Language of document : ECLI:EU:C:2011:245

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)

Kawżi Magħquda C-191/09 P u C-200/09 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C-191/09 P),

Il-Kummissjoni Ewropea (C-200/09 P)

vs

Interpipe Niko Tube,

Interpipe NTRP

“Appell — Politika kummerċjali komuni — Dumping —Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikolu 2(10), Artikolu 3(2), Artikolu 18(3) u Artikolu 19(3) — Paragun tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni — Aġġustament — Drittijiet tad-difiża — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna —Regolament (KE) Nru 954/2006 — Kooperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni — Użu ta’ data kunfidenzjali”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

IV – Analiżi

A –   Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali bbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

1.     Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ entitŕ ekonomika waħda

a)     L-argumenti tal-partijiet

b)     Analiżi

2.     Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq żball ta’ liġi fl-allokazzjoni tal-oneru li jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kienu sodisfatti

a)     L-argumenti tal-partijiet

b)     Analiżi

3.     Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju

a)     L-argumenti tal-partijiet

b)     Analiżi

B –   Fuq it-tielet aggravju tal-appell inċidentali bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet imwettqa minn SEPCO li jirrigwardaw it-tubi prodotti minn Niko Tube

1.     L-argumenti tal-partijiet

2.     Analiżi

C –   Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali bbażati fuq żbalji ta’ liġi fil-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

1.     L-argumenti tal-partijiet

2.     Analiżi

D –   Fuq l-ewwel żewġ aggravji tal-appell inċidentali ppreżentat minn Niko Tube u NTRP

1.     Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li allegatament ivvizzjaw l-eżami mill-Qorti Ġenerali tad-determinazzjoni tal-valur normali

a)     Il-fatti essenzjali li wasslu għall-kawża relatati mal-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4

b)     Fuq il-ħames partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

c)     Fuq l-ewwel żewġ partijiet, ibbażati rispettivament, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq il-ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju

i)     L-argumenti tal-partijiet

ii)   Analiżi

d)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ risposta għal motiv

i)     L-argumenti tal-partijiet

ii)   Analiżi

e)     Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-dmir ta’ diliġenza

i)     L-argumenti tal-partijiet

ii)   Analiżi

f)     Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-iżnaturament tas-sens ċar tal-provi

i)     L-argumenti tal-partijiet

ii)   Analiżi

2.     Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li allegatament ivvizzjaw l-eżami tal-Qorti Ġenerali fl-iffissar tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni

a)     Kunsiderazzjonijiet preliminari

b)     Fuq it-tmien partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku

i)     Il-fatti essenzjali tal-aspetti rilevanti li wasslu għall-kawża u l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

ii)   L-argumenti tal-partijiet

iii) Analiżi

–       Fuq l-ewwel żewġ partijiet

–       Fuq il-partijiet l-oħra sa fejn huma relatati mal-kumpanniji assoċjati elenkati fil-punt 111 tas-sentenza appellata

c)     Fuq iż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku

i)     L-argumenti tal-partijiet

ii)   Analiżi

V –   Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

VI – Fuq l-ispejjeż

VII – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        Bl-appelli rispettivi tagħhom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑191/09 P) u l-Kummissjoni Ewropea (C‑200/09 P) qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”) (2), sa fejn din tal-aħħar annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping definittiv” jew ir-“Regolament ikkontestat”) (3).

2.        Fir-risposta tagħhom, Interpipe Niko Tube (iktar ’il quddiem “Niko Tube”) u Interpipe NTRP (iktar ’il quddiem “NTRP”) ippreżentaw appell inċidentali, skont l-Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tagħhom.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

3.        Niko Tube u NTRP huma żewġ kumpanniji Ukrajni produtturi ta’ pajpijiet u ta’ tubi mingħajr saldaturi. Huma assoċjati ma’ żewġ kumpanniji li jieħdu ħsieb il-bejgħ, jiġifieri, SPIG Interpipe (iktar ’il quddiem “SPIG”), bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Ukrajna, u SEPCO, bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Isvizzera.

4.        Wara lment, f’Marzu 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw b’mod partikolari mill-Ukrajna.

5.        L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara riżultanti minnu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004. L-eżami tat-tendenzi sabiex issir l-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-31 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2004.

6.        Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi Komunitarji, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (5) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), għażlet kampjun ta’ ħames produtturi Komunitarji sabiex issir l-investigazzjoni. Inizjalment il-kampjun kien jinkludi l-ħames produtturi Komunitarji li ġejjin: Dalmine SpA (iktar ’il quddiem “Dalmine”), Benteler Stahl/Rohr GmbH, Tubos Reunidos SA (iktar ’il quddiem “Tubos Reunidos”), Vallourec & Mannesmann France SA, u V&M Deutschland GmbH. Peress li Benteler Stahl/Rohr iddeċidiet li ma tikkooperax, il-Kummissjoni ssostitwietha b’Rohrwerk Maxhütte GmbH.

7.        Permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Ġunju u tal-14 ta’ Lulju 2005, Niko Tube u NTRP kif ukoll SPIG u SEPCO bagħtu r-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping lill-Kummissjoni. Iż-żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti ta’ Niko Tube u ta’ NTRP kif ukoll ta’ SPIG saru mis-17 sas-26 ta’ Novembru 2005.

8.        Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil Niko Tube u lil NTRP l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali li elenka l-fatti u r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet qed tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi.

9.        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2006, Niko Tube u NTRP uffiċjalment ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, kif esposti fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali. Huma sostnew li l-Kummissjoni inkludiet b’mod żbaljat data dwar prodotti li ma kinux manifatturati minnhom, li l-Kummissjoni kienet ipparagunat il-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni f’livelli kummerċjali differenti, li huwa inkompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, u li billi qieset lil SEPCO bħala importatur u billi ħolqot il-prezz tal-esportazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament.

10.      Wara żewġ seduti fil-preżenza ta’ Niko Tube u ta’ NTRP kif ukoll wara kuntatti ulterjuri ma’ dawn il-kumpanniji, fl-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dokument ta’ informazzjoni finali. F’dan id-dokument, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali ta’ ċerti prodotti mhux manifatturati minn Niko Tube u NTRP, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt in-numru ta’ kontroll tal-prodotti (iktar ’il quddiem “NKP”) KE4. Hija għamlet aġġustament tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ SEPCO, mhux iktar abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, iżda skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Finalment, f’dan id-dokument, il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja.

11.      Permezz ta’ faks tas-26 ta’ April 2006, Niko Tube u NTRP fakkru lill-Kummissjoni li d-data mogħtija bħala risposta għall-kwestjonarju antidumping u vverifikata mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, kienet turi li l-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 ma kinux immanifatturati minnhom.

12.      Dawn il-kumpanniji ppreżentaw is-sottomissjonijiet kompleti tagħhom fuq it-tieni dokument ta’ informazzjoni finali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2006.

13.      Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat il-proposta tagħha għal Regolament antidumping definittiv.

14.      Permezz ta’ faks li waslet għand Niko Tube u NTRP fis-26 ta’ Ġunju 2006 fis-19:06, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti mressqa minn dawn il-kumpanniji bil-faks tas-26 ta’ April 2006 u bl-ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, bl-eċċezzjoni tal-argument dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-industrija Komunitarja. Permezz ta’ ittra mibgħuta lil Niko Tube u NTRP fis-16 ta’ Ġunju 2006, u li waslet għandhom fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni rrispondiet għall-kummenti tagħhom dwar il-parteċipazzjoni tal-industrija Komunitarja fil-proċedura.

15.      Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta r-regolament antidumping kontenzjuż.

16.      Permezz ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill impona dazji antidumping ta’ 25.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ Niko Tube u NTRP ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar.

17.      Niko Tube u NTRP ippreżentaw rikors għall-annullament tar-regolament kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali.

18.      Insostenn tat-talba tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw sitt motivi, fejn l-eżami tagħhom mill-Qorti Ġenerali tqassmet skont il-fatti li magħhom kienu relatati, taħt il-ħames titoli li ġejjin:

–        Fuq id-determinazzjoni tal-valur normali;

–        Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa tal-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji;

–        Fuq l-aġġustament li sar fuq il-prezz ta’ bejgħ ta’ SEPCO;

–        Fuq l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti (fl-ewwel istanza);

–        Fuq it-trattament tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG.

19.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-parti l-kbira tal-motivi invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

20.      Madankollu, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi manifatturati minn NTRP, hija laqgħet il-parti tar-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku inkwantu l-Kunsill għamel aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO.

21.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll, fir-rigward taż-żewġ rikorrenti fl-ewwel istanza, il-parti tas-sitt motiv invokat, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-istess aġġustament.

22.      Għaldaqstant, hija annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż inkwantu d-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità Ewropea ta’ prodotti manifatturati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza kien jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba kummissjoni, meta l-bejgħ sar minn intermedjarju tan-negozjant assoċjat SEPCO.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.      Fis-27 u fid-29 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni u l-Kunsill rispettivament ippreżentaw appell kontra s-sentenza appellata.

24.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2009, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

25.      Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, u min-naħa l-oħra ikkundannat lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll kwart ta’ dawk tar-rikorrenti fl-ewwel istanza;

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż relatati mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

26.      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell.

27.      Fir-risposti tagħhom, Niko Tube u NTRP jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell tal-Kunsill bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala għalkollox infondat;

–        tiċħad l-appell tal-Kummissjoni bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala għalkollox infondat;

–        tikkonferma s-sentenza appellata sa fejn hija tilqa’ l-motivi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u sa fejn hija tannulla r-Regolament kontenzjuż inkwantu d-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità Ewropea ta’ prodotti manifatturati minn Niko Tube u NTRP jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba kummissjoni, meta l-bejgħ sar minn intermedjarju tan-negozjant assoċjat SEPCO;

–        tikkonferma l-kundanna għall-ispejjeż deċiża bis-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-appell ta’ dawn tal-aħħar;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-appell tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għar-risposta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu hija għażlet li tippreżenta appell differenti kontra s-sentenza appellata meta hija setgħet tinstema’ filwaqt li tibqa’ intervenjenti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, l-ispejjeż tal-Kummissjoni għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tbatihom biss il-Kummissjoni.

28.      Fl-appell inċidentali tagħhom, Niko Tube u NTRP jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma annullatx ir-Regolament kontenzjuż fl-intier tiegħu u sa fejn hija kkundannat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għal tliet kwarti mill-ispejjeż li batew fil-proċedura quddiemha;

–        tagħti deċiżjoni definittiva f’dan il-każ u tannulla r-Regolament kontenzjuż fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

29.      Fir-risposti rispettivi tagħhom għall-appell inċidentali, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell inċidentali;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell inċidentali.

30.      Il-partijiet instemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2010 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Analiżi

31.      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka seba’ aggravji. L-ewwel erba’ aggravji jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punti 177 sa 187 tas-sentenza appellata dwar l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, kif ukoll konsegwentement, dik li saret fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata. Essenzjalment, dawn l-aggravji huma identiċi għall-ewwel tliet aggravji li l-Kummissjoni ressqet insostenn tal-appell tagħha. Għalhekk jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien.

32.      Sa fejn, fl-appell inċidentali tagħhom, Niko Tube u NTRP jikkritikaw ukoll iċ-ċaħda parzjali mill-Qorti Ġenerali tal-motiv fl-ewwel istanza tagħhom relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, nissuġġerixxi li t-tielet aggravju tal-appell tagħhom jiġi eżaminat immedjatament wara dawk tal-appelli prinċipali relatati ma’ din id-dispożizzjoni.

33.      Fl-appell prinċipali, il-Kunsill jinvoka tliet aggravji oħra bbażati fuq żbalji ta’ liġi li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 202 sa 211 tas-sentenza appellata, billi kkonstatat li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu ġew injorati fil-kuntest tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Dawn l-aggravji jistgħu jiġu analizzati flimkien mar-raba’ aggravju mressaq mill-Kummissjoni li jikkritika l-istess punti tas-sentenza appellata.

34.      Fl-aħħar nett, biħsiebni neżamina l-ewwel żewġ aggravji tal-appell inċidentali mressqa minn Niko Tube u NTRP li jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali minbarra dawk relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

A –    Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali bbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

35.      Dawn l-aggravji jirrigwardaw tliet aspetti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. L-ewwel nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilmentaw li l-Qorti Ġenerali applikat b’analoġija l-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda żviluppat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali. It-tieni nett, huma jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat imponiet fuq dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni l-oneru li jipprovaw li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ġew sodisfatti. Fl-aħħar u t-tielet nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilmentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

1.      Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda

a)      L-argumenti tal-partijiet

36.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali, kienet applikabbli, b’analoġija, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Skont dawn l-istituzzjonijiet, id-determinazzjoni tal-valur normali, id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni u l-paragun bejniethom huma rregolati minn numru ta’ regoli distinti, li kull waħda minnhom għandha tkun osservata separatament. Il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda jirrigwarda esklużivament ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi fis-suq intern tal-esportaturi. Għaldaqstant, huwa rilevanti biss fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali. Skont il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali ma rreferietx għaliha fis-sentenza appellata tikkonferma din l-evalwazzjoni.

37.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw ukoll inkoerenza interna fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkwantu jħabbar, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, l-applikazzjoni b’analoġija tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, minkejja li l-kawża mressqa quddiemha kienet tirrigwarda l-aġġustament li sar wara d-determinazzjoni tal-imsemmi prezz.

38.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali missha spjegat ir-raġunijiet għaliex ikkunsidrat li l-kunċett ta’ entità ekonomika waħda kien applikabbli b’analoġija fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

39.      Qabel kollox, Niko Tube u NTRP jsostnu li dan l-aggravju huwa inammissibbli għaliex il-Kunsill u l-Kummissjoni diġà kellhom l-okkażjoni li jikkontestaw ir-rilevanza tal-użu tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda quddiem il-Qorti Ġenerali.

40.      Sussegwentement, fuq il-mertu, Niko Tube u NTRP jqisu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettement li l-kunċett ta’ entità ekonomika waħda kien rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni qabel u wara l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Il-kwistjoni tal-eżistenza tal-kontroll u tad-diviżjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi ħdan grupp ta’ entitajiet ġuridikament distinti, u b’hekk dik tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, hija limitata għall-konstatazzjoni ta’ realtà ekonomika, jiġifieri għad-deskrizzjoni tar-rwoli u tal-funzjonijiet rispettivi tal-entitajiet distinti assoċjati. Sa fejn il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li d-determinazzjoni tal-valur normali u dik tal-prezz tal-esportazzjoni huma rregolati minn regoli speċifiċi distinti, huwa normali, skont dawn il-kumpanniji, li hija tirreferi għall-applikazzjoni “b’analoġija” tal-kunċett li jgħid li d-diviżjoni tal-attivitajiet ma tipprekludix lill-entitajiet ikkonċernati milli jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, il-fatt li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda jista’ jkollha impatt differenti skont jekk ikollux jiġi ddeterminat il-valur normali jew il-prezz tal-esportazzjoni, ma jipprekludix applikazzjoni iktar wiesgħa tal-ġurisprudenza stabbilita relatata ma’ dan il-kunċett, li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa eżaminat biss fil-kuntest ta’ ċerti kawżi.

b)      Analiżi

41.      Qabel kollox, inqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Niko Tube u NTRP għandha tinċaħad. Il-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni, jekk kien il-każ, setgħu jiddiskutu r-rilevanza tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jċaħħadhom mill-possibbiltà li jikkritikaw l-evalwazzjonijiet, esposti fis-sentenza appellata, li din il-qorti għamlet f’dan ir-rigward. Inċidentalment, l-ebda punt minn din is-sentenza ma jsemmi l-fatt li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet aċċettaw l-applikazzjoni tal-imsemmi kunċett fil-kuntest tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

42.      Fir-rigward tal-mertu, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament bażiku, prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala li kien suġġett għal dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni jkun inqas minn prezz paragunabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

43.      Skont ir-regolament bażiku, il-marġni ta’ dumping għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni. Id-determinazzjoni tal-eżistenza tad-dumping b’hekk hija bbażata fuq il-paragun xieraq bejn il-valur normali, ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur u l-prezz tal-esportazzjoni, jiġifieri l-prezz imħallas jew li għandu jitħallas tassew għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

44.      Skont l-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament, il-paragun xieraq għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ, għall-bejgħ magħmul f’dati li kemm jista’ jkun ikunu viċini u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi oħra li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu daqstant ipparagunati, din l-istess dispożizzjoni tar-regolament bażiku tipprovdi li fi kwalunkwe każ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, differenzi fil-fatturi li fir-rigward tagħhom huwa pretiż u muri li dawn jaffettwaw il-prezzijiet u, b’hekk, il-paragunabbiltà tagħhom.

45.      Fost il-fatturi li abbażi tagħhom jistgħu jsiru aġġustamenti hemm dak previst mill-Artikolu 2(10)(i) tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-kummissjonijiet”. Skont din id-dispożizzjoni, “[g]ħandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma ‘kummissjonijiet’ għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet [inkarigi] ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni”.

46.      Skont il-punt 132 tar-regolament kontenzjuż, u skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Kunsill għamel aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Niko Tube u ta’ NTRP għall-bejgħ kollu tal-prodotti tagħhom lejn l-Unjoni magħmul permezz ta’ SEPCO, kemm jekk dan sar biss permezz ta’ SEPCO u kemm jekk dan sar permezz ta’ SEPCO u SPIG, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

47.      Dan l-aġġustament kellu bħala konsegwenza li jżid id-diskrepanza bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti ta’ Niko Tube u ta’ NTPR u b’hekk li jżid il-marġni ta’ dumping.

48.      Skont il-Kunsill, l-aġġustament li sar b’dan il-mod kien ibbażat fuq iż-żewġ kunsiderazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, SEPCO ġiet ikkunsidrata bħala negozjant li eżerċita inkarigi “simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni” għaliex Niko Tube u NTRP, minn naħa, u SEPCO, min-naħa l-oħra, kisbu l-istess riżultati ekonomiċi biss fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ persuna li tagħmel l-ordnijiet lil aġent billi aġixxew bħala bejjiegħa u xerrej. It-tieni nett, kien hemm diskrepanza bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, jiġifieri li, filwaqt li l-bejgħ kollu fis-suq nazzjonali li sar permezz ta’ SPIG irriżulta fi ħlas lil din il-kumpannija biss, il-bejgħ kollu għall-esportazzjoni li sar minn SEPCO (kemm waħedha kif ukoll flimkien ma’ SPIG) irriżulta fi ħlas lil SPIG u lil SEPCO, billi SPIG kienet qed tirċievi ħlasijiet għat-tranżazzjonijiet kollha għall-esportazzjoni mwettqa permezz ta’ SEPCO.

49.      Kemm matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, Niko Tube u NTRP allegaw li huma, flimkien ma’ SPIG u SEPCO, kienu jifformaw entità ekonomika waħda u li, għaldaqstant, l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ma setax jiġi applikat.

50.      Huwa f’dan il-kuntest li, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat bidu għall-eżami tal-motiv ta’ Niko Tube u NTRP, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, billi enfasizzat li “[s]kont ġurisprudenza kostanti li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali, iżda applikabbli b’analoġija għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, id-diviżjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi grupp ifformat minn kumpanniji ġuridikament distinti ma jista’ bl-ebda mod ibiddel il-fatt li l-grupp huwa entità ekonomika waħda li b’dan il-mod torganizza numru ta’ attivitajiet imwettqa, f’każijiet oħra, minn entità li hija waħda anki mill-perspettiva ġuridika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il‑Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punt 16; tal-10 ta’ Marzu 1992, Matsushita Electric vs Il‑Kunsill, C-175/87, Ġabra p. I-1409, punt 12; u tat-13 ta’ Ottubru 1993, Matsushita Electric Industrial vs Il‑Kunsill, C-104/90, Ġabra p. I-4981, punt 9)”.

51.      Il-kritika tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan il-punt tas-sentenza appellata huma ta’ tliet tipi. Qabel kollox, skont dawn l-istituzzjonijiet, l-istess prinċipju li jikkonsisti fl-użu tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda barra mill-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali huwa inkonċepibbli, kif turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex estendiet il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet żviluppata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali. Fl-aħħar nett, il-premessa tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 177 tas-sentenza appellata, ma hijiex koerenti mas-sitwazzjoni fattwali li kellha tagħti deċiżjoni dwarha, peress li l-kawża ma hijiex relatata mad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni iżda mal-aġġustament li sar ta’ dan il-prezz, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

52.      Għalkemm, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dawn l-ilmenti ma jidhrux li huma nieqsa minn ċerta sustanza, fl-aħħar mill-aħħar ma jikkonvinċunix.

53.      Fir-rigward tal-aħħar punt, qabel kollox, nammetti mingħajr eżitazzjoni li, filwaqt li l-ilment ta’ Niko Tube u NTRP huwa relatat mat-tielet stadju tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, jiġifieri l-paragun xieraq tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni, li l-aġġustament previst fl-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku sar abbażi tiegħu, il-punt 177 tas-sentenza appellata jillimita ruħu sabiex jirreferi għat-tieni stadju tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, jiġifieri għal dak relatat mad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

54.      Barra minn hekk, fid-dawl tan-neċessità li tiġi stabbilita distinzjoni bejn it-tliet stadji tal-kalkolu li jwasslu għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, liema distinzjoni tirriżulta b’mod ċar mir-regolament bażiku stess, ir-riferiment għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ma setax jintuża mill-Qorti Ġenerali bħala li jindika wkoll, b’mod iktar wiesa’, l-aġġustament li sar fuq tali prezz skont l-Artikolu 2(10)(i) tal-imsemmi regolament.

55.      Għaldaqstant, għalkemm, fil-fehma tiegħi, hemm lok li jiġi ammess li l-kritika tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fir-rigward tad-diċitura approssimattiva tal-punt 177 tas-sentenza appellata huma fondati, madankollu ma jidhirlix li huma effettivi.

56.      Fil-fatt, huwa paċifiku li l-aggravju tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jirrigwarda l-applikazzjoni b’analoġija li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-kriterju ta’ entità ekonomika waħda barra mill-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali, jiġifieri anki fir-rigward, bħal f’din il-kawża, tal-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

57.      Huwa b’hekk f’dan is-sens li hemm lok li jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti l-oħra ta’ dan l-aggravju.

58.      Fir-rigward tal-ewwel ilment, enfasizzat fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa tabilħaqq minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda ġiet żviluppata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali. Madankollu, bħalma ammetta l-Kunsill waqt is-seduta, dak il-fatt biss ma jfissirx li l-użu ta’ dan il-kunċett barra mill-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

59.      B’mod iktar fundamentali, għandu jitfakkar, kif essenzjalment għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 178 tas-sentenza appellata, li l-użu tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali jservi sabiex jinkludi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott il-bejgħ imwettaq minn kumpannija ġuridikament distinta tal-produttur, iżda ekonomikament ikkontrollata minn dan tal-aħħar u li magħha b’hekk huwa jifforma entità ekonomika waħda, l-istess bħal li kieku dan il-bejgħ sar minn dipartiment ta’ bejgħ intern tal-produttur (6).

60.      Ma huwiex diffiċli li jinftiehem ir-ratio ta’ din l-assimilazzjoni. Dan huwa li jiġi evitat li xi spejjeż li huma manifestament inklużi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott meta dan il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ integrat fil-produttur, ma jibqgħux daqshekk inklużi meta dan il-bejgħ isir minn kumpannija, ċertament ġuridikament distinta, iżda ekonomikament ikkontrollata mill-produttur (7).

61.      B’dan il-mod, ikunu evitati kemm trattament diskriminatorju bejn produtturi (8) kif ukoll deprezzament artifiċjali tal-valur normali, peress li żgur li l-kumpannija distributriċi li tifforma entità ekonomika waħda ma’ produttur ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel bejjiegħa indipendenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmi valur.

62.      Bl-istess mod, jekk produttur jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpannija ġuridikament distinta, iżda li huwa jikkontrolla mil-lat ekonomiku, jiena ma narax liema raġuni mandatorja, ta’ natura ġuridika jew ekonomika, tipprekludi r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn dawn iż-żewġ operaturi: fatt li, naturalment, jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni jew fuq il-paragun ta’ dan il-prezz mal-valur normali.

63.      Minkejja li l-Kunsill u l-Kummissjoni ammettew waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-preżenza ta’ entità ekonomika waħda bejn produttur u kumpannija ta’ distribuzzjoni tipprekludi li jsir l-aġġustament previst fl-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku — li diġà donnu jikkonferma l-idea li l-kriterju ta’ entità ekonomika waħda jista’ wkoll ikun rilevanti sabiex jitqiesu l-evalwazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni — dawn l-istituzzjonijiet madankollu jikkunsidraw li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-estensjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali.

64.      Huwa minnu li, b’mod partikolari fis-sentenza Minolta Camera vs Il-Kunsill (9), imsemmija b’insistenza mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-valur normali u dik tal-prezz tal-esportazzjoni kienu jobdu regoli distinti u li, għaldaqstant, l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u l-ispejjeż amministrattivi, mhux bilfors għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fiż-żewġ każijiet (10).

65.      Fil-fatt, hemm possibbiltà kbira li produttur jaġixxi fis-suq intern tiegħu permezz ta’ kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ li magħha huwa jikkostitwixxi entità ekonomika waħda, minkejja li dan ma jkunx il-każ meta dan il-produttur jopera fis-suq tal-esportazzjoni. Inċidentalment, din kienet is-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Minolta Camera vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra tas-sussidjarji li kienu jieħdu ħsieb il-bejgħ fi ħdan il-pajjiż tal-esportazzjoni, f’dan il-każ il-Ġappun, li kienu jwettqu l-inkarigi ta’ dipartiment ta’ bejgħ tal-kumpannija Minolta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt setgħu jiġu pparagunati biss ma’ dawk tad-dipartiment ta’ esportazzjoni tagħha, li l-ispejjeż analogi tiegħu ma ġewx imnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni, u mhux, kif ippretendiet din il-kumpannija, minn dawk tas-sussidjarji Ewropej tagħha, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħid li d-differenzi eventwali bejn l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-aġġustamenti li għandhom isiru skont ir-regolament bażiku applikabbli meta saret din il-kawża (11).

66.      Madankollu, minn naħa, ma narax raġuni għalfejn ma tistax isseħħ is-sitwazzjoni kuntrarja, jiġifieri li produttur ta’ Stat terz jopera fis-suq intern tiegħu permezz ta’ kumpannija li ma jikkontrollax ekonomikament, filwaqt li jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpannija li tifforma miegħu entità ekonomika waħda. Min-naħa l-oħra, insibha diffiċli li nifhem x’jawtorizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni milli jevadu konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn produttur ta’ Stat terz u waħda mill-kumpanniji li tieħu ħsieb il-bejgħ tiegħu fis-suq tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

67.      Fi kliem ieħor, jekk produttur ta’ Stat terz u waħda mill-kumpanniji li tieħu ħsieb il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tiegħu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, din ir-realtà ekonomika ma tistax tiġi injorata. Min-natura tagħha stess, tali konstatazzjoni tippreċedi kull kwistjoni marbuta mar-regoli u mal-metodi li għandhom jiġu applikati fid-determinazzjoni tat-tliet stadji tad-determinazzjoni sabiex ikun stabbilit il-marġni ta’ dumping. Xorta jibqa’ l-fatt li kieku tali sitwazzjoni kellha tiġi kkonstatata, din timplika konsegwenzi kemm għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni kif ukoll għad-determinazzjoni tal-aġġustamenti li jsiru fil-kuntest tal-paragun ekwu bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Konklużjoni kuntrarja twassal għal deprezzament artifiċjali tal-prezz tal-esportazzjoni bil-għan li jiżdied il-marġni ta’ dumping.

68.      Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-Kunsill ammetta li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn produttur ta’ Stat terz u l-kumpannija li twettaq l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Unjoni tipprekludi li jsir l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

69.      Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 182 tas-sentenza appellata, fil-faks tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni elenkat it-tliet elementi li fuqhom ibbażat ruħha sabiex tikkonkludi li SEPCO eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, li jirrigwardaw l-inkarigi kummerċjali ta’ SEPCO kif ukoll il-kontroll eżerċitat minn Niko Tube u NTRP fuq din tal-aħħar (12). Issa, dawn l-elementi tal-analiżi fil-parti l-kbira tagħhom huma komuni għal dawk użati fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 179 tas-sentenza appellata (13).

70.      Għalhekk, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx l-evalwazzjoni tagħha bi żball ta’ liġi meta ħadet bħala punt ta’ tluq tagħha l-premessa li l-kriterju ta’ entità ekonomika waħda kien rilevanti sabiex ikun mistħarreġ jekk, kif ikkonstatat mill-Kunsill fir-regolament kontenzjuż, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kinux ġew sodisfatti.

71.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi għandu jiġi skartat anki l-argument komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali kellha obbligu speċifiku li timmotiva l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza relatata mal-entità ekonomika waħda li ġiet żviluppata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali.

72.      Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda, għandhom jinċaħdu billi huma parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

2.      Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq żball ta’ liġi fl-allokazzjoni tal-oneru li jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kienu sodisfatti

a)      L-argumenti tal-partijiet

73.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li għandhom ikunu l-istituzzjonijiet li jipproduċu l-prova, jew għall-inqas indikazzjonijiet, li tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-referenza f’dan il-punt tas-sentenza appellata, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Kundan u Tata vs Il-Kunsill (14) hija wkoll irrilevanti f’dan il-każ, peress li din tal-aħħar kienet tirrigwarda fatti li ġraw qabel l-emendi fir-regolament bażiku li fuqu huwa bbażat ir-regolament ikkontestat.

74.      Niko Tube u NTRP jipproponu li dawn l-aggravji tal-appelli prinċipali għandhom jinċaħdu.

b)      Analiżi

75.      Fil-punt 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[…] bl-istess mod li meta parti li titlob aġġustamenti, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, sabiex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jsiru paragunabbli sabiex jiġi ffissat il-marġni ta’ dumping, għandha tipprova li t-talba tagħha hija ġġustifikata, l-istituzzjonijiet, meta jiddeċiedu li għandu jsir aġġustament, għandhom jibbażaw ruħhom fuq provi, jew għall-inqas fuq indikazzjonijiet, li juru l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu jsir l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragun[abbiltà] tal-prezzijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II-4897, punt 96)”.

76.      Bil-kontra ta’ dak li spjegaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, jidhirli li din l-evalwazzjoni ma tinvolvi l-ebda żball ta’ liġi.

77.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, fil-każijiet li l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti ma jkunux jistgħu jiġu pparagunati, f’kull każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi li fir-rigward tagħhom huwa pretiż u pprovat li jaffettwaw il-prezzijiet u, b’hekk, il-paragunabbiltà tagħhom.

78.      Il-forma impersonali użata minn din id-dispożizzjoni ma tinvolvi ebda determinazzjoni tal-persuni li għandhom l-oneru li jidentifikaw il-fatturi li jagħtu lok għan-neċessità li jsir aġġustament u li juru sa fejn l-imsemmi fattur jaffettwa l-paragunabbiltà tal-prezzijiet fis-suq intern u fis-suq tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni (15).

79.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oneru li jiġi pprovat li għandhom isiru l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-regolament bażiku jaqa’ fuq dawk li jixtiequ jagħmlu użu minnhom.

80.      B’hekk, meta produttur jitlob li jiġi applikat aġġustament (’l isfel) tal-valur normali jew (’il fuq) tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, huwa dan l-operatur li għandu jindika u juri li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali aġġustament ikunu ġew sodisfatti (16).

81.      Bil-kontra, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li hemm lok li jiġi applikat aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni, minħabba li kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ assoċjata ma’ produttur teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, huma għandhom mill-inqas jipproduċu indikazzjonijiet konverġenti li juru li dik il-kundizzjoni ġiet sodisfatta.

82.      Għaldaqstant, nipproponi li l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq żball ta’ liġi fl-allokazzjoni tal-oneru li jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ġew sodisfatti għandhom jinċaħdu.

3.      Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali, ibbażati fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju

a)      L-argumenti tal-partijiet

83.      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, bil-kontra tal-ġurisprudenza applikabbli f’dan il-qasam, li inċidentalment ma ġietx imfakkra mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma llimitatx ruħha għal li tivverifika jekk dawn l-istituzzjonijiet ibbażawx ruħhom fuq fatti żbaljati jew wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għamlu l-aġġustament previst fl-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Bil-kontra, fil-punti 184 sa 189 tas-sentenza appellata, hija ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet meta applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ entità ekonomika waħda.

84.      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija limitata, ukoll b’mod żbaljat, għat-tliet elementi msemmija fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006, mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet ulterjuri li pprovda l-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja tal-ewwel istanza. Inċidentalment, il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin uħud mill-motivi esposti fl-imsemmi faks li wasslu għall-applikazzjoni tal-aġġustament previst fl-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

85.      Il-Kummissjoni tallega wkoll li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-istituzzjonijiet ma setgħux jagħmlu l-aġġustament inkwistjoni, ma hijiex koerenti ma’ dik, esposta fil-punt 213 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 kien jinkludi motivazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għalfejn kien sar dak l-aġġustament.

86.      Fl-aħħar nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni jindikaw li l-fatt li n-natura fondata tal-ilmenti tagħhom twassal awtomatikament għall-invalidazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 193 sa 197 tas-sentenza appellata, sa fejn din tirrigwarda r-relazzjonijiet bejn NTRP u SEPCO ġaladarba fl-imsemmija punti l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, ma kienx awtonomu b’relazzjoni għal dak ibbażat, fl-ewwel istanza mill-imsemmija rikorrenti, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tal-istess regolament.

87.      Niko Tube u NTRP jsostnu li l-Qorti Ġenerali eżerċitat grad ta’ stħarriġ korrett tal-evalwazzjonijiet li saru mill-istituzzjonijiet, mingħajr ma ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ dawn tal-aħħar. Hija llimitat ruħha sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kinux ġew osservati u jekk il-fatti kinux ġew evalwati korrettement.

88.      Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, jidher ċar li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni u evalwat l-argumenti kollha tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni disponibbli li kienet ikkomunikata mill-partijiet, qabel ma kkonkludiet li l-istituzzjonijiet kienu għamlu żball manifest inkwantu ma kinux ipproduċew indikazzjonijiet suffiċjenti li SEPCO ħadmet bħala aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi manifatturati minn NTRP. Barra minn hekk, Niko Tube u NTRP isostnu li l-istituzzjonijiet ma jistgħux ġustament jikkunsidraw li kien suffiċjenti li kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ assoċjata ma’ jew taħt il-kontroll konġunt ta’ produttur esportatur tbigħ il-prodott ikkonċernat fl-Unjoni sabiex ikun konkluż skont il-liġi li din il-kumpannija teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent. Li kieku dan kellu jkun il-każ, kien ikun suffiċjenti li l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku jindika li ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tista’ tkun aġġustata. Issa, ġustament dan ma huwiex il-każ, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali.

89.      Dawn il-kumpanniji jżidu li l-Qorti Ġenerali kellha kull raġun li tikkonkludi li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikaw l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Bħala tali, l-aġġustament żamm jew ħoloq nuqqas ta’ simetrija li l-Qorti Ġenerali semmiet fil-punt 195 tas-sentenza appellata.

b)      Analiżi

90.      Qabel ma neżamina l-qofol ta’ dawn l-aggravji mressqa mill-appellanti fl-appelli prinċipali li jirrigwardaw il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali, qabel kollox għandhom jinċaħdu żewġ argumenti anċillari esposti rispettivament mill-Kummissjoni u mill-Kunsill dwar l-allegata inkoerenza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar tal-motivazzjoni supplimentari mressqa mill-Kunsill waqt il-proċedura tal-ewwel istanza.

91.      Fir-rigward tal-ewwel punt, hija manifestament infondata l-kritika li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi inkwantu l-Qorti Ġenerali osservat, minn naħa, partikolarment fil-punt 184 tal-imsemmija sentenza, li r-raġunijiet esposti fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 ma kinux jikkostitwixxu indikazzjonijiet suffiċjenti biex ikun ġustifikat l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, fil-punt 213 tal-istess sentenza, li l-imsemmi faks kien joffri motivazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għaliex kien sar dan l-aġġustament. Fil-fatt, filwaqt li l-punt 184 tas-sentenza appellata huwa relatat mal-eżami tal-fondatezza tar-raġunijiet imressqa fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri l-legalità fuq il-mertu tar-regolament kontenzjuż, il-punt 213 tal-imsemmija sentenza jillimita ruħu sabiex jikkonstatata li l-Kummissjoni kienet issodisfat, b’mod partikolari fl-istess faks, l-obbligu li tindika b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunijiet li wasslu għall-aġġustament inkwistjoni, jiġifieri l-osservanza ta’ rekwiżit proċedurali (17). Barra minn hekk, il-punt 213 tas-sentenza appellata huwa relatat eżattament mal-eżami ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

92.      Jidhirli li huwa wkoll infondat l-ilment tal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali injorat l-ispjegazzjonijiet supplimentari — għat-tliet raġunijiet imsemmija fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006 — li kien ipprovda l-Kunsill waqt il-kawża fl-ewwel istanza.

93.      Qabel kollox, minkejja li l-argument tal-Kunsill għandu jiġi interpretat bħala li jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni spjegazzjonijiet sussegwenti għall-komunikazzjoni tal-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 u għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż li jġib id-data tal-għada u li, barra minn hekk, huma ġodda meta mqabbla mar-raġunijiet inklużi f’dan il-faks u f’dan l-att, tali argument għandu jiġi manifestament skartat. Fil-fatt, huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li l-istituzzjoni tissostitwixxi motivazzjoni ġdida għall-motivazzjoni inizjali li rriżultat mill-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 u mid-diċitura tal-att ikkontestat. Issa, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tawtorizza li matul kawża istituzzjoni tissostitwixxi l-motivi tal-att ikkontestat quddiemha b’motivi ġodda (18).

94.      Sussegwentement, jekk huwa l-każ li l-argument tal-Kunsill għandu jiġi interpretat bħala li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli injorat spjegazzjonijiet supplimentari li jelenkaw fid-dettall ir-raġunijiet li wasslu għall-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għandu jiġi osservat li l-Kunsill llimita ruħu sabiex jirreferi b’mod ġeneriku għal 12-il punt fid-dokumenti tal-ewwel istanza tiegħu mingħajr ma identifika b’mod suffiċjentement preċiż liema kienu l-ispjegazzjonijiet li injorat il-Qorti Ġenerali (19). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, mill-inqas, ħadet tassew inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet essenzjali esposti mill-Kunsill waqt il-proċedura tal-ewwel istanza intiżi sabiex ikun iġġustifikat l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. B’hekk, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument, żviluppat fil-qosor fid-dokumenti tal-Kunsill, relatat mal-bejgħ dirett lejn l-Istati Membri l-ġodda min-naħa ta’ Niko Tube u NTRP. Bl-istess mod, fil-punt 186 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rwol ta’ SPIG fil-bejgħ lejn destinazzjonijiet tal-Unjoni, argument li l-Kunsill saħaq fuqu fir-risposta tiegħu fl-ewwel istanza, kif ukoll, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, ir-rabtiet li kellhom Niko Tube u NTRP ma’ SEPCO, fejn kull darba sar riferiment jew għad-diskussjonijiet bejn il-partijiet matul il-proċedura tal-ewwel istanza, jew għall-proċess imressaq mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

95.      Għaldaqstant, nipproponi li dawn iż-żewġ argumenti invokati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill rispettivament jinċaħdu.

96.      Issa biħsiebni nittratta l-problema essenzjali mqajma minn dawn l-aggravji tal-appelli prinċipali, li tirrigwarda l-portata tal-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

97.      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali primarjament fakkret, fil-punt 182 tal-imsemmija sentenza, it-tliet provi li fuqhom l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom sabiex jikkonkludu li SEPCO kienet teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

98.      Fir-rigward tal-ewwel prova, jiġifieri l-fatt li Niko Tube u NTRP għamlu bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, enfasizzat li entità ekonomika waħda tista’ teżisti meta l-produttur jassumi parti mill-inkarigi ta’ bejgħ kumplimentari għal dawk tal-kumpannija distributriċi tal-prodotti tiegħu. Issa, wara li nnotat li mid-dokumenti tal-partijiet irriżulta li l-bejgħ dirett fil-Komunità sar lejn l-Istati Membri l-ġodda, waqt fażi ta’ tranżizzjoni u li l-volum tiegħu kien jirrappreżenta biss 8 % tal-volum totali tal-bejgħ imwettaq lejn il-Komunità, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Niko Tube u NTRP assumew biss inkarigi ta’ bejgħ kumplimentari għal dawk ta’ SEPCO u għal perijodu tranżitorju biss.

99.      Fir-rigward tat-tieni prova, li tirrigwarda l-fatt li SPIG, il-kumpannija assoċjata li tieħu ħsieb il-bejgħ fl-Ukrajna, intervjeniet bħala aġent tal-bejgħ għall-bejgħ ta’ Niko Tube u NTRP lil SEPCO, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill bl-ebda mod ma spjega kif il-fatt li SPIG tirċievi kummissjoni fuq il-bejgħ ta’ Niko Tube u NTRP lil SEPCO juri li din eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet jew li jipprekludi r-rikonoxximent tal-istatus tagħha ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern ta’ Niko Tube u NTRP.

100. Fir-rigward tat-tielet prova, jiġifieri li r-rabtiet ta’ SEPCO ma’ Niko Tube u NTRP ma humiex suffiċjenti u ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija tinsab taħt il-kontroll tagħhom jew li jeżisti kontroll konġunt bejn SEPCO u Niko Tube u NTRP, fil-punt 187 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali osservat li mill-proċess jirriżulta li SEPCO u NTRP kienu assoċjati permezz tal-istess kumpannija parent li kellha 100 % tal-kapital ta’ SEPCO u 24 % tal-kapital ta’ NTRP waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, dan kien fatt illi kieku kellu jiġi kkorroborat minn provi oħra rilevanti, seta’ jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li kien hemm kontroll konġunt bejn SEPCO u NTRP u li, fi kwalunkwe każ, ma jurix l-insuffiċjenza tar-rabtiet bejn SEPCO u NTRP. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li l-proċess ma jippermettix li jiġi pprovat li SEPCO kienet taħt il-kontroll ta’ Niko Tube jew li kien hemm kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

101. Huwa b’hekk li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-provi mressqa fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 sabiex ikun ġustifikat l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ma kinux “suffiċjentement konvinċenti” u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet (il-punt 184 tas-sentenza appellata). Għaldaqstant, hija laqgħet il-parti tal-motiv tal-ewwel istanza, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu tar-regolament bażiku, sa fejn l-aġġustament kien sar fuq il-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw tubi manifatturati minn NTRP u ċaħditu sa fejn kien jirrigwarda l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi mmanifatturati minn Niko Tube (il-punti 188 u 190 tas-sentenza appellata).

102. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali daħlet fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom u li, għaldaqstant, marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

103. F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (20).

104. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (21). Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest tal-istħarriġ limitat li hija teżerċita f’sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (22).

105. Madankollu, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, fir-rigward ta’ oqsma li jagħtu lok, bħal dak tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tonqos milli tistħarreġ l-“interpretazzjoni” min-naħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet tad-data ta’ natura ekonomika (23).

106. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa (24).

107. F’dan il-kuntest, b’hekk, il-ġurisprudenza tagħmel linja ta’ demarkazzjoni bejn dak li l-qorti tal-Unjoni hija pprojbita milli tagħmel, jiġifieri li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet, u dak li hija awtorizzata tagħmel, jiġifieri li tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika li l-istituzzjonijiet jagħtu lil provi ta’ natura ekonomika (25). Għaldaqstant, din hija dikotomija bejn, minn naħa, l-evalwazzjoni ta’ fatti ta’ natura ekonomika mwettqa mill-istituzzjonijiet, li l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha jeskludi evalwazzjoni awtonoma ġdida mill-qorti u fejn il-qorti għandha tillimita ruħha għal li tiġbed l-attenzjoni għal żball manifest u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti suġġetta, bħala kwistjoni ta’ dritt, għall-istħarriġ sħiħ tal-qorti tal-Unjoni.

108. F’dan il-każ, huwa tabilħaqq minnu, kif tinvoka l-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali ma fakkritx il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-portata tal-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li jsiru mill-istituzzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni f’dawn l-aggravji tal-appelli prinċipali, hija waħda ristretta.

109. Madankollu, dan in-nuqqas ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu prova li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-portata tal-istħarriġ tagħha.

110. Fil-fatt, anki jekk il-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex eżenti minn kull kritika, naħseb li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom żball fir-rigward tas-sustanza tal-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali.

111. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx evalwazzjoni awtonoma ġdida tal-fatti, kif qed jilmentaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, iżda llimitat ruħha, ġustament fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 u 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li teżamina jekk it-tliet raġunijiet esposti fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 kinux isostnu l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet, jiġifieri li SEPCO kienet teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ operatur li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet u, għaldaqstant, kienu jiġġustifikaw it-twettiq tal-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, kif essenzjalment jiġi enfasizzat fit-tieni sentenza tal-punt 184 tas-sentenza appellata.

112. Dan jidhirli li huwa partikolarment ċar fir-rigward tal-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali dwar it-tieni u t-tielet provi elenkati fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006. Fil-fatt, fir-rigward tagħhom, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, illimitat ruħha sabiex tinnota, rispettivament, minn naħa, li l-Kunsill ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar l-impatt tal-intervent ta’ SPIG fuq il-kwalifika ta’ SEPCO bħala li teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet u, min-naħa l-oħra, li r-relazzjonijiet li kellhom SEPCO u NTRP fi ħdan l-istess kumpannija parent ma jurux, kif jallegaw l-istituzzjonijiet, l-insuffiċjenza tar-rabtiet bejn dawn iż-żewġ kumpanniji b’tali mod li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, skont id-difiża ta’ Niko Tube u NTRP waqt il-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali.

113. Huwa minnu li l-eżami li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-ewwel prova dwar l-eżistenza ta’ bejgħ imwettaq direttament minn Niko Tube u NTRP lejn l-Unjoni u li, skont l-istituzzjonijiet, jikkostitwixxi indikazzjoni li turi li SEPCO ma kinitx qed taġixxi bħala dipartiment integrat ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-imsemmija kumpanniji, preliminarjament, jista’ jikkwalifika, almenu parzjalment, l-evalwazzjoni tiegħi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, meta affermat, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, fuq il-bażi tad-data mressqa mill-partijiet quddiemha, li Niko Tube u NTRP kienu assumew biss inkarigi ta’ bejgħ kumplimentari għal dawk ta’ SEPCO għal perijodu tranżitorju biss (li jista’ jagħti lil wieħed x’jifhem li kien hemm entità ekonomika waħda), donnha li wettqet l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi ta’ natura ekonomika li kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet waqt il-kawża.

114. Minkejja li d-diċitura tal-aħħar sentenza tal-punt 185 tas-sentenza appellata tista’ tkun ikkritikata, l-argument li ġie espost f’dan il-punt tal-imsemmija sentenza jaqa’ bla ebda dubju huwa wkoll fl-eżami, stabbilit fil-punt 184 tal-istess sentenza, tan-natura ssostanzjata tal-konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-inkarigi li kienet teżerċita SEPCO. Fl-aħħar mill-aħħar, meta għamlet l-analiżi tagħha fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li d-deduzzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ bejgħ dirett minn Niko Tube u NTRP kienet f’dak il-punt żbaljata u li huma misshom waslu, fid-dawl tad-data mhux ikkontestata, għal konklużjoni kuntrarja.

115. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma ssostitwixxietx l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet. Anzi, hija sħarrġet il-klassifikazzjoni ġuridika tad-data ekonomika li għamlu dawn l-istituzzjonijiet, billi kkonstatat li t-tliet provi prodotti fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 ma kinux jikkostitwixxu indikazzjonijiet li jistgħu jsostnu l-konklużjoni tagħhom, jiġifieri li SEPCO kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu li jsir l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għall-inqas fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi prodotti minn NTRP.

116. Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi li, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-motiv ta’ Niko Tube u NTRP dwar l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10), tar-regolament bażiku li, sa fejn l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) sar b’mod żbaljat fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn SEPCO tat-tubi prodotti minn NTRP, dan kien jimplika li l-imsemmi aġġustament kien żamm jekk mhux ukoll ħoloq nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Fil-fatt, iż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ simetrija jaffettwa r-rekwiżit, stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, li jsir paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

117. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-aggravji tal-appelli prinċipali bbażati fuq il-ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju għandhom jinċaħdu.

B –    Fuq it-tielet aggravju tal-appell inċidentali bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet imwettqa minn SEPCO li jirrigwardaw it-tubi prodotti minn Niko Tube

1.      L-argumenti tal-partijiet

118. Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta hija, essenzjalment ikkonfermat, fil-punti 187 sa 190 tas-sentenza appellata, li SEPCO kienet ħadmet bħala aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi prodotti minn Niko Tube. Skont dawn il-kumpanniji, il-fatt li r-rabtiet f’kapital ma kinux l-istess bejn SEPCO u Niko Tube kif kienu bejn SEPCO u NTRP, ma jfissirx li SEPCO eżerċitat, fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Niko Tube, inkarigi ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, jista’ jkun hemm kontroll anki jekk iż-żewġ kumpanniji inkwistjoni ma jkollhomx l-istess benefiċjarji finali (“ultimate beneficiairies”). Għaldaqstant, hemm lok li ssir distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ kontroll u l-eżistenza ta’ sehem f’kumpannija. Barra minn hekk, skont Niko Tube u NTRP, is-sempliċi eżistenza ta’ relazzjoni ta’ bejgħ u xiri bejn esportatur u l-kumpannija ta’ distribuzzjoni assoċjata tiegħu ma hijiex suffiċjenti sabiex iż-żieda fuq il-prezz li tirċievi din tal-aħħar tiġi ttrattata bħala kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-relazzjonijiet bejn SEPCO u Niko Tube huma żbaljati sa fejn huma bbażati fuq fatti u fuq argument li ġie elaborat wara l-għeluq tal-proċedura amministrattiva.

119. Fir-risposti rispettivi tagħhom għat-tielet aggravju tal-appell inċidentali, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonkludu li l-aggravju huwa inammissibbli, jew għall-inqas, infondat. Il-Kunsill jikkunsidra li l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn huwa ma jistax jaffettwa d-dispożittiv tas-sentenza appellata, billi l-Qorti Ġenerali diġà annullat l-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti esposti insostenn tat-tielet aggravju tal-appell inċidenti la huma sostnuti u lanqas ma huma suffiċjentement preċiżi, u dan iwassal għall-inammissibbiltà tal-imsemmi aggravju. Fuq il-mertu, dawn l-istituzzjonijiet isostnu essenzjalment li Niko Tube u NTRP messhom indikaw il-provi tal-proċess li juru li SEPCO kienet taħt il-kontroll ta’ Niko Tube jew li kien hemm kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet il-motiv tal-ewwel istanza.

2.      Analiżi

120. Filwaqt li ma jidhirlix li hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, fi kwalunkwe każ, jidhrli li huwa infondat.

121. Qabel kollox, Niko Tube u NTRP jagħtu interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali meta jallegaw li din tal-aħħar iddeċidiet li jista’ jkun hemm kontroll biss jekk SEPCO u Niko Tube ikollhom l-istess benefiċjarji finali. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 188 sa 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tivverifika jekk, kif allegaw Niko Tube u NTRP u fid-dawl tal-“proċess”, SEPCO kinitx ikkontrollata minn Niko Tube jew jekk dawn kinux suġġetti għal kontroll konġunt meta eżaminat l-istruttura tal-kapital ta’ dawn il-kumpanniji, billi din il-prova kienet, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 179 tas-sentenza appellata, indikatur tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li kontroll, b’mod partikolari wieħed konġunt, seta’ jeżisti biss jekk iż-żewġ kumpanniji inkwistjoni jkollhom l-istess “benefiċjarji finali”.

122. Taqa’ wkoll taħt interpretazzjoni żbaljata tal-punt 187 tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sempliċi eżistenza ta’ relazzjoni ta’ bejgħ u xiri bejn esportatur u l-kumpannija distributriċi assoċjata tiegħu hija suffiċjenti biex iż-żieda fuq il-prezz ta’ din tal-aħħar tiġi ttrattata bħala kummissjoni. Fil-fatt, minbarra li s-silta mill-imsemmi punt tas-sentenza appellata tippreċiża li tali relazzjoni ma hijiex rilevanti biex jintwera li SEPCO teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, hija ma tirrigwardax it-tranżazzjonijiet imwettqa minn SEPCO għal Niko Tube, iżda dawk imwettqa minn dik il-kumpannija għal NTRP.

123. Fil-fatt, il-motivi li wasslu sabiex l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza jinċaħad huma bbażati mhux fuq l-eżistenza jew le ta’ relazzjoni ta’ bejgħ u xiri bejn il-produttur u l-kumpannija distributriċi, iżda fuq in-nuqqas ta’ provi ta’ kontroll eventwali ta’ SEPCO min-naħa ta’ Niko Tube jew ta’ kontroll konġunt ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Niko Tube u NTRP bl-ebda mod ma speċifikaw liema provi tal-proċess żnaturat jew naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-Qorti Ġenerali u li setgħu jinvalidaw l-evalwazzjoni tagħha, esposta fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata, fejn jingħad, essenzjalment, li l-fatt li Niko Tube u NTRP kellhom tliet azzjonisti komuni, fosthom il-kumpannija parent ta’ NTRP, ma jippermettix li jintwera li SEPCO kienet taħt il-kontroll ta’ Niko Tube jew li kien hemm kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, iżda jippermetti biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta indiretta bejn dawn l-aħħar żewġ kumpanniji.

124. Is-sempliċi fatt, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 47 tal-appell inċidentali, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument, li r-rappreżentanti ta’ SEPCO kienu preżenti waqt iż-żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti ta’ Niko Tube matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ma huwiex tali li jqiegħed f’dubju dik l-analiżi. Fil-fatt, kif qal ġustament il-Kunsill fir-risposta tiegħu għall-appell inċidentali, dan il-fatt juri biss li ż-żewġ kumpanniji inkwistjoni kkooperaw waqt l-investigazzjoni, kif wieħed jista’ tabilħaqq jistenna minn żewġ kumpanniji assoċjati, iżda ma jistax juri li Niko Tube kienet tikkontrolla lil SEPCO jew li kien hemm kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

125. Fl-aħħar nett, Niko Tube u NTRP jibqgħu wkoll mingħajr ma jindikaw liema provi ġodda l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom sabiex tiċħad, parzjalment, il-motiv fl-ewwel istanza tagħhom. F’dan ir-rigward, Niko Tube u NTRP ma jistgħux jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ppermettitilhom, fl-istadju tal-kawża, li jissostanzjaw l-affermazzjonijiet tagħhom, filwaqt li, kif diġà ngħad fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn il-kumpanniji, fl-istadju tal-appell, baqgħu ma indikawx eżattament liema elementi probatorji tal-proċess il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni meta hija, essenzjalment, ikkonfermat l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet, jiġifieri li r-rabtiet bejn SEPCO u Niko Tube kienu insuffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li kien hemm kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji jew li Niko Tube kienet teżerċita kontroll fuq SEPCO, prerekwiżit għall-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn dawn iż-żewġ kumpanniji assoċjati, li kien iċaħħad lil dawn l-istituzzjonijiet mill-possibbiltà li jagħmlu l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

126. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li t-tielet aggravju tal-appell inċidentali bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn SEPCO li jirrigwardaw it-tubi prodotti minn Niko Tube għandu jinċaħad.

C –    Fuq l-aggravji tal-appelli prinċipali bbażati fuq żbalji ta’ liġi fil-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

1.      L-argumenti tal-partijiet

127. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jidentifikaw tliet żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li wasslitha sabiex tikkonstatata li d-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u NTRP, fil-kuntest tal-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, ġew miksura.

128. L-ewwel nett, dawn l-istituzzjonijiet jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod wisq strett ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni imposti fuqhom. B’mod partikolari, huma jikkunsidraw li r-rekwiżit li l-Kummissjoni, fil-każijiet kollha, għandha tinforma lill-esportatur mhux biss bil-bażi legali adottata sabiex isir aġġustament iżda wkoll bir-raġunijiet li wasslu għal dan l-aġġustament, huwa sproporzjonat. Issa, meta naqset milli tivverifika, fil-każ inkwistjoni, jekk is-sempliċi komunikazzjoni tal-bażi legali tal-aġġustament kinitx suffiċjenti għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali fixklet l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet li jagħtu motivazzjoni kompluta meta jadottaw l-att inkwistjoni u l-obbligu li tikkomunika, matul il-proċedura amministrattiva jew ta’ investigazzjoni, informazzjoni suffiċjenti sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni żżid li l-kontenut tal-ittra tal-4 ta’ Mejju 2006 tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li għaliha jsir riferiment fil-qosor fil-punt 204 tas-sentenza appellata, turi kif dawn tal-aħħar kienu fehmu eżattament ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kien bi ħsiebha tagħmel l-aġġustament inkwistjoni.

129. It-tieni nett, il-Kunsill jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx korrettement, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, jekk, wara l-komunikazzjoni tardiva tat-tliet provi elenkati fil-faks tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2006, Niko Tube u NTRP kinux tabilħaqq iċċaħħdu mill-possibbiltà li jressqu argumenti jew osservazzjonijiet li setgħu wasslu lill-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali messha eżaminat jekk Niko Tube u NTRP iċċaħħdux mill-possibbiltà li jressqu argumenti ġodda minħabba l-komunikazzjoni tardiva tal-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 u li huma tabilħaqq żviluppaw quddiem il-Qorti Ġenerali. Li kieku l-Qorti Ġenerali kienet applikat b’mod xieraq dan il-kriterju, hija kienet tikkonstata li l-argumenti mressqa quddiemha kienu essenzjalment identiċi għal dawk imressqa fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni qabel ma ġie riċevut il-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006.

130. It-tielet nett, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja vvizzjat il-punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata b’diversi żbalji ta’ liġi, il-Kunsill isostni li huwa wkoll żbaljat li l-Qorti Ġenerali laqgħet, fil-punt 211 tal-istess sentenza, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u NTRP sa fejn huwa kkonċernat l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Huwa jżid li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ loġika fir-rigward ta’ Niko Tube peress li n-nuqqas ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-kumpannija ma setax iwassal għal riżultat differenti minn dak li l-Qorti Ġenerali kkonfermat fil-punt 189 tas-sentenza appellata. B’mod iktar ġeneriku, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, ma setgħetx tillimita ruħha għal li tirreferi għall-evalwazzjoni tagħha fuq il-mertu sabiex tikkunsidra li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu stabbilixxew li d-drittijiet tad-difiża tagħhom kienu nkisru.

131. Niko Tube u NTRP jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-aggravji tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

132. Qabel kollox huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ġustament ma kinitx sodisfatta b’sempliċi riferiment għall-bażi legali tal-aġġustament inkwistjoni sabiex tivverifika jekk l-istituzzjonijiet kinux wettqu l-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, dawn il-kumpanniji jenfasizzaw li l-eżami konkret imwettaq mill-Qorti Ġenerali jikkorrispondi għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza u ma jistax jiġi deskritt bħala li huwa strett wisq. Għalkemm Niko Tube u NTRP sostnew, fl-ittra tal-4 ta’ Mejju 2006 b’risposta għat-tieni dokument ta’ informazzjoni finali mibgħut mill-Kummissjoni, li l-attivitajiet ta’ SEPCO ma kinux simili għall dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet, madankollu huma ma kinux jafu jekk u għal liema raġuni l-Kummissjoni setgħet tikkwalifika lil din il-kumpannija bħala aġent. Jidher ċar li dawn il-kumpanniji ma setgħux jirrispondu għall-argumenti speċifiċi esposti fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006, li, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, kien jikkostitwixxi, fil-fażi amministrattiva, l-ewwel espożizzjoni tal-motivi li fuqhom ibbażaw ruħhom l-istituzzjonijiet sabiex jikkunsidraw li kien hemm lok li jsir l-aġġustament kontenzjuż.

133. Sussegwentement, skont Niko Tube u NTRP jidher ukoll ċar, kif osservat il-Qorti Ġenerali, li, bil-kontra tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, huma ma kellhomx l-okkażjoni, qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha għall-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, li juru effettivament fehmthom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati li wasslu għall-aġġustament li finalment sar mill-istituzzjonijiet.

134. Huma jsostnu wkoll li l-kriterju legali propost mill-Kunsill sabiex ikun ivverifikat jekk l-irregolarità proċedurali li twettqet mill-istituzzjonijiet setax ikollha impatt fuq il-konklużjoni li waslu għaliha dawn tal-aħħar, billi l-argumenti mressqa minn Niko Tube u NTRP qabel l-iżvelar tal-motivazzjoni inkluża fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 ġew ipparagunati ma’ dawk imressqa wara dak l-iżvelar, imorru kontra l-livell ta’ restrizzjoni tal-istħarriġ li teżerċita l-Qorti Ġenerali fuq il-provi. Il-Qorti Ġenerali, ġustament, stabbilixxiet sempliċement li l-proċedura amministrattiva setgħet wasslet għal riżultat ieħor li kieku r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom l-okkażjoni li jressqu osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-aġġustament matul dik il-proċedura.

135. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill ibbażat fuq l-allegata inkoerenza li taffettwa r-raġunament tal-Qorti Ġenerali relatat mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube, din tal-aħħar u NTRP isostnu li ma huwiex għaliex il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-kuntest tal-kawża li ma kienx hemm prova li SEPCO kienet ikkontrollata minn Niko Tube li d-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar ma nkisrux. Skont dawn il-kumpanniji, li kieku Niko Tube kienet ġiet informata fil-ħin bir-raġunijiet tal-aġġustament kontenzjuż, hija kienet tkun tista’ tikkonċentra l-argumenti tagħha fuq l-imsemmija raġunijiet waqt il-proċedura amministrattiva u tinfluwenza r-riżultat tagħha.

2.      Analiżi

136. Qabel kollox, għandu jitfakkar, kif qalet il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata li rreferiet għalih fil-punt 201 tal-imsemmija sentenza, li l-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku jipprovdi b’mod partikolari lil min jagħmel l-ilment, lill-importaturi u lill-esportaturi kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom u lir-rappreżentanti tal-pajjiż tal-esportazzjoni d-dritt li jitolbu żvelar finali tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi.

137. Mill-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali jirriżulta wkoll li l-impriżi kkonċernati għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (26).

138. Ninnota li, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni kienet informat lil Niko Tube u lil NTRP li, fir-rigward tal-bejgħ fil-Komunità li għalih kienet intervjeniet SEPCO, l-aġġustament magħmul fil-fatt kien sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, u mhux skont l-Artikolu 2(9) tal-istess regolament, kif kien issemma bi żball fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali. Il-Qorti Ġenerali ħadet ukoll nota li, għalkemm il-Kummissjoni semmiet f’dan id-dokument li l-ammont tat-tnaqqis li sar ma kienx inbidel, hija ma tat l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ kif l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kien applikabbli, f’dan il-każ.

139. Barra minn hekk, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma jikkontestaw il-kwalifika li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 201 tas-sentenza appellata, jiġifieri li l-informazzjoni dwar l-aġġustament kontenzjuż u dwar ir-raġunijiet għalfejn sar l-aġġustament kienet essenzjali, inkwantu tali aġġustament kien jaffettwa direttament il-livell tad-dazju antidumping.

140. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-istituzzjonijiet għandhom żball meta jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, eżiġiet li l-Kummissjoni tinforma lil Niko Tube u NTRP, matul il-proċedura amministrattiva, mhux biss bil-fatt li din l-istituzzjoni kienet tikkunsidra li kellu jsir aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, iżda wkoll bir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw tali aġġustament, jiġifieri, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi u l-provi invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-evalwazzjoni tagħha.

141. Fil-fatt, billi dawn iċ-ċirkustanzi u dawn il-provi ġew ikkunsidrati bħala essenzjali, huma messhom ġew ikkomunikati f’mument meta r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu għadhom jistgħu tabilħaqq juru fehmthom, b’mod partikolari, dwar ir-rilevanza tagħhom, qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż. Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, huwa biss fil-faks tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri lejlet l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, li l-Kummissjoni kkomunikat lill-impriżi kkonċernati r-raġunijiet preċiżi li wasslu, fil-fehma tagħha, għall-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

142. Madankollu, kif ġustament fakkret ukoll il-Qorti Ġenerali, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, l-irregolarità proċedurali min-naħa tal-Kummissjoni twassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jiġġustifika l-annullament tar-regolament kontenzjuż, biss jekk dawn tal-aħħar kienu stabbilixxew, mhux li r-regolament kontenzjuż kellu kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma kinitx għalkollox eskluża b’tali mod li l-imsemmija rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom li kieku ma kienx hemm din l-irregolarità proċedurali (27). Fi kliem ieħor, Niko Tube u NTRP kellhom juru li kien hemm possibbiltà li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, billi tali irregolarità kienet taffettwa b’mod daqstant konkret id-drittijiet tad-difiża tagħhom (28).

143. Mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni din il-ġurisprudenza, il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx b’mod konkret, fir-rigward tal-argumenti mressqa quddiemha, liema provi r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma tħallewx jikkomunikaw minħabba li l-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 ntbagħat tard.

144. Jidhirli li din il-kritika għandha tinċaħad.

145. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat, fir-rigward tat-tliet provi li fuqhom ibbażat ruħha sabiex tikkonkludi li SEPCO kienet teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni, “[i]ssa, fil-punti 185 sa 188 [tas-sentenza appellata], abbażi tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li dawn it-tliet elementi ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi stabbilit, minn naħa waħda, li Sepco eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li Sepco u NTRP mhumiex entità ekonomika waħda. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti stabbilixxew li komunikazzjoni preċedenti tal-provi inklużi fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 kienet tippermettilhom juru dan, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, u, b’hekk, isostnu l-affermazzjoni li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda prova tanġibbli sabiex tagħmel l-aġġustament ikkontestat” (29).

146. Issa, kif jiġi affermat f’dan il-punt tas-sentenza appellata li jirreferi għall-istħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu li sar fil-punti 185 sa 188 tal-imsemmija sentenza fejn, kif diġà ġie enfasizzat, saret referenza kemm-il darba għall-argumenti u għall-indikazzjonijiet esposti matul il-kawża, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sew, għall-inqas parzjalment, fuq il-provi prodotti quddiemha mir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex tivverifika jekk l-irregolarità proċedurali kkontestata lill-Kummissjoni affettwatx tabilħaqq id-dritt tagħhom li jsostnu fehmthom matul il-proċedura amministrattiva.

147. Min-naħa l-oħra, inqis li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha, b’mod partikolari l-punt 209 moqri flimkien mal-punti 188 sa 190, b’kontradizzjoni ta’ motivi u b’motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-konstatazzjoni li nkisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube.

148. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiċħad fuq il-mertu l-motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fir-rigward tal-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi mmanifatturati minn Niko Tube, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-argumenti mressqa matul il-kawża mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, fl-istess ħin, tikkunsidra li l-istess argumenti setgħu, li kieku tressqu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fin-nuqqas tal-irregolarità proċedurali tal-Kummissjoni, iwasslu għal riżultat differenti minn dak li waslu għalih l-istituzzjonijiet.

149. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward taċ-ċaħda fuq il-mertu tal-parti tal-motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, imressaq insostenn tal-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn jirrigwarda l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi mmanifatturati minn Niko Tube, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha, fl-evalwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din l-aħħar kumpannija, għal li tirreferi għal motivi fuq il-mertu li ma jirrigwardax speċifikatament lil Niko Tube. Il-Qorti Ġenerali messha pjuttost spjegat ir-raġunijiet għaliex, minkejja li ċaħdet l-imsemmija parti, l-argumenti mressqa quddiemha mir-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħu, li kieku ġew ikkomunikati matul il-proċedura amministrattiva, wasslu sabiex din tal-aħħar tasal għal riżultat differenti minn dak li waslu għalih l-istituzzjonijiet. Billi naqset milli tispjega dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, immotivat b’mod insuffiċjenti l-konklużjoni tagħha, li tinsab fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li tgħid li, essenzjalment, billi r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu stabbilixxew li komunikazzjoni preċedenti tal-provi inklużi fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 kienet tippermettilhom jissostanzjaw l-affermazzjoni tagħhom, qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż ikkontestat, il-Kummissjoni ma kellha ebda prova tanġibbli sabiex tagħmel l-aġġustament kontenzjuż sa fejn dan kien jirrigwarda lil Niko Tube.

150. Ma jidhirlix li din l-evalwazzjoni ġiet invalidata mill-kunsiderazzjoni li ċerti argumenti mressqa fil-punti 185 u 186 tas-sentenza appellata kienu relatati kemm ma’ NTRP kif ukoll ma’ Niko Tube.

151. Fil-fatt, sa fejn, b’mod impliċitu iżda neċessarju, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx, fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha fuq il-mertu tal-motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar l-aġġustament kontenzjuż, li dawn l-argumenti setgħu, minnhom infushom, iwasslu sabiex jintlaqa’ l-imsemmi motiv, u għaldaqstant, għall-annullament tar-regolament kontenzjuż sa fejn dan l-aġġustament kien relatat mal-bejgħ għall-esportazzjoni li sar minn SEPCO tat-tubi mmanifatturati minn Niko Tube, ma nistax nifhem kif, u mingħajr motivazzjoni speċifika min-naħa tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li dawn l-argumenti setgħu jiġu invokati matul il-proċedura amministrattiva seta’ tabilħaqq jagħti possibbiltà lir-rikorrenti fl-ewwel istanza li jagħmlu mod lill-proċedura amministrattiva tasal għal riżultat differenti.

152. F’dan ir-rigward, u kif jirriżulta diġà b’mod impliċitu mill-evalwazzjoni esposta fil-punt 146 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa żbaljat, fil-fehma tiegħi, li NTRP u Niko Tube jallegaw li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-verifika ta’ ksur eventwali tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn l-impriżi, ma tistax, mingħajr ma tmur kontra l-portata tal-istħarriġ marġinali tagħha, teżamina l-argumenti l-ġodda li ressqu quddiemha.

153. Fil-fatt, l-istess bħal kull allegazzjoni insostenn ta’ rikors għal annullament, għandu jkun ir-rikorrent li jipproduċi l-prova tal-allegazzjoni bbażata fuq kunsiderazzjoni żbaljata tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Issa, billi l-ġurisprudenza teżiġi li sabiex ikun jista’ jintlaqa’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u sabiex dan iwassal għall-annullament ta’ att tal-Unjoni, għandu jiġi pprovat li d-drittijiet tad-difiża jkunu ġew affettwati tassew, għandu jkun ir-rikorrent li se jagħmel użu minn tali motiv għal annullament kontra l-legalità ta’ tali att li jindika bi preċiżjonijiet suffiċjenti l-argumenti li kien iressaq fin-nuqqas tal-irregolarità proċedurali kkontestata u li huma differenti minn dawk li setgħu diġà tressqu matul il-proċedura amministrattiva qabel ma twettqet l-irregolarità kkritikata. Huwa biss billi tagħmel tali eżami li l-Qorti Ġenerali tista’ tevalwa validament jekk l-irregolarità proċedurali kontenzjuża affettwatx tabilħaqq id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent (30). Dan l-eżami bl-ebda mod ma jmur lil hinn mill-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni. Anzi, fil-fehma tiegħi, huwa jipparteċipa fil-verifika sħiħa u intiera ta’ kunsiderazzjoni żbaljata eventwali, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju (31).

154. Kunsiderazzjonijiet identiċi jimmotivaw iċ-ċaħda tal-argument ġeneriku tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, ma setgħetx tirreferi għall-argumenti tagħha dwar l-eżami fuq il-mertu tal-aġġustament kontenzjuż. Fil-fatt, sa fejn din il-kritika tikkonċerna l-NTRP, ir-riferiment li sar fil-punt 209 tas-sentenza appellata ma kellu l-ebda għan ieħor għajr li juri li, li kieku NTRP kellha l-okkażjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika l-provi li hija pproduċiet matul il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, imsemmija fil-punti 185 sa 187 tas-sentenza appellata, hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

155. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-appell ippreżentat mill-Kunsill għandu jintlaqa’ parzjalment u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata sa fejn hija tilqa’ s-sitt motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube, sa fejn jirrigwarda l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-tubi mmanifatturati minn Niko Tube, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

156. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-appell prinċipali ppreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza appellata ma semmiex aggravju identiku għal dak espost mill-Kunsill, li nipproponi li għandu jintlaqa’, nissuġġerixxi li l-appell prinċipali tal-Kummissjoni jinċaħad fl-intier tiegħu.

157. Għaldaqstant, hemm lok li issa jiġu eżaminati ż-żewġ aggravji insostenn tal-appell inċidentali ta’ Niko Tube u NTRP li jirrigwardaw evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali għajr dawk li jirrigwardaw l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

D –    Fuq l-ewwel żewġ aggravji tal-appell inċidentali ppreżentat minn Niko Tube u NTRP

158. Minbarra t-tielet aggravju li diġà ġie eżaminat, fl-appell inċidentali tagħhom, Niko Tube u NTRP iressqu żewġ aggravji oħra bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha, rispettivament, tad-determinazzjoni tal-valur normali u tal-iffissar tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni.

1.      Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li allegatament ivvizzjaw l-eżami mill-Qorti Ġenerali tad-determinazzjoni tal-valur normali

159. Qabel ma neżamina dan l-aggravju tal-appell inċidentali, li huwa maqsum f’ħames partijiet, jidhirli li jkun utli li jitfakkru l-fatti essenzjali li wasslu għall-kawża relatati mal-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 li huma s-suġġett ta’ dan l-aggravju.

a)      Il-fatti essenzjali li wasslu għall-kawża relatati mal-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4

160. Fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tat definizzjoni tal-prodott ikkonċernat (pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi) li kienet spjegata fil-kwestjonarju mibgħut lill-partijiet ikkonċernati. F’dan l-istess kwestjonarju, hija semmiet ukoll li, sabiex jitwettaq paragun xieraq tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat, hija kienet iddeċidiet li tagħmel użu minn sistema ta’ klassifikazzjoni tal-prodott imsejħa “NKP”, li tikkonsisti f’kodiċi b’sitt simboli (pereżempju, NKP JB21YN), li jiddependi b’mod partikolari mill-klassifikazzjoni doganali u minn karatteristiċi fiżiċi u tekniċi speċifiċi (dijametru, ħxuna) tal-pajpijiet u tat-tubi mingħajr saldaturi kkonċernati. It-test ta’ dan il-kwestjonarju jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet ikkonċernati għandhom jużaw in-numri tal-kontroll tal-prodotti tul ir-risposta kollha tagħhom b’mod strettament eżatt u koerenti.

161. Fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju ta’ Ġunju 2005, SPIG ipprovdiet, tranżazzjoni bi tranżazzjoni, il-lista dettaljata tal-bejgħ li għamlet fl-Ukrajna, kif ukoll lista tal-fornituri tagħha. Madankollu, SPIG ma użatx is-sistema b’sitt simboli rrakkomandata mill-Kummissjoni fil-kwestjonarju tagħha, iżda sistema ssimplifikata bi tliet simboli. Fost il-lista ta’ bejgħ mibgħuta minn SPIG kienu inklużi sitt tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kodiċi KE4. NTRP kienet tidher fil-lista bħala l-uniku fornitur ta’ pajpijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dik il-lista, ivverifikata fuq il-post, sabiex tiddetermina l-valur normali.

162. Fil-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni, wara l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, Niko Tube u NTRP sostnew li l-pajpijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4 kellhom jiġu esklużi mid-determinazzjoni għaliex huma ma kinux jaqgħu taħt il-prodott ikkonċernat jew, fi kwalunkwe każ, ma ġewx immanifatturati minnhom.

163. Fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, li kien adottat fl-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4. Dan id-dokument semma li l-Kummissjoni kienet ħadet nota tal-kummenti dwar il-bejgħ nazzjonali kklassifikat taħt il-kodiċi NKP KE4 iżda li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-informazzjoni l-ġdida pprovduta minn Niko Tube u NTRP.

164. Dawn il-kumpanniji tal-aħħar reġgħu tennew it-talba għall-esklużjoni tagħhom fir-risposta tagħhom, tal-4 ta’ Mejju 2006, għat-tieni dokument ta’ informazzjoni finali. F’din ir-risposta, ġie sostnut li l-grupp Interpipe ma kien jimmanifattura l-ebda pajp li jaqa’ taħt il-kodiċi NKP KE4 u, b’mod partikolari, it-63.1 tunnellata ta’ pajpijiet u ta’ tubi mingħajr saldaturi li jaqgħu taħt l-istandard tekniku TU 14‑3P‑197‑2001. Dejjem skont din ir-risposta, ġie indikat li jirriżulta direttament mil-listi differenti ta’ bejgħ mibgħuta lill-Kummissjoni li, għal dawn il-pajpijiet u għal dawn it-tubi mingħajr saldaturi, il-grupp Interpipe kien qed jagħmilha biss ta’ distributur u li l-pajpijiet ikklassifikati bil-kodiċi NKP KE4 kienu mmanifatturati biss minn NTRP.

165. Il-Kummissjoni reġgħet ċaħdet it-talba għal esklużjoni fil-faks tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2006, b’mod partikolari, minħabba li d-data dwar dawn il-pajpijiet ma kinitx qed tagħti livell ta’ garanzija suffiċjenti, fin-nuqqas ta’ verifika ġdida fuq il-post ikkunsidrata bħala wisq problematika biex tiġi organizzata daqshekk tard fil-proċedura amministrattiva.

166. Fir-rikors tagħhom għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, Niko Tube u NTRP sostnew li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi inkludew fid-determinazzjoni tal-valur normali, u b’hekk tal-marġni ta’ dumping, id-data relatata mal-pajpijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14‑3P‑197‑2001, li huma kienu kisru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tad-difiża kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni.

167. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha.

168. Fir-rigward tal-eżami tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kkritikat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li jinkludi wkoll ksur tal-obbligu ta’ diliġenza, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-provi prodotti minn dawn tal-aħħar quddiem il-Kummissjoni matul l-investigazzjoni kinux suffiċjenti biex jiġi konkluż li huma ma kinux jipproduċu l-pajpijiet atomiċi li jagħu taħt l-NKP KE4, b’tali mod li l-Kummissjoni naqset milli teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, il-provi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li dawn l-elementi kellhom ikunu s-suġġett ta’ żjara oħra ta’ verifika fl-istabbilimenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza.

169. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza qatt ma niżżlu l-istandard TU 14‑3P‑197‑2001 fil-lista tal-bejgħ nazzjonali u għall-esportazzjoni tagħhom, li hija indikazzjoni li huma ma bigħux pajpijiet atomiċi, lanqas lil SPIG. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat li l-listi tal-ispejjeż tal-produzzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu juru li l-prodotti msemmija f’dawn il-listi ma kinux immanifatturati skont l-imsemmi standard.

170. Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li l-lista tal-bejgħ fis-suq nazzjonali ta’ SPIG kienet tirreferi għal sitt tranżazzjonijiet li jirrigwardaw pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u li kienu mmanifatturati skont l-istandard tekniku msemmi iktar ’il fuq. Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, hija żiedet li l-lista ta’ fornituri u ta’ xiri ta’ SPIG semmiet biss fornitur wieħed għall-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, jiġifieri NTRP. Issa, f’din il-lista kellhom jidhru biss il-fornituri li l-prodotti tagħhom inbiegħu mill-ġdid fl-Unjoni. Sa fejn il-provi tal-proċess kienu jikkonfermaw li l-pajpijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4 u taħt l-istandard tekniku TU 14‑3P‑197‑2001 kienu nbiegħu mill-ġdid fis-suq Ukrajn u li l-pajpijiet kollha li jaqgħu taħt l-imsemmi kodiċi iżda li ma jaqgħux taħt l-imsemmi standard tekniku, immanifatturati minn NTRP, inbiegħu mill-ġdid fis-suq Komunitarju minn SPIG, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li SPIG ma wettqet l-ebda żball billi, fil-lista tagħha ta’ fornituri u ta’ xiri ma semmiet l-ebda fornitur ieħor tal-pajpijiet li jaqa’ taħt il-kodiċi NKP KE4 minbarra NTRP.

171. Madankollu, il-Qorti Ġenerali nnotat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li l-fatt, minn naħa, li l-lista tal-bejgħ nazzjonali ta’ SPIG kienet issemmi tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14‑3P‑197‑2001 u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ fornituri u ta’ xiri ta’ SPIG kienet tagħmel riferiment biss għal fornitur wieħed tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, seta’ kkawża konfużjoni għall-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-investigazzjoni. Minn dan kollu, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, hija ddeduċiet li, wara evalwazzjoni diliġenti tar-risposti għall-kwestjonarju mibgħuta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u minn SPIG, il-kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ assoċjata tagħhom, il-Kummissjoni kellha informazzjoni kontradittorja jew, għall-inqas, informazzjoni li l-validità tagħha setgħet titqiegħed inkwistjoni mingħajr ma r-rikorrenti fl-ewwel istanza pprovaw inaqqsu d-dubju tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ dawn il-kontradizzjonijiet. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kellhom ikunu dawn tal-aħħar li jipproduċu l-prova li s-sitt tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw xiri minn SPIG ta’ pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u taħt l-istandard tekniku TU 14‑3P‑197‑2001 lil fornitur indipendenti, li huma baqgħu ma għamlux. Minn dan hija kkonkludiet li l-Kummissjoni wettqet l-obbligu tagħha li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, il-fatturi kollha tal-każ inkwistjoni, li l-valur normali b’hekk ġie ddeterminat b’mod raġonevoli, f’konformità mal-ġurisprudenza u li l-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

172. Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkwantu l-Kunsill aċċetta li jeskludi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping prodotti li ma kinux manifatturati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza li jaqgħu taħt ċerti kodiċijiet NKP iżda mhux il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14‑3P‑197‑2001, fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li filwaqt li dawn il-pajpijiet tal-aħħar kienu prodotti minn NTRP, il-pajpijiet li jaqgħu taħt NKP oħrajn ma kienu jidhru mkien fil-listi ta’ bejgħ jew ta’ spejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u li, barra minn hekk, il-lista tal-fornituri u tax-xiri ta’ SPIG kienet issemmi fornitur wieħed biss għall-NKP KE4, jiġifieri NTRP. Għaldaqstant, hija ċaħdet dan il-motiv.

173. Barra minn hekk, fil-punti 67 sa 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motivi bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

b)      Fuq il-ħames partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

174. Fl-ewwel lok, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ċaħdet il-motivi fl-ewwel istanza tagħhom ibbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fit-tieni lok, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju. Fit-tielet lok, Niko Tube u NTRP jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar motiv supplimentari mressaq fl-ewwel istanza. Fir-raba’ lok, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-dmir ta’ diliġenza. Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, hija żnaturat is-sens ċar tal-provi.

c)      Fuq l-ewwel żewġ partijiet, ibbażati rispettivament, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq il-ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju

i)      L-argumenti tal-partijiet

175. Anki jekk Niko Tube u NTRP jirrikonoxxu li kienu f’pożizzjoni li waqt il-proċedura fl-ewwel istanza jesprimu fehmthom dwar il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali, huma jallegaw li din tal-aħħar kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta bbażat ruħha, fil-punti 47 sa 55 kif ukoll 59 u 60 tas-sentenza appellata, fuq provi ġodda tal-kawża li ma kinux ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva. Dan kien il-każ tal-motivazzjoni l-ġdida ppreżentata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni biex jiġġustifikaw l-esklużjoni żbaljata tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, kif ukoll ta’ fatti ġodda sottomessi li allegatament jissostanzjaw din il-motivazzjoni l-ġdida, bħar-rilevanza tal-lista tal-fornituri u tax-xiri ta’ SPIG, l-allegazzjoni tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni fit-traduzzjonijiet u l-allegat nuqqas ta’ provi fir-rigward tal-fornitur tal-imsemmija pajpijiet atomiċi. Fit-tieni parti tal-aggravju tagħhom, Niko Tube u NTRP ifakkru li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni motivazzjoni ġdida insostenn taċ-ċaħda tat-talba tagħhom għall-esklużjoni tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4.

176. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, partikolarment konfuża, għandha tinċaħad. Minbarra l-fatt li Niko Tube u NTRP ma jidentifikawx il-provi li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ma tathomx id-dritt għal smigħ, dawn l-istituzzjonijiet isostnu li dawn il-kumpanniji jikkonfondu d-drittijiet tad-difiża mal-obbligu ta’ motivazzjoni. Dwar dan l-aspett tal-aħħar, il-Kunsill jinnota li Niko Tube u NTRP bl-ebda mod ma jidentifikaw l-allegati “provi ġodda” li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali. Skont il-Kunsill, dawn l-allegati “provi ġodda” ma huma xejn iktar ħlief spjegazzjonijiet supplimentari insostenn tal-konstatazzjonijiet tal-istituzzjonijiet inklużi fit-tieni dokument ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ April 2006, u fejn jingħad li t-talba għall-esklużjoni tas-sitt tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 ma tistax tiġi aċċettata għaliex hija kienet teħtieġ verifika supplimentari tal-informazzjoni l-ġdida. Fi kwalunkwe każ, billi l-istituzzjonijiet ma humiex suġġetti li jiċċitaw biss il-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat l-att tagħhom kif ukoll il-korrispondenza mal-partijiet, huma jistgħu jiżviluppaw iktar il-pożizzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandha tinċaħad għal raġunijiet simili. Il-Qorti Ġenerali aġixxiet fil-limiti tal-istħarriġ tagħha.

ii)    Analiżi

177. Sa fejn għandha l-għan li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-rekwiżiti tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u NTRP, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, fil-fehma tiegħi, għandha tinċaħad. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji tal-aħħar baqgħu manifestament ma identifikawx il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li dwarhom ma nstemgħux mill-Qorti Ġenerali. Huma jammettu wkoll li setgħu kienu f’pożizzjoni li jesprimu fehmthom dwar il-provi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha esposta fil-punti 45 sa 54, kif ukoll fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata.

178. Barra minn hekk, u għal kull fini utli, għandu jiġi osservat li Niko Tube u NTRP ma jikkritikawx, fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħhom, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 67 tas-sentenza appellata, dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom li wettqu l-istituzzjonijiet fir-rigward tat-talba tagħhom għall-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4.

179. Iktar milli ksur tad-drittijiet tad-difiża, fil-fatt qed jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, meta ħadet inkunsiderazzjoni motivi, insostenn taċ-ċaħda tat-talba ta’ Niko Tube u NTRP għall-esklużjoni tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 mid-determinazzjoni tal-valur normali, li ma jirriżultawx mill-proċedura amministrattiva.

180. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali b’hekk qed tiġi konfuża, essenzjalment, mat-tieni parti, ibbażata eżattament fuq deċiżjoni meħuda ultra vires mill-Qorti Ġenerali.

181. Jidhirli li dan l-ilment għandu jinċaħad.

182. Qabel kollox, inqis li l-allegazzjoni ta’ Niko Tube u NTRP, imressqa fl-appell inċidentali tagħhom, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq punti ta’ fatt ġodda ma tistax tintlaqa’. Mill-punti rilevanti tas-sentenza appellata fil-fatt jirriżulta li sabiex teżamina l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni provi li jirriżultaw mid-dokumenti skambjati matul il-proċedura amministrattiva.

183. Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, sabiex ikun ivverifikat, kif talbu li jsir ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħad it-talba tagħhom għall-esklużjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali u tal-marġni ta’ dumping tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 minħabba li huma ma kinux jimmanifatturawhom, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod partikolari l-motivazzjoni li fuqha saret din iċ-ċaħda fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest fattwali li fih ġiet adottata dik il-motivazzjoni. Issa, tali eżami huwa minnu nnifsu nieqes minn żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet, iżda sempliċement issostitwixxiet fil-kuntest tagħha ċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, meta osservat, b’mod partikolari, il-fatt li l-lista tal-fornituri u tax-xiri ta’ SPIG kienet issemmi fornitur wieħed biss tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, jiġifieri NTRP, li seta’ jkollu impatt fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux jimmanifatturaw l-imsemmija pajpijiet.

184. Tali kuntest żgur li ma jistax jiġi injorat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li inċidentalment juri, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni, li saret fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li huma kienu bagħtu rċevuti li suppost kienu relatati mas-sitt tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 li ssemmew bi żball fil-lista ta’ bejgħ ta’ SPIG.

185. Nissuġġerixxi għalhekk li l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali jinċaħdu.

d)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ risposta għal motiv

i)      L-argumenti tal-partijiet

186. Niko Tube u NTRP jallegaw li fir-replika fl-ewwel istanza tagħhom huma sostnew li l-ispjegazzjonijiet u l-allegazzjonijiet esposti fir-risposta tal-Kunsill kienu tardivi u li ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan il-motiv, kif juri r-rapport għas-seduta tal-kawża, iżda ma tatx risposta dwaru fis-sentenza kontenzjuża.

187. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li din il-parti hija inammissibbli u fi kwalunkwe każ infondata.

ii)    Analiżi

188. Li kieku kellu jitqies li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ressqu motiv ġdid matul il-kawża, ibbażat fuq l-allegata tardività tal-motivazzjoni insostenn tar-regolament kontenzjuż, li l-Qorti Ġenerali messha tat risposta dwaru, għandu jiġi kkonstatat li hija rrispondiet, b’mod impliċitu iżda neċessarju, għal dan il-motiv u injoratu meta eżaminat ir-raġunijiet esposti mill-istituzzjonijiet fid-dawl tal-kuntest li kienu jagħmlu parti minnu.

189. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandha tinċaħad.

e)      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-dmir ta’ diliġenza

i)      L-argumenti tal-partijiet

190. Skont Niko Tube u NTRP, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ diliġenza meta kkunsidrat, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, li żewġ raġunijiet leġittimi, fuq l-għaxra mressqa mill-Kunsill biex tiċħad it-talba tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-esklużjoni tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 mid-determinazzjoni tal-valur normali, kienu suffiċjenti biex juru li, komplessivament, il-Kummissjoni aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa.

191. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, permezz ta’ din il-parti, Niko Tube u NTRP biħsiebhom, b’mod definittiv, jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali, xi ħaġa li hija inammissibbli fl-istadju ta’ appell. Il-Kunsill ifakkar ukoll li l-prinċipju tad-dmir ta’ diliġenza huwa ta’ natura proċedurali filwaqt li Niko Tube u NTRP jikkontestaw ir-riżultat tal-eżami tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali u l-konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet. Il-Kunsill iżid li l-allegazzjonijiet ta’ Niko Tube u NTRP, jiġifieri li l-parti l-kbira tal-argumenti tiegħu ġew iddikjarati irrilevanti jew miċħuda mill-Qorti Ġenerali, huma qarrieqa u ineżatti.

ii)    Analiżi

192. Huwa paċifiku li meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-importanza tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija fundamentali. Fost dawn il-garanziji, hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ (32).

193. F’dan il-kuntest, kif essenzjalment fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza appellata u mingħajr ma dan kien ikkontestat mill-partijiet, fil-qasam tal-miżuri antidumping fejn il-qorti tal-Unjoni ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-istituzzjonijiet, hija għandha madankollu tiżgura ruħha li dawn tal-aħħar ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma jkunu evalwaw l-elementi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali ġie stabbilit b’mod raġonevoli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (33).

194. B’din il-parti, Niko Tube u NTRP isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx ġustament tikkonstata li l-istituzzjonijiet kienu eżaminaw bid-diliġenza kollha meħtieġa d-data dwar il-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, anki jekk hija ċaħdet jew iddeċidiet li ma kinux rilevanti tmienja mill-għaxar raġunijiet li dawn l-istituzzjonijiet ibbażaw irwieħhom fuqhom sabiex jinkludu lil dawn il-pajpijiet fid-determinazzjoni tal-valur normali u tal-marġni ta’ dumping.

195. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx korrettement li l-istituzzjonijiet kienu osservaw id-dmir ta’ diliġenza tagħhom hija kwistjoni tad-dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (34).

196. Indipendentement mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ma elenkatx lista ta’ għaxar fatturi, iżda fakkret, fil-punti 33 sa 37 tas-sentenza appellata, il-ħames gruppi ta’ motivi li wasslu lill-istituzzjonijiet sabiex jiċħdu t-talba għall-esklużjoni tal-pajpijiet NKP KE4 mid-determinazzjoni tal-valur normali u tal-marġni ta’ dumping, l-argument ta’ Niko Tube u NTRP huwa bbażat, fil-fehma tiegħi, fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tas-sentenza appellata.

197. Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-punt 48 tas-sentenza appellata, bil-kontra ta’ dak li qed isostnu Niko Tube u NTRP, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-argument li SPIG semmiet biss lil NTRP bħala l-uniku fornitur tal-imsemmija pajpijiet kien “infondat”. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “SPIG […] ma kkommettiet l-ebda żball billi […] ma semmiet l-ebda fornitur ieħor ħlief NTRP”.

198. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni speċifikament dwar uħud mill-fatturi elenkati fl-appell inċidentali ta’ Niko Tube u NTRP ma għandux jiġi interpretat bħala l-konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn il-fatturi kienu “nieqsa minn kull rilevanza”. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi perfettament, għal kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li hija ma kellhiex, fil-kuntest tal-eżami ta’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li kellhom jipprovaw ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, tistħarreġ l-argumenti kollha esposti mill-istituzzjonijiet insostenn tal-konklużjoni tagħhom, inkwantu wħud mir-raġunijiet esposti kienu suffiċjenti biex tkun sostnuta l-imsemmija konklużjoni.

199. Issa, Niko Tube u NTRP stess jammettu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien “tħassib leġittimu” l-fatt li huma kienu naqsu milli jipproduċu l-provi li jistabbilixxu b’mod ċar li l-pajpijiet inkwistjoni kienu nxtraw mingħand terz indipendenti u mhux mingħand NTRP u l-fatt li, waqt iż-żjara ta’ verifika fuq il-post, il-Kummissjoni ma kinitx qajmet il-kwistjoni tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 sa fejn ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux għadhom ressqu t-talba tagħhom għall-esklużjoni tal-imsemmija pajpijiet. Il-fatt li Niko Tube u NTRP ma humiex konvinti minn din l-evalwazzjoni tal-aħħar u qed jipprovaw jikkontestawha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żgur li ma jikkostitwixxix kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ appell (35). Fir-rigward tal-konstatazzjoni li Niko Tube u NTRP ma pproduċewx il-provi li l-pajpijiet inkwistjoni kienu nxtraw mingħand terz indipendenti, f’din il-parti, dawn il-kumpaniji ma jidentifikaw l-ebda żball ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

200. Fi kwalunkwe każ, li kieku wieħed kellu jippreżumi li l-Qorti Ġenerali eventwalment iddeċidiet li wħud mill-argumenti esposti mill-istituzzjonijiet irriżulta li kienu irrilevanti, dan ma jfissirx li dawn tal-aħħar naqsu milli jeżaminaw b’attenzjoni u b’imparzjalità l-provi kollha li ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva.

201. Konsegwentement, nipproponi li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandha tinċaħad.

f)      Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-iżnaturament tas-sens ċar tal-provi

i)      L-argumenti tal-partijiet

202. Sussidjarjament, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-informazzjoni ppreżentata matul il-proċedura amministrattiva mir-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħet tikkawża konfużjoni għall-uffiċjali tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni kellha informazzjoni diverġenti (il-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata), li l-Kummissjoni użat id-diliġenza kollha meħtieġa (il-punt 52) u li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma pprovawx inaqqsu d-dubju ta’ din tal-aħħar (il-punt 51 tas-sentenza appellata).

203. Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-ħames parti hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata. B’mod partikolari, Niko Tube u NTRP la pprovaw l-iżnaturament tal-provi u lanqas żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali li wassal għal tali żnaturament u llimitaw ruħhom sabiex ikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali billi invokaw argumenti li diġà kienu nċaħdu minn din tal-aħħar.

ii)    Analiżi

204. Kif diġà indikajt, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-iżnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

205. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, allegat żnaturament tal-fatti jew tal-provi għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (36).

206. Insostenn tal-ewwel allegazzjoni tagħhom, Niko Tube u NTRP isostnu li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, ir-risposta tagħhom għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni ma kienx fiha data kontradittorja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ammettiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li Niko Tube u NTRP ma kinux jimmanifatturaw pajpijiet atomiċi. Għalhekk kien ċar li dawn il-pajpijiet setgħu jinxtraw biss mingħand entità oħra li ma hijiex NTRP.

207. Dan l-argument għandu jinċaħad.

208. Qabel kollox, Niko Tube u NTRP ma jidentifikawx eżattament liema provi żnaturat il-Qorti Ġenerali.

209. Sussegwentement, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex abbażi tal-eżami tar-risposti għall-kwestjonarju ta’ Niko Tube u NTRP waħedhom iżda anki abbażi tal-eżami tar-risposta tal-kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ assoċjata tagħhom, SPIG, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha informazzjoni kontradittorja. Issa, Niko Tube u NTRP ma jallegawx li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-risposta ta’ SPIG għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni li permezz tagħha, b’mod partikolari l-lista tal-bejgħ fis-suq Ukrajn, sar riferiment għal tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pajpijiet NKP KE4 u l-lista tal-fornituri ta’ din il-kumpannija indikat lil NTRP bħala l-uniku fornitur tal-imsemmija pajpijiet, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata. Sa fejn id-data inkluża f’din ir-risposta setgħet tikkontradixxi dik li kienet tidher fir-risposti ta’ Niko Tube u NTRP li dawn tal-aħħar lanqas ma jallegaw li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, din tal-aħħar ġustament iddeċidiet li, wara evalwazzjoni diliġenti tar-risposti għall-kwestjonarju tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u tal-kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ assoċjata tagħhom, SPIG, il-Kummissjoni kellha informazzjoni kontradittorja jew, għall-inqas, li l-validità tagħha setgħet titqiegħed inkwistjoni.

210. It-tieni lment jista’ validament jinċaħad għall-istess raġunijiet.

211. Bit-tielet kritika tagħhom, li tirrigwarda l-punt 51 tas-sentenza appellata, Niko Tube u NTRP jallegaw li n-nuqqas ta’ traduzzjoni għall-Ingliż tal-irċevuti tax-xiri ta’ SPIG ma kienx ħlief skuża biex ikun deċiż li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma pprovawx inaqqsu d-dubju tal-Kummissjoni fid-dawl tar-risposti kontradittorji. Skonthom, jirriżulta b’mod ċar minn dawn l-irċevuti, annessi mar-risposta tal-Kunsill ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-pajpijiet atomiċi kienu nxtraw minn SPIG mingħand kumpannija mhux assoċjata.

212. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sabiex tissostanzja l-konstatazzjoni tagħha, jiġifieri li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma pprovawx inaqqsu d-dubju tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari, minn naħa, li waqt seduta tal-24 ta’ Marzu 2006, dawn tal-aħħar kienu pprovdew lill-Kummissjoni b’diversi dokumenti redatti bl-Ukrajn, li allegatament kienu rċevuti relatati mas-sitt tranżazzjonijiet imsemmija b’mod żbaljat fil-lista tal-bejgħ ta’ SPIG, u li, min-naħa l-oħra, minkejja li rriżulta li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, matul is-seduta, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx talbet, waqt l-imsemmija seduta, traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti, għandu jiġi kkonstatat li kellhom ikunu r-rikorrenti fl-ewwel istanza li jipproduċu l-prova tal-allegazzjonijiet tagħhom, jiġifieri li dawn it-tranżazzjonijiet kienu jirrigwardaw xiri minn SPIG tal-pajpijiet kontenzjużi mingħand fornitur indipendenti.

213. Issa, ninnota li Niko Tube u NTRP bl-ebda mod ma rriproduċew jew ehmżu l-irċevuti inkwistjoni mal-appell inċidentali tagħhom sabiex jipprovaw l-allegat żnaturament mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn id-dokumenti, iżda llimitaw ruħhom sabiex jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja għal anness għar-risposta tal-Kunsill prodott quddiem il-Qorti Ġenerali li kien jinkludi kopja tal-imsemmija dokumenti. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 205 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn il-fatti, fil-fehma tiegħi, jistgħu jkunu suffiċjenti biex dan l-ilment jinċaħad.

214. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li żnaturat dawn il-provi, anki jekk huwa paċifiku li Niko Tube u NTRP qatt ma indikaw eżattament il-partijiet ta’ dawn id-dokument li juru, b’mod ċar, li l-pajpijiet kontenzjużi nxtraw minn SPIG mingħand kumpannija oħra li ma hijiex NTRP u mingħajr ma kienet ipprovduta traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni tas-siltiet rilevanti mill-imsemmija dokumenti. Għalkemm kif isostnu Niko Tube u NTRP fl-appell inċidentali tagħhom, dawn id-dokumenti kellhom l-importanza li qed jagħtuhom issa dawn il-kumpanniji għall-finijiet tal-esklużjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, mingħajr ebda dubju għandhom ikunu dawn il-kumpanniji li jqiegħdu lill-istituzzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jivverifikaw b’mod sħiħ l-awtentiċità u l-kontenut tal-imsemmija dokumenti.

215. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nikkunsidra li hemm lok li l-ħames parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tinċaħad.

216. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li dan l-aggravju għandu jinċaħad kollu kemm hu.

2.      Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li allegatament ivvizzjaw l-eżami tal-Qorti Ġenerali fl-iffissar tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

217. It-tieni aggravju tal-appell inċidentali jirreferi għall-motivi tas-sentenza appellata relatati mal-“konsegwenzi tan-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi [tal-Unjoni]”.

218. Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza sostnew li, sa fejn kull wieħed mill-ħames produtturi tal-Unjoni ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi magħżula fil-kampjun tal-Kummissjoni kien assoċjat ma’ kumpannija waħda jew iktar li jieħdu ħsieb il-produzzjoni jew il-bejgħ li ma ppreżentawx risposta separata għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, dawn il-ħames produtturi ma setgħux jitqiesu li kkooperaw kompletament. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jargumentaw li dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni messu wassal lill-istituzzjonijiet sabiex iġibu fi tmiemha l-investigazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, l-allegata ħsara kkawżata lill-Unjoni mill-prattika tad-dumping li ġew akkużati biha kienet ibbażata b’mod partikolari fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tad-drittjiet tad-difiża tagħhom.

219. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-ħames motivi li ġejjin li tressqu mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku; il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni; il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku; il-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

220. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha.

221. Fit-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħhom, Niko Tube u NTRP essenzjalment jikkritikaw il-motivi tas-sentenza appellata relatati mal-eżami tal-ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku (il-punti 88 sa 112 tas-sentenza appellata) u tal-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku (il-punti 130 sa 135 tas-sentenza appellata).

222. Huwa minnu li, fil-punt 187 tal-appell inċidentali, Niko Tube u NTRP isemmu wkoll żball ta’ liġi mwettaq fil-punt 141 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami tal-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali żviluppat l-argument imressaq f’dan il-punt tas-sentenza appellata biss “sussidjarjament”. Issa, skont il-ġurisprudenza, u fid-dawl tal-fatt li Niko Tube u NTRP bl-ebda mod ma kkritikaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta prinċipalment fil-punt 140 tas-sentenza appellata, aggravju mressaq kontra motiv mogħti għal finijiet ta’ kompletezza ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huwa ineffettiv (37).

223. Kif redatt, it-tieni aggravju tal-appell inċidentali jinqasam f’għaxar partijiet. Tmienja minn dawn il-partijiet huma diretti kontra l-punti 88 sa 112 tas-sentenza appellata, jiġifieri kontra l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-“ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku”. Tnejn minn dawn il-partijiet huma diretti kontra l-eżami, imwettaq fil-punti 130 sa 135 tas-sentenza appellata, tal-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku.

224. Biħsiebni neżamina dawn iż-żewġ gruppi ta’ partijiet, wieħed wara l-ieħor.

b)      Fuq it-tmien partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku

i)      Il-fatti essenzjali tal-aspetti rilevanti li wasslu għall-kawża u l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

225. Kif jirriżulta mill-punt 12 tar-regolament kontenzjuż, minħabba n-numru kbir ta’ persuni li lmentaw mill-prattika li biha qed jiġu akkużati b’mod partikolari Niko Tube u NTRP, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku, illimitat l-investigazzjoni tagħha għal kampjun rappreżentattiv ta’ ħames produtturi tal-Unjoni li sostnew l-ilment, li kellhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’erba’ Stati Membri u li kienu jirrappreżentaw 49 % tal-produzzjoni totali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Ir-regolament kontenzjuż isemmi wkoll, minn naħa, li l-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil dawn il-produtturi, li bagħtulha r-risposti tagħhom u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet verifika fuq il-post tal-informazzjoni miġbura mingħand dawn il-kumpanniji. Ir-regolament kontenzjuż jinkludi wkoll, skont l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku, eżami tal-impatt tal-fatturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll eżami tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u l-ħsara subita, b’mod partikolari bil-verifika tal-effetti ta’ fatturi esterni oħra, skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-regolament bażiku. Fl-aħħar nett, fil-punti 234 u 235 tar-regolament kontenzjuż, jingħad li, skont ir-regola tad-dazju inqas prevista fl-Artikolu 9 tar-regolament bażiku, id-dazji antidumping definittivi stabbiliti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat huma ffissati fuq il-livell tal-iktar marġni baxx (dumping jew ħsara), jiġifieri, f’dan il-każ, il-marġni ta’ dumping.

226. Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza allegaw, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni waqt l-investigazzjoni ta’ tużżana kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun tal-Kummissjoni żnatura l-evalwazzjoni tal-ħsara subita mill-industrija tal-Unjoni, li wassal għal ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku. Dan l-artikolu fil-fatt jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-ħsara tiġi ffissata fuq il-bażi ta’ provi pożittivi.

227. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv.

228. Qabel kollox, din tal-aħħar fakkret, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom is-setgħa li jġiegħlu lill-kumpanniji jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew li jagħtu xi informazzjoni, iżda huma jiddependu mill-kooperazzjoni volontarja tal-kumpanniji, li jimplika li r-risposti tal-partijiet ikkonċernati għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku huma essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping.

229. Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat li, minkejja l-imsemmi artikolu, mill-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-informazzjoni ppreżentata taħt forma oħra minn dik ta’ risposta għal kwestjonarju jew fil-kuntest ta’ dokument ieħor ma għandhiex tiġi injorata meta l-erba’ kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu jkunu sodisfatti. Għaldaqstant, minn dan hija ddeduċiet li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa ta’ kumpannija assoċjata ma’ produttur tal-Unjoni ma kienx jimplika bilfors li dan il-produttur għandu jitqies li ma kkooperax mal-investigazzjoni. Għalhekk, kif tgħid il-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza appellata, l-imsemmi produttur ma jitqiesx li ma kkooperax jekk in-nuqqasijiet fil-produzzjoni tal-informazzjoni ma jkollhomx impatt sinjifikattiv fuq il-mod kif tiżvolġi l-investigazzjoni.

230. Fir-rigward tal-eżami tal-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali qabel kollox osservat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, minn naħa, li ebda risposta għall-kwestjonarju ma kienet ġiet ippreżentata minn ħdax-il kumpannija assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni u li, min-naħa l-oħra, risposta tardiva ntbagħtet minn kumpannija oħra assoċjata mal-imsemmija produtturi, risposta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ħsara.

231. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, għal kull waħda minn dawn it-tużżana kumpanniji assoċjati, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku kinux sodisfatti b’tali mod li seta’ jiġi eskluż li żball manifest ta’ evalwazzjoni seta’ vvizzja l-iffissar tal-ħsara u d-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara. Fi tmiem eżami dettaljat tad-data relatata ma’ dawn il-kumpanniji assoċjati, li kien mifrux mill-punt 97 sal-punt 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, essenzjalment li, jew għal uħud minn dawn il-kumpanniji, id-data diġà kienet inkluża fir-risposti għall-kwestjonarju ppreżentati mill-produtturi tal-Unjoni li pparteċipaw fl-investigazzjoni, b’mod partikolari għaliex dawn kienu kumpanniji ta’ kummerċ, jew li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa ta’ kumpanniji assoċjati oħra ma kellux impatt sinjifikattiv fuq l-iffissar tal-ħsara jew, fir-rigward ta’ waħda mill-kumpanniji assoċjati, li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju seta’ jiġi spjegat bil-fatt li hija la kienet tintervjeni fil-bejgħ u lanqas fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

232. Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara, li ġiet eżaminata fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li, skont l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku, dan il-marġni jintuża sabiex tiġi ffissata r-rata tad-dazju antidumping biss meta l-marġni ta’ dumping ikun ogħla minnu. F’dan il-każ, wara li osservat li r-rata tad-dazju antidumping imposta fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet ibbażata fuq il-marġni ta’ dumping, jiġifieri 25.7 %, u mhux fuq il-marġni ta’ ħsara ta’ 57 %, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet “[l]i kieku l-marġni ta’ ħsara kien ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ applikati mill-produtturi [tal-Unjoni] fir-rigward [tal-kumpanniji assoċjati li jieħdu ħsieb il-bejgħ li intervjenew fis-suq tal-prodott ikkonċernat], il-bejgħ lil dawn il-kumpanniji kien jirrappreżenta, l-iktar, 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija [tal-Unjoni]. Għalhekk, kien ikun meħtieġ, kif jirrileva l-Kunsill, li l-prezzijiet tal-bejgħ applikati minn dawn il-kumpanniji assoċjati jkunu totalment sporporzjonati meta mqabbla ma’ dawk ta’ bejgħ ieħor meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara sabiex dan tal-aħħar jitpoġġa f’livell inqas minn dak tal-marġni ta’ dumping”.

233. Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ikkonkludiet li l-Kunsill ma kkommetta l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ risposta għall-kwestjonarju, mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun, ma żnatura la l-iffissar tal-ħsara u lanqas id-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara u ma marx kontra l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku.

ii)    L-argumenti tal-partijiet

234. Fl-ewwel u fit-tieni partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, Niko Tube u NTRP jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrispondietx direttament għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku, iżda billi ssuġġettat l-analiżi ta’ dan tal-aħħar għall-kwistjoni tal-osservanza tal-Artikolu 18(3) tal-istess regolament. Billi l-iffissar tal-ħsara ma kienx ibbażat fuq parti sinjifikattiva mill-industrija tal-Unjoni, hija ma bbażatx ruħha fuq provi pożittivi. Fit-tieni parti, Niko Tube u NTRP jsostnu li n-neċessità li jsir eżami oġġettiv, skont l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku, jimplika, minn naħa, li bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 100 u 108 tas-sentenza appellata, kumpannija li tieħu ħsieb il-produzzjoni assoċjata ma’ produttur ikkunsidrat fil-kampjun, bħala prinċipju, hija obbligata li tikkoopera ma’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-bejgħ tan-negozjant assoċjat, imsemmi fil-punt 103 tas-sentenza appellata, jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni.

235. Fit-tielet u fir-raba’ partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, Niko Tube u NTRP jilmentaw li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat jew, għall-inqas, b’mod mhux komplet, l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku. Fl-ewwel lok, minbarra l-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni tal-kumpannija assoċjata eżaminata fil-punt 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx liema kien l-impatt individwali tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni fuq il-bejgħ u l-produzzjoni tal-produtturi individwali. Barra minn hekk, hija messha vverifikat l-impatt fuq il-produzzjoni u l-bejgħ kollu tal-industrija tal-Unjoni fl-intier tagħha u mhux tal-produtturi tal-Unjoni li minnhom oriġina l-ilment. Il-metodu użat mill-Qorti Ġenerali ma jippermettix, skont Niko Tube u NTRP, li tiġi stabbilita “sejba preċiża b’mod raġjonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 18(3) imsemmi iktar ’il fuq. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset b’mod sistematiku milli teżamina l-erba’ kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

236. Fil-ħames, fis-sitt u fit-tmien partijiet, Niko Tube u NTRP jallegaw li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju u marret kontra d-drittijiet tad-difiża billi aċċettat li l-istituzzjonijiet jissottomettu spjegazzjonijiet u fatti li ma kinux ġew ikkomunikati matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tatx il-possibbiltà lir-rikorrenti fl-ewwel istanza li jagħmlu osservazzjonijiet fuq fatti li ma jistgħux jintrabtu mal-provi prodotti b’mod tardiv. Niko Tube u NTRP isemmu, b’mod partikolari, il-fatt, imsemmi fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ lil ċerti kumpanniji assoċjati ma kienx jirrappreżenta iktar minn 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni.

237. Fl-aħħar nett, fis-seba’ parti, Niko Tube u NTRP jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar ta’ ċerti provi msemmija fil-punti 100, 102, 104, 107 u 109 tas-sentenza appellata, billi tat iktar piż lil ċerti ċifri b’detriment ta’ data oħra inkluża fil-proċess.

238. Fir-risposti tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproponu li dawn il-partijiet kollha għandhom jinċaħdu għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

iii) Analiżi

–       Fuq l-ewwel żewġ partijiet

239. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament bażiku, it-terminu “ħsara” ifisser, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, b’mod partikolari ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(2), il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

240. Fl-ewwel żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju, Niko Tube u NTRP essenzjalment jallegaw, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx korrettement il-motiv żviluppat fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku billi ssuġġettat l-imsemmi ksur għall-osservanza tal-Artikolu 18(3) tal-imsemmi regolament; it-tieni nett, ma jistax isir eżami oġġettiv tal-ħsara jekk ma jkunx ibbażat fuq parti sinjifikattiva mill-industrija tal-Unjoni u, it-tielet nett, li kumpannija assoċjata ma’ produttur tal-Unjoni, li minnu oriġina l-ilment, għandha dejjem tkun obbligata tikkollabora u tipprovdi data.

241. Nissuġġerixxi li dawn iż-żewġ partijiet għandhom jinċaħdu.

242. Qabel kollox, għandu jitfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza allegaw il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni li żnatura l-iffissar oġġettiv tal-ħsara. Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza semmew il-każ ta’ ħdax-il kumpannija assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni kkunsidrati fil-kampjun, kumpanniji li, skont Niko Tube u NTRP, ma ppreżentawx riposta separata għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni jew ippreżentawha b’mod tardiv (38).

243. Konsegwentement, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddelimitat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku, għall-kwistjoni dwar jekk, kif allegaw ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-fatt li l-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni kkunsidrati fil-kampjun ma ppreżentawx risposta separata għall-kwestjonarju kienx jimplika, min-naħa ta’ dawn il-produtturi, nuqqas ta’ kooperazzjoni li żnatura l-analiżi tal-ħsara.

244. Sussegwentement, f’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi kien ġuridikament korrett li jiġi deċiż, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, li nuqqas ta’ risposta jew risposta inkompleta għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-regolament bażiku, min-naħa ta’ waħda mill-kumpanniji assoċjati ma’ produttur tal-Unjoni kkunsidrat fil-kampjun tal-investigazzjoni, ma kienx jimplika li dan il-produttur għandu jiġi kkunsidrat li ma kkooperax u għaldaqstant jiġi eskluż mill-investigazzjoni.

245. Fil-fatt, meta jkun ġie deċiż, bħal f’dan il-każ fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, li jintgħażel kampjun, l-Artikolu 17(4) tar-regolament bażiku jipprovdi li jista’ jintgħażel kampjun ġdid meta jkun hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni minn ftit jew ħafna mill-partijiet magħżula li x’aktarx materjalment jaffettwaw ir-riżultat tal-investigazzjoni.

246. In-natura inkompleta tar-risposti għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni minħabba r-rifjut ta’ ċerti kumpanniji assoċjati ma’ produttur tal-Unjoni kkunsidrat fil-kampjun li jirrispondu separatament għal dan il-kwestjonarju fiha nfisha ma għandhiex twassal għall-esklużjoni tal-imsemmi produttur b’tali mod li jkollu jintgħażel kampjun ġdid.

247. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku jipprevedi wkoll li “[f]ejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’”.

248. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li produttur tal-Unjoni kkunsidrat fil-kampjun ma jitqiesx li ma kkooperax jekk in-nuqqasijiet fil-produzzjoni tad-data ma jkollhomx impatt sinjifikattiv fuq il-mod kif tiżvolġi l-investigazzjoni.

249. B’hekk, huwa biss fi tmiem l-eżami ta’ dawn in-nuqqasijiet li tkun tista’ tittieħed deċiżjoni eventwali li produttur tal-Unjoni jiġi eskluż mill-kampjun.

250. Din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi ppreżervata l-effettività tal-miżuri tal-investigazzjoni antidumping. Fil-fatt, dawn il-miżuri jiċċaħħdu minn tali effett jekk, kull darba li kumpannija li tieħu ħsieb il-produzzjoni jew il-bejgħ assoċjata ma’ produttur tal-Unjoni kkunsidrat fil-kampjun tal-investigazzjoni kellha tirrifjuta li tirrispondi separatament għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, dan il-produttur ikollu jiġi eskluż mill-imsemmi kampjun b’tali mod li jkollu jerġa’ jintgħażel kampjun ġdid, jew a fortiori, ikollhom jiġu sospiżi l-miżuri tal-investigazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt, imfakkar ġustament fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-istituzzjonijiet ma għandhom l-ebda setgħa biex iġiegħlu lill-partijiet ikkonċernati jikkooperaw.

–       Fuq il-partijiet l-oħra sa fejn huma relatati mal-kumpanniji assoċjati elenkati fil-punt 111 tas-sentenza appellata

251. Niko Tube u NTRP jsostnu wkoll, fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ partijiet ta’ dan l-aggravju, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat u inkomplet l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku.

252. Jidhirli li dawn l-ilmenti kif ukoll il-kritika l-oħra li għamlu Niko Tube u NTRP f’din l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandhom jiġu eżaminati biss sa fejn jirrigwardaw lill-kumpanniji assoċjati elenkati fil-punt 111 tas-sentenza appellata.

253. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li r-rata tad-dazju antidumping imposta fuq Niko Tube u NTRP ġiet iffissata skont il-marġni ta’ dumping u mhux skont il-marġni ta’ ħsara, skont ir-regola ta’ dazju inqas, prevista fl-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku (39). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li d-differenza bejn il-marġni ta’ ħsara (57 %) u l-marġni ta’ dumping (25.7 %) kienet tali li kieku tal-ewwel kien ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ applikati bejn il-produtturi tal-Unjoni u l-kumpanniji assoċjati elenkati [Vallourec Mannesmann Oil & Gas United Kingdom (iktar ’il quddiem “VMOG United Kingdom”), Productos Tubulares u l-kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine], dan il-bejgħ ma kienx jirrappreżenta iktar minn 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni, li jfisser li l-prezzijiet tal-bejgħ applikati minn dawn il-kumpanniji kellhom ikunu totalment sporporzjonati meta mqabbla mal-prezzijiet ta’ bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara sabiex dan tal-aħħar jitpoġġa f’livell inqas minn dak tal-marġni ta’ dumping użat biex ikun iffissat id-dazju antidumping applikat fir-rigward ta’ Niko Tube u NTRP.

254. Issa, fil-fehma tiegħi, huwa biss jekk din l-analiżi hija vvizzjata bi żball tal-liġi jew hija bbażata fuq żnaturament tal-fatti jew tal-provi li l-ilmenti l-oħra mressqa kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mal-iffissar tal-ħsara jistgħu jkunu effettivi. Fil-fatt, li kieku wieħed kellu jippreżumi li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżami tal-iffissar tal-ħsara tal-industrija tal-Unjoni, dawn l-iżbalji jwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata biss sakemm l-evalwazzjoni esposta fil-punt 111 tal-imsemmija sentenza wkoll tkun ġiet affettwata minn żbalji simili.

255. Għaldaqstant nissuġġerixxi li qabel kollox jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa kontra l-analiżi tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 111 tas-sentenza appellata.

256. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li Niko Tube u NTRP ma jinvokaw ebda żball ta’ liġi li vvizzja r-raġunament li l-Qorti Ġenerali żviluppat fil-punt 111 tas-sentenza appellata.

257. Finalment, dawn il-kumpanniji, fil-punt 189 tal-appell inċidentali, illimitaw ruħhom sabiex jallegaw li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri li l-bejgħ tal-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni li sostnew l-ilment, elenkati fil-punt 111 tas-sentenza appellata, “kien jirrappreżenta, l-iktar, 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija [tal-Unjoni]”, ma tistax tkun marbuta mal-proċess u hija bbażata fuq data prodotta b’mod tardiv mill-Kunsill u mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

258. Fid-dawl tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, dawn l-ilmenti għaldaqstant jissarrfu, essenzjalment, fi lment li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża. Magħhom, għandha tiżdied il-kritika dwar l-iżball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, fil-fehma tal-imsemmija kumpanniji, jekk l-erba’ kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni kinux sodisfatti.

259. Hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn l-ilmenti humiex fondati.

260. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kumpanniji li jieħdu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ assoċjati li ġew elenkati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, huma Productos Tubulares, is-sitt kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine u VMOG United Kingdom, li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom ġew eżaminati fil-punti 99, 100, 104, 105, 108 u 109 tas-sentenza appellata.

–        Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw lil Productos Tubulares

261. Fir-rigward tal-ewwel kumpannija, u fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku, mill-punti 99 u 100 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-informazzjoni ġietx ipprovduta fil-ħin, jekk ġietx ivverifikata u jekk in-nuqqas ta’ risposta separata għall-kwestjonarju kellux impatt sinjifikattiv fuq l-iffissar tal-ħsara, jiġifieri jekk l-eventwali nuqqasijiet setgħux jikkompromettu l-wasla għas-sejba preċiża mill-aspett raġonevoli. Barra minn hekk, billi osservat, minn naħa, li d-data ta’ din il-kumpannija, li ma kinitx sostniet l-ilment, fil-prinċipju ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni iżda, min-naħa l-oħra, li d-data ta’ din il-kumpannija madankollu ntbagħtet waqt l-investigazzjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod impliċitu iżda neċessarju vverifikat jekk il-parti kinitx aġġixxiet bl-aħjar mod li setgħet, fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku.

262. Fir-rigward tal-iżnaturament tal-provi relatati ma’ Productos Tubulares, la Niko Tube u lanqas NTRP ma jindikaw jew juru liema provi ġew żnaturati waqt l-eżami mwettaq fil-punt 100 tas-sentenza appellata.

263. Jiena lanqas ma naħseb li l-ilmenti li saru lill-Qorti Ġenerali talli marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju u kisret id-drittijiet tad-difiża billi ħadet inkunsiderazzjoni data tardiva li dwarha Niko Tube u NTRP ma kellhomx l-okkażjoni li juru fehmthom, jistgħu jintlaqgħu.

264. Qabel kollox, għandu jiġi osservat li Niko Tube u NTRP ma kkontestawx, fil-kuntest tal-appell, l-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva. Kif jirriżulta eżattament mill-punti 149 sa 152 tas-sentenza appellata, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom l-okkażjoni li juru b’mod effettiv fehmthom b’mod partikolari dwar il-validità tal-kampjun partikolarment dwar is-sostenn mogħti minn Productos Tubulares lill-ilment, fejn il-Kummissjoni rrispondiet għall-osservazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali.

265. Sussegwentement, għandu jitfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza allegaw, fit-tieni motiv tagħhom, li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni talli ma eskludiex mill-produtturi tal-Unjoni kkunsidrati fil-kampjun tal-investigazzjoni lill-produttur Tubos Reunidos minħabba l-fatt li Productos Tubulares, kumpannija assoċjata mal-imsemmi produttur, ma kinitx irrispondiet separatament għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, insibha diffiċli biex nifhem kif il-Qorti Ġenerali tista’ tiġi akkużata li wettqet eżattament l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kienx ġust li l-istituzzjonijiet kienu kkunsidraw li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa ta’ Productos Tubulares ma kellux impatt sinjifikattiv fuq l-iffissar tal-ħsara, b’mod partikolari billi ordnaw miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Peress li dan l-eżami huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju tal-motiv imqajjem, fil-fehma tiegħi, huwa la għandu l-għan u lanqas l-effett li jissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-kawża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Il-fatt li, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni li tista’ ma togħġobx lil Niko Tube u NTRP, żgur li ma jistax jaqa’ fil-kamp tal-kwistjonijiet eżaminati fil-kuntest ta’ appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

266. Fl-aħħar nett, f’dan il-kuntest, Niko Tube u NTRP bl-ebda mod ma pprovaw li huma ma kellhomx il-possibbiltà effettiva li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokumenti prodotti mill-Kunsill fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mibdija mill-Qorti Ġenerali, minn fejn jidher li l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ Productos Tubulares kienu jirrappreżentaw inqas minn 3 % mit-total tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

267. Għaldaqstant, l-ilmenti mressqa kontra l-eżami tas-sitwazzjoni ta’ Productos Tubulares għandhom jinċaħdu.

–        Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw is-sitt kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine

268. Fir-rigward tas-sitt kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine, li jissemmew ukoll fil-punt 111 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li Niko Tube u NTRP ma kkontestawx speċifikament l-analiżi, esposta fil-punt 105 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li “mill-proċess u, b’mod partikolari mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Dalmine — verżjoni li ġiet ippreżentata fil-ħin u vverifikata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni — jirriżulta li [s-sitt kumpanniji assoċjati li jieħdu ħsieb il-bejgħ] huma attivi jew fil-kummerċ jew fil-bejgħ mill-ġdid u distribuzzjoni” u li għaldaqstant “[i]l-volum ta’ bejgħ ta’ dawn il-kumpanniji ttieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-ħsara, permezz tal-bejgħ li sar lilhom minn Dalmine”.

269. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Niko Tube u NTRP kellhom aċċess għal din ir-risposta u setgħu jikkummentaw dwarha matul il-proċedura amministrattiva.

270. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ilmenti insostenn tal-partijiet ta’ dan l-aggravju relatati ma’ dawn il-kumpanniji jinċaħdu.

–        Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw lil VMOG United Kingdom

271. Fir-rigward ta’ VMOG United Kingdom, kif jirriżulta mill-punt 108 tas-sentenza appellata, billi din il-kumpannija ppreżentat b’mod tardiv ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni, id-data inkluża fiha ma setgħetx tintuża fil-kuntest tal-iffissar tal-ħsara. Madankollu, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, abbażi tar-risposta għall-kwestjonarju ppreżentata tardivament, il-Kunsill seta’ jiddetermina li l-bejgħ ta’ din il-kumpannija kien jirrappreżenta inqas minn 3 % tal-volum totali tal-produtturi tal-Unjoni li minnhom oriġina l-ilment. B’hekk, minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-bejgħ ma setax kellu influwenza deċiżiva fuq l-iffissar tal-ħsara u b’hekk ma kienx jiġġustifika li l-produttur tal-Unjoni li miegħu kienet assoċjata VMOG United Kingdom ikun eskluż mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

272. Qabel kollox, mill-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali vverifikat l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku. B’mod partikolari, fir-rigward tal-aħħar kundizzjoni, billi osservat, minn naħa, li d-data ta’ VMOG United Kingdom, li ma kinitx sostniet l-ilment, ma kellhiex, bħala prinċipju, tittieħed inkunsiderazzjoni, iżda, min-naħa l-oħra, li data ta’ din il-kumpannija madankollu ntbagħtet u ġiet eżaminata waqt l-investigazzjoni sabiex ikun iddeterminat jekk l-analiżi tal-ħsara setgħetx tkun affettwata, il-Qorti Ġenerali b’mod impliċitu iżda neċessarju vverifikat jekk il-parti kinitx aġixxietx bl-aħjar mod li setgħet, fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku.

273. Sussegwentement, fir-rigward tal-iżnaturament tal-provi relatati ma’ din il-kumpannija, għandu jiġi nnotat li Niko Tube u NTRP jillimitaw ruħhom sabiex jallegaw, fil-punti 189 u 194 tal-appell inċidentali, li l-parti tas-suq attribwita mill-Qorti Ġenerali lil VMOG United Kingdom hija relatata “mal-volum totali tal-produtturi tal-Unjoni li minnhom oriġina l-ilment” u mhux, kif kienu sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni “tal-industrija tal-Unjoni”.

274. Issa, tali allegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata u tal-portata taż-żewġ espressjonijiet. Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, adottata fir-Regolament ikkontestat, li s-sentenza appellata ma setgħetx tinjora, jirriżulta li din kienet qed tiġi konfuża mal-espressjoni “produtturi tal-Unjoni li minnhom oriġina l-ilment”.

275. Fl-aħħar nett, raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 265 u 266 ta’ dawn il-konklużjonijiet iwassluni sabiex neskludi li l-Qorti Ġenerali kisret il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju u ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża.

276. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-ilmenti mressqa kontra l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali relatat mad-data dwar VMOG United Kingdom għandhom jinċaħdu wkoll.

277. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunament u l-evalwazzjoni esposti fil-punt 111 tas-sentenza appellata la huma vvizzjati bi żball ta’ liġi u lanqas bi żnaturament tal-provi. Għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-partijiet ta’ dan l-aggravju li huma relatati mal-punti l-oħra tal-motivi tas-sentenza appellata, li l-fondatezza eventwali tagħhom ma tistax, fi kwalunkwe każ, twassal għall-annullament tal-imsemmija sentenza.

278. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-partijiet kollha tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-regolament bażiku għandhom jinċaħdu bħala parzjalment infondati u parzjalment ineffettivi.

c)      Fuq iż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku

i)      L-argumenti tal-partijiet

279. Fl-ewwel parti, relatata mal-iżbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża fil-punti 132 u 135 tas-sentenza appellata.

280. Fit-tieni parti, dawn il-kumpanniji fl-ewwel lok qed jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, jekk it-taqsiriet mhux kunfidenzjali tad-data kunfidenzjali pprovduti minn uħud mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni kkunsidrati fil-kampjun tawx lir-rikorrenti fl-ewwel istanza, matul il-proċedura amministrattiva, biżżejjed tagħrif tal-essenzjal tal-kontenut tad-data kkonċernata. Fit-tieni lok, huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, iżda llimitat ruħha sabiex teżamina, fil-punti 133 sa 135 tas-sentenza appellata, jekk in-nuqqas ta’ taqsira mhux kunfidenzjali tad-data kunfidenzjali dwar uħud mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi tal-Unjoni kkunsidrati fil-kampjun kienx kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. Fl-aħħar, u fit-tielet lok, Niko Tube u NTRP isostnu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li l-iżvelar fir-rigward tagħhom ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ data kunfidenzjali ma kien se jkollu l-ebda possibbiltà li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti.

281. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproponu li dawn il-partijiet għandhom jinċaħdu.

ii)    Analiżi

282. Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku, l-esportaturi u l-partijiet l-oħra kkonċernati elenkati f’din id-dispożizzjoni jistgħu, fuq talba miktuba, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunkwe parti kkonċernata mill-investigazzjoni, ħlief għad-dokumenti interni stabbiliti mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, sa fejn din l-informazzjoni hija rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, u li tintuża fl-investigazzjoni.

283. Skont l-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku, kwalunkwe informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk jiġu esposti raġunijiet validi, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet. L-Artikolu 19(2) jipprovdi b’mod partikolari li l-partijiet ikkonċernati li jagħtu informazzjoni kunfidenzjali għandhom l-obbligu li jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Skont l-Artikolu 19(3), jekk jiġi kkunsidrat li talba għall-kunfidenzjalità ma hijiex ġustifikata u jekk il-persuna li pprovdiet l-informazzjoni ma tixtieqx tagħmilha pubblika u lanqas ma tixtieq tawtorizza l-iżvelar tagħha b’mod ġenerali jew permezz ta’ taqsira, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata ħlief jekk ikun jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

284. Quddiem il-Qorti Ġenerali, Niko Tube u NTRP sostnew li, skont l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jieħdu validament inkunsiderazzjoni data kunfidenzjali li ma tkunx inkluża f’taqsira mhux kunfidenzjali.

285. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-kliem tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku jagħti biss lill-Kummissjoni sempliċi possibbiltà li tinjora informazzjoni kunfidenzjali li tagħha l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali ma hija disponibbli.

286. Għandu jiġi kkonstatat li Niko Tube u NTRP ma jikkritikawx din l-interpretazzjoni li, inċidentalment, fil-fehma tiegħi, hija korretta. Fil-fatt, għal kull fini utli, għandu jiġi osservat li l-amministrazzjoni tal-prova fil-qasam tal-miżuri antidumping hija kkaratterizzata mill-fatt li d-dokumenti eżaminati ta’ spiss ikun fihom sigrieti kummerċjali jew informazzjoni oħra li ma jistgħux jiġu żvelati jew li jistgħu jiġu żvelati biss taħt restrizzjonijiet importanti. Għaldaqstant, kif juru l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 19 tar-regolament bażiku, dokumenti li jinkludu provi, ma għandhomx awtomatikament jiġu esklużi bħala prova meta ċerta informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali (40).

287. Min-naħa l-oħra, Niko Tube u NTRP jilmentaw, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx fil-lista tad-dokumenti elenkati fil-punt 132 tas-sentenza appellata, u li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat minn din tal-aħħar li kienu ġew redatti taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħhom, jekk dawn it-taqsiriet kinux jippermettulhom li jkollhom biżżejjed tagħrif tal-essenzjal tal-kontenut jew tad-dokumenti inkwistjoni.

288. Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-appell inċidentali, dan l-argument ma jistax jintrabat mal-motiv fl-ewwel istanza, li jirrigwarda sempliċement l-inammissibbiltà tal-imsemmija dokumenti bħala provi minħabba li dawn id-dokumenti kienu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali li tagħhom ma ġiet redatta l-ebda taqsira kunfidenzjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’hekk ma kellhiex tkun il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li t-taqsiriet mhux kunfidenzjali kienu ġew redatti skont l-Artikolu 19(2) tar-regolament bażiku, li tistħarreġ il-kontenut ta’ kull wieħed mill-imsemmija dokumenti.

289. It-tieni nett, Niko Tube u NTRP jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-ilment reali bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, iżda llimitat ruħha sabiex tevalwa jekk l-użu mill-Kummissjoni tad-data kunfidenzjali elenkata fil-punt 133 tas-sentenza appellata, mingħajr ma kien hemm verżjonijiet mhux kunfidenzjali, kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza.

290. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

291. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku jirregola r-relazzjonijiet bejn il-parti kkonċernata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali mingħajr ma tkun trid tawtorizza li din tiġi żvelata, anki f’termini ġenerali ġeneralizzata jew f’forma ta’ taqsira, u l-istituzzjoni inkarigata mill-investigazzjoni antidumping, li tista’ tiddeċiedi li l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod konvinċenti minn sorsi xierqa oħra li l-informazzjoni hija korretta.

292. Issa, ġaladarba l-istituzzjoni inkarigata mill-investigazzjoni tkun iddeċidiet li l-informazzjoni inkwistjoni setgħet tintuża, kif fil-fatt jippermettilha tagħmel ir-regolament bażiku, kif diġà indikajt iktar ’il fuq, il-kwistjoni li tibqa’, fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati l-oħra li qed jipparteċipaw fl-investigazzjoni, hija dik dwar jekk tali użu jistax jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

293. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa tabilħaqq minnu li l-Qorti Ġenerali ma kkwalifikatx mill-ġdid formalment il-motiv invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, Niko Tube u NTRP madankollu ma jistgħux jilmentaw li l-Qorti Ġenerali vverifikat, fil-punti 133 sa 135 tas-sentenza appellata, jekk l-użu mill-Kummissjoni tad-data kunfidenzjali elenkata fil-punt 133 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jeżistu verżjonijiet mhux kunfidenzjali, wassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. Fil-fehma tiegħi, dan kien fil-fatt l-għan tal-eżami sostantiv li kellha tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-motiv żviluppat fl-ewwel istanza.

294. It-tielet nett, Niko Tube u NTRP jallegaw li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi biss, kif għamlet fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-iżvelar lir-rikorrenti fl-ewwel istanza ta’ verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-riposta għall-kwestjonarju ta’ VMOG United Kingdom, tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u tal-messaġġ elettroniku ta’ Dalmine tal-24 ta’ Mejju 2006 dwar il-kumpannija Tenaris West Africa ma kien ikollu l-ebda possibbiltà li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti.

295. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li, wara li identifikat id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq li ma kinitx ġiet redatta taqsira mhux kunfidenzjali tagħhom, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni seta’ jwassal għall-annullament totali jew parzjali tar-regolament ikkontestat biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kellu l-possibbiltà, anki jekk żgħira, li l-proċedura amministrattiva twassal għal riżultat differenti fl-ipoteżi li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu vantaġġ minnha matul l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura.

296. Din l-evalwazzjoni ma fiha l-ebda żball ta’ liġi. Barra minn hekk, hija ma ġietx ikkritikata minn Niko Tube u NTRP.

297. Sussegwentement, wara li applikat l-eżami msemmi għall-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li “[f]’dan il-każ, ir-rikorrenti [fl-ewwel istanza] jiddikjaraw li huma kellhom bżonn ta’ dawn id-dokumenti sabiex jippruvaw li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju minn VMOG Renju Unit, [Productos Tubulares] (41) u Tenaris West Africa żnatura l-analiżi tal-ħsara. Issa, ġie kkonstatat, fil-punti 101, 108 u 107 iktar ’il fuq rispettivament, li l-Kunsill ma kkommetta l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentata jew tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti għall-kwestjonarju ta’ Productos Tubulares, VMOG Renju Unit u Tenaris West Africa ma kellux effett fuq l-iffissar tal-ħsara. Konsegwentement, l-iżvelar lir-rikorrenti [fl-ewwel istanza] tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ VMOG Renju Unit, tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u tal-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Mejju 2006 ma kellu l-ebda possibbiltà li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti”.

298. Issa, kontra din il-konklużjoni, Niko Tube u NTRP jillimitaw ruħhom sabiex isostnu, fl-appell inċidentali tagħhom, minkejja li huwa paċifiku li huma setgħu jsiru jafu bid-dokumenti kontenzjużi matul il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa ferm probabbli li bil-komunikazzjoni fi żmien propizju tal-informazzjoni rilevanti, huma setgħu jelaboraw bi preċiżjoni argumenti u fuq kollox provi li setgħu jimmodifikaw ir-riżultat u li huwa biss li kieku kellhom din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom li kienu jistgħu jagħżlu jekk jesprimux fehmthom jew le.

299. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali ma jissodisfawx in-neċessità li jiġi pprovat l-iżball ta’ liġi li vvizzja r-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Huma lanqas ma jinkludu l-iċken indikazzjoni li din tal-aħħar żnaturat il-provi b’tali mod li kien ċar li l-komunikazzjoni lir-rikorrenti fl-ewwel istanza tad-dokumenti kontenzjużi matul il-proċedura amministrattiva setgħet twassal il-proċedura għal riżultat differenti minn dak li waslet għalih il-Qorti Ġenerali.

300. Ir-raba’ nett, fil-fehma tiegħi, hemm lok li l-parti li tgħid li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube u NTRP fil-punti 132 u 135 tas-sentenza appellata, tinċaħad. Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel punt jillimita ruħu sabiex jelenka d-dokumenti kunfidenzjali li ġiet redatta verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom u dawk li għalihom ma ġietx redatta tali verżjoni. Min-naħa l-oħra, kif diġà ngħad iktar ’il fuq u kif Niko Tube u NTRP ammettew fil-punti 194 u 209 tal-appell inċidentali tagħhom, dawn tal-aħħar setgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar id-dokumenti msemmija fil-punt 135 tas-sentenza appellata matul il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

301. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li ż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-eżami tal-ksur allegat tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku għandhom jinċaħdu.

302. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-appell inċidentali għandu jinċaħad fl-intier tiegħu.

V –    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

303. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

304. Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ inkwistjoni.

305. Kif nipproponi fil-punt 155 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm lok li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata sa fejn hija tilqa’ s-sitt motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niko Tube, sa fejn jirrigwarda l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn SEPCO, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet tat-tubi manifatturati minn Niko Tube, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

306. Fil-fatt, kif diġà ġie enfasizzat, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ivvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni ta’ motivi, billi, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, hija essenzjalment iddeċidiet li Niko Tube kienet uriet li din il-kumpannija setgħet tinvoka argumenti li setgħu jwasslu lill-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti minn dak li kellha, filwaqt li preċedentement, fil-punt 188 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet stabbilixxiet li kien mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill kien għamel l-aġġustament kontenzjuż fir-rigward ta’ Niko Tube fid-dawl tal-imsemmija argumenti.

307. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Niko Tube ma rnexxilhiex tipprova li, kieku l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza ġew ikkomunikati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, dawn setgħu jwasslu sabiex l-istituzzjonijiet ma jwettqux l-aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

308. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, hemm lok li s-sitt motiv tar-rikors fl-ewwel istanza jinċaħad sa fejn jirrigwarda lil Niko Tube.

309. Għaldaqstant, u fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, nipproponi li r-rikors għandu jinċaħad sa fejn jirrigwarda lil Niko Tube.

VI – Fuq l-ispejjeż

310. Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

311. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

312. Fid-dawl tal-analiżi li żviluppajt, nikkunsidra li fir-rigward tal-appell tal-Kunsill (C‑191/09) li għandu jintlaqa’ parzjalment fir-rigward ta’ Niko Tube, iżda li għandu jinċaħad fir-rigward tal-kumplament, evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ tista’ twassal sabiex l-ispejjeż taż-żewġ istanzi jinqasmu kif ġej, jiġifieri li Niko Tube għandha tiġi kkundanntata għal terz tal-ispejjeż tal-Kunsill fiż-żewġ istanzi, filwaqt li l-Kunsill għandu jbati kwart tal-ispejjeż ta’ NTRP.

313. Fil-Kawża C‑200/09, billi l-Kummissjoni tilfet, iżda billi Niko Tube u NTRP tilfu wkoll l-appell inċidentali tagħhom, nissuġġerixxi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Billi l-Kummissjoni intervjeniet quddiem il-Qorti Ġenerali, hija għandha tbati wkoll l-ispejjeż tagħha tal-ewwel istanza.

VII – Konklużjoni

314. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:

“1. Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-‘Qorti Ġenerali’), tal-10 ta’ Marzu 2009, fil-kawża Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill (T‑249/06), hija annullata sa fejn hija annullat, fir-rigward ta’ Interpipe Interpipe Niko Tube, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew [tal]-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna.

2. Ir-rikors huwa miċħud sa fejn jirrigwarda lil Interpipe Niko Tube.

3. Il-kumplament tal-appell prinċipali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa miċħud.

4. L-appell prinċipali tal-Kummissjoni Ewropea huwa miċħud.

5. L-appell inċidentali ta’ Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP huwa miċħud.

6. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu u kwart tal-ispejjeż ta’ Interpipe NTRP fiż-żewġ istanzi.

7. Interpipe Niko Tube għandha tbati terz tal-ispejjeż tal-Kunsill u l-ispejjeż tagħha fiż-żewġ istanzi.

8. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha fiż-żewġ istanzi.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T‑249/06, Ġabra p. II-383.


3 – ĠU L 294M, p. 279.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150.


6 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill (C-171/87, Ġabra p. I‑1237, punti 9 sa 13).


7 – Idem.


8 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, TEC et vs Il-Kunsill (260/85 u 106/86, Ġabra p. 5855, punt 30).


9 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992 (C‑178/87, Ġabra p. I‑1577).


10 – Ibidem (punt 12).


11 – Ibidem (punt 13).


12 – Diġà indikajt li dawn it-tliet provi huma, l-ewwel nett, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza għamlu bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità, it-tieni nett, li SPIG, il-kumpannija assoċjata li tieħu ħsieb il-bejgħ fl-Ukrajna, intervjeniet bħala aġent ta’ bejgħ għall-bejgħ ta’ Niko Tube u NTRP lil SEPCO u, it-tielet nett, li r-rabtiet ta’ SEPCO ma’ Niko Tube u NTRP kienu insuffiċjenti u ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija taħt il-kontroll tagħhom jew li kien hemm kontroll konġunt bejn SEPCO u Niko Tube u NTRP.


13 – Fil-punt 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li entità ekonomika waħda teżisti meta produttur jassenja inkarigi li normalment jingħataw lil dipartiment ta’ bejgħ intern lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu li huwa jikkontrolla ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Canon vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9). Barra minn hekk, l-istruttura tal-kapital hija indikatur rilevanti tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 1994, Gao Yao vs Il-Kunsill, C‑75/92, Ġabra p. I‑3141, punt 33). Barra minn hekk, ġie deċiż li entità ekonomika waħda tista’ teżisti meta l-produttur jassumi parti mill-inkarigi ta’ bejgħ kumplimentari għal dawk ta’ kumpannija distributriċi tal-prodotti tagħha (sentenza Matsushita Electric Industrial vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).


14 – Sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002 (T‑88/98, Ġabra p. II-4897, punt 96).


15 – Għalkemm din id-diċitura hija identika għal dik li ntużat fl-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku immedjatament preċedenti [Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ĠU L 349, p. 1], madankollu hija differenti minn dik tal-Artikolu 2(9)(b) tar-regolament bażiku preċedenti [Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea, ĠU L 209, p. 1] li kien jimponi fuq il-“parti kkonċernata” l-oneru li tipprova jekk it-talba tagħha għall-applikazzjoni ta’ aġġustament tkunx iġġustifikata jew le.


16 – Ara, diġà fil-kamp tar-regolamenti antidumping preċedenti, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Stanko France vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑320/86 u C‑188/87, Ġabra p. I‑3013, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Ara, b’mod partikolari fuq id-distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni li jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali u l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35).


18 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il-Kummissjoni (T‑71/96, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑921, punt 79); tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill (T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punti 57 u 58); tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, (T‑465/04, Ġabra p. I-2879, punt 59); kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T‑387/08, Ġabra p. II-178, punt 37).


19 – Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 15 tal-appell tiegħu, il-Kunsill jirreferi għall-punti 105, 106 u 112 sa 119 tar-risposta tiegħu fl-ewwel istanza kif ukoll għall-punti 49 sa 55 tal-kontroreplika tiegħu fl-ewwel istanza.


20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ara, b’mod partikolari b’analoġija, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C-525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57); tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, Ġabra p. I-7763, punt 66); kif ukoll, fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C-441/07 P, Ġabra p. I-5949, punt 67).


23 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39); kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 145), u, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Spanja vs Lenzing (punt 56) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Scott (punt 64).


24 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tetra Laval vs Il-Kummissjoni (punt 39); Spanja vs Lenzing (punt 57); Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (punt 145); kif ukoll Il-Kummissjoni vs Scott (punt 65).


25 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq.


26 – Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al‑Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill (C‑49/88, Ġabra p. I-3187, punt 17); u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99).


27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 94).


28 – Ibidem (punt 81).


29 – Korsiv miżjud minni.


30 – Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 81 u 107).


31 – Fir-rigward tal-proċeduri relatati mal-antidumping, ara s-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 83).


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14); tas-7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni (C‑258/90 u C‑259/90, Ġabra p. I‑2901, punt 26); u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l‑Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 56).


33 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle (C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 13); u tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie (C‑26/96, Ġabra p. I‑2817, punt 12). Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il-Kunsill (T‑48/96, Ġabra p. II‑3089, punt 39); u tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill (T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 64).


34 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44) u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill (C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 34).


35 – Skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54); tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 108); u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 67).


37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 148); digrieti tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 62) u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni (C‑498/09 P, Ġabra p. I-79, punt 87).


38 – L-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku jipprovdi li l-partijiet li jirċievu kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni użati fl-investigazzjoni antidumping għandhom jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex iwieġbu. Tista’ tingħata estensjoni għal dan it-terminu fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.


39 – Il-marġni ta’ ħsara jirrappreżenta l-livell ta’ ħsara subit mill-industrija tal-Unjoni espress f’perċentwali tal-prezz CIF (spejjeż, assigurazzjoni, ġarr tal-merkanzija) tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat (il-prezz tal-bejgħ taħt il-prezz normali), iddeterminat, ġeneralment, mid-differenza bejn il-prezz medju tal-bejgħ differenzjat tal-produtturi tal-Unjoni u l-prezz tal-bejgħ differenzjat tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li huma suġġetti għal dumping. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 233 tar-regolament kontenzjuż.


40 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punti 47 u 48). F’dan ir-rigward, ara wkoll l-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Barra minn hekk, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 210, C 83, p. 389) jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “[i]d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju”.


41 – Għandu jiġi nnotat li s-sentenza appellata ssemmi b’mod żbaljat lil Tubos Reunidos, il-produttur tal-Unjoni kkunsidrat fil-kampjun, assoċjat ma’ Productos Tubulares. Dan l-iżball tal-pinna ma ġiex osservat mill-partijiet għall-appell u ma għandu l-ebda konsegwenza.