Language of document : ECLI:EU:T:2011:287

Kawżi magħquda T-208/08 u T-209/08

Gosselin Group NV

u

Stichting Administratiekantoor Portielje

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Tqassim tas-suq — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Ksur uniku u kontinwu — Kunċett ta’ impriża — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 — Gravità — Tul”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika

(Artikolu 81 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Impriża — Kunċett — Eżerċizzju ta’ attività ekonomika

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Delimitazzjoni tas-suq — Skop — Determinazzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett sinjifikattiv

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/07, paragrafu 53)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ — Att ta’ natura vinkolanti

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/07)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafi 19 u 21 sa 23)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Prinċipju ta’ individwalità tas-sanzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Oneru tal-prova tat-tul tal-ksur fuq il-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Evalwazzjoni

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 29)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir antikompetittiv awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29)

1.      Il-kunċett ta’ unità ekonomika, li jista’ jinkludi diversi entitajiet legali distinti, ġie introdott sabiex jippermetti li jattribwixxu l-aġir ta’ entità ġuridika (is-sussidjarja) lil oħra (il-kumpannija parent) u mhux sabiex issostni l-kwalità tal-kumpannija parent. Il-kunċett ta’ unità ekonomika konsegwentement ma jistax iwarrab in-nuqqas ta’ kwalità ta’ impriża tal-kumpannija parent.

(ara l-punt 41)

2.      Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi, kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta’ finanzjament.

Entità li għandha kontroll ta’ parti minn kumpannija u li effettivament teżerċita dan il-kontroll billi tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha, għandha titqies bħala li qed tieħu parti fl-attività ekonomika tal-impriża kkontrollata u għalhekk għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Madankollu, is-sempliċi pussess ta’ azzjonijiet, anki jekk ta’ kontroll, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizzaw attività ekonomika tal-entità li għandha pussess ta’ azzjonijiet, billi dan jagħti biss lok għall-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ azzjonist jew ta’ membru, kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-ġbir ta’ dividendi, sempliċi frott ta’ proprjetà.

L-oneru tal-prova ta’ “interferenza” huwa għall-Kummissjoni.

(ara l-punti 44, 47, 48)

3.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn turi l-effetti antikompetittivi reali tal-ftehim jew tal-prattiki li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk l-effett tal-akkordju fuq l-iskambji intra-Komunitarji jew fuq il-kompetizzjoni ma jkunx “sinjifikattiv”. Fil-fatt, ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 81(1) KE, meta ma jkunx jillimita l-kompetizzjoni jew jeffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri biss b’mod insinjifikattiv.

L-obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE hija imposta lill-Kummissjoni meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax teffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat tagħha l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Kieku t-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha kienu awtomatikament suxxettibbli li jeffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kunċett ta’ natura sinjifikattiva, li huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, kien jispiċċa mingħajr valur. Anki fil-każ ta’ ksur minħabba l-għan, huwa neċessarju li l-ksur ikun suxxettibbli li jeffettwa l-iskambji intra-Komunitarji b’mod sinjifikattiv. Dan jirriżulta mil-Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, peress li l-preżunzjoni pożittiva, prevista fil-paragrafu 53 tagħhom, tapplika biss għall-ftehim jew għall-prattiki li huma, min-natura tagħhom stess, suxxettibbli li jeffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

Peress li l-Kummissjoni tipprovdi deskrizzjoni dettaljata biżżejjed tas-settur ikkonċernat, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika, hija tidentifika b’mod preċiż is-servizzi kkonċernati kif ukoll is-suq u tali deskrizzjoni tas-settur tista’ tkun biżżejjed sa fejn hija ddettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-pretensjonijiet bażiċi tal-Kummissjoni u fejn, fuq din il-bażi, il-parti tas-suq akkumulat taqbeż b’mod evidenti l-limitu ta’ 5 %. Meta l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni tista’ tibbaża fuq it-tieni kundizzjoni alternattiva tal-paragrafu 53 ta’ dawn il-linji gwida mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-paragrafu 55 ta’ dawn. Fil-fatt, fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 ta’ dawn il-linji gwida, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punti 89-91, 98, 112, 116, 117)

4.      Billi adottat ir-regoli ta’ kondotta, li huma l-Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, u billi ħabbret, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punt 109)

5.      L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni. Il-gravità tal-ksur setgħet tiġi stabbilita b’referenza għan-natura u għall-għan tal-aġir abbużiv. L-elementi li jirriżultaw mill-għan ta’ aġir jistgħu jkunu għalhekk iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk relatati mal-effetti tagħhom.

Ksur li kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, min-natura tiegħu, huwa partikolarment gravi.

Barra minn hekk, il-paragrafu 20 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 23(2)(a), tar-Regolament Nru 1/2003, jipprevedi li “l-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha tal-każ”. Dawn il-linji gwida wasslu għal bidla fundamentali ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni ta’ ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tħassret u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Għalhekk, skont il-paragrafu 19 ta’ dawn il-linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur”. Bħala regola ġenerali, skont il-paragrafu 21 ta’ dawn il-linji gwida “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jkun iffissat għal livell li jista’ jilħaq sa 30 %”.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi, u għalhekk tiddetermina r-rata preċiża, li tinsab bejn 0 u 30 %, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Il-paragrafu 22 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, il-parti tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur”.

Din id-diffikultà li jiġi ddeterminat perċentwali preċiż hija sa ċertu punt imnaqqsa fil-każ ta’ ftehim orizzontali sigrieti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq fejn, skont il-paragrafu 23 ta’ dawn il-linji gwida, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment meħud għal livell li jinsab “fl-għoli tal-iskala”. Minn dan il-paragrafu jirriżulta li, għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun superjuri għal 15 %.

Għalhekk ma hemmx lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet iffissat ir-rata ta’ 17 % sempliċement fuq il-bażi ta’ tan-natura intrinsikament gravi tal-ksur. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tapplika rata li hija daqs jew kważi daqs ir-rata minima prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew ċirkustanzi addizzjonali. Dan japplika biss jekk għandha tinżamm rata iktar għolja.

(ara l-punti 126, 127, 129-132)

6.      Meta ksur twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom. Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li jipprovdi li impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Il-gravità tal-ksur għandha tkun suġġett ta’ evalwazzjoni individwali li tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, il-fatti partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi. Għalhekk, il-fatt li impriża ma pparteċipatx għall-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti fejn hi pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta ssir l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, skont il-każ, tad-determinazzjoni tal-multa.

Madankollu, l-evalwazzjoni tal-fatti individwali normalment isir mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri meta jsir l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, imma fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti.

(ara l-punti 137-139)

7.      L-oneru tal-prova dwar il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE huwa għall-Kummissjoni u li din għandha tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ. B’mod partikolari, dan huwa l-każ fir-rigward tal-provi li jirrigwardaw it-tul tal-ksur, kriterju li l-piż tiegħu ġie msaħħaħ b’mod kunsiderevoli fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata tipproduċi provi relatati ma’ fatti li huma qrib biżżejjed fiż-żmien sabiex jista’ jkun raġonevolment ammess li dan il-ksur kompla b’mod kontinwu bejn dawn iż-żewġ dati speċifiċi.

Madankollu, ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’laqgħat multilaterali, hija din l-impriża li trid tressaq indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat bi ħsieb differenti minn tagħhom.

Din tirrigwarda akkordji li fil-kuntest tagħhom isiru laqgħat multilaterali, u waqt liema l-għanijiet antikompetittivi ġew diskussi. Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt huwa li, wara li pparteċipat f’laqgħat bħal dawn mingħajr ma weriet pubblikament nuqqas ta’ qbil mal-kontenut tagħhom, l-impriża tat l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija taqbel ma’ dan u li hija kienet ser tikkonforma. Billi l-impriża ma pparteċipatx f’laqgħat bħal dawn, huwa għall-Kummissjoni li tipproduċi l-prova tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha mingħajr ma tkun tista’ tibbenefika mit-tħaffif tal-oneru tal-prova li jirriżulta mill-ġurisprudenza, li tgħid, li sabiex ittemm ir-responsabbiltà tagħha, l-impriża għandha turi b’mod miftuħ u inekwivoku nuqqas ta’ qbil mal-ftehim, b’mod li l-parteċipanti l-oħra jkunu konxji tal-fatt li hija ma għadhiex tappoġġja l-għanijiet ġenerali tal-akkordju.

(ara l-punti 153, 154, 157-159)

8.      Skont it-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida, dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti, l-impriża kkonċernata għandha “tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa” u “turi konsegwentement li, matul il-perijodu li matulu tkun aderiet għall-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija naqset milli effettivament tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fuq is-suq”.

Madankollu, l-użu tal-espressjoni “bħal” tindika li l-lista ta’ ċirkustanzi elenkati fil-paragrafu 29 ta’ dawn il-linji gwida ma hijiex eżawrjenti. Iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni jew le ta’ impriża għall-elementi kostituttivi kollha tal-ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk mhux fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, tal-inqas fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. Fil-fatt, dan l-obbligu kien wieħed mir-raġunijiet li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ma jikkontradixxix il-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha natura personali. L-uniċi kriterji stabbiliti fit-tielet inċiż ta’ dan il-paragrafu 29 ma humiex suxxettibbli li jiggarantixxu din il-possibbiltà.

(ara l-punti 182, 183)

9.      L-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “[l]-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas […] meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni”. F’dan ir-rigward, is-sempliċi konoxxenza tal-aġir anitkompetittiv ma jimplikax li dan l-aġir impliċitament “ġie awtorizzat jew inkoraġġut” mill-istituzzjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida. Allegat nuqqas ta’ azzjoni, fil-fatt, ma jistax jiġi mqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament.

(ara l-punti 189, 192)