Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Settembru 2008 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-426/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: P. Gentili, Avukat tal-Istat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3411 finali, tat-8 ta' Lulju 2008, innotifikata fil-11 ta' Lulju 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), sa fejn hija teskludi ċertu nfiq li sar mill-Italja.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament Komunitarju taħt il-FAEGG erba' kategoriji ta' nfiq li saru mill-Italja matul is-snin bejn l-2001 sal-2006. Din tirrigwarda konkretament korrezzjonijiet relattivi għall-ċerti rifużjonijiet għall-esportazzjoni ta' frott u ħaxix u ta' zokkor, għall-għajnuna għall-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru għas-snin 2004 u 2005, għall-livell ta' imposta addizzjonali li għandha tkun applikata fuq prodotti tal-ħalib li għandhom volumi ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni li jaqbżu l-kwoti tal-ħalib attribwiti fir-rigward tas-sena kummerċjali 2002/2003, u għall-għajnuna għal zoni ta' uċuh tar-raba li jinħarat fir-rigward tas-snin 2004, 2004 u 2006.

In sostenn ta' dawn it-talbiet, ir-rikorrenti sssotni l-korrettezza u n-natura xierqa tal-kontrolli mwettqa.

Prattikament hija tinvoka l-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, tal-prinċipju ta' proporżjonalità, tal-Artikoli 11, 12 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001, tad-9 ta' Lulju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib2; tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, dwar finanzjament tal-politika komuni agrikola4; tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, tal-Artikoli 22 u 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/200, tal-11 ta' Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92, u tal-Artikoli 50, 51 u 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta' April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta'' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa.

____________

1 - ĠU L 187, p. 19.

2 - ĠU L 160, p. 103.

3 - ĠU L 209, p. 1.

4 - ĠU L 327, p. 11.

5 - ĠU L 141, p. 18.