Language of document : ECLI:EU:T:2004:236

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

13 ta' Lulju 2004 (*)

"Trademark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trademark Komunitarja verbali GAS STATION – Trademark nazzjonali figurattiva preċedenti BLUE JEANS GAS – Rifjut ta' reġistrazzjoni"

Fil-kawża T-115/03,

Samar SpA, stabbilita f'Mottalciata (l-Italja), irrappreżentata minn  A. Ruo, avukat,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), irrappreżentati minn O. Montalto u  M. L. Capostagno, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Grotto Spa, stabbilita f'Viċenza (l-Italja), irrappreżentata minn M. Bosshard u S.Verea, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-30 ta' Jannar 2003 (kawża R 340/2002-3), dwar l-oppożizzjoni tas-sid tat-trademark nazzjonali figurattiva BLUE JEANS GAS għar-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja verbali GAS STATION,

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur : J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' April 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Lulju 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Lulju 2003,

wara s-seduta ta' l-4 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-12 ta' Jannar 1998, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal verbali GAS STATION.

3       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 25 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat u jaqblu mad-deskrizzjoni li ġejja: "ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras".

4       Fit-22 ta' Marżu 1999, din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trademarks Komunitarji Nru 22/99.

5       Fil-21 ta' Ġunju 1999, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra t-trademark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni, billi bbażat ruħha, b'mod partikolari, fuq it-trademark nazzjonali figurattiva preċedenti Nru 677 288, irreġistrata, b'mod partikolari għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25, u dan ifisser "qliezet, ġgieget, jeans, qomos, dbielet, ġgieget ħoxnin, ġerżijiet, ġerżijiet ħoxnin, kowtijiet qosra ("capispalla"), kalzetti, żraben, stivali, papoċċi" riprodotta hawn taħt:

Image not found

6       Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħat l-oppożizzjoni fuq il-bażi "tax-xebh kbir bejn is-sinjali u r-rabta bejn is-sinjali u l-prodotti meta tiġi evalwata l-konfużjoni".

7       Fis-16 ta' April 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata") notifikata lir-rikorrenti fl-10 ta' Frar 2003, il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni meta tiġi kkunsidrata, in-natura intrinsika tat-trademark ta' l-intervenjenti, ix-xebh kbir bejn iż-żewġ trademarks, kif ukoll l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti koperti u ż-żmien li fih il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trademark.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tistabbilixxi n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, tistabbilixxi n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ għall-prodotti kollha li għalihom saret applikazzjoni bl-eċċezzjoni tal-jeans, jew għall-inqas għal dawk il-prodotti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra xieraq, u tannulla d-deċiżjoni kkontestata f'dawn il-limiti;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

10     L-UASI u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

11     Ir-rikorrenti tressaq żewġ raġunijiet, waħda bbażata fuq in-nuqqas ta' indikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, u l-oħra fuq żball ta' evalwazzjoni fl-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Waqt is-seduta, hi ppreċiżat li l-espressjoni "tistabbilixxi n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni" fl-ewwel kap tat-talbiet u, ir-referenza fir-rikors tagħha għall-argumenti li hi diġà ppreżentat quddiem l-UASI huma sempliċiment klawżoli użati normalment, ħaġa li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet konjizzjoni tagħha.

12     Ir-rikorrenti pproduċiet dokument waqt is-seduta bl-iskop li turi l-eżistenza ta' numru ta' trademarks Taljani fil-qasam ta' l-ilbies li fihom il-kelma "gas", u invokat l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Prim'Istanza filwaqt li insistiet fuq il-fatt li, wara r-rifjut tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tippermetti t-tieni fażi ta' sottomissjonijiet bil-miktub, hi kienet ġiet assigurata li kienet se tkun tista' tippreżenta l-argumenti tagħha waqt is-seduta. Dan id-dokument ġie aċċettat mill-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod provviżorju, b'riżerva għal deċiżjoni ulterjuri fuq l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokument ippreżentat waqt is-seduta

13     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza hu intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fatti li jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jkunu ġew ippreżentati quddiem id-diversi istanzi ta' l-UASI preċedentement, jistgħu jaffettwaw il-legalità ta' tali deċiżjoni biss jekk l-UASI kellu jikkunsidrhom ex officio. F'dan ir-rigward kif jirriżulta mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1), fejn jingħad li fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għar-rifjut ta' reġistrazzjoni, l-UASI għandu jillimita ruħu għall-eżami ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti, ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba, hu mhuwiex obbligat li jikkunsidra ex officio l-fatti li ma jkunux ġew imressqa mill-partijiet. Għaldaqstant, tali fatti ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell.

14     Huwa kostanti li d-dokument ippreżentat waqt is-seduta, bl-iskop li juri l-eżistenza ta' numru ta' trademarks Taljani fil-qasam ta' l-ilbies li fihom il-kelma "gas", ma ġiex ippreżentat quddiem l-UASI. Għaldaqstant dan id-dokument ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

15     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax tuża l-Artikolu 48(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura biex tiġġustifika l-fatt li ppreżentat dan id-dokument tard. Minn naħa, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda motivazzjoni li setgħet tiġġustifika, jekk xieraq, il-fatt li ppreżentat dokumenti ġodda fl-istadju tar-replika. Min-naħa l-oħra l-prinċipju tal-kontradittorju ma jistax jiġġustifika l-fatt li dokument jiġi ppreżentat tard, minħabba li dan id-dokument ma jistax jitqies bħala sempliċi risposta għas-sottomissonijiet bil-miktub ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti. Fil-fatt dawn ta' l-aħħar ħasbu biss biex jagħtu prova tal-karattru intrinsikament distintiv tal-kelma "gas" mingħajr m'għamlu referenza għall-eventwali karattru distintiv tat-trademark preċedenti fis-suq ta' l-ilbies Taljan.

16     Għaldaqstant, jaqbel li d-dokument ippreżentat mir-rikorrenti waqt is-seduta jiġi sfilżat mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il-valur probatorju tiegħu jew li jinstemgħu b'mod aktar approfondit il-partijiet l-oħra f'din il-kawża.

 Fuq in-nuqqas ta' indikazzjoni ta' raġunijiet

17     Ir-rikorrenti tallega li l-Bord ta' l-Appell kiser id-dmir li jindika r-raġunijiet billi afferma mingħajr spjegazzjoni, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali in kwistjoni għandhom ċerta rabta kunċettwali. Ir-rikorrenti tgħid li għaldaqstant mhijiex f'pożizzjoni li tikkontesta din ir-raġuni.

18     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-kritika tar-rikorrenti ġejja minn qari parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, jagħmel tiegħu espressament l-evalwazzjoni magħmula mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li s-sinjali in kwistjoni "fihom xi possibbiltà ta' rabta kunċettwali". Għaldaqstant kien biżżejjed għar-rikorrenti li tagħmel referenza għall-evalwazzjoni li kien hemm fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, deċiżjoni li ġiet notifikata lilha, u eventwalment setgħet tikkritika ir-raġunament magħmul f'din l-evalwazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

19     Sussidjarjament, safejn ir-rabta kunċettwali imsemmija mill-Bord ta' l-Appell hija bbażata fuq l-element "gas", kif jagħti x'jifhem il-kumplament tal-punt 20, li jiddeskrivi dan l-element bħala dominanti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva, fl-ewwel lok, li l-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni - dwar il-kontradizzjoni bejn li jiġi aċċettat li l-kelma "gas" tfisser karburant għall-magni ta' kombustjoni interna, imma li jiġi osservat li ma tfissirx petrol – toħroġ mill-ewwel paragrafu tal-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma "gas" għandha tifsira għaliha u li, il-kwistjoni tat-tifsira effettivament mogħtija mill-konsumatur Taljan (‘ga[z]’, ‘karburant’), fl-aħħar minn l-aħħar m'għandha l-ebda importanza. Għaldaqstant kien faċli għar-rikorrenti li torbot il-kunsiderazzjonijiet fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata ma' dawk magħmula fil-punt 24 ta' l-istess deċiżjoni, u, fil-każ, tikkritika quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza l-opinjoni tal-Bord ta' l-Appell li hemm xebh kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni, tkun xi tkun it-tifsira mogħtija lill-kelma "gas".

20     Għaldaqstant din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-iżball ta' evalwazzjoni fl-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni

 L-argumenti tal-partijiet

21     Ir-rikorrenti tosserva li huwa żbaljat li jiġu pparagunati separatament, minn naħa, is-sinjal in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-prodotti li fuqhom jidher is-sinjal. F'dan il-każ hi tindika li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-terminu "blue‑jeans" huwa deskrittiv u kkonkluda li l-kelma "gas" kienet l-element dominanti fit-trademark ta' l-intervenjenti. Skond ir-rikorrenti, tali konstatazzjoni hija vera biss fir-rigward tal-jeans, jiġifieri l-ħwejjeġ maħduma mid-drapp tal-jeans, u mhijiex vera meta applikata għal prodotti oħra bħall-ġerżijiet, il-papoċċi jew l-istvali. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell inġustament injora fl-analiżi tiegħu l-kelma "station" li tidher fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

22     Fir-rigward tal-paragun viżiv tat-trademarks in kwistjoni, għall-prodotti l-oħra kollha barra l-jeans, ir-rikorrenti ssostni li l-element dominati tat-trademark ta' l-intervenjenti hu "BLUE JEANS", li għandu karattru distintiv b'saħħtu. L-aspett dominanti tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa magħmul miż-żewġ kelmiet "gas" u "station". Għalhekk ma jeżisti ebda xebh bejn it-trademarks. Meta t-trademarks in kwistjoni jirreferu għall-jeans, it-terminu "blue‑jeans" huwa deskrittiv, u għaldaqstant l-element dominanti tat-trademark ta' l-intervenjenti huwa "gas". L-aspett dominanti tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni jibqa' "gas station". Minħabba li t-trademark ta' l-intervenjenti fiha aspett grafiku li hu partikolarment distintiv, il-kelma komuni bejn iż-żewġ trademarks in kwistjoni "gas ", mhijiex biżżejjed biex tistabbilixxi probabbiltà ta' konfużjoni. Skond ir-rikorrenti tali analiżi hija kkonfermata minn dak li qalet il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Diċembru 2002 Vedial vs l-UASI – France Distribution (HUBERT), (T-110/01, Ġabra. p. II‑5275, punt 54).

23     Fir-rigward tal-paragun fonetiku, skond ir-rikorrenti, iż-żewġ trademarks in kwistjoni huma totalment distinti, speċjalment fir-rigward tal-prodotti li mhumiex jeans. Dan hu aktar u aktar veru jekk tingħata attenzjoni akbar lill-parti inizjali tat-trademarks kif indikat mill-każistika.

24     Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, it-trademarks in kwistjoni huma totalment differenti fir-rigward tal-prodotti li mhumiex jeans, minħabba li waħda fiha bħala element dominanti t-terminu "blue‑jeans" u l-oħra t-terminu "gas station", li jfisser maħżen tal-gass. Anke jekk wieħed jaċċetta li t-terminu "blue-jeans" għandu valur deskrittiv, it-trademark ta' l-intervenjenti tqanqal l-idea ta' gass, mentri t-trademark tar-rikorrenti tqanqal l-idea ta' maħżen, f'dan il-każ tal-gass.

25     Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma ddeduċiex il-konklużjonijiet li jmissu ddeduċa mid-definizzjoni tiegħu tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri, il-pubbliku b'mod ġenerali normalment infurmat u raġonevolment prudenti. Hi madankollu ppreċiżat waqt is-seduta li hi ma kinitx qed tqajjem dubji dwar din id-definizzjoni.

26     Ir-rikorrenti minn dan ikkonkludiet li d-differenzi bejn it-trademarks jeskludu l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

27     Il-UASI u l-intervenjenti josservaw l-ewwel u qabel kollox li r-rikorrenti ma kkontestatx l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti in kwistjoni. Huma mbagħad jikkunsidraw li l-element dominanti f'kull waħda mit-trademarks konfliġġenti huwa bla ebda dubju l-kelma "gas". Huma jikkunsidraw li kemm ir-raġunament kif ukoll ir-riżultat li wasal għalih il-Bord ta' l-Appell huma tajba.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

28     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark m'għandhiex tiġi milqugħa, jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trademanrk u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trademarks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta.

29     Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi għandha tiġi evalwata b'mod globali skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ in eżami, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01 li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 29 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

30     Jaqbel l-ewwel u qabel kollox li jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra b'mod korrett, minn naħa, li l-pubbliku rilevanti f'dan il-każ huwa l-konsumatur Taljan, minħabba l-fatt li t-trademark preċedenti li qed tittieħed in kunsiderazzjoni hija trademark nazzjonali Taljana (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, li dan il-pubbliku hu magħmul minn konsumaturi medji, normalment infurmati u raġonevolment attenti u prudenti (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata), minħabba li l-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni huma prodotti li jintużaw ta' spiss.

31     Barra minn hekk kif gustamene fakkar il-Bord ta' l-Appell, il-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni huma identiċi jew simili (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

32     Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali konfliġġenti, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali li jagħtu dawn ta' l-aħħar, billi jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33     L-ilment tar-rikorrenti, li l-Bord ta' l-Appell wettaq paragun tas-sinjali konfliġġenti b'mod astratt, mingħajr ma kkunsidra l-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni, mhuwiex fondat. Fil-fatt il-Bord ta' l-Appell espressament ikkunsidra, filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I‑5507), li "il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni tibbaża ruħa fuq il-kunsiderazzjoni tax-xebh kbir bejn is-sinjali u r-rabta bejn is-sinjali u l-prodotti meta tiġi evalwata l-konfużjoni" (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, il-Bord ta' l-Appell osserva li, "l-evalwazzjoni tal-kapaċità tas-sinjal li jaqdi l-funzjoni tat-trademark trid issir b'referenza għall-prodotti indikati fl-applikazzjoni" (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

34     Fil-kuntest ta' l-eżami tiegħu, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li l-element dominanti tat-trademark preċedenti qiegħed fil-kelma "gas" (punti 20 u 28 ta' deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, minn naħa, it-terminu "blue-jeans" huwa biss deskrittiv tal-prodotti ta' ilbies li huma magħmula minn drapp tal-jeans jew li jixbhu. Għall-prodotti l-oħra ta' ilbies dan it-terminu m'għandux karattru distintiv b'saħħtu bħal dak tal-kelma "gas" li m'għandha l-ebda rabta ma' l-ilbies (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra l-element grafiku "BLUE JEANS", fis-sinjal figurattiv in kwistjoni, huwa anqas importanti, peress li huwa miktub b'karattri li huma ferm iżgħar u jidhru bħala sempliċi żieda mal-kelma "gas".

35     Bl-istess mod, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li l-kelma "gas" hija element dominanti fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni inkwantu l-kelma "station", minkejja li fiha ċerta importanza intrinsika, ma tbiddilx it-tifsira tal-kelma "gas" (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-kelma "station" tista' tirreferi għal numru ta' postijiet differenti, kemm jekk huwa punt ta' waqfien ta' mezz ta' trasport terrestri, kif ukoll il-post ta' bejgħ jew depożitu tal-karburant, u tikseb tifsira preċiża biss minħabba t-terminu li jkun marbut magħha. Għalhekk, il-kelma "station" issaħħaħ is-sens tal-kelma "gas" mingħajr ma toffri tifsira alternattiva.

36     B'konsegwenza, fir-rigward ta' l-element dominanti tagħhom, is-sinjali in kwistjoni huma viżwalment, fonetikament u kunċettwalment identiċi.

37     Fir-rigward tas-sinjali konfliġġenti meħuda globalment, il-Bord ta' l-Appell seta' jikkunsidra, mingħajr ma jagħmel żball ta' evalwazzjoni, li d-differenzi bejn is-sinjali li huma kkostitwiti minn naħa, mill-element grafiku sekondarju "BLUE JEANS"" u min-naħa l-oħra, mill-element verbali sekondarju "station" mhumiex ser jibqgħu stampati fil-memorja tal-pubbliku rilevanti li ser jiftakar l-element "gas" (punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li l-konsumatur medju għandu biss rarament il-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tat-trademarks differenti, imma jrid jibbaża ruħu fuq xbieha imperfetta tagħhom li għandu stampat fil-memorja tiegħu (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26).

38     M'għandhomx jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza HUBERT, punt 22 supra, invokata mir-rikorrenti. F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza tat piż kbir lil element grafiku u lill-elementi verbali li kienu differenti fit-trademarks konfliġġenti meta mqabbla ma' l-element vebali komuni għat-trademarks in kwistjoni, li kien il-kelma "Hubert". Madankollu għall-kuntrarju ta' l-element grafiku f'din il-kawża, l-element grafiku f'dak il-każ kien partikolarment importanti. F'dan ir-rigward, kif diġà ġie kkonstatat, l-element "BLUE JEANS" huwa ta' natura sekondarja, li jidher biss bħala sempliċi żieda ma l-element "gas".

39     B'konsegwenza, fid-dawl ta' l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni, u x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti għandha tiġi kkonfermata.

40     Peress li tali probabbiltà ta' konfużjoni teżisti għall-prodotti kollha koperti, għalkemm tidher li hija akbar fir-rigward tal-prodotti ta' l-ilbies magħmula mill-jeans, mhemmx lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata fil-parti li tirrigwarda l-prodotti ta' l-ilbies li mhumiex magħmula mill-jeans jew sottokategoriji oħra ta' prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25.

41     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż


 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti.


Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Lulju 2004.

Reġistratur

 

       il-President

H. Jung

 

       J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.