

24      L-ewwel nett, il-Kummissjoni identifikat bħala swieq li jistgħu jiġu affettwati mill-Konċentrazzjoni t-tmien swieq li ġejjin:

–        għall-enerġija elettrika:

–        is-suq tal-provvista bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall;

–        is-suq tal-provvista bl-imnut ta' l-enerġija elettrika lill-klijenti industrijali kbar fil-Portugall;

–        is-suq tal-provvista bl-imnut ta' l-enerġija elettrika lill-klijenti kummerċjali, domestiċi u industrijali żgħar fil-Portugall;

–        is-suq ta' l-aġġustament ta' l-offerta u tad-domanda ta' l-enerġija elettrika ("balancing power", iktar 'il quddiem l-"aġġustament") u tas-servizzi awżiljarji fil-Portugall;

–        għall-gass:

–        is-suq tal-provvista ta' gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika li joperaw power stations li jaħdmu bil-gass ("Combined Cycle Gas Turbine ", iktar 'il quddiem "CCGT") fil-Portugall;

–        is-suq tal-provvista ta' gass lill-kumpanniji lokali ta' distribuzzjoni ("Local Distribution Companies", iktar 'il quddiem l-"LDCs") fil-Portugall;

–        is-suq tal-provvista ta' gass lill-klijenti industrijali kbar fil-Portugall;

–        is-suq tal-provvista ta' gass lill-klijenti kummerċjali, domestiċi u industrijali żgħar fil-Portugall.

25      It-tieni nett il-Kummissjoni qieset, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-kompettività, li l-Konċentrazzjoni kienet ser:

–        fis-swieq ta' l-enerġija elettrika:

–        telimina l-kompetizzjoni potenzjali sinjifikattiva ta' GDP fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika (effett orizzontali);

–        telimina l-kompetizzjoni potenzjali sinjifikattiva ta' GDP f'kull suq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika (effett orizzontali);

–        telimina l-kompetizzjoni potenzjali sinjifikattiva ta' GDP fis-suq ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji (effett orizzontali);

–        tagħti lil EDP l-għarfien tal-prezzijiet ta' xiri u tal-bżonnijiet ta' kuljum ta' gass tal-kompetituri attwali tagħha u tiddisswadi jew iddewwem id-dħul fis-suq tal-kompetituri potenzjali li jkunu jixtiequ jamministraw CCGT ġdida (effett mhux orizzontali);

–        tagħti lil EDP aċċess privileġġjat u preferenzjali għar-riżorsi ta' gass naturali disponibbli fil-Portugall (effett mhux orizzontali);

–        tagħti lil EDP il-possibbiltà u l-inċentiv sabiex teskludi b'mod sinjifikattiv il-kompetituri tagħha billi żżid il-livell tal-prezzijiet tal-gass u/jew billi tnaqqas il-kwalità tal-provvista (effett mhux orizzontali);

–        teskludi lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika mill-aċċess għad-domanda fis-suq tal-provvista ta' gass (effett mhux orizzontali);

–        fis-swieq tal-gass:

–        teskludi lill-LDCs mill-aċċess għad-domanda fis-suq tal-provvista tal-gass (effett mhux orizzontali);

–        telimina l-kompetizzjoni potenzjali sinjifikattiva ta' EDP fis-suq tal-provvista tal-gass lill-klijenti l-kbar (effett orizzontali);

–        telimina l-kompetizzjoni potenzjali sinjifikattiva ta' EDP fis-suq tal-provvista tal-gass lill-klijenti żgħar (effett orizzontali).

26      Kif indikat iktar 'il fuq, il-Partijiet ipproponew lill-Kummissjoni diversi impenji, fit-28 ta' Ottubru 2004 (A-P), fis-17 ta' Novembru 2004 (EDP.1 – EDP.5; ENI.II – ENI.XIV), fis-26 ta' Novembru 2004 u fit-3 ta' Diċembru 2004. Dawn l-impenji kienu jkopru l-miżuri korrettivi li ġejjin:

–        bejgħ tat-terminal ta' ri-gassifikazzjoni ta' Sinés lil REN (A/ENI.II);

–        bejgħ ta' l-istallazzjonijiet ta' ħażna taħt l-art ta' Carriço lil REN (B/ENI.III);

–        bejgħ antiċipat tan-netwerk ta gass lil REN (ENI, IV);

–        garanziji ta' aċċess għan-netwerk ta' gass fl-istennija tal-pubblikazzjoni tal-Kodiċi ta' Aċċess għat-terzi jew il-bejgħ tan-netwerk lil REN (C/ENI.V);

–        liberalizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta' gass ta' Campo Maior, punt ta' dħul fil-Portugall tal-pajpijiet tal-gass, attwalment riżervati u mhux użati minn Transgas (D/ENI.VI);

–        impenn li ma jiġux riżervati kapaċitajiet addizzjonali f'Campo Maior (E/ENI.VII);

–        impenn li ma jiġux riżervati kapaċitajiet addizzjonali tal-pipelines ta' gass ta' Extremadura (F/ENI.VIII);

–        impenn li jiġu mqiegħda għad-dispożizzjoni wħud mill-kapaċitajiet tal-pipelines ta' gass ta' Extremadura u/jew ta' Campo Maior taħt ċerti kundizzjonijiet (ENI.IX);

–        emendi għall-ftehim ta' xiri tal-31 ta' Marzu 2004 li jikkonċernaw id-drittijiet ta' GDP imsejħa "mekkaniżmu ta' allinjament fuq l-aħjar offerta" […] (1) (G/ENI.X);

–        miżuri intiżi sabiex jitneħħa t-tħassib ta' possibbiltà ta' aċċess privileġġjat għall-informazzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet (H/ENI.XI);

–        miżuri intiżi sabiex jassiguraw liberalizzazzjoni effettiva tad-domanda tal-klijenti l-kbar (I/ENI.XII);

–        impenn li jinbiegħu waħda jew diversi LDCs ikkontrollati minn waħda mill-Partijiet (J/ENI.XVI);

–        impenn li ma jsirux offerti doppji ta' gass u ta' enerġija elettrika lill-klijenti l-kbar jew żgħar sakemm dawn is-swieq jiġu liberalizzati (K/ENI.XIII);

–        tnaqqis ta' l-ishma li EDP għandha f'REN minn 30 % għal madwar 5 % (L/EDP.1);

–        moratorju fuq il-bini ta' CCGTs ġodda (M/EDP.3);

–        impenn li tiġi mikrija temporanjament il-kapaċità ta' waħda mit-tliet CCGTs ta' EDP li jinsabu f'Ribatejo ("TER") (N/EDP.4);

–        impenn li jinbiegħu l-ishma li EDP għandha fit-Tejo Energia (O/EDP.2);

–        impenn li jiġu sospiżi temporanjament uħud mid-drittijiet ta' vot li EDP għandha fi ħdan it-Turbogàs u li jiġu nominati membri indipendenti fuq il-bord tad-diretturi (P/EDP.5).

27      It-tielet nett, il-Kummissjoni evalwat l-effetti tal-grupp ta' impenji tat-28 ta' Ottubru 2004, u wara, ta' l-effetti tal-grupp ta' impenji emendati tas-17 ta' Novembru 2004 u kkonkludiet li ebda wieħed mill-impenji ma kien isolvi l-problemi ta' kompetizzjoni li hija kienet identifikat. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-grupp ta' impenji emendati li ġew proposti fis-26 ta' Novembru 2004 ma kinux jeliminaw għal kollox u mingħajr ambigwità l-problemi ta' kompetizzjoni, ħlief f'dak li jirrigwarda s-suq tal-provvista ta' gass lill-LDCs, u li l-imsemmija impenji kienu, in parti, sempliċi espressjonijiet ta' intenzjoni. Hija rrifjutat ukoll il-grupp emendat ta' impenji li kien propost fit-3 ta' Diċembru 2004 u li kien intiż sabiex jikkonferma dak tas-26 ta' Novembru 2004 u dan għal żewġ raġunijiet, minn naħa, minħabba li ġie ppreżentat tard wisq, u min-naħa l-oħra, minħabba li huwa kien sempliċement jimplementa l-impenji ppreżentati fis-26 ta' Novembru 2004.

28      Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet imsemmija iktar 'il fuq, ikkunsidrati individwalment jew flimkien, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, minkejja l-impenji proposti mill-Partijiet, il-Konċentrazzjoni kienet issaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP fis-swieq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji kif ukoll f'dak bl-imnut ta' l-enerġija elettrika għall-klijenti kbar u żgħar fil-Portugall kif ukoll il-pożizzjonijiet dominanti ta' GDP fis-swieq tal-provvista ta' gass lill-CCGTs u f'dak tal-provvista ta' gass lill-klijenti kbar u żgħar, bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni tiġi mxekkla konsiderevolment f'parti sostanzjali tas-suq komuni. Għalhekk, il-Konċentrazzjoni ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Frar 2005, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

30      Permezz ta' att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet ukoll li l-kawża tiġi deċiża permezz ta' proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

31      Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikou 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet rikorrenti u l-konvenuta ġew mistiedna jattendu għal laqgħa informali ma' l-imħallef relatur, fis-6 ta' April 2005 sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà li tintlaqa' t-talba għal proċedura mħaffa. Wara din il-laqgħa informali r-rikorrenti impenjat ruħha li tressaq ir-rikors tagħha f'verżjoni abbrevjata, b'mod konformi mar-rekwiżiti ta' l-Istruzzjonijiet Prattiċi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti lill-Partijiet, u l-Kummissjoni talbet estensjoni tat-terminu sabiex tipprepara d-difiża tagħha. Skeda provviżorja tal-proċedura ġiet ipprovduta mill-Imħallef Relatur. Fit-22 ta' April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors f'verżjoni abbrevjata tagħha li, prinċipalment, kien differenti mill-oriġinali minħabba li tħallew barra l-ewwel u t-tieni motivi. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tad-difiża tagħha fl-14 ta' Mejju 2005.

32      Fil-25 ta' Mejju 2005, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li ġiet assenjata din il-kawża, iddeċidiet li, f'dan il-każ, tikkonċedi l-benefiċċju tal-proċedura mħaffa.

33      Permezz ta' digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2005, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, Gas Natural ġiet awtorizzata tintervjeni f'din il-kawża, matul is-seduda, b'mod konformi ma' l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni, u ġiet ukoll milqugħa t-talba ta' kunfidenzjalita magħmula mill-partijiet prinċipali bl-eċċezzjoni ta' l-osservazzjonijiet ta' l-intervenjenti. Din ta' l-aħħar ikkonfermat li ma kinitx toġġezzjona għal din it-talba ta' kunfidenzjalità.

34      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-intervenjenti sabiex tipprovdi, minn qabel, il-pjan dettaljat ta' l-intervent tagħha fis-seduta. Wara talba tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti sabiex jipprovdu r-rapport ta' laqgħa li nżammet bejn dawn ta' l-aħħar f'Madrid fis-27 ta' Awwissu 2004. Huma għamlu dan. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet prinċipali u stiednithom iwieġbu għalihom waqt is-seduta. Ir-rikorrenti pprovdiet tweġiba bil-miktub għad-domandi kollha magħmula lejliet is-seduta (iktar 'il quddiem ir-"risposta għas-seduta"). Din ir-risposta ġiet innotifikata lill-partijiet l-oħra fl-istess jum.

35      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tal-5 ta' Lulju 2005. Id-dokumenti li r-rikorrenti ppreżentat fis-seduta ma ġewx annessi mal-fajl tal-kawża.

36      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob lill-Qori tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

38      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiċħad ir-rikors.

 Fuq il-mertu

39      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li minħabba r-restrizzjonijiet tal-proċedura mħaffa konċessa f'din il-kawża, u, barra minn dan, bil-kunsens tal-partijiet prinċipali, jissemma biss, bħala regola ġenerali, il-mertu ta' l-argumenti tal-parti li titlef fuq il-motiv ikkunsidrat u dan biss safejn huwa meħtieġ. F'dan ir-rigward ġew ikkunsidrati l-argumenti kollha tal-partijiet li jistgħu jaffettwaw l-eżitu tal-kawża, inklużi dawk li ma ġewx inklużi espliċitament fir-rapport tas-seduta, li ġie approvat mill-partijiet bl-eċċezzjoni ta' modifiki żgħar. Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa ristrett għall-motivazzjoni meħtieġa sabiex ikun hemm sostenn sħiħ u komplet tal-parti dispożittiva ta' din id-deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237.98 P, Ġabra p. I‑4549, punt 51).

40      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li r-rikorrenti espliċitament aċċettat li tirrinunzja, bil-kundizzjoni li tiġi konċessa l-proċedura mħaffa, għall-ewwel żewġ motivi tagħha kif ukoll għat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors inizjali, sabiex tikkontribwixxi għall-adozzjoni rapida ta' deċiżjoni ġudizzjarja. Din ir-rinunzja kienet immotivata mill-fatt li, fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata minħabba dawn iż-żewġ motivi proċedurali, ibbażati fuq nuqqas ta' aċċess għall-fajl u fuq nuqqas ta' motivazzjoni, jew minħabba t-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni ma kinitx tkun obbligata, fil-każ ta' l-adozzjoni eventwali ta' deċiżjoni ġdida, li tadotta, a priori, analiżi tal-kompetizzjoni differenti minn dik adottata fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li f'din il-kawża ġiet konċessa l-proċedura mħaffa, il-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu formalment nota tar-rinunzja ta' dawn iż-żewġ motivi u tat-tielet parti tat-tielet motiv.

41      Skond ir-rikors abbrevjat, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-Kummissjoni injorat id-deroga li minnha tibbenefika r-Repubblika Portugiża skond l-Artikolu 28(2) tat-tieni Direttiva Gass. It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li t-tieni kriterju impost minn dan l-Artikolu ġie sodisfatt. It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur formali u/jew proċedurali ta' l-Artikolu 8 (2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89. Ir-raba' nett, ir-rikkorrenti tinvoka li l-Kummissjoni għamlet żbalji ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-impenji ppreżentati skond l-Artikolu 8 (2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89.

42      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ċerti motivi ta' natura ġenerali, jiġifieri li mhumiex speċifikatament marbuta ma xi wieħed mis-swieq in kwistjoni, jistgħu jwasslu, minnhom infushom, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati dawn il-motivi ta' natura ġenerali, jiġifieri t-tieni u t-tielet motivi, u mbagħad l-ewwel motiv li jirrigwarda, prinċipalment, is-swieq tal-gass u, fl-aħħar nett, ir-raba' motiv.

43      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni esprimiet dubji fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet ipprovdiet r-risposta tagħha għas-seduta bil-miktub. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li, mit-23 domanda li saru lill-partijiet prinċipali, il-Qorti tal-Prim'Istanza talbet lir-rikorrenti tirrispondi bil-miktub biss għal tnejn minnhom. Madankollu, din ta' l-aħħar ipprovdiet ir-risposti kollha tagħha bil-miktub lejliet is-seduta u limitat ruħha, waqt is-seduta, li tirreferi għal dan id-dokument bil-miktub. Safejn il-Kummissjoni biħsiebha ssostni ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jiġi enfasizzat li dan id-dokument bil-miktub intbagħtilha tard wara nofsinhar lejliet is-seduta u li kien materjalment possibbli għaliha li tikkummenta fuq dan id-dokument bil-miktub waqt is-seduta. Minkejja li huwa mingħajr dubju qasir, il-perijodu mogħti lill-Kummissjoni jibqa, madankollu, fil-limiti ta' l-aċċettabbli fil-kuntest tal-proċedura mħaffa f'din il-kawża, proċedura li matulha ġew imposti termini ferm qosra fuq il-partijiet kollha kif ukoll fuq il-Qorti tal-Prim'Istanza. Barra minn dan, il-possibbiltà li l-Kummissjoni ngħatat li tkun taf il-partijiet essenzjali tar-risposti tar-rikorrenti lejliet is-seduta minflok fil-ġurnata stess tas-seduta ggarantixxa żvolġiment aħjar tal-proċedura ta' kontestazzjoni.

I –  Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89

44      Permezz ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tallega, l-ewwel nett, li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jinkludi żewġ kriterji distinti u, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma kkonstatatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tieni kriterju ġie sodisfatt.

45      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 fil-fatt jimponi żewġ kriterji kumulattivi li jirrigwardaw, l-ewwel wieħed, il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti u, it-tieni wieħed, il-fatt li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' tali pożizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-2/93, Ġabra p. II-323, punt 79; tas-27 ta' Novembru 1997, Kayserberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94, Ġabra p. II-2137, punt 156, u tal 25 ta' Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T-5/02, Ġabra p. II-4381, punt 146).

46      Madankollu, f'ċerti każijiet, il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti jista', minnu nnifsu, ikollu bħala konsegwenza tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni.

47      B'hekk il-fatt li impriża f'pożizzjoni dominanti ssaħħaħ din il-pożizzjoni, billi takkwista kompetitur, b'tali mod li l-livell ta' dominazzjoni hekk miksub jostakola b'mod konsiderevoli l-kompetizzjoni jista' jikkostitwixxi abbuż ta' pożizzjoni dominanti (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-21 ta' Frar 1973, Europemballage et Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 26). Ir-rilevanza ta' din il-ġurisprudenza hija msaħħa mil-fatt li s-sitwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat f'dik il-kawża, fi żmien meta r-Reġolament Nru 4064/89 kien għadu ma jeżistix, tixbah ħafna lis-sitwazzjoni li tista' tirriżulta minn operazzjoni ta' konċentrazzjoni fis-sens ta' l-imsemmi Regolament.

48      Bl-istess mod, f'dak li jirrigwarda konċentrazzjonijiet, pożizzjoni dominanti hija kkaratterizzata minn sitwazzjoni ta' saħħa ekonomika miżmuma minn impriża waħda jew diversi impriżi li tagħtihom is-setgħa li jostakolaw iż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi tagħtihom il-possibbiltà li jaġixxu, b'mod konsiderevoli, indipendentement mill-kompetituri, mill-klijenti u fl-aħħar nett mill-konsumaturi tagħhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 200).

49      Minn dan jirriżulta li l-prova tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, fis-sens ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, f'ċerti każi tista' tikkorrispondi għall-prova ta' tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li, mil-lat ġuridiku, it-tieni kriterju huwa l-istess bħall-ewwel kriterju, iżda biss li mill-istess analiżi fattwali ta' suq speċifiku jista' jirriżulta li ż-żewġ kriterji huma sodisfatti.

50      Minn dan isegwi li, safejn jirriżulta, mill-premessi ta' deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni mas-suq komuni, inklużi dawk formalment iddedikati għall-analiżi tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, li din l-operazzjoni għandha tipproduċi effetti anti-kompetittivi sinjifikanti, m'hemmx lok li din id-deċiżjoni titqies bħala vvizzjata b'irregolarità biss minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma rabtitx, espliċitament u speċifikatament, id-deskrizzjoni tagħha ta' dawn l-elementi u t-tieni kriterju impost mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, kemm jekk fir-rigward ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, previst fl-Artikolu 253 KE, kif ukoll jekk fuq il-mertu. Fil-fatt, l-adozzjoni ta' approċċ kuntrarju jkun ifisser l-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni ta' obbligu purament formali li jġiegħelha tinvoka darbtejn ċerti kunsiderazzjonijiet identiċi, l-ewwel darba fl-analiżi tagħha tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti f'suq speċifiku u, it-tieni darba, f'dak li jirrigwarda x-xkiel sinjifikattiv tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

51      F'din il-kawża, preliminarjament għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni. Jekk mid-deċiżjoni kkontestata kellu jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk it-tieni kriterju impost mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 kienx sodisfatt jew inkella li ma ppruvatx li dan kien sodisfatt, għandu jiġi konkluż li hija ma kkonformatx ruħha ma din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward ifisser biss in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta' l-eżami ta' dan it-tieni kriterju u mhux li tali eżami fil-fatt sar iżda ma ssemmiex fid-deċiżjoni.

52      F'dak li jirrigwarda l-ilment prinċipali tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qagħdet attenta li tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li għal kull wieħed mis-swieq ikkonċernati ġew sodisfatti ż-żewġ kriterji imposti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament nru 4064/89. B'hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ssaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti li EDP u GDP diġà kellhom bil-konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla serjament fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika (premessi 364, 379, 410, 428 u 429), fis-suq ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji (premessa 432), fis-suq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika (premessa 473), fis-suq tal-provvista tal-gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika (premessa 528), lil-LDCs (premessa 538) lill-klijenti l-kbar (premessa 550), lill-klijenti ż-żgħar (premessa 602) u b'mod ġenerali (premessa 609), anke wara li eżaminat l-impenji kollha proposti (premessa 914).

53      Ċertament għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, eżaminat flimkien u mingħajr distinzjoni l-elementi li wassluha sabiex tikkonkludi li kien hemm tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti li EDP u GDP diġà kellhom u l-elementi li wassluha sabiex tikkonkludi li l-Konċentrazzjoni kien ser ikollha, barra minn dan, l-effett li tfixkel kompetizzjoni effettiva b'mod konsiderevoli.

54      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-elementi li juru t-tisħiħ sinjifikattiv tal-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP u ta' GDP u l-elementi li juru li minħabba l-Konċentrazzjoni kellu jkun hemm tfixkil konsiderevoli tal-kompetizzjoni huma ta' spiss l-istess, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma ddedikatx sezzjonijiet speċifiċi għall-analiżi tat-tfixkil konsiderevoli tal-kompetizzjoni ma jwassalx għall-konklużjoni li l-Kummissjoni injorat it-tieni kriterju ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. B'hekk, f'dan il-każ, il-biċċa l-kbira, jew saħansitra l-kunsiderazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni li jwassluha sabiex tikkonkludi li kien hemm tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti li kienu diġà jeżistu huma bbażati fuq restrizzjoni effettiva tal-kompetizzjoni li hija tali li din ta' l-aħħar tista' teżisti fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni u, għaldaqstant, kienu intiżi wkoll sabiex jippruvaw li t-tieni kriterju impost mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ġie sodisfatt. B'mod partikolari, safejn il-Konċentrazzjoni ma twassalx, jew twassal biss indirettament, għal żieda fl-ishma tas-suq tal-Partijiet f'wieħed mis-swieq in kwistjoni, skond il-Kummissjoni l-effetti anti-kompetittivi tal-Konċentrazzjoni jirriżultaw prinċipalment, jew saħansitra essenzjalment, mit-tfixkil effettiv tal-kompetizzjoni f'kull wieħed mis-swieq in kwistjoni. Per eżempju, il-prova tat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP u ta' GDP minħabba l-għajbien ta' kompetitur potenzjali importanti jew sinjifikattiv fil-biċċa l-kbira tas-swieq ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-prova ta' tfixkil serju tal-kompetizzjoni, li skond il-Kummissjoni kien effettiv, minħabba l-Konċentrazzjoni (ara, per eżempju, f'dak li jirrigwarda l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, premessi 335 sa 364, fis-swieq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika, premessi 450 sa 473, jew, f'dak li jirrigwarda l-għajbien ta' EDP bħala kompetitur potenzjali l-iktar sinjifikattiv fis-suq bl-imnut tal-gass, premessi 559 sa 599).

55      Minn dan jirriżulta wkoll li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkunsidratx jekk it-tieni kriterju impost mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament 4064/89 huwiex sodisfatt bħala konsegwenza awtomatika ta' l-ewwel kriterju, iżda, bil-kontra ta' dan, ibbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li t-tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni kien isaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP u ta' GDP.

56      Konsegwentement, lanqas l-analiżi ta' l-impenji li l-Kummissjoni għamlet billi bbażat ruħha fuq dan ir-raġunament ma hija affettwata mill-vizzju allegat mir-rikorrenti. B'hekk, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji ma kinux biżżejjed sabiex isolvu l-problemi ta' kompetizzjoni li ġew identifikati preċedentement, hija kkunsidrat li t-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP u ta' GDP għadu jeżisti minħabba l-fatt li kien għad hemm tfixkil serju tal-kompetizzjoni (ara, per eżempju, f'dak li jirrigwarda l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, premessi 650 sa 675, fis-swieq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika, premessi 708 sa 714, jew, f'dak li jirrigwarda l-għajbien ta' EDP bħala kompetitur potenzjali l-iktar sinjifikattiv fis-suq bl-imnut tal-gass, premessi 735 sa 738).

57      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-ilment tar-rikorrenti mhuwiex iktar minn kritika ġenerali. B'mod partikolari, fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ma tallegax, u lanqas ma tipprova li, f'wieħed mis-swieq ikkonċernati, il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni ressqet dwar il-kompetizzjoni mhumiex adattati sabiex jippruvaw l-eżistenza materjali ta' xkiel serju għal kompetizzjoni effettiva.

58      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kummisjoni ma injoratx it-tieni kriterju impost mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

II –  Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89

59      Sabiex issostni l-motiv tagħha rigward l-impenji, ir-rikorrenti tinvoka erba' partijiet li jirrigwardaw, l-ewwel nett, ksur ta' l-oneru tal-prova, it-tieni nett, in-nuqqas ta' osservanza tan-natura globali ta' l-impenji, it-tielet nett, abbuż ta' poter u, ir-raba' nett, l-eżaġerazzjoni tad-diffikultajiet ta' verifika tal-konformità ma' ċerti impenji ta' aġir.

A –  Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, li jirrigwarda l-oneru tal-prova

60      Skond ir-rikorrenti, minn naħa, il-Kummissjoni żbaljatament ibbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li huma l-Partijiet li kellhom jippruvaw li l-impenji tagħhom kellhom jeliminaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni applikat standard ta' verifika żbaljat kif stabbilit fil-punt 6 ta' l-Avviż dwar ir-Rimedji.

61      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni "għandha" tiddikjara bħala kompatibbli operazzjoni ta' konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li jkollha bħala konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla b'mod serju fis-suq komuni. Minn dan jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li operazzjoni ta' konċentrazzjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

62      Imbagħad, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiddikjara l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni meta tikkonstata li operazzjoni ta' konċentrazzjoni nnotifikata, "wara xi tibdil mill-impriżi kkonċernati jekk meħtieġ", tkun tissodisfa l-kriterju definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89. Minn dan jirriżulta li, f'dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova, operazzjoni ta' konċentrazzjoni modifikata permezz ta' impenji għandha tkun suġġetta għall-istess kriterji bħall dawk imposti fuq operazzjoni mhux modifikata.

63      Għaldaqstant, minn naħa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina operazzjoni ta' konċentrazzjoni kif tkun ġiet modifikata mill-impenji li jkunu ġew proposti b'mod validu mill-Partijiet li jieħdu sehem fl-operazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, ARD vs Il-Kummissjoni, T-158/00, Ġabra p. II-3825, punt 280) u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista' tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq komuni biss jekk dawn l-impenji ma jkunux suffiċjenti sabiex ifixklu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti li jkollha bħala konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tiġi imfixkla b'mod serju. F'dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi mfakkar li, f'dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-oneru tal-prova li l-Kummissjoni għandha ma jippreġudikax is-setgħat wiesgħa ta' evalwazzjoni li hija għandha f'dan il-qasam (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' April 2003, Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, T-342/00, p. II-1161, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Lava, C-12/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

64      Barra minn hekk, il-fatt li l-punt 6 ta' l-Avviż dwar ir-Rimedji jindika li "[h]ija r-responsabbiltà tal-Partijiet li juru li [l-impenji] proposti, […] jeliminaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominati bħal dik identifikata mill-Kummissjoni" ma jistax ibiddel din il-pożizzjoni ġuridika. Anki jekk jiġi meqjus li b'dan il-mod il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li trendi l-Partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni nnotifikata responsabbli li jippruvaw l-effikaċja ta' l-impenji proposti, obbligu li huwa konformi ma' l-interessi tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li, fejn ikun hemm dubju, hija għandha tipprojbixxi din l-operazzjoni. Anzi, bil-kontra ta' dan, il-Kummissjoni għandha, finalment, tipprova li din l-operazzjoni, jekk ikun il-każ kif modifikata minn impenji, għandha tiġi ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni minħabba li din tkun għadha twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti li tfixkel serjament kompetizzjoni effettiva.

65      Minn dan jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-impenji validament ippreżentati mill-Partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni ta' konċentrazzjoni ma jagħmlux din l-operazzjoni, kif modifikata minn dawn l-impenji, kompatibbli mas-suq komuni.

66      Il-Kummissjoni tallega li f'dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn l-impenji ppreżentati qabel u dawk ippreżentati wara t-terminu previst mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 447/98 għas-sottomissjoni ta' impenji. F'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li l-Partijiet ippreżentaw modifiki għall-ewwel serje ta' impenji tagħhom kemm qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu, fis-17 ta' Novembru 2004, kif ukoll wara, fis-26 ta' Novembru 2004, u saħansitra fit-3 ta' Diċembru 2004. Issa, il-punt 43 ta' l-Avviż dwar ir-Rimedji, moqri fid-dawl tal-punti 41 u 42 tiegħu, ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn jekk il-modifika ta' dawn l-impenji tiġix ippreżentata qabel jew wara t-terminu ta' skadenza. Madankollu, dan il-punt 43 jipprovdi li l-impenji modifikati għandhom, b'mod partikolari, jippermettu lill-Kummissjoni li tistabbilixxi b'mod ċar, mingħajr il-bżonn ta' stħarriġ addizzjonali u billi jkollha żmien biżżejjed sabiex tikkonsulta l-Istati Membri, li, ladarba implementati, tali impenji għandhom jeliminaw il-problemi ta' kompetizzjoni kkonstatati.

67      F'dan ir-rigward, minn naħa, il-kliem tal-punt 43 ta' l-Avviż fuq ir-Rimedji ma jipprovdix li huma l-Partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni ta' konċentrazzjoni li għandhom jippruvaw li l-impenji modifikati tagħhom jeliminaw b'mod ċar il-problemi ta' kompetizzjoni kkonstatati. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni obbligat ruħha li taċċetta, taħt ċerti kundizzjonijiet, impenji modifikati, madankollu hija m'għandhiex is-setgħa li timmodifika l-oneru tal-prova stabbilit mir-Regolament Nru 4064/89 f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta' deċiżjoni finali, skond l-Artikolu 8(2) u (3) ta' dan ir-Regolament, minħabba li l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji imposti mill-Artikolu 2 (2) u (3) ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, skond il-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti mill-punt 43 ta' l-Avviż dwar ir-Rimedji, hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tipprova li l-impenji modifikati mhumiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu b'mod ċar, mingħajr bżonn ta' stħarriġ addizzjonali jew fin-nuqqas ta' żmien biżżejjed sabiex jiġu kkonsultati l-Istati Membri, li huma jeliminaw il-problemi ta' kompetizzjoni kkonstatati.

68      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skond il-loġika tal-proċedura amministrattiva f'dak li jirrigwarda konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tidentifika, fuq bażi provviżorja, il-problemi ta' kompetizzjoni li, fl-opinjoni tagħha, jippreżentaw ruħhom minħabba l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni, l-ewwel nett, billi tispjega għalfejn hija tikkunsidra li huwa meħtieġ li tinfetaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 4064/89 u, it-tieni nett, billi tindirizza nota ta' lmenti lill-Partijiet li jieħdu sehem fl-operazzjoni. F'dan l-istadju, il-Partijiet jistgħu jikkontestaw l-istess eżistenza ta' dawn il-problemi ta' kompetizzjoni u/jew jipproponu impenji li jistgħu jsolvu dawn il-problemi, kemm fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kemm fi stadju ulterjuri tad-diskussjonijiet. B'hekk huwa evidenti li, bil-proposta ta' l-impenji, il-Partijiet li jieħdu sehem fl-operazzjoni jridu jikkonvinċu lill-Kummissjoni li dawn l-impenji jsolvu kompletament il-problemi ta' kompetizzjoni identifikati preċedentement. Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tqis li dawn l-impenji mhumiex suffiċjenti, hija neċessarjament tqis li l-Partijiet li jieħdu sehem fl-operazzjoni ma kkonvinċewhiex dwar il-valur ta' l-impenji tagħhom sabiex il-problema jew il-problemi ta' kompetizzjoni kkawżati mill-operazzjoni in kwistjoni jiġu eliminati.

69      Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li impenji validament ippreżentati, jiġifieri kif proposti inizjalment jew inkella skond il-punt 43 ta' l-Avviż dwar ir-Rimedji, bħala modifiki ta' l-ewwel impenji, mhumiex suffiċjenti jikkostitwixxi inverżjoni indebita ta' l-oneru tal-prova biss jekk il-Kummissjoni ma tibbażax din l-evalwazzjoni ta' insuffiċjenza tagħhom fuq evalwazzjoni ta' dawn l-impenji bbażata fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli iżda fuq id-dikjarazzjoni li l-Partijiet baqgħu ma pprovdewx biżżejjed provi sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni fuq il-mertu. Fil-fatt, f'dan il-każ ta' l-aħħar, id-dubju ma jkunx ta' benefiċċju għall-Partijiet li jieħdu sehem f'din l-operazzjoni u jkollu jiġi konkluż li l-oneru tal-prova tal-kompatibbiltà ta' tali operazzjoni mas-suq komuni ġie maqlub.

70      F'dan il-każ, ir-rikorrenti tipprovdi eżempju wieħed ibbażat fuq il-premessa 833 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-impenji tas-17 ta' Novembru 2004 li ġew ippreżentati qabel it-terminu ta' skadenza, li tgħid li "għad hemm dubji u inċertezzi konsiderevoli dwar il-kwistjoni jekk l-effett globali tal-[miżuri proposti] jikkumpensax suffiċjentenent għall-għajbien ta' EDP bħala kompetitur potenzjali importanti" fis-suq tal-provvista tal-gass lill-klijenti l-kbar. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża espliċitament din l-evalwazzjoni fuq l-Avviż dwar ir-Rimedji.

71      Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkonkludiet il-premessa in kwistjoni b'mod affermattiv ħafna, billi sostniet li l-miżuri proposti mill-Partijiet ma kinux ifixklu t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta' GDP fis-suq ikkunsidrat bħala riżultat tal-Konċentrazzjoni. B'hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-impenji in kwistjoni ma kinux suffiċjenti sabiex jippermettu l-awtorizzazzjoni tal-Konċentrazzjoni.

72      Barra minn dan, id-dubji u l-inċertezzi li ssemmi l-Kummissjoni jirrigwardaw il-kwistjoni jekk l-impenji kinux, b'mod partikolari, mingħajr kundizzjonijiet u ċerti. Hija osservat, fil-premessa 832 tad-deċiżjoni kkontestata, ħames raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra li l-impenji in kwistjoni ma kinux suffiċjenti sabiex jiggarantixxu li kapaċitajiet addizzjonali ta' gass kienu ser jiġu effettivament imqiegħda għad-dispożizzjoni ta' terzi (esklużjoni tal-kumpanniji sussidjarji Spanjoli tal-Partijiet fl-impenn milli jirriżervaw kapaċitajiet addizzjonali; nuqqas ta' approvazzjoni obbligatorja mir-regolatur Spanjol tal-kodiċi ta' aċċess għal terzi; dritt tal-Partijiet li jirriżervaw kapaċitajiet imsejħa "strateġiċi"; effikaċja mnaqqsa ta' l-impenn ta' liberalizzazzjoni ta' kapaċitajiet ta' Campo Maior minħabba l-kapaċitajiet attwalment limitati tal-pipeline tal-gass u l-konsegwenzi negattivi fuq il-kapaċitajiet disponibbli tat-terminal LNG ta' Sinès; drittijiet speċjali tal-Partijiet fil-konfront ta' l-operatur ta' dan it-terminal u l-possibbiltà li jinbena post għall-ħażna tal-gass naturali). Għaldaqstant, id-dubji li ġew espressi ma jirreferux għall-eventwalità ta' tfixkil tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-Konċentrazzjoni iżda għall-impossibbiltà li jiġi assigurat li l-impenji in kwistjoni jkunu kompletament effettivi. Issa, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirrifjuta impenji li ma jkunux vinkolanti jew, li jammonta għall-istess ħaġa, impenji li l-effett tagħhom jista' jiġi mnaqqas, jew saħansitra eliminat, mill-Partijiet. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma ttrasferietx l-oneru tal-prova fuq il-Partijiet iżda ċaħdet il-karattru ċert u verifikabbli li l-impenji in kwistjoni kellu jkollhom. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-karattru inċert ta' l-effetti ta' l-impenji in kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

73      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qalbitx l-oneru tal-prova li kien impost fuqha f'dak li jirrigwarda l-obbligu tagħha li jiġi stabbilit li l-Konċentrazzjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Bil-kontra ta' dan, hija ppruvat turi għalfejn il-Konċentrazzjoni kellha tiġi projbita minkejja l-impenji proposti.

74      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-evalwazzjoni globali tal-Konċentrazzjoni kif modifikata.

75      Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma evalwatx is-sitwazzjoni kif din kellha tkun wara l-Konċentrazzjoni, fid-dawl ta' l-impenji, meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif kienet tkun li kieku l-Konċentrazzjoni ma sseħħx. Fir-risposta bil-miktub tagħha għas-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat l-argument tagħha fis-sens li hija kienet qiegħda tilmenta li l-Kummissjoni evalwat il-punti dgħajfa li setgħu jiġu attribwiti lill-impenji, minflok evalwat l-effetti probabbli li l-Konċentrazzjoni kif modifikata kellu jkollha fuq suq speċifiku, li kien iwassal għal riżultat differenti. Barra minn dan, il-Kummissjoni evalwat l-impenji billi kkunsidrat kull wieħed minnhom separatament. Fir-risposta bil-miktub tagħha, hija ċċitat bħala eżempju l-eżami distint ta' l-impenji intiżi sabiex isolvu l-problema orizzontali fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika u l-impenji li jirrigwardaw il-problemi mhux orizzontali f'dan is-suq.

76      Għandu jiġi osservat li l-istruttura formali tad-deċiżjoni kkontestata hija magħmula b'tali mod li jiġu ppreżentati, suċċessivament, l-identifikazzjoni tal-problemi ta' kompetizzjoni kkawżati mill-Konċentrazzjoni, kif innotifikata, fuq kull wieħed mis-swieq (premessi 280 sa 609), imbagħad l-evalwazzjoni tal-kompetittività ta' l-impenji tat-28 ta' Ottubru 2004 (premessi 650 sa 738), wara ta' dawk tas-17 ta' Novembru 2004 (premessi 741 sa 841) u, fl-aħħar nett, ta' dawk tas-26 ta' Novembru 2004 (premessi 860 sa 912). Waqt l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni eżaminat suċċessivament kull wieħed mill-impenji meqjusa rilevanti għal kull wieħed mis-swieq in kwistjoni. Meta f'suq ġew identifikati diversi problemi ta' kompetizzjoni, il-Kummissjoni eżaminat suċċessivament l-impenji fil-kuntest ta' kull waħda minn dawn il-problemi. Hija kkonkludiet, li, fil-każijiet kollha ħlief fil-każ tas-suq tal-provvista ta' gass lil-LDC, l-impenji ma kinux suffiċjenti sabiex jeliminaw il-problema ta' kompetizzjoni identifikata u/jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti in kwistjoni (ara, f'dak li jirrigwarda s-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika li r-rikorrenti għażlet bħala eżempju, f'dak li jirrigwarda l-problema orizzontali, il-premessi 675,767 u 868 jew, f'dak li jikkonċerna l-problemi mhux orizzontali, il-premessi 700, 702, 703, 801, 874 u 875).

77      Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina operazzjoni ta' konċentrazzjoni kif tkun ġiet modifikata mill-impenji validament proposti mill-Partijiet (ara punt 63 iktar 'il fuq). Madankollu, kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, tali obbligu ma jipprekludix eżami suċċessiv tal-problemi ta' kompetizzjoni kkawżati minn din l-operazzjoni, u wara, ta' l-impenji proposti mill-Partijiet li jieħdu sehem f'dik l-operazzjoni sabiex jiġu eliminati dawn il-problemi, u lanqas ma jipprekludi eżami suċċessiv ta' kull wieħed mill-impenji rilevanti fir-rigward ta' dawn il-problem, sakemm il-Kummissjoni tasal, finalment, għal evalwazzjoni globali ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni kif modifikata, jiġifieri ta' l-effetti ta' din l-operazzjoni fuq kull wieħed mis-swieq identifikati fid-dawl ta' l-impenji kollha rilevanti għal dak is-suq.

78      Barra minn dan, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina l-impenji kollha rilevanti f'dak li jirrigwarda problema ta' kompetizzjoni identifikata f'wieħed mis-swieq in kwistjoni, inklużi dawk li ma ġewx espliċitament indikati bħala tali mill-Partijiet li ħadu sehem f'operazzjoni ta' konċentrazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda żball ta' dritt meta tevalwa biss l-impenji li jkunu speċifiċi għal suq wieħed jew għal problema waħda ta' kompetizzjoni b'riferiment għal dan is-suq jew għal din il-problema, jekk l-impenji l-oħra ma jkunux rilevanti u ma jkollhomx sinjifikat ekonomiku reali f'dan il-kuntest.

79      F'dan il-każ, l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa mhux realistika u fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

80      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-impenji proposti mill-Partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni ta' konċentrazzjoni huma speċifikatament intiżi sabiex isolvu l-problemi ta' kompetizzjoni identifikati preċedentement. Għalhekk huwa inevitabbli li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra impenn, qabel kollox tistħarreġ il-portata ta' dan l-impenn u, b'mod partikolari, l-eventwali punti dgħajfa intrinsiċi tiegħu, u mbagħad li tivverifika jekk dan l-impenn jistax, parzjalment jew kompletament, isolvi l-problema identifikata. Fil-fatt, l-analiżi ta' l-effetti probabbli ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni modifikata tippresupponi li qabel kollox tiġi eżaminata l-portata ta' din il-modifika. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, fir-rikors tagħha u fl-annessi tiegħu, ukoll adottat dan il-pass suċċessiv, u għalhekk wasslet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tagħmel l-istess. Barra minn hekk, mhuwiex realistiku li jitqies li l-Kummissjoni tista', fir-restrizzjonijiet ta' żmien imposti fuqha mir-Regolament Nru 4064/89, terġa' tibda mill-bidu l-analiżi tagħha ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni, fid-dawl ta' l-impenji ppreżentati, bħallikieku din l-operazzjoni kienet ġiet innotifikata mill-ġdid fil-forma tagħha mmodifikata mill-impenji. Tali approċċ imur kontra r-rekwiżit ta' ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 4064/89 (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni, T‑221/95, Ġabra p. II‑1299, punt 68). Il-karattru mhux realistiku ta' l-approċċ propost impliċitament mir-rikorrenti huwa kkonfermat, f'dan il-każ, mill-fatt li tlieta, jew saħansitra erba' ġruppi ta' impenji ġew proposti suċċessivament, bl-aħħar grupp jew gruppi ppreżentati tard, meta l-proċedura kienet fl-istadju finali. F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li dawn il-gruppi suċċessivi huma biss modifiki ta' l-impenji preċedenti u mhux impenji ġodda ma jaffettwax din l-analiżi. F'ċirkustanza bħal din, il-Kummissjoni hija fl-obbligu, kull darba, li tqabbel dawn l-elementi l-ġodda ma' l-analiżi tagħha sabiex teżamina jekk dawn il-modifiki jistgħux jinvalidaw il-konklużjonijiet preċedenti.

81      It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qagħdet attenta li tispjega kif il-punti dgħajfa ta' kull wieħed mill-impenji ma kinux jippermettulu, minnu nnifsu, li jsolvi l-problema ta' kompetizzjoni in kwistjoni. Madankollu, wara din l-analiżi speċifika, hija sistematikament ikkonkludiet li l-elementi kollha rilevanti fir-rigward ta' din il-problema wkoll ma kinux suffiċjenti sabiex isolvu l-imsemmija problema. F'dak li jirrigwarda l-impenji tat-18 ta' Ottubru u tas-17 ta' Novembru 2004, hija ppreċiżat li t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti in kwistjoni kien għadu hemm (ara, per eżempju, f'dak li jirrigwarda s-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika li għalih tirreferi r-rikorrenti, f'dak li jirrigwarda l-problema orizzontali, il-premessi 675 u 767 jew, f'dak li jirrigwarda l-problemi mhux orizzontali, il-premessi 700, 702, 703 u 801). Meta qieset li kien neċessarju, hija eżaminat ukoll impenji oħra li ma kinux speċifikatament proposti mill-Partijiet sabiex tiġi solvuta problema ta' kompetizzjoni speċifika (premessi 809 sa 812). B'dan il-mod, l-analiżi tal-Kummissjoni kienet ekwivalenti għall-analiżi tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata mill-impenji. Minkejja li, f'dak li jirrigwarda l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004 il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonkludi li l-impenji in kwistjoni kienu insuffiċjenti sabiex isolvu l-problemi ta' kompetizzjoni in kwistjoni, hija madankollu għamelt evalwazzjoni globali ta' dawn l-elementi fid-dawl ta' l-imsemmija problemi (ara, f'dak li jirrigwarda l-problema orizzontali fis-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika, il-premessa 868 jew, f'dak li jirrigwarda l-problemi mhux orizzontali f'dan is-suq, il-premessi 874 u 875). Barra minn hekk, peress li l-eżami ta' l-impenji ppreżentati tard jissodisfa kundizzjonijiet speċjali stabbilit fl-Avviż dwar ir-Rimedji, mill-fatt li l-Kummissjoni ma kkonkludietx espliċitament it-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti eżaminati ma jistax jiġi dedott li hija m'għamlitx analiżi globali tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata.

82      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament għamlet analiżi globali tal-Konċentrazzjoni kif emendata mill-impenji proposti mill-Partijiet.

83      F'dak li jirrigwarda l-eżami iżolat ta' l-impenji relatati mal-problema orizzontali u mal-problemi mhux orizzontali fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika msemmi mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jaqbel kompletament ma' l-argument espost fil-kuntest tar-raba' motiv, li jgħid li l-impenji relatati mal-problemi mhux orizzontali jippermettu d-dħul fis-suq ta' ċertu numru ta' kompetituri, filwaqt li GDP kienet biss kompetitur potenzjali. Anki jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni inġustament ikkunsidrat li hija setgħet tinjora l-eżami tal-portata indiretta ta' ċerti impenji fir-rigward ta' problema ta' kompetizzjoni jew ta' suq li fir-rigward tagħhom ma kinux direttament rilevanti, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta' dritt iżda żball ta' evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-impenji kollha rilevanti fid-dawl ta' problema ta' kompetizzjoni identifikata f'wieħed mis-swieq in kwistjoni, inklużi dawk li ma ġewx indikati espliċitament bħala tali mill-Partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni ta' Konċentrazzjoni, il-kwistjoni jekk impenn partikolari huwiex rilevanti fir-rigward ta' problema speċifika mqajjma minn operazzjoni ta' Konċentrazzjoni taqa' taħt l-evalwazzjoni ekonomika ta' l-operazzjoni in kwistjoni u għandha tiġi eżaminata f'dak il-kuntest.

84      Peress li r-rikorrenti invokat dan l-argument ukoll fil-kuntest tar-raba' motiv tagħha relatat ma' l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Konċentrazzjoni kif modifikata, dan ta' l-ewwel għandu jiġi kkunsidrat fl-eżami ta' dan l-aħħar motiv.

85      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar il-fuq, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

C –  Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-eżistenza ta' abbuż ta' poter

86      Ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Kummissjoni applikat ħażin il-poteri mogħtija lilha mir-Regolament Nru 4064/89 meta eżiġiet li l-impenji jkunu intiżi għal-liberalizzazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija elettrika u tal-gass.

87      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta' abbuż ta' poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija ġiet konċessa dawn il-poteri. Deċiżjoni hija vvizzjata minn abbuż ta' poter biss jekk jidher, abbażi ta' indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet għal dan il-għan (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24, u ta' l-10 ta' Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38). Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat jiġi magħqud ma' motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx mittiefsa minn abbuż ta' poter sakemm din ma tannullax l-għan essenzjali (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 1954, L-Italja vs l-Awtorità Għolja, 2/54, Ġabra p. 73, 103, u, f'dan is-sens, is-sentneza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T-266/97, Ġabra p. II-2329, punt 131).

88      Qabel kollox, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li huwa paċifiku li l-Konċentrazzjoni taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 (premessi 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu wkoll jiġi osservat li r-rikorrenti ma tallegax li l-Konċentrazzjoni ma setgħetx tkun is-suġġett ta' deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ta' eżami skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4064/89 u, għalhekk, ta' deċiżjoni finali skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4064/89. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tammetti, partikolarment fir-risposta tagħha bil-miktub għas-seduta, li l-Konċentrazzjoni kif innotifikata ssaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP fis-swieq ta' l-enerġija elettrika. Għaldaqstant, il-proposta ta' impenji min-naħa tal-Partijiet sabiex tinkiseb deċiżjoni li tiddikjara l-Konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni kienet inevitabbli.

89      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, billi kkunsidrat l-impenji proposti għall-finijiet ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aġixxiet kompletament fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89. B'hekk, il-Kummissjoni kellha bħala għan l-objettiv ta' dan ir-Regolament, li huwa intiż sabiex jipprojbixxi l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti li jkollhom bħala konsegwenza tfixkil serju ta' kompetizzjoni effettiva.

90      Madankollu r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni eżiġiet iktar minn dawn l-imsemmija impenji u b'hekk marret lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiġi assigurat in-nuqqas ta' tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP jew ta' GDP. B'mod partikolari, il-Kummissjoni eżiġiet livell ta' ftuħ tas-suq ogħla minn dak neċessarju għas-soluzzjoni tal-problema ta' kompetizzjoni kkawżata mill-Konċentrazzjoni.

91      Id-diversi eżempji mogħtija mir-rikorrenti – li essenzjalment jgħidu li l-Kummissjoni qieset li l-impenji ma kinux suffiċjenti sabiex tassigura d-dħul ta' kompetituri ġodda fis-swieq in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, il-premessi 659, 665, 707, 714, 725, 749, 805, 812, 862, 879 u 888 tad-deċiżjoni kkontestata) –juru sempliċement li l-Kummissjoni kellha bħala għan l-objettiv tar-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri l-prevenzjoni tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjonijiet dominanti li joħolqu l-effett li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla serjament permezz ta' operazzjoni ta' Konċentrazzjoni. Fil-fatt, id-dħul ta' kompetituri ġodda fi swieq fejn huwa stabbilit li EDP u GDP għandhom pożizzjonijiet dominanti qawwija ħafna jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali ta' kompetizzjoni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Għaldaqstant l-għan essenzjali tal-Kummissjoni meta rrifjutat li tbiddel il-pożizzjoni tagħha fid-dawl ta' l-impenji jidħol kompletament fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89.

92      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-motiv tagħha relatat ma' l-evalwazzjoni ta' kompetittività tal-Konċentrazzjoni kif modifikata, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Konċentrazzjoni tikkostitwixxi pass 'il quddiem importanti lejn il-ftuħ tas-swieq tal-gass u ta' l-enerġija elettrika għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, sakemm ma tridx tikkontradixxi lilha nfisha, ir-rikorrenti tammetti li s-soluzzjoni, permezz ta' l-impenji, tal-problemi ta' kompetizzjoni kkawżati mill-Konċentrazzjoni u l-għan ta' ftuħ tas-swieq għall-kompetizzjoni jistgħu jkunu f'ko-eżistenza.

93      Anke jekk jiġi meqjus, u din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata iktar 'il quddiem, li l-konstatazzjoni ta' l-insuffiċjenza ta' wieħed mill-impenji proposti jew l-eżiġenza ta' impenn partikolari min-naħa tal-Kummissjoni huma eċċessivi fir-riġward tas-soluzzjoni tal-problemi ta' kompetizzjoni li l-Kummissjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata, żball bħal dan jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament nru 4064/89 u mhux abbuż ta' poter.

94      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni donnha ġiet attirata mill-argument espost fir-rapport li Cambridge Economic Policy Associates ħejjew fuq talba ta' l-awtorità tal-kompetizzjoni Portugiża, intitolat "Rapport fuq is-swieq tal-gass u ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall", li jgħid li, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha tuża l-Konċentrazzjoni attivament sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fis-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li jikkwotaw dan ir-rapport (ara, b'mod partikolari, il-premessi 137, 172, 333 u 573), il-Kummissjoni bl-ebda mod ma adottat l-objettiv eventwalment propost minn dan ir-rapport iżda limitat ruħha li tiġbed minnu evalwazzjonijiet ekonomiċi oġġettivi. Għaldaqstant ir-referenzi għal dan ir-rapport ma jistgħux jikkostitwixxu indikazzjoni ta' abbuż ta' poter.

95      F'dak li jirrigwarda l-elementi l-oħra mressqa mir-rikorrenti, b'mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tas-sur Monti, li dak iż-żmien kien membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, jew ta' deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jirrigwardaw Konċentrazzjonijiet fil-qasam ta' l-enerġija (deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2001, kawża COMP/M.1853 – EDF/EnBW; deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2002, kawża COMP/M.2684.1853 – EnBW/EDP/Gastajur/Hidrocantábrico), dawn ma jistgħux jikkostitwixxu indikazzjonijiet rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' abbuż ta' poter f'din il-kawża peress li dawn l-elementi ma jiffurmawx il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, anki li kieku dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, adottati fil-qasam ta' Konċentrazzjonijiet, ġew affettwati mill-vizzju allegat mir-rikorrenti, jiġifieri l-eżiġenza ta' ftuħ tas-swieq li ma kienx neċessarju fid-dawl tal-problemi ta' kompetizzjoni identifikati f'dawn id-deċiżjonijiet, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq sitwazzjoni ta' kompetizzjoni speċifika għall-kawża, hija affettwata mill-istess vizzju.

96      Iċ-ċirkustanza allegata mir-rikorrenti, li fil-fatt il-Kummissjoni kellha bħala għan it-twettiq ta' objettivi tat-Tieni Direttiva Gass filwaqt li din id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 47(2) KE (dritt ta' stabbiliment), l-Artikolu 55 KE (libertà li jiġi pprovdut servizz) u l-Artikolu 95 KE (approssimazzjoni tal-liġijiet) ma tippruvax li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li, inġustament, tfittex l-imsemmija objettivi. Minn naħa, il-bażi ġuridika ta' din id-Direttiva turi pjuttost li l-Kummissjoni setgħet tfittex l-iskopijiet ta' din id-Direttiva biss indirettament billi tiffavorixxi d-dħul ta' kompetituri ġodda, b'mod partikolari dawk nazzjonali, fis-swieq in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/30/KE, tat-22 ta' Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU L 204, p. 1, iktar 'il quddiem l-"Ewwel Direttiva Gass"), u t-Tieni Direttiva Gass għandhom bħala effett, jekk mhux bħala skop, b'mod partikolari, li tiġi introdotta kompetizzjoni f'settur li tradizzjonalment ma kienx espost għaliha [ara l-premessi 2, 6, 21, 22, 26 u, b'mod partikolari, 31 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54/KE, tas-26 ta' Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/93/KE (ĠU L 176, p. 37, iktar 'il quddiem it-"Tieni Direttiva ta' l-Enerġija Elettrika"), u l-premessi 2, 7, 19, 21, 25, 27 u, b'mod partikolari 30 tat-Tieni Direttiva tal-Gass; ara wkoll, f'dak li jirrigwarda d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/93/KE, tad-19 ta' Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU L 27, p. 20), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62]. Minn dan jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tat-Tieni Direttiva Gass huwa, b'mod ċar, ta' natura kompetittiva. Għalhekk mhuwiex sorprendenti li l-għan ta' natura kompetittiva tar-Regolament Nru 4064/89 huwa wkoll inkluż fost l-għanijiet tat-Tieni Direttiva ta' l-Enerġija Elettrika u t-Tieni Direttiva Gass. Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni fittxet li twettaq it-Tieni Direttiva Gass ma jistax jikkostitwixxi indikazzjoni ta' abbuż ta' poter ladarba l-għan tagħha huwa wkoll l-għan li għalih dan ir-Regolament ta l-poteri tiegħu lill-Kummissjoni.

97      Ir-rikorrenti tallega, fl-aħħar nett, li l-liberalizzazzjoni tas-settur ta' l-enerġija kellha tiġi implementata permezz ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86 KE. Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tibqa teżerċita l-poteri mogħtija lilha minn dan l-Artikolu, minkejja l-eżistenza tat-Tieni Direttiva ta' l-Enerġija elettrika u tat-tieni Direttiva Gass, l-argument tar-rikorrenti mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta' din il-parti tal-motiv. Fil-fatt, anke jekk jiġi meqjus li l-Artikolu 87 KE jippermetti t-twettiq tal-liberalizzazzjoni tas-swieq ikkonċernati, tali suppożizzjoni tista' twassal biss għall-konstatazzjoni li din id-dispożizzjoni dwar il-kompetizzjoni u r-Regolament Nru 4064/89, li l-għanijiet tiegħu, kif diġà ntqal, ġew segwiti korrettament mill-Kummissjoni, jistgħu jiġu applikati fl-istess ħin.

98      Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar il-fuq, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

D –  Fuq ir-raba' parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda d-diffikultajiet li jiġu mistħarrġa ċerti impenji ta' aġir

99      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ċaħdet ċerti impenji minħabba n-natura ta' aġir tagħhom u minħabba l-ħtieġa li dawn jiġu mistħarrġa ex-post. Billi għamlet dan, hija marret konra l-ġurisprudenza u l-prassi amministrattiva reċenti tagħha u ma kkunsidratx il-possibbiltà li dan l-istħarriġ ex-post isir mill-awtoritajiet Portugiżi kompetenti.

100    Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-impenji ta' aġir mhumiex, min-natura tagħhom, suffiċjenti sabiex jipprevjenu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti u għandhom jiġu evalwati individwalment bl-istess mod bħall-impenji strutturali (is-sentenzi Gencor vs Il-Kummissjonim punt 48 iktar 'il fuq, punt 319, u Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar 'il fuq, punt 161, ikkonfermata f'dan ir-rigward permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 63 iktar 'il fuq, punt 85).

101    Madankollu, l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, fit-tliet eżempji li għalihom hija tirreferi, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-impenji in kwistjoni biss minħabba n-natura ta' aġir tagħhom jew minħabba d-diffikultajiet fl-istħarriġ ta' dawn l-impenji, iżda minħabba l-insuffiċjenza globali tagħhom fid-dawl tal-problemi ta' kompetizzjoni identifikati.

102    B'hekk, huwa minnu li fil-premessa 663 il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenn li jirrigwarda l-kiri tal-kapaċità ta' produzzjoni ekwivalenti għal CCGT tat-TER diffiċilment kien jipprovdi l-vantaġġi ta' impenn strutturali u li dan kien jirrikjedi verifiki estensivi ulterjuri min-naħa tal-Kummissjoni. Madankollu, b'dan il-mod il-Kummissjoni riedet tenfasizza li l-Partijiet kienu pprovdew għat-tmiem antiċipat ta' dan l-impenn ladarba jiġu sodisfatti kundizzjonijiet kumplessi u li kienu talbu sabiex il-Kummissjoni tivverifika li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun ġiet sodisfatta. B'hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, prinċipalment, li dan l-impenn kien affettwat b'inċertezzi serji minħabba dawn il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma bbażatx iċ-ċaħda ta' dan l-impenn fuq in-natura ta' aġir tiegħu. It-tieni nett, id-diffikultà fl-istħarriġ ta' dawn il-kundizzjonijiet jirriżulta mill-kumplessità u min-nuqqas ta' karattru xieraq ta' dawn il-kundizzjonijiet u mhux minn rifjut tal-Kummissjoni li tagħmel stħarriġ ex-post. It-tielet u l-aħħar nett, il-premessi 662 u 664 isemmu diversi fatturi oħra, bħal, b'mod partikolari, il-fatt li min jieħu ċ-CCGT b'kera ma jkunx jista' jamministraha b'mod awtonomu, il-fatt li jsir dipendenti fuq EDP, jew li l-kundizzjonijiet ta' tmiem antiċipat ta' l-impenn huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet trans-nazzjonali filwaqt li s-suq jibqa' nazzjonali, li wkoll kienu jiġġustifikaw, skond il-Kummissjoni, ir-rifjut ta' dan l-impenn.

103    Fil-premessa 678, il-Kummissjoni ssemmi biss bħala motiv addizzjonali u marġinali l-fatt li l-impenn relatat mal-bejgħ tat-terminal LNG ta' Sinès kien jeħtieġ stħarriġ estensiv ulterjuri min-naħa tal-Kummissjoni. Hija bl-ebda mod ma bbażat ruħha fuq in-natura ta' aġir ta' dan l-impenn u l-biċċa l-kbira tal-premessa hija ddedikata għal-raġunijiet oħra, bħal, b'mod partikolari, id-data ta' irtirar ta' investiment, il-punti dgħajfa relatati ma l-aċċess tat-terzi għall-kapaċitajiet tal-gass u ż-żamma ta' parteċipazzjoni minoritarja ta' GDP fl-operatur li jamministra t-terminal, li wasslu lill-Kummissjoni sabiex fil-premessa ta' wara tikkonkludi li kien hemm ir-riskju li l-effetti pożittivi ta' dan l-impenn jiġu mnaqqsa serjament.

104    Huwa minnu li fil-premessa 719 il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenn li jirrigwarda s-sospensjoni tad-drittijiet ta' vot ta' EDP fil-Bord tad-Diretturi ta' Turbogàs fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-provvista tal-gass u ma' l-investimenti u dawk relatati man-nomina ta' membri indipendenti fuq il-Bord tad-Diretturi ta' Turbogàs kien purament komportamentali u huwa diffiċli li jiġi mistħarreġ. Madankollu, dan l-aspett ġie enfasizzat biss b'mod addizzjonali u ngħata wara tliet motivi prinċipali li għalihom il-Kummissjoni qieset dan l-impenn bħala insuffiċjenti, jiġifieri l-fatt li EDP iżżomm id-drittijiet ta' vot tagħha fuq kwistjonijiet importanti u tista' tinfluwenza indirettament l-għażla tal fornitur ta' gass u l-fatt li s-sospensjoni tad-drittijiet ta' vot tkun limitata għal tliet snin.

105    Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-ilment li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-awtoritajiet Portugiżi kompetenti jagħmlu l-istħarriġ meħtieġ sabiex jivverifikaw li jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet li jtemmu kmieni l-impenji in kwistjoni, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, f'dak li jirrigwarda l-kiri ta' TER, huma l-Partijiet infushom li pprovdew espliċitament għall-possibbiltà li jitolbu lill-Kummissjoni tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti. Għalhekk il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni, sakemm ma tibdilx hija stess l-impenn propost, li ma kienx fil-kompetenza tagħha, li tafda dan l-istħarriġ f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Bl-istess mod, f'dak li jirrigwarda ż-żewġ impenji l-oħra invokati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, anke jekk hija kellha l-possibbiltà, fil-kuntest tad-diskussjonijiet mal-Partijiet, li tistabbilixxi metodu ta' sorveljanza partikolari, b'mod partikolari wieħed iddelegat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Min-naħa l-oħra, kienu l-Partijiet li kellhom jipproponu impenji kompleti u effikaċi minn kull aspett, b'mod partikolari jekk dawn l-impenji ta' aġir kellhom punti dgħajfa f'dak li jirrigwarda l-karattru vinkolanti li jiġġustifikaw sorveljanza ex-post.

106    Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-raba' parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

107    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

III –  Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda d-deroga li tibbenefika minnha r-Repubblika Portugiża bis-saħħa tat-Tieni Direttiva Gass.

108    Ir-rikorenti essenzjalment tikkunsidra li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fi swieq mhux miftuħin għall-kompetizzjoni, kisret, l-ewwel nett, id-deroga temporanja mill-iskeda ta' liberalizzazzjoni li tibbenefika minnha r-Repubblika Portugiża bis-saħħa tat-Tieni Direttiva Gass u, it-tieni nett, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 billi pproġettat l-analiżi tal-kompetizzjoni tagħha għal iktar minn ħames snin wara l-Konċentrazzjoni.

A –  Osservazzjonijiet Preliminari

109    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li s-swieq ta' l-enerġija elettrika u tal-gass fil-Komunità kienu, de facto, swieq li ma kinux neċessarjament miftuħin għall-kompetizzjoni qabel l-adozzjoni ta' l-Ewwel u t-Tieni Direttiva Gass minħabba l-monopolji nazzjonali li kienu jeżistu f'ċerti Stati Membri. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tfakkar li d-dispożizzjonijiet ta' kompetizzjoni li jinsabu fit-Trattat KE kienu applikabbli għad-deċiżjonijiet ta' impriżi li joperaw f'dan il-qasam (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' April 1994, Almelo et, C-393/92, Ġabra p. I-1477, punti 34 sa 51). Madankollu, l-Ewwel Direttiva Gass, u mbagħad it-Tieni Direttiva Gass, li tħaffef l-iskeda previstà minn din ta' l-ewwel, huma bbażati fuq il-premessa li l-Istati Membri ma kinux immedjatament obbligati, sa mid-data ta' l-implementazzjoni ta' dawn id-Direttivi, li jiftħu s-swieq tal-gass għall-kompetizzjoni. Għalhekk għandu jiġi meqjus li d-diversi swieq tal-gass mhux bilfors huma suġġetti għall-kompetizzjoni qabel l-iskadenzi stabbiliti fit-Tieni Direttiva Gass.

110    It-Tieni Direttiva Gass hija intiża sabiex tistabbilixxi suq intern tal-gass li fih teżisti kompetizzjoni imparzjali (premessa 30 tat-Tieni Direttiva Gass), jiġifieri li l-klijenti tingħatalhom il-possibbiltà li jagħżlu liberament il-fornitur tagħhom u li l-fornituri jkunu jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (premessa 4 tat-Tieni Direttiva Gass). Wieħed mill-punti ewlenin ta' din il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass jikkonsisti fl-istabbiliment ta' skeda għall-ftuħ progressiv ta' dawn is-swieq ibbażata fuq iż-żieda progressiva tan-numru ta' klijenti eliġibbli, jiġifieri klijenti li jkunu liberi li jixtru l-gass mingħand il-fornitur li jixtiequ huma. Skond it-Tieni Direttiva Gass, il-klijenti kollha mhux domestiċi kellhom ikunu eliġibbli sa l-ewwel ta' Lulju 2004, u l-klijenti kollha kellhom ikunu eliġibbli sa' l-1 ta' Lulju 2007.

111    Madankollu, skond l-Artikolu 28(2) tat-Tieni Direttiva Gass, l-Istati Membri li għandhom l-istatus ta' suq emerġenti huma suġġetti għal skeda derogatorja. Sad-dati previsti minn din l-iskeda, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jidderogaw mill-obbligi segwenti: awtorizzazzjoni mhux diskriminatorja għall-bini jew l-operazzjoni ta' stallazzjonijiet tal-gass, indikazzjoni ta' l-amministraturi tas-sistema, definizzjoni tal-kompiti ta' dawn l-amministraturi, separazzjoni ġuridika ta' l-amministraturi min-netwerk ta' trasport, indikazzjoni ta' l-amministraturi tan-netwerk ta' distribuzzjoni, definizzjoni tal-kompiti ta' bbilanċjar tan-netwerk ta' distribuzzjoni mill-amministraturi tan-netwerk, separazzjoni ġuridika ta' l-amministraturi tan-netwerk ta' distribuzzjoni, separazjoni tal-kontabbiltà, l-istabbiliment ta' aċċess għal terzi għan-netwerk ta' gass naturali u għall-istallazzjonijiet LNG, introduzzjoni ta' skeda ta' liberalizzazzjoni u introduzzjoni ta' skema għal pipelines diretti (ara punt 6 iktar 'il fuq).

112    Minn dan jirriżulta b'mod ċar li din id-deroga teżenta lill-Istat Membru kkonċernat mill-obbligu li japplika d-dispożizzjonijiet ewlenin tat-Tieni Direttiva Gass li jassiguraw il-ftuħ ta' diversi swieq għall-kompetizzjoni u jiggarantixxu kompetizzjoni effettiva. Għalhekk għandu jiġi deċiż li, bis-saħħa ta' din id-deroga, is-swieq tal-gass ikkonċernati mhumiex miftuħin għall-kompetizzjoni sakemm l-Istat membru kkonċernat ma jkunx fetaħ dawn is-swieq.

B –  Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, li tirrigwarda l-ksur tad-deroga mogħtija lir-Repubblika Portugiża

113    Permezz ta' l-ewwel parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni ta' l-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq swieq mhux miftuħin għall-kompetizzjoni, kisret id-dritt tar-Repubblika Portugiża li, matul il-perijodu stabbilit mid-deroga mogħtija bl-Artikolu 28 tat-Tieni Direttiva Gass, tirristruttura s-settur tal-gass. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Konċentrazzjoni tirriżulta biss minn deċiżjonijiet ġejjin minn impriżi u li din, qabel kollox, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 4064/89. It-tieni nett, hija ssostni li żammet il-koerenza meħtieġa bejn dan ir-Regolament u t-Tieni Direttiva Gass billi ma evalwatx l-effetti tal-Konċentrazzjoni matul il-perijodu kopert mid-deroga. It-tielet nett, hija tikkunsidra li din id-deroga ma tagħtix id-dritt lil Stat Membru li jiffavorixxi operazzjoni ta' konċentrazzjoni li taffettwa l-kompetizzjoni b'mod konsiderevoli wara l-iskadenza ta' din id-deroga.

114    Huwa paċifiku li r-Repubblika Portugiża tibbenefika mid-deroga prevista mill-Artikolu 28(2) tat-Tieni Direttiva tal-Gass u li din id-deroga tiġi fi tmiemha fl-aħħar ta' l-2007, li jfisser li jkollha tiġi implementata skeda għall-ftuħ progressiv tas-swieq tal-gass għall-kompetizzjoni.

115    Ir-Repubblika Portugiża ħadet vantaġġ minn din id-deroga sabiex tistabbilixxi industrija tal-gass nazzjonali li topera taħt monopolju fl-oqsma kollha tal-gass (trasport, ħażna, distribuzzjoni, provvista). Għandu jiġi osservat li l-ħolqien ta' dawn il-monopolji ma kien is-suġġett ta' ebda kontestazzjoni ta' kompetittività min-naħa tal-Kummissjoni. Barra minn dan, f'dan il-każ, il-Gvern Portugiż għadu uffiċjalment ma fetaħ l-ebda wieħed mis-swieq ikkonċernati għall-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tallega, b'mod partikolari, li l-ftuħ tas-suq tal-provvista ta' gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika kien ippjanat għall-2004 u kien differit għall-2005 (premessa 211 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu ma ġiet ippreżentata l-ebda prova dokumentarja tal-ftuħ effettiv ta' dan is-suq. Barra minn dan, kif tammetti l-istess Kummissjoni, dan is-suq ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li r-Repubblika Portugiża tikkunsidra serjament li tilleberalizza s-swieq kollha tal-gass. Madankollu, anki jekk l-iskeda għal liberalizzazzjoni fil-Portugall tiġi mħaffa, qabel ma jkun hemm liberalizzazzjoni effettiva, is-swieq kollha tal-gass ikkonċernati jibqgħu koperti mid-deroga. Barra minn hekk, xejn ma jindika li r-Repubblika Portugiża taċċetta li tħaffef l-iskeda ta' liberalizzazzjoni mingħajr ma tiġi implementata l-Konċentrazzjoni.

116    Minn dan jirriżulta li s-suq tal-gass fil-Portugall ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, din iċ-ċirkustanza taffettwa direttament u inevitabbilment l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2 (3) tar-Regolament Nru 4064/89 għal dawn is-swieq.

117    Minn naħa, f'dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju ta' l-Artikolu 2 (3) tar-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri l-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, dan il-kriterju mhuwiex applikabbli peress li GDP attwalment għandha monopolju fuq is-swieq tal-provvista tal-gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika, lill-LDCs u lill-klijenti l-kbar (premessa 475 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, f'suq speċifiku, monopolju jirrappreżenta l-pożizzjoni dominanti assoluta, li ma tistax, minħabba f'hekk, tiġi msaħħa f'dan is-suq. L-uniku suq li fih il-pożizzjoni dominanti ta' GDP tista' tiġi msaħħa huwa dak tal-provvista tal-gass mil-LDCs lill-klijenti ż-żgħar fejn GDP għandha biss ħamsa mis-sitt LDCs eżistenti. Madankollu, għandu jiġi osservat li kull waħda minn dawn l-LDCs għandha monopolju ġeografiku li jostakola kull kompetizzjoni attwali bejniethom.

118    Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda t-tieni kriterju ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri t-tfixkil konsiderevoli għal kompetizzjoni effettiva, li kif ġie kkonstatat iktar 'il fuq jikkostitwixxi kriterju awtonomu, dan lanqas ma jista' jkun sodisfatt fil-kuntest ta' suq mhux kompetittiv. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' kwalunkwe kompetizzjoni, ebda kompetizzjoni effettiva ma tista' tiġi mfixkla b'mod konsiderevoli mill-Konċentrazzjoni fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

119    Din l-analiżi hija kompletament ikkorroborata mill-ġurisprudenza ġenerali fil-qasam tal-kompetizzjoni. B'hekk, f'dak li jirrigwarda akkordji u abbuż ta' pożizzjoni dominanti, ġie deċiż li, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq kuntest ġuridiku li jelimina kull possibbiltà ta' aġir kompetittiv min-naħa ta' l-impriżi, l-Artikoli 81 KE u 82 KE mhumiex applikabbli (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 ss 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 71 u 72, u tal-11 ta' Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, Ġabra p. I‑6265, punt 33; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1130). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li f'dak li jirrigwarda għajnuna mill-Istat, "skema ta' għajnuna stabbilita f'suq li inizjalment kien magħluq għall-kompetizzjoni għandha tiġi kkunsidrata, meta dan is-suq jiġi liberalizzat, bħala skema ta' għajnuna eżistenti, safejn din ma kinitx taqa', meta din ġiet stabbilita, taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 92(1) tat-Trattat li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni fir-rigward ta' l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-konsegwenzi fuq il-kompetizzjoni, japplika biss għal oqsma miftuħin għall-kompetizzjoni" (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 143, ikkonfermata indirettament fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punti 66 sa 68).

120    Għandu jiġi osservat li din is-sitwazzjoni taffettwa biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 u mhux l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu jew l-applikabbiltà tar-Regolament kollu għall-Konċentrazzjoni. Fil-fatt, meta operazzjoni ta' konċentrazzjoni taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, f'konformità ma l-Artikolu 1 tiegħu, din l-operazzjoni hija suġġetta għall-imsemmi Regolament iżda ma tistax tiġi pprojbita minħabba l-effetti tagħha fuq swieq fejn m'hemmx kompetizzjoni.

121    F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tallega li osservat id-deroga billi pproġettat l-analiżi tal-kompetizzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, għal data li fiha s-swieq tal-gass għandhom jinfetħu għall-kompetizzjoni, kemm jekk skond l-iskeda prevista mill-awtoritajiet Portugiżi jew skond l-iskeda, iktar tardiva iżda mandatorja, tad-deroga. B'dan il-mod, il-Kummissjoni tikkonferma, parzjalment, l-analiżi magħmula iktar 'il fuq, fuq l-impossibbiltà li jiġu sodisfatti l-kriterji ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 f'dak li jirrigwarda swieq mhux miftuħa għall-kompetizzjoni.

122    L-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-fatt li l-analiżi tal-kompetizzjoni ġiet differita għal data li tiġi wara t-tmiem tad-deroga ma jfissirx li din id-deroga ġiet meħuda in kunsiderazzjoni. Billi pprojbiet lill-operatur li għandu l-monopolju fis-suq tal-gass milli immedjatament jeffettwa operazzjonijiet ekonomiċi li jwasslu sabiex tiġi mmodifikata l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, filwaqt li d-deroga mogħtija lir-Repubblika Portugiża teżonerah mir-regoli normali ta' kompetizzjoni, il-Kummissjoni injorat il-possibbiltà li dan l-Istat jista', sakemm tibqa' fis-seħħ id-deroga, jirristruttura liberament is-suq tal-gass tiegħu. Fi-kliem ieħor, il-Kummissjoni pprojbiet lill-Partijiet milli jibbenefikaw mill-effetti tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq tal-gass fil-perijodu li matulu l-Konċentrazzjoni ma setgħetx tiġi pprojbita b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u tat-tieni Direttiva Gass.

123    Barra minn hekk, billi evalwat biss l-effetti futuri tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq tal-gass fid-data li fiha huma jkunu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri meta dawn is-swieq ikunu miftuħin għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni deliberatament naqset milli tikkunsidra l-effetti immedjati tal-Konċentrazzjoni fuq dawn is-swieq.

124    Issa, meta, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni teżamina operazzjoni ta' Konċentrazzjoni, hija għandha tistabbilixxi jekk il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, ta' natura tali li jfixklu b'mod konsiderevoli u għal żmien twil il-kompetizzjoni effettiva li teżisti fis-suq jew fis-swieq in kwistjoni, humiex il-konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni. Fin-nuqqas ta' tali modifika tal-kompetizzjoni attwali, l-operazzjoni għandha, a priori, tiġi awtorizzata (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T-342/99, Ġabra p. II-2585, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa minnu li l-Kummissjoni tista', jekk ikun xieraq, tieħu in kunsiderazzjoni l-effetti li operazzjoni ta' konċentrazzjoni jista' jkollha fil-futur qarib (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T-5/02, Ġabra p. II-4381, punt 153), jew saħansitra tibbaża l-projbizzjoni tagħha ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni fuq tali effetti futuri. Madankollu, dan ma jagħtihiex l-awtorità li tibqa' lura milli tanalizza, jekk ikunu jeżistu, l-effetti immedjati ta' tali operazzjoni u milli tikkunsidrahom fl-evalwazzjoni globali tagħha ta' din l-operazzjoni.

125    F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-perijodu ta' bejn id-data tal-Konċentrazzjoni u d-data tal-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-swieq tal-gass, jiġifieri perijodu li jvarja, skond is-swieq, bejn tlieta u sitt jew tmien snin wara l-Konċentrazzjoni. Madankollu, il-Konċentrazzjoni, kif modifikata mill-impenji, għandha effetti immedjati sinjifikattivi fuq is-swieq tal-gass, li prinċipalment huma kkostitwiti minn antiċipazzjoni tal-ftuħ ta' dawn is-swieq b'madwar sentejn jew tlieta meta mqabbel ma' l-iskeda prevista mid-deroga. Fil-fatt, jekk il-ftuħ legali għall-kompetizzjoni ta' dawn is-swieq kellu jiġi mwettaq mill-Gvern Portugiż f'konformità mal-garanziji li huwa kien ta f'dan is-sens, diversi impenji kienu jiggarantixxu l-effikaċja nfisha ta' dan il-ftuħ, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-aċċess tat-terzi għall-kapaċitajiet tal-gass. Dan in-nuqqas tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma huwa newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni peress li l-passaġġ antiċipat minn sitwazzjoni ta' monopolju għal waħda fejn l-eżistenza ta' kompetituri ssir possibbli, b'mod partikolari permezz ta' l-aċċess mhux diskriminatorju jew inqas diskriminatorju tat-terzi għar-riżorsi tal-gass u l-possibbiltà li dawn ta' l-aħħar li jintervjenu fi swieq li kienu preċedentement magħluqa, ma jistax jiġi injorat kompletament.

126    F'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-impriżi in kwistjoni huma suġġetti biss għar-Regolament Nru 4064/89 u ma jistgħux jibbenefikaw mid-deroga li t-Tieni Direttiva Gass tagħti lill-Istat Membru kkonċernat. Huwa minnu li l-imsemmi Regolament u l-imsemmija Direttiva għandhom bażijiet legali differenti u huma intiżi għal persuni differenti. Għandu jingħad ukoll li l-Konċentrazzjoni tirriżulta minn deċiżjonijiet ta' impriżi, anki jekk mill-inkartament jirriżulta li l-Istat Portugiż huwa parti kontraenti f'din il-Konċentrazzjoni inkwantu huwa antiċipaha manifestament, jekk mhux saħansitra organizzaha (ara punt 11 iktar 'il fuq). Madankollu, bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 4064/89 u t-Tieni Direttiv Gass ma jistgħux jiġu analizzati separatament. Kif ġie mfakkar iktar 'il fuq, in-nuqqas ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-gass bis-saħħa tad-deroga mogħtija skond it-tieni Direttiv Gass jipprekludi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Fil-fatt, impriżi ma jistgħux jiġu kkritikati li jostakolaw b'mod konsiderevoli kompetizzjoni effettiva meta din il-kompetizzjoni ma teżistix minħabba leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komnunitarji.

127    Ċertament, kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 210 sa 214), jekk hija ma tistax tevalwa l-effetti futuri tal-Konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fuq swieq li attwalment għadhom mhumiex miftuħa għall-kompetizzjoni, dan il-fatt jipprekludiha totalment milli tevalwa l-efetti tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq tal-gass. B'mod partikolari, filwaqt li s-swieq in kwistjoni għandhom jiġu miftuħa għall-kompetizzjoni skond skeda stretta u mandatorja b'mod konformi mat-Tieni Direttiv Gass, hija ma tistax tevalwa jekk il-Konċentrazzjoni tfixkilx l-introduzzjoni ta' kompetizzjoni effettiva fil-kuntest ta' din l-iskeda.

128    Jekk il-konsegwenza ta' din l-analiżi hija, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li impriżi ma jkunux kompletament suġġetti għar-regoli normali tal-kompetizzjoni, fosthom dawk affermati mit-Tieni Direttiva Gass, sa qabel ma dawn ikunu applikabbli għalihom, riżultat bħal dan huwa, f'dan il-każ, il-frott tar-rieda tal-leġiżlatur kif espressa fid-deroga mogħtija mill-Artikolu 28(2) ta' din id-Direttiva.

129    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Partijiet innotifikaw il-Konċentrazzjoni sabiex tikkonkludi li b'hekk huma ammettew l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4064/89. Minn naħa, mhijiex l-applikabbiltà tar-Regolament fl-intier tiegħu iżda l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni projbitorja prinċipali tiegħu għal parti mill-Konċentrazzjoni li hija in kwistjoni f'din il-kawża. Min-naħa l-oħra, bis-saħħa ta' l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, tali notifika tibqa' obbligatorja. Barra minn hekk, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4064/89 ma tistax tiddependi fuq il-volontà tal-Partijiet li jieħdu sehem f'Konċentrazzjoni.

130     Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, billi bbażat il-projbizzjoni tal-Konċentrazzjoni fuq it-tisħiħ ta' pożizzjonijiet dominanti li għandhom bħala effett tfixkil serju tal-kompetizzjoni fuq swieq tal-gass mhux miftuħin għall-kompetizzjoni bis-saħħa tad-deroga mogħtija mill-Artikolu 28(2) tat-Tieni Direttiva tal-Gass, il-Kummissjoni injorat l-effetti u għalhekk il-portata ta' din id-deroga.

131    Madankollu għandu jiġi osservat li l-iżball magħmul mill-Kummissjoni jinsab biss fil-fatt li hija kkunsidrat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ġew sodisfatti fir-rigward ta' swieq mhux miftuħin għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet tagħha fuq il-kompetizzjoni bbażati fuq ir-Regolament Nru 4064/89, li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tas-swieq tal-gass qabel il-Konċentrazzjoni, dawk li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fid-data prevista għall-ftuħ ta' dawn is-swieq u dawk li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija elettrika qabel u wara l-Konċentrazzjoni mhumiex affettwati minn dan l-iżball. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni eżistenti fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jew fid-data ta' meta s-swieq in kwistjoni kellhom jinfetħu għall-kompetizzjoni tikkostitwixxi fatt oġġettiv li mhuwiex affettwat min-nuqqas ta' applikazzjoni ta' kriterju legali.

132    Għandu wkoll jiġi osservat li l-impossibbiltà li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jiġu sodisfatti hija limitata biss għas-settur fejn m'hemmx kompetizzjoni u dan l-Artikolu jibqa' kompletament applikabbli għas-setturi l-oħra eventwalment ikkonċernati mill-operazzjoni nnotifikata. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 4064/89 huwa marbut ma' l-analiżi ta' pożizzjoni jew ta' diversi pożizzjonijiet dominanti fuq is-suq jew is-swieq affettwati minn operazzjoni ta' Konċentrazzjoni. Fil-fatt huwa possibbli, u saħansitra frekwenti, li operazzjoni ta' konċentrazzjoni tipproduċi effetti li serjament jmorru kontra l-kompetizzjoni biss fir-rigward ta' wieħed jew uħud mis-swieq in kwistjoni mingħajr ma tikkawża effetti bħal dawn fuq is-swieq l-oħra. Jekk dan ikun il-każ, l-operazzjoni għandha xorta waħda tiġi pprojbita b'mod konformi ma' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 għas-swieq ta' l-enerġija elettrika mhijiex affettwata mill-iżball li sar f'dak li jikkonċerna s-swieq tal-gass.

133    Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi deċiż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta' dritt safejn din tikkonkludi li għandu jkun hemm tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti, li diġà jeżistu, ta' GDP fuq is-swieq tal-provvista tal-gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika, lill-klijenti kbar u lill-klijenti żgħar, bil-konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla b'mod konsiderevoli.

 Ċ - Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, rigward projezzjoni eċċessiva fil-futur

134    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 billi pproġettat l-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass 'il fuq minn ħames snin wara l-Konċentrazzjoni.

135    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li ġie deċiż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta' dritt f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 għas-swieq tal-gass. Għaldaqstant m'għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq din il-parti ta' dan il-motiv f'dak li jirrigwarda t-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti ta' GDP fuq dawn is-swieq.

136    Madankollu, fl-analiżi tagħha tas-swieq ta' l-enerġija elettrika, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni tas-swieq tal-gass, u din il-proċedura ma kinitx affettwata mill-iżball ta' dritt ikkonstatat iktar 'il fuq. Meta ġiet mistoqsiha dwar il-kwistjoni ta' liema kienu l-interazzjonijiet bejn is-swieq tal-gass u ta' l-enerġija elettrika li ġew esposti fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ċċitat diversi premessi li huma kollha rigward il-provvista tal-gass liċ-CCGTs, direttament (premessi 336, 340, 365 u 560) jew indiretattament fil-kuntest ta' l-effetti mhux orizzontali tal-Konċentrazzjoni, jiġifieri l-possibbiltà li l-entità magħquda tuża l-pożizzjoni ta' saħħa l-ġdida tagħha fil-qasam tal-gass sabiex tkun tikkawża preġudizzju għall-produtturi ta' l-enerġija elettrika f'kompetizzjoni magħha (premessi 367 sa 429).

137    Għalhekk, mhemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq din il-parti ta' dan l-ewwel motiv f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li jirrigwardaw swieq oħrajn li mhumiex dak tal-fornitura tal-gass liċ-CCGTs, jiġifieri s-swieq tal-fornitura tal-gass lil-LDCs, lill klijenti l-kbar u lil dawk żgħar.

138    Rigward is-suq tal-provvista tal-gass liċ-CCGTs, skond ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri Portugiż Nru 63/2003 u Nru 68/2003, il-ftuħ tiegħu għall-kompetizzjoni kellu jseħħ fl-2004 iżda dan il-ftuħ ġie differit għall-2005 (premessi 203 u 505). Din l-aħħar data ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. F'kull każ, minħabba d-daqs u n-natura ta' dan is-suq, li attwalment jirrappreżenta kważi nofs il-konsum totali fil-Portugall u li għandu finijiet industrijali, skond id-deroga, dan kellu jkun wieħed mill-ewwel swieq suġġetti għall-obbligu ta' ftuħ għall-kompetizzjoni fl-2007, jiġifieri mhux iktar minn tliet snin wara l-Konċentrazzjoni.

139    Issa, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni biss fuq il-fatt li qabżet il-perijodu massimu normali ta' eżami ta' bejn tliet snin u ħames snin wara l-Konċentrazzjoni.

140    Konsegwentement, lanqas ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq din il-parti ta' dan l-ewwel motiv f'dak li jirrigwarda s-suq tal-provvista tal-gass liċ-CCGTs.

141    Fid dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, m'hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq din il-parti ta' l-ewwel motiv.

IV –  Fuq ir-raba' motiv, li jirrigwarda l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-impenji

A –  Osservazzjonijiet preliminari

142    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament nru 4064/89 ma setgħux jiġu sodisfatti f'dak li jirrigwarda s-swieq tal-gass. Għaldaqstant m'għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-tieni parti tar-raba' motiv, li tirrigwarda eventwali żbalji ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-insuffiċjenza ta' l-impenji fid-dawl tal-problemi ta' kompetizzjoni identifikati fis-settur tal-gass.

143    Il-Kummissjoni tallega li jkun biżżejjed li waħda biss mill-problemi ta' kompetizzjoni identifikati fid-deċiżjoni kkontestata tibqa' ma tiġix solvuta permezz ta' l-impenji tas-26 ta' novembru 2004 sabiex id-deċiżjoni kkontestata tinżamm.

144    Skond ġurisprudenza stabbilita, safejn ċerti motivi ta' deċiżjoni huma, minnhom infushom, biżżejjed sabiex jikkostitwixxu ġustifikazzjoni valida għad-deċiżjoni, il-vizzji li jista' jkun hemm f'motivi oħrajn ma jaffettwawx, f'kull każ, il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p I-5603, punti 26 sa 29; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T-50/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 134 u 146, taħt appell)

145    F'dak li jirrigwarda konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprojbixxi operazzjoni ta' konċentrazzjoni meta jiġu sodisfatti l-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, anki jekk dan isir fir-rigward ta' wieħed biss mis-swieq in kwistjoni.

146    Għalhekk, skond ġurisprudenza li issa hija stabbilita, għandu jiġi kkunsidrat li deċiżjoni dwar Konċentrazzjoni li tiddikjara l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni tista' tiġi annulata biss jekk jiġi kkonstatat li l-motivi li eventwalment ma jkunux ivvizzjati b'illegalitajiet, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw wieħed mis-swieq in kwistjoni, ma jkunux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-310/01, Ġabra p. II-4071, punt 412.

147    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma teskludix il-ħtieġa li, waqt l-eżami ta' suq speċifiku, tiġi eżaminata wkoll is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq l-oħra kemm jekk id-deċiżjoni in kwistjoni tkun ibbażata, b'mod globali, fuq l-effetti ta' l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni fuq id-diversi swieq in kwistjoni, kif ukoll jekk tkun ibbażata fuq it-tisħiħ reċiproku ta' ċerti effetti kompetittivi ta' l-operazzjoni fuq dawn id-diversi swieq.

148    F'dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet l-analiżi tagħha ta' kull wieħed mis-swieq ikkonċernati bil-kunsiderazzjoni li l-Konċentrazzjoni għandha twassal għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti in kwistjoni f'dan is-suq, mingħajr ma għamlet riferiment għas-swieq l-oħra. Madankollu, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fid-diversi swieq ta' l-enerġija elettrika u fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fid-diversi swieq tal-gass sabiex tikkonstata problemi ta' kompetizzjoni fuq xi suq jew ieħor ta' l-enerġija elettrika, għand jiġi eżaminat, safejn huwa meħtieġ, il-mertu ta' dawn l-evalwazzjonijiet kollha tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 31 iktar 'il fuq, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tal-gass mhijiex affettwata, minnha nfisha, mill-fatt li l-kriterji imposti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 ma jistgħux jiġu sodisfatti fir-rigward ta' dawn is-swieq.

149    B'mod partikolari, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud sempliċement minħabba li r-rikorrenti ma kkontestatx serjament it-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika f'dak li jirrigwarda l-aġġustament jew is-servizzi awżiljarji u s-swieq bl-imnut għandha tiġi miċħuda minħabba li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' dawn is-swieq hija effettivament ibbażata, kif tallega r-rikorrenti, almenu parzjalment, fuq l-evalwazzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirrigwardaw is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika u li l-invalidazzjoni ta' l-evalwazzjoni li tirrigwarda dan l-aħħar suq tista' tfisser l-invalidazzjoni ta' l-evalwazzjoni li tirrigwarda s-swieq ikkonċernati.

150    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikorrenti ammettiet li l-impenji tat-28 ta' Ottubru u tas-17 ta' Novembru 2004 ma kinux suffiċjenti sabiex isolvu l-problemi ta' kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni. Għalkemm fir-rikors tagħha r-rikorrenti ammetiet, għall-finijiet ta' dan il-motiv, li l-Konċentrazzjoni kif notifikata ssaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti ta' GDP u, fir-risposta tagħha għas-seduta, li l-Konċentrazzjoni kif notifikata kienet issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' EDP, madankollu hija ma ammettietx li, l-impenji proposti fit-28 ta' Ottubru, fis-7 ta' Novembru jew fis-26 ta' Novembru 2004, kienu insuffiċjenti sabiex isolvu l-problemi ta' kompetizzjoni identifikati.

151    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ li l-qorti Komunitarja għandha teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li l-Kummissjoni twettaq fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mir-Regolament Nru 4064/89 għandu jkun limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, kif ukoll ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni u ta' abbuż ta' poter (ara s-sentenza Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar 'il fuq, punt 101, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 63 iktar 'il fuq, punt 38).

152    F'dan ir-rigward, billi enfasizzat il-fatt li r-rikorrenti qatt ma sostniet espliċitament li kien hemm żball manifest ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni impliċitament tallega li din l-ommissjoni tagħmel dan il-motiv irrilevanti. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Peress li r-rikorrenti tinvoka żball ta' analiżi u peress li l-ġurisprudenza teżiġi li żball bħal dan ikun manifest, ma jkunx raġonevoli li fuq tali impreċiżjoni formali tiġi bbażata raġuni għaċ-ċaħda ta' motiv li huwa essenzjali għal dan ir-rikors u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tinvoka żball manifest ta' evalwazzjoni. Xorta jibqa' l-fatt li l-iżbalji invokati mir-rikorrenti għandhom ikunu ta' natura manifesta sabiex iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

153    Fl-aħħar nett, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tirreferi kemm il-darba għal rapport ekonomiku li sar minn Lexecon fuq talba tagħha (iktar 'il quddiem ir-"rapport Lexecon"), intitolat "EDP-Eni/GDP: evalwazzjoni ekonomika ta' l-argument favur il-projbizzjoni tal-Konċentrazzjoni kif modifikata", ta' Frar 2005.

154    F'dan ir-rigward għandha tiġi milqugħa l-kritika tal-Kummissjoni li ċerti riferimenti ġenerali li saru għar-rapport Lexecon għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli.

155    Fil-fatt skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex rikors ikun ammissibbli l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom dan ta' l-aħħar ikun ibbażat għandhom jirriżultaw, almenu fil-qosor iżda b'mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1961, Société Fives Lille Cail et vs Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 ue 3/61, Ġabra p. 561, 588, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T-157/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45). F'dan ir-rigward, minkejja li l-kontenut tar-rikors jista', fir-rigward ta' punti speċifiċi, ikun sostnut u kkompletat permezz ta' riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anke jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas ta' elementi essenzjali ta' l-argumentazzjoni legali, li, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti, għandhom jiġu inklużi fir-rikors (id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49, u, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C 189/02 P, C 202/02 P, C 205/02 P sa C 208/02 P u C 213/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 94 sa 101).

156    B'hekk, safejn ir-rikorrenti ma tagħmilx referenza speċifika għal punt preċiż tar-rapport Lexecon, b'mod partikolari meta tirreferi għall-konklużjoni ġenerali ta' dan ir-rapport, jew meta tirreferi għal silta li ma tissemmiex fir-rikors, ir-referenzi għal dan ir-rapport għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli.

157    Minħabba l-qosor tagħhom u minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mir-referenza għar-rapport Lexecon, l-argumenti li r-rikorrenti tesponi fil-kuntest tar-raba' motiv u li jirrigwardaw l-iżbalji fl-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni huma riprodotti kważi kompletament.

158    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rapport Lexecon, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka, b'mod ġenerali, il-ġurisprudenza li tgħid li l-legalità ta' l-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta' dritt u ta' fatt li jeżistu meta ġie adottat l-att (is-sentenza Kayserberg vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar 'il fuq, punt 140). Fil-fatt, l-iżvilupp ta' serje ta' argumenti, wara d-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bl-iskop li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata żbalji fl-evalwazzjoni ekonomika li saret fl-imsemmija deċiżjoni, jaqa' taħt is-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u ma jikkostitwixxix tentattiv intiż għall-bdil tal-kuntest ġuridiku u fattwali li kien ġie preċedentement ippreżentat lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni għandha d-dritt li bħala difiża ssostni, fuq punti preċiżi, il-fatt li dan ir-rapport injora d-dikjarazzjonijiet espressi jew l-ommissjonijiet tal-Partijiet matul il-proċedura amministrattiva.

B –  Fuq l-ewwel parti tar-raba' motiv, li tirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004

159    Sabiex isir eżami tal-legalità ta' l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata, ir-rikorrenti tippreżenta din il-Konċentrazzjoni kif immodifikata permezz ta' l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004, u ssostni li dawn ta' l-aħħar ġew ippreżentati fil-ħin sabiex jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Il-Kummissjoni tikkontesta li dawn l-impenji ġew ippreżentati fil-ħin u tikkunsidra li dawn ma jsolvux b'mod ċar, mingħajr il-bżonn ta' stħarriġ addizzjonali, il-problemi kollha ta' kompetizzjoni identifikati. Għal dawn ir-raġunijiet, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

160    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-preżentazzjoni ta' l-impenji, parzjalment, fis-26 ta' novembru 2004, saret wara d-data ta' skadenza tas-17 ta' Novembru 2004.

161    Mill-qari flimkien ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4064/89 u ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 447/98 jirriżulta li r-regolamenti li jirrigwardaw konċentrazzjonijiet ma jobbligawx lill-Kummissjoni li taċċetta impenji li jiġu ppreżentati wara d-data ta' skadenza. L-ispjegazzjoni prinċipali għal tali data ta' skadenza tinsab fir-rekwiżit ta' ħeffa li tikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 4064/89 (is-sentenza Endomol vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar 'il fuq, punt 68).

162    Madankollu, permezz ta' l-Avviż dwar ir-Rimedji, li bih hija ntrabtet volontarjament, il-Kummissjoni aċċettat li teżamina impenji mmodifikati, b'mod partikolari meta dawn jiġu ppreżentati liha wara d-data ta' skadenza prevista mir-Regolament Nru 447/98, "jekk hija tista' tistabbilixxi b'mod ċar – fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni tagħha ta' l-informazzjoni diġà miksuba fil-kuntest ta' l-inkjesta, b'mod partikolari mir-riżultati tal-konsultazzjoni preċedenti li kienet saret ma l-operaturi tas-suq u mingħajr ma jkun hemm bżonn għal konsultazzjoni oħra ta' l-istess tip – li, ladarba implementati, tali impenji għandhom jeliminaw il-problemi ta' kompetizzjoni kkonstatati u li jħallu biżżejjed ħin sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu kkonsultati" (punt 43).

163    Minn dan jirriżulta li l-Partijiet li jieħdu sehem f'operazzjoni ta' Konċentrazzjoni nnotifikata jistgħu jiksbu t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-impenji tagħhom li jiġu ppreżentati tard sakemm ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dawn l-impenji jsolvu, b'mod ċar u mingħajr il-bżonn ta' stħarriġ addizzjonali, il-problemi kollha ta' kompetizzjoni diġà identifikati u, min-naħa l-oħra, li jkun hemm biżżejjed żmien sabiex l-Istati Membri jiġu kkonsultati fuq dawn l-impenji.

164    F'dan il-każ, il-Partijiet ippreżentaw l-impenji in kwistjoni fl-għodwa nfisha tal-jum tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv li kienet prevista għal wara nofs in-nhar tas-26 ta' Novembru 2004. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-impenji relatati mas-settur tal-gass, l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004 kienu jikkostitwixxu sempliċi dikjarazzjoni ta' l-intenzjoni tal-Partijiet li jimmodifikaw l-impenji preċedenti tagħhom (premessa 859 tad-deċiżjoni kkontestata). It-test definittiv ta' l-impenji mħabbra li kienu jirrigwardaw is-settur tal-gass ġie pprovdut fil-għaxija tat-3 ta' Diċembru 2004.

165    Fir-rigward ta' l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004 li jikkonċernaw il-qasam ta' l-enerġija elettrika, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma allegatx li dawn kellhom jiġu miċħuda minħabba li hija ma kellhiex biżżejjed żmien sabiex tikkonsulta l-Istati Membri. Bil-kontra ta' dan, hija aċċettat li teżamina dawn l-impenji fid-dawl ta' l-ewwel kundizzjoni tal-punt 43 ta' l-Avviż fuq ir-Rimedji (premessi 855 sa 881). Peress li f'dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat minn jeddha li tikkunsidra dawn l-impenji, għandu jiġi ammess l-eżami tal-Konċentrazzjoni kif modifikata minn dawn l-impenji, bir-riżerva, madankollu, tal-kwalità partikolari li dawn għandu jkollhom fid-dawl ta' l-imsemmi punt 43.

166    Fir-rigward ta' l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004 li jikkonċernaw is-settur tal-gass, intiżi sabiex isolvu kemm ċerti problemi ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-gass kif ukoll ċerti problemi fis-swieq ta' l-enerġija elettrika, dawn saru kompleti u inkundizzjonati biss fit-3 ta' Diċembru 2004. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li d-data effettiva tagħhom hija t-3 ta' Diċembru 2004. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat fil-qosor l-abbozz tas-26 ta' Novembru 2004 li jirrigwarda dawn l-impenji billi enfasizzat li l-karattru provviżorju tagħhom kien biżżejjed sabiex jiġu miċħuda (premessa 882). Barra minn hekk, hija invokat espliċitament il-fatt li l-verżjoni definittiva ta' dawn l-impenji kienet ġiet ippreżentata tard wisq sabiex tiġi kkunsidrata għall-finijiet ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali (premessa 913). Għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha d-dritt tiċħad l-impenji tat-3 ta' Diċembru 2004 fuq is-sempliċi fatt li dawn ġew ippreżentati estremament tard. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-impenji ġew ippreżentati sebat ijiem wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat konsultattiv u tlett ijiem biss qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Min-naħa l-oħra, l-Avviż fuq ir-rimedji ma jiggarantixxix li impenji li jiġu ppreżentati wara d-data ta' konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, li ma ġewx sostnuti f'dan il-każ, li tiffissa d-data tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv erbatax il-ġurnata qabel ma din tinżamm (artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 4064/89). Konsegwentement, peress li dan il-Kumitat aċċetta li l-Kummissjoni ma tippreżentax quddiemu dawn l-impenji jekk hija tqishom insuffiċjenti, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu u, fid-dawl ta' dak li ntqal iktar il fuq, ma kellhiex iż-żmien materjali sabiex terġa tlaqqa' l-Kumitat.

167    Iċ-ċirkustanza mressqa mir-rikorrenti, li l-aħħar impenji kienu jikkostitwixxu biss modifiki ta' l-impenji preċedenti u kienu jidħlu fil-kuntest ta' diskussjonijiet intensivi miżmuma mal-Kummissjoni ma tistax taffettwa din il-konklużjoni. Fil-fatt, anki jekk jiġi meqjus li l-impenji tat-3 ta' Diċembru 2004 ma kinux jinvolvu biss modifiki minuri fir-rispett ta' l-impenji preċedenti, madankollu dawn ma ġewx ippreżentati fiż-żmien sabiex jiġu ppreżentati quddiem il-Kumitat Konsultattiv.

168    Konsegwentement, huma biss l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004 li jirrigwardaw is-settur ta' l-enerġija elettrika li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta' din il-proċedura.

169    F'dak li jirrigwarda l-eżami ta' dawn l-impenji ta' l-aħħar fid-dawl ta' l-ewwel kundizzjoni prevista mill-punt 43 ta' l-Avviż fuq ir-Rimedji, ir-rikorrenti tenfasizza d-distorsjoni li teżisti bejn dan l-avviż u bejn it-traduzzjoni tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-impenji ppreżentati tard għandhom "jissodisfaw kompletament u mingħajr ambigwità, jiġifieri b'mod dirett, il-problemi ta' kompetizzjoni identifikati matul l-inkjesta" (premessa 859 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinnota din id-differenza, mingħajr ma tiġbed konklużjonijiet f'dan ir-rigward, u tallega li l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004 kellhom jeliminaw kompletament il-problemi ta' kompetizzjoni identifikati qabel.Għalhekk m'hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan il-bdil fil-kliem użat għandux konsegwenzi reali f'dan il-każ.

170    Barra minn hekk, f'dan l-istadju għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li peress li l-impenji ġew imressqa tard quddiemha u peress li ma jsolvux b'mod ċar il-problemi ta' kompetizzjoni identifikati qabel, ir-raba' motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni biss. Fil-fatt, it-tieni premessa tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-aħħar impenji huma insuffiċjenti, tista' tiġi eżaminata biss fil-kuntest ta' l-aħħar parti tar-raba' motiv.

 Ċ - Fuq it-tielet parti tar-raba' motiv, li jirrigwarda l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata f'dak li jikkonċerna s-settur ta' l-enerġija elettrika

171    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li EDP għandha pożizzjonijiet dominanti qawwija jew qawwija ħafna fuq l-erba' swieq problematiċi tal-provvista bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji, tal-provvista bl-imnut ta' l-enerġija elettrika lill-klijenti kbar u lill-klijenti żgħar.

172    L-ewwel nett, skond id-deċiżjoni kkontestata, EDP għandha pożizzjoni dominanti fuq is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, minħabba l-pożizzjonijiet li hija għandha, fis-sens ta' l-offerta [b'70 % tal-kapaċità totali ta' produzzjoni, bil-bqija miżmuma minn Turbogàs (8.6 %), li minnu EDP għandha minoranza fl-ishma ta' 20%, Tejo Energia (5.1 %), li minnu EDP għandha minoranza fl-ishma ta' 10 %, u minn produtturi oħra li mhumiex sinjifikanti u li joperaw taħt l-iskema speċjali riżervata b'mod partikolari għall-enerġija li tista' tiġġedded; premessi 283 sa 289], u fis-sens tad-domanda (90 sa 100 % tal-konsum nazzjonali totali, premessi 299 sa 301 u 433 sa 443), minħabba s-sistema "CMEC" intiża sabiex tikkumpensa għall-għajbien tal-ftehimiet ta' xiri ggarantit konklużi taħt is-sistema mhux liberalizzata (premessi 294 sa 298), minħabba n-numru u d-diversità tal-mezzi tagħha ta' produzzjoni ta' l-enerġija elettrika (premessi 292 u 293), minħabba l-kapaċitajiet ta' produzzjoni futuri tagħha [tliet unitajiet CCGT (TER); premessi 302 sa 304); minħabba l-fatt li l-bini ta' CCGTs ġodda indipendenti previst għall-2007 huwa dubbjuż u f'kull każ iseħħ biss tliet snin wara l-Konċentrazzjoni (premessi 305 sa 331) u, fl-aħħar nett, minħabba l-insuffiċjenza ta' l-interkonnessjonijiet bejn in-netwerks ta' Spanja u tal-Portugall sabiex tiġi ggarantita importazzjoni suffiċjenti ta' enerġija elettrika (premessi 332 sa 334). It-tieni nett, EDP għandha pożizzjoni dominanti fuq is-suq jew is-swieq emerġenti ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji li jistgħu jiġu pprovduti biss minn produttur ta' enerġija elettrika fil-Portugall. EDP hija l-unika produttur li jista' jipprovi dan is-servizz (premessi 430 sa 432). It-tielet nett, EDP għandha pożizzjonijiet dominanti fuq is-suq bl-imnut lill-klijenti l-kbar, li ġie miftuħ għall-kompetizzjoni fl-2003, b'sehem tas-suq ta' bejn 90 u 100 %, u fuq dak bl-imnut lill-klijenti żgħar. Dawn il-pożizzjonijiet dominanti jirriżultaw ukoll mill-fatt li EDP għandha biss żewġ kompetituri żgħar li huma esposti għall-perikli marbuta mal-bżonn li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom b'importazzjonijiet minn Spanja, mill-fatt li hija tibqa' l-fornitur awtorizzat tas-sistema pubblika rregolata, mill-fatt li bejn 70 u 80 % tal-klijenti li jgħaddu mis-sistema pubblika għas-sistema privata jibqgħu klijenti ta' EDP, mill-fatt li hija għandha taħt konċessjoni n-netwerk sekondarju ta' l-enerġija elettrika (voltaġġ baxx) u minħabba l-fatt li, bħala ex monopolju, hija għandha l-informazzjoni kollha relatata mal-profil tal-konsum tal-klijentela (premessi 433 sa 443).

173    Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-Konċentrazzjoni ssaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP, bil-konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla b'mod konsiderevoli minħabba, minn naħa, effett orizzontali fuq l-erba' swieq ta' l-enerġija elettrika, li jikkonsisti fl-għajbien ta' GDP bħala l-kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli (premessi 335 sa 364; ara b'mod partikolari l-premessa 363; premessi 431 u 450 sa 473) u, min-naħa l-oħra, effetti mhux orizzontali fuq is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, li jikkonsistu fl-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali tal-kompetituri tagħha, l-aċċess privileġġjat u preferenzjali għar-riżorsi ta' gass disponibbli fil-Portugall kif ukoll il-possibbiltà u l-intenzjoni ta' żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-kompetituri tagħha (premessi 365 sa 428).

174    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestatx id-definizzjoni tas-swieq ta' l-enerġija elettrika (ara l-punt 24 iktar 'il fuq). Fir-risposta tagħha bil-miktub għas-seduta, hija tammetti wkoll l-eżistenza tal-problemi ta' kompetizzjoni li ġew identifikati f'dawn is-swieq, għalkemm tikkontesta l-intensità tagħhom.

175    Ir-rikorrenti tressaq żewġ ilmenti intiżi sabiex tikkontesta l-persistenza kemm ta' l-effett orizzontali kif ukoll ta' l-effetti mhux orizzontali fis-swieq ta' l-enerġija elettrika fid-dawl ta' l-impenji. Barra minn dan hija tallega, b'mod trasversali fil-kuntest ta' dawn iż-żewġ ilmenti, li l-Konċentrazzjoni kif emendata għandu jkollha impatt pożittiv fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika Portugiżi. F'dan ir-rigward, hija tikkonċentra kważi esklużivament fuq l-eżami tas-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika.

176    L-ewwel nett, dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta' l-effett orizzontali tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika.

177    Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-uniku effett orizzontali tal-Konċentrazzjoni fuq is-swieq kollha ta' l-enerġija jikkonsisti fl-għajbien ta' GDP bħala l-kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli ta' EDP. F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, il-Kummissjoni esponiet diversi fatturi ġenerali li juru li, ekonomikament, jagħmel sens u huwa interessanti għal fornitur tal-gass li jidħol fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika (premessi 335 sa 344). Dan l-inċentiv ġenerali huwa kkonfermat mit-test tas-suq u mill-eżempju ta' Stati Membri oħra fejn il-liberalizzazjoni ta' dawn is-swieq wasslet għal riżultat bħal dan, b'mod partikolari fi Spanja u fir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-motivi, li għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita ma ġewx żvelati fid-deċiżjoni kkontestata, li juru l-interess individwali li GDP għandha li tidħol fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika (premessi 345 sa 361). F'dak li jirrigwarda, it-tieni nett, is-suq jew is-swieq emerġenti ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji, il-Kummissjoni tqis li l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur potenzjali ġdid fis-suq bl-ingrossa jfisser ukoll l-għajbien ta' kompetitur potenzjali ġdid fis-swieq in kwistjoni, filwaqt li d-dħul ta' GDP fis-suq bl-ingross idgħajjef il-pożizzjoni ta' EDP f'dawn is-swieq (premessi 430 sa 432). F'dak li jirrigwarda, it-tielet nett, is-swieq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika, il-Kummissjoni tikkunsidra li GDP kienet il-kompetitur potenzjali sinjifikattiv minħabba l-preżenza kummerċjali eżistenti, ir-reputazzjoni li tgawdi t-trade mark nazzjonali tagħha u l-possibbilta' li hija għandha li tagħmel offerti doppji (enerġija elettrika + gass). F'dan ir-rigward il-Kummissjoni bbażat ruħha l-iktar fuq it-test tas-suq u fuq eżempji meħudin mis-sitwazzjoni li jinsabu fiha Stati Membri oħra (premessi 449 sa 473).

178    Ir-rikorrenti tammetti li l-Konċentrazzjoni kif innotifikata ssaħħaħ il-pożizzjonijiet dominanti ta' EDP fis-swieq in kwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm tfixkil serju għal kompetizzjoni effettiva. Min-naħa l-oħra, hija tiddikjara, l-ewwel nett, li hemm dubju kbir li GDP jkollha, fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, inċentiv qawwi li tidħol fis-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika. Hija tallega, it-tieni nett, li l-konsegwenzi favorevoli fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni, li probabbilment, għandhom jirriżultaw mill-impenji proposti jagħmlu iktar milli jikkumpensaw kull telf ta' kompetizzjoni potenzjali minn GDP.

179    Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm f'diversi punti tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tirreferi għall-għajbien ta' "GDP" bħala l-kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli fis-swieq ta' l-enerġija elettrika, mid-deċiżjoni, moqrija fit-totalità tagħha, u, b'mod partikolari, mis-sezzjoni intiża sabiex turi l-interess partikolari li GDP għandha li tidħol fis-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika (premessi 345 sa 364), jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li tali dħul fis-suq kellu jsir "permezz ta' Galp" inkwantu entità ekonomika waħda, li tinkludi GDP u kumpanniji sussidjarji oħra ta' Galp, mingħajr ma l-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ li tindika speċifikament liema kumpannija sussidjarja tal-grupp Galp kienet teżerċita funzjoni partikolari. Fl-analiżi li ġejja, il-Qorti tal-Prim'Istanza ser tirreferi espliċitament għal Galp, jew għall-grupp Galp, li jinkludi GDP (iktar 'il quddiem Galp/GDP), biss fejn huwa meħtieġ.

1.     Fuq l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli

180    F'dak li jirrigwarda l-inċentiv li GDP għandha li tidħol fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta' l-eżempji meħuda minn Stati Membri oħra, l-importanza ta' l-attwali parteċipazzjoni ta' GDP f'żewġ impjanti ta' ko-ġenerazzjoni (rikors abbrevjat, punt 119, nota 105), in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tar-rabtiet li jeżistu bejn EDP u GDP u n-nuqqas ta' interess ta' GDP li tikkompeti ma' EDP (rikors abbrevjat, punt 127). F'dak li jirrigwarda l-inċentiv li GDP għandha li tidħol fis-swieq ta' l-aġġustament u tal-bejgħ bl-imnut ta' l-enerġija elettrika, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li dawn is-swieq għandhom jibbenefikaw mit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika (rikors abbrevjat, punt 129).

181    Fir-rikors abbrevjat għall-finijiet tal-proċedura mħaffa, li fuq dan il-punt huwa essenzjalment identiku għar-rikors oriġinali, ir-rikorrenti, f'noti fuq in-naħa ta' isfel tal-paġna, tirreferi għal diversi siltiet tar-rapport Lexecon intitolati "il-prospettiva li tiġi fis-seħħ kompetizzjoni qawwija fil-qasam ta' l-enerġija elettrika min-naħa ta' GDP hija eżaġerata" u "mudell formali ta' inċentivi għall-investiment fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall". Konsegwentement, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tirreferi għar-rapport ta' l-ekonomist prinċipali tagħha li huwa intiz sabiex jirribatti d-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rapport Lexecon.

182    Għandu jiġi mfakkar li referenza ġenerali għall-annessi tas-sottomissjonijiet tal-Partijiet għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli safejn din ma tkunx ta' sostenn għall-argumenti diġà ppreżentati fis-sottomissjonijiet prinċipali tal-Partijiet (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 iktar 'il fuq). Fil-fatt, hija, l-ewwel nett, ir-rikorrenti li fir-rikors tagħha kellha tipprovdi l-argumenti li juru li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni. Madankollu, l-uniċi argument li jsostnu d-dikjarazzjoni li d-dħul fis-suq ta' GDP kien dubbjuż, li jinsabu kemm fir-rikors oriġinali kif ukoll f'dak abbrevjat, huma dawk li ġew esposti fil-punt 180 iktar 'il fuq. Min-naħa l-oħra, ir-rapport Lexecon jinkludi diversi argumenti oħra intiżi sabiex juru n-nuqqas ta' inċentiv għal GDP li tidħol fis-swieq ta' l-enerġija elettrika li ma hemm l-ebda ħjiel tagħhom fir-rikors. Għalhekk, ir-referenza għar-rapport Lexecon hija aċċettabbli biss f'dak li jirrigwarda l-argumenti li jinsabu fir-rikors u l-argumenti l-oħra għandhom jiġu miċħuda.

183    Għandu wkoll jiġi osservat li l-fatt li dan ir-rikors huwa eżaminat skond proċedura mħaffa jsaħħaħ ir-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 iktar 'il fuq minflok ma jdgħajjef l-imsemmija rilevanza. Fil-fatt, proċedura mħaffa, fejn ma tkunx saret it-tieni sezzjoni ta' osservazzjonijiet bil-miktub, tippresupponi li l-argumenti tar-rikorrenti huma stabbiliti, b'mod ċar u definittiv, mill-bidu fir-rikors jew, jekk ikun il-każ, fil-verżjoni abbrevjata tiegħu. Barra minn hekk, il-limitazzjoni neċessarja tal-volum tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, b'mod konformi ma' l-Istruzzjonijiet Prattiċi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti lill-partijiet (punt VI, paragrafi 2 u 3), u għalhekk, b'mod impliċitu, il-limitazzjoni tan-numru u tal-kumplessità ta' l-argumenti ppreżentati ma jistgħux jiġu evitati permezz ta' referenza sistematika għal rapporti voluminużi u/jew kumplessi.

184    F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, ir-rilevanza ta' l-eżempji ta' liberalizzazzjoni Spanjola u dik Brittanika, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tipprova r-rilevanza ta' dawn l-eżempji fis-suq Portugiż u tirreferi għall-eżempji kuntrarji tal-Ġermanja u ta' Franza.

185    Għandu jiġi osservat li dawn l-eżempji kienu intiżi sabiex juru l-interess, b'mod ġenerali, għal fornitur importanti ta' gass li jeffettwa integrazzjoni vertikali billi jforni c-CCGT's tiegħu stess. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda raġuni għalfejn dawn l-eżempji mhumiex rilevanti għall-Portugall. Bl-istess mod, hija ma pprovdiet l-ebda motiv preċiż li jispjega għaliex l-eżempji kuntrarji bbażati fuq is-swieq Franċiżi jew Ġermaniżi huma iktar rilevanti f'dak li jirrigwarda l-Portugall. Barra minn hekk, bil-kontra tar-rikors, ir-Rapport Lexecon jibbaża ruħu fuq dawn l-eżempji nazzjonali sabiex jipprova s-sehem dgħajjef ta' impjanti mibnija minn kompetituri ġodda fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika [rapport Lexecon, 3.3(b)]. Barra minn hekk, dan l-interess ġenerali għall-fornituri tal-gass huwa kkonfermat mir-risposti għat-test tas-suq li jibbażaw ruħhom fuq dawn l-eżempji Brittaniċi u fuq kollox Spanjoli.

186    Min-naħa l-oħra, u prinċipalment, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ppruvat, billi bbażat ruħha fuq it-test ta' suq, il-vantaġġi ekonomiċi għal fornitur ta' gass li li jeffettwa integrazzjoni vertikali fil-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika minħabba l-fatt li l-impjanti l-ġodda ta' l-enerġija elettrika li jinbnew jitħaddmu, ġeneralment, bil-gass, li tali fornitur jista' għalhekk jibbenefika mill-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli li huwa jkollu minħabba l-aċċess għall-gass, li l-operatur preċedenti fil-qasam tal-gass kien ifittex li jirbaħ swieq ġodda sabiex jikkumpensa għat-tnaqqis tas-sehem tiegħu fis-suq fis-settur tal-gass wara l-liberalizzazzjoni ta' dan ta' l-aħħar u, fl-aħħar nett, li din l-integrazzjoni tista' tkun segwita bid-dħul ta' tali fornitur fis-swieq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika. Issa r-rikorrenti ma allegat l-ebda żball, a fortiori manifest, fir-rigward ta' dawn l-inċentivi addizzjonali.

187    It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna l-interess ta' GDP fir-rigward ta' dħul fis-swieq ta' l-enerġija elettrika, il-Kummissjoni sostniet, fid-deċiżjoni kkontestata, li Galp, li għandha l-kapital kollu ta' GDP, daħlet fis-suq ta' produzzjoni ta' l-enerġija elettrika sa mis-sena 2000, permezz ta' kumpannija sussidjarja, Galp Power, billi ħadet sehem f'żewġ proġetti ta' impjanti ta' l-enerġija elettrika ta' ko-ġenerazzjoni b'saħħa ta 44 MW u ta' 30 MW (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata, nota fuq in-naħa ta' isfel tal-paġna Nru 236). Kif tenfasizza l-Kummissjoni, din il-parteċipazzjoni tipprova l-interess li Galp kellha, qabel il-Konċentrazzjoni, fir-rigward tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika. Iċ-ċirkustanza, li r-rikorrenti ssostni fir-rikors tagħha, li Galp ipparteċipat f'dawn iż-żewġ proġetti f'kollaborazzjoni u mhux f'kompetizzjoni ma' EDP mhijiex tali li tikkontesta l-prova li, permezz ta' din il-parteċipazzjoni, Galp kellha interess fir-rigward tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għad-dikjarazzjoni tal-President tal-Galp, riprodotta f'artiklu ta' l-istampa ta' AFX News, li tgħid li l-kumpannija tiegħu tixtieq tidħol fis-swieq ta' l-enerġija elettrika, b'mod partikolari f'dawk tal-produzzjoni, mingħajr ma l-azzjonisti tagħha, fosthom EDP, jikkritikawha. Dan l-artiklu jikkonferma l-konklużjoni li l-Kummissjoni esponiet f'dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, din l-istess ċirkustanza ma tibqax sinjifikattiva fid-dawl tal-proġetti l-oħra eżaminati iktar 'il quddiem.

188    Mid-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni kunfidenzjali tagħha, jirriżulta li [

189    [] Għaldaqstant ir-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-Konċentrazzjoni tikkawża l-għajbien ta' GDP, permezz tal-grupp Galp, bħala kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli ta' EDP.

190    F'dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li GDP tinsab f'pożizzjoni agħar minn dik ta' kompetituri potenzjali oħrajn ta' EDP minħabba r-rabtiet strutturali tagħha ma' din ta' l-aħħar, permezz ta' l-ishma li EDP għandha f'Galp, li għandha l-kapital kollu ta' GDP, u l-ishma li l-Istat Portugiż għandu f'EDP u GDP, għandu jiġi mfakkar li, skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 7, nota fuq in-naħa ta' isfel tal-paġna Nru 6), l-Istat Portuġiż jikkontrolla direttament 30 % u indirettament 18.3 % tal-kapital ta' Galp, Eni għandha 33.34 % minnu u EDP għandha 14 %. Għandu jiġi kkonstatat li, skond dawn iċ-ċifri, EDP m'għandhiex il-kontroll ta' GDP. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li EDP dejjem allegat li l-20 % li hija għandha f'Turbogàs ma kinux jagħtuha l-kontroll ta' din ta' l-aħħar. Madankollu, l-argument jista' jinqaleb inkwantu l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, dejjem ikkunsidrat li, minkejja l-impenn propost li EDP ma tużax id-drittijiet ta' vot tagħha f'ċerti oqsma u li taħtar membri indipendenti fuq il-Bord tad-Diretturi ta' Turboàs, dan ma kienx jipprekludi lill-EDP milli żżomm influwenza negattiva fuq l-aġir ta' Turbogàs. Skond il-Kummissjoni, EDP dejjem allegat li l-Istat ma kellux il-kuntroll ta' EDP. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li jidher li l-Gvern Portugiz huwa l-arkitett effettiv tal-Konċentrazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li l-Konċentrazzjoni tikkonforma ruħha eżattament max-xenarju mħabbar mill-Gvern Portugiż fl-2003 (ara punt 11 iktar 'il fuq), kemm fir-rigward ta' EDP kif ukoll fir-rigward ta' GDP, huwa probatorju f'dan ir-rigward.

191    Madankollu, anki jekk jiġi meqjus li EDP, waħedha jew permezz ta' l-Istat Portugiż, iżżomm influwenza fuq GDP, il-Konċentrazzjoni tibdel din l-influwenza f'kontroll pur u sempliċi, finalment, b'51 % ta' l-ishma. Issa, fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, kif turi d-deċiżjoni kkontestata, l-interess ekonomiku ta' GDP jista' jikkonvinċi l-azzjonisti tagħha, u b'mod partikolari lill-Istat Portugiż u lill-Eni, li għandhom il-maġġoranza ta' l-ishma, sabiex jabbandonaw strateġija ta' protezzjoni ta' l-interessi ta' EDP biex jiffavorixxu l-interessi ta' GDP.

192    F'dan ir-rigward il-Kummissjoni ġustament tfakkar li [].

193    F'dak li jirrigwarda, fir-raba' lok, l-argument li jgħid li EDP kellha inċentiv limitat li tidħol fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika jew li tiffaċilita d-dħul fis-suq ta' kompetituri l-ġodda sabiex iżżomm il-profitti tagħha billi tiffavorixxi lill-EDP bħala l-uniku klijent 'l isfel fil-linja, dan huwa msejjes fuq l-ipoteżi li, biż-żieda tal-kompetizzjoni fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika, GDP titlef, fis-suq tal-provvista ta' gass lil EDP jew lill-produtturi indipendenti, iktar min dak li tista' taqla' fis-suq tal-produzzjoni [direttament, ir-rapport Lexecon, 3.3(d) u, indirettament 3.3 (ċ)]. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li, fil-każ li l-pożizzjoni dominanti ta' EDP fuq dan is-suq tiġi fix-xejn, kemm minħabba d-dħul ta' GDP, jew inkella minħabba d-dħul ta kompetituri ġodda, ir-rieda (willingness) ta' EDP, li tħallas lill-fornituri tal-gass tagħha prezz daqs dak attwali, tonqos.

194    Barra mill-fatt li l-premessa li fuqha huwa bbażat dan l-argument bl-ebda mod ma hija ppruvata, il-Kummissjoni ġustament tirreferi għall-argument ippreżentat mill-ekonomist prinċipali tagħha li jgħid li din il-premessa tinjora l-istruttura tal-kuntratti fil-qasam ta' provvista tal-gass, b'mod partikolari l-prinċipju "ħu jew ħallas" jew il-karattru fit-tul tal-kuntratti ta' provvista ta' gass. Barra minn hekk, anki jekk jiġi meqjus li dan l-argument jirrigwarda biss il-bżonnijiet għal żmien qasir ta' EDP u li l-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika tipprovoka tensjonijiet fuq il-prezzijiet tal-gass inkwantu materja prima, la r-rikorrenti u lanqas ir-rapport Lexecon ma jispjegaw b'liema mod jew safejn id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ tal-gass minn GDP u l-ispejjeż interni għal GDP sabiex tforni lilha nnifisha jkunu inqas minn telf eventwali fis-suq tal-provvista ta' gass.

195    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma ppruvat l-ebda żball manifest min-naħa tal-Kummissjoni meta din ta' l-aħħar ikkunsidrat li GDP kellha inċentivi qawwijin sabiex tidħol fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika u li l-Konċentrazzjoni kellha tikkawża l-għajbien tal-kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli ta' EDP f'dan is-suq (premessi 344 u 868).

196    Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-effett orizzontali fuq is-swieq ta' l-aġġustament u tal-bejgħ bl-imnut ta' l-enerġija elettrika, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tikkunsidra li t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika jinħass ukoll f'dawn is-swieq derivati. Minn naħa, peress li din il-premessa ma ġietx ippruvata u, min-naħa l-oħra, peress li l-fatturi esposti mill-Kummissjoni intiżi sabiex jippruvaw l-eżistenza ta' l-effett orizzontali fuq dawn is-swieq ma ġewx ikkontestati, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppruvat l-ebda żball manifest ta' evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda dawn is-swieq. Konsegwentement għandha tiġi aċċettata l-eżistenza ta' effett orizzontali fuq is-swieq ta' l-aġġustament u tal-bejgħ bl-imnut ta' l-enerġija elettrika. Barra minn hekk, peress li dan l-effett fuq dawn is-swieq ġie miksub, għandu jiġi osservat li l-inċentiv ta' GDP li tidħol f'dawn is-swieq, b'mod partikolari f'dawk tal-bejgħ bl-imnut, għandu mnejn isaħħaħ konsiderevolment l-interess tagħha li tidħol fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika peress li dan joffri żbokk dirett għall-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika tagħha.

197    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ppruvat l-eżistenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-inċentivi qawwijin li GDP għandha li tidħol fis-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika, inklużi s-swieq ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji u s-swieq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika (premessi 432, 473, 876 u 881), u l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli ta' EDP f'dawn is-swieq.

2.     Fuq il-kumpensazzjoni tal-kompetizzjoni li tirrigwarda l-impenji

198    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tipprojbixxi operazzjoni ta' konċentrazzjoni meta l-kriterji imposti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jiġu sodisfatti fir-rigward ta' minn ta' almenu wieħed mis-swieq in kwistjoni (ara punti 141 sa 146 iktar 'il fuq).

199    Ir-rikorrenti ssostni li l-effett kumplessiv tad-diversi impenji li jirrigwardaw is-settur ta' l-enerġija elettrika jagħmel iktar milli jikkumpensa għat-telf tal-kompetizzjoni potenzjali ta' GDP. Hija ssostni wkoll li l-impenji li jirrigwardaw is-swieq tal-gass ukoll kellhom itejbu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika.

200    F'dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li jekk l-impenji jipproduċu, fuq wieħed mis-swieq in kwistjoni, kumpensazzjoni tal-kompetizzjoni li tkun superjuri għat-tfixkil serju tal-kompetizzjoni kkawżat mill-Konċentrazzjoni kif innotifikata, il-bilanċ tal-kompetizzjoni tal-Konċentrazzjoni fuq is-suq in kwistjoni jkun pożittiv. Konsegwentement, il-Konċentrazzjoni ma tistax tiġi pprojbita fil-konfront ta' dan is-suq bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolamennt Nru 4064/89.

201    Fir-risposta bil-miktub tagħha għas-seduta, u matul is-seduta, ir-rikorrenti insistiet bil-qawwa li, minħabba l-konnessjonijiet qawwija li jeżistu bejn is-swieq tal-gass u ta' l-enerġija elettrika u bejn id-diversi swieq ta' kull wieħed minn dawn is-setturi, evalwazzjoni korretta tas-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni f'kull wieħed mis-swieq tippresupponi t-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni fuq is-swieq l-oħra. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ssostni li jkun biżżejjed li waħda mill-problemi ta' kompetizzjoni identifikati f'wieħed mis-swieq in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tiġix solvuta mill-impenji proposti sabiex din id-deċiżjoni tkun kkonfermata.

202    Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li ż-żewġ argumenti mhumiex inkompatibbli. Fil-fatt, matul is-seduta r-rikorrenti ammettiet li l-Konċentrazzjoni kif immodifikata, ma setgħetx tkun is-suġġett ta' bilanċ globali tal-kompetizzjoni fejn il-benefiċċji ta' kompetizzjoni fuq wieħed mis-swieq setgħu jikkumpensaw għan-nuqqas ta' kompetizzjoni li jkun hemm f'suq ieħor. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni lanqas ma allegat li s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni f'wieħed mis-swieq in kwistjoni hija kompletament indipendenti minn dik ta' swieq oħra.

203    Għandu jiġi osservat li, meta operazzjoni ta' konċentrazzjoni tkun tinvolvi diversi swieq distinti, iżda interkonnessi, u meta s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni f'suq jew f'diversi minn dawn is-swieq tinfluwenza s-sitwazzjoni f'suq jew ieħor, dawn is-swieq l-oħra għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni korretta u sħiħa ta' jekk l-operazzjoni in kwistjoni toħloqx jew issaħħaħx pożizzjoni dominanti fuq wieħed mis-swieq ikkonċernati bil-konsegwenza ta' tfixkil serju tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, mhuwiex meħtieġ li jiġi kkonstatat li l-operazzjoni in kwistjoni għandu jkollha dawn il-konsegwenzi fuq kull wieħed mis-swieq ikkonċernati sabiex tiġi deċiża l-projbizzjoni ta' din l-operazzjoni.

204    F'dan il-każ, huwa evidenti li s-sitwazzjonijiet ta' kompetizzjoni fuq kull wieħed mis-swieq ta' l-enerġija elettrika huma interkonnessi, anke jekk dawn ma jiddependux esklużivament minn xulxin. B'hekk, kif tikkonstata l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-inċentivi għad-dħul fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika huma msaħħa bid-dħul fis-suq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika (premessa 338, 342, 343 u 362) u viċe versa (premessi 456 u 472). Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkunsidrat li huma biss il-produtturi ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall li setgħu jieħdu sehem fis-suq ta' l-aġġustament u tas-servizzi awżiljarji ta' l-enerġija elettrika (premessi 430 u 431).

205    Jirriżulta wkoll li s-sitwazzjonijiet ta' kompetizzjoni fuq kull wieħed mis-swieq ta' l-enerġija elettrika huma marbutin ma dawk li jeżistu fis-swieq tal-gass. B'hekk, b'mod partikolari, id-dħul ta' kompetituri fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika jiddependi parzjalment fuq il-possibbiltà li dawn ifornu ruħhom bil-gass b'mod indipendenti minħabba l-ostakoli għad-dħul f'dan is-suq li ġew esposti mill-Kummissjoni meta hija identifikat l-effetti mhux orizzontali tal-Konċentrazzjoni (premessi 365 sa 428). Barra minn hekk, l-inċentiv li GDP għandha li tidħol fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika huwa parzjalment ibbażat fuq il-prezz tal-gass li hija tikseb in kwantu fornitur (premessi 340, 341 u 343). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li wieħed mill-inċentivi prinċipali li GDP għandha sabiex tidħol fis-suq bl-imnut ta' l-enerġija elettrika kienet il-kapaċità tagħha li tagħmel offerti doppji (premessi 453 sa 458), u dan neċessarjament jippresupponi influwenza fuq il-kapaċità tal-kompetituri li jagħmlu offerti simili, u għaldaqstant fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass.

206    Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-problemi ta' kompetizzjoni fis-swieq ta' l-enerġija elettrika għandha bilfors tieħu in kunsiderazzjoni s-siwazzjoni ta' kompetizzjoni fis-swieq l-oħra ta' l-enerġija elettrika jew tal-gass kif din tirriżulta mill-Konċentrazzjoni kif immodifikata mill-impenji.

a)     Fuq l-impenji li jirrigwardaw il-qasam ta' l-enerġija elettrika

207    F'dak li jirrigwarda l-effett kombinat tad-diversi impenji li jikkonċernaw is-settur ta' l-enerġija elettrika, ir-rikorrenti ssemmi t-tneħħija ta' l-investiment ta' EDP f'REN u fit-Tejo Energia, il-moratorju li jirrigwarda l-bini ta' CCGTs ġodda, il-kiri ta' TER u s-sospensjoni tad-drittijiet ta' vot f'Turbogàs billi tirreferi, prinċipalment, għall-parti tar-rapport Lexecon intitolata "L-impenji probabbilment itejbu l-inċentivi għat-terzi sabiex jidħlu fis-suq ta' l-enerġija elettrika". Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kritika tagħha li tirrigwarda l-effetti mhux orizzontali fuq is-suq ta' l-enerġija elettrika, hija tippreżenta argumenti li jirrigwardaw il-moratorju, il-kiri ta' TER u Tejo Energia. Il-Kummissjoni tenfasizza n-nuqqas ta' argument u ta' elementi fattwali f'dak li jirrigwarda l-effett kombinat ta' dawn l-impenji u tirreferi wkoll għal żewġ partijiet tar-rapport ta' l-ekonomist prinċipali tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tieħu ħsieb tiċħad b'mod dettaljat l-argumenti li r-rikorrenti esponiet fir-rikors tagħha.

208    Għandu jiġi mfakkar li r-referenza għar-rapport Lexecon hija aċċettabbli biss fir-rigward ta' l-argumenti li jinsabu fir-rikors u li l-argumenti l-oħra għandhom jiġu miċħuda.

209    F'dak li jirrigwarda l-moratorju u l-impenn li TER tiġi mikrija, għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, EDP tikkonkludi l-proġett tagħha TER billi tibni tliet power stations CCGT, li l-aħħar waħda minnhom għandha tibda tipproduċi fl-2006, b'total ta' produzzjoni ta' [1000 sa 1500] MW li jammontaw għal kważi 20 % tal-konsum attwali fil-Portugall (premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata). Bil-Konċentrazzjoni, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li ma jibnux CCGTs oħra u li jikru l-kapaċità ta' produzzjoni ta' waħda mis-CCGTs ta' TER sat-30 ta' Ġunju 2010 jew qabel fil-każ li jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet sospensivi, li l-ewlenija fosthom tirrigwarda l-għoti, mill-Gvern Portugiż, ta' liċenzji għall-bini ta' CCGTs lil entità jew lil żewġ entitajiet li mhumiex ikkontrollati minn EDP.

210    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li kien biss il-bini ta' CCGTs li seta' jiftaħ b'mod sinjifikattiv is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika minħabba l-limiti strutturali ta' l-importazzjonijiet, id-dewmien tas-suq Iberiku u l-vantaġġ li s-CMEC jagħtu lill-produtturi attwali (premessi 292 sa 334). It-tieni nett, il-Kummissjoni enfasizzat it-tul ta' żmien limitat tal-moratorju u tal-kiri, il-fatt li dawn setgħu jintemmu anki qabel is-CCGTs jiġu effettivament mibnija jew qabel ma jibdew joperaw CCGTs ġodda, il-fatt li dan it-tmiem antiċipat minħabba l-għoti ta' liċenzji lil entitajiet mhux ikkontrollati minn EDP ma kienx jipprekludi lil din ta' l-aħħar milli jkollha rbit ma' dawn l-entitajiet u l-fatt li dawn l-impenji ma kinux jipprekludu lill-EDP milli titlob liċenzji għaliha nfisha. F'dak li jirrigwarda l-kiri ta' TER, il-Kummissjoni qieset, barra minn hekk, li l-inċertezzi li jirrigwardaw it-tul ta' żmien tiegħu tant kienu se jkunu ta' piż fuq il-kerrej, li l-kerrej ma jikseb l-ebda kompetenza ta' produzzjoni u li EDP għandha għarfien ta' informazzjoni essenzjali rigward il-kerrej peress li dan ta' l-aħħar jikri biss il-kapaċità mingħajr l-amministrazzjoni tal-mezzi ta' produzzjoni (ara, f'dak li jirrigwarda l-impenji tas-17 ta' Novembru 2004, il-premessi 743 sa 753 u, f'dak li jirrigwarda l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004, il-premessa 868). Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li bl-ebda mod ma kien ċert li dawn l-impenji għandhom iwasslu għal dħul effettiv ta' produtturi ġodda.

211    Issa, fir-rikors tagħha r-rikorrenti m'għamlitx kritika serja tal-fatturi li l-Kummissjoni identifikat sabiex tikkonkludi li dawn iż-żewġ impenji ma kinux suffiċjenti fir-rigward tal-problemi ta' kompetizzjoni identifikati.

212    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni m'għamlet l-ebda żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-moratorju u l-kiri ta' CCGT ta' TER ma kinux, minnhom infushom, ta' natura tali li jsolvu l-problema orizzontali fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika.

213    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tallega li, mingħajr il-Konċentrazzjoni, EDP tibqa' fil-pożizzjoni li tibni CCGTs ġodda (nuqqas ta' moratorju), u dan iħalli biss possibbiltà limitata ħafna għad-dħul ta terzi.

214    Huwa ċert li, fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, jeżisti ostakolu reali għad-dħul ta' produtturi ta' l-enerġija elettrika ġodda, li jirriżulta mill-intenzjoni u mill-kapaċità li EDP għandha li tibni power stations ġodda f'suq li diġà huwa fornit sew. Madankollu, fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, dan l-ostakolu għad-dħul ma jaffettwax b'mod ċar lil GDP jew lill-grupp Galp, peress li l-Kummissjoni ppruvat, mingħajr ma wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni (ara punti 181 sa 196 iktar 'il fuq), li GDP jew il-grupp Galp kellhom l-intenzjoni li jidħlu fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika. Issa, bil-Konċentrazzjoni, mingħajr m'għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni (ara punti 210 sa 212 iktar 'il fuq) il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenji ma kinux suffiċjenti sabiex jippermettu d-dħul probabbli ta' kompetituri ġodda fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika filwaqt li GDP tgħib bħala kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jurix li l-Kummissjoni għamlet żball manifest f'dak li jirrigwarda l-effett orizzontali tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata fuq is-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika.

215    Ir-rikorrenti tallega li l-bejgħ ta' l-ishma li hija għandha f'Tejo Energia kiser ir-rabta strutturali li hemm bejn EDP u kompetitur li jipproduċi l-enerġija elettrika, u kien ċertament ikollu effett strutturali pożittiv fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li d-dħul fis-suq ta' GDP bl-ebda mod ma kien ċert [rapport Lexecon, 4.4 (ċ)].

216    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni uriet ruħha lesta li tirrikonoxxi li t-tneħħija ta' l-investiment ta' EDP f' Tejo Energia huwa pożittiv. Madankollu, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta, li kien hemm diversi fatturi oħra li kienu jimpedixxu lil Tejo Energia milli tibni CCGT, b'mod partikolari n-nuqqas ta' qbil f'dan ir-rigward bejn l-azzjonisti u l-fatt li l-azzjonisti ewlenin, International Power u Endesa, huma marbutin ma' EDP permezz ta' ftehimiet oħra li jirrigwardaw il-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika fil-Portugall (premessi 669, 756 sa 758, u 867 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li r-rikorrenti naqset milli tipprova li Tejo Energia tikkostitwixxi kompetitur importanti daqs GDP, għandu jiġi deċiż li l-impenn li jirrigwarda Tejo Energia mhuwiex suffiċjenti, minnu innifsu, sabiex isolvi l-problemi orizzontali identifikati fis-suq bl-ingrossa.

217    Ir-rikorrenti ssostni wkoll l-impenn tagħha li jirrigwarda l-limitazzjoni tad-drittijiet ta' vot tagħha f'Turbogàs fir-rigward ta' deċiżjonijiet relatati ma' l-akkwist ta' gass naturali u ma' l-investimenti ġodda u s-sostituzzjoni tar-rappreżentanti ta' EDP fuq il-Bord tad-Diretturi b'membri indipendenti.

218    Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 759 sa 766 u 861), il-Kummissjoni kkunsidrat li EDP żammet influwenza fuq Turbogàs minħabba ż-żamma tad-drittijiet ta' vot tagħha fl-oqsma mhux koperti mill-impenn u minħabba n-natura temporanja ta dan l-impenn. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-fatt li EDP irriżervat id-dritt li tagħti istruzzjonijiet lir-rappreżentanti indipendenti tagħha sabiex jinżamm il-valur tas-sehem tagħha. F'dan ir-rigward, hija ssemmi l-interess li l-azzjonisti l-oħra ta' Turbogàs, b'mod partikolari International Power, għandhom li jżommu relazzjonijiet tajba ma' EDP. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li EDP reċentement akkwistat dritt ta' għażla fuq sehem addizzjonali ta' 20 % ta' Turbogàs u fuq l-amministrazzjoni tal-kapaċità sħiħa ta' produzzjoni ta' Turbogàs. Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li EDP []. Peress li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest meta qieset li Turbogàs ma kienx jikkostitwixxi kompetitur sinjifikattiv, għandu jiġi deċiż li l-impenn li jirrigwarda Turbogàs mhuwiex, minnu innifsu, suffiċjenti sabiex isolvi l-problemi orizzontali identifikati fis-suq bl-ingrossa.

219    Ir-rikorrenti tallega wkoll li t-tnaqqis minn 30 % għal 5 % ta' l-ishma li hija għandha f'REN għandu effett pożittiv ċar fuq il-kompetizzjoni [rapport Lexecon, 4.4 (ċ)]. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx dan l-impenn fid-dawl ta' l-effett orizzontali fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika, iżda fid-dawl ta' l-effetti mhux orizzontali fuq dawn is-swieq, kif indikat mill-Partijiet fl-ittra tagħhom tat-2 ta' Novembru 2004. Fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet addizzjonali oħra minbarra l-eżistenza ta' dan l-impenn, ir-rikorrenti ma tippruvax li l-Kummissjoni għamlet żball manifest f'dak li jirrigwarda dan l-impenn.

220    Bħala konklużjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-Konċentrazzjoni, kif immodifikata mill-impenji kollha li jirrigwardaw direttament il-problema orizzontali, ikkunsidrati f'daqqa, kellha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni minħabba l-effetti orizzontali tagħha fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika. B'mod partikolari, għalkemm huwa minnu li dawn l-impenji kollha meħudin flimkien itejbu l-possibblità ta' dħul fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tirribatti l-konklużjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq it-test tas-suq, li jgħid li, li dawn l-impenji kollha meħudin flimkien ma joħolqux ambjent kompetittiv suffiċjenti sabiex irendu tali dħul probabbli. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali dħul huwa prevedibbli f'wieħed mis-swieq ta' l-enerġija elettrika, xejn ma jindika li dan il-kompetitur il-ġdid għandu s-saħħa u l-vantaġġi li GDP għandha fid-dawl tad-dħul tagħha fis-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika jew f'uħud minnhom (premessi 362 sa 364, 675, 767 u 868 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)     Fuq l-impenji li jirrigwardaw is-settur tal-gass

221    Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tiddikjara li ċertu numru ta' impenji li jirrigwardaw is-swieq tal-gass għandhom jippermettu lil kompetitur ġdid fis-suq bl-ingross ta' l-enerġija elettrika li jikseb gass b'mod indipendenti mill-entità magħquda. Madankollu, hija la tindika liema huma l-argumenti rilevanti u lanqas fuq liema livell, iżda tirreferi b'mod ġenerali għall-parti tar-rikors tagħha ddedikata għall-eżami tas-swieq tal-gass. Il-Kummissjoni tenfasizza dan in-nuqqas u tidentifika biss, fil-parti tas-sottomissjonijiet tar-rikorrenti ddedikati għas-swieq tal-gass, dikjarazzjoni waħda ta' natura ġenerali li tgħid li "dawn l-impenji [li jirrigwardaw il-gass] joħolqu ambjent li huwa manifestament iktar kompetittiv fis-settur ta' l-enerġija elettrika".

222    Mill-inkartament jirriżulta li l-impenji li jirrigwardaw is-settur tal-gass huma ta' żewġ tipi, skond jekk dawn humiex intiżi, prinċipalment, minn naħa, sabiex isolvu l-problemi mhux orizzontali identifikati fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, essenzjalment billi jtejjbu l-kundizzjonijiet ta' provvista ta' gass għall-produtturi ta' l-enerġija elettrika kompetituri ta' l-entità magħquda (A/ENI.II sa F/ENI.IX, H/ENI.XI, u L/EDP.1) jew, min-naħa l-oħra, sabiex isolvu l-problemi orizzontali jew mhux orizzontali fis-swieq tal-gass (G/ENI.X, I/ENI.XII u J/ENI.XIV).

223    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni identifikat l-effett orizzontali fuq is-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika, kif ukoll l-impenji li huma direttament intiżi sabiex isolvu din il-problema ta' kompetizzjoni, indipendentement mill-effetti mhux orizzontali fuq is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika u ta' l-impenji intiżi sabiex isolvu dawn l-aħħar problemi ta' kompetizzjoni (premessi 362 sa 364, 675, 767 u 868 tad-deċiżjoni kkontestata). B'hekk hija neċessarjament ikkunsidrat li l-Konċentrazzjoni kif immodifikata kellha tiġi projbita, eventwalment, anki għas-sempliċi raġuni li din kienet issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' EDP bil-konsegwenza ta' tfixkil serju tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika minħabba l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, kif tallega r-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv tagħha (ara punt 84 iktar 'il fuq) u fil-kuntest ta' dan il-motiv, il-Kummissjoni kellhiex teżamina l-impenji kollha sabiex tikkonstata li l-effetti kombinati tagħhom kienu jagħmlu iktar milli jikkumpensaw għall-għajbien tal-kompetizzjoni probabbli li ġejja minn GDP.

224    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-impenji li jirrigwardaw l-effetti mhux orizzontali fuq is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika (A/ENI.II sa F/ENI.IX, H/ENI.XI, u L/EDP.1) għandhom biss effett dgħajjef ħafna fuq il-problema orizzontali identifikata fis-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika, jiġifieri l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli bħala riżultat tal-Konċentrazzjoni kif mmodifikata.

225    Minn naħa, dawn l-impenji ma jaffettwawx l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda GDP. Fil-fatt, GDP ma kinitx ikkonċernata mill-problemi mhux orizzontali relatati ma' dawn l-impenji peress li hija kellha għad-dispożizzjoni, għaliha nfisha fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, aċċess privileġġjat għall-gass. Minħabba f'hekk, kemm l-inċentiv proprju ta' GDP li tidħol fis-swieq ta' l-enerġija elettrika kif ukoll is-saħħa ta' dan id-dħul jibqgħu l-istess fil-konfront ta' dawn l-impenji.

226    Min-naħa l-oħra, huma jaffettwaw biss b'mod marġinali l-analiżi tal-Kummissjoni li tirrigwarda s-saħħa tad-dħul ta' GDP fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika meta mqabbla mad-dħul tal-kompetituri oħra ta' l-entità magħquda. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li GDP kellha vantaġġi kompetittivi importanti fuq il-kompetituri potenzjali l-oħrajn ta' l-entità magħquda fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika, jiġifieri prinċipalment, integrazzjoni vertikali bejn l-attivitajiet li jirrigwardaw il-gass u l-enerġija elettrika fi ħdan il-grupp Galp, aċċess privileġġjat għall-gass, ir-reputazzjoni tat-trade mark tagħha u l-għarfien tal-klijentela fil-Portugall. Issa, anki jekk jiġi meqjus li l-impenji intiżi sabiex isolvu l-problemi mhux orizzontali huma kompletament effikaċi, is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika jibqgħu inqas favorevoli bil-Konċentrazzjoni milli mingħajrha. L-ewwel nett, l-impenji in kwistjoni kienu essenzjalment intiżi biss sabiex ineħħu l-problema ta' kompetizzjoni kkreata mill-istess Konċentrazzjoni, jiġifieri li l-pożizzjoni dominanti ta' l-impriża li għandha pożizzjoni doninanti fuq is-suq tal-provvista tal-gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika titqiegħed għas-servizz ta' l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti b'saħħitha fuq is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika. Barra minn dan, anki li kieku dawn l-impenji kienu adattati sabiex jiffavorixxu l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika permezz ta' CCGTs, dawn iwasslu biss sabiex ikun garantit aċċess għall-gass inqas diskriminatorju u iktar kunfidenzjali għall-kompetituri ta' l-entità magħquda. Madankollu, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-aċċess għall-gass, fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni, kien ostakolu reali għad-dħul fis-suq ta' kompetituri oħra minbarra GDP iżda bbażat ruħha fuq it-test tagħha tas-suq sabiex tipprova li ma tantx kien probabbli li l-kompetituri attwali jew potenzjali identifikati effettivament jidħlu jew jiżviluppaw f'dan is-suq (ara l-premessi 305 sa 331). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma allegatx, u dan kien ikun diffiċli li jsir, li dawn l-impenji kienu jagħtu lil dawn il-kompetituri aċċess għall-gass li jkun faċli u ekonomikament favorevoli daqs dak li GDP kellha fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni. Konsegwentement, il-vantaġġi kompetittivi kollha ta' GDP meta mqabbla mal-kompetituri l-oħra ta' l-entità magħquda baqħu. Fi-kliem ieħor, it-titjib nett tal-provvista tal-gass tal-kompetituri ta' l-entità magħquda, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, ma setax jikkumpensa b'mod sinjifikattiv għall-għajbien ta' GDP.

227    Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-impenji intiżi sabiex isolvu l-problemi mhux orizzontali fis-suq bl-ingrossa kellhom biss influwenza marġinali fuq l-analiżi, tal-Kummissjoni, tal-problema orizzontali fis-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, ġustament u mingħajr ma tagħmel żball manifest ta' evalwazzjoni, tastjeni ruħha milli tikkunsidra dawn l-impenji sabiex tiddeċiedi li l-Konċentrazzjoni kif immodifikata kienet issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' EDP bil-konsegwenza ta' tfixkil serju tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika minħabba l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli.

228    It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna l-impenji li jirrigwardaw kompletament il-qasam tal-gass (G/ENI.X, I/ENI.XII et J/ENI.XIV), ir-rikorrenti bl-ebda mod ma indikat fuq liema livell dawn itejjbu l-kapaċità kompetittiva ta' kompetituri eventwali ta' EDP. Issa, mhuwiex kompitu tal-Qorti nfisha li tistħarreġ liema effetti dawn l-impenji jista' jkollhom fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika u lanqas, fuq kollox, li tiddeċiedi hija nfisha dwar l-intensità ta' dawn l-effetti sabiex tikkonstata żball manifest ta' evalwazzjoni magħmul mill-Kummissjoni.

c)     Konklużjoni fuq il-bilanċ globali tal-kompetizzjoni tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika

229    Għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma ppruvatx żball manifest ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar li GDP kienet kompetitur importanti potenzjali l-iktar probabbli ta' EDP fis-swieq ta' l-enerġija elettrika.

230    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppruvatx żball manifest f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-impenji relatati mal-problema orizzontali li l-Kummissjoni identifikat fis-swieq ta' l-enerġija elettrika ma kinux adattati sabiex jiffavorixxu d-dħul ta' kompetitur importanti ieħor minbarra GDP.

231    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni billi, fl-evalwazzjoni ta' l-effett orizzontali tal-Konċentrazzjoni fuq is-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika, ma kkunsidratx l-effett ta' l-impenji proposti għas-soluzzjoni tal-problemi ta' kompetizzjoni mhux orizzontali fis-swieq ta' l-enerġija elettrika jew għas-soluzzjoni tal-problemi ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-gass.

232    B'mod partikolari, it-titjib konsiderevoli tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass dovut għall-Konċentrazzjoni kif immodifikata ma jsolvix il-problemi ta' kompetizzjoni fis-suq ta' l-enerġija elettrika.

233    Huwa stabbilit li s-sitwazzjoni fis-swieq tal-gass titjieb sew permezz tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata. Wara l-Konċentrazzjoni, l-impenji joħolqu, fir-rigward tas-sitwazzjoni monopolistika attwali ta' GDP qabel il-Konċentrazzjoni, aċċess kompetittiv għall-gass għat-terzi b'garanziji reli ta' aċċess mhux diskriminatorju għall-gass, anki jekk skond il-Kummissjoni dawn jibqgħu mhux kompleti. Barra minn hekk, il-proposti ppreżentati mill-awtoritajiet Portugiżi, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-tħaffif tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass, joħolqu sitwazzjoni ġdida ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-gass. Din is-sitwazzjoni tista' tagħti lok għad-dħul ta' kompetituri ġodda fis-suq tal-gass, kompetituri ġodda li, għall-istess raġunijiet bħal GDP, jistgħu min-naħa tagħhom jidħlu fis-swieq ta' l-enerġija elettrika. Din is-sitwazzjoni fis-swieq tal-gass tista' wkoll ittejjeb is-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni fis-swieq derivati tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika minn CCGTs peress li l-kompetituri potenzjali ta' EDP jistgħu jittamaw għal provvista li tkun iktar kompetittiva u li ma tkunx diskriminatorja jew li tkun inqas diskriminatorja.

234    Madankollu l-Kummissjoni m'għamlitx żball manifest meta kkunsidrat li l-vantaġġi kkawżati minn dawn l-impenji u minn dawn il-proposti ma jwasslux għal sitwazzjoni ta' kompetizzjoni fis-swieq ta' l-enerġija elettrika li tkun ekwivalenti jew aħjar minn dik li tirriżulta mid-dħul potenzjali ta' GDP f'dawn is-swieq fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni. Minn naħa, la kompetitur eventwali ġdid fis-swieq tal-gass u lanqas kompetitur ġdid fis-suq bl-ingrossa ta' l-enerġija elettrika ma jkun jista', almenu għal ċertu żmien, ikollu s-saħħa li GDP tista' teżerċita fin-nuqqas tal-Konċentrazzjoni sabiex tidħol fis-swieq ta' l-enerġija elettrika. B'mod partikolari, il-Kummissjoni enfasizzat id-diversi vantaġġi speċifiċi ta' GDP li jirrigwardaw, b'mod partikolari, l-aċċess tagħha għall-gass, ir-reputazzjoni tat-trade mark tagħha, l-għarfien tagħha tal-klijentela u l-proġetti diġà stabbiliti tagħha fil-qasam ta' l-enerġija elettrika. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi potenzjal ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u għaldaqstant, it-tnaqqis relatat ta' wieħed mill-ostakoli għad-dħul fis-suq tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika ma jippermettix li tiġi ribattuta l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li d-dħul ta' kompetituri oħra importanti daqs GDP f'dan is-suq ma tantx huwa probabbli.

235    Konsegwentement, għalkemm il-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tevalwa l-vantaġġi li l-Konċentrazzjoni pproduċiet fis-swieq tal-gass (ara punt 123 iktar 'il fuq), il-paragun ta bejn is-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni attwali, qabel il-Konċentrazzjoni, fis-swieq ta' l-enerġija elettrika, ikkaratterizzata prinċipalment mill-monopolju ta' GDP fil-provvista tal-gass lill-produtturi ta' l-enerġija elettrika u l-pożizzjonijiet dominanti f'saħħithom ta' EDP fuq is-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika u s-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni wara l-Konċentrazzjoni, ikkaratterizzata prinċipalment, minn naħa, bi ftuħ sinjifikattiv tas-suq tal-provvista tal-gass għal-produtturi ta' l-enerġija elettrika u, min-naħa l-oħra, mill-għajbien ta' kompetitur potenzjali importanti mis-swieq kollha ta' l-enerġija elettrika, jiġifieri GDP, ma ġiex ippruvat li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-bilanċ ta' kompetizzjoni fuq kull wieħed mis-swieq ta' l-enerġija elettrika kien negattiv wara l-Konċentrazzjoni.

236    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li, peress li t-titjib tal-kompetizzjoni ġenerali fis-swieq tal-gass wara l-Konċentrazzjoni, kif immodifikata, ma jipproduċix effetti fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika li huma suffiċjentement sinjifikanti sabiex jeliminaw il-problemi ta' kompetizzjoni diġà identifikati fuq dawn l-aħħar swieq, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara l-Konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni minħabba l-effetti ta' ġid għall-kompetizzjoni fuq wieħed mis-setturi in kwistjoni filwaqt li tinjora l-effetti negattivi fuq is-settur l-ieħor. F'dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-benefiċċji ta' kompetizzjoni li kienu mistennija fil-qasam tal-gass minħabba l-Konċentrazzjoni, jekk mhux il-benefiċċji kollha, jikkostitwixxu benefiċċji għal żmien qasir jew medju safejn dawn il-vantaġġi kollha, jew il-biċċa l-kbira tagħhom, għandhom f'kull każ jinkisbu, sentejn jew tlieta wara d-data prevista bil-Konċentrazzjoni, bis-sempliċi osservanza ta' l-iskeda ta' liberalizzazzjoni stabbilita mid-deroga tat-Tieni Direttiva Gass li tibbenefika minnha r-Repubblika Portugiża.

237    Għaldaqstant għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-Konċentrazzjoni, kif immodifikata, għandha bħala effett it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta' EDP fis-settur ta' l-enerġija elettrika, bil-konsegwenza li jkun hemm tfixkil serju ta' kompetizzjoni effettiva.

V –  Konklużjoni

238    Għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi-żball ta' dritt safejn din tirrigwarda s-swieq tal-gass fil-Portugall.

239    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata bl-ebda żball ta' dritt allegati fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi u lanqas minn xi wieħed mill-iżbalji manifesti ta' evalwazzjoni allegati fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba' motiv, li jirrigwarda s-settur ta' l-enerġija elettrika.

240    Fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 144 sa 146 iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi tad-deċiżjoni li ma ġewx annullati huma bażi suffiċjenti għall-parti dispożittiva tagħha li tgħid li l-Konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

241    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

242    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawża ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

243    Peress li l-intervenjent ma talbitx li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet tiġi ordnata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati ma' l-intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati ma' l-intervent.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija f'seduta pubblika fil-Lussemburgu, fil-21 ta' Settembru 2005.

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


         Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

I –  Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89

II –  Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89

A –  Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, li jirrigwarda l-oneru tal-prova

B –  Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-evalwazzjoni globali tal-Konċentrazzjoni kif modifikata.

C –  Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-eżistenza ta' abbuż ta' poter

D –  Fuq ir-raba' parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda d-diffikultajiet li jiġu mistħarrġa ċerti impenji ta' aġir

III –  Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda d-deroga li tibbenefika minnha r-Repubblika Portugiża bis-saħħa tat-Tieni Direttiva Gass.

A –  Osservazzjonijiet Preliminari

B –  Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, li tirrigwarda l-ksur tad-deroga mogħtija lir-Repubblika Portugiża

Ċ - Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, rigward projezzjoni eċċessiva fil-futur

IV –  Fuq ir-raba' motiv, li jirrigwarda l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-impenji

A –  Osservazzjonijiet preliminari

B –  Fuq l-ewwel parti tar-raba' motiv, li tirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-impenji tas-26 ta' Novembru 2004

Ċ - Fuq it-tielet parti tar-raba' motiv, li jirrigwarda l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata f'dak li jikkonċerna s-settur ta' l-enerġija elettrika

1.  Fuq l-għajbien ta' GDP bħala kompetitur potenzjali importanti l-iktar probabbli

2.  Fuq il-kumpensazzjoni tal-kompetizzjoni li tirrigwarda l-impenji

a)  Fuq l-impenji li jirrigwardaw il-qasam ta' l-enerġija elettrika

b)  Fuq l-impenji li jirrigwardaw is-settur tal-gass

c)  Conclusion sur le bilan concurrentiel global de la Concentration telle que modifiée sur les marchés de l’électricitéċ) Konklużjoni fuq il-bilanċ globali tal-kompetizzjoni tal-Konċentrazzjoni kif immodifikata fuq is-swieq ta' l-enerġija elettrika

V –  Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali mħallija barra.