Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-8 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-94/20, Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-306/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Rossi, M. Domecq, T. Isacu de Groot, L. Wildpanner, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Campine NV, Campine Recycling NV

Talbiet

L-Appellant isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-94/20, Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni;

tieħu deċiżjoni hija stess dwar il-punti pendenti tat-tilwima, jew

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida, sa fejn għadha ma ġietx deċiża;

tikkundanna lil Campine għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta sabet li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266(1) TFUE billi rrifjutat li tħallas lil Campine u Campine Recycling (iktar ’il quddiem ‘Campine’) interessi moratorji għall-ħlas tardiv bir-rata REFI tal-BĊE b’żieda ta’ 3.5%, meta, fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ħallset lura l-ammont tat-tnaqqis tal-multa li Campine kienet ħallset proviżorjament skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 900 final1 , tat-8 ta’ Frar 2017, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40018 – Riċiklaġġ tal-batteriji tal-karozza), fl-implimentazzjon tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2019 fil-Kawża T-240/17 għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju u l-ħlas lura tal-ammont. Insostenn tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni:

    li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta sabet li l-kundizzjonijiet għal azzjoni għad-danni ġew issodisfatti (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju);

    li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi applikat b’mod ħażin il-liġi tal-Unjoni fuq l-interessi applikabbli biex jiġu osservati sentenzi li jannullaw jew inaqqsu multi ta’ kompetizzjoni (it-tieni parti tal-ewwel aggravju);

li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266(1) TFUE billi ma ħalsitx interessi moratorji fl-ammont sostnut minn Campine (it-tielet parti tal-ewwel aggravju);

li s-sentenza taħt appell tmur kontra l-ġurisprudenza qabel is-sentenza Printeos (ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju);

    li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet li l-effet ex tunc tas-sentenzi li jannullaw il-multi ta’ kompetizzjoni jinvolvu obbligu retroattiv biex iħallsu mill-ġdid il-multa qabel ma dawn jiġu kkanċellati (il-ħames parti tal-ewwel aggravju);

li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sostniet li l-obbligu li tħallas interessi moratorji għall-ħlas tardiv mid-data tal-ħlas provviżorju ta’ multa li tnaqqset mill-Qorti Ġenerali ma tnaqqasx l-effett deterrenti ta’ dik il-multa (is-sitt parti tal-ewwel aggravju).

Jekk il-Qorti tiċħad l-ewwel aggravju, permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta sabet li l-Kummissjoni kellha tħallas interessi moratorji bir-rata REFI tal-BĊE b’żieda ta’ 3.5 %.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta sabet li l-Kummissjoni kellha tħallas interessi komposti mid-data tal-ħlas lura parzjali tal-multa.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 900 final tat-8 ta’ Frar 2017 dwar proċedimenti skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40018 – Reċiklaġġ ta’ batterija tal-karozza).