Language of document : ECLI:EU:C:2021:280

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija – Artikolu 10 – Applikabbiltà – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 3(3)(a) – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi – Emenda ta’ skema ta’ sostenn”

Fil-Kawżi magħquda C‑798/18 u C‑799/18,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Settembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Diċembru 2018, fil-proċeduri

Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18),

Athesia Energy Srl et (C‑799/18),

vs

Ministero dello Sviluppo economico,

Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA,

fil-preżenza ta’:

Elettricità Futura Unione delle imprese elettriche italiane,

Confederazione generale dell’agricoltura italiana – Confagricoltura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, minn V. Onida, C. Montella u B. Randazzo, avvocati,

–        għall-Elettricità Futura Unione delle imprese elettriche italiane u l-Confederazione generale dell’agricoltura italiana – Confagricoltura, minn V. Onida u B. Randazzo, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone u de G. Aiello, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn S. Eisenberg u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, J. Ruiz Sánchez u A. Rubio González, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, K. Talabér‑Ritz, Y. Marinova, G. Gattinara u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 216(2) TFUE, flimkien mat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, approvat f’isem il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika bid-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat‑23 ta’ Settembru 1997, rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter ta’ l-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter ta’ l-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 24, iktar ’il quddiem il-“Karta tal-Enerġija”), tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ effett utli.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, fil-Kawża C‑798/18, il-Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) (il-Federazzjoni Nazzjonali tal-Impriżi Elettrotekniċi u Elettroniċi) u 159 impriża tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn installazzjonijiet fotovoltajċi u, fil-Kawża C‑799/18, Athesia Energy Srl u 15‑il impriża oħra li joperaw fl-istess settur, u, min-naħa l-oħra, il-ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA fir-rigward tal-annullament tad-digrieti li jimplimentaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jipprovdu għal reviżjoni tat-tariffi ta’ inċentiv għall-produzzjoni tal-elettriku minn installazzjonijiet fotovoltajċi u għall-modalitajiet ta’ ħlas marbuta magħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija, intitolat “Promozzjoni, protezzjoni u trattament ta’ l-investimenti”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Parti Kontraenti għandha, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat, tinkoraġġixxi u toħloq kondizzjonijet stabbli, ekwi, favorevoli u trasparenti għall-investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra biex jagħmlu investimenti fiż-żona tagħha. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu impenn biex jagħtu dejjem trattament ġust u ekwu lill-investimenti ta’ investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra. Dawn l-investimenti għandhom ukoll igawdu l-aktar protezzjoni u sigurtà kostanti u l-ebda Parti Kontraenti ma tista’ b’xi mod ixxellef b’miżuri mhux raġonevoli jew diskriminatorji l-amministrazzjoni, l-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija jew it-tneħħija tagħhom. […]”

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Il-premessi 14 u 25 tad-Direttiva 2009/28 huma fformulati kif ġej:

“(14)      L-għan ewlieni ta’ miri nazzjonali mandatorji huwa li jipprovdi ċertezza għall-investituri u li jinkoraġġixxi żvilupp kontinwu ta’ teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija mit-tipi kollha ta’ sorsi rinnovabbli. […]

[…]

(25)      L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. […] Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. Mezz importanti biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkun garantit il-funzjonament tajjeb ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali, bħal fid-Direttiva 2001/77/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121)], sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investitur u sabiex jiġi permess lill-Istati Membri jfasslu miżuri nazzjonali effettivi għall-konformità mal-mira. […]”

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. […]”

6        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli […] fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. […]

2.      L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

3.      Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)      skemi ta’ sostenn;

[…]”

 Id-dritt Taljan

7        L-Artikolu 7 tad-decreto legislativo n. 387 – Attuazione della direttiva 2001/77/KE relativa alla promozione dell’energia elettrica prodotta da fonti energetiche rinnovabili nel mercato interno dell’elettricità (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 387, li jimplimenta d-Direttiva 2001/77/KE fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku) tad‑29 ta’ Diċembru 2003 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 25, tal‑31 ta’ Jannar 2004, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003”), kien jipprovdi:

“1.      Fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, il-ministro delle Attività produttive [il-Ministru tal-Attivitajiet Produttivi], bi qbil mal-ministro dell’Ambiente e della Tutela del territorio [il-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju], bi qbil mal-Conferenza unificata [il-Konferenza Unifikata], għandu jadotta digriet jew diversi digrieti li permezz tagħhom jiġu ddefiniti l-kriterji sabiex tiġi inċentivata l-produzzjoni tal-enerġija elettrika mill-enerġija solari.

2.      Mingħajr spejjeż għall-baġit tal-Istat u skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ, il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1:

(a)      jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-entitajiet sabiex jibbenefikaw mill-miżura ta’ inċentiv;

[…]

(d)      jistabbilixxu l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-inċentiv. Fir-rigward tal-elettriku prodott permezz ta’ konverżjoni fotovoltajka tal-enerġija solari, dawn jipprevedu tariffa ta’ inċentiv speċifika, ta’ ammont dejjem jonqos u ta’ tul li jippermetti li tiġi ggarantita remunerazzjoni ekwa tal-ispejjeż tal-investiment u tal-operat;

(e)      jistabbilixxu mira ta’ saħħa nominali li għandha tiġi installata;

(f)      jistabbilixxu wkoll il-limitu massimu għas-saħħa elettrika akkumulata tal-installazzjonijiet kollha li jistgħu jibbenefikaw mill-inċentiv;

[…]”

8        L-Artikolu 24 tad-decreto legislativo n. 28 – Attuazione della direttiva 2009/28/KE sulla promozione dell’uso dell’energia da fonti rinnovabili, recante modifica e successiva abrogazione delle direttive 2001/77/KE e 2003/30/KE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 li jittrasponi d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li jemenda u sussegwentement iħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE) tat‑3 ta’ Marzu 2011 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 71, tat‑28 ta’ Marzu 2011, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011”), intitolat “Mekkaniżmi ta’ inċentiv”, kien jipprovdi:

“1.      Il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet operati minn sorsi rinnovabbli u li bdew joperaw wara l-31 ta’ Diċembru 2012 għandha tibbenefika minn inċentiv permezz tal-istrumenti u abbażi tal-kriterji ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 […]

2.      Il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika mill-installazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tibbenefika minn inċentivi abbażi tal-kriterji ġenerali li ġejjin:

(a)      l-inċentiv għandu bħala għan li jiggarantixxi ħlas ekwu għall-ispejjeż ta’ investiment u ta’ operat;

(b)      it-tul taż-żmien tad-dritt tal-inċentiv huwa daqs it-tul ta’ ħajja utli medja konvenzjonali tat-tip ta’ installazzjonijiet ikkonċernat u jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-servizz ta’ dawn l-installazzjonijiet;

(c)      l-inċentiv ma jvarjax matul it-tul taż-żmien kollu tad-dritt u jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-valur ekonomiku tal-enerġija prodotta;

(d)      l-inċentivi għandhom jingħataw permezz ta’ kuntratti tad-dritt privat konklużi bejn GSE u l-entità responsabbli għall-installazzjonijiet, fuq il-bażi ta’ tip ta’ kuntratt iddefinit mill-Autorità per l’energia elettrica e il gas [l-Awtorità għall-Enerġija Elettrika u l-Gass] […]

[…]”

9        Skont l-Artikolu 25 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv:

“1.      Il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet li jużaw sorsi rinnovabbli u li bdew joperaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012 għandha tiġi inkoraġġita mill-mekkaniżmi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet […]

[…]

10.      […] l-inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet solari fotovoltajċi li jibdew joperaw wara [l‑31 ta’ Mejju 2011] għandu jkun irregolat bid-digriet tal-Ministru tal-Iżvilupp Ekonomiku li għandu jiġi adottat sat-30 ta’ April 2011 b’kooperazzjoni mal-ministro dell’Ambiente e della Tutela del [territorio e del] Mare [il-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar], wara l-konsultazzjoni tal-Konferenza Unifikata prevista fl-Artikolu 8 tad-decreto legislativo n. 281 (id-Digriet Leġislattiv Nru 281), tat‑28 ta’ Awwissu 1997, abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a)      iffissar ta’ limitu annwali għas-saħħa elettrika prodotta minn installazzjonijiet fotovoltajċi li huma ammissibbli għall-benefiċċju tat-tariffi ta’ inċentiv;

(b)      iffissar ta’ tariffi ta’ inċentiv fid-dawl tat-tnaqqis fl-ispejjeż tat-teknoloġiji u tal-installazzjonijiet kif ukoll tal-miżuri ta’ inċentiv applikati fl-Istati Membri […];

(c)      tbassir ta’ tariffi ta’ inċentiv u ta’ partijiet differenzjati fid-dawl tan-natura tas-sit tal-installazzjonijiet;

(d)      applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Digriet Leġislattiv Nru 387/2003 […] fil-limitu tal-kompatibbiltà tagħhom ma’ dan il-paragrafu.”

10      L-Artikolu 26 tad-decreto-legge n. 91 – Disposizioni urgenti per il settore agricolo, la tutela ambientale e l’efficientamento energetico dell’edilizia scolastica e universitaria, il rilancio e lo sviluppo delle imprese, il contenimento dei costi gravanti sulle tariffe elettriche, nonché per la definizione immediata di adempimenti derivanti dalla normativa europea (id-Digriet Liġi Nru 91 dwar dispożizzjonijiet urġenti għas-settur agrikolu, il-protezzjoni tal-ambjent u l-effettività enerġetika tal-binjiet tal-iskejjel u tal-universitajiet, ir-rilanċ u l-iżvilupp tal-intrapriżi, il-limitazzjoni tal-ispejjeż imposti fuq it-tariffi tal-elettriku, kif ukoll għad-definizzjoni immedjata tal-formalitajiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Ewropea), tal‑24 ta’ Ġunju 2014 (GURI Nru 144, tal‑24 ta’ Ġunju 2014), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 116, tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 91/2014”), jipprovdi:

“1.      Sabiex titjieb il-ġestjoni tat-termini għall-ġbir u għall-ħlas ta’ inċentivi u tiġi ffavorita politika iktar sostenibbli ta’ sostenn għall-enerġiji rinnovabbli, it-tariffi ta’ inċentiv tal-enerġija elettrika prodotta minn installazzjonijiet fotovoltajċi solari, irrikonoxxuti fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 387/2003] u tal-Artikolu 25(10) tad-Digriet Leġislattiv [Nru 28/2011] għandhom jitħallsu skont il-modalitajiet previsti f’dan l-artikolu.

2.      Mit-tieni semestru [tas-sena] 2014, [GSE] għandha tħallas it-tariffi ta’ inċentiv imsemmija fil-paragrafu 1, b’pagamenti mensili kostanti, sal-ammont ta’ 90 % tal-kapaċità stmata ta’ produzzjoni annwali medja ta’ kull installazzjoni, matul is-sena kalendarja ta’ produzzjoni u tagħmel kalkolu, skont il-produzzjoni effettiva, qabel it‑30 ta’ Ġunju tas-sena sussegwenti. Il-modalitajiet operazzjonali huma stabbiliti minn GSE fil-ħmistax‑il jum ta’ wara l-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet u approvati permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Iżvilupp Ekonomiku.

3.      Sa mill-1 ta’ Jannar 2015, it-tariffa ta’ inċentiv għall-enerġija prodotta permezz tal-installazzjonijiet ta’ saħħa nominali ta’ iktar minn 200 kW għandha tiġi organizzata mill-ġdid, skont l-għażla tal-operatur, abbażi ta’ waħda mill-għażliet segwenti li għandha tiġi kkomunikata lil GSE sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 2014:

(a)      it-tariffa għandha titħallas għal tul ta’ żmien ta’ 24 sena b’effett mill-bidu tal-funzjonament tal-installazzjonijiet, u għalhekk hija tiġi kkalkolata mill-ġdid skont il-perċentwali ta’ tnaqqis indikata fit-tabella prevista fl-Anness 2 ta’ dan id-digriet;

(b)      bla ħsara għat-tul ta’ żmien tal-ħlas ta’ 20 sena, it-tariffa għandha tiġi organizzata mill-ġdid billi jiġi previst l-ewwel perijodu ta’ benefiċċju minn tariffa mnaqqsa meta mqabbla mat-tariffa attwali u t-tieni perijodu ta’ benefiċċju minn tariffa miżjuda bl-istess mod. Il-perċentwali tar-riorganizzazzjoni huma stabbiliti b’digriet tal-Ministru tal-Iżvilupp Ekonomiku, fuq parir tal-Autorità per l’energia elettrica, il gas e il sistema idrico [l-Awtorità għall-Enerġija Elettrika, il-Gass u n-Network tal-Ilma], li għandu jiġi adottat sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2014, b’mod li jippermetti, f’każ ta’ adeżjoni ta’ dawk kollha li għandhom dritt għall-għażla, iffrankar ta’ mill-inqas EUR 600 miljun kull sena għall-perijodu 2015‑2019, meta mqabbel mal-ħlas previst bit-tariffi fis-seħħ;

(c)      bla ħsara għat-tul ta’ żmien tal-ħlas ta’ 20 sena, it-tariffa għandha tiġi mnaqqsa b’perċentwali tal-miżura ta’ inċentiv fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, għat-tul ta’ żmien residwu tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżura, skont l-ammonti segwenti:

(1)      6 % għall-installazzjonijiet ta’ saħħa nominali ta’ iktar minn 200 kW u sas-saħħa nominali ta’ 500 kW;

(2)      7 % għall-installazzjonijiet ta’ saħħa nominali ta’ iktar minn 500 kW u sas-saħħa nominali ta’ 900 kW;

(3)      8 % għall-installazzjonijiet ta’ saħħa nominali ta’ iktar minn 900 kW.

Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-operatur, GSE għandha tapplika l-għażla prevista fil-paragrafu (c).

[…]

5.      Il-benefiċjarju tat-tariffa ta’ inċentiv prevista fil-paragrafi 3 u 4 għandu l-fakultà li jaċċedi għal finanzjamenti bankarji ta’ ammont massimu ekwivalenti għad-differenza bejn l-inċentiv diġà miksub fil-31 ta’ Diċembru 2014 u l-inċentiv organizzat mill-ġdid fis-sens tal-paragrafi 3 u 4. Minn dawn il-finanzjamenti jistgħu jibbenefikaw, b’mod kumulattiv jew alternattiv, fuq il-bażi ta’ ftehimiet ad hoc mas-sistema bankarja, dispożizzjonijiet speċifiċi jew garanziji mogħtija mill-Cassa Depositi e Prestiti SpA […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Anie tirrappreżenta l-impriżi li jeżerċitaw, fl-Italja, attività intiża għall-produzzjoni ta’ oġġetti u/jew servizzi fis-settur elettrotekniku u elettroniku, jew f’setturi relatati. Hija “federazzjoni tal-ewwel livell”, li fiha jingħaqdu assoċjazzjonijiet settorjali, li fosthom hemm l-assoċjazzjoni Anie Energie Rinnovabili, li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-industrija tas-settur tal-enerġija rinnovabbli. Ir-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali huma kumpanniji u intraprendituri individwali, proprjetarji u persuni responsabbli għal installazzjoni fotovoltajka waħda jew iktar b’saħħa ta’ iktar minn 200 kW, li jinsabu f’lokalitajiet differenti tat-territorju Taljan, li kkonkludew ma’ GSE ftehimiet għal perijodu ta’ 20 sena, ikkwalifikati bħala kuntratti rregolati mid-dritt privat, fis-sens tad-dritt Taljan, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tariffa ta’ inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika li tirriżulta mill-konverżjoni fotovoltajka. Għalhekk, dawn ir-rikorrenti kienu jibbenefikaw minn miżuri ta’ inċentivi previsti fl-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 u fl-Artikolu 25 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011. GSE hija kumpannija pubblika kkontrollata kollha kemm hi mill-ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, l-Italja) u li lilha ngħataw diversi funzjonijiet ta’ natura pubblika fis-settur tal-enerġija.

12      L-iskema Taljana ta’ inċentivi għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet fotovoltajċi ġiet emendata bl-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014, implimentata permezz ta’ digrieti ministerjali tas-16 u tas-17 ta’ Ottubru 2014, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu l-annullament tagħhom quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja).

13      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, essenzjalment, li l-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 ippreveda riorganizzazzjoni tal-inċentivi għall-installazzjonijiet b’saħħa ta’ iktar minn 200 kW sabiex tittejjeb il-ġestjoni tat-termini tal-ġbir u tal-ħlas tal-inċentivi kif ukoll sabiex tiġi promossa politika iktar sostenibbli ta’ għajnuna għall-enerġiji rinnovabbli. Hija tindika wkoll li, skont din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Taljan impona fuq l-operaturi tas-settur ikkonċernat it-tranżizzjoni għal sistema tariffarja differenti skont waħda mill-għażliet previsti fil-paragrafu 3 tal-imsemmija dispożizzjoni. Kull waħda minn dawn l-għażliet taffettwa mingħajr dubju b’mod negattiv is-sitwazzjoni ta’ dawn l-operaturi kif stabbilita fil-ftehimiet ta’ inċentivi konklużi bejn dawn tal-aħħar u GSE, billi tintroduċi elementi ġodda f’dawn il-ftehimiet, f’dak li jirrigwarda t-tul jew l-ammont tat-tariffi ta’ inċentiv.

14      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014, għat-tieni semestru tas-sena 2014, it-tariffi ta’ inċentiv kellhom jitħallsu fil-forma ta’ pagamenti mensili kostanti sal-ammont ta’ 90 % tal-kapaċità stmata ta’ produzzjoni medja annwali ta’ kull installazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ produzzjoni, filwaqt li sussegwentement isir il-kalkolu fid-dawl tal-produzzjoni effettiva. Għalhekk, din id-dispożizzjoni bidlet il-kundizzjonijiet kuntrattwali fis-seħħ, billi ssostitwixxiet il-kriterju tal-“produzzjoni effettiva” b’dak tal-“kapaċità ta’ produzzjoni medja annwali”, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-benefiċjarji tal-inċentivi inkwistjoni aċċedew għall-iskema ta’ sostenn taħt kundizzjonijiet differenti.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, quddiem l-imsemmija qorti, li d-Digrieti Ministerjali tas-16 u tas-17 ta’ Ottubru 2014 affettwaw negattivament relazzjonijiet pendenti, diġà suġġetti għad-deċiżjonijiet rispettivi ta’ ammissjoni għall-benefiċċju tat-tariffi ta’ inċentiv u għall-ftehimiet konklużi konsegwentement ma’ GSE, u ppreġudikaw serjament l-aspettattivi leġittimi tagħhom. Huma jinvokaw ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-Direttiva 2009/28, sa fejn l-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 introduċa b’mod retroattiv miżuri ta’ inċentivi inqas favorevoli, li jistgħu jfixklu l-kundizzjonijiet inizjali ta’ investimenti diġà mwettqa, u għaldaqstant, għandu jibqa’ mhux applikat sa fejn imur kontra d-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni. Il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku jitlob li r-rikorsi kontra dawn id-digrieti ministerjali jiġu miċħuda.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kawżi prinċipali jifformaw parti minn diversi kawżi li fil-kuntest tagħhom impriżi li jinsabu f’sitwazzjonijiet analogi għal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali qajmu l-istess kwistjonijiet bħal dawk imqajma fil-kawżi prinċipali. B’hekk, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) bil-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 26(3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014. Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, iddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma kinitx tmur kontra l-Kostituzzjoni Taljana. Hija kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi intervent li, fir-rigward tal-ibbilanċjar ekwu tal-interessi opposti inkwistjoni, jissodisfa interess ġenerali intiż sabiex jikkonċilja l-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ma’ tnaqqis tal-oneru irrappreżentat mill-ispejjeż relatati għall-utenti finali tal-enerġija elettrika. Hija ddeċidiet, barra minn hekk, li l-emenda tal-iskema ta’ inċentivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali la kienet imprevedibbli u lanqas f’daqqa, b’tali mod li operatur ekonomiku prudenti u avżat seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp leġiżlattiv possibbli, fid-dawl tan-natura temporanja u mutabbli tal-iskemi ta’ sostenn.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li l-imsemmija sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) ma ddeċidietx dwar ċerti kwistjonijiet rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali u li għandha ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk huwiex permess li l-leġiżlatur nazzjonali, skont id-dritt tal-Unjoni, jintervjeni b’mod li jaffettwa b’mod sfavorevoli mhux biss l-iskema ġenerali ta’ inċentivi, applikabbli għall-impriżi tas-settur ikkonċernat, iżda wkoll il-ftehimiet konklużi individwalment minn dawn l-impriżi ma’ kumpannija pubblika, f’dan il-każ GSE, għad-determinazzjoni tal-miżuri ta’ inċentivi konkreti għal perijodu ta’ 20 sena.

18      Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati humiex kompatibbli mal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn l-intervent leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali biddel unilateralment il-kundizzjonijiet legali li abbażi tagħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu bdew l-attività ekonomika tagħhom, u dan fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali emenda. Għal dawn l-istess raġunijiet, hija għandha wkoll dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, li jirrigwardaw, rispettivament, il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, kif ukoll mal-Artikolu 10 tal-Karta tal-enerġija.

19      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati jistgħu jkunu kuntrarji għall-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28, sa fejn dawn jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-iskemi ta’ sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku mill-installazzjonijiet fotovoltajċi, li għandhom, skont din id-direttiva, ikunu stabbli u kostanti. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu wkoll jippreġudikaw l-għanijiet tal-politika tal-enerġija, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda mill-kawżi magħquda, id-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hi dik li tinsab fl-Artikolu 26(2) u (3) tad-[Digriet Liġi Nru 91/2014], li tnaqqas jew aħjar idewwem b’mod sinjifikattiv il-ħlas tal-inċentivi diġà mogħtija b’liġi u ddefiniti skont ftehimiet ad hoc miftiehma mill-produtturi tal-elettriku mill-konverżjoni fotovoltajika mal-[GSE], kumpannija pubblika inkarigata b’din il-funzjoni?

B’mod partikolari tali dispożizzjoni nazzjonali hija kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-[Unjoni ta’ protezzjoni] tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ koperazzjoni leali u ta’ effettività mal-Artikoli 16 u 17 tal-[Karta]; mad-Direttiva [2009/28] u mar-regolamentazzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ li huma previsti hemmhekk; mal-Artikolu 216(2) TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tat-Trattat tal-[Karta tal-Enerġija]?”

21      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Frar 2019, il-Kawżi C‑798/18 u C‑799/18 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tnaqqis jew il-posponiment tal-ħlas tal-inċentivi għall-enerġija prodotta mill-installazzjonijiet solari fotovoltajċi mogħtija preċedentement permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u kkonfermati permezz ta’ ftehimiet ad hoc konklużi bejn l-operaturi ta’ dawn l-installazzjonijiet u kumpannija pubblika.

23      Dik il-qorti tirrileva li l-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 organizza mill-ġdid l-inċentivi għall-installazzjonijiet ta’ saħħa ta’ iktar minn 200 kW, mogħtija skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 jew l-Artikolu 25 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, sabiex itejbu l-ġestjoni tat-termini tal-ġbir u tal-ħlas ta’ inċentivi u sabiex tiġi promossa politika iktar sostenibbli ta’ sostenn għall-enerġiji rinnovabbli. Dan l-Artikolu 26 b’hekk ipprovda, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, mit-tieni semestru tas-sena 2014, it-tariffi ta’ inċentiv għandhom jitħallsu fil-forma ta’ pagamenti mensili kostanti sa 90 % tal-kapaċità stmata ta’ produzzjoni medja annwali ta’ kull installazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ produzzjoni, filwaqt li sussegwentement isir il-kalkolu fid-dawl tal-produzzjoni effettiva. Barra minn hekk, huwa stabbilixxa t-tranżizzjoni għal sistema tariffarja differenti skont waħda mill-għażliet indikati fil-paragrafu 3 tiegħu, jiġifieri l-estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-inċentiv, li huwa ta’ 24 sena, bi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti annwali ta’ perċentwali partikolari, it-tnaqqis tal-ammonti għall-perijodu mis-sena 2015 sas-sena 2019, ikkumpensat b’żieda għall-perijodu sussegwenti, jew tnaqqis tat-tariffa b’perċentwali li għandha tiġi ddeterminata skont is-saħħa nominali tal-installazzjonijiet.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmi Artikolu 26 jista’ jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li naqqas it-tariffi u emenda l-modalitajiet ta’ ħlas ta’ inċentivi diġà mogħtija skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 kif ukoll l-Artikolu 25(10) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u kkonfermati permezz ta’ ftehimiet konklużi individwalment minn GSE mal-operaturi tal-installazzjonijiet fotovoltajċi, li jindikaw it-tariffi ta’ inċentiv konkreti u l-modalitajiet speċifiċi tal-ħlas tagħhom għal perijodu ta’ 20 sena.

25      F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-Direttiva 2009/28 li l-iskema ta’ inċentivi fil-kawża prinċipali hija intiża li timplimenta, din għandha l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, miri nazzjonali mandatorji dwar is-sehem tal-enerġija prodotta minn tali sorsi fil-konsum finali gross tal-enerġija.

26      L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, japplikaw skemi ta’ sostenn sabiex jiksbu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdu, minn naħa, li kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fl-2020 jikkorrispondi mill-inqas għall-mira nazzjonali globali tiegħu, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri mfassla b’mod effettiv sabiex jiżguraw li s-sehem tagħhom tal-enerġija prodotta minn tali sorsi tkun mill-inqas ugwali għal dak previst fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I tal-istess direttiva.

27      Barra minn hekk, skont il-premessa 25 tad-Direttiva 2009/28, “[l]-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti” u huwa essenzjali li jkunu jistgħu, sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ sostenn nazzjonali, li jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ sostenn tagħhom skont il-potenzjal tagħhom.

28      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 u, b’mod partikolari, tal-kelma “jistgħu”, l-Istati Membri ma humiex obbligati jadottaw skemi ta’ sostenn sabiex jippromwovu l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Fil-fatt, huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jintlaħqu l-miri mandatorji nazzjonali globali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Anness I tagħha. Tali marġni ta’ diskrezzjoni jimplika li l-Istati Membri huma liberi li jadottaw, jemendaw jew iħassru skemi ta’ sostenn, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li dawn il-miri jintlaħqu (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 27).

29      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-Istati Membri jadottaw, b’dan il-mod, miżuri li permezz tagħhom jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma jkunu marbuta josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 26(2) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014, li temenda skema ta’ sostenn billi tnaqqas it-tariffi u temenda l-modalitajiet ta’ ħlas ta’ inċentivi għall-produzzjoni tal-elettriku mill-installazzjonijiet fotovoltajċi, sa fejn din tosserva dawn il-prinċipji.

31      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-titoli u l-kontenut rispettivi tagħhom, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 jimplimenta d-Direttiva 2001/77 u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 jittrasponi fid-dritt Taljan id-Direttiva 2009/28, li ħassret din l-ewwel direttiva. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-digrieti leġiżlattivi jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li din hija applikabbli għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. Konsegwentement, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali previst mill-Karta għandu jintlaħaq meta ssir tali traspożizzjoni, indipendentement mill-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istat Membri għandhom f’din it-traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 79).

32      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Artikolu 17 tal-Karta, dan jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt u li l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku, fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. Barra minn hekk, l-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn dan ikun meħtieġ fl-interess pubbliku.

33      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija f’dan l-artikolu ma tirrigwardax biss sempliċi interessi jew opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attivitajiet ekonomiċi, iżda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34, u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 69).

34      Għalhekk, għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, jekk il-garanziji mogħtija mill-Artikolu 17(1) tal-Karta jestendux għall-inċentivi għall-produzzjoni tal-enerġija fotovoltajka, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-ammonti tagħhom għadhom ma tħallsux, iżda li kienu ngħataw fil-kuntest ta’ skema ta’ sostenn eżistenti.

35      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jistax jitqies li dawn l-inċentivi għandhom valur patrimonjali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta li l-kunċett ta’ “beni” imsemmi fl-ewwel parti ta’ dan l-Artikolu 1 għandu portata awtonoma li ma hijiex limitata għall-proprjetà tal-beni korporali u li ċerti drittijiet u interessi oħra li jikkostitwixxu attiv jistgħu jitqiesu wkoll li huma “drittijiet patrimonjali” (il-Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2004, Broniowski vs Il-Polonja, CE:ECHR:2004:0622JUD003144396, punt 129).

36      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset għalhekk li, f’ċerti ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “beni” jista’ jkopri valuri patrimonjali, inklużi krediti (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 28 ta’ Settembru 2004, Kopecký vs Is-Slovakkja, CE:ECHR:2004:0928JUD004491298, punt 35).

37      F’dan il-każ, mill-proċessi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehimiet konklużi minn GSE mal-operaturi ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi kkonċernati skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003 kif ukoll l-Artikolu 25(10) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, kienu hekk konklużi b’mod ad hoc u individwali u li dawn il-ftehimiet kienu jindikaw it-tariffi ta’ inċentiv speċifiċi u t-tul taż-żmien tal-ħlas tagħhom. Għaldaqstant, jidher li l-inċentivi mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u kkonfermati mill-imsemmija ftehimiet ma kinux jikkostitwixxu sempliċi interessi jew opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, iżda kellhom valur patrimonjali.

38      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ ukoll, sabiex id-dritt għal inċentivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun jista’ jaqa’ taħt il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17 tal-Karta, li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dan id-dritt jikkostitwixxix pożizzjoni ġuridika miksuba, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 36).

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 61 tas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535), li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jirriżulta li dħul futur jista’ jitqies li huwa “beni” li jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta biss jekk ikun diġà ġie miksub, jekk kien is-suġġett ta’ kreditu ċert jew jekk ikun hemm ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu joħolqu, fir-rigward tal-parti kkonċernata, aspettattivi leġittimi għall-ksib ta’ valur patrimonjali.

40      Għaldaqstant, jeħtieġ, fid-dawl tal-punti 30 u 39 ta’ din is-sentenza, li tiġi eżaminata l-portata tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jkunu jistgħu jaġixxu konsegwentement (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu awtorità nazzjonali tkun tat lok għal tamiet fondati. Madankollu, fejn operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka dan il-prinċipju jekk il-miżura tiġi adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jinvokaw aspettattivi leġittimi għaż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tinbidel fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-imsemmija prinċipji, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha biss ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lil dik il-qorti bil-kriterji kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità. Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-fatturi kollha rilevanti li jirriżultaw mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu rrilevati, b’mod partikolari, il-fatturi li ġejjin, li jirriżultaw mill-proċessi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha.

45      Fir-rigward, qabelxejn, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003, li stabbilixxa l-iskema ta’ inċentivi għall-produzzjoni tal-enerġija mill-installazzjonijiet solari fotovoltajċi fl-Italja billi ttraspona d-Direttiva 2001/77, mill-Artikolu 7(2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jirriżulta li, fir-rigward tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet fotovoltajċi, id-digrieti ministerjali li japplikaw l-imsemmi digriet leġiżlattiv stabbilixxew tariffa ta’ inċentiv speċifika ta’ ammont li jonqos u ta’ tul ta’ żmien li jippermetti li tiġi ggarantita remunerazzjoni ekwa tal-ispejjeż ta’ investiment. Dawn id-digrieti stabbilixxew ukoll limitu massimu għas-saħħa elettrika akkumulata tal-installazzjonijiet kollha li setgħu jibbenefikaw mill-inċentiv.

46      Il-formulazzjoni stess ta’ dan l-Artikolu 7 tista’ għalhekk titqies, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, bħala li tindika lil operatur ekonomiku prudenti u avżat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li l-inċentivi inkwistjoni ma kinux iggarantiti għall-operaturi kollha kkonċernati matul perijodu determinat, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riferiment għal ammont li jonqos tat-tariffi ta’ inċentiv kif ukoll għat-tul ta’ żmien limitat tal-inċentiv u tal-iffissar ta’ limitu massimu tas-saħħa elettrika akkumulata eliġibbli għall-benefiċċju tal-istess.

47      F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, li ħassar id-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet, essenzjalment, l-istess konstatazzjoni billi ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due (C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605), li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati abbażi ta’ dan id-digriet kienu ta’ natura li jindikaw immedjatament lil operaturi ekonomiċi prudenti u avżati li l-iskema ta’ inċentivi applikabbli għall-installazzjonijiet solari fotovoltajċi setgħet tiġi adattata, jew imneħħija, mill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp ta’ ċerti ċirkustanzi.

48      Fil-fatt, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 kien jipprovdi, fl-Artikolu 25 tiegħu, li l-inċentiv għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet fotovoltajċi huwa rregolat minn digriet ministerjali li jistabbilixxi limitu annwali għas-saħħa elettrika akkumulata ta’ tali installazzjonijiet ammissibbli għall-benefiċċju tat-tariffi ta’ inċentiv u li jipprevedi dawn it-tariffi fid-dawl tat-tnaqqis fl-ispiża tat-teknoloġiji u tal-installazzjonijiet kif ukoll ta’ miżuri ta’ inċentivi applikati fl-Istati Membri l-oħra u tan-natura tas-sit tal-installazzjonijiet.

49      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ftehimiet konklużi ma’ GSE, mill-proċessi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, il-ftehimiet konklużi mal-proprjetarji tal-installazzjonijiet fotovoltajċi kkonċernati li bdew jiġu applikati qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 kienu jipprevedu biss il-kundizzjonijiet prattiċi għall-ħlas tal-inċentivi, li kienu mogħtija fil-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva preċedenti mogħtija minn GSE. Skont il-Gvern Taljan, dawn il-ftehimiet ġew ikklassifikati bħala kuntratti rregolati mid-dritt pubbliku wara att amministrattiv mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali).

50      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inċentivi għall-installazzjonijiet applikati wara l‑31 ta’ Diċembru 2012, dawn l-inċentivi kienu “mogħtija”, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 24(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, permezz ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat konklużi bejn GSE u l-entitajiet responsabbli mill-installazzjonijiet ikkonċernati, abbażi ta’ kuntratt standard iddefinit mill-Awtorità għall-Enerġija Elettrika u l-Gass.

51      Konsegwentement, jidher, kif indika l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-ftehimiet konklużi bejn l-operaturi tal-installazzjonijiet fotovoltajċi kkonċernati u GSE kienu ffirmati abbażi ta’ kuntratti standard, li dawn ma kinux jagħtu, bħala tali, inċentivi għal dawn l-installazzjonijiet, iżda kienu jistabbilixxu biss il-modalitajiet tal-ħlas tagħhom, u li, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-ftehimiet konklużi wara l‑31 ta’ Diċembru 2012, GSE kienet irriżervat id-dritt li temenda unilateralment il-kundizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar minħabba eventwali żviluppi leġiżlattivi, kif indikat espressament f’dawn il-ftehimiet. Dawn il-fatturi kienu jikkostitwixxu għalhekk indikazzjoni suffiċjentement ċara għall-operaturi ekonomiċi li l-inċentivi kkonċernati setgħu jiġu emendati jew imħassra.

52      Barra minn hekk, il-miżuri previsti fl-Artikolu 26(2) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 ma jaffettwawx l-inċentivi diġà mħallsa, iżda huma applikabbli biss sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet liġi u biss għall-inċentivi previsti, iżda li ma jkunux għadhom dovuti. Konsegwentement, dawn il-miżuri ma humiex retroattivi, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

53      Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jidhru, bla ħsara wkoll għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li jirriżultaw b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom kienet, bħala prinċipju, prevedibbli. Fil-fatt, mill-proċessi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet regolamentari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew debitament ippubblikati, kienu preċiżi biżżejjed u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom għarfien tal-kontenut tagħhom. Għaldaqstant, operatur ekonomiku prudenti u avżat ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-emendi magħmula għal din il-leġiżlazzjoni.

54      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt allegat mill-operaturi ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi kkonċernati li jibbenefikaw mill-inċentivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod kostanti għat-tul taż-żmien kollu tal-ftehimiet li huma kkonkludew ma’ GSE ma jikkostitwixxix pożizzjoni ġuridika miksuba u ma jaqax taħt il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 17 tal-Karta u, konsegwentement, l-emenda tal-ammonti ta’ dawn l-inċentivi jew tal-modalitajiet ta’ ħlas tagħhom li saret minn dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 ma tistax tiġi assimilata għal preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà kif irrikonoxxut minn dan l-Artikolu 17.

55      It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jitfakkar li dan jistabbilixxi l-libertà ta’ intrapriża u jipprevedi li din hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-leġiżlazzjonijiet u mal-prattiki nazzjonali.

56      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minn dan l-Artikolu 16 tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-istess artikolu, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Il-libertà kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta, hija intiża, b’mod partikolari, għall-għażla libera tas-sieħeb ekonomiku kif ukoll il-libertà li jiġi ddeterminat il-prezz mitlub għal servizz (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel, C‑277/16, EU:C:2017:989, punt 50).

58      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 26(2) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 jippreġudika l-libertà kuntrattwali tal-benefiċjarji tal-inċentivi previsti mill-ftehimiet konklużi ma’ GSE kif ukoll id-dritt tagħhom li jiddisponu liberament mir-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji tagħhom, minħabba li dan id-digriet liġi emenda l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn l-inċentivi.

59      Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, mill-proċessi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, il-ftehimiet konklużi mal-proprjetarji tal-installazzjonijiet u applikati qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 kienu jipprevedu biss il-kundizzjonijiet prattiċi għall-ħlas tal-inċentivi mogħtija permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi preċedenti u li, min-naħa l-oħra, l-inċentivi għall-installazzjonijiet applikati wara din id-data kienu kkonfermati permezz ta’ kuntratti standard konklużi bejn GSE u l-operaturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati li kienu jistabbilixxu biss il-modalitajiet ta’ ħlas ta’ dawn l-inċentivi.

60      Konsegwentement, jidher li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx setgħa ta’ negozjar fir-rigward tal-kontenut tal-ftehimiet konklużi ma’ GSE. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li dan huwa kuntratt standard stabbilit minn parti kontraenti, il-libertà kuntrattwali tal-parti l-oħra tikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi deċiż jekk hija taċċettax jew le t-termini ta’ tali kuntratt. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-ftehimiet konklużi wara t‑31 ta’ Diċembru 2012, GSE kienet qiegħda tirriżerva d-dritt li temenda unilateralment il-kundizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

61      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, titqies li tikkostitwixxi interferenza fil-libertà kuntrattwali tal-partijiet fil-ftehimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta.

62      Barra minn hekk, il-libertà ta’ intrapriża stipulata f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar tinkludi wkoll id-dritt, għal kull impriża, li tkun tista’ tuża liberament, fil-limiti tar-responsabbiltà li tinkorri għall-atti tagħha stess, ir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 49, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Lidl, C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 27).

63      Restrizzjoni ta’ dan id-dritt hija kkostitwita, b’mod partikolari, mill-obbligu li jittieħdu miżuri li jistgħu jirrappreżentaw, għal operatur ekonomiku, spiża kbira, u li jkollhom impatt kunsiderevoli fuq l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tiegħu jew li jeħtieġu soluzzjonijiet tekniċi diffiċli u kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 50).

64      Madankollu, f’dan il-każ, ma jidhirx li l-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 irrestrinġa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-operaturi tal-installazzjonijiet fotovoltajċi kkonċernati li jużaw liberament ir-riżorsi li huma għandhom, peress li t-tariffi ta’ inċentiv, kif mogħtija mill-atti amministrattivi u stabbiliti fil-ftehimiet konklużi bejn dawn l-operaturi u GSE, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tali riżorsi, sa fejn, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza, dawn huma biss inċentivi previsti, li għadhom mhux dovuti, u dawn l-operaturi ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi mill-fatt li jibbenefikaw minn tali inċentivi b’mod kostanti.

65      Għaldaqstant, mill-proċessi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Artikolu 26(2) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 issuġġetta lill-operaturi ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi għal restrizzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

66      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 26 tad-Digriet Liġi Nru 91/2014, ma tistax titqies li tippreġudika l-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta.

67      Fit-tielet lok, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 26(2) u (3) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014 mal-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-Artikolu 216(2) TFUE, din il-karta torbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri, peress li l-imsemmija karta hija ftehim imħallat.

68      Skont l-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija, kull parti kontraenti għandha, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, tinkoraġġixxi u toħloq kundizzjonijiet stabbli, ekwi, favorevoli u trasparenti sabiex isiru investimenti fiż-żona tagħha mill-investituri “ta’ Partijiet Kontraenti oħra”.

69      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija jirriżulta li l-kundizzjonijiet iddeterminati f’dan l-artikolu għandhom jiġu żgurati għall-investituri tal-partijiet kontraenti l-oħra.

70      Issa, f’dan il-każ, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li wieħed jew iktar mill-investituri kkonċernati huma investituri tal-partijiet kontraenti l-oħra fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija jew li allegaw ksur ta’ dan l-artikolu f’tali kwalità ta’ investitur. Konsegwentement, l-Artikolu 10 tal-Karta tal-Enerġija ma jidhirx li japplika fil-kawżi prinċipali, b’tali mod li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ din id-dispożizzjoni.

71      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tnaqqis jew il-posponiment tal-ħlas ta’ inċentivi għall-enerġija prodotta mill-installazzjonijiet solari fotovoltajċi mogħtija preċedentement b’deċiżjonijiet amministrattivi u kkonfermati bi ftehimiet ad hoc konklużi bejn l-operaturi ta’ dawn l-installazzjonijiet u kumpannija pubblika, meta din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda l-inċentivi li jkunu diġà previsti, iżda għadhom mhux dovuti.

 Dwar l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tnaqqis jew il-posponiment tal-ħlas ta’ inċentivi għall-enerġija prodotta mill-installazzjonijiet solari fotovoltajċi mogħtija preċedentement b’deċiżjonijiet amministrattivi u kkonfermati bi ftehimiet ad hoc konklużi bejn l-operaturi ta’ dawn l-installazzjonijiet u kumpannija pubblika, meta din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda l-inċentivi li jkunu diġà previsti, iżda għadhom mhux dovuti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.