Language of document : ECLI:EU:T:2011:289

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet – Tqassim tas-suq – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Ksur uniku u kontinwu – Multi – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 – Gravità – Tul”

Fil-Kawża T‑211/08,

Putters International NV, stabbilita fi Cargovil (il-Belġju), irrappreżentata minn K. Platteau, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li qed jaġixxi bħala President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1.     Is-suġġett

1        Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Awwissu 2009 (ĠU C 188 p. 16), ir-rikorrenti, Putters International NV, ipparteċipat f’akkordju fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet, b’mod dirett u indirett, it-tqassim tas-suq u l-manipulazzjoni tal-proċedura f’sejħiet għal offerti. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-akkordju tħaddem għal kważi 19-il sena (minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003). Il-membri tiegħu ffissaw il-prezzijiet, ippreżentaw kwotazzjonijiet foloz (magħrufa bħala “kwotazzjoni ta’ konvenjenza”, iktar ’il quddiem il-“KTK”) lill-klijenti u għamlu tajjeb għal xulxin fil-każ ta’ offerti miċħuda permezz ta’ sistema ta’ kumpensi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“kummissjonijiet”).

2.     Ir-rikorrenti

2        Putters International (iktar ’il quddiem “Putters” jew ir-“rikorrenti”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li ilha teżisti mid-9 ta’ Jannar 1997. Matul is-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2006, Putters kellha dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ EUR 3 950 907.

3.     Il-proċedura amministrattiva

3        Skont id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess minħabba li kellha informazzjoni li tindika li xi kumpanniji Belġjani attivi fis‑settur tal-ġarr internazzjonali kienu involuti fi ftehim li huma suxxettibbli li jaqgħu taħt il-projbizzjoni fl-Artikolu 81 KE.

4        Għalhekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), twettqu verifiki għand Allied Arthur Pierre NV, Interdean NV, Transworld International NV u Ziegler SA f’Settembru 2003. Insegwitu għal dawn il-verifiki, Allied Arthur Pierre ressqet applikazzjoni għal immunità jew tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002”). Allied Arthur Pierre ammettiet il‑parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, elenkat il‑kompetituri involuti, b’mod partikolari kompetitur li preċedentement ma kienx magħruf mill‑Kummissjoni, u sssottomettiet dokumenti li jikkorroboraw id‑dikjarazzjonijiet orali tagħha.

5        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), diversi talbiet bil-miktub, għal informazzjoni, ġew indirizzati lill-impriżi involuti fil-ftehim antikompetittiv, kif ukoll lil organizzazzjoni professjonali. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata u nnotifikata lil numru ta’ kumpanniji. Id-destinatarji kollha wieġbu. Ir-rappreżentanti tagħhom, ħlief għal dawk ta’ Amertranseuro International Holdings Ltd, ta’ Stichting Administratiekantoor Portielje, ta’ Team Relocations Ltd u ta’ Trans Euro Ltd, invokaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni, li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni. Ġew mogħtija aċċess bejn is-6 u d-29 ta’ Novembru 2006. Is-seduta saret fit-22 ta’ Marzu 2007.

6        Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-11 ta’ Marzu 2008.

4.     Id-deċiżjoni kkontestata

7        Il-Kummissjoni ssostni li d-destinatarji tad-Deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti, ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, jew inżammu responsabbli ta’ dan. Il-parteċipanti fl-akkordju ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003. Bħala riżultat, huma wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

8        Skont il-Kummissjoni, is-servizzi kkonċernati jinkludu kemm il-ġarr ta’ beni ta’ persuna fiżika, li huma individwi jew impjegati ta’ impriża jew ta’ istituzzjoni pubblika, kif ukoll il-ġarr ta’ beni ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Dan il-ġarr huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju huwa l-punt ta’ oriġini jew id-destinazzjoni. Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-kumpanniji internazzjonali tal-ġarr inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-attività tal-akkordju jsir fil-Belġju, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju bħala li kien il-Belġju.

9        Id-dħul mill-bejgħ kollu tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002. Billi hija qieset li d-daqs tas-settur huwa ta’ madwar EUR 83 miljun, il-parti tas-suq tal-kumpanniji involuti ġie stabbilit għal madwar 50 %.

10      Il-Kummissjoni tiddikjara li, b’mod partikolari, l-akkordju kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin u sabiex fl-istess ħin, jew iktar tard, jitqassam is-suq f’modi differenti: ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (il-KTK) u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet).

11      Il-Kummissjoni tqis li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fl-istess ħin, il-kummissjonijiet u l-KTK ġew introdotti. Kummissjoni hija element moħbi fil-prezz finali li l-konsumatur kellu jħallas mingħajr ma jirċievi xi benefiċċju ekwivalenti. Fil-fatt, din tirrappreżenta somma ta’ flus li l-kumpannija tal-ġarr li tkun kisbet il-kuntratt għal ġarr internazzjonali għandha tħallas lill-kompetituri li ma jiksbux il-kuntratt, kemm jekk dawn ikunu ressqu offerta jew jekk ikunu astjenew milli jagħmlu dan. Din għalhekk hija tip ta’ kumpens finanzjarju għall-kumpanniji tal-ġarr li ma jiksbux il-kuntratt. Il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti. Il-Kummissjoni ssostni li din il-prattika għandha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju.

12      Il-membri ta’ dan l-akkordju kkooperaw ukoll sabiex jippreżentaw KTK, li jħallu lill-klijenti jaħsbu, jiġifieri dawk li qed iħallsu għall-ġarr, li huma jistgħu jagħżlu skont kriterji bbażati fuq il-kompetizzjoni. KTK hija kwotazzjoni inkorretta mogħtija lill-klijent jew lill-persuna li ser iġġorr permezz ta’ kumpannija tal-ġarr li ma għandhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-ġarr. Billi tipprovdi KTK, il-kumpannija tal-ġarr li riedet tirbaħ il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li talbet għal KTK”) kienet tiżgura li l-istituzzjoni jew l-impriża tirċievi numru ta’ kwotazzjonijiet, kemm direttament jew indirettament permezz tal-persuna li biħsieba ġġorr. Għal dan il-għan, il-kumpannija li talbet għal KTK tindika lill-kompetituri l-prezz, ir-rati ta’ assigurazzjoni u l-ispejjeż għall-ħażna li huma kellhom jitolbu għas-servizz. Dan il-prezz ogħla mill-prezz propost mill-kumpannija li talbet għal KTK, kien sussegwentement indikat fil-KTK. Skont il-Kummissjoni, billi l-persuna li biħsieba ġġorr normalment tagħżel il-kumpannija tal-ġarr li toffri l-iktar prezz baxx, il-kumpanniji involuti fl-istess ġarr internazzjonali, fil-prinċipju jafu minn qabel liema minnhom tista’ tirbaħ il-kuntratt għal dan il-ġarr.

13      Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-prezz mitlub mill-kumpannija li talbet għal KTK jista’ jkun ogħla milli kieku kien ikun għaliex il-kumpanniji l-oħra involuti fl-istess ġarr ippreżentaw KTK li inkludew prezz speċifikat mill-kumpannija li talbet għal KTK. Pereżempju, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, għal posta elettronika interna ta’ Allied Arthur Pierre, datata 11 ta’ Lulju 1997 li tgħid: “[I]l-klijent talab għal żewġ [KTK], nistgħu għalhekk nitolbu prezz għoli”. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta’ KTK lill-klijenti kienet manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti b’mod li l-prezzijiet fl-offerti kienu deliberatament ogħla mill-prezz tal-kumpannija li talbet għal KTK, u għola milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

14      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003. Hija tqis li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

15      Għalhekk, fl-aħħar nett il-Kummissjoni adottat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni, fejn l-Artikolu 1 huwa fformulat hekk kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [CE] billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

f)      [Putters], mill-14 ta’ Frar 1997 sal-4 ta’ Awwissu 2003;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(h) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 395 000 fuq ir-rikorrenti.

17      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni billi din id-dispożizzjoni tindika li hija wettqet ksur tal-Artikolu 81(1) KE;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni fil-parti li jimponi multa fuqha;

–        skont il-każ, tiffissa multa li hija ħafna iktar baxxa mill-ammont iffissat mill-Kummissjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi li jfittxu l-annullament tad-Deċiżjoni u t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa. L-ewwel motiv jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE waqt li l-motivi l-oħra jirrigwardaw il-kalkolu tal-multa.

1.     Fuq l-ewwel motiv, dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’akkordju kumpless u kkonsolidat

 L-argumenti tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti tikkontesta lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li hija pparteċipat f’akkordju kumpless u kkonsolidat, meta hija kienet biss ipparteċipat b’mod sporadiku f’prattiki relatati ma’ kummissjonijiet u ma’ KTK.

24      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-għanijiet tal-ftehim dwar il-prezzijiet, minn naħa, u l-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, min-naħa l-oħra, huma totalment differenti. Il-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-KTK ma kinux intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet, anki jekk b’mod indirett. It-tieni nett, il-partijiet għall-ftehim dwar il-prezzijiet, minn naħa, u l-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, min-naħa l-oħra, ma humiex l-istess. It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx tagħmel parti minn pjan globali. Għalkemm akkordju kumpless kien jeżisti fir-rigward ta’ grupp żgħir ta’ impriżi, hija ma kinitx tappartjeni għal dan il-grupp u tafferma li kienet tinjora l-ftehim dwar il-prezzijiet. Ir-raba’ nett, hija tenfasizza d-differenza kwalitattiva importanti bejn il-parteċipazzjoni tagħha f’ċerti prattiki u l-eżistenza ta’ akkordju kumpless bejn numru limitat ta’ impriżi.

25      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li ż-żewġ għanijiet distinti mfittxija mill-akkordju kienu, minn naħa, iż-żamma ta’ prezz għola għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u, min-naħa l-oħra, it-tqassim ta’ suq għal dawn is-servizzi. Madankollu, il-parteċipazzjoni sporadika tar-rikorrenti għall-prattiki tal-KTK u tal-kummissjonijiet ma tistax twassal għal żieda fil-livell ġenerali tal-prezzijiet fis-suq.

26      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

27      Permezz dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura antikompetittiva ta’ ċerti prattiċi u ssostni li hija ma ħaditx sehem fil-ksur uniku u kontinwu deskritt fid-Deċiżjoni. Konsegwentement, l-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata n-natura antikompetittiva tal-kummissjonijiet u tal-KTK, imbagħad, għandu jiġi mfakkar il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu u, fl-aħħar nett, għandhom jiġu applikati dawn il-prinċipji għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

 Fuq in-natura antikompetittiva tal-kummissjonijiet u tal-KTK

28      Ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-KTK ma kinux maħsuba – anki b’mod indirett – sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet. Din l-allegazzjoni ma tistax tintlaqa’. Għal dak li jirrigwarda l-kummissjonijiet, in-numru tagħhom u l-livelli tagħhom kienu stabbiliti minn qabel, qabel mal-kumpanniji tal-ġarr ma jippreżentaw il-kwotazzjonijiet tagħhom lill-klijenti. Għalhekk ma kienx jista’ jiġi evitat li l-kummissjonijiet jgħollu l-livell tal-prezzijiet, billi l-ispejjeż li jiġġeneraw ġew mgħoddija lill-klijenti. F’dak li jirrigwarda l-kwotazzjonijiet, il-prezz indikat f’offerta “falza” ġie ddeterminat mill-kumpannija li kienet talbitha u ġie aċċettat mill-kumpannija li qed tagħmel il-KTK, li tippermetti lil tal-ewwel tiffissa l-prezz tagħha għal livell għola minn dak li kien jirriżulta minn kompetizzjoni libera, qrib tal-prezz “falz” li ġie miftiehem bi qbil bejniethom. Fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni wriet l-effett tal-prattika tal-KTK fuq il-prezzijiet (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

29      Fir-rigward tal-argumenti li l-KTK kienu biss ppreżentati wara li l-klijent kien għamel l-għażla tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-persuna li hija f’kuntatt mal-fornitur, pereżempju l-aġent tal-Kummissjoni ma huwiex fil-fatt il-klijent tal-kumpannija tal-ġarr. Fil-fatt, hija l-kumpannija jew l-istituzzjoni li tħallas għall-ġarr li tagħżel kumpannija għall-ġarr. Huwa preċiżament bil-għan li jkollhom għażla li ħafna kumpanniji u istituzzjonijiet pubbliċi jirrikjedu li jiġu ppreżentati numru ta’ offerti.

30      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-prattiki li jirrigwardaw il-KTK u l-kummissjonijiet ma setgħetx twassal għal żieda fil-livell ġenerali tal-prezzijiet fis-suq, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal‑effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu meta jkun jidher li, bħal f’dan il-każ, l-għan tiegħu jkun li jirrestrinġi, jostakola jew li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, punt 30).

 Fuq il-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu

31      Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 82), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li jkun artifiċjali jekk dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan waħdieni, jiġi maqsum b’mod li jitqies bħala diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, filwaqt li bil-kontra ta’ dan, dan huwa ksur uniku li seħħ b’mod progressiv kemm permezz ta’ diversi ftehim u kif ukoll permezz ta’ prattiċi miftehma.

32      F’ċirkustanzi bħal dawn, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur b’mod ġenerali, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 83).

33      Minn din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 87).

34      Fil-fatt, akkordji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala komponenti ta’ ftehim antikompetittiv uniku biss jekk jiġi stabbilit li dawn huma parti minn pjan globali li jsegwi għan komuni. Barra minn dan, huwa biss jekk meta tipparteċipa f’dawn l-akkordji, l-impriża kienet taf jew messha kienet taf, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji kkonċernati tikkostitwixxi espressjoni tal-adeżjoni tagħha għall-ftehim (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 4027 u 4112).

35      Għalhekk, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti sabiex tiġi stabbilità l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża f’dan il-pjan, u l-fatt li hija kienet taf (ipprovat jew issuspettat) bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra, li jikkostitwixxi ksur.

36      Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata d-Deċiżjoni.

 Fuq il-kwalifika tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur inkwistjoni

–       Fuq l-eżistenza ta’ pjan globali intiż li jfittex għan komuni

37      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-Kummissjoni ssostni li l-impriżi inkwistjoni komplew bl-għan ekonomiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

38      Madankollu, il-kunċett ta’ għan komuni ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, billi l-fatt li l-kompetizzjoni ġiet effettwata jikkostitwixxi, bħala għan jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan komuni toħloq ir-riskju li l-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku.

39      F’dan il-każ, jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-għan komuni, imfittex b’metodi differenti li huma parti minn pjan globali, kien li jiġi stabbilit u li jinżamm livell għoli fil-prezz għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u l-qsim ta’ dan is-suq. Dan l-għan komuni huwa deskritt fid-dettall fil-premessi 314 u 322 sa 344 tad-Deċiżjoni.

40      Iż-żewġ prattiċi li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti, bħall-ftehim bil-miktub dwar il-prezzijiet, kellhom għan komuni, jiġifieri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fost il-parteċipanti fil-ftehim billi jistabbilixxu livell ta’ prezz ogħla minn dak li kien jeżisti mingħajr il-ftehim. Il-kummissjonijiet imħallsa lill-kompetituri li ma jirbħux il-kuntratt kienu jiskoraġġixxu sew li wieħed joffri prezz kompetittiv u, billi jiskambjaw informazzjoni fuq l-offerti tagħhom fil-kuntest tal-KTK, il-parteċipanti fl-akkordju rrestrinġew il-kompetizzjoni permezz tal-prezz. Barra minn dan, il-ftehim dwar il-KTK ippermetta lill-parteċipanti li jżommu prezzijiet fuq livell ogħla minn dak li kien ser jiġi mitlub fl-assenza tagħhom.

41      Fl-aħħar nett, ksur uniku u kontinwu jista’ wkoll isegwi l-għan doppju li jinfluwenza l-prezzijiet u li jinqasam is-suq. Dan l-argument għalhekk ma huwiex suxxettibbli li jikkontesta l-eżistenza ta’ tali ksur, hekk kif l-argument li l-partijiet kollha għall-ftehim dwar il-prezzijiet, minn naħa, u l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-KTK, min-naħa l-oħra, ma humiex l-istess. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li kull impriża tieħu sehem fil-ksur b’metodi partikolari għaliha ma jeffettwax il-kwalifika tal-ksur bħala ksur uniku u kontinwu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 260).

–       Fuq il-kontribuzzjoni intenzjonali tar-rikorrenti fil-pjan globali

42      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti għall-ksur, ma huwiex ikkontestat li hija pparteċipat fi tnejn mit-tliet prattiċi deskritti fid-Deċiżjoni, jiġifieri l-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-ftehim dwar il-KTK.

43      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti qatt ma pparteċipat fil-ftehim bil-miktub dwar il-prezzijiet. Madankollu, jekk impriża pparteċipat fi ksur permezz tal-aġir tagħha stess, hija tista’ wkoll tkun ikkunsidrata responsabili għall-aġir ta’ kumpanniji oħra fil-kuntest tal-istess ksur, li huwa minnu biss għall-perijodi ta’ parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 83). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir li kien waqaf iktar minn ħames snin qabel l-adeżjoni tagħha fl-akkordju.

44      Madankollu, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat ksur tar-rikorrenti tal-Artikolu 81(1) KE biss għall-perijodu mill-14 ta’ Frar 1997 sal-4 ta’ Awwissu 2003, perijodu li matulu r-rikorrenti pparteċipat f’kull parti tal-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, hekk kif dovut, li hija fil-fatt kienet biss ipparteċipat fl-akkordju mill-1997.

45      Barra minn dan, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-KTK ma ġewx applikati simultanjament u li d-dispożittivi fuq il-kummissjonijiet kienu iżolati, huma irrilevanti, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, sa fejn dawn iż-żewġ prattiki għandhom l-istess għan.

–       Fuq il-fatt li r-rikorrenti taf bl-aġir li jikkostitwixxu l-ksur

46      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kienet taf bl-aġir, tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, li jikkostitwixxi ksur, għandu jingħad li matul il-parteċipazzjoni ta’ din, ma kienx hemm laqgħat antikompetittivi. Madankollu, il-fatt li r-rikorrenti qatt ma attendiet għal laqgħa bħal din ma huwiex determinanti, billi l-funzjonament tal-akkordju juri li l-membri tiegħu ma kellhomx jipparteċipaw fil-laqgħat sabiex jiġu informati bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet jew il-KTK jew sabiex jieħdu sehem. Il-ftehim kienu normalment konklużi permezz tat-telefon, tal-posta elettronika u/jew tal-faks.

47      Barra minn dan, ir-rikorrenti neċessarjament kellha tkun konxja tal-aġir tal-parteċipanti l-oħra, li jikkostitwixxi ksur, billi l-prattika tal-kummissjonijiet u tal-KTK kienet ibbażata fuq kooperazzjoni reċiproka ma’ msieħba li kienu jalternaw kull darba. Fil-fatt, din is-sistema kienet ibbażata fuq il-prinċipju “du ut des” sa fejn kull impriża li kienet tħallas kummissjoni jew li kienet tipprovdi KTK, kienet tistenna li fil-futur tibbenefika hija nnifisha minn din is-sistema u tikseb kummissjonijiet jew KTK. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, dawn id-dispożittivi ma kinux iżolati, iżda kellhom rabta kumplimentari.

48      L-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma kinitx taf bil-ftehim bil-miktub u li hija ma kinitx taf bil-prattika tal-kummissjonijiet qabel l-1997 hija irrilevanti, billi d-Deċiżjoni tikkunsidra lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur sa minn din id-data. L-iktar, sa mill-1997, meta hija aċċettat l-ewwel kummissjoni tagħha, ir-rikorrenti saret taf li l-impriżi kollha ma kinux joperaw taħt il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. Għalhekk hija kienet konxja mill-aġir li jikkostitwixxi ksur, kif ukoll mill-għan antikompetittiv imfittex mill-kumpanniji l-oħra.

49      Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha raġun li tikkonkludi li r-rikorrenti kienet taf jew kellha tkun taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ftehim, li jikkostitwixxi ksur.

50      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li r-rikorrenti kienet ħadet sehem fil-ksur uniku u kontinwu deskritt fid-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, dwar il-kalkolu tal-ammont bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

51      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

52      Skont ir-rikorrenti, l-ammont bażiku huwa kkalkulat b’mod wiesa’ ħafna, għaliex id-dħul mill-bejgħ tagħha meta kkunsidrati direttament jew indirettament mal-ksur huwa ħafna inqas mill-ammont ta’ EUR 1 441 149 ikkunsidrat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, kienu biss 1 % tal-każijiet ta’ ġarr internazzjonali li ġew ittrattati mir-rikorrenti fl-2002 li kienu influwenzati mill-ksur. Skont ir-rikorrenti, dan ma huwiex id-dħul mill-bejgħ totali tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali li għandu jiġi kkunsidrat, iżda dħul mill-bejgħ li jirrigwarda servizzi li jistgħu jiġu raġonevolment marbuta, direttament jew indirettament, mal-ksur li hija wettqet.

53      Ir-rikorrenti tqis li n-natura sproporzjonata u mhux ugwali tal-metodu adottat mill-Kummissjoni jiriżulta wkoll mill-proporzjon bejn id-dħul mill-bejgħ ikkunsidrat u n-numru ta’ ksur ikkonstatat (EUR 18 476 għar-rikorrenti kontra madwar EUR 7 000 għal Allied Arthur Pierre, Interdean u Ziegler). Barra minn dan, dan l-ammont ta’ EUR 18 476 ma huwiex fi proporzjon mal-valur medju ta’ servizzi ta’ ġarr internazzjonali mwettaq mir-rikorrenti (EUR 4 650).

54      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti tar-rikorrenti għaldaqstant ma humiex fondati, jekk mhux ukoll irrilevanti. Ladarba li l-Kummissjoni tkun stabbiliet liema huma il-beni jew servizzi direttament jew indirettament relatati mal-ksur, il-valur tal-bejgħ ta’ dawn il-beni jew servizzi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Ir-rikorrenti tikkontesta d-dħul mill-bejgħ, direttament jew indirettament relatati mal-ksur, ikkunsidrat mill-Kummissjoni.

56      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, dan il-motiv ma huwiex irrilevanti. Fil-fatt, jekk, minflok l-ammont ta’ EUR 1 441 149, il-Kummissjoni kkunsidrat, għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, biss il-valur ta’ bejgħ li allegatament ġie effettwat mill-ksur, jiġifieri, skont ir-rikorrenti, 1 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 14 411.49, l-ammont bażiku jiżdied għal EUR 18 374.65 u għalhekk jibqa’ ferm taħt il-limitu ta’ 10 % applikat lir-rikorrenti f’dan il-każ.

57      Madankollu, l-argument li biss il-valur tal-bejgħ effettivament effettwat bil-ksur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006. Dan il-paragrafu jipprovdi dan li ġej:

“Għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża’ l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, direttament jew indirettament relatati mal-ksur […]”

58      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, ma huwiex ċar minn din id-dispożizzjoni li biss il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mill-ġarr realment effettwat permezz tal-prattiki illegali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-bejgħ rilevanti.

59      Għalhekk, il-kliem tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 jirreferi għal “bejgħ […] direttament jew indirettament relatati mal-ksur” u mhux għal “bejgħ effettwat bil-ksur”. Il-kliem tal-paragrafu 13 għalhekk jirrigwarda l-bejgħ imwettaq fis-suq rilevanti. Barra minn dan, dan jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-verżjoni Ġermaniża tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-2006, li tirreferi għal “Umsatz auf den vom Verstoß betroffenen Märkten” (bejgħ imwettaq fis-swieq ikkonċernati mill-ksur). A fortiori, il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 ma japplikax biss għal każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha provi tal-ksur.

60      Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti tfisser li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fil-kawżi dwar akkordji, il-Kummissjoni għandha l-obbligu f’kull każ li tistabbilixxi liema huma l-bejgħ individwali li kienu effettwati mill-akkordju. Tali obbligu qatt ma ġie impost mill-qrati tal-Unjoni u ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponi obbligu bħal dan fil-linji gwida tal-2006.

61      Barra minn dan, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-parti mid-dħul mill-bejgħ minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur huwa ta’ natura li jagħti indikazzjoni ġusta tat-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121). B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra p. II‑629, punt 643, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Saint-Gobain Gyproc Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑50/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 84). Dan il-prinċipju ġie mtenni fil-linji gwida tal-2006.

62      Minn dan jirriżulta li l-figuri ppreżentati mir-rikorrenti, jiġifieri dwar il-proporzjon bejn id-dħul mill-bejgħ ikkunsidrat u n-numru ta’ ksur ikkonstatat, huma irrilevanti. Dan huwa iktar il-każ, milli f’kawżi li jirrigwardaw akkordji, li huma sigrieta min-natura tagħhom, fejn huwa inevitabbli li ċerti provi tal-prattiċi antikompetittivi ma jiġux skoperti. F’dan il-każ, kien effettivament impossibbli li jinsabu elementi dwar kull ġarr effettwat.

63      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, dwar in-nuqqas ta’ distinzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

64      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali rigward l-applikazzjoni uniformi tar-rata ta’ 17 %, li tirrifletti l-gravità tal-ksur skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006.

65      Ir-rikorrenti tilmenta lill-Kummissjoni li kienet ikkalkulat il-multa billi applikat lill-impriżi kollha kkonċernati l-istess rata ta’ 17 % għall-gravità tal-ksur u għall-ammont addizzjonali ta’ dissważjoni, mingħajr ma kkunsidrat ir-rwol li kellhom fl-akkordju u n-natura tal-prattiċi li ħadu sehem fihom. Il-fatt li l-impriżi kollha huma għalhekk ittrattati b’mod identiku meta jkunu f’sitwazzjonijiet ferm differenti għandu l-effett li r-rikorrenti tkun ippenalizzata b’mod relattivament iktar qawwi minn impriża li huwa stabbilit li kellha rwol importanti fl-akkordju. Għalhekk, il-proporzjon bejn l-ammont bażiku tal-multa u n-numru ta’ ksur ikkonstatat jammonta għal EUR 23 462 għar-rikorrenti u biss għal EUR 6736 għal Allied Arthur Pierre. Fejn il-ksur ikun magħmul minn diversi partijiet, il-Kummissjoni madankollu hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva ta’ kull parteċipant. Hija tqis li d-differenza fir-rwoli rispettivi tal-partijiet fl-akkordju tirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni.

66      Il-Kummissjoni ssostni li l-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti fl-aħħar nett diġà hija “estremament baxxa” minħabba l-applikazzjoni tal-livell limitu tal-multa. Għalhekk, anki jekk il-kalkolu tal-multa kien aġġustat għar-raġunijiet invokati mir-rikorrenti, il-multa ma tkunx mnaqqsa ħafna. Barra minn dan, hija tikkontesta l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

67      L-ewwel nett, minn naħa, għandu jingħad li l-idea li għandu jkun hemm relazzjoni lineari bejn in-numru ta’ provi bil-miktub tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u l-perċentwali li tirrifletti l-gravità ta’ dan il-ksur hija żbaljata. Fil-fatt, fil-kawżi dwar l-akkordji, li huma sigrieti min-natura tagħhom, huwa inevitabbli li ċerti provi li juru manifestazzjonijiet prattiċi antikompetittivi ma jiġux skoperti, b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni ma tagħmilx spezzjonijiet għand ir-rikorrenti.

68      Fir-rigward ta’ nuqqas ta’ distinzjoni, għandu jsir riferiment għall-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tielet motiv imqajjem fil-kawża Team Relocations vs Il‑Kummissjoni (T‑204/08, punti 80 et seq tas-sentenza) u tat-tieni motivi ta’ Gosselin fil-kawża Gosselin vs Il‑Kummissjoni (T‑208/08, punti 24 et seq tas-sentenza). Madankollu, huwa ċar li f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10% diġà wassal għal tnaqqis kbir ħafna tal-multa. Fil-fatt, filwaqt li l-ammont bażiku tal-multa ġie ffissat għal EUR 1 830 000, il-multa imposta titla’ għal EUR 395 000. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li evalwazzjoni differenti tal-gravità, li għandha ssir qabel l-applikazzjoni tal-limitu, tista’ twassal għal tnaqqis tal-multa finali. Fil-fatt, minħabba n-natura tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ, kif determinat mill-grad tal-gravità tal-ksur, għandu, b’applikazzjoni tal-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006, ikun fuq livell li huwa “fuq nett tal-iskala”. Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tikkunsidra li huwa xieraq li tapplika rata ta’ 15.1 % fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità u għall-ammont addizzjonali, l-ammont bażiku tal-multa jammonta għal EUR 1 630 000 u għalhekk dejjem ferm ogħla mil-limitu.

69      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha hija inqas importanti minn dik ta’ kumpanniji oħra involuti, l-argumenti żviluppati insostenn ta’ din l-allegazzjoni, f’dan il-każ, ma jistgħux jeffettwaw l-ammont finali tal-multa imposta.

70      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, dwar l-impożizzjoni tal-multa massima

 L-argumenti tal-partijiet

71      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali sa fejn il-Kummissjoni imponiet fuqha l-multa massima stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel.

72      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-applikazzjoni tal-limitu wassal għal tnaqqis hekk sostanzjali, jiġifieri minn EUR 1 830 000 għal EUR 395 000, dan diġà qed jindika n-natura mhux raġonevoli u sproporzjonata tal-multa u tal-mod ta’ kalkolu mill-Kummissjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali billi imponiet l-multa massima permessa lill-parti li kellha rwol limitat fl-akkordju u influwenza żgħira fis-suq.

73      Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa nieqes minn portata awtonoma.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74      Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv, li jirriżulta mill-impożizzjoni tal-multa massima, huwa nieqes minn portata awtonoma fir-rigward tal-motivi l-oħra li jirrigwardaw l-ammont tal-multa. Is-sempliċi fatt li l-multa imposta fl-aħħar nett hija ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti, meta din il-perċentwali hija iktar baxxa għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, din il-konsegwenza hija inerenti fl-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala sempliċi livell massimu applikat wara tnaqqis possibbli tal-multa minħabba f’ċirkustanzi attenwanti jew tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

75      Madankollu, il-multiplikazzjoni tal-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ min-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur jista’ jimplika li, fil-kuntest tal-linji gwida tal-2006, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 issa huwa r-regola iktar milli l-eċċezzjoni għal kull impriża li topera prinċipalment f’suq wieħed u li pparteċipat għal iktar minn sena f’akkordju. F’dan il-każ, kull distinzjoni bbażata fuq il-gravità jew iċ-ċirkustanzi attenwanti mhux se tkun iktar suxxettibbli li teffettwa multa li ġiet limitata sabiex tonqos għal 10 %. In-nuqqas ta’ distinzjoni f’dak li jirrigwarda l-multa finali li tirriżulta jirrappreżenta problema, fid-dawl tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u ta’ sanzjonijiet, li hija inerenti għall-metodoloġija l-ġdida. Hija tista’ titlob li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-każijiet konkreti fejn l-applikazzjoni biss tal-linji gwida tal-2006 ma tippermettix għal distinzjoni xierqa. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali madankollu tikkunsidra li dan ma huwiex il-każ (f’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 81 et seq hawn taħt).

76      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

77      Permezz tal-aħħar motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali u żball ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni billi hija ma kkunsidrat l-ebda ċirkustanza attenwanti.

78      Ir-rikorrenti tqis li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn numru ta’ ċirkustanzi attenwanti ddefiniti fil-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006. B’mod partikolari, mal-ewwel intervent tal-Kummissjoni hija waqqfet kull involviment fit-twettiq tal-ksur; il-parteċipazzjoni tagħha tagħha fil-ksur kien ferm limitat; hija effettivament ikkooperat u dejjem ittrażmettiet id-data kollha neċessarja u utli lill-Kummissjoni. Barra minn dan, hija ma kkontestatx il-fatti u wriet diskrezzjoni kbira fil-proċedura, billi rrispondiet b’mod limitat għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ma pparteċipatx fis-seduta. Għalhekk l-attitudni tagħha kien konformi ma’ dak li hu mistenni minn impriża li xtaqet tibbenefika minn tranżazzjoni taħt l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat-30 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU L 171, p. 3).

79      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn dan, hija tqis li dan il-motiv bl-ebda mod ma jista jkun ta’ użu għar-rikorrenti, minħabba li, bl-applikazzjoni tal-limitu, il-multa imposta fuq Putters diġà kienet “estremament baxxa”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

80      Bħal fil-kuntest tat-tielet motiv, il-Kummissjoni tikkontesta l-utilità tal-motiv imqajjem mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ, tnaqqis tal-multa minħabba fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti ma tistax effettivament twassal għal tnaqqis tal-multa finali. Fil-fatt, billi l-implementazzjoni tal-limitu ta’ 10 % diġà wassal għal tnaqqis kbir ħafna tal-multa, u minħabba fin-natura taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, li għandu jiġu effettwat qabel l-applikazzjoni tal-limitu, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-multa finali. Għalhekk, hekk kif il-Kummissjoni ġustament osservat, anki jekk il-kalkolu tal-multa kien aġġustat għar-raġunijiet invokati mir-rikorrenti, il-multa ma tkunx imnaqqsa ħafna. Għal darb’oħra, din il-konsegwenza hija inerenti għall-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala sempliċi livell massimu applikat wara tnaqqis possibbli tal-multa minħabba f’ċirkustanzi attenwanti.

81      Madankollu, għall-kompletezza, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-argumenti invokati mir-rikorrenti.

82      L-ewwel nett, hija tqis li mal-ewwel intervent tal-Kummissjoni hija waqqfet kull involviment fit-twettiq tal-ksur. Huwa veru li l-ewwel inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas jekk l-impriża kkonċernata tipproduċi prova li mal-ewwel intervent tal‑Kummissjoni hija temmet il-ksur. Madankollu, is-sentenza ta’ wara tippreċiża li din “ma tapplikax għall-ftehim jew prattiċi sigriet (b’mod partikolari l-kartelli)”. Għalhekk, ġustament il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx raġuni li tiġġustifika t-tnaqqis tal-multa.

83      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kien limitat ħafna, għandu jingħad li l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ din l-impriża, għandha provi dokumentati dwar 78 każ konkret ta’ kummissjonijiet u ta’ KTK. Huwa veru li l-ksur inkwistjoni evolva matul iż-żmien u li l-ftehim bil-miktub li kienu ġew applikati matul l-ewwel fażi tal-ksur kienu sussegwentement abbandunati. Għalhekk, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat taħt il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006 jista’, fil‑prinċipju, jiġi maqsum fiż-żmien. Din iċ-ċirkustanza tista’ wkoll tiġġustifika tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.

84      Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-aġir li fih ipparteċipat ir-rikorrenti ma jirrappreżentax ksur inqas gravi minn ftehim bil-miktub li jiffissa prezzijiet jew l‑iffissar ad hoc tal-prezzijiet għall-ġarr speċifiku. Fil-fatt, kuntrarjament għall‑affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-KTK u l-kummissjonijiet ukoll kellhom effetti fuq il-prezzijiet (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-fatt li hija ma pparteċipatx għal-laqgħat b’għan antikompetittiv ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, minħabba li l‑akkordju ffunzjona permezz ta’ mekkaniżmi li jagħmlu inutli l-bżonn ta’ tali laqgħat.

85      It-tielet nett, fir-rigward, tal-allegata kooperazzjoni tar-rikorrenti mal‑Kummissjoni u li ma kkontestatx il-fatti, għandu jingħad li, skont il‑konstatazzjonijiet fil-premessi 592 u 594 tad-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni tar‑rikorrenti kienet sempliċement limitata għal tweġiba għat-talba għal informazzjoni dwar l-istruttura tal-impriża u tad-data ekonomika tagħha. Ir‑rikorrenti ma pprovdietx volontarjament provi li jikkonċernaw il-ksur. Barra minn dan, kuntrarjament għal Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni, tat-18 ta’ Lulju 1996, fuq in-nonimpożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU C 207, p. 4), l-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma tipprovdix għal tnaqqis minħabba li ma ġewx ikkontestati l-fatti. Konsegwentement, il‑Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkonkludi li ebda waħda minn dawn iċ‑ċirkustanzi ma setgħet tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa.

86      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni, li l-attitudni tagħha kienet konsistenti ma’ dak li hu mistenni minn impriżi li jixtiequ jibbenefikaw minn tranżazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 622/2008, dwar kif għandhom jitmexxew il‑proċeduri għar-riżolviment f’każijiet ta’ kartelli, daħal fis-seħħ f’Lulju 2008 biss, filwaqt li d-Deċiżjoni datata Marzu 2008 u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet innotifikata lir-rikorrenti f’Ottubru 2006. Għalhekk, dan ir-regolament ma kienx applikabbli f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, il-proċedura prevista fl‑imsemmi regolament ma kienx ġie segwit.

87      Għaldaqstant, l-aħħar motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

88      Billi l-motivi kollha tar-rikorrenti ġew miċħuda, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Putters International NV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti

1.  Is-suġġett

2.  Ir-rikorrenti

3.  Il-proċedura amministrattiva

4.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’akkordju kumpless u kkonsolidat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq in-natura antikompetittiva tal-kummissjonijiet u tal-KTK

Fuq il-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu

Fuq il-kwalifika tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur inkwistjoni

–  Fuq l-eżistenza ta’ pjan globali intiż li jfittex għan komuni

–  Fuq il-kontribuzzjoni intenzjonali tar-rikorrenti fil-pjan globali

–  Fuq il-fatt li r-rikorrenti taf bl-aġir li jikkostitwixxu l-ksur

2.  Fuq it-tieni motiv, dwar il-kalkolu tal-ammont bażiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, dwar in-nuqqas ta’ distinzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ motiv, dwar l-impożizzjoni tal-multa massima

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-ħames motiv, dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.