Language of document : ECLI:EU:C:2012:78

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Frar 2012 (*)

“Appelli — Dazji antidumping — Regolament (KE) Nru 954/2006 — Importazzjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikoli 2(10)(i), 3(2), (3) u (5) sa (7), 18(3) u 19(3) — Iffissar tal-valur normali u tad-dannu — Kunċett ta’ ‘entità ekonomika waħda’ — Drittijiet tad-difiża — Nuqqas ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑191/09 P u C‑200/09 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati rispettivament fl-20 u fis-26 ta’ Mejju 2009,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, kif ukoll minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT), li qabel kienet Nikopolsky Seamless Tubes Plant “Niko Tube” ZAT, stabbilita f’Nikopol (l-Ukrajna),

Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT), li qabel kienet Nizhnedneprovsky Tube-Rolling Plant VAT, stabbilita f’Dnipropetrovsk (l-Ukrajna),

irrappreżentati minn P. Vander Schueren, avukat, u N. Mizulin, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u C. Clyne, bħala aġenti,

parti intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u C. Clyne, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT), li qabel kienet Nikopolsky Seamless Tubes Plant “Niko Tube” ZAT, stabbilita f’Nikopol,

Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT), li qabel kienet Nizhnedneprovsky Tube-Rolling Plant VAT, f’Dnipropetrovsk,

irrappreżentati minn P. Vander Schueren, avukat, u N. Mizulin, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, kif ukoll minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell rispettiv tagħhom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem, il-“Qorti Ġenerali”), tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube ZAT u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill (T-249/06, Ġabra p. II‑383, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), inkwantu l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 294M, p. 279, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

2        Permezz tal-appell inċidentali tagħhom ippreżentat konġuntament, Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko tube ZAT) li qabel kienet Nikopolsky Seamless Tubes Plant “Niko Tube” ZAT (iktar ’il quddiem “Niko Tube”) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) li qabel kienet Nizhnedneprovsky Tube-Rolling Plant VAT (iktar ’il quddiem “NTRP”) talbu wkoll l-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn hija ma annullatx ir-regolament kontenzjuż kollu kemm hu.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Komunità Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

4        L-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku jipprovdi li:

“8.      Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità.

9.      F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwlaunkwe bażi raġjonevoli.

[...]”

5        L-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku jiffissa, taħt it-titolu “Paragun”, il-kriterji li abbażi tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jwettqu paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan l-artikolu jipprovdi b’mod partikolari:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b'mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[...]

i)      Il-kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma ‘kummissjonijiet’ għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

[...]”

6        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-kwistjoni kif tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħsara jipprovdi:

“[...]

2.      Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3.      Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[...]

5.      L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox [ma hijiex eżawrjenti], u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.      Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7.      Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.

[...]”

7        L-Artikolu 18 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[...]

3.      Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

[...]”

8        L-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku huwa redatt kif ġej:

“Jekk jiġi kkunsidrat li talba għall-kunfidenzjalità mhix garantita u jekk il-fornitur ta’ l-informazzjoni huwa jew mhux lest li jagħmel l-informazzjoni disponibbli jew li jawtorizza it-tagħrif tagħha taħt forma ġeneralizzata jew f’taqsira, informazzjoni bħal din tista’ tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b’mod soddisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta [...].”

9        L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-iżvelar”, jipprovdi:

“[...]

2.      Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.

[...]

4.      Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Il-punti 5 sa 20 tas-sentenza appellata, riprodotti hawn taħt, juru l-kuntest fattwali li wassal għall-kawża:

“5      [Niko Tube u NTRP] huma kumpanniji Ukrajini produtturi ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi. Ir-rikorrenti huma konnessi ma’ żewġ kumpanniji li jieħdu ħsieb il-bejgħ: SPIG Interpipe [iktar ’il quddiem ‘SPIG’], stabbilita fl-Ukrajna, u Sepco SA [iktar ’il quddiem ‘Sepco’], stabbilita fl-Iżvizzera.

6      Wara lment ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2005, mill-Kumitat għad-difiża tal-industrija tal-pajpijiet tal-azzar mingħajr saldaturi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni fetħet proċeduri antidumping dwar l-importazzjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw, mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukrajna, skont l-Artikolu 5 tar-regolament bażiku. Il-Kummissjoni fetħet ukoll żewġ reviżjonijiet interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, dwar id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, mir-Russja u mir-Rumanija, u mill-Kroazja u mill-Ukrajna. L-avviż tal-bidu ta’ dawn il-proċeduri ġie ppubblikat fil-31 ta’ Marzu 2005 (ĠU C 77, p. 2).

7      L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara riżultanti minnu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-‘perijodu ta’ investigazzjoni’). L-eżami tat-tendenzi sabiex issir l-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

8      Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi Komunitarji, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku, għażlet kampjun ta’ ħames produtturi Komunitarji sabiex issir l-investigazzjoni. Inizjalment il-kampjun kien jinkludi l-ħames produtturi Komunitarji li ġejjin: Dalmine SpA, Benteler Stahl/Rohr GmbH, Tubos Reunidos SA, Vallourec & Mannesmann France SA (iktar ’il quddiem ‘V & M Franza’), V & M Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem ‘V & M Ġermanja’). Meta Benteler Stahl/Rohr iddeċidiet li ma tikkooperax, il-Kummissjoni ssostitwietha b’Rohrwerk Maxhütte GmbH.

9      Permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Ġunju u tal-14 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti kif ukoll SPIG Interpipe u Sepco bagħtu r-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping lill-Kummissjoni. Iż-żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti tar-rikorrenti u ta’ SPIG Interpipe saru mis-17 sas-26 ta’ Novembru 2005.

10      Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet [lil Niko Tube u lil NTRP] l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali li elenka l-fatti u r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet qed tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2006, [Niko Tube u NTRP] uffiċjalment ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, kif esposti fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali. Huma sostnew li l-Kummissjoni inkludiet b’mod żbaljat informazzjoni dwar prodotti li ma kinux immanifatturati minnhom, li l-Kummissjoni kienet ipparagunat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni f’livell kummerċjali differenti, li huwa inkompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, u li billi qieset lil Sepco bħala importatur u billi ħolqot il-prezz tal-esportazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku.

11      Fl-24 ta’ Marzu 2006, ġiet organizzata seduta mill-Kummissjoni, fil-preżenza [ta’ Niko Tube u ta’ NTRP], sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif ukoll l-offerta tagħhom ta’ impenn għal prezz. Fit-30 ta’ Marzu 2006 saret seduta oħra dwar il-ħsara.

12      Permezz ta’ faks tat-3 ta’ April 2006, [Niko Tube u NTRP] talbu informazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja fl-investigazzjoni.

13      Fl-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dokument ta’ informazzjoni finali. F’dan id-dokument, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni mill-kalkolu tal-valur normali ta’ ċerti prodotti mhux immanifatturati [minn Niko Tube u minn NTRP], jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt in-numru tal-kontroll tal-prodotti (iktar ’il quddiem “NKP”) KE4. Hija għamlet aġġustament tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ Sepco, mhux iktar abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, iżda skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Finalment, f’dan id-dokument, il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja.

14      Permezz ta’ faks tas-26 ta’ April 2006, [Niko Tube u NTRP] fakkru lill-Kummissjoni li l-informazzjoni mogħtija bħala risposta għall-kwestjonarju antidumping u vverifikata mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, kienet turi li l-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 ma kinux immanifatturati minnhom.

15      [Niko Tube u NTRP] ppreżentaw is-sottomissjonijiet kompleti tagħhom fuq it-tieni dokument ta’ informazzjoni finali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2006.

16      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni spjegat [lil Niko Tube u lil NTRP] r-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx aċċettat l-offerta ta’ impenn tagħhom ippreżentata fit-22 ta’ Marzu 2006.

17      Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottatat u ppubblikat il-proposta tagħha għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, mir-Russja u mir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia , mir-Russja u mir-Rumanija u mill-Kroazja u mill-Ukrajna.

18      Permezz ta’ faks li waslet għand ir-rikorrenti fis-26 ta’ Ġunju 2006 f’19.06, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti ssollevati mir-rikorrenti fil-faks tas-26 ta’ April 2006 u fl-ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, bl-eċċezzjoni tal-argument dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-industrija Komunitarja. Permezz ta’ ittra mibgħuta lir-rikorrenti fis-16 ta’ Ġunju 2006, u li waslet għandhom fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni rrispondiet għall-kummenti tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tal-industrija Komunitarja fil-proċedura.

19      Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta r-[regolament kontenzjuż].

20      Permezz [ta’ dan ir-regolament], il-Kunsill impona dazji antidumping ta’ 25.1 % fuq l-importazzjonijiet tar-rikorrenti ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

11      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2006, Niko Tube u NTRP ippreżentaw rikors għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fl-1 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Jannar 2007, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda li kienet se tieħu sehem fis-seduta.

13      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom insostenn tat-talba għal annullament tagħhom, Niko Tube u NTRP kienu sostnew li, billi ħa inkunsiderazzjoni pajpijiet li ma kinux manifatturati minnhom, għall-bżonnijiet tal-kalkolu tal-valur normali, il-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u kien kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

14      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, Niko Tube u NTRP kienu sostnew li, billi bbaża ruħu, għall-bżonnijiet tal-konstatazzjoni tal-ħsara, fuq id-data li tikkonċerna l-ħames produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun, meta dawn il-produtturi ma kinux ikkooperaw b’mod sħiħ u kompletament, il-Kunsill kien kiser l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku, u l-Artikolu 19(3) tal-imsemmi regolament kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

15      Skont it-tielet motiv tar-rikors tagħhom, Niko Tube u NTRP kienu allegaw li, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun, il-livell ta’ sostenn tal-ilment fuq livell tal-industrija tal-Unjoni kien jinsab ’l isfel mill-minimu regolamentari ta’ produtturi li jirrappreżenta 25 % mill-produzzjoni tal-Unjoni. B’hekk il-Kunsill kiser l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku, billi ma temmx il-proċedura antidumping.

16      Fil-kuntest tar-raba’ motiv invokat insostenn tar-rikors tagħhom, Niko Tube u NTRP kienu allegaw li, billi naqqas, bħala aġġustament fil-kuntest tal-paragun tal-valur normali u tal-prezz għall-esportazzjoni, mill-prezz ta’ bejgħ ta’ Sepco ammont li jikkorrispondi għall-kummissjoni li aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjonijiet kien jiġbor, il-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tiegħu.

17      Permezz tal-ħames motiv tagħhom, Niko Tube u NTRP kienu sostnew li l-kundizzjonijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom ta’ impenn kienu jikkostitwixxu, min-naħa tal-Kunsill, ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

18      Fl-aħħar nett, il-ħames partijiet tas-sitt motiv invokat minn Niko Tube u minn NTRP kienu bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u/jew tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kuntest tal-argumenti tagħhom dwar, rispettivament, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ pajpijiet mhux manifatturati minnhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja, l-aġġustament magħmul fuq il-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, iċ-ċaħda tal-offerta tagħhom ta’ impenn u t-trattament tal-ispejjeż ta’ bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG.

19      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok li l-eżami ta’ dawn is-sitt motivi jitqassam skont il-fatti li magħhom huma relatati, b’tali mod li, taħt it-titoli korrispondenti, hija eżaminat suċċessivament il-kalkolu tal-valur normali, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni, l-aġġustament li sar fuq il-prezz ta’ bejgħ ta’ Sepco, l-offerta ta’ impenn ta’ Niko Tube u ta’ NTRP u t-trattament tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi kif ukoll ta’ spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG.

20      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-maġġoranza tal-motivi u argumenti invokati minn Niko Tube u NTRP.

21      Madankollu l-Qorti Ġenerali laqgħet, fil-punti 177 sa 190 tas-sentenza appellata, fir-rigward ta’ NTRP, il-parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill, inkwantu dan tal-aħħar wettaq aġġustament fuq il-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku għall-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet manifatturati minn NTRP.

22      Il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll, fil-punti 200 sa 211 tas-sentenza appellata, il-parti tas-sitt motiv imqajjem minn Niko Tube u NTRP, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom fil-kuntest tal-aġġustament imwettaq mill-Kunsill skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

23      B’hekk, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż, sa fejn id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodotti manifatturati minn Niko Tube u minn NTRP kien jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba kummissjoni, meta l-bejgħ sar bl-intervent ta’ negozjant assoċjat, Sepco. Fir-rigward tal-bqija, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Niko Tube u ta’ NTRP.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

24      Fid-29 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill ippreżenta appell fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza appellata. Dan l-appell ġie rreġistrat taħt in-numru C‑191/09 P.

25      Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat appell fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza appellata. Dan l-appell ġie rreġistrat taħt in-numru C‑200/09 P.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2009, il-Kawżi C‑191/09 P u C‑200/09 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

27      Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑191/09 P, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat l-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż sa fejn id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet fil-Komunità Ewropea tal-prodotti manifatturati minn Niko Tube u NTRP kien jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku ma kienx sar aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba kummissjoni, meta l-bejgħ seħħ bl-intervent ta’ negozjant assoċjat, Sepco u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lill-Kunsill għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll ta’ kwart minn dawk ta’ Niko Tube u NTRP;

–        tiċħad kollu kemm hu r-rikors għal annullament ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, u

–        tikkundanna lil Niko Tube u lil NTRP għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

28      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑200/09 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tiċħad kollu kemm hu r-rikors għal annullament ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, u

–        tikkundanna lil Niko Tube u lil NTRP għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell.

29      Fir-risposti tagħhom, ippreżentati fil-Kawżi C‑191/09 P u C‑200/09 P, Niko Tube u NTRP jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli tal-Kunsill u tal-Kummissjoni bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati;

–        tikkonferma s-sentenza appellata sa fejn, billi tilqa’ parzjalment ir-rikors għal annullament ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, tannulla r-regolament kontenzjuż sa fejn id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità Ewropea tal-prodotti manifatturati minn Niko Tube u minn NTRP jeċċedi dak li huwa applikabbli li kieku ma kellux isir aġġustament tal-prezzijiet tal-esportazzjoni minħabba kummissjoni, meta l-bejgħ seħħ bl-intervent tal-kumpannija ta’ bejgħ assoċjata, Sepco; u

–        tikkonferma l-kundanna għall-ispejjeż mogħtija mis-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Fil-kuntest ta’ din ir-risposta, Niko Tube u NTRP jippreżentaw, fil-Kawżi C‑191/09 P u C‑200/09 P, appell inċidentali li fih huma jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma annullatx ir-regolament kontenzjuż kollu kemm hu u sa fejn hija kkundannat lil Niko Tube u lil NTRP għal tliet kwarti tal-ispejjeż fl-ewwel istanza;

–        tannulla r-regolament kontenzjuż kollu kemm hu, u

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

31      Fir-replika tiegħu għal dan l-appell inċidentali, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-Kawża C‑191/09 P:

–        tiċħad l-appell inċidentali;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lil Niko Tube u lil NTRP għall-ispejjeż tal-appell inċidentali.

32      Fir-replika tagħha għall-imsemmi appell inċidentali, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-Kawża C‑200/09 P:

–        tiċħad l-appell inċidentali;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil Niko Tube u lil NTRP għall-ispejjeż.

 Fuq l-appelli prinċipali

33      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka seba’ aggravji. L-ewwel erba’ aggravji jikkonċernaw l-aġġustament imwettaq skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

34      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji li l-ewwel tlieta minnhom huma analogi għall-ewwel erba’ aggravji tal-Kunsill.

35      Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel erba’ aggravji tal-Kunsill u l-ewwel tliet aggravji tal-Kummissjoni minħabba x-xebh tagħhom.

 Fuq l-ewwel sar-raba’ aggravji tal-appell prinċipali tal-Kunsill u fuq l-ewwel sat-tielet aggravji tal-appell prinċipali tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

36      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, applikat b’analoġija, fil-kuntest tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”. Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll b’mod żbaljat għal din il-ġurisprudenza sabiex tiddetermina jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kinux ipprovaw li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitwettaq dan l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) ta’ dan ir-regolament kinux sodisfatti. Skont il-Kunsill, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iffissar tal-valur normali tal-ħsara, l-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni, u l-paragun bejn dawn it-tnejn huma rregolati minn regoli distinti li għandhom jiġu osservati, kull waħda għal dak li jikkonċerna lilhom. Il-Kunsill jibbaża ruħu wkoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex isostni li l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” jikkonċerna esklużivament ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi dwar il-kalkolu tal-valur normali, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod partikolari li, fil-kawżi inkwistjoni, l-istituzzjonijiet kienu ġustament ikkalkolaw il-valur normali abbażi ta’ bejgħ magħmul mill-kumpanniji assoċjati inkarigati minn dawn it-tranżazzjonijiet fis-suq nazzjonali favur xerrejja indipendenti.

37      Il-Kunsill jenfasizza li l-kwistjoni, f’dan il-każ, ma tikkonċernax id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, iżda l-aġġustament imwettaq skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, jiġifieri l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha tiddikjara li l-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” kien japplika b’analoġija għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, iżda sussegwentement implementat din il-ġurisprudenza sabiex tiddetermina taħt liema kundizzjonijiet aġġustament abbażi tal-Artikolu 2(10)(i) ta’ dan ir-regolament seta’ jiġi deċiż. Dan huwa żball ta’ liġi ieħor. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha, inkwantu hija ma ġġustifikatx din l-applikazzjoni suffiċjentement skont il-liġi b’analoġija tal-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” mal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni.

38      Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova li huma suġġetti għalihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jwettqu aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, u li għalhekk, applikat ir-regola żbaljata ta’ stħarriġ sabiex tevalwa d-deċiżjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet li jwettqu tali aġġustament. Sabiex jiġi ġġustifikat aġġustament skont din id-dispożizzjoni tar-regolament bażiku, huwa neċessarju li fattur speċifiku eżistenti minn qabel jaffettwa l-possibbiltà li l-prezzijiet jiġu pparagunati. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-parti li titlob l-annullament ta’ miżura antidumping li għandha tipprova li l-istituzzjonijiet ibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq fatti żbaljati jew wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx tali eżami u, b’mod żbaljat, iddeċidiet li l-elementi li kienu jinsabu fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 ma jippermettux li jiġi konkluż li jmissu sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tidher li ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet.

39      Fil-kuntest tat-tielet aggravju insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill iqis li, wara ż-żewġ żbalji ta’ liġi msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jwettqu l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku fid-dawl ta’ kriterju ġudizzjarju żbaljat. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali stħarrġet id-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet billi ħadet inkunsiderazzjoni biss it-tliet elementi msemmija fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006. Il-Kunsill iqis li, billi rreferiet għall-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-argument tiegħu li jgħid li Niko Tube u NTRP jwettqu bejgħ dirett fi ħdan l-Unjoni. Il-Kunsill isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali fehmet ħażin l-argument tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ SPIG fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” biex tevalwa jekk ir-rabta bejn Sepvo u NTRP kinitx teskludi l-possibbiltà li jiġi konkluż li Sepco kienet teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li evalwat b’mod separat kull wieħed mill-elementi indikati mill-istituzzjonijiet.

40      Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi applikaw l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku għall-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP minħabba lil-Kunsill kien wettaq aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Sepco fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet manifatturati minn NTRP. L-iżbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) ta’ dan ir-regolament jivvizzjaw ukoll il-konklużjonijiet ifformulati fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata.

41      Il-Kummissjoni, fejn jikkonċerna lilha, tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi billi applikat, b’analoġija, il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur normali, għall-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax ir-raġuni li għaliha l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” hija wkoll applikabbli, b’analoġija, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Bil-kontra, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ġie fis-seħħ bil-għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-bżonnijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, ċerti sitwazzjonijiet partikolari fis-suq intern tal-esportaturi. Fit-tieni lok, fil-punti 177 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sens kuntrarju għall-ġurisprudenza li hija tiċċita insostenn tad-deċiżjoni tagħha. L-eżami ta’ din il-ġurisprudenza fil-fatt jagħti x’wieħed jifhem li l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, iddefinit bil-għan li jiġi ddeterminat b’mod iktar adegwat il-valur normali tal-prodotti mibjugħa minn operatur fis-suq intern, ma jistax jiġi traspost għall-iffissar tal-prezz ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni minn dan l-istess operatur meta huwa jesporta prodotti simili lejn l-Unjoni. Bil-kontra, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta esportatur ibigħ prodott fi ħdan l-Unjoni permezz ta’ sussidjarja li tieħu ħsieb il-bejgħ, il-prezz tal-esportazzjoni huwa ffissat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel bejgħ lil xerrej indipendenti, bħal fil-każ meta jiġi ddeterminat il-valur normali. Fuq dan il-prezz tal-esportazzjoni hekk iffissat jistgħu u għandhom madankollu jiġu applikati l-aġġustamenti previsti fir-regolament bażiku, madankollu mingħajr ma l-istituzzjonijiet ikollhom ebda oneru tal-prova partikolari f’dan il-kuntest.

42      Fir-rigward tat-tieni aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha, li jikkonċerna l-oneru tal-prova u l-limiti tal-istħarriġ tal-legalità li għandha l-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali tidher li qiegħdet fuq l-istituzzjonijiet prova partikolarment diffiċli biex tiġi prodotta fil-qasam tal-kwistjonijiet ta’ difiża kummerċjali li fihom min-naħa l-oħra għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Il-Qorti Ġenerali tidher li kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova billi ddeċidiet li kien ikun opportun li jiġi vverifikat “jekk l-istituzzjonijiet ressqux il-prova, jew għall-inqas l-indikazzjonijiet, li l-funzjonijiet ta’ Sepco ma humiex dawk ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern, iżda huma simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni”. Fil-fatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet aġixxew b’mod korrett billi ħadu bħala punt ta’ tluq il-prezz iffatturat minn Sepco lill-ewwel xerrej indipendenti fi ħdan l-Unjoni u billi sussegwentement applikat fuq dan il-prezz l-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Pjuttost milli tipprova, bħal ma jmissha għamlet sabiex tiġġustifika l-annullament parzjali tal-imsemmi regolament, li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li mill-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” kien jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jsostnu l-oneru ta’ prova li hija partikolarment diffiċli biex tiġi prodotta meta jiġu biex japplikaw aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li l-istituzzjonijiet ma setgħux iwettqu l-aġġustament inkwistjoni hija inkompatibbli mal-konstatazzjoni li hija tagħmel, fil-punti 213 u 214 tas-sentenza appellata, li l-faks tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Ġunju 2006, jinkludi motivazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li għalihom sar dan l-aġġustament.

43      Fir-rigward tat-tielet aggravju tal-Kummissjoni, dirett kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-istituzzjonijiet kisru l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni tqis li, fiż-żewġ aggravji preċedenti, hija pprovat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet, fir-rigward tal-pajpijiet manifatturati min NTRP, li l-aġġustament ibbażat fuq l-imsemmi artikolu kien sar b’mod mhux validu. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, l-aġġustament magħmul skont din id-dispożizzjoni huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat espliċitament li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku kien ħaġa waħda ma’ dak ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) ta’ dan l-istess regolament. Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-ewwel żewġ aggravji għandhom jiġu ddikjarati fondati, minn dan jirriżulta li l-aġġustament seħħ korrettement, b’tali mod li, billi ddeċidiet li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kisru l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi, u dan iktar meta, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali baqgħet lura milli teżamina l-argument tal-Kunsill li jgħid li SPIG kienet assoċjata kemm fir-rigward tal-bejgħ nazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni u peress li l-aġġustament kien ikopri biss il-parteċipazzjoni supplimentari ta’ Sepco fil-bejgħ għall-esportazzjoni, it-tranżazzjoni ħolqot simetrija u mhux nuqqas ta’ simetrija.

44      B’risposta għal dawn l-aggravji tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, Niko Tube u NTRP isostnu li l-ewwel aggravju ta’ dawn l-istituzzjonijiet, komuni għall-appell rispettiv tagħhom u li jikkonċerna l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, huwa inammissibbli, inkwantu, minkejja l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni kellhom l-opportunità li jikkontestaw ir-rilevanza ta’ dan il-kunċett għall-applikazzjoni tal-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, huma għażlu li ma jagħmlux dan fil-motivi tagħhom u fl-argumenti bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

45      Skont Niko Tube u NTRP, il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” japplika sew għall-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni, qabel u wara l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Il-Qorti Ġenerali tidher li mmotivat adegwatament id-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt. Il-kwistjoni dwar l-eżistenza tal-istħarriġ u tat-tqassim tal-attivitajiet ta’ produzzjoni ma’ dawk tal-bejgħ, jew, għalhekk, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, hija distinta u tirriżulta qabel u indipendentement minn dik tal-effett konkret ta’ din l-eżistenza fuq il-kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni, qabel u wara l-aġġustamenti magħmula skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Niko Tube u NTRP isostnu li l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” fil-fatt jillimita ruħu sabiex jirrikonoxxi realtà ekonomika, jiġifieri li juri r-rwoli u l-funzjonijiet rispettivi tal-entitajiet distinti assoċjati. Peress li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-iffissar tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni huwa rregolat b’regoli speċifiċi distinti, hija ġustament fakkret l-applikazzjoni “b’analoġija” ta’ dan il-kunċett, li jgħid li t-tqassim ta’ attivitajiet fi ħdan grupp ta’ entitajiet ġuridikament distinti ma jipprekludix lil dawn tal-aħħar milli jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi biss li, b’mod ġenerali, sew jekk dan jirrigwarda l-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali, ma huwiex possibbli li wieħed jinjora r-realtajiet ekonomiċi.

46      Barra minn hekk, skont Niko Tube u NTRP, il-fatt li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda jista’ jkollha effett differenti skont jekk ikunx jirrigwarda l-iffissar tal-valur normali jew il-prezz tal-esportazzjoni ma jipprekludix applikazzjoni iktar wiesgħa tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett li din tal-aħħar, sa issa, kellha biss l-okkażjoni li timplementa f’numru limitat ta’ kawżi. Barra minn dan, l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku jimponi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li, sabiex jiffissaw il-prezz tal-esportazzjoni, jixtiequ jnaqqsu diversi spejjeż, bħall-marġni tal-operatur kummerċjali, sostnuti minn kumpannija ta’ bejgħ assoċjata mal-produttur esportatur, sabiex jiġġustifikaw din id-deċiżjoni billi juru li din il-kumpannija assoċjata teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jopera fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Meta l-kumpannija ta’ bejgħ tifforma entità ekonomika waħda mal-produttur esportatur u meta hija teżerċita l-funzjonijiet ta’ dipartiment intern ta’ bejgħ għall-esportazzjoni, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li hija simili għal aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Skont Niko Tube u NTRP, hemm lok li jiġu speċifikati f’dan is-sens il-funzjonijiet eżerċitati mill-kumpannija ta’ bejgħ marbuta mal-eżistenza ta’ “kontroll” ta’ din il-kumpannija mill-produttur esportatur. Fil-fatt, meta jeżisti tali kontroll u l-funzjonijiet tal-kumpannija assoċjata huma dawk ta’ dipartiment intern ta’ bejgħ għall-esportazzjoni, jeżistu rabtiet ta’ entità ekonomika waħda u mhux relazzjoni simili għal dik ta’ prinċipal mal-aġent tiegħu, b’tali mod li ebda bażi ma tippermetti lill-istituzzjonijiet milli jnaqqsu l-marġni tal-operatur kummerċjali fil-kuntest tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni insostenn tal-motiv tagħhom ma tipprekludix li l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-iffissar tal-valur normali, jiġi applikat ukoll meta jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-funzjonijiet li l-operatur kummerċjali jeżerċita humiex simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Mill-fatt li l-qrati tal-Unjoni applikaw il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” biss bil-għan tal-iffissar tal-valur normali ma jistax jirriżulta li dan il-kunċett ma jistax jiġi implementat għall-finijiet tal-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni. Niko Tube u NTRP iqisu li s-suġġett eżatt ta’ din il-kawża sempliċement qatt ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

47      Niko Tube u NTRP iwieġbu flimkien għat-tieni u għat-tielet aggravji ppreżentati mill-Kunsill, li huma simili għat-tieni aggravju tal-Kummissjoni. Fil-kuntest tat-tieni aggravju, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball fir-rigward tal-oneru tal-prova fuq l-istituzzjonijiet u li hija ma marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ fir-rigward tar-regolament kontenzjuż. Fir-rigward tat-tielet aggravju, Niko Tube u NTRP iqisu li l-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju ġuridiku mhux korrett meta eżaminat id-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet li jagħmlu aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Dan l-artikolu jipprovdi espliċitament li hija l-istituzzjoni li tinvoka dan l-aġġustament li għandha l-oneru li tipprova jew mill-inqas li tipproduċi indikazzjonijiet intiżi li jipprovaw li l-operatur kummerċjali fil-verità jeżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. F’dan ir-rigward, għalkemm l-istituzzjonijiet effettivament ikkontestaw l-argumenti ta’ Niko Tube u ta’ NTRP li jgħidu li Sepco kienet dipartiment intern ta’ bejgħ għall-esportazzjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni madankollu ma pproduċew ebda prova rilevanti insostenn tal-affermazzjoni li din il-kumpannija kienet effettivament aġixxiet bħala aġent. Skont Niko Tube u NTRP, l-istituzzjonijiet fil-verità jikkunsidraw li huwa biżżejjed li kumpannija ta’ bejgħ, assoċjata jew ikkontrollata bi kwalunkwe mod minn produttur esportatur, tbigħ il-prodott ikkonċernat ġewwa l-Unjoni sabiex ikun jista’ jiġi konkluż b’mod sħiħ skont il-liġi li din il-kumpannija teżerċita l-funzjonijiet ta’ aġent. Tali konklużjoni tikkomprometti l-effett utli tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

48      Skont Niko Tube u NTRP, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni u eżaminat l-argumenti kollha tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni kollha li hija kellha qabel ma kkonkludiet li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu huma ma kinux ipproduċew indikazzjonijiet suffiċjenti li Sepco kienet operat bħala aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet.

49      Fir-rigward tar-raba’ aggravju tal-Kunsill u tat-tielet aggravju tal-Kummissjoni, Niko Tube u NTRP iqisu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod fondat li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi applikaw l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. B’hekk, l-aġġustament kien iżomm fis-seħħ jew kien joħloq nuqqas ta’ simetrija li l-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 195 tas-sentenza appellata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Permezz tas-seba’ aggravji tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkontestaw, essenzjalment, l-applikazzjoni b’analoġija, fil-punti 177 sa 179 tas-sentenza appellata, tal-ġurisprudenza, żviluppata fil-qasam tal-kalkolu tal-valur normali, dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda”, għall-aġġustamenti tal-prezz għall-esportazzjoni previsti fl-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, kif ukoll tar-regola dwar l-oneru tal-prova, imsemmija fil-punt 180 tas-sentenza appellata, u applikata fil-punti 182 et seq ta’ din tal-aħħar, li jgħidu li l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom, meta jqisu li għandhom jagħmlu aġġustament, jipproduċu provi li juru l-eżistenza ta’ fattur li għalih isir l-aġġustament.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-iffissar tal-valur normali u dak tal-prezz tal-esportazzjoni jobdu regoli distinti u li, għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi ma għandhomx neċessarjament jiġu trattati bl-istess mod fiż-żewġ każijiet. Madankollu, eventwali differenzi bejn iż-żewġ valuri jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punti 63, 70 u 73, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1992, Minolta Camera vs Il‑Kunsill, C‑178/87, Ġabra p. I‑1577, punt 12).

52      Fil-punt 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[s]kont ġurisprudenza kostanti li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali, iżda applikabbli b’analoġija għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, id-diviżjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi grupp ifformat minn kumpanniji ġuridikament distinti ma jista’ bl-ebda mod ibiddel il-fatt li l-grupp huwa entità ekonomika waħda li b’dan il-mod torganizza numru ta’ attivitajiet imwettqa, f’każijiet oħra, minn entità li hija waħda anki mill-perspettiva ġuridika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punt 16; tal-10 ta’ Marzu 1992, Matsushita Electric vs Il-Kunsill, C‑175/87, Ġabra p. I‑1409, punt 12; u tat-13 ta’ Ottubru 1993, Matsushita Electric Industrial vs Il-Kunsill, C‑104/90, Ġabra p. I‑4981, punt 9)”.

53      Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tikkonċerna l-aġġustament fuq il-prezz ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi li jikkonċernaw fatturi li jaffettwaw iż-żewġ prezzijiet, bħall-kummissjonijiet, jiġifieri differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa għall-bejgħ ikkunsidrat, u li għaldaqstant jaffettwaw il-paragunabbiltà tagħhom, sabiex jiżguraw li l-paragun isir fl-istess stadju kummerċjali. B’hekk, il-kwistjoni ta’ aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, teħtieġ, qabel kollox, eżami tal-istadju kummerċjali li miegħu kien iffissat il-prezz ta’ esportazzjoni.

54      F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li xejn fil-kliem tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, u b’mod partikolari dak li jispeċifika fis-subparagrafu (i) tiegħu, ma huwa tali li jipprekludi l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” għall-iffissar finali tal-prezz ta’ esportazzjoni għall-finijiet tal-paragun ekwu skont dan l-artikolu. B’hekk, jekk produttur jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpannija, ġuridikament distinta, iżda li jikkontrolla fuq livell ekonomiku, l-ebda raġuni imperattiva, ta’ natura ġuridika jew ekonomika, ma tipprekludi l-fatt li tkun tista’ tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ “entità ekonomika waħda” bejn dawn iż-żewġ operaturi.

55      Huwa paċifiku li l-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” ġie żviluppat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali. Il-Qorti Ġenerali, ġustament, sostniet, fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjonijiet speċifiċi fejn huwa permess li jiġi konkluż li teżisti tali entità għall-kalkolu tal-valur normali. Madankollu minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jirriżultax li dan il-kunċett japplika biss fil-kuntest tas-suq nazzjonali tal-produtturi esportaturi. Fil-fatt, għalkemm produttur jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu għall-Unjoni permezz ta’ kumpannija ġuridikament distinta iżda li tinsab taħt il-kontroll ekonomiku tiegħu, ir-rekwiżit ta’ konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn dan il-produttur u din il-kumpannija ta’ bejgħ jinsab pjuttost favur l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni.

56      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament applikat b’analoġija, għall-finijiet tal-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika waħda” applikabbli, bħala prinċipju, għall-kalkolu tal-valur normali.

57      Fir-rigward tal-oneru li tiġi pprovata l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu qed jintalab jew qed isir l-aġġustament inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li, “bl-istess mod li meta parti li titlob aġġustamenti, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, sabiex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jsiru paragunabbli sabiex jiġi ffissat il-marġni tad-dumping, għandha tipprova li t-talba tagħha hija ġġustifikata, l-istituzzjonijiet, meta jiddeċiedu li għandu jsir aġġustament, għandhom jibbażaw ruħhom fuq provi, jew għall-inqas fuq indikazzjonijiet, li juru l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu jsir l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragun tal-prezzijiet”.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, aġġustamenti intiżi sabiex isiru paragunabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni bil-għan li tiġi ddeterminata l-marġni ta’ dumping, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il‑Kunsill, 255/84, Ġabra p. 1861, punt 33; tas-7 ta’ Mejju 1987, Nippon Seiko vs Il‑Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1923, punt 45 u tas-7 ta’ Mejju 1987, Minebea vs Il‑Kunsill, 260/84, Ġabra p. 1975, punt 43).

59      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, fil-każijiet fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti ma jistgħux jiġu pparagunati, jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, permezz ta’ aġġustamenti, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi fejn huwa allegat u pprovat li dawn jaffettwaw il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragunabbiltà tagħhom.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont dak li josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-oneru li jiġi pprovat li l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-regolament bażiku għandhom isiru, jaqa’ fuq min jixtieq jagħmel użu minnhom, ikun min ikun.

61      B’hekk, meta produttur jitlob l-applikazzjoni ta’ aġġustament, bħala prinċipju ’l isfel, tal-valur normali jew, loġikament ’il fuq, tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, huwa dan l-operatur li għandu jindika u jipprova li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali aġġustament huma sodisfatti. Min-naħa l-oħra, hekk kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li hemm lok li jiġi applikat aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni, minħabba l-fatt li kumpannija ta’ bejgħ assoċjata ma’ produttur teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jipproduċu mill-inqas indikazzjonijiet konverġenti li juru li din il-kundizzjoni hija sodisfatta.

62      Fil-punt 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-provi prodotti mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ma kinux suffiċjentement konvinċenti u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet. Kontra din id-deċiżjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tal-legalità.

63      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din, dan għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punti 40 u 41).

64      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 31).

65      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Moser Baer India vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

66      Mill-punti 184 sa 190 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ tal-kwalifika ġuridika mogħtija mill-Kunsill u l-Kummissjoni għas-sitwazzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP. F’dan il-kuntest, hija kkonstatat li t-tliet elementi indikati fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 ma kinux jikkostitwixxu indikazzjonijiet kapaċi li jissostanzjaw il-konklużjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet li tgħid li Sepco kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu li jsir l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, mill-inqas fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet prodotti minn NTRP.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma imponiet l-ebda oneru ta’ prova partikolari lill-istituzzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ dik li juru li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali aġġustament kienu sodisfatti.

68      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, li jikkonċerna t-tliet elementi indikati fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 u fuq l-elementi rilevanti tal-proċess imsemmija fil-punt 188 tas-sentenza appellata, intiż sabiex jivverifika jekk l-istituzzjonijiet ipprovdewx il-prova li l-funzjonijiet ta’ Sepco kinux simili għal dawk ta’ aġent jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet sabiex iwettaq l-aġġustament inkwistjoni, ma kienx jikkostitwixxi evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik tal-istituzzjonijiet. L-istħarriġ hekk magħmul ma ggravax fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iġġustifikata bil-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw, iżda llimita ruħu sabiex jirrileva jekk dawn l-elementi kinux ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet.

69      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda l-ewwel sar-raba’ aggravji tal-appell prinċipali tal-Kunsill u l-ewwel sat-tielet aggravji ta’ dak tal-Kummissjoni.

 Fuq il-ħames sas-seba’ aggravji tal-appell prinċipali tal-Kunsill u fuq ir-raba’ aggravju tal-appell prinċipali tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

70      Il-Kunsill iqajjem tliet aggravji kontra s-sentenza appellata, fejn jerġa’ jqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni, ikkunsidrata minn din is-sentenza appellata, li tgħid li d-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP ġew miksura. B’hekk, permezz tal-ħames aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-interpretazzjoni li għaliha tasal il-Qorti Ġenerali dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni hija stretta wisq. Skont din l-istituzzjoni, il-kwistjoni dwar jekk huwiex biżżejjed li tiġi kkomunikata l-bażi legali ta’ aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku biex esportatur ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu jew jekk huwiex meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni supplimentari ma tistax tiġi deċiża fl-astratt, iżda biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi tal-każ. B’hekk il-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, is-sempliċi komunikazzjoni tal-bażi legali tal-aġġustament kinitx suffiċjenti jew le.

71      Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kriterju li fir-rigward tiegħu hija eżaminat jekk, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni tardiva tat-tliet elementi indikati fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006, Niko Tube u NTRP setgħux kellhom “possibbiltà, anki ridotta, li jwasslu l-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti”, fejn dan il-kriterju jippermetti li jiġi determinat jekk l-irregolarità proċedurali kellhiex effett fuq il-kapaċità ta’ dawn il-partijiet li jiddefendu l-interessi tagħhom. Il-Qorti Ġenerali tidher li wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija ma eżaminatx jekk, wara din il-komunikazzjoni tardiva, Niko Tube u NTRP kinux realment ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jippreżentaw argumenti jew osservazzjonijiet li setgħu wasslu l-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti. Skont il-Kunsill, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet osservat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni, hija kienet tikkonstata li l-argumenti invokati minn Niko Tube u minn NTRP kienu essenzjalment identiċi għal dawk ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni qabel ma ġie rċevut il-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006.

72      Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, il-Kunsill iqis li l-evalwazzjoni tal-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali, fil-punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata, sabiex tikkonkludi għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP hija vvizzjata b’numru ta’ żbalji ta’ liġi, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel tliet aggravji. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li tgħid li Niko Tube u NTRP “stabbilixxew li komunikazzjoni preċedenti tal-provi inklużi fil-faks [tal-Kummissjoni] tas-26 ta’ Ġunju 2006 kienet tippermettilhom juru dan, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, u, b’hekk, isostnu l-affermazzjoni li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda prova tanġibbli sabiex tagħmel l-aġġustament [kontenzjuż]”, huwa għalhekk ukoll ivvizzjat bi żball. Bl-istess mod, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jaħbi ġo fih kontradizzjoni fis-sens li hija kkonkludiet għal ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-bejgħ magħmul minn Niko Tube u minn NTRP, meta hija qieset, fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata, li huma ma kinux stabbilixxew li Sepco kienet taħt il-kontroll ta’ NTRP. B’hekk, komunikazzjoni preċedenti għat-tliet elementi msemmija fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 tidher li ma tat ebda possibbiltà lil Niko Tube u lil NTRP li jiksbu riżultat differenti fir-rigward tal-bejgħ magħmul minn NTRP permezz ta’ Sepco.

73      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji wisq stretti u, għalhekk, mhux ġustifikati sabiex tikkonkludi li d-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP kienu ġew miksura. Skont il-Kummissjoni, dawn tal-aħħar kienu informati b’mod sħiħ, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom, dwar ir-raġunijiet preċiżi li għalihom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li topera l-aġġustament inkwistjoni. Barra minn hekk huma fformulaw osservazzjonijiet dwar l-imsemmi aġġustament f’ittra tal-4 ta’ Mejju 2006. Il-Qorti Ġenerali tikkonfondi l-kwistjoni fuq il-mertu tal-legalità tal-aġġustament magħmul ma’ dik tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li aġġustament ġie applikat b’mod illegali ma jfissirx li minħabba dan is-sempliċi fatt, kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP. Il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-rekwiżiti, f’termini ta’ motivazzjoni tal-att, imqiegħda taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet rispettivament fl-istadju tal-adozzjoni tal-att ġudizzjarju finali u matul il-proċedura amministrattiva li tippreċedi din l-adozzjoni. Fl-istadju tal-adozzjoni tal-att ġuridiku finali, il-motivazzjoni definittiva għandha tiġi kkomunikata lid-destinatarji tagħha u għandha tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE. Fl-istadju preċedenti, ir-rekwiżit jillimita ruħu għall-fatt li l-operaturi jiġu informati b’mod suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. B’hekk il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat kienet ikkonkludiet, fir-rigward tal-fatt li l-motivazzjoni tkun iżjed kompleta fl-istajdu tal-att ġudizzjarju finali, li l-informazzjoni kkomunikata qabel ma ġie adottat bilfors ipprekludiet lill-operatur kkonċernati milli jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

74      Niko Tube u NTRP jeżaminaw flimkien it-tliet aggravji mqajma mill-Kunsill, li jikkorrispondu għar-raba’ aggravju tal-Kummissjoni. Skont dawn il-partijiet, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tagħhom kienu ġew miksura, inkwantu huma jmisshom kellhom il-possibbiltà li jesponu l-fehma tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha allegati insostenn ta’ aġġustament. Meta r-raġunijiet li jissostanzjaw din id-deċiżjoni ta’ aġġustament jiġu kkomunikati biss fi tmiem il-proċedura amministrattiva, sal-punt li l-imsemmija komunikazzjoni fil-fatt tikkoinċidi mal-għeluq ta’ din il-proċedura, dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt. L-osservanza tal-prinċipju tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li l-impriżi interessati jkunu bbenefikaw, matul il-proċedura amministrattiva, mill-possibbiltà li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u dwar ir-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, jew ukoll dwar id-dokumenti li l-Kummissjoni kkunsidrat insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur. L-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jirrigwarda biss il-provi fattwali miġbura matul il-proċedura amministrattiva u li wasslu għall-adozzjoni tal-miżura, li hija s-suġġett tal-azzjoni għal annullament. Li kieku l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda fatti oħra li ma humiex dawk miġbura matul il-proċedura amministrattiva, dan ikun jimplika li Niko Tube u NTRP ma kinux f’pożizzjoni li jagħmlu użu sħiħ mid-drittijiet tad-difiża tagħhom matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, li kieku Niko Tube kienet ġiet informata f’ħin utli dwar il-kriterji li l-istituzzjonijiet kienu realment ħadu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħhom, hija kienet effettivament tkun tista’ tikkonċentra l-argumenti tagħha dwar l-imsemmija kriterji matul il-proċedura amministrattiva u tinfluwenza r-riżultat tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Il-Qorti Ġenerali laqgħet is-sitt aggravju ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn jikkonċerna l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, inkwantu, li kieku l-Kummissjoni kienet ikkomunikat, qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż l-elementi li jinsabu fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 lil Niko Tube u lil NTRP, dawn tal-aħħar kienu jistgħu jsostnu, fi żmien utli, argument li huma ma setgħux jesponu minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni biex tikkomunika l-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant huma setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom u, jekk ikun il-każ, iwasslu l-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti.

76      Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar, ġustament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet li huma suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping. Skont din il-ġurisprudenza, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punt 17).

77      Għandu jiġi enfasizzat li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 sa 17; b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p I-8831, punt 55; u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 93).

78      B’mod partikolari, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax jiġi impost fuq Niko Tube u fuq NTRP li juru li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li dawn il-partijiet kienu jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali (ara s-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Madankollu, l-eżistenza ta’ irregolarità relatata mad-drittijiet tad-difiża tista’ tirriżulta fl-annullament tar-regolament kontenzjuż biss sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti, u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP (ara s-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).

80      Mill-atti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, ġustament, ikkonstatat fil-punt 203 tas-sentenza appellata, li kien biss permezz tat-tieni dokument ta’ informazzjoni finali tal-24 ta’ April 2006 li Niko Tube u NTRP ġew informati dwar il-fatt li, fir-rigward tal-bejgħ lejn il-Komunità li għalih kienet intervjeniet Sepco, l-aġġustament magħmul fil-fatt kien sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, u mhux skont l-Artikolu 2(9) ta’ dan ir-regolament, kif kien issemma’ bi żball fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, madankollu kien biss permezz tat-tieni dokument li segwih li l-Kummissjoni ġġustifikat ir-raġuni li għalih l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kien applikabbli f’dan il-każ. Ġie speċifikat li l-ammont tat-tnaqqis li sar ma kienx inbidel. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tat l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ kif l-Artikolu 2(10)(i) tal-imsemmi regolament bażiku kien applikabbli, f’dan il-każ. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, Niko Tube u NTRP infurmaw lill-Kummissjoni li kienet din tal-aħħar li kellha turi li l-attivitajiet ta’ Sepco kienu jixbhu dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet.

81      Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li huwa biss permezz ta’ faks tas-26 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri jum qabel l-adozzjoni tar-regolament antidumping kontenzjuż, li l-Kummissjoni pprovdiet, għall-ewwel darba, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw, fl-opinjoni tagħha, il-fatt li l-attivitajiet ta’ Sepco kienu simili għal dawk ta’ aġent u li l-aġġustament magħmul fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kien, konsegwentement, fondat. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata f’dan il-każ.

82      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, fuq il-konklużjonijiet tagħha magħmula fil-punti 185 sa 188 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li t-tliet elementi tal-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi stabbilit, minn naħa, li Sepco kienet teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet u, min-naħa l-oħra, li Sepco u NTRP ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, ma huwiex tali li jerġa’ jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li Niko Tube u NTRP ġew informati għall-ewwel darba dwar il-motivazzjoni li tikkonċerna l-bażi legali tal-aġġustament inkwistjoni biss jum qabel l-adozzjoni tar-regolament antidumping kontenzjuż.

83      Hekk kif ġie osservat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed, sabiex jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża ġew affettwati, li jintwera li, fin-nuqqas ta’ irregolarità proċedurali kkonstatata, Niko Tube u NTRP setgħu żguraw id-difiża tagħhom aħjar.

84      Issa, f’dan il-każ, Niko Tube u NTRP setgħu sostnew, quddiem il-Qorti Ġenerali, argumenti li hija qieset li kienu fondati u li abbażi tagħhom, fil-punti 190 u 243 tas-sentenza appellata, hija laqgħet il-parti tar-raba’ motiv imqajjem minn dawn il-partijiet fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest tal-Kunsill fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, u li, minħabba f’hekk, annullat parzjalment ir-regolament kontenzjuż. Hekk kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 209 tas-sentenza appellata, din iċ-ċirkustanza tikkonferma li komunikazzjoni preċedenti tal-elementi li jinsabu fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 ippermettiet lil Niko Tube u lil NTRP li jsostnu quddiem l-istituzzjonijiet, qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, l-istess argumenti bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali u, b’dan il-mod, li jissostanzjaw l-affermazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni ma kellha ebda element tanġibbli li jippermettilha jipproċedi għall-aġġustament kontenzjuż.

85      Ċertament, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 185 sa 190 tas-sentenza appellata, laqgħet il-parti msemmija iktar ’il fuq tar-raba’ motiv ta’ annullament biss fir-rigward tar-relazzjoni bejn Sepco u NTRP u ċaħditha fir-rigward tar-regolazzjoni bejn Sepco u Niko Tube. Madankollu, fil-każ ta’ komunikazzjoni preċedenti tal-elementi inkwistjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, ma kellhiex tkun il-Qorti Ġenerali iżda kellhom ikunu l-Kunsill u l-Kummissjoni li jevalwaw l-effett tagħhom fuq dawn iż-żewġ relazzjonijiet, fir-rigward tal-argumenti mressqa minn dak il-mument minn Niko Tube u minn NTRP. B’hekk, minkejja l-konstatazzjonijiet tagħha stess fuq il-mertu fl-imsemmija punti 185 sa 190, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, billi laqgħet, fil-punti 210 u 211 tas-sentenza appellata, is-sitt motiv imqajjem minn Niko Tube u minn NTRP fl-ewwel istanza, li, fin-nuqqas tal-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, mhux biss NTRP iżda wkoll Niko Tube setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom u, jekk ikun il-każ, iwasslu l-proċedura amministrattiva lejn riżultat differenti.

86      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li Niko Tube u NTRP ma nstemgħu utilment fl-ebda stadju tal-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-motivi li huma xtaqu jsostnu kontra l-aġġustament ikkunsidrat.

87      B’hekk, hemm lok li jiġu miċħuda l-ħames sas-seba’ aggravji tal-Kunsill u r-raba’ aggravju tal-Kummissjoni li huma jressqu insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, li jsostnu li d-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP ma ġewx miksura.

88      Għaldaqstant, l-appelli prinċipali għandhom jiġu kollha kemm huma miċħuda.

 Fuq l-appell inċidentali

89      Insostenn tal-appell inċidentali tagħhom, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi li huma kienu qajmu fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza. Niko Tube u NTRP jinvokaw tliet aggravji f’dan ir-rigward. L-ewwel aggravju huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kunsill ma ddeterminatx il-valur normali abbażi ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, inkwantu din l-istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni, skont Niko Tube u NTRP, prodotti li huma kinux jimmanifatturaw meta kkalkolat il-marġni ta’ dumping. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-iffissar tal-ħsara materjali kien ġie stabbilit skont l-Artikolu 3 tar-regolament bażiku. Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju ta’ Niko Tube u ta’ NTRP huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li Sepco aġixxiet f’isem Niko Tube bħala aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

90      L-ewwel aggravju mqajjem minn Niko Tube u minn NTRP huwa maqsum f’ħames partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ. Permezz tat-tieni parti, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. It-tielet parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar wieħed mill-motivi invokati minn Niko Tube u minn NTRP. Skont ir-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, dawn l-istess partijiet isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dmir ta’ diliġenza li għandha l-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, skont il-ħames parti, il-Qorti Ġenerali tidher li żnaturat is-sens ċar tal-provi sottomessi lilha.

91      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi kkonfermat il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet li ma jeskludux, sabiex jikkalkolaw il-marġni ta’ dumping, pajpijiet atomiċi, jiġifieri prodotti li huma jsostnu, b’dokumenti li jissostanzjaw dan, li ma humiex immanifatturati minnhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat elementi ġodda ppreżentati mill-Kunsill għall-ewwel darba fil-mori tal-kawża. B’hekk, hekk kif isostnu Niko Tube u NTRP fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha u wettqet żball ta’ liġi billi aċċettat li jiġu inklużi fit-trattazzjonijiet quddiemha fatti kif ukoll spjegazzjonijiet supplimentari u ġodda pprovduti mill-istituzzjonijiet.

92      Fuq dan l-aħħar punt, Niko Tube u NTRP isostnu, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħhom, li dawn l-ispjegazzjonijiet u allegazzjonijiet ippreżentati mill-Kunsill kienu tardivi inkwantu huma ma kinux jagħmlu parti mill-fajl ikkostitwit matul il-proċedura amministrattiva, u minħabba f’hekk, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, kellhom jiġu esklużi. Il-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni ta’ dan il-motiv fir-rapport tas-seduta iżda naqset milli tiddiskutih fis-sentenza appellata.

93      Niko Tube u NTRP isostnu, barra minn hekk, fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħhom, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet uriet id-diliġenza meħtieġa fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-informazzjoni li huma kienu pprovdew dwar il-bejgħ ta’ dawn il-pajpijiet atomiċi. Fil-fatt, filwaqt li l-istituzzjonijiet isostnu għaxar argumenti separati insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li tgħid li huma kienu osservaw id-dmir ta’ diliġenza tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kienu biss tnejn minn fosthom li setgħu effettivament jiġġustifikaw “preokkupazzjoni leġittima”. Skont Niko Tube u NTRP, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li l-istituzzjonijiet issodisfaw id-dmir ta’ diliġenza tagħhom meta, barra minn hekk, ikkonstatat li żewġ argumenti fuq għaxra biss imressqa mill-istituzzjonijiet kienu fondati, ma tistrieħx fuq evalwazzjoni raġonevoli u għaldaqstant hija żbaljata u għalhekk infondata.

94      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Niko Tube u NTRP isostnu, dejjem fir-rigward tal-informazzjoni li huma kkomunikaw lill-istituzzjonijiet dwar il-bejgħ ta’ pajpijiet atomiċi, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li din l-informazzjoni, ipprovduta matul il-proċedura amministrattiva, “setgħet kienet sors ta’ konfużjoni għall-aġenti tal-Kummissjoni inkarigati mill-investigazzjoni”, inkwantu din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq argumenti inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ, saħansitra żbaljati u infondati, li l-istituzzjonijiet ippreżentaw għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-valur normali kien determinat b’mod raġonevoli u li l-Kummissjoni kkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni, huma manifestament żbaljati.

95      Fir-rigward ta’ dawn l-aggravji, il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw li Niko Tube u NTRP ma pprovaw l-eżistenza ta’ ebda wieħed mill-ħames ilmenti magħmula kontra l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, li tgħid li l-valur normali kien ġie ddeterminat b’mod raġonevoli. B’hekk, skont dawn l-istituzzjonijiet, l-ewwel motiv invokat insostenn tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża sa fejn ittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-punti 47 sa 55, 59 u 60 tas-sentenza appellata, elementi ġodda, jiġifieri l-motivazzjoni ġdida ppreżentata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni biex jiġġustifikaw ir-rifjut li jiġu esklużi pajpijiet atomiċi mill-kalkolu tagħhom tal-valur normali, kif ukoll fatti ġodda mressqa insostenn ta’ din il-motivazzjoni ġdida, li ma kinux ġew ikkomunikati lil Niko Tube u lil NTRP matul il-proċedura amministrattiva.

97      Fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, mingħajr ma jkun neċessarju li tagħti deċiżjoni dwar in-natura essenzjali tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001 mill-kalkolu tal-valur normali, kuntrarjament għal dak li kienu allegaw Niko Tube u NTRP, l-ebda fatt ġdid jew motivazzjoni ġdida ma kienet ġiet ikkomunikata lilhom permezz tal-ittri li huma effettivament irċevew fis-27 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri l-jum meta r-regolament kontenzjuż ġie adottat.

98      B’mod partikolari, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma ħadux inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-fatt li l-pajpijiet atomiċi ma jikkorrispondux mal-prodott inkwistjoni, jiġifieri ma’ dak ikkonċernat mill-allegazzjonijiet ta’ prattiki ta’ dumping. Skont Niko Tube u NTRP, huma ma jimmanifatturawx dan it-tip ta’ pajpijiet. Barra minn hekk, f’ebda mument tal-proċedura amministrattiva l-Kunsill u l-Kummissjoni ma allegaw li l-lista ta’ xiri prodotta minn Niko Tube u NTRP kienet tippermetti li wieħed jinvalida dan l-argument. Skont dawn tal-aħħar, il-fajl tal-investigazzjoni ma jinkludi ebda riferiment dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tagħhom biex jiġi identifikat il-fornitur, fejn dan in-nuqqas attribwit lil Niko Tube u lil NTRP mill-istituzzjonijiet ġie madankollu invokat insostenn tad-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar. L-argument tal-istituzzjonijiet li jgħid li huma ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw l-eżattezza tal-affermazzjoni li l-pajpijiet atomiċi ma kinux manifatturati minn Niko Tube u minn NTRP minħabba l-fatt li dan l-element kien jistrieħ fuq informazzjoni ġdida, ma jistax madankollu jiġi milqugħ, ladarba, fil-verità, din l-affermazzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP kienet tibbaża ruħha, skont dawn tal-aħħar, fuq informazzjoni li huma kienu pprovdew qabel. Niko Tube u NTRP jindikaw f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali nnifisha, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, qieset li l-kwestjonarju li l-kumpannija ta’ bejgħ SPIG kellha timla kien jikkonċerna biss il-bejgħ lejn l-Unjoni u li l-lista “Dmsales”, li kienet tikkonċerna l-bejgħ lejn is-suq Ukren, ġiet ipprovduta b’mod purament volontarju biss.

99      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, qieset li l-fatt li l-listi tal-bejgħ ta’ Niko Tube u ta’ NTRP ma kinux isemmu l-pajpijiet manifatturati skont l-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001 kien indikazzjoni, għall-Kummissjoni, tal-fatt li huma ma kinux biegħu l-imsemmija pajpijiet atomiċi, saħansitra lanqas lill-kumpannija ta’ bejgħ assoċjata tagħhom, SPIG. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-listi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, intitolati “Dmcop” u “Eccop”, ma kienu jsemmu ebda waħda mill-prodotti mmanifatturati b’applikazzjoni tal-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li dawn il-listi kienu jipprovaw li l-ebda wieħed mill-prodotti msemmija fihom ma kien ġie manifatturat minn Niko Tube u minn NTRP skont l-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001. Madankollu l-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li l-lista ta’ bejgħ fis-suq nazzjonali, intitolata “DMsales”, prodotta minn SPIG fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju indirizzat lilha mill-Kummissjoni, kienet tirreferi għal sitt tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet atomiċi li jaqgħu fl-NKP KE4, immanifatturati skont l-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001, u pprovduti mill-kumpannija NTRP biss.

100    Anki jekk deher mill-fajl sottomess lill-Qorti Ġenerali li dawn is-sitt tranżazzjonijiet kienu fil-verità jikkonċernaw biss is-suq Ukrajn, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, minn naħa, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni madankollu kellha informazzjoni kontradittorja jew, tal-inqas, informazzjoni li l-validità tagħha setgħet titqiegħed inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li Niko Tube u NTRP kienu baqgħu lura milli jnaqqsu dan id-dubju billi pproduċew il-prova li s-sitt tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw xiri minn SPIG mingħand fornitur indipendenti.

101    L-ewwel żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju, ibbażati rispettivament fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, huma t-tnejn li huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li l-Qorti Ġenerali jmissha kkunsidrat bħala li ġew ippreżentati tardivament il-motivi, ippreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, insostenn taċ-ċaħda tat-talba ta’ Niko Tube u ta’ NTRP intiża li teskludi l-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4 mill-kalkolu tal-valur normali, ladarba dawn il-motivi kienu ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem din il-qorti u li ma jirriżultawx mill-proċedura amministrattiva.

102    F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 182 tal-konklużjonijiet tiegħu, li mill-punti 47 sa 55, 59 u 60 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, sabiex teżamina l-motivi ta’ annullament ibbażati, rispettivament, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mid-dokumenti skambjati matul il-proċedura amministrattiva.

103    B’mod partikolari, billi vverifikat jekk il-Kunsill kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ċaħad it-talba ta’ Niko Tube u ta’ NTRP li jeskludu mill-kalkolu tal-valur normali u tal-marġni ta’ dumping il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4 minħabba l-fatt li huma ma jimmanifatturawhomx, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod partikolari l-motivazzjoni li abbażi tagħha din iċ-ċaħda kienet saret, b’mod partikolari fir-rigward tal-kuntest fattwali li fih ġiet adottata din il-motivazzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali sempliċement issostitwixxiet fil-kuntest tagħha ċ-ċaħda tal-imsemmija talba, billi osservat il-fatt li l-lista tal-fornituri u tax-xiri ta’ SPIG kienet issemmi biss fornitur wieħed ta’ pajpijiet atomiċi li jaqa’ taħt l-NCP KE4, jiġifieri NTRP, liema fatt seta’ kellu effett fuq il-pretensjoni li tgħid li Niko Tube u NTRP ma kinux jimmanifatturaw l-imsemmija pajpijiet. Tali kuntest, u b’mod partikolari ċ-ċirkustanza, imsemmija fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kellha informazzjoni kontradittorja dwar l-immanifatturar, minn NTRP, ta’ pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4, żgur li ma setax jiġi injorat minn Niko Tube u minn NTRP. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li dawn tal-aħħar kienu bagħtu lill-Kummissjoni ċerti dokumenti li taw lok għal din il-konfużjoni, jiġifieri dokumenti ppreżentati bħala rċevuti meqjusa li kienu qed jirreferu għas-sitt tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4 li kienu ssemmew b’mod żbaljat fil-lista tal-bejgħ ta’ SPIG.

104    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li s-soluzzjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali għaż-żewġ motivi eżaminati, rispettivament, fil-punti 47 sa 55, 59 u 60 tas-sentenza appellata ma humiex ibbażati fuq motivi mressqa tardivament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

105    It-tielet parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq nuqqas ta’ tweġiba min-naħa tal-Qorti Ġenerali għall-motiv ta’ Niko Tube u ta’ NTRP intiż sabiex tiġi eskluża ċerta trattazzjoni, minħabba tardività u għall-finijiet tal-ippreżervar tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar, l-ispjegazzjonijiet u l-allegazzjonijiet tal-Kunsill li jinsabu fir-risposta tiegħu. Għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali tagħti spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża, peress li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn ikunu ttieħdu l-miżuri inkwistjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France Bétail u Viande vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193, punt 75).

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandu jiġi kkunsidrat li l-argument inkwistjoni ġie impliċitament miċħud mill-Qorti Ġenerali, ladarba hija eżaminat u ċaħdet, fuq il-mertu, il-motivi ta’ annullament ibbażati, rispettivament, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li kienu jibbażaw ruħhom, skont l-argument ta’ Niko Tube u ta’ NTRP nnifishom, fuq il-motivi li dawn tal-aħħar ikkwalifikaw bħala tardivi.

107    Fir-rigward tar-raba’ parti dwar l-argument ta’ Niko Tube u ta’ NTRP li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ċaħdet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-motiv li dawn tal-aħħar qajmu fir-rigward tad-dmir ta’ diliġenza li għandhom l-istituzzjonijiet meta jaslu sabiex jiddeterminaw il-valur normali, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali kellha l-kompitu li teżamina jekk il-Kummissjoni kintix evalwat b’mod globali bid-diliġenza meħtieġa, għalhekk b’mod raġonevoli, il-provi li hija kellha, u mhux jekk il-metodu li bih il-Kummissjoni kienet evalwat il-provi kienx koerenti.

108    F’dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, ġustament, tikkonkludi mill-imsemmija fatti li l-istituzzjonijiet ma naqsu la mid-dmir ta’ diliġenza tagħhom u lanqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

109    Qabel kollox għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali ma elenkatx lista ta’ għaxar fatturi, iżda fakkret, fil-punti 33 sa 37 tas-sentenza appellata, il-ħames gruppi ta’ motivi li kienu wasslu lill-istituzzjonijiet jiċħdu t-talba ta’ esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4 mill-kalkolu tal-valur normali u tal-marġni ta’ dumping.

110    Ċertament, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li Niko Tube u NTRP kienu pproduċew provi li jindikaw li huma ma kinux jimmanifatturaw il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4. Madankollu, il-Qorti Ġenerali sussegwentement osservat, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li skont l-informazzjoni ppreżentata minn SPIG, NTRP kienet ipprovdiet pajpijiet li jaqgħu taħt l-NCP KE4 immanifatturati skont l-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu Niko Tube u NTRP, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-argument li jgħid li SPIG semmiet biss lil NTRP bħala l-uniku fornitur tal-imsemmija pajpijiet kien “infondat”. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “SPIG Interpipe ma [kienet i]kkommettiet l-ebda żball billi [...] ma semmiet l-ebda fornitur ieħor ħlief NTRP”, fid-dawl tal-fatt li milli jidher il-pajpijiet inkwistjoni kienu nbiegħu mill-ġdid fis-suq Ukrajn.

111    Sussegwentement, ma hemmx lok li jiġi interpretat il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx speċifikament fuq ċerti fatturi elenkati fl-appell inċidentali ta’ Niko Tube u ta’ NTRP bħala konstatazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat dawn il-fatturi bħala “neqsin minn rilevanza”. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali setgħet perfettament tiġġudika, għall-kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ ekonomija proċedurali, li ma kellhiex l-obbligu, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, liema żball kellu jiġi pprovat minn Niko Tube u minn NTRP, li tistħarreġ l-argumenti kollha sostnuti mill-istituzzjonijiet insostenn tat-talba tagħhom, ladarba wħud mir-raġunijiet esposti kienu suffiċjenti biex jissostanzjaw l-imsemmija talba.

112    Issa, Niko Tube u NTRP nnifishom jammettu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienu “preokkupazzjonijiet leġittimi” l-fatt li huma naqsu milli jipproduċu l-provi li jistabbilixxu b’mod ċar li l-pajpijiet inkwistjoni kienu nxtraw mingħand terz indipendenti u mhux mingħand NTRP u l-fatt li, matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post, il-Kummissjoni ma kinitx qajmet il-kwistjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4 sa fejn Niko Tube u NTRP kienu għadhom ma fformulawx it-talba tagħhom ta’ esklużjoni tal-imsemmija pajpijiet. Essenzjalment, huwa fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ fatturi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-istituzzjonijiet ma kinux wettqu żball billi ċaħdu t-talba ta’ Niko Tube u ta’ NTRP li jeskludu mill-kalkolu tal-valur normali u mill-marġni ta’ dumping il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4. L-argument li jgħid li Niko Tube u NTRP jikkontestaw din l-aħħar evalwazzjoni u intiż li huwa jerġa’ jqiegħed inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta minn evalwazzjoni fattwali li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ appell.

113    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq il-mertu, tnejn biss mill-fatturi invokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dan ma jfissirx li dawn tal-aħħar kienu naqsu milli jeżaminaw bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha li kienu ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva.

114    Fir-rigward tal-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegat żnaturament tal-provi, sa fejn Niko Tube u NTRP isostnu li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, it-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni ma kinitx tinkludi informazzjoni kontradittorja, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li huwa fi tmiem mhux biss tal-eżami tas-sempliċi tweġibiet ta’ Niko Tube u ta’ NTRP għal dan il-kwestjonarju, iżda wkoll għal dawk ipprovduti mill-kumpannija ta’ bejgħ assoċjata, SPIG, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha informazzjoni kontradittorja. Fil-fatt, din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni, magħmula fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li tgħid li, skont l-informazzjoni ppreżentata minn SPIG, NTRP kienet ipprovdiet pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NCP KE4 immanifatturati skont l-istandard tekniku TU 14 3P 197 2001. B’hekk, hija ma żnaturatx it-tweġibiet ta’ Niko Tube u ta’ NTRP għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni.

115    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-argumenti preċedenti, li l-Qorti Ġenerali lanqas ma żnaturat il-provi tal-fajl billi waslet għall-konklużjoni, imsemmija fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kienet uriet id-diliġenza kollha meħtieġa.

116    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP diretta kontra l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li tgħid li n-nuqqas ta’ traduzzjoni bl-Ingliż tal-irċevuti ta’ xiri ta’ SPIG kien jikkostitwixxi biss pretest sabiex jiġi deċiż li Niko Tube u NTRP ma kinux ippruvaw inaqqsu d-dubju tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tweġibiet kontradittorji, għandu jiġi osservat li huma naqsu milli jirriproduċu jew milli jannettu l-irċevuti inkwistjoni fl-appell inċidentali tagħhom bil-għan li juru l-allegat żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, ta’ dawn id-dokumenti, iżda sempliċement irreferew għall-Kummissjoni f’anness tar-risposta tal-Kunsill, prodott quddiem il-Qorti Ġenerali u li jinkludi kopja tal-imsemmija dokument.

117    Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li allegat żnaturament tal-fatti jew tal-provi għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3713, punt 54 u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p I‑4333, punt 67), dawn iċ-ċirkustanzi huma biżżejjed sabiex jiġi miċħud dan l-ilment.

 Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali

118    It-tieni aggravju tal-appell inċidentali huwa maqsum f’disa’ partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-tieni motiv imqajjem fir-rikors inkwantu hija ma eżaminatx jekk l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku kienx ġie miksur, it-tieni nett, wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, it-tielet nett, wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, ir-raba’ nett, wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija ma eżaminatx il-kriterji kollha msemmija mill-Artikolu 18(3), tal-istess regolament, il-ħames nett, kisret id-dritt għal smigħ, is-sitt nett, marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha, is-seba’ nett, ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha u wettqet żball ta’ evalwazzjoni, it-tmien nett, ma ttrattatx il-motiv supplimentari li Niko Tube u NTRP kienu qajmu u, id-disa’ nett, wettqet żball ta’ liġi meta stħarrġet il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku.

119    Skont id-disa’ parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħhom, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku.

 L-argumenti tal-partijiet

120    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motiv tagħhom li jsostni li l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku ġie miksur mill-istituzzjonijiet. Fil-fehma tagħhom, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’dan il-każ, saret abbażi ta’ provi difettużi, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ ċertu numru ta’ kumpanniji ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni li, minħabba dan il-fatt, ma ġewx integrati fl-istruttura rappreżentattiva tas-settur industrijali kkonċernat tal-Unjoni, li permezz tagħha l-istituzzjonijiet evalwaw il-ħsara materjali. Minn dan jirriżulta li applikazzjoni korretta tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku jmissu wassal lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħsara materjali ma setgħetx tiġi legalment determinata, fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi pożittivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku billi llimitat ruħha għall-eżami tal-konformità tal-informazzjoni pprovduta mal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament bil-għan li jiġi ddeterminat jekk din l-informazzjoni kinitx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara. Il-Qorti Ġenerali jmissha ddeċidiet li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi stabbilixxew il-ħsara materjali abbażi ta’ informazzjoni li ma kinitx tkopri parti sinjifikattiva tal-industrija tal-Unjoni, peress li kieku l-Qorti Ġenerali kienet applikat il-kriterju approprjat, hija kienet tikkonstata li numru ta’ impriżi tas-settur industrijali tal-Unjoni kkonċernat li ma kkooperax kien jirrappreżenta 12 % tal-bejgħ kollu magħmul mill-imsemmi settur.

121    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, qed jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kumpannija ta’ produzzjoni assoċjata ma’ produtturi li qed jilmentaw bħala prinċipju ma hijiex marbuta tikkoopera ma’ investigazzjoni u li l-eżami tal-prezzijiet mitluba bejn min qed jagħmel l-ilment u n-negozjant assoċjat tiegħu huwa biżżejjed biex jiġi stabbilit jekk l-aġir tal-imsemmi negozjant huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-ħsara materjali u għaldaqstant jekk dan tal-aħħar għandux jippreżenta tweġiba separata għall-kwestjonarju. Skont Niko Tube u NTRP, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tippermetti lil produttur tal-Unjoni jagħżel sempliċement liema kumpanniji tal-grupp tiegħu ma jsostnux l-ilment u ma għandhomx jipprovdu informazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku.

122    Skont it-tielet parti tal-imsemmi aggravju, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-applikazzjoni, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku. Skont Niko Tube u NTRP, sabiex jiġi evalwat jekk l-informazzjoni nieqsa “[tikkawżax] diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, minn naħa, l-effett tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-kumpanniji assoċjati “skont il-produzzjoni u l-bejgħ tal-produtturi Komunitarji kkonċernati magħżula fil-kampjun” u, min-naħa l-oħra, il-“portata globali tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni skont il-produzzjoni kollha u l-bejgħ tal-industrija Komunitarja”. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkontentat ruħha li teżamina r-rilevanza tat-talbiet relatati mal-ħsara materjali billi bbażat ruħha esklużivament fuq il-gravità tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-kumpanniji individwali assoċjati, b’relazzjoni mal-bejgħ kollu u mal-produzzjoni tal-industrija kollha tal-Unjoni.

123    Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-istess aggravju, Niko Tube u NTRP jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx debitament jekk l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku kellux japplika, peress li hija ma eżaminatx, għal kull kumpannija, kull wieħed mill-erba’ kriterji msemmija fl-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, meta l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk dawn l-erba’ rekwiżiti kinux ġew sodisfatti f’dan ir-rigward, hija kkonċentrat ruħha biss fuq żewġ kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-ħsara, jiġifieri l-informazzjoni fuq il-bejgħ u, sa ċertu punt, l-informazzjoni fuq il-produzzjoni. Issa, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħsara jipprevedu ħmistax-il indikazzjoni ta’ ħsara, li għandhom kollha kemm huma jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi analizzata ħsara. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kooperazzjoni tal-produtturi li għamlu parti mill-kampjun u għaldaqstant dwar l-iffissar tal-ħsara fir-regolament kontenzjuż, hekk kif inhuma espressi fil-punti 97 sa 108 u 112 tas-sentenza appellata, huma żbaljati.

124    Il-ħames parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP inkwantu, minn naħa, hija bbażat is-sentenza tagħha fuq fatti u spjegazzjonjiet li ma kinux ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva u li dwarhom huma ma kellhomx l-opportunità li jifformulaw osservazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, inkwantu ddikjarat li ġew stabbiliti ċerti fatti li l-eżistenza tagħhom ma setgħetx tiġi kkonstatata mill-atti tal-proċess sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha.

125    Skont is-sitt parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tidher li ppermettiet, b’mod żbaljat, lill-istituzzjonijiet jippreżentaw dikjarazzjonijiet fattwali u spjegazzjonijiet supplimentari u ġodda, u sussegwentement tidher li stħarrġet fajl ikkostitwit mill-ġdid.

126    Permezz tas-seba’ parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjoni tagħha, inkwantu hija ma ġġustifikatx b’mod biżżejjed ir-raġuni li għaliha hija kienet ikkunsidrat ċerta informazzjoni li tikkonċerna figuri pjuttost milli oħra, bħal, b’mod partikolari, dik li Niko Tube u NTRP kienu ppreżentaw.

127    It-tmien parti ta’ dan l-aggravju ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tatx tweġiba għall-motiv ta’ Niko Tube u ta’ NTRP li jgħid li l-ispjegazzjonijiet u l-allegazzjonijiet tal-Kunsill, li jinsabu fir-risposta li tikkonċerna t-tieni motiv imqajjem fir-rikors, ma kinux issostanzjati mill-fajl tal-investigazzjoni, b’tali mod li din l-istituzzjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

128    Skont id-disa’ parti tal-imsemmi aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku. Huwa fil-fatt b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 101, 107 u 108 tas-sentenza appellata, li, minkejja n-nuqqas ta’ tweġiba tal-kumpanniji Productos Tubulares, Tenaris West Afrika u VMOG United Kingdom għall-kwestjonarju li kien ingħatalhom mill-Kunsill, dan tal-aħħar ma kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk is-sunti mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni kunfidenzjali mogħtija mill-kumpanniji VMOG Deutschland, Acecsa u Almesa kif ukoll minn kumpanniji differenti fosthom Dalmine kienu pprovdew lil Niko Tube u lil NTRP, matul il-proċedura amministrattiva, “għarfien suffiċjenti tal-kontenut essenzjali” tal-informazzjoni kkonċernata. Il-Qorti Ġenerali tidher li wettqet żball ta’ liġi billi ma osservat la l-kliem ċar u nieqes minn ambigwità tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku u lanqas ma eżaminat jekk l-informazzjoni dwar il-produzzjoni u dwar il-bejgħ tal-produtturi individwali li ma kkooperawx, illegalment esklużi mill-fajl mhux kunfidenzjali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, setgħetx tiġi vverifikata mingħand sorsi oħra xierqa. Li kieku l-Qorti Ġenerali kienet wettqet din il-verifika, hija kienet fil-fatt tikkonstata li ma kien jeżisti ebda sors xieraq magħruf minn Niko Tube u minn NTRP u li konsegwentement ma kienx xieraq li tibbaża ruħha fuq informazzjoni mhux kunfidenzjali kkunsidrata b’mod żbaljat, sa fejn minn dan kienet tirriżulta ħsara diretta u mhux ġustifikata għad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, il-punt dwar jekk żvelar xieraq tal-informazzjoni setax jagħti eżitu differenti lill-proċedura amministrattiva għandu jiġi evalwat mill-perspettiva tal-parti li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura, billi jiġi kkunsidrat li l-imsemmija parti setgħet kienet tinsab f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-realtà jew fir-rigward tar-rilevanza tal-informazzjoni kkonċernata li kieku din kellha tiġi kkomunikata bil-mod kif imissha ġiet ikkomunikata.

129    Fl-opinjoni tal-Kunsill, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-allegazzjoni tagħhom, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonkludiet li l-istituzzjonijiet osservaw l-Artikolu 18(3) tal-imsemmi regolament, kompliet l-analiżi tagħha billi eżaminat jekk, komplessivament, il-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara kienx affetwat mit-tweġibiet neqsin għall-kwestjonarju indirizzat mill-istituzzjonijiet lil diversi kumpanniji li jappartjenu għal dan is-settur industrijali tal-Unjoni u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ. Għalhekk, Niko Tube u NTRP ma jistgħux isostnu li l-Qorti Ġenerali llimitat l-istħarriġ tagħha għall-eżami tal-osservanza, mill-istituzzjonijiet, tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku u li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett tat-tweġibiet neqsin għall-kwestjonarju dwar l-iffissar tal-ħsara.

130    Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet għamlu mistoqsijiet lill-produtturi kollha tal-Unjoni. Madankollu, għalkemm ċerti kumpanniji assoċjati ma wieġbux il-kwestjonarju, dan ma kellu ebda effett la fuq l-informazzjoni relatata ma’ kull produttur tal-Unjoni u lanqas fuq l-informazzjoni li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi.

131    Fil-fehma tal-Kunsill, l-argument ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, li jgħid li l-iffissar tal-ħsara materjali ma kien issostanzjat minn ebda prova pożittiva u li l-konklużjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali kienet żbaljata minħabba informazzjoni nieqsa dwar bejgħ li kien jirrappreżenta 10 % mill-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni, huwa inammissibbli. Il-Kunsill iqis li Niko Tube u NTRP ma jurux li l-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest il-provi li hija kellha, inkwantu l-partijiet ma jindikaw preċiżament la l-provi allegatament żnaturati u lanqas l-iżball ta’ evalwazzjoni li wasslet għal dan l-iżnaturament.

132    Il-Kunsill jispeċifika li, fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “l-informazzjoni li tikkonċernaha ma kellhiex, bħala regola, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija [tal-Unjoni], sakemm dan in-nuqqas ma kienx żnatura din l-analiżi”. B’hekk, fir-rigward tal-opinjoni tal-Kunsill, Niko Tube u NTRP b’mod żbaljat isostnu li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tippermetti lil produttur tal-Unjoni jagħżel sempliċement liema mill-kumpanniji tal-grupp tiegħu “ma jappoġġawx l-ilment u ma għandhomx jipprovdu informazzjoni”.

133    Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, il-Kunsill jirrispondi li dan l-artikolu jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa u ma jirrikjedix minn dawn tal-aħħar jesprimu, f’kull każ “l-effett” jew “il-portata” tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni “skont” il-bejgħ u l-produzzjoni tal-produttur ikkonċernat magħżul fil-kampjun jew tas-settur industrijali kollu tal-Unjoni.

134    Fir-raba’ parti tat-tieni aggravju, il-Kunsill ifakkar li l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku ma jistax jinqara waħdu, iżda għandu jinqara b’rabta mas-subartikolu 1 tal-imsemmi artikolu li jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet huma awtorizzati jinjoraw ċerta informazzjoni. Fid-dawl tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-informazzjoni nieqsa ma kinitx tikkonċerna iktar minn 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni u li r-rata tad-dazju antidumping kienet ibbażata fuq il-marġni ta’ dumping li kien kompletament inferjuri għall-marġni ta’ ħsara, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali, ġustament, iddeċidiet li din l-istituzzjoni ma kienet wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-informazzjoni nieqsa ma kinitx żnaturat l-iffissar tal-ħsara u li ma kinitx kisret l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku.

135    B’risposta għall-ħames parti tat-tieni aggravju, il-Kunsill isostni li dawn l-allegazzjonijiet huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata minn Niko Tube u minn NTRP tar-relazzjoni bejn l-investigazzjoni amministrattiva u l-istħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, il-fatti u l-ispjegazzjonijiet elenkati fil-punt 158 tal-appell inċidentali huma kollha kemm huma bbażati fuq provi miġbura matul l-investigazzjoni amministrattiva. Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni dwar nuqqas ta’ informazzjoni matul l-investigazzjoni diġà ġiet eżaminata u miċħuda mill-Qorti Ġenerali u Niko Tube kif ukoll NTRP ma jsostnu ebda żball ta’ liġi li jivvizzja dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, dawn tal-aħħar fil-verità jikkontestaw konklużjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, liema fatt ifisser li huma għandhom jipprovaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li hija kellha u, b’hekk, għandhom jindikaw preċiżament il-provi li allegatament ġew żnaturati. L-affermazzjonijiet, li jinsabu fil-punt 189 tal-appell inċidentali, ma huma ssostanzjati minn ebda prova u għalhekk, huma inammissibbli.

136    Fil-fehma tal-Kunsill, is-sitt parti li tgħid li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha, billi ħarġet mil-limiti tas-setgħa ġudizzjarja tagħha, tikkorrispondi għat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali u hija wkoll inammissibbli.

137    Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tas-seba’ parti tat-tieni aggravju ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, li fil-kuntest tiegħu huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed is-sentenza tagħha u wettqet żball ta’ evalwazzjoni, ibbażat fuq il-fatt li, minn naħa, l-argument ippreżentat fil-kuntest ta’ din is-seba’ parti ma kienx jissodisfa l-livell ta’ preċiżjoni rikjesta f’appell u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li peress li Niko Tube u NTRP jikkontestaw kunsiderazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali, huma għandhom juru li din tal-aħħar żnaturat il-provi li hija kellha u, għaldaqstant, jispeċifikaw liema provi kienu allegatament żnaturati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li twieġeb għal kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-partijiet matul il-proċedura, b’mod partikolari meta l-argument huwa impliċement miċħud mill-konklużjonijiet tagħha.

138    Fir-rigward tal-ilment li Niko Tube u NTRP qajmu fil-kuntest tat-tmien parti tat-tieni aggravju tagħhom, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq motiv supplimentari li huma kienu qajmu, il-Kunsill jirrispondi li anki jekk tali motiv ma tqajjimx, il-Qorti Ġenerali xorta waħda eżaminat jekk kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP f’dan ir-rigward u kkonkludiet, ġustament, li dan ma kienx il-każ.

139    Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-argumenti żviluppati minn Niko Tube u minn NTRP fil-kuntest tad-disa’ parti tal-aggravju tagħhom, li jgħidu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, huma parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondati. Il-Kunsill josserva li l-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 101, 107 u 108 tas-sentenza appellata ma humiex żbaljati u, iktar preċiżament, ma humiex ibbażati fuq motivazzjoni u provi tardivi. L-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma analizzatx jekk is-sunti mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ numru ta’ kumpanniji kinux suffiċjenti huwa motiv ġdid, u, konsegwentement, huwa inammissibbli.

140    Skont il-Kunsill, l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku huwa inammissibbli peress li Niko Tube u NTRP ma jispeċifikawx b’mod ċar l-elementi tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, hija l-portata tal-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretat minn dawn il-partijiet, li hija ġuridikament żbaljata. Il-kliem “tista’ tiġi injorata” jfissru kjarament li l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta jeskludu informazzjoni li fir-rigward tagħha ebda informazzjoni kunfidenzjali ma ġiet trażmessa jew informazzjoni li għaliha talba għal trattament kunfidenzjali ma ġietx ikkunsidrata bħala ġustifikata. Bil-kontra, huma għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward. Parti tista’ titlob l-annullament ta’ miżura antidumping minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni kunfidenzjali biss jekk hija tista’ turi li dan it-teħid inkunsiderazzjoni wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

141    L-argument finali li jgħid li, fil-kuntest ta’ din il-parti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju li fir-rigward tiegħu hija kellha tiddeċiedi jekk l-iżvelar tal-informazzjoni setax wassal għal riżultat differenti huwa infondat skont il-Kunsill. Il-Kunsill iqis li irregolarità proċedurali tista’ twassal għall-annullament ta’ miżura biss jekk teżisti possibbiltà li fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, b’tali mod li din l-irregolarità għaldaqstant b’hekk effettivament ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża ta’ min ressaq l-ilment. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li Niko Tube u NTRP jiddikjaraw, fil-każ inkwistjoni, b’mod assolut u ġenerali, li huma setgħu ppreżentaw argumenti ġodda li kieku huma kienu rċevew dawn is-sunti matul l-investigazzjoni amministrattiva.

142    Il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tal-Kunsill. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju mqajjem minn Niko Tube u minn NTRP, fir-rigward tal-allegat rifjut li jiġi eżaminat ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx l-istħarriġ tagħha għall-konformità tar-regolament kontenzjuż mal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt marbut man-nuqqas ta’ tweġibiet għall-kwestjonarju minn kumpanniji assoċjati dwar l-iffissar tal-ħsara. Barra minn hekk, anki jekk Niko Tube u NTRP jissuġġerixxu li l-fatt li ċerti kumpanniji assoċjati ma wieġbux għall-kwestjonarju kellu bħala effett li jeskludi “proporzjon qawwi” minn dan is-settur industrijali tal-Unjoni mill-eżami tal-ħsara, skont il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza la kellha impatt fuq l-informazzjoni dwar il-produtturi individwali u lanqas ma kellha impatt fuq dawk li jikkonċernaw dan is-settur industrijali kollu tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju korrett peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar 12 % tal-industrija tal-Unjoni hija, skont il-Kummissjoni, inammissibbli. Niko Tube u NTRP ma jipprovawx li l-Qorti Ġenerali żnaturat manifestament il-provi prodotti u lanqas ma jistabbilixxu l-iżball ta’ evalwazzjoni li wassal għal dan l-allegat żnaturament. Barra minn hekk, id-distinzjoni magħmula bejn l-“industrija Komunitarja” u l-“produtturi Komunitarji li jagħmlu l-ilment” hija infondata, inkwantu l-kliem “industrija Komunitarja”, kienu jirreferu għall-industrija Komunitarja hekk kif iddefinita fil-punt 140 tar-regolament kontenzjuż, jiġifieri għall-produtturi Komunitarji li jagħmlu l-ilment.

143    Il-Kummissjoni tfakkar li permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, Niko Tube u NTRP jallegaw li, sabiex jiġi evalwat jekk l-informazzjoni nieqsa tikkawżax “diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli [ta’ konklużjonijiet]”, fis-sens tal-Artikolu 18(3), tar-regolament bażiku, huwa neċessarju li jiġu eżaminati żewġ punti, jiġifieri, minn naħa, l-effett tar-rifjut ta’ kooperazzjoni ta’ kumpanniji assoċjati “skont il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ produttur Komunitarju assoċjat inkluż fil-kampjun” u, min-naħa l-oħra, “id-daqs totali tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni skont il-produzzjoni u l-bejgħ titali tal-industrija Komunitarja”. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament jagħti setgħa diskrezzjonali lill-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk informazzjoni inkompleta tippermettilhomx xorta waħda li jaslu għal konklużjoni raġonevolment korretta. Niko Tube uNTRP ma jispejgawx għalfejn, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali jmissha evalwat l-informazzjoni nieqsa skont il-produzzjoni u l-bejgħ totali ta’ dan is-settur industrijali tal-Unjoni. L-uniku argument tagħhom fir-rigward tar-raġuni għalfejn huwa meħtieġ li tiġi pparagunata l-informazzjoni nieqsa mal-volum tal-bejgħ u tal-produzzjoni tal-produttur assoċjat huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet tali paragun biss għall-kumpannija Acecsa. Madankollu dan ma jfissirx, skont il-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma wettqitx l-istess analiżi għall-kumpanniji l-oħra.

144    Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq l-allegat rifjut li jiġu eżaminati l-kriterji kollha msemmija fl-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku, hija infondata. Niko Tube u NTRP ma jipproduċux il-prova li l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament jimponi lill-istituzzjonijiet jiċħdu informazzjoni inkompleta jekk il-kumpannija ma tkunx aġixxiet fl-aħjar mod possibbli. Fir-rigward tal-impatt tal-informazzjoni nieqsa dwar l-iffissar tal-ħsara, Niko Tube u NTRP jibqgħu fin-nuqqas milli jipprovaw li l-informazzjoni nieqsa kellha impatt fuq fatturi oħra rilevanti tal-ħsara, b’tali mod li l-iffissar tal-ħsara magħmula mill-istituzzjonijiet kienet ivvizzjata. Il-Kummissjoni tfakkar, b’mod partikolari, li l-informazzjoni dwar il-kumpannija VMOG Deutschland kienet tinsab fit-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ V & M Deutschland.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

145    It-tieni aggravju tal-appell inċidentali jkopri l-motivi tas-sentenza appellata relatati mal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tweġiba għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni lil kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni. Huwa maqsum f’disa’ partijiet. Tmienja minn dawn il-partijiet huma diretti kontra l-punti 88 sa 112 tas-sentenza appellata, jiġifieri, kontra l-motivi ta’ din is-sentenza li jinsabu taħt it-titolu “ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku”. Id-disa’ parti hija diretta kontra l-eżami mill-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punti 130 sa 135 tas-sentenza appellata, dwar il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku.

146    Għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tmien partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-motiv ta’ Niko Tube u ta’ NTRP ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2)(3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku u bbażat fuq l-iffissar tal-eżistenza ta’ ħsara materjali.

147    Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, ir-rata tad-dazju antidumping impost fuq Niko Tube u fuq NTRP ġiet iddeterminata skont il-marġni ta’ dumping tagħhom, jiġifieri 25.7 %, u mhux fuq il-marġni ta’ ħsara ta’ 57 %, peress li l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku jintroduċi r-regola tad-dazju inqas u l-marġni ta’ ħsara kienet ogħla mill-marġni ta’ dumping. Fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk il-marġni ta’ ħsara kienet ibbażata fuq il-prezzijiet ta’ trasferiment mitluba mill-produtturi tal-Unjoni fir-rigward tal-kumpanniji VMOG United Kingdom u Productos Tubulares kif ukoll tal-kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine, il-bejgħ lil dawn il-kumpanniji kien jirrappreżenta, l-iktar, 10 % tal-bejgħ totali ta’ dan is-settur industrijali tal-Unjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, kien għalhekk meħtieġ li l-prezzijiet ta’ bejgħ mitluba minn dawn il-kumpanniji assoċjati kienu totalment sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawk ta’ bejgħ ieħor meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara sabiex dan jitqiegħed f’livell inferjuri għal dak tal-marġni ta’ dumping. B’hekk, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentata ta’ tweġiba għall-kwestjonarju, mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni, la żnatura l-iffissar tal-ħsara u lanqas il-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara, u li din l-istituzzjoni ma kisritx l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku.

148    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Niko Tube u NTRP jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx korrettament il-motiv żviluppat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku, inkwantu hija ssuġġettat l-imsemmi ksur għall-osservanza tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jirrikjedi li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ħsara tibbaża ruħha fuq provi pożittivi. Issa, skont Niko Tube u NTRP, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet applikat il-kriterju adegwat u kienet eżaminat il-portata tal-informazzjoni nieqsa minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-industrija tal-Unjoni f’dan il-każ, hija kienet tikkonstata li d-determinazzjoni tal-ħsara materjali ma kinitx issostanzjata bi provi pożittivi. Skont dawn l-istess partijiet, indikazzjonijiet oħra jippermettu li jitqies li l-livell ġenerali ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni joqrob iktar lejn l-20 %.

149    Mill-punt 189 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat, b’risposta għall-argumenti magħmula f’dan ir-rigward fl-ewwel istanza minn Niko Tube u minn NTRP, il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun ma wieġbux il-kwestjonarju kien jimplika, min-naħa tal-produtturi, nuqqas ta’ kooperazzjoni li żnaturat l-analiżi tal-ħsara, bi ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku.

150    Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat, ġustament, li mill-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku jirriżulta li informazzjoni ppreżentata taħt forma oħra jew fil-kuntest ta’ dokument ieħor li ma huwiex it-tweġiba għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni ma għandhiex tiġi injorata meta l-kundizzjonijiet imsemmija minn dan l-artikolu huma sodisfatti. Fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant iddeċidiet li, meta parti tkun naqset milli twieġeb kwestjonarju iżda tkun ipprovdiet informazzjoni fil-kuntest ta’ dokument ieħor, hija ma tistax tiġi akkużata b’nuqqas ta’ kooperazzjoni, jekk l-ewwel nett, l-eventwali nuqqasijiet ma jikkawżawx diffikultà żejda sabiex jintlaħqu konklużjonijiet raġonevolment korretti, it-tieni nett, l-informazzjoni tiġi sottomessa fil-ħin, it-tielet nett, tista’ tiġi vverifikata u, ir-raba’ nett, il-parti tkun aġġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

151    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, produttur tal-Unjoni magħżul fil-kampjun ma jiġix ikkunsidrat bħala li ma huwiex qed jikkoopera jekk in-nuqqasijiet fil-produzzjoni tal-informazzjoni, li jirriżultaw mill-assenza ta’ tweġibiet mogħtija għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni minn kumpannija assoċjata miegħu, ma jkollhomx impatt sinjifikattiv fuq l-iżvolġiment tal-investigazzjoni.

152    B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku allegat minn Niko Tube u minn NTRP fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, b’mod partikolari sa fejn hija ddeċidiet, skont l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku, li l-informazzjoni li tikkonċerna tali produttur ma kellhiex tiġi awtomatikament eskluża minn dik meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda.

153    Qabel ma jiġu ttrattati partijiet oħra minn dan l-aggravju, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-marġni ta’ ħsara, li, “skont l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku, li jistabbilixxi r-regola ta’ dazju inqas, il-marġni ta’ ħsara jintuża sabiex tiġi ffissata r-rata tad-dazju antidumping biss meta l-marġni ta’ dumping ikun ogħla minnu. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju antidumping imposta fuq [Niko Tube u fuq NTRP] kienet ibbażata fuq il-marġni ta’ dumping [ta’ dawn tal-aħħar], jiġifieri 25.7 %, u mhux fuq il-marġni ta’ ħsara ta’ 57 %”.

154    Il-Qorti Ġenerali kompliet billi qalet li, “kieku l-marġni ta’ ħsara kien ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ applikati mill-produtturi Komunitarji fir-rigward ta’ VMOG Renju Unit, ta’ Productos Tubulares u tal-kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine, il-bejgħ lil dawn il-kumpannija kien jirrappreżenta, l-iktar, 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija Komunitarja. Għalhekk, kien ikun meħtieġ, kif jirrileva l-Kunsill, li l-prezzijiet tal-bejgħ applikati minn dawn il-kumpanniji assoċjati jkunu totalment sporporzjonati meta mqabbla ma’ dawk ta’ bejgħ ieħor meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara sabiex dan tal-aħħar jitpoġġa f’livell inqas minn dak tal-marġni ta’ dumping.”

155    Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma fondati u, wara kollox, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 256 tal-konklużjonijiet tiegħu, Niko Tube u NTRP ma jinvokaw ebda żball ta’ liġi li vvizzja r-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata.

156    Issa, hekk kif sostna wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 254 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biss jekk din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’illegalità li l-ilmenti oħra diretti kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mal-iffissar tal-ħsara jistgħu jkunu effettivi. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li x-xiri tal-prodott ikkonċernat minn Acecsa ma kienx jirrappreżenta iktar minn 1 % tat-total tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji u, fil-punt 98 sa 103 ta’ din is-sentenza appellata, rispettivament, dawn il-figuri tal-bejgħ u tal-produzzjoni ta’ VMOG Deutschland u l-volum tal-bejgħ ta’ Almesa kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-informazzjoni pprovduta minn V & M Deutschland u Tubos Reunidos SA, rispettivament.

157    B’hekk, it-tieni sas-sitt partijiet ta’ dan l-aggravju jikkunsidraw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-motivi mressqa minn Niko Tube u minn NTRP fl-ewwel istanza u li kienu jikkonċernaw esklużivament l-ipproċessar tal-informazzjoni relatata mal-kumpanniji assoċjati li għalihom tirreferi espliċitament il-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, jew ma’ waħda mit-tliet kumpanniji assoċjati msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Issa, huma preċiżament dawn il-kumpanniji, li kull waħda minnhom hija assoċjata ma’ produttur ieħor Ewropew, li jiġu deskritti, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, bħala dawk li ma wieġbux il-kwestjonarju tal-Kummissjoni, mill-inqas li ma wieġbux fil-ħin.

158    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li anki li kieku l-motivi żviluppati minn Niko Tube u minn NTRP, fil-kuntest tat-tieni sas-sitt partijiet ta’ dan l-aggravju, kellhom jiġu ddikjarati fondati, din id-deċiżjoni ma tivvizzjax b’illegalità d-dispożittiv tas-sentenza appellata u għaldaqstant ma tagħtix lok għall-annullament ta’ din is-sentenza sa fejn hija tqiegħed inkwistjoni l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li hi esposta fil-punti 98, 102, 103 u 111 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura marġinali, jew integrata fl-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-kumpanniji parent tal-kumpanniji assoċjati inkwistjoni, tat-tranżazzjonijiet li jirreferu għall-prodott ikkonċernat magħmula minn dawn tal-aħħar, u li fir-rigward tagħhom la jista’ jiġi kkontestat u lanqas huwa kkontestat li huma ma kellhomx influwenza determinanti fuq il-kalkolu tar-rata tad-dazju antidumping. Minn dan jirriżulta li anki jekk jitqies li t-tieni aggravju tal-appell inċidentali huwa fondat anki jekk f’waħda mit-tieni sas-sitt partijiet, fi kwalunwkwe każ dan ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, b’tali mod li dan il-motiv huwa ineffettiv. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda kull waħda mit-tieni sas-sitt partijiet.

159    Permezz tas-seba’ parti ta’ dan l-aggravju, Niko Tube u NTRP jakkużaw lill-Qorti Ġenerali b’nuqqas ta’ motivazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni peress li, insostenn tad-deċiżjoni tagħha, hija kkunsidrat ċerti provi pjuttost milli oħrajn, mingħajr ma spjegat l-għażliet tagħha. Il-Qorti Ġenerali tidher li wettqet distorsjoni tal-provi li Niko Tube u NTRP ipproduċew insostenn tal-pożizzjoni tagħhom.

160    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, meta tiddeċiedi fuq appell, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-provi ma’ dik magħmula mill-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkritika l-għażliet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan l-eżami, b’mod partikolari meta tiddeċiedi li tistrieħ fuq uħud mill-provi sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha u li tiċħad oħrajn, sakemm ma tagħmilx dan sabiex tikkonstata li hija żnaturat l-imsemmija provi billi kisret il-bona fide dovuta għall-kontenut tagħhom. Dan ma huwiex il-każ peress li, fil-kuntest ta’ din il-parti ta’ dan l-aggravju, Niko Tube u NTRP jakkużaw biss lill-Qorti Ġenerali talli għamlet għażliet arbitrarji bejn il-provi allegatament kontradittorji, iżda ma jsostnux li l-konstatazzjonijiet inkwistjoni jikkontestaw il-provi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha.

161    Fir-rigward tal-allegazzjoni dwar nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżiġi mill-Qorti Ġenerali li timmotiva kull waħda mid-deċiżjonijiet tagħha meta tikkunsidra prova pjuttost milli oħra sabiex tibbaża fuqha d-deċiżjoni tagħha. Inkella, li kieku kellha tagħmel hekk, għal darb’oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ta’ dawn il-provi ma’ dik magħmula mill-Qorti Ġenerali, liema ċirkustanza ma taqax taħt is-setgħa tagħha. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li s-seba’ parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandha tiġi miċħuda.

162    Niko Tube u NTRP isostnu, skont it-tmien parti ta’ dan l-aggravju, li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-motiv supplimentari li huma kienu qajmu quddiem din il-qorti u li huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Madankollu mill-punti 55 u 56 tar-replika ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, fl-ewwel istanza, jirriżulta li l-argument imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali kien jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, u mhux ksur tad-drittijiet tad-difiża.

163    Issa, permezz tad-disa’ parti ta’ dan l-aggravju, Niko Tube u NTRP iqajmu lmenti oħra direttament ibbażati fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq konklużjonijiet żbaljati, peress li kienu bbażati fuq motivazzjoni u provi tardivi, fit-tieni lok, li hija tidher li ma eżaminatx jekk is-sunti mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ numru ta’ kumpanniji kinux suffiċjenti u, fit-tielet lok, li hija tidher li interpretat b’mod żbaljat l-imsemmi Artikolu 19(3), sa fejn minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ żamma intenzjonata ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, Niko Tube u NTRP setgħu kisbu riżultat aħjar fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li kieku huma kienu rċevew l-informazzjoni kunfidenzjali inkwistjoni.

164    Skont l-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku, kwalunkwe informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, jew li tingħata fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet f’investigazzjoni għandha, jekk jingħataw raġunijiet validi, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet. Is-subartikolu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi b’mod partikolari li l-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali għandhom l-obbligu li jipprovdu sunti mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Skont is-subartikolu 3 tal-istess artikolu, jekk jiġi kkunsidrat li talba għall-kunfidenzjalità ma hijiex ġustifikata u jekk il-persuna li pprovdiet l-informazzjoni ma tixtieqx tagħmilha pubblika jew li jawtorizza l-iżvelar tagħha taħt forma ġeneralizzata jew permezz ta’ sunt, l-informazzjoni tista’ tiġi eskluża, sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod konvinċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

165    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-kliem tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku kien jagħti biss lill-Kummissjoni sempliċi fakultà li tinjora informazzjoni kunfidenzjali li tagħha l-ebda sunt mhux kunfidenzjali ma kien disponibbli. Fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-użu, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni li fir-rigward tagħha ma kien ġie pprovdut ebda sunt jista’ jiġi invokat bħala motiv ta’ annullament ta’ miżura antidumping minn partijiet f’tali proċedura biss jekk huma jistgħu juru li l-użu ta’ din l-informazzjoni kkostitwixxa ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

166    Fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fi kwalunkwe każ, l-iżvelar lil Niko Tube u lil NTRP ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-kumpannija VMOG United Kingdom, tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid ta’ kampjun tal-kumpannija Productos Tubulares u tal-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Mejju 2006 ma wasslux lill-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti, peress li din l-informazzjoni ma kellha ebda influwenza fuq l-iffissar tal-ħsara.

167    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, sa fejn Niko Tube u NTRP jirreferu għan-natura allegatament tardiva tar-raġunament u tal-provi li fuqhom tistrieħ il-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata, b’riferiment għall-punti 101, 107 u 108 tagħha, huma sempliċement ifakkru li huma kkontestaw il-konstatazzjonijiet magħmula fl-imsemmija punti f’partijiet oħra tal-appell tagħhom, mingħajr ma jqajmu lment separat f’dan il-kuntest.

168    L-ewwel nett, Niko Tube u NTRP jakkużaw lill-Qorti Ġenerali talli ma vverifikatx, fil-lista tad-dokumenti elenkati fil-punt 132 tas-sentenza appellata, u fejn ġie kkonstatat minn din tal-aħħar li s-sunti mhux kunfidenzjali kienu ġew stabbiliti, jekk dawn is-sunti kinux jippermettulhom ikollhom għarfien suffiċjenti tal-parti essenzjali tal-kontenut tad-dokument jew tad-dokumenti inkwistjoni.

169    Issa, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-appell inċidentali, dan l-argument ma jistax jintrabat mal-motiv espost fl-ewwel istanza, li kien jikkonċerna sempliċement l-inammissibbiltà tal-imsemmija dokumenti bħala provi, minħabba l-fatt li dawn id-dokumenti kienu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali li fir-rigward tagħhom ebda sunt mhux kunfidenzjali ma kien ġie stabbilit. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex, wara li kkonstatat li sunti mhux kunfidenzjali kienu ġew stabbiliti skont l-Artikolu 19(2) tar-regolament bażiku, tistħarreġ il-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti. B’hekk dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ fil-kuntest ta’ dan l-appell.

170    It-tieni nett, Niko Tube u NTRP jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-veru lment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, iżda sempliċement evalwat jekk l-użu mill-Kummissjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali elenkata fil-punt 133 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jeżistu verżjonijiet mhux kunfidenzjali, ikkostitwixxiex ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

171    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku jirregola r-relazzjonijiet bejn il-parti kkonċernata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali mingħajr ma tkun trid tawtorizza l-iżvelar tagħha, anki taħt forma ta’ sunt, u l-istituzzjoni inkarigata mill-investigazzjoni antidumping, li tista’ tiddeċiedi li l-informazzjoni tiġi injorata, sakemm ma jkunx jista’ jiġi pprovat b’mod konvinċenti, minn sorsi oħra xierqa, li din l-informazzjoni hija korretta. Issa, peress li l-istituzzjoni inkarigata mill-investigazzjoni ddeċidiet li l-informazzjoni inkwistjoni setgħet tintuża, liema fatt huwa permess lilha mir-regolament bażiku, il-kwistjoni li tifdal, fir-rigward tal-partijiet l-oħra ikkonċernati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni, hija preċiżament dik dwar jekk tali użu jistax jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

172    Ċertament, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 293 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali formalment ma kkwalifikatx mill-ġdid il-motiv invokat minn Niko Tube u minn NTRP fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, bħala wieħed ibbażat, fil-verità, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, iżda l-kumpanniji ma jistgħux jakkużawha talli ma għamlitx dan. Billi vverifikat, fil-punti 133 sa 135 tas-sentenza appella, jekk l-użu, mill-Kummissjoni, tal-informazzjoni kunfidenzjali elenkata fil-punt 133 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jeżistu verżjonijiet mhux kunfidenzjali tagħha, tax lok għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali interpretat l-imsemmi motiv ta’ annullament b’mod li dan kiseb sens utli, hekk kif kienet meħtieġa li tagħmel.

173    It-tielet nett, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi, kif għamlet, skont dawn il-partijiet, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-iżvelar lil dawn il-kumpanniji ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ VMOG United Kingdom, tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid ta’ kampjun ta’ Productos Tubulares u tal-messaġġ elettroniku ta’ Dalmine tal-24 ta’ Mejju 2006 dwar il-kumpannija Tenaris West Africa ma kellu beda possibbiltà li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti.

174    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, wara li identifikat id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li ma kinux suġġetti għal sunt mhux kunfidenzjali, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punt 134 tal-istess sentenza, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni seta’ jagħti lok għall-annullament tar-regolament kontenzjuż biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kellu possibbiltà, anki ridotta, li jwassal lill-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti fl-ipoteżi fejn l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel użu minn dan l-iżvelar matul l-imsemmija proċedura. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

175    Meta applikat għall-każ inkwistjoni l-imsemmi eżami, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li, “[f]’dan il-każ, [Niko Tube u NTRP] jiddikjaraw li huma kellhom bżonn ta’ dawn id-dokumenti sabiex jippruvaw li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju minn VMOG Renju Unit, [Productos Tubulares] u Tenaris West Africa żnatura l-analiżi tal-ħsara. Issa, ġie kkonstatat, fil-punti 101, 108 u 107 iktar ’il fuq rispettivament, li l-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentata jew tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti għall-kwestjonarju ta’ Productos Tubulares, VMOG Renju Unit u Tenaris West Africa ma kellux effett fuq l-iffissar tal-ħsara. Konsegwentement, l-iżvelar [lil Niko Tube u lil NTRP] tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ VMOG Renju Unit, tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u tal-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Mejju 2006 ma kellu l-ebda possibbiltà li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti”.

176    Kontra din il-konklużjoni, Niko Tube u NTRP isostnu sempliċement, fl-appell inċidentali tagħhom, filwaqt li huwa paċifiku li huma setgħu jieħdu konjizzjoni tad-dokumenti kontenzjużi fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa kunsiderevolment probabbli li, fil-każ ta’ komunikazzjoni fil-ħin tal-informazzjoni rilevanti, huma setgħu jsostnu argumenti u provi li setgħu jbiddlu r-riżultat u li huwa biss permezz ta’ din l-informazzjoni li huma setgħu jagħżlu li jesprimu, jew le, fehmithom f’dan ir-rigward. Dawn l-affermazzjonijiet ma jissodisfawx il-ħtieġa li jiġi pprovat l-iżball ta’ liġi li vvizzja r-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Huma lanqas ma jinkludu l-inqas indikazzjoni li din tal-aħħar żnaturat il-provi, b’tali mod li l-komunikazzjoni lil Niko Tube u lil NTRP tad-dokumenti kontenzjużi matul il-proċedura amministrattiva setgħet twassal din il-proċedura għal riżultat differenti minn dak li waslet għalih.

177    Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u ta’ NTRP, fil-punti 132 u 135 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi punt 132 sempliċement jelenka d-dokumenti kunfidenzjali li għalihom ġiet stabbilita verżjoni kunfidenzjali u dawk li ma kinux suġġetti għal tali verżjoni. Min-naħa l-oħra, hekk kif irrikonoxxew Niko Tube u NTRP fil-punti 194 u 209 tal-appell inċidentali tagħhom, huma setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet dwar id-dokumenti msemmija fil-punt 135 tas-sentenza appellata fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

178    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li tiġi miċħuda d-disa’ parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali u, għaldaqstant, li jiġi miċħud dan l-aggravju kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet aggravju tal-appell inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

179    Fir-rigward taċ-ċaħda parzjali tar-raba’ motiv li huma ppreżentaw insostenn tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li Sepco kienet aġixxiet bħala aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Il-fatt li r-rabtiet, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-kapital, ma kinux l-istess bejn Sepco u Niko Tube, minn naħa, u bejn Sepco u NTRP, min-naħa l-oħra, ma jfissirx, legalment, li Sepco eżerċitat, fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Niko Tube, il-funzjonijiet ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Skont Niko Tube u NTRP, is-sempliċi eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xiri u bejgħ bejn esportatur u l-kumpannija ta’ distribuzzjoni assoċjata tiegħu ma hijiex biżżejjed sabiex il-marġni ta’ din tal-aħħar tiġi ttrattata bħala kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Il-kriterju rilevanti huwa dak ta’ xebh tal-funzjonijiet tal-kumpannija ta’ distribuzzjoni ma’ dawk ta’ aġent. Fi kwalunkwe każ, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar Niko Tube huma żbaljati inkwantu jibbażaw ruħhom fuq fatti u fuq argumenti li ġew ippreżentati wara li ngħalqet il-proċedura amministrattiva.

180    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li dan it-tielet aggravju huwa inammissibbli. Skont dawn l-istituzzjonijiet, Niko Tube u NTRP ma jipproduċux il-prova tal-kontroll ta’ dawn tal-aħħar fuq l-allegata kumpannija ta’ distribuzzjoni li tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. B’hekk il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet ir-raba’ motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

181    Niko Tube u NTRP jikkontestaw essenzjalment ir-raġunijiet, li jinsabu fil-punti 187 sa 189 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, il-parti tar-raba’ motiv imqajjem minn Niko Tube, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

182    Għandu jitfakkar li, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet din il-parti tar-raba’ motiv sa fejn l-Kunsill għamel aġġustament fuq il-prezz tal-esportazzjoni mitlub minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet dwar pajpijiet immanifatturati minn NTRP. Il-bqija ta’ din l-istess parti hija miċħuda, jiġifieri sa fejn hija tikkonċerna l-aġġustament fuq il-prezz tal-esportazzjoni mitlub minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet dwar pajpijiet manifatturati minn Niko Tube.

183    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li Niko Tube u NTRP jinterpretaw b’mod żbaljat is-sentenza appellata meta huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li jista’ jeżisti kontroll biss jekk Sepco u Niko Tube kellhom l-istess “benefiċjarji finali”. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 188 sa 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet il-ħsieb li tivverifika jekk, bħal ma kienu jallegaw Niko Tube u NTRP, Sepco kienet ikkontrollata minn Niko Tube jew jekk it-tnejn li huma kienu kkontrollati b’mod komuni, billi teżamina l-istruttura tal-kapital ta’ dawn il-kumpanniji. Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li seta’ jeżisti kontroll biss jekk iż-żewġ kumpanniji inkwistjoni kellhom l-istess “benefiċjarji finali” u għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud.

184    Niko Tube u NTRP jinterpretaw ukoll b’mod żbaljat fil-punt 187 tas-sentenza appellata, billi jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sempliċi eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xiri u ta’ bejgħ bejn esportatur u l-kumpannija assoċjata tiegħu hija biżżejjed sabiex il-marġni benefiċjarji ta’ din tal-aħħar titqies li hija kummissjoni. Fil-fatt, is-silta mill-imsemmi punt tas-sentenza appellata tispeċifika li tali relazzjoni ma hijiex rilevanti fit-turija tal-fatt li Sepco eżerċitat funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Barra minn hekk, l-imsemmija silta ma tikkonċernax it-tranżazzjonijiet magħmula minn Sepco għal Niko Tube, iżda dawk magħmula minn din il-kumpannija għal NTRP.

185    Fil-verità, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-argumenti ta’ Niko Tube u ta’ NTRP ma humiex ibbażati fuq l-eżistenza jew le ta’ relazzjoni ta’ xiri u ta’ bejgħ bejn il-produttur u l-kumpannija assoċjata, iżda fuq in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ta’ prova ta’ kontroll ta’ Niko Tube fuq Sepco jew ta’ kontroll komuni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. F’dan ir-rigward, Niko Tube u NTRP imkien ma speċifikaw il-partijiet tal-fajl li l-Qorti Ġenerali żnaturat jew naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u li setgħu invalidaw l-evalwazzjoni tagħha, imsemmija fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata, li tgħid, essenzjalment, li l-fatt li Niko Tube u NTRP kellhom tliet azzjonisti komuni, fosthom il-kumpannija parent NTRP, ma kienx jippermetti li jiġi pprovat li Sepco kienet taħt il-kontroll ta’ Niko Tube jew li kien jeżisti kontroll komuni għal dawn iż-żewġ kumpanniji, iżda kien jippermetti biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta indiretta bejn dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar.

186    Is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb l-argument li jgħid li r-rappreżentanti ta’ Sepco kienu preżenti waqt iż-żjarat ta’ verifika fl-uffiċċji ta’ Niko Tube matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ċirkustanza li fiha nnifisha ma tipprova xejn, ma jqiegħedx inkwistjoni din l-analiżi.

187    Fl-aħħar nett, Niko Tube u NTRP ma jindikawx fuq liema provi ġodda l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tiċħad, parzjalment, il-motiv tagħhom artikolat fl-ewwel istanza.

188    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku fir-rigward tat-tranżazzjonijiet magħmula minn Sepco dwar il-pajpijiet prodotti minn Niko Tube.

 Fuq l-ispejjeż

189    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ma huwiex fondat jew meta l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha taqta’ l-kawża definittivament, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) ta’ dawn l-istess regoli jipprovdi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-partijiet kollha tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti f’din il-kawża tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell prinċipali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa miċħud.

2)      L-appell prinċipali tal-Kummissjoni Ewropea huwa miċħud.

3)      L-appell inċidentali ta’ Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT u ta’ Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT huwa miċħud.

4)      Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.