Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta

(Kawża C-304/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Sanfrutos Cano u C. Schembri, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika ta’ Malta

Talbiet

tiddikjara li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li, għall-agglomerazzjonijiet Malta South (iktar ’il quddiem in-“Nofsinhar ta’ Malta”) u Malta North (iktar ’il quddiem it-“Tramuntana ta’ Malta”), ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 91/271/KEE 1 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

tiddikjara li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li għall-agglomerazzjoni Tramuntana ta’ Malta, ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir, qabel ma jiġi skarikat f’żoni sensittivi jew f’żoni ta’ ġbir ta’ ilma ta’ żoni sensittivi, ikun suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva;

tiddikjara li, billi ma ssorveljatx l-iskariki ta’ ilma urban mormi għall-agglomerazzjonijiet Nofsinhar ta’ Malta u Tramuntana ta’ Malta, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I, skont il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fil-punt D tal-Anness 1, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15 u l-punt B tal-Anness 1 u l-punt D tal-Anness 1 tad-Direttiva, u

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva skada fil-31 ta’ Ottubru 2006 u fil-31 ta’ Marzu 2007 għall-agglomerazzjonijiet Tramuntana ta’ Malta u Nofsinhar ta’ Malta rispettivament.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir, qabel ma jiġi skarikat, ikun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti. Il-Kummissjoni ssostni li l-agglomerazzjonijiet Nofsinhar ta’ Malta u Tramuntana ta’ Malta ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni essenzjalment peress li l-kapaċità tal-impjant tat-trattament għaż-żewġ agglomerazzjonijiet tibqa’ insuffiċjenti sabiex jiġi ttrattat it-toqol iddikjarat.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ksur mir-Repubblika ta’ Malta tal-Artikolu 4 tad-Direttiva inevitabbilment jimplika ksur tal-Artikolu 10 tal-istess direttiva, minħabba li dawk l-agglomerazzjonijiet li ma jistgħux jilħqu livell adegwat ta’ trattament ta’ ilma urban mormi konformement mal-Artikolu 4 ma jistgħux a fortiori jiżguraw operat suffiċjenti taħt kundizzjonijiet klimatiċi normali differenti.

Fir-rigward tal-agglomerazzjoni Tramuntana ta’ Malta, il-Kummissjoni ssostni wkoll ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva. L-impjant tat-trattament għal din l-agglomerazzjoni jiskarika f’żoni li kienu ġew indikati bħala żoni sensittivi għan-nitroġenu mill-awtoritajiet Maltin fit-22 ta’ April 2005, u għalhekk ir-Repubblika ta’ Malta kellha tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5 u tapplika trattament iktar strett mhux iktar tard mit-22 ta’ April 2012 (jiġifieri fi żmien seba’ snin wara l-identifikazzjoni taż-żona sensittiva). Minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tal-impjant tat-trattament, kif deskritt iktar ’il fuq, li jfisser li parti mit-toqol iġġenerat jiġi skarikat mingħajr ebda trattament, il-Kummissjoni ssostni li kien hemm ukoll ksur tal-Artikolu 5 fir-rigward ta’ din l-agglomerazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li kemm l-agglomerazzjonijiet Nofsinhar ta’ Malta kif ukoll Tramuntana ta’ Malta jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva, peress li ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva inevitabbilment jimplika li konformità tal-iskariki ma hijiex issorveljata skont il-punt B tal-Anness I u l-punt D tal-Anness 1 tad-Direttiva u għalhekk jeżisti ksur tal-Artikolu 15.

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26).