Language of document : ECLI:EU:T:2004:227

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

8 ta' Lulju 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Sinjal verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Rispett tad-drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża T-289/02,

Telepharmacy Solutions, Inc., stabbilita f'North Billerica, Massachusetts (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn R. Davis, barrister,u M. Medyckyj, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) irrappreżentat minn S. Bonne, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-28 ta' Ġunju 2002 (kawża R 108/2001-4), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS bħala trade mark Komunitarja,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Registratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2004,

taghti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-26 ta' Novembru 1999, ir-rikorrenti, li qabel kienet Adds Inc., ippreżentat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS.

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 10, 38 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       "kompjuters; apparat periferali ta' kompjuters, armarji għal kompjuters, printers, magni għat-twaħħil ta' tikketti, għamara għal kompjuters u softwer; data carriers, kif ukoll il-prodotti kollha msemmija iktar 'il fuq li jinkludu partijiet ta' sistema ta' distribuzzjoni u/jew għall-użu ta' servizzi farmaċewtiċi, mediċi jew ta' spiżerija; sistemi ta' distribuzzjoni li jinkludu softwer u tagħmir tal-kompjuters" li jaqgħu taħt il-klassi 9;

–       "sistemi ta' distribuzzjoni; sistemi ta' distribuzzjoni ta' prodotti mediċi u/jew farmaċewtiċi ppakkjati; sistemi ta' distribuzzjoni li jinkludu armarji; partijiet u tagħmir għall-prodotti kollha msemmija iktar 'il fuq", li jaqgħu taħt il-klassi 10;

–       "trasmissjoni ta' informazzjoni, data u istruzzjonijiet għal distribuzzjoni, trasmissjoni elettronika u/jew bir-radju ta' informazzjoni, data u istruzzjonijiet għal distribuzzjoni", li jaqgħu taħt il-klassi 38;

–       "servizzi ta' konsultazzjoni lill-pazjenti; trasmissjoni ta' istruzzjonijiet għal distribuzzjoni lil sistemi ta' distribuzzjoni remoti; servizzi mediċi u ta' spiżerija", li jaqgħu taħt il-klassi 42.

4       B'deċiżjoni tal-21 ta' Novembru 2000, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa qies li s-sinjal in kwistjoni kien jiddeskrivi direttament prodotti u servizzi li għalihom issir referenza fl-applikazzjoni għal trade mark, minħabba li l-kelma "telepharmacy" (telespiżerija) hija ta' spiss użata fil-qasam tad-distribuzzjoni mill-bogħod ta' prodotti mediċinali. L-eżaminatur qies li, meta tinqara kollha, it-trade mark TELEPHARMACY SOLUTIONS kienet tindika biss lill-konsumatur li r-rikorrenti, meta jipprovdi l-prodotti u s-servizzi mitluba, kien qed joffri soluzzjonijiet lil intrapriżi u lil persuni individwali li xtaqu jwaqqfu attivitajiet ta' telespiżerija. It-trade mark, għaldaqstant, tqieset mingħajr karattru distintiv għall-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom saret applikazzjoni.

5       Fit-22 ta' Jannar 2001, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Hija tat ir-raġunijiet ta' l-appell permezz tad-dikjarazzjoni bil-miktub tal-21 ta' Marzu 2001.

6       B'deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2002 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad dan l-appell minħabba li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS, peress li din ta' l-aħħar għandha mnejn tidher f'għajnejn il-konsumaturi bħala indikazzjoni ta' l-għan intiż tal-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni, jiġifieri li huma maħsuba għad-distribuzzjoni mill-bogħod ta' prodotti farmaċewtiċi. Skond il-Bord ta' l-Appell, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiddeskrivi t-tagħmir u s-servizzi li jintużaw għad-distribuzzjoni mill-bogħod ta' prodotti farmaċewtiċi, minħabba li, f'dan il-qasam, il-kelma "telepharmacy" hija ta' spiss użata.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7       B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

8       Fir-rikors promotorju ta' dawn il-proċedimenti, ir-rikorrenti indikat li r-rikors preżenti kien jikkonċerna biss il-prodotti li ġejjin: "sistema ta' distribuzzjoni elettronika kkontrollata mill-bogħod ta' prodotti farmaċewtiċi ppakkjati li tinkludi spazju li fih il-prodotti farmaċewtiċi ppakkjati huma maħżuna sabiex jiġu distribwiti, kompjuter konness mad-distributur u netwerk ta' komunikazzjonijiet li jgħaqqad il-kompjuter ma' kompjuter remot" li jaqgħu taħt il-klassi 9.

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna l-prodotti msemmija fil-punt 8 iktar 'il fuq;

–       tordna li l-UASI jbati l-ispejjeż.

10     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

11     Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi sabiex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel wieħed huwa bbażat, sostanzjalment, fuq il-ksur tad-drittijiet tiegħu tad-difiża, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar–Regolament Nru 40/94 u t-tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi.

 Fuq is-suġġett tal-kontroversja

12     L-ewwelnett, għandu jiġi eżaminat, jekk it-talba tar-rikorrenti, li tinsab fir-rikors promotorju ta' dawn il-proċedimenti, u li hija maħsuba sabiex tillimita l-lista tal-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark (ara punt 8 iktar 'il fuq) hija ammissibbli.

13     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista', fi kwalunkwe ħin, iressaq quddiem l-UASI applikazzjoni sabiex jillimita l-lista tal-prodotti u servizzi, skond l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1). Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li limitazzjoni tal-lista tal-prodotti jew servizzi msemmija f'applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja għandha ssir skond ċerti proċeduri partikolari. Peress li t-talba ppreżentata mir-rikorrenti fir-rikors promotorju ta' dawn il-proċedimenti ma ssegwix dawn il-proċeduri, hija ma tistax titqies bħala applikazzjoni għal emenda fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs UASI (Tablette ovoïde), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 13].

14     Min-naħa l-oħra, din it-talba tista' tiġi interpretata fis-sens li r-rikorrenti qed titlob biss annulament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tablette ovoïde, punt 13 iktar 'il fuq, punt 14). Tali talba ma tmurx, minnha nfisha, kontra l-projbizzjoni, li tirriżulta mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li jitbiddel, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, is-suġġett tal-kontroversja hekk kif imressaq quddiem il-Bord ta' l-Appell (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tablette ovoïde, punt 13 iktar 'il fuq, punt 15).

15     F'dan il-każ, hekk kif jaffermawh ukoll ir-rikorrenti u l-UASI fir-risposti tagħhom għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, hija kwistjoni ta' talba għal annulament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata li ma tbiddilx is-suġġett tal-kontroversja fis-sens ta' l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

16     Ir-rikorrenti ssostni li, filwaqt li d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur tal-21 ta' Novembru 2000 hija bbażata biss fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjoni kkontestata tistrieħ fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta' l-istess Regolament. Il-Bord ta' l-Appell ressaq raġuni assoluta oħra ta' rifjut ta' reġistrazzjoni, mingħajr ma r-rikorrenti kellu l-possibiltà jiddikjara ruħu fuqha jew jippreżenta provi dwarha. B'dan l-aġir, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

17     L-UASI titlob li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, minħabba li r-raġunijiet li għalihom ġiet irrifjutata fil-każ in eżami r-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u ta' l-Artikolu 7(1)(c) ta' l-istess Regolament huma l-istess. Hija biss l-bażi legali għar-rifjut ta' reġistrazjoni li nbidlet. Issa, l-Bordijiet ta' l-Appell jistgħu jagħmlu dan, skond l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 40/94 li jiddisponi li l-Bord ta' l-Appell jista' jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata.

18     L-UASI jsostni li huwa ma kisirx l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li huwa kontinwament fakkar li r-raġuni għal rifjut ta' reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet li s-sinjal in kwistjoni kien deskrittiv tal-prodotti u s-servizzi kollha mitluba, jiġifieri li dawk kienu joffru soluzzjonijiet fil-qasam tal-preparazzjoni u d-distribuzzjoni mill-bogħod ta' prodotti mediċinali. Huwa jsostni li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet ta' rifjut ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja magħmula mill-eżaminatur fis-16 ta' Mejju 2000 kienet tindika diġà li t-trade mark ma setgħetx tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, inkwantu hija kienet deskrittiva tal-prodotti u s-servizzi kollha inklużi fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kellha darbtejn l-okkażjoni li tagħti kummenti fuq ir-raġunijiet li wasslu għall-konklużjoni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha karattru deskrittiv: darba quddiem l-eżaminatur u darba quddiem il-Bord ta' l-Appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19     Għandu jingħad li, f'dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark TELEPHARMACY SOLUTIONS minħabba li din ma kellhiex il-karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi inklużi f'din l-applikazzjoni. Il-Bord ta' l-Appell, min-naħa tiegħu, sostna li s-sinjal verbali in kwistjoni kien jaqa' taħt ir-raġuni assoluta ta' rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) ta' l-istess Regolament.

20     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwelnett, li l-prinċipju ta' protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża huwa mħares mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, limali jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta' l-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijet fir-rigward ta' liema l-partijiet konċernati kellhom l-opportunità jippreżentaw il-kummenti tagħhom. [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs L-UASI (Forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p. II-265, punt 40, u tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 20, u Rewe-Zentral vs L-UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 13].

21     Barra minn hekk, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirrikjedi li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta' awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b'mod konsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom jingħataw l-possibiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom (is-sentenzi Forma ta' sapuna, punt 20 iktar 'il fuq, punt 42; EUROCOOL, punt 20 iktar 'il fuq, punt 21, u LITE, punt 20 iktar 'il fuq, punt 14).

22     F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li, billi ma tax l-opportunità lill-applikant għal trade mark li jagħti l-kummenti tiegħu fuq l-applikazzjoni tar-raġunijiet assoluti ta' rifjut ta' reġistrazzjoni li l-Bord ta' l-Appell applika ex officio, dan kiser id-drittijiet tad-difiża (is-sentenzi Forma ta' sapuna, punt 20 iktar 'il fuq, punt 47; EUROCOOL, punt 20 iktar 'il fuq, punt 22, u LITE, punt 20 iktar 'il fuq, punt 15).

23     Issa, għandu wkoll jiġi mfakkar li, anke jekk jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 li kull waħda mir-raġunijiet ta' rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni hija indipendenti mill-oħrajn u titlob eżami separat [ara, b'analoġija, rigward id-dispożizzjonijiet identiċi ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161, punt 67], hemm ko-inċidenza ċara bejn il-kampijiet ta' applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet indikati fil-punti (b), (c) u (d) ta' l-imsemmija dispożizzjoni (ara, b'analoġija, rigward id-dispożizzjonijiet identiċi ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 18).

24     B'mod partikolari, trade mark verbali li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta' prodotti jew ta' servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament mingħajr karattru distintiv fir-rigward ta' dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess Regolament (ara, b'analoġija, rigward id-dispożizzjonijiet identiċi ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Campina Melkunie, punt 23 iktar 'il fuq, punt 19, u tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86).

25     F'dan il-każ, ir-raġunament invokat għas-sostenn ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur huma simili. Filwaqt li rrefera għad-definizzjonijiet tad-dizzjunarju tal-kliem Ingliż "tele" (tele), "pharmacy" (spiżerija) u "solutions" (soluzzjonijiet), l-eżaminatur indika li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li ma kellhiex karattru distintiv, peress li hija kienet tiddeskrivi prodotti u servizzi li kienu joffru soluzzjonijiet fil-qasam tal-preparazzjoni u tqassim mill-bogħod ta' prodotti mediċinali.

26     Il-Bord ta' l-Appell ikkonferma din l-analiżi billi qal dan li ġej fil-punti 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata:

"[…] it-trade mark hija magħmula minn espressjoni li tista' tintuża minn konsumaturi sabiex tindika l-prodotti invokati jew l-għan intenzjonat tas-servizzi invokati. Għaldaqstant, hija għandha tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-[Regolament Nru 40/94]. […] Id-deċiżjoni [ta' l-eżaminatur] ikkonfermat ir-rifjut tat-trade mark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-[Regolament Nru 40/94] minħabba li hija m'għandhiex karattru distintiv, peress li hija tiddeskrivi l-prodotti u s-servizzi. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell iqis bħala stabbilit li l-[eżaminatur] irrifjuta l-applikazzjoni minħabba l-karattru deskrittiv tat-trade mark u li [huwa] ma bbażax ir-rifjut tiegħu fuq elementi li għandhom x'jaqsmu mal-karattru distintiv ħlief dawk relatati mal-karattru deskrittiv. Il-Bord ta' l-Appell huwa wkoll ta' l-opinjoni li t-trade mark għandha tiġi rrifjutata biss skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-[Regolament Nru 40/94]."

27     Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma differenti minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 iktar 'il fuq. Fil-fatt, f'dawn il-kawżi, il-Bord ta' l-Appell kien adotta ex officio raġunijiet assoluti ta' rifjut ġodda, mingħajr ma ta lill-applikanti l-possibiltà li jagħtu l-kummenti tagħhom fuq l-applikazzjoni ta' dawn ir-raġunijiet assoluti ta' rifjut u fuq ir-raġunament invokat għas-sostenn ta' din l-applikazzjoni (is-sentenzi Forma ta' sapuna, punt 20 iktar 'il fuq, punti 43 sa 46; EUROCOOL, punt 20 iktar 'il fuq, punti 23 u 24, u LITE, punt 20 iktar 'il fuq, punti 16 sa 19).

28     F'dan il-każ, min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li, minkejja li d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur semmiet b'mod espliċitu l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 biss, joħroġ biċ-ċar mill-motivi ta' din id-deċiżjoni li hija kienet ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta' l-istess Regolament. Għaldaqstant, billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, il-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax ex officio raġuni assoluta ta' rifjut ġdida li fir-rigward tagħha kien ikollu jagħti lir-rikorrenti l-possibilità li tagħti l-kummenti tagħha qabel.

29     Barra minn hekk, peress li l-eżaminatur iġġustifika r-rifjut ta' reġistrazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 permezz ta' motivi bbażati biss fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ir-rikorrenti setgħet tagħti l-kummenti tagħha fuq ir-raġunament li wassal lill-Bord ta' l-Appell jikkonferma r-rifjut ta' reġistrazzjoni. Id-dikjarazzjoni bil-miktub tagħha tal-21 ta' Marzu 2001, fejn jissemmew ir-raġunijiet ta' l-appell, tittratta barra minn hekk is-suġġett ta' l-allegat karattru deskrittiv tat-trade mark in kwistjoni.

30     Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

31     Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (C-383/99 P, Ġabra p. I-6251), ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li ma tistax tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li hija mhijiex magħmula biss minn sinjali jew indikazzjonijiet ta' l-għan intenzjonat tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni. Ir-rikorrenti tammetti li l-kelma "pharmacy" tista' tiġi użata fil-kummerċ sabiex tindika l-għan intenzjonat ta' dawn il-prodotti. Barra minn hekk, hija tagħraf li l-element "tele" jista' jintuża bħala prefiss li jfisser "mill-bogħod". Minkejja dan, fl-opinjoni tagħha, ebda waħda minn dawn iż-żewġ osservazzjonijiet ma tagħti lok għall-konklużjoni li dan l-abbinament ta' kliem jirreferi għal espressjoni tal-ħajja ta' kuljum. Il-fatt li t-terminu "tele" jidher f'dizzjunarju mhux prova ta' dan.

32     Barra minn hekk, l-UASI ma eżaminax it-trade mark fit-totalità tagħha, jiġifieri ż-żieda tal-kelma "solutions" li ma tistax titqies bħala kelma tal-ħajja ta' kuljum għal prodotti li huma distinti mis-servizzi proposti.

33     Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija magħmula minn indikazzjoni ellittika, li għandha struttura grammatikali mhux tas-soltu u li tikkostitwixxi frażi li s-sens tagħha ma jidhirx mal-ewwel. Barra minn hekk, hija tfakkar li s-sempliċi fatt li t-trade mark tirreferi għal prodotti jew servizzi partikolari ma jistax jitqies li jimplika deskrizzjoni tagħhom.

34     Hija żżid li, minkejja li, skond l-UASI, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija purament deskrittiva ta' l-offerta ta' soluzzjonijiet lin-nies professjonali jew individwali li jixtiequ jwaqqfu attitivitajiet ta' "telespiżerija", jiġifieri d-distribuzzjoni ta' prodotti mediċinali li tinvolvi l-użu ta' mezzi ta' telekomunikazzjoni, hija mhix deskrittiva tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni, hekk kif definita fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

35     Ir-rikorrenti tqis, fit-tieni lok, li l-Bord ta' l-Appell, li kien marbut bil-provi ppreżentati quddiem l-eżaminatur, ma kellu ebda prova jew, sussidjarjament, ebda prova raġonevoli sabiex isostni l-osservazzjoni tiegħu li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellha tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94. Hija tenfasizza li r-rifjut ta' l-eżaminatur kien ibbażat fuq referenza waħda fl-Internet dwar konferenza msemmija fuq is-sit ta' stabbiliment edukattiv li jinsab barra mill-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma setax jivverifika l-eżistenza ta' l-imsemmija referenza.

36     Ir-rikorrenti tenfasizza, fit-tielet lok, li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni lanqas ma tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ladarba hija mhix deskrittiva u ladarba l-UASI ma ressaqx elementi oħra sabiex isostni li t-trade mark m'għandhiex karattru distintiv.

37     L-UASI iqis li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, meta meqjusa globalment, tirreferi għall-prodotti ta' spiżerija, li tista' tiġi kkonsultata mill-bogħod permezz ta' l-Internet. Mil-lat tal-pubbliku mmirat, li huwa pubbliku speċjalizzat ta' persuni mill-qasam mediku, din it-trade mark hija deskrittiva. Skond l-UASI, dan il-pubbliku jista' jkun anglofonu jew ikun jaf il-lingwaġġ xjentifiku mediku, jiġifieri l-Ingliż.

38     Dwar l-affirmazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma kellu ebda prova sabiex isostni l-osservazzjoni li t-trade mark kellha tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jirrimarka li l-Bord ta' l-Appell applika biss il-kriterju tal-karattru deskrittiv, b'mod konformi mal-ġurisprudenza, sabiex jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

39     Dwar il-karattru mhux distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-UASI jsostni li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark hija madankollu mingħajr ebda karattru distintiv. F'dan ir-rigward, hija tosserva li riċerka fuq l-Internet tal-kliem "telepharmacy and solutions" tiksiblek lista ta' 245 sit Internet li fihom it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija użata bħala kelma ġenerika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

40     Skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, "trade marks li jikkonsistu esklussivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi" ma jistgħux jiġu rreġistrati. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-"paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

41     Id-diversi raġunijiet ta' rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-interess pubbliku li huwa l-bażi ta' kull waħda minnhom [ara, b'analoġija, rigward id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 77; Linde et, punt 23 iktar 'il fuq, punt 71; tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 51, u Campina Melkunie, punt 23 iktar 'il fuq, punt 34].

42     Meta jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjali jew indikazzjonijiet li huwa jsemmi, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għan ta' interess pubbliku, li jitlob li s-sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw minn kulħadd bla tfixkil. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant, ma tippermettix li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu riservati għal intrapriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2003, L-UASI vs Wrigley, C-191/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43     Sabiex l-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, mhux meħtieġ li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jifformaw it-trade mark u li huma msemmija f'din id-dispożizzjoni fil-fatt jintużaw, fil-waqt ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi ta' prodotti jew ta' servizzi bħal dawk li għalihom tkun qed issir l-applikazzjoni jew karatteristiċi ta' dawn il-prodotti jew ta' dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, hekk kif huwa indikat mill-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u l-indikazzjonijiet jistgħu jintużaw għal dawn l-għanijiet. Ir-reġistrazzjoni ta' sinjal verbali għandha għaldaqstant tiġi rrifjutata, skond l-istess dispożizzjoni, jekk, f'mill-inqas wieħed mis-sinifikati possibbli tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (is-sentenza L-UASI vs Wrigley, punt 42 iktar 'il fuq, punt 32).

44     Għaldaqstant, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi eżaminat jekk, f'mill-inqas waħda mit-tifsiriet possibbli tiegħu, is-sinjal in kwistjoni jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati.

45     Sabiex jiġu eżaminati t-tifsiriet possibbli ta' sinjal, għandu jiġi evalwat jekk, f'użu normali f'għajnejn il-pubbliku rilevanti, dan is-sinjal jista' jintuża sabiex jindika, direttament jew billi jsemmi waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, il-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Procter & Gamble vs L-UASI, punt 31 iktar 'il fuq, punt 39). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta' sinjal tista' ssir biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mod kif jifhimha l-pubbliku rilevanti (is-sentenza EUROCOOL, punt 20 iktar 'il fuq, punt 38).

46     Għandu jiġi mfakkar, b'mod preliminari, li dan ir-rikors jirreferi biss għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark li ġejjin: "sistema ta' distribuzzjoni elettronika kkontrollata mill-bogħod ta' prodotti farmaċewtiċi ppakkjati li tinkludi spazju li fih il-prodotti farmaċewtiċi ppakkjati huma maħżuna sabiex jiġu distribwiti, kompjuter konness mad-distributur u netwerk ta' komunikazzjonijiet li jgħaqqad il-kompjuter ma' kompjuter remot" li jaqgħu taħt il-klassi 9.

47     Għaldaqstant, għandu jitqies li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku anglofonu u speċjalizzat, magħmul minn persuni mill-qasam medikali, bħalma sostna l-UASI mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti.

48     Rigward it-tifsira tas-sinjal verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS fil-lingwa Ingliża, għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif tammettih ir-rikorrenti, li l-element "pharmacy" jista' jintuża fil-kummerċ sabiex jindika l-għan intenzjont tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, filwaqt li l-element "tele" jista' jintuża bħala prefiss li jfisser "mill-bogħod". Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li l-kelma "telepharmacy" tirreferi għad-distribuzzjoni ta' prodotti mediċinali mill-bogħod.

49     F'dan ir-rigward, mhux rilevanti jekk l-element "telepharmacy" huwiex neoloġiżmu. Fil-fatt, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark li tikkonsisti f'neoloġiżmu magħmul minn elementi verbali, li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv ta' karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija hi stess deskrittiva ta' l-imsemmija karatteristiċi, ħlief jekk hemm differenza perċettibbli bejn in-neoloġiżmu u s-sempliċi somma ta' l-elementi li huwa magħmul minnhom, li jippresumi li, minħabba l-karattru mhux tas-soltu ta' l-assoċjazzjoni meta mqabbla ma' l-imsemmija prodotti jew servizzi, in-neoloġiżmu joħloq impressjoni suffiċjentement differenti minn dik li tinħoloq mis-sempliċi assoċjazzjoni ta' l-indikazzjonijiet mogħtija mill-elementi li huwa magħmul minnhom, b'tali mod li huwa jipprevali fuq l-imsemmija elementi (ara, b'analoġija, rigward id-dispożizzjonijiet identiċi ta' l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza Campina Melkunie, punt 23 iktar 'il fuq, punt 43).

50     F'dan il-każ, is-sempliċi assoċjazzjoni ta' l-elementi verbali "tele" u "pharmacy", li kull wieħed minnhom jiddeskrivi karatteristiċi tal-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, tibqa' minnha nfisha deskrittiva ta' l-imsemmija karatteristiċi. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li tgħaqqad tali elementi mingħajr ma ġġib bidla mhux tas-soltu, b'mod partikolari fuq livell sintattiku jew semantiku, jista' joħloq biss trade mark magħmula esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw, fil-kummerċ, għall-indikazzjoni tal-karatteristiċi ta' l-imsemmija prodotti.

51     Dwar il-kelma "solutions", din tikkonċerna, b'mod partikolari, operazzjonijiet intiżi sabiex isolvu problema ta' natura teoretika jew prattika. B'hekk, meta jinqraw flimkien, il-kliem "telepharmacy" u "solutions" għandhom jitqiesu bħala deskrittivi ta' l-għan intenzjonat tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, għaldaqstant, bħala indikazzjonijiet tal-karatteristika essenzjali ta' dawn.

52     Għaldaqstant, għandu jitqies, hekk kif għamel l-UASI, li meqjus globalment, is-sinjal verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS jindika biss lill-pubbliku mmirat, li huwa magħmul minn persuni anglofoni mill-qasam mediku, li meta tipprovdi l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ir-rikorrenti toffri tagħmir li jista' jintuża għad-distribuzzjoni mill-bogħod ta' prodotti farmaċewtiċi.

53     Għaldaqstant isegwi li s-sinjal verbali TELEPHARMACY SOLUTIONS jista' jintuża, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jindika karatteristika essenzjali tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

54     Dwar l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma kellu ebda prova sabiex isostni l-osservazzjoni tiegħu li r-reġistrazzjoni tat-trade mark kellha tiġi rrifjutata skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, biżżejjed jingħad li l-kapaċità li sinjal jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti hekk kif interpretata mill-qrati Komunitarji. Għaldaqstant, hekk kif ġustament isostni l-UASI, biżżejjed li l-Bord ta' l-Appell ikun applika l-kriterju tal-karattru deskrittiv, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, sabiex jiddeċiedi, mingħajr il-bżonn li jiġġustifika ruħu billi jressaq elementi ta' prova.

55      Fl-aħħarnett, dwar l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut li huma msemmija tapplika sabiex ir-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark Komunitarja jkun jista' jiġi rrifjutat [is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Jannar 2000, DKV vs L-UASI (COMPANYLINE), T-19/99, Ġabra p. II-1, punt 30]. Għaldaqstant, m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li huma bbażati fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

56     Fid-dawl ta' dak li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

57     Ir-rikorrenti tindika li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali TELEPHARMACY, li qiegħda tiġi eżaminata preżentament, minn naħa ġiet ippreżentata fl-istess jum ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal TELEPHARMACY SOLUTIONS u, min-naħa l-oħra, tirreferi, wara l-limitazzjoni magħmula fil-kuntest ta' dan ir-rikors, għall-istess lista ta' prodotti. Hija tenfasizza li, wara l-emenda tal-lista tal-prodotti u servizzi li għalihom kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark TELEPHARMACY, l-eżaminatur irtira l-oġġezzjonijiet tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal TELEPHARMACY diġà kienet ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji fis-27 ta' Awwissu 2001. Hija tqis li s-sinjal TELEPHARMACY SOLUTIONS għandu jitqies li għandu karattru iktar distintiv aktar milli inqas distintiv mis-sinjal TELEPHARMACY. Ma jkunx jagħmel sens u jkun kontra l-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' l-ewwel sinjal filwaqt li tiġi aċċettata r-reġistrazzjoni tat-tieni wieħed.

58     L-UASI jenfasizza li s-sinjal verbali TELEPHARMACY għadu ma ġiex irreġistrat, peress li proċedimenti ta' oppożizzjoni għadhom pendenti. Barra minn hekk, sakemm trade mark mhix irreġistrata, l-UASI jista' dejjem jeżamina mill-ġdid ex officiotrade mark fid-dawl ta' l-eżistenza ta' raġunijiet assoluti ta' rifjut ta' reġistrazzjoni ta' din sabiex jiġu rrettifikati żbalji. F'kull każ, parti ma tistax tinvoka favur tagħha deċiżjoni li hija żbaljata fid-dritt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

59     Dwar l-ewwel motiv, biżżejjed jingħad li, fid-dawl ta' dak li ntqal u hekk kif ammetta l-UASI waqt is-seduta, id-deċiżjoni ta' l-eżaminatur li ma jqajjimx oġġezzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali TELEPHARMACY hija żbaljata. Issa, jekk billi ammetta f'deċiżjoni, mogħtija fil-kuntest ta' kawża partikolari, l-karattru reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja l-UASI għamel żball ta' dritt, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi invokata b'mod validu sabiex issostni talba għall-annullament ta' deċiżjoni posterjuri li tiddeċiedi fis-sens oppost f'kawża simili. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jirrikonċilja ruħu ma' l-osservanza tal-prinċipju ta' legalità li jipprovdi li ħadd ma jista' jinvoka, favur tiegħu, illegalità mwettqa favur oħrajn (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15, u ta' l-4 ta' Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14).

60     F'kull każ, għandu jiġi osservat li l-pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark ma tiggarantix ir-reġistrazzjoni ta' l-imsemmija trade mark. Fil-fatt, mill-Artikolu 40(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, wara li tkun ġiet ippubblikata, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark tista' tiġi rrifjutata taħt l-Artikoli 37 u 38 ta' l-istess Regolament. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 38 ta' l-imsemmi Regolament jipprevedi eżaminazzjoni tar-raġunijiet assoluti ta' rifjut. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark tista' wkoll tiġi rrifjutata wara, b'mod partikolari, osservazzjonijiet ta' terzi, skond l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 40/94 li jipprevedi li "wara l-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kull persuna naturali jew ġuridika u kull grupp jew organu li jirrappreżenta l-fabbrikanti, il-produtturi, il-fornituri ta' servizzi, in-negozjanti jew il-konsumaturi jista' tissottometti lill-Uffiċċju osservazzjonijiet bil-miktub, li jispjegaw għal-liema raġunijiet taħt l-Artikolu 7, b'mod partikolari, it-trade mark m'għandhiex tiġi reġistrata ex officio […]", jew wara oppożizzjoni, magħmula skond l-Artikolu 42 ta' dan ir-Regolament.

61     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi mhux fondat.

62     Konsegwentement għandu jiġi miċħud ukoll it-tielet motiv u, għaldaqstant, ir-rikors kollu.

 Fuq l-ispejjeż

63     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta' l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla )

taqta’ u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.


Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Lulju 2004.

H. Jung

 

      H. Legal

Registratur

 

      il-President


* Lingwa tal-kawża : l-Ingliż.