Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fl-10 ta’ Mejju 2023 – AJ vs Bank BPH S.A.

(Kawża C-301/23, Bank BPH)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AJ

Konvenut: Bank BPH S.A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom konsumatur ma jistax effettivament jadixxi qorti b’talba biex jiġi kkonstatat li kuntratt konkluż minnu jinkludi fih klawżoli kuntrattwali mhux vinkolanti jew li dan il-kuntratt huwa kollu kemm hu null?

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit li klawżoli kuntrattwali jiġu redatti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem huwa ssodisfatt fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu indiċjat mar-rata ta’ kambju ta’ munita barranija meta l-bank ikun ipprovda lil min jissellef:

- tabella li tindika l-kronoloġija ta’ din il-munita barranija mal-munita nazzjonali li tindika li tul numru ta’ snin din ir-rata ta’ kambju nbidlet b’għexur ta’ punti perċentwali,

- simulazzjoni li tindika l-effett ta’ żieda fir-rata ta’ kambju ta’ munita barranija b’għexur ta’ punti perċentwali fuq l-ammont ta’ pagamenti ta’ kreditu?

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit li klawżoli kuntrattwali jiġu redatti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem għandu jiġi analizzat fir-rigward tal-mudell tal-konsumatur medju, jew jeħtieġ ukoll li jitqiesu s-sitwazzjoni u l-karatteristiċi individwali tal-konsumatur fid-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt inkluż, b’mod partikolari, l-għarfien, it-taħriġ u l-esperjenza tiegħu?

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal 5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tipprevedi li l-ammont ta’ marġni applikat mill-bank jikkorrispondi għall-medja aritmetika tal-marġni applikabbli minn numru ta’ banek oħra – banek kummerċjali speċifikament indikati – imur kontra r-rekwiżiti ta’ bona fide u jagħti lok għal żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur?

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom qorti nazzjonali tista’ tirrikonoxxi li sempliċi element inġust ta’ klawżola kuntrattwali (li jipprevedi li tiġi mmodifikata l-medja tar-rata tan-Narodowy Bank Polski (il-Bank Nazzjonali tal-Polonja) permezz ta’ marġni ta’ spread), li ma jikkostitwix obbligu kuntrattwali separat, ma jorbotx lill-konsumatur iżda dan jibqa’ marbut bil-kumplament ta’ din il-klawżola kuntrattwali?

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, li jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali, li l-konsumatur jiġi informat dwar il-konsegwenzi legali li tista’ ġġib magħha n-nullità ta’ kuntratt, jinkludi biss pretensjonijiet ta’ restituzzjoni li jirriżultaw min-nullità ta’ kuntratt jew kwalunkwe konsegwenzi legali ipotetiċi (anki dubjużi, diskutibbli jew mhux wisq probabbli) li jistgħu jirriżultaw min-nullità tal-kuntratt?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, u r-rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.