Language of document : ECLI:EU:C:2023:980

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet kummerċjali’ – Artikolu 3(1)(a) – Eżiġibbiltà ta’ interessi moratorji – Kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn impriżi”

Fil-Kawża C‑303/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Fabrycznej we Wrocławiu (il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław-Fabryczna, f’Wrocław, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

Powszechny Zakład Ubezpieczeń S.A.

vs

Volvia sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Powszechny Zakład Ubezpieczeń S.A. (iktar ’il quddiem “PZU”) u Volvia sp. z o.o. dwar il-ħlas ta’ interessi minn din tal-aħħar bħala konsegwenza tad-dewmien fil-ħlas tal-primjums dovuti fl-eżekuzzjoni ta’ żewġ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jikkonċernaw vetturi bil-mutur u tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ PZU għall-ispejjeż ta’ rkupru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 3, 8, 19 u 17 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdu:

“3.      Ħafna mill-ħlasijiet fi transazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ekonomiċi jew bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard milli jkun miftiehem fil-kuntratt jew milli jkun stipulat fil-kondizzjonijiet ġenerali kummerċjali. Għalkemm il-prodotti jiġu fornuti jew is-servizzi jseħħu, ħafna mill-fatturi korrispondenti jitħallsu ħafna wara l-iskadenza. Dan il-ħlas tard iħalli effett negattiv fuq il-likwidità u jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tal-intrapriżi. Iħalli effett ukoll fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ profitt tagħhom meta l-kreditur ikollu ħtieġa jikseb finanzjament estern minħabba ħlas tard. [...]

[...]

8.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun limitat għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. Din id-Direttiva ma għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, imgħax b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, per eżempju ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, jew ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-danni inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu djun li huma soġġetti għall-proċedimenti ta’ insolvenza, inklużi proċedimenti mmirati lejn ir-ristrutturar ta’ dejn.

9.      Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, ladarba l-awtoritajiet pubbliċi jittrattaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-intrapriżi.

[...]

17.      Il-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME)].

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

[...]

(3)      ‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda;

(4)      ‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) [...] jiġu sodisfatti;

(5)      ‘imgħax għal ħlas tard’ tfisser imgħax statutorju għal ħlas tard jew imgħax b’rata miftehma bejn l-intrapriżi, soġġett għall-Artikolu 7;

[...]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(a)      il-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; kif ukoll

(b)      il-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin u d-debitur ikun responsabbli għad-dewmien.”

 Id-dritt Pollakk

 Il-liġi dwar il-ġlieda kontra d-dewmien eċċessiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali

7        L-Artikolu 4 tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi Intiża sabiex Tiġġieled id-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali), tat-8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal-2013, intestatura 403), jiddefinixxi, fil-punt 1 tiegħu, it-“tranżazzjoni kummerċjali” bħala “kuntratt dwar il-provvista ta’ merkanzija jew dwar il-provvista ta’ servizzi b’titolu oneruż, jekk il-partijiet previsti fl-Artikolu 2 jikkonkludu dan il-kuntratt b’rabta mal-attività eżerċitata”, u, fil-punt 1a tiegħu, il-“ħlas bi flus”, bħala li huwa “l-korrispettiv għall-kunsinna ta’ oġġett jew għall-eżekuzzjoni ta’ servizz fi tranżazzjoni kummerċjali”.

8        L-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur għandu d-dritt li jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi legali relatati mad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu dwar interessi ogħla, għall-perijodu dekorribbli mill-jum li fih il-ħlas bi flus isir dovut sal-jum tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti kumulattivament:

(1)      il-kreditur ikun wettaq is-servizz tiegħu;

(2)      il-kreditur ma jkunx irċieva l-ħlas fit-terminu stabbilit fil-kuntratt.”

 Il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili

9        Skont l-Artikolu 487(2) tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat-23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal-1964, Nru 16, intestatura 93), “[k]untratt ikun sinallagmatiku meta ż-żewġ partijiet jintrabtu b’tali mod li l-prestazzjoni ta’ waħda jkollha bħala korrispettiv dik tal-oħra”.

10      L-Artikolu 805(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Permezz ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur jintrabat, fil-kuntest tal-attività tal-impriża tiegħu, li jipprovdi servizz partikolari fil-każ li jseħħ inċident previst f’dan il-kuntratt, filwaqt li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jobbliga ruħu li jħallas il-primjum tal-assigurazzjoni.

(2)      Is-servizz tal-assiguratur jikkonsisti, b’mod partikolari:

(1)      għall-assigurazzjonijiet għad-danni, fil-ħlas tal-kumpens previst għad-dannu li jirriżulta minn inċident previst fl-imsemmi kuntratt;

(2)      għall-assigurazzjonijiet personali, fil-ħlas tas-somma flus miftiehma, ta’ pensjoni jew ta’ benefiċċju ieħor fil-każ li jseħħ inċident fil-ħajja tal-assigurat previst fl-istess kuntratt.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Volvia, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk ta’ kiri ta’ vetturi, ikkonkludiet ma’ PZU, kumpannija tal-assigurazzjoni, żewġ kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur. L-ewwel kuntratt jirrigwarda l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tad-detenturi ta’ vetturi bil-mutur u l-assigurazzjoni komplementari dwar l-organizzazzjoni u t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tal-għajnuna f’każijiet ta’ waqfien tal-vettura. It-tieni kuntratt ikopri tip ieħor ta’ assigurazzjoni volontarja, jiġifieri l-assigurazzjoni msejħa “autocasco”, li tkopri t-telf, id-distruzzjoni u l-ħsara tal-vettura kkonċernata.

12      PZU adixxiet lis-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Fabrycznej we Wrocławiu (il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław-Fabryczna, f’Wrocław, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba intiża sabiex Volvia tiġi kkundannata tħallasha primjums tal-assigurazzjoni fl-ammont ta’ 7 619.89 zlote Pollakki (madwar EUR 1 700), flimkien mal-interessi moratorji, abbażi taż-żewġ kuntratti ta’ assigurazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, kif ukoll kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti.

13      Volvia ressqet oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas maħruġa mill-qorti tar-rinviju. Din l-ordni skadiet u l-kawża ġiet irrinvijata quddiem dik il-qorti sabiex tiġi eżaminata skont il-proċedura ordinarja.

14      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn impriżi jistax jiġi kklassifikat bħala “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, u jekk, konsegwentement, tali kuntratt jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li l-kwistjoni tan-natura ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni u, b’mod iktar partikolari, dik dwar jekk il-primjum imħallas mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jikkostitwixxix jew le l-korrispettiv għal servizz ipprovdut mill-assiguratur toħloq diviżjoni fil-ġurisprudenza u d-duttrina Pollakka.

15      Skont il-qorti tar-rinviju, kuntratt ta’ assigurazzjoni ma huwiex kuntratt sinallagmatiku, peress li l-primjum imħallas mill-persuna assigurata ma huwiex ir-remunerazzjoni tal-prestazzjoni tal-assiguratur li jikkonsisti fil-ħlas tal-kumpens previst għad-danni li jirriżultaw minn inċident kopert minn dan il-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tiżgura li tali interpretazzjoni tad-dritt Pollakk, li hija dik adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), ma tmurx kontra d-Direttiva 2011/7 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv) (C‑199/19, EU:C:2020:548).

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Fabrycznej we Wrocławiu (il-Qorti Distrettwali ta’ Wrocław-Fabryczna f’Wrocław) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ assigurazzjoni, li permezz tiegħu l-assiguratur jintrabat fil-konfront ta’ impriża li tipprovdi servizz partikolari fil-każ li jseħħ inċident previst fil-kuntratt, jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva?

U, fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv:

2)      L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva [2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur jissodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sempliċement minħabba li jipprovdi kopertura ta’ assigurazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, tiddeċiedi, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża permezz ta’ digriet motivat.

18      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal din il-kawża.

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” jkopri kuntratt ta’ assigurazzjoni li permezz tiegħu l-assiguratur jintrabat fil-konfront ta’ impriża li jipprovdi servizz partikolari fil-każ li jseħħ inċident previst minn dan il-kuntratt u din l-impriża tintrabat mal-assiguratur li tħallas il-primjum ta’ assigurazzjoni.

20      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessi 8 u 9 ta’ din id-direttiva u flimkien mal-Artikolu 1(2) tagħha, li jipprovdi li hija tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali.

21      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 2011/7 tkopri l-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali, inklużi dawk bejn impriżi privati, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tat-tranżazzjonijiet imwettqa mal-konsumaturi. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ddefinit b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, KROL, (C‑722/18, EU:C:1997:1028, punti 31 u 32).

22      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet sabiex tranżazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel nett, din għandha ssir jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi u, it-tieni nett, għandha twassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas ta’ remunerazzjoni.

23      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, huwa stabbilit, fil-kawża prinċipali, li Volvia u PZU għandhom il-kwalità ta’ “impriża”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi dan il-kunċett bħala li jfisser “kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda”.

24      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 27 tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv) (C‑199/19, EU:C:2020:548), li l-kunċetti ta’ “provvista ta’ merkanzija” u ta’ “provvista ta’ servizzi” previsti f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata b’riferiment għall-kunċetti magħrufa tad-dritt tal-Istati Membri jew tal-klassifikazzjonijiet magħmula fuq il-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-Trattat FUE jagħti, fl-Artikolu 57 tiegħu, definizzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ “servizzi”, li tkopri kwalunkwe servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni li ma jaqax taħt il-libertajiet fundamentali l-oħra, bl-għan li ma jkunx hemm attività ekonomika li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punti 30 sa 32).

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-iskop tad-Direttiva 2011/7, li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, huwa l-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi b’hekk tittejjeb il-kompetittività tal-impriżi, peress li dan id-dewmien fil-ħlas għandu effetti negattivi fuq il-likwidità ta’ dawn l-impriżi, jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tagħhom u jippreġudika l-profittabbiltà tagħhom, peress li l-imsemmija impriżi jkollhom jiksbu finanzjamenti esterni minħabba l-imsemmi dewmien (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 35).

26      Kuntratt ta’ assigurazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-assiguratur jintrabat fil-konfront tal-parti l-oħra li jipprovdi servizz partikolari fil-każ li jseħħ inċident previst f’dan il-kuntratt u din il-parti l-oħra tintrabat mal-assiguratur li tħallas il-primjums tal-assigurazzjoni, jikkostitwixxi għalhekk tranżazzjoni kummerċjali li twassal għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, sakemm din it-tranżazzjoni titwettaq bejn impriżi jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, l-attività ta’ assigurazzjoni mwettqa minn professjonist, bħal kumpannija ta’ assigurazzjoni, hija attività ekonomika, jiġifieri attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 45). Bla ħsara għall-fatt li tiġi rremunerata, l-attività ta’ assigurazzjoni timplika għalhekk “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, u, konsegwentement, “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7.

27      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw essenzjalment il-punt dwar jekk kuntratt ta’ assigurazzjoni joħloqx obbligi reċiproki għall-partijiet, u, senjatament, jekk is-servizz tal-assigutatur li huwa dak li jikkumpensa lill-assigurat fil-każ ta’ inċident jistax jitqies li jkun ġie pprovdut kontra l-primjum tal-assigurazzjoni, bħala remunerazzjoni, fid-dawl tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7. Dik il-qorti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza u d-duttrina Pollakka li hija tfittex li ssegwi, kuntratt tal-assigurazzjoni ma huwiex kuntratt sinallagmatiku li fl-eżekuzzjoni tiegħu provvista ta’ servizzi tingħata bħala korrispettiv għall-primjum imħallas mid-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni.

28      Madankollu, fid-dawl tal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jirriżulta għad-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jħallas il-primjum huwa ġġustifikat biss, minn perspettiva ekonomika, mill-garanzija għal kumpens li huwa jikseb bħala korrispettiv mill-assiguratur, fil-każ li jseħħ inċident. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-kumpens la jkun immedjat u lanqas ċert, fid-dawl tar-riskju li jseħħ dan l-inċident, il-primjum imħallas mill-assigurat jikkostitwixxi l-“korrispettiv ekonomiku” tas-servizz ipprovdut mill-assiguratur li jikkonsisti fil-garanzija tal-kumpens lill-assigurat, tul il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, f’każ ta’ inċident (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 47).

29      Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-premessa 8 tad-Direttiva 2011/7, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-ħlasijiet magħmula fil-kuntest tal-kumpens għad-danni, inklużi dawk imwettqa mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni, mingħajr madankollu ma ssemmi l-kuntratti ta’ assigurazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punti 36 u 40). Konsegwentement, dawn il-kuntratti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

30      Fl-aħħar nett, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna (C‑287/17, EU:C:2018:707), il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ kawża dwar talba għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ rkupru li jirriżultaw mill-ħlas tardiv tal-primjums ta’ assigurazzjoni dovuti fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn żewġ impriżi, ikkonfermat impliċitament, peress li rrispondiet għad-domandi magħmula, li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi bejn żewġ impriżi jimplikaw “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, u li, konsegwentement, dawn il-kuntratti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha.

31      Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” jkopri kuntratt ta’ assigurazzjoni li permezz tiegħu l-assiguratur jintrabat fil-konfront ta’ impriża li jipprovdi servizz partikolari fil-każ li jseħħ inċident previst f’dan il-kuntratt u din l-impriża tintrabat mal-assiguratur li tħallas il-primjum tal-assigurazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

32      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur jissodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu bil-kundizzjoni biss li jipprovdi kopertura ta’ assigurazzjoni lill-parti l-oħra, u dan indipendentement mill-ħlas lil din tal-aħħar ta’ kumpens fil-każ li jseħħ l-inċident kopert minn dan il-kuntratt.

33      Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, il-kreditur għandu jkun intitolat jitlob interessi moratorji mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira, meta jkun “wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu”.

34      Kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2011/7 kif ukoll mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li s-sempliċi eżistenza ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni hija biżżejjed sabiex l-obbligi kuntrattwali u legali tal-assiguratur jitqiesu li huma ssodisfatti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35      Għalhekk, hemm lok li għat-tieni domanda tingħata r-risposta l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur jissodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni biss li jipprovdi kopertura ta’ assigurazzjoni lill-parti l-oħra, u dan indipendentement mill-ħlas lil din tal-aħħar ta’ kumpens fil-każ li jseħħ l-inċident kopert minn dan il-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” jkopri kuntratt ta’ assigurazzjoni li permezz tiegħu l-assiguratur jintrabat fil-konfront ta’ impriża li jipprovdi servizz partikolari fil-każ li jseħħ inċident previst f’dan il-kuntratt u din l-impriża tintrabat mal-assiguratur li tħallas il-primjum ta’ assigurazzjoni.

2)      L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2011/7

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur jissodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni biss li jipprovdi kopertura ta’ assigurazzjoni lill-parti l-oħra, u dan indipendentement mill-ħlas lil din tal-aħħar ta’ kumpens fil-każ li jseħħ l-inċident kopert minn dan il-kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.