Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Lulju 2007 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-257/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, R. Loosli u A.-L. During, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-punt 3 ta' l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007, tas-26 ta' Ġunju 20071, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli2 safejn dan jintroduċi, fil-Kapitolu A ta' dan l-Anness VII, il-punti 2.3(b)(iii), 2.3(d) u 4 ;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li din it-talba għall-annullament parzjali mhijiex ammissibbli, tannulla r-Regolament Nru 727/2007 totalment ;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali, jew sussidjarjament l-annullament totali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007, tas-26 ta' Ġunju 2007, li jistipula regoli inqas stretti ta' sorveljanza u ta' eradikazzjoni fir-rigward ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli, meta mqabbel ma' dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 999/2001.

In sostenn tar-rikors tagħha, hija tgħid li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati minħabba li jiksru l-prinċipju ta' prekawzjoni f'dak li jirrigwarda kemm l-evalwazzjoni kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-prinċipju ta' prekawzjoni fl-istadju ta' l-evalwazzjoni tar-riskju billi injorat l-inċertezzi xjentifiċi li, skond hi, jeżistu f'dak li jirrigwarda kemm ir-riskju ta' trażmissjoni lill-bniedem ta' l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli differenti mill-enċefalopatiji sponġiformi bovini, kif ukoll il-fedeltà tat-testijiet li l-Kummissjoni ibbażat ruħha fuqhom sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tirrispetta wkoll il-prinċipju ta' prekawzjoni fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jippermettux li jiġi kkontenut ir-riskju u huma wkoll kapaċi li jżiduħ. Barra minn hekk, din tqis li l-aggravju tar-riskju maħluq mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistax jiġi kkontestat mill-benefiċċju li huwa mistenni.

____________

1 - ĠU L 165, p. 8.

2 - ĠU L 147, p. 1.