Language of document : ECLI:EU:T:2007:300

Kawża T-257/07 R

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Miżuri sanitarji — Regolament (KE) Nru 999/2001 — Eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu — Regolament (KE) Nru 727/2007 — Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni — Fumus boni juris — Urġenza — Ibbilanċjar ta’ l-interessi”

Sommarju tad-digriet

1.      Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Implementazzjoni — Miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem

(Artikolu 174 KE)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris”

(Artikolu 242 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 999/2001)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris”

(Artikolu 242 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 999/2001)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli

(Artikolu 242 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 999/2001)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar ta’ l-interessi kollha in kwistjoni

(Artikolu 242 KE)

1.      Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi, skond l-Artikolu 174 KE, wieħed mill-prinċipji li fuqha hija bbażata l-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent, li fosthom hemm dik tal-ħarsien tas-saħħa tal-persuni, u tapplika wkoll meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu, fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

Skond dan il-prinċipju, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri ta’ ħarsien mingħajr ma għandhom jistennew illi r-realtà u s-serjetà ta’ dawn ir-riskji jkunu murija b’mod sħiħ. Min-naħa l-oħra, meta hemm elementi ġodda li jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru illi dan ir-riskju jista’ jiġi limitat minn miżuri anqas restrittivi minn dawk li diġà jeżistu, huma l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li tissorvelja għal adattament tal-leġiżlazzjoni għal informazzjoni ġdida. Għalhekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu effettivament jadottaw miżuri anqas iebsa minn dawk li jeżistu meta dawn il-miżuri jistgħu jirrestrinġu r-riskju li elementi ġodda jbiddlu l-perċezzjoni.

Il-leġiżlatur Komunitarju jiddisponi, f’qasam bħalma hu dak f’din il-kawża, ta’ setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li jimplika minn naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u, li fihom huwa msejjaħ li jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja dwar il-mertu għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest jew abbuż ta’ setgħa jew ukoll jekk il-leġiżlatur manifestament ma marx lil hinn mil-limiti tas-setgħa tiegħu ta’ diskrezzjoni.

(ara l-punti 60, 61, 66-67)

2.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex sodisfatta f’din il-kawża fejn hija invokata in sostenn tar-rikors għal ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni minħabba fi żball fl-evalwazzjoni tar-riskju, peress li ġie adottat r-Regolament Nru 727/2007, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament Nru 999/2001 li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE), li jwassal għal tnaqqis tal-miżuri sanitarji applikabbli għal merħla ta’ ovini jew ta’ kaprini li fihom ikun skopert każ ta’ TSE, għandu jsir eżami prima facie tal-fondatezza tal-motivi u għalhekk li tivverifika jekk l-argumenti dwar l-allegat ksur ikollhomx dik il-karatteristika serja li ma tistax tiġi mwarrba f’dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għandu jiġi mfakkar illi, safejn ma jkunx hemm “nuqqas assolut ta’ riskju”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi applikat biss fil-każ ta’ riskju, b’mod partikolari għas-saħħa tal-bniedem, illi, mingħajr ma jkun ibbażat fuq sempliċi ipoteżijiet xjentifiċi mhux verifikati, ma setax ikun pprovat għal kollox. Barra minn dan, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jikkorrispondi b’ipoteżi għal kuntest ta’ inċertezza xjentifika, ma tistax tiġi mitluba evalwazzjoni tar-riskji li tagħti bil-fors lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-provi xjentifiċi konklużivi tar-realtà tar-riskju u tas-serjetà ta’ l-effetti negattivi potenzjali fil-każ li jseħħ dan ir-riskju.

Issa, peress li jista’ jiġi kkunsidrat, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, li jibqgħu inċertezzi xjentifiċi reali dwar, minn naħa, il-possibbiltà illi, fost l-aġenti li huma responsabbli għat-TSE ta’ oriġini annimali, aġenti oħrajn ta’ l-enċefalopatija sponġiformi bovina jistgħu jiġu trażmessi fil-bniedem u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji, l-allegazzjoni li tgħid illi l-progress ta’ l-għarfien xjentifiku fis-suġġett tat-TSE fl-annimali żgħar li jixtarru mhuwiex tali li jbiddel il-perċezzjoni tar-riskju li għandu dan il-mard għas-saħħa tal-bniedem mhuwiex nieqes minn kull bażi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni minħabba żball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju jiġġustifika eżami komplet illi għandu jsir biss mill-qorti fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 59, 65, 79, 85, 86)

3.      L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskju għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti, fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju, li tiddetermina liema miżuri jidhrulha xierqa u meħtieġa sabiex jiġi evitat illi r-riskju ma jseħħx. Ir-rilevanza tal-qies tar-riskju huwa determinanti għall-evalwazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ dan ir-riskju.

Meta adottat ir-Regolament Nru 727/2007, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament Nru 999/2001, li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE), il-Kummissjoni għamlet tnaqqis tal-miżuri sanitarji applikabbli għal merħliet ta’ ovini u kaprini li fihom każ ta’ TSE ġie skopert permezz ta’ l-ewwel eżami rapidu.

Issa, jista’ jiġi kkunsidrat, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, illi l-opinjonijiet ta’ l-awtoritajiet xjentifiċi fis-suġġett juru inċertezzi xjentifiċi reali fuq il-kundizzjonijiet li fihom it-TSE, barra mill-BSE, jistgħu jiġu trażmessi fil-bniedem u li fl-istat preżenti ta’ għarfien, ma jistax jiġi eskluż illi l-konsum ta’ laħam u ta’ prodotti li ġejjin minn annimali infettati mit-TSE, barra mill-BSE, ikunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem. Barra minn dan, dawn l-opinjonijiet jidhru li juru inċertezzi xjentifiċi reali dwar l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji intiżi li jeskludu l-eżistenza ta’ każ ta’ BSE, li dan jimplika li l-laħam u l-prodotti li ġejjin minn annimali li għandhom varjanti ta’ BSE mhux skoperti jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid illi d-dispożizzjonijiet kkontestati ma jippermettux illi jiġi limitat ir-riskju illi t-TSE jirrappreżentaw għas-saħħa tal-bniedem u li huma wkoll jistgħu jaggravaw dan ma jidhrux, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, nieqsa minn rilevanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni minnħabba fi żball tal-Kummissjoni fl-amministrazzjoni tar-riskju jiġġustifika eżami komplet illi għandhu jsir biss mill-qorti fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 88, 89, 107, 108, 116)

4.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li jiġi assigurat l-effikaċja tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika assigurata mill-qorti Komunitarja. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata b’konnessjoni mal-bżonn li għandu jkun hemm deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu serju u irreparabbli kkawżat lill-parti li qed titlob din il-miżura provviżorja.

Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, responsabbli mill-interess ġenerali marbut mal-ħarsien tas-saħħa pubblika, qed jitolbu s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 727/2007, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament Nru 999/2001 li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSE), li jwassal għal tnaqqis tal-miżuri sanitarji applikabbli għal merħla ta’ ovini jew ta’ kaprini li fihom ikun skopert każ ta’ TSE, minħabba r-riskju għas-saħħa tal-bniedem illi jirriżulta mill-implementazzjoni tagħhom, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-urġenza, il-fatt li l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mir-rikorrenti in sostenn tal-fumus boni juris ikunu jidhru serji, fid-dawl ta’ l-elementi li għandu l-Imħallef għall-miżuri provviżorji u li jirriżultaw minn dawn b’mod partikolari li huwa possibbli illi l-laħam jew prodotti li ġejjin minn annimali infettati minn TSE jmorru għal konsum mill-bniedem.

F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż illi l-kundizzjoni ta’ l-urġenza hija, f’din il-kawża, sodisfatta.

(ara l-punti 122, 127, 128, 133)

5.      Meta, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għall-miżuri provviżorji jqis l-interessi differenti in kwistjoni, huwa hu li jiddetermina jekk l-annullament ta’ l-att ikkontestat mill-qorti fil-kawża prinċipali jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni kkawżata mill-eżekuzzjoni tagħha immedjata u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi att ikunx tali li jfixkel l-effett tiegħu sħiħ fil-każ fejn ir-rikors fil-kawża prinċipali jiġi miċħud.

F’dan ir-rigward, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet mitluba li huma marbuta mal-ħarsien tas-saħħa pubblika għandhom ikunu prevalenti għall-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Minn dan jirriżulta illi, sakemm ikun invokat riskju serju għas-saħħa pubblika, l-Imħallef għall-miżuri provviżorji, minkejja li għandu l-awtorità formali dwar kif qiegħed il-bilanċ ta’ l-interessi, b’mod inevitabbli jkollu jxaqleb favur il-ħarsien ta’ dan ta’ l-aħħar.

(ara l-punti 140-141)