Language of document : ECLI:EU:T:2016:161

Kawża T-501/13

Karl-May-Verlag GmbH, li kienet Karl May Verwaltungs- und Vertriebs- GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark komunitarja verbali WINNETOU – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Marzu 2016 ?II – 0000

1.      “Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-appell – Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni, tal-ġurisprudenza jew tal-kummentarji nazzjonali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      “Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Determinazzjoni tar-raġunijiet għal invalidità li fuqhom hija bbażata t-talba

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 52(1)(a))

3.      “Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli ta’ sinjal – Teħid inkunsiderazzjoni tal-unika leġizlazzjoni tal-Unjoni – Deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali li ma jorbtux il-korpi tal-Unjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

4.      “Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 – Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

5.      “Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Eżami separat tar-raġunijiet ta’ rifjut fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

1.      La l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma setgħu jiġu pprojbiti jispiraw lilhom nfushom minn punti miksubin mil-leġiżlazzjoni, mill-ġurisprudenza u mill-kummentarji nazzjonali, peress li ma jirrigwardax li jiġi kkritikat il-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li invoka ġudizzji jew kummentarji insostenn ta’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni ħażina mill-Bord tal-Appell ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja.

(ara l-punt 18)

2.      Sabiex jiġi ddeterminat fuq liema motivi hija bbażata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandha tiġi eżaminata t-talba fl-intier tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-istqarrija dettaljata tal-motivi insostenn tagħha.

(ara l-punt 26)

3.      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali.

B’hekk, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni. L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) għalhekk ma huwiex marbut minn deċiżjonijiet intervenjenti fl-Istati Membri, u dan l-istess fl-ipoteżi fejn dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata bis-saħħa tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks.

Wieħed għandu jżid jgħid li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja ma tobbliga l-Uffiċċju jew, fuq rikors, il-Qorti Ġenerali li tasal għal riżultati identiċi għal dawk li ntlaħqu mill-amministrazzjonijiet jew l-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili.

Minn ġurisprudenza stabbilita wkoll jirriżulta li, għalkemm l-Uffiċċju ma huwiex marbut mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, mingħajr ma jkunu vinkolanti jew ukoll deċiżivi, madankollu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Uffiċċju, bħala indiċijiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża.

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, barra mill-każ imsemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 li fil-kuntest tiegħu l-Uffiċċju huwa obbligat li japplika id-dritt nazzjonali, inkluż hemm il-ġurisprudenza nazzjonali relatata, l-Uffiċċju jew il-Qorti Ġenerali ma kinux jistgħu jintrabtu mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali.

(ara l-punti 34-37)

4.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu motivati. L-obbligu tal-motivazzjoni hekk stabbilita għall-istess portata bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE li tipprovdi li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att b’mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

B’mod partikolari, meta l-Uffiċċju jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, huwa għandu, sabiex jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, jindika r‑raġuni għal rifjut, assoluta jew relattiva, li tipprekludi din ir-reġistrazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata din ir-raġuni u għandu jesponi ċ‑ċirkustanzi fattwali li huwa qies li ġew ipprovati u li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l‑applikazzjoni tad-dispożizzjoni invokata. Tali motivazzjoni hija, fil-prinċipju, suffiċjenti.

(ara l-punti 53, 54)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 65-68)