Language of document : ECLI:EU:C:2017:351

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Mejju 2017 (1)

Kawża C‑106/16

Polbud -Wykonawstwo sp. z o.o., fi stralċ

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja)]

“Libertà ta’ stabbiliment – Artikoli 49 u 54 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Konverżjoni transkonfinali – Trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija lejn Stat Membru ieħor mingħajr trasferiment tas-sede reali – Talba għat-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru kummerċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini – Rekwiżit ta’ xoljiment u stralċ tal-kumpannija – Protezzjoni tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Proporzjonalità”






I –    Introduzzjoni

1.        Il-libertà ta’ stabbiliment tipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li jipprojbixxu lil kumpannija kkostitwita skont id-dritt tiegħu milli tinbidel f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor?

2.        Din hija essenzjalment id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din id-domanda tqum fil-kuntest tal-intenzjoni ta’ kumpannija Pollakka b’responsabbiltà limitata li tieħu l-forma ġuridika ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż filwaqt li żżomm l-identità ġuridika tagħha. Madankollu, it-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru kummerċjali tal-Polonja, li huwa neċessarju għall-imsemmija intenzjoni, huwa prekluż mid-dritt ta’ tali Stat Membru li, għal dan il-għan, jeżiġi l-istralċ u x-xoljiment minn qabel tal-kumpannija.

3.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-oportunità tispeċifika l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tikkjarifika kwistjoni ta’ importanza fundamentali. Fil-fatt, għandu jiġi deċiż jekk din il-libertà fundamentali tiggarantixxix lil kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru mhux biss l-għażla libera tal-post tal-attività ekonomika tagħha fi ħdan l-Unjoni, iżda wkoll, indipendentement minn dan il-post, l-għażla li twettaq bidla transkonfinali tal-forma ġuridika tagħha.

4.        Għaldaqstant, il-kawża ser tkompli tissupplimenta s-serje ta’ sentenzi magħrufa sew tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mobbiltà transkonfinali tal-kumpanniji (2). Fil-fatt, ftit huma l-oqsma tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu lok għal daqstant interess fid-duttrina u li kienu s-suġġett ta’ daqstant skrutinju intens. Fid-dawl tal-għadd impressjonanti ta’ kontribuzzjonijiet f’dan il-qasam (3), u biex nikkwota lil Karl Valentin (4), jista’ jingħad li “Diġà ntqal kollox, iżda mhux minn kulħadd”.

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda għalhekk tintalab tiddeċiedi mill-ġdid.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni huwa ddeterminat mil-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikoli 49 u 54 TFUE.

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 270 tal-Kodeks spółek handlowych Pollakk (kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali, iktar ’il quddiem il-“KSH”) jipprovdi:

“Kumpannija tiġi xolta:

[…]

2.      bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-azzjonisti dwar ix-xoljiment ta’ kumpannija jew dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpannija barra l-pajjiż, ikkonfermata permezz ta’ att notarili;

[…]”

8.        L-Artikolu 272 tal-KSH jipprovdi kif ġej:

“Ix-xoljiment ta’ kumpannija jseħħ wara li jkun sar l-istralċ permezz tat-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru”.

9.        L-Artikolu 288(1) tal-KSH jipprovdi li l-karta tal-bilanċ tal-għeluq tal-kumpannija għandha tiġi ppubblikata fis-sede tal-kumpannija wara l-approvazzjoni mill-assemblea tal-azzjonisti u wara t-tmiem tal-proċeduri ta’ stralċ, u għandha tintbagħat lill-qorti tar-reġistru flimkien mat-talba għat-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru. Id-data ta’ referenza hija l-jum ta’ qabel id-distribuzzjoni tal-attivi residwi, wara s-sodisfazzjon tal-kredituri jew il-provvista ta’ garanziji favurihom.

10.      L-Artikoli 551 sa 568 tal-KSH jirregolaw il-konverżjoni tal-kumpanniji. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 562(1) tal-KSH jipprovdi li l-konverżjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju teżiġi riżoluzzjoni għal dan il-għan mill-assemblea tal-azzjonisti jew mill-assemblea ġenerali.

11.      L-Artikolu 17 tal-Ustawa z dnia 4 lutego 2011 r. – Prawo prywatne międzynarodowe (liġi dwar id-dritt privat internazzjonali tal-4 ta’ Frar 2011 – iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-DPI”), jipprovdi kif ġej:

“1.      Persuna ġuridika hija suġġetta għad-dritt tal-Istat fejn għandha s-sede tagħha.

2.      Madankollu, meta d-dritt li hemm riferiment għalih fil-paragrafu 1 jipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Istat li fuq il-bażi tiegħu ġiet ikkostitwita l-persuna ġuridika, ikun japplika d-dritt ta’ dan l-Istat.

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 19 tal-liġi dwar id-DPI:

“1.      Mat-trasferiment tas-sede tagħha fi Stat ieħor, persuna ġuridika ssir suġġetta għad-dritt ta’ dan l-Istat. Il-personalità ġuridika skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat tas-sede preċedenti tinżamm jekk dan ikun previst mid-dritt tal-Istati kkonċernati. It-trasferiment ta’ sede kummerċjali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea ma jimplikax it-telf tal-personalità ġuridika.

2.      L-amalgamazzjoni ta’ persuni ġuridiċi b’sede f’diversi Stati teżiġi t-twettiq tal-kundizzjonijiet previsti fid-dritt ta’ dawn l-Istati”.

III – Il-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Polbud-Wykonawstwo sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Polbud”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Pollakk stabbilita f’Łącko. Fit-30 ta’ Settembru 2011, l-azzjonisti tagħha ħadu d-deċiżjoni, skont il-punt 2 tal-Artikolu 270 tal-KSH, li jittrasferixxu s-“sede tal-kumpannija” lejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Il-post li fih twettaq l-attività ekonomika tagħha baqa’ l-istess.

14.      Fuq din il-bażi, fid-19 ta’ Ottubru 2011, Polbud talbet lill-qorti tar-reġistru kompetenti tagħti bidu għall-proċedura ta’ stralċ. Dan ġie rreġistrat fir-reġistru kummerċjali fis-26 ta’ Ottubru 2011 u ġie maħtur stralċjarju.

15.      Fit-28 ta’ Mejju 2013, l-assemblea tal-azzjonisti ta’ Polbud laħqet ftehim quddiem nutar f’Rambrouch (il-Lussemburgu) li d-deċiżjoni meħuda f’Settembru 2011 dwar it-trasferiment tas-sede tiġi eżegwita u li s-sede tal-kumpannija tiġi ttrasferita l-Lussemburgu b’effett minn dak il-jum, mingħajr ma tintemm il-personalità ġuridika jew tiġi stabbilita persuna ġuridika ġdida. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-kumpannija kellha tiegħu l-forma ġuridika ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Lussemburgiż, li l-isem jinbidel għal Consoil Geotechnik S.à.r.l. (iktar ’il quddiem “Consoil”) u li l-istatuti tal-kumpannija jitfasslu mill-ġdid. Fuq din il-bażi, Consoil ġiet irreġistrata fir-reġistru kummerċjali tal-Lussemburgu fl-14 ta’ Ġunju 2013 (5).

16.      Konsegwentement, fl-24 ta’ Ġunju 2013, Polbud ressqet talba għat-tħassir mir-reġistru kummerċjali quddiem il-qorti tar-reġistru fil-Polonja. Polbud ma segwietx l-istruzzjonijiet tal-qorti li tipproduċi l-provi meħtieġa tax-xoljiment u tal-istralċ tal-kumpannija. Għall-kuntrarju, hija rreferiet għat-trasferiment tas-sede tal-kumpannija fil-Lussemburgu u għall-kontinwazzjoni tal-eżistenza tal-kumpannija skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

17.      Il-qorti tar-reġistru rrifjutat din it-talba b’deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2013. L-appelli minn din id-deċiżjoni fl-ewwel u fit-tieni istanzi ma ntlaqgħux.

18.      Fl-aħħar nett, il-kumpannija ressqet appell ta’ kassazzjoni fl-4 ta’ Ġunju 2014 quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja). Hija sostniet li, meta ttrasferixxiet is-sede tagħha lejn il-Lussemburgu, hija tilfet l-istatus tagħha ta’ kumpannija Pollakka u saret kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż. F’dan l-istadju, il-proċeduri ta’ stralċ kienu ntemmu u l-kumpannija kellha titħassar mir-reġistru Pollakk.

19.      Is-Sąd Najwyższy kellha dubji dwar jekk ir-rifjut tat-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru kummerċjali fin-nuqqas tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt Pollakk imurx kontra l-libertà ta’ stabbiliment li hija ggarantita taħt id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, fit-22 ta’ Ottubru 2015, hija għamlet id-domandi li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE.

1.      L-Artikoli 49 u 54 TFUE jipprekludu lil Stat Membru, li fih kienet ġiet inizjalment ikkostitwita kumpannija kummerċjali (kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata), milli japplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrendu t-tħassir mir-reġistru kummerċjali dipendenti fuq ix-xoljiment tal-kumpannija wara li jkun sar l-istralċ tagħha, f’każ li l-kumpannija tkun ġiet ikkostitwita mill-ġdid fi Stat Membru ieħor skont deċiżjoni tal-azzjonisti favur il-kontinwazzjoni tal-personalità ġuridika miksuba fl-Istat Membru ta’ kostituzzjoni inizjali?

F’każ li r-risposta għal dik id-domanda tkun waħda negattiva:

2.      L-Artikoli 49 u 54 TFUE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit fid-dritt nazzjonali li l-proċeduri għall-istralċ tal-kumpannija għandhom isiru – inklużi t-terminazzjoni ta’ kull negozju pendenti, l-irkupru ta’ djun, l-eżekuzzjoni tal-obbligi u l-bejgħ tal-attiv tal-kumpannija, is-sodisfazzjon tal-kredituri jew il-provvista ta’ garanziji favurihom, is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-istat attwali ta’ dawn l-atti, u l-indikazzjoni tal-persuna li ser tiġi fdata bil-kotba u d-dokumenti – qabel ix-xoljiment tal-kumpannija, liema xoljiment iseħħ fil-mument tat-tħassir tagħha mir-reġistru kummerċjali, huwa miżura li hija adegwata, neċessarja u proporzjonata għal interess pubbliku li jimmerita protezzjoni fil-forma ta’ salvagwardja tal-kredituri, tal-azzjonisti f’minoranza u tal-impjegati tal-kumpannija migranti?

3.      L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment jinkludu sitwazzjoni li fiha – għall-finijet tal-konverżjoni f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor – kumpannija tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn l-Istat Membru l-ieħor mingħajr ma tibdel s-sede prinċipali tal-kumpannija tagħha, li jibqa’ fl-Istat ta’ kostituzzjoni inizjali?

20.      Ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2017 ipparteċipaw l-imsemmija partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Portugiża, kif ukoll Polbud u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

IV – Analiżi legali

21.      It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tikkonċerna l-intenzjoni ta’ Polbud li tibdel il-forma ġuridika tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata skont id-dritt Lussemburgiż. Peress li l-Lussemburgu, bħall-Istati Membri l-oħra kollha, jirrikjedi sede fit-territorju nazzjonali għall-kostituzzjoni u għall-kontinwazzjoni ta’ kumpanniji skont id-dritt nazzjonali, tali intenzjoni hija neċessarjament marbuta mat-trasferiment tas-sede (6). Tali trasferiment jidher li sar ukoll permezz tar-reġistrazzjoni ta’ Consoil fir-reġistru kummerċjali Lussemburgiż (7).

22.      Skont it-terminoloġija tal-Qorti tal-Ġustizzja, hawn inkwistjoni konverżjoni transkonfinali. Din tfisser il-konverżjoni ta’ kumpannija f’kumpannija suġġetta għad-dritt ta’ Stat Membru ieħor, fejn din l-aħħar kumpannija tinħoloq fil-proċess (8).

23.      Is-suċċess ta’ tali konverżjoni jiddependi, fil-prinċipju, fuq l-ordinamenti ġuridiċi kemm tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, is-sentenza VALE (9) kienet tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-Istat Membru ospitanti kien jipprevedi l-possibbiltà ta’ konverżjoni għall-kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali, iżda ma kienx jippermetti konverżjonijiet transkonfinali. Min-naħa l-oħra, il-każ preżenti jikkonċerna ostakoli min-naħa tal-Istat Membru ta’ oriġini. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Polonja ma tippermettix li Polbud, li l-personalità ġuridika tagħha ser tissokta permezz ta’ Consoil, titħassar mir-reġistru kummerċjali mingħajr stralċ u xoljiment minn qabel.

24.      Għandu jiġi ddeterminat jekk il-libertà ta’ stabbiliment tipprekludix dan l-approċċ. Din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li, skont l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-konverżjoni transkonfinali ma tinkludix bdil taċ-ċentru tal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpannija. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-libertà ta’ stabbiliment hijiex applikabbli f’dan il-kuntest (it-tielet domanda), jekk hemmx restrizzjoni (l-ewwel domanda), u jekk din tal-aħħar tistax, skont il-każ, tkun iġġustifikata (it-tieni domanda).

A –    Fuq it-tielet domanda preliminari

25.      It-tielet domanda preliminari, ifformulata b’mod kemxejn ambigwu, tirreferi għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE. Din id-domanda għandha tiġi evalwata l-ewwel. Fil-fatt, jekk konverżjoni transkonfinali, bħal dik intenzjonata fil-każ ineżami, lanqas ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, ma jkunx hemm lok li jsiru d-domandi dwar ir-restrizzjoni u l-ġustifikazzjoni.

26.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-libertà ta’ stabbiliment tapplikax għal operazzjoni li fiha kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, bil-għan li tiġi kkonvertita f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor, tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha f’dan l-Istat Membru, mingħajr ma tibdel is-“sede prinċipali tal-kumpannija tagħha”, jiġifieri skont il-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cartesio (10), l-uffiċċju veru tagħha, li għadu fl-Istat Membru ta’ oriġini.

27.      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-operazzjonijiet ta’ konverżjoni ta’ kumpanniji, bħala regola ġenerali, jagħmlu parti minn attivitajiet ekonomiċi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-libertà ta’ stabbiliment (11). Madankollu, dan ma jfissirx li tali operazzjonijiet normalment jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-libertà fundamentali. Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 49 TFUE dejjem iridu jiġu ssodisfatti. Skont din id-dispożizzjoni, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu pprojbiti, filwaqt li kumpanniji kkostitwiti b’mod effettiv skont id-dritt ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE għandhom jitqiesu bħala ċittadini.

28.      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk Polbud għandhiex titqies bħala kumpannija fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE u, għaldaqstant, tistax tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 1 hawn taħt), kif ukoll jekk il-konverżjoni intenzjonata fil-każ ineżami timplikax stabbiliment fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 2 hawn taħt).

1.      Kumpannija fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE

29.      Skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment, skont l-Artikolu 54 TFUE, tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li tista’ biss tiġi deċiża skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu fil-fatt jiddefinixxu kemm il-fattur ta’ konnessjoni li huwa meħtieġ minn kumpannija sabiex din tkun tista’ titqies li ġiet ikkostitwita skont id-dritt nazzjonali tiegħu u tkun tista’, konsegwentement, tibbenefika mil-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll il-fattur ta’ konnessjoni meħtieġ sabiex jinżamm dan l-istatus (12).

30.      Fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Liġi Pollakka dwar id-DPI, jista’ jqum dubju dwar jekk Polbud, wara t-trasferiment tas-sede tagħha fil-Lussemburgu, tibqax titqies li hija kumpannija Pollakka u jekk tistax tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment bħala tali. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, persuna ġuridika hija suġġetta għad-dritt tal-Istat fejn ikollha s-sede tagħha. Skont l-argument tal-Polonja fis-seduta, il-leġiżlatur Pollakk naqas milli jispeċifika l-kunċett ta’ “sede”. Madankollu, jekk dan il-kunċett jirreferi għas-sede statutorja ta’ kumpannija, Polbud tista’, konsegwentement, ma tibqax iktar titqies li hija kumpannija taħt id-dritt Pollakk.

31.      Madankollu, dan l-aspett għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju u ma huwiex neċessarju li jiġi indirizzat hawnhekk, peress li din il-qorti ma tiddubitax li Polbud tista’ tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment.

2.      Stabbiliment fi Stat Membru ieħor

32.      Għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk il-każ ineżami jikkonċernax stabbiliment fi Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ stabbiliment huwa wiesa’ ħafna u jimplika l-possibbiltà li wieħed jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru ieħor, u li jikseb profitt minn dan (13). Dan jirrikjedi preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, li għandha tkun tista’ tiġi kkonstatata abbażi ta’ fatturi oġġettivi u verifikabbli (14).

34.      Meta speċifikat il-kunċett ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dan jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss f’dan l-Istat u għal żmien indeterminat (15). Fil-ġurisprudenza iktar reċenti tagħha, hija kkonkludiet li jrid ikun hemm stabbiliment reali tal-kumpannija kkonċernata f’dan l-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva fih (16). Madankollu, sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-kriterju ta’ proċess ta’ stabbiliment reali biss b’rabta mal-eżistenza ta’ restrizzjoni (17) jew mal-ġustifikazzjoni (18) ta’ miżuri restrittivi.

35.      Madankollu, jekk, minn naħa, l-eżistenza ta’ stabbiliment tikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ stabbiliment fil-ġurisprudenza stabbilita jimplika installazzjoni effettiva fl-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva, konsegwentement għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment biss dawk l-operazzjonijiet li jinvolvu installazzjoni effettiva.

36.      Fid-dawl ta’ dan il-fehim wiesa’ li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għall-kunċett ta’ stabbiliment, is-sempliċi eżistenza ta’ ċerta infrastruttura fl-Istat Membri ospitanti, li tippermetti li titwettaq attività b’mod stabbli u kontinwu hemmhekk, hija suffiċjenti għal stabbiliment (19). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, hija suffiċjenti wkoll l-intenzjoni li jkun hemm tali stabbiliment (20).

37.      Fir-rigward tal-każ preżenti, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċentru tal-attivitajiet tan-negozju ta’ Polbud baqa’ l-Polonja. Dan ma jeskludix il-possibbiltà li l-kumpannija xorta waħda twettaq attivitajiet fil-Lussemburgu, li jikkostitwixxu stabbiliment reali fis-sens tal-ġurisprudenza, jew li din ikollha l-intenzjoni li twaqqaf tali stabbiliment. Jekk dan ikun il-każ, il-libertà ta’ stabbiliment tkun applikabbli (21).

38.      Jekk, għall-kuntrarju, Polbud tfittex biss li tibdel id-dritt tal-kumpanniji applikabbli għaliha, il-libertà ta’ stabbiliment ma tkunx rilevanti. Fil-fatt, għalkemm din il-libertà tagħti lill-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni d-dritt li jagħżlu liberament il-post tal-attività ekonomika tagħhom, ma tħallihomx liberi jagħżlu d-dritt applikabbli għalihom. Għaldaqstant, konverżjoni transkonfinali ma hijiex koperta mil-libertà ta’ stabbiliment bħala għan fiha nnifisha, iżda biss b’rabta ma’ stabbiliment reali.

–        Fuq is-sentenza Cartesio

39.      Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tiġi dedotta b’mod partikolari mis-sentenza Cartesio (22). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw lil kumpanniji rregolati bid-dritt nazzjonali tagħhom milli jżommu dan l-istatus meta dawn jittrasferixxu s-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, u b’hekk jiksru l-fattur ta’ konnessjoni meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih ġiet ikkostitwita l-kumpannija (23). Min-naħa l-oħra, bħalma qalet il-Qorti tal-Ġustizzja ober dictum, għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-każ tat-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija mingħajr bdil tad-dritt li hija suġġetta għalih u l-każ fejn kumpannija minn Stat Membru wieħed tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor bi bdil tad-dritt nazzjonali applikabbli u b’hekk tiġi kkonvertita f’tip ta’ kumpannija suġġetta għad-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru (24).

40.      Dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu mifhuma fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konverżjonijiet transkonfinali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment irrispettivament minn kull att ta’ stabbiliment reali. Għall-kuntrarju, minn perspettiva ġenerali, il-kunsiderazzjonijiet tagħha jimplikaw li t-trasferiment tas-sede reali mingħajr bdil tad-dritt applikabbli għall-kumpannija inkwistjoni huwa differenti mit-trasferiment bi bdil ta’ dan id-dritt. Din il-konklużjoni tidher li hija konvinċenti minħabba li l-ober dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jinqara fid-dawl tad-dikjarazzjoni ewlenija li tippreċedih, u minħabba li s-sentenza inkwistjoni tikkonċerna, sostantivament, it-trasferiment tas-sede reali ta’ kumpannija (25).

–        Fuq is-sentenzi Centros u Inspire Art

41.      Barra minn hekk, ma teżisti ebda kontradizzjoni mas-sentenzi Centros (26) u Inspire Art (27). Fil-fatt, sa fejn Polbud għandha l-intenzjoni li teżerċità attivitajiet ekonomiċi bħala kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru fi Stat Membru wieħed biss, huwa minnu li dan jikkorrispondi għas-sitwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi msemmija preċedentement, ikkonkludiet li hija kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment. Minkejja dan, għandha ssir distinzjoni. F’kull waħda minn dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-fatti tal-kawża mill-perspettiva ta’ kumpannija kkostitwita fi Stat Membru, li min-naħa tagħha kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor – l-Istat ta’ residenza tal-azzjonisti. Għall-kuntrarju, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissuġġerixxi li l-kawża preżenti tikkonċerna kumpannija li diġà teżisti, li tixtieq biss tibdel id-dehra legali tagħha.

42.      F’dan ir-rigward, il-fatt li fil-Lussemburgu ġiet irreġistrata kumpannija fil-forma ta’ Consoil bl-għan li tinżamm il-personalità ġuridika ta’ Polbud ma jwassal għal ebda konklużjoni oħra. Mill-perspettiva tal-Polonja, dan ma jistax ikun rilevanti. Fil-fatt, bħalma enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konverżjoni transkonfinali ta’ kumpanniji tippresupponi l-applikazzjoni konsekuttiva ta’ żewġ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (28). F’termini figurattivi, għalkemm Polbud diġà għandha sieq il-Lussemburgu, is-sieq l-oħra għadha l-Polonja.

3.      Konklużjoni ad interim

43.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikoli 49 u 54 TFUE tapplika għal operazzjoni li permezz tagħha kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, bl-għan li tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha f’dan l-Istat Membru, sa fejn tkun teżisti jew ikun hemm intenzjoni ta’ installazzjoni effettiva ta’ din il-kumpannija fl-Istat Membru l-ieħor għall-finijiet ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva. Dan ma jaffettwax is-setgħa ta’ dan l-Istat Membru li jiddefinixxi kemm il-fattur ta’ konnessjoni meħtieġ minn kumpannija sabiex din tkun tista’ titqies bħala kkostitwita skont id-dritt nazzjonali tiegħu, kif ukoll il-fattur ta’ konnessjoni li huwa meħtieġ għaż-żamma ta’ dan l-istatus.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

44.      Fil-każ li tiġi kkonstatata l-installazzjoni effettiva ta’ Polbud fil-Lussemburgu, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, ikun meħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari. Permezz ta’ din id-domanda, għandu jiġi kkjarifikat jekk hemmx restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment meta t-tħassir tal-kumpannija inkwistjoni mir-reġistru kummerċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini, liema tħassir huwa meħtieġ sabiex isseħħ il-konverżjoni transkonfinali, ikun suġġett għall-istralċ u għax-xoljiment preċedenti tagħha.

45.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet ta’ din il-libertà (29).

46.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, it-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija Pollakka fi ħdan l-Unjoni skont l-Artikolu 19(1) tal-Liġi dwar id-DPI ma jwassalx għat-telf tal-personalità ġuridika. Anki fil-każijiet ta’ bidla tad-dritt li jirregola lill-kumpannija, l-identità personali tinżamm. Konsegwentement, fil-prinċipju, id-dritt Pollakk jirrikonoxxi li l-personalità ġuridika ta’ Polbud tista’ tinżamm permezz ta’ Consoil. Fl-istess ħin, madankollu, id-deċiżjoni dwar it-trasferiment tas-sede barra l-pajjiż skont it-tieni punt tal-Artikolu 270 tal-KSH, flimkien mal-Artikolu 272 tal-KSH, teżiġi x-xoljiment tal-kumpannija wara li jkun sar l-istralċ.

47.      Ir-rifjut tal-awtoritajiet Pollakki li jħassru lil Polbud mir-reġistru kummerċjali mingħajr l-istralċ u x-xoljiment minn qabel madankollu jostakola t-twettiq tal-konverżjoni transkonfinali. Għalhekk, hemm restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment (30).

48.      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li, fil-każ fejn kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor tkun effettivament installat ruħha fi Stat Membru ieħor bl-iskop li teżerċita attività ekonomika effettiva, jew ikollha l-intenzjoni li tinstalla ruħha hemmhekk, u tikkonverti ruħha f’kumpannija taħt id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li t-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru kummerċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ xoljiment tal-kumpannija wara li jkun sar l-istralċ tagħha, tkun tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

49.      Fl-aħħar nett, fadal għalhekk li tingħata risposta għat-tieni domanda. Din essenzjalment hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-obbligu li ssir il-proċedura ta’ stralċ jikkostitwixxix miżura proporzjonata sabiex jiġu ssalvagwardati l-kredituri, l-azzjonisti minoritarji u l-impjegati tal-kumpannija li twettaq konverżjoni transkonfinali.

50.      Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ stralċ tinkludi, b’mod partikolari, il-konklużjoni ta’ kull negozju pendenti, l-irkupru ta’ djun, l-eżekuzzjoni tal-obbligi u l-bejgħ tal-attiv tal-kumpannija, is-sodisfazzjon tal-kredituri jew il-provvista ta’ garanziji favurihom, is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-istat attwali ta’ dawn l-atti, u l-indikazzjoni tal-persuna li ser tiġi fdata bil-kotba u d-dokumenti. Din il-proċedura tippreċedi x-xoljiment tal-kumpannija, li jseħħ bit-tħassir mir-reġistru.

51.      Skont ġurisprudenza stabbilita, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikoli 51 u 52 TFUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment huma ammissibbli biss meta jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huma jridu jkunu adatti sabiex jilħqu l-għan imfittex minnhom, u ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan (31).

52.      Fl-evalwazzjoni segwenti, ser nindirizza l-ewwel nett l-argument tal-Polonja li n-neċessità ta’ stralċ tal-kumpannija hija ġġustifikata għall-finijiet tal-ġlieda kontra prattiki abbużivi (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 1 hawn taħt). Sussegwentement, ser nindirizza l-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 2 hawn taħt).

1.      Fuq il-ġlieda kontra prattiki abbużivi

53.      Fil-fehma tal-Polonja, il-konverżjoni inkwistjoni hawnhekk hija arranġament artifiċjali li ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet ekonomiċi. Hija targumenta li l-istralċ tal-kumpannija huwa miżura xierqa sabiex l-impriżi jiġu preklużi milli jevadu d-dritt nazzjonali.

54.      L-argument tal-Polonja huwa superfluwu sa fejn huwa bbażat fuq il-premessa li Polbud għandha l-intenzjoni esklużiva li tibdel id-dritt li jirregola l-kumpannija. Fil-fatt, kif spjegat iktar ’il fuq, dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, jekk il-libertà ta’ stabbiliment issir applikabbli minħabba l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi reali fl-Istat Membru ospitanti, l-argument tal-Polonja ma jistax jiġi aċċettat.

55.      Fil-fatt, huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi invokat b’mod abbużiv (32). Madankollu, l-obbligu ġenerali li ssir il-proċedura ta’ stralċ imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu evitati tali prattiki, peress li fl-aħħar mill-aħħar tammonta għal preżunzjoni ġenerali inammissibbli li jeżistu prattiki abbużivi (33). Meta, f’każ partikolari, konverżjoni transkonfinali tkun ibbażata fuq raġunijiet inġusti, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi evitata jew tiġi ssanzjonata l-frodi (34).

2.      Fuq il-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati

56.      L-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (35). Madankollu, ma huwiex evidenti li l-obbligu li ssir il-proċedura ta’ stralċ huwa mezz xieraq sabiex jiġu ssalvagwardati l-interessi ta’ dawn il-gruppi. Fil-fatt, dan l-obbligu jostakola jew jipprojbixxi l-konverżjonijiet transkonfinali anki meta dawn l-interessi ma jkunux mhedda (36).

57.      Għall-kuntrarju, tali miżura tidher li hija saħansitra kontroproduttiva. Kif spjegat b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ stralċ fl-aħħar mill-aħħar hija intiża sabiex tintemm l-eżistenza legali ta’ kumpannija. Għalhekk, din timplika li l-kredituri privati tal-kumpannija jitilfu s-sieħeb kuntrattwali preċedenti tagħhom, ir-relazzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati kollha jiġu xolti u l-azzjonisti minoritarji, l-istess bħall-azzjonisti l-oħra, jitqassmilhom il-profitt residwu wara l-istralċ.

58.      B’mod kuntrarju, dan ma jfissirx madankollu li Stat Membru ma jkunx jista’ jistipula termini u kundizzjonijiet b’rabta mal-konverżjoni transkonfinali sabiex jipproteġi l-interessi pubbliċi. Dawn il-miżuri madankollu għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, ser nindirizza issa s-sitwazzjoni tal-kredituri (ara, f’dan ir-rigward, il-punt a hawn taħt), tal-azzjonisti minoritarji (ara, f’dan ir-rigward, il-punt b hawn taħt) u tal-impjegati (ara, f’dan ir-rigward, il-punt c hawn taħt).

a)      Fuq il-protezzjoni tal-kredituri

59.      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-kredituri jistgħu jkunu rilevanti biss l-interessi tal-kredituri eżistenti tal-kumpannija. Ladarba Polbud, wara li ssir il-konverżjoni transkonfinali, tibqa’ topera wkoll fil-Polonja bħala kumpannija Lussemburgiża, huwa evidenti għall-kredituri eventwali li r-relazzjonijiet interni u esterni tal-kumpannija ma humiex irregolati mid-dritt Pollakk (37).

60.      Madankollu, jeżisti r-riskju li l-interessi tal-kredituri eżistenti jiġu affettwati negattivament minħabba l-konverżjoni. B’mod partikolari, il-kumpannija tista’ sussegwentement tkun suġġetta għal regoli inqas stretti fir-rigward tal-protezzjoni tal-kapital u r-responsabbiltà. F’dan ir-rigward, ma għandux ikun hemm oġġezzjoni għall-fatt li dawn il-kredituri jitolbu salvagwardji adatti, sakemm dawn ikunu jistgħu juru li s-sodisfazzjon tal-pretensjonijiet eżistenti tagħhom huwa mhedded mill-konverżjoni (38).

61.      Sa fejn il-Polonja targumenta wkoll li l-konverżjoni tkun detrimentali għas-sitwazzjoni tal-kredituri mil-lat proċedurali, u f’dan ir-rigward tirreferi għall-fatt li l-kredituri jkollhom jieħdu azzjoni kontra l-kumpannija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, din l-oġġezzjoni ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, jekk, kif tissuġġerixxi l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, is-sede reali tal-kumpannija tibqa’ l-Polonja, għandu jiġi preżunt li proċeduri legali għadhom jistgħu jitressqu kontriha hemmhekk (39).

b)      Fuq il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji

62.      Barra minn hekk, il-bdil tad-dritt li jirregola l-kumpannija jista’ wkoll ikun detrimentali għall-pożizzjoni ta’ dawk l-azzjonisti li jkunu opponew il-konverżjoni mingħajr suċċess. Fil-fatt, huwa possibbli li d-dritt ġdid li jirregola l-kumpannija jkun jimplika bidla fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li għandhom sehem fil-kumpannija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa proporzjonat li l-azzjonisti kkonċernati jkunu jistgħu jtemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumpannija kontra ħlas ta’ kumpens xieraq (40).

c)      Fuq il-protezzjoni tal-impjegati

63.      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati, għandu jingħad qabelxejn, minn naħa, li dan il-punt la ġie diskuss f’iktar dettall mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-partijiet fil-proċedura. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ Polbud ma hemm ebda indikazzjoni li din kellha l-intenzjoni li twettaq rilokazzjoni jew tħassir ta’ impjiegi.

64.      Il-konverżjoni u t-trasferiment relatat magħha tas-sede statutorja tal-kumpannija madankollu jistgħu jaffettwaw ċerti drittijiet tal-ħaddiema li huma marbuta mas-sede statutorja. F’dan ir-rigward, naħseb immedjatament fil-kodeterminazzjoni korporattiva, jiġifieri l-parteċipazzjoni fit-tmexxija tal-impriża (41). Id-dritt li l-kumpannija tkun suġġetta għalih wara l-konverżjoni jista’ possibbilment jipprevedi drittijiet inqas estensivi ta’ parteċipazzjoni għall-impjegati.

65.      F’dan ir-rigward, mill-perspettiva tal-effetti possibbli tagħha fuq id-drittijiet tal-impjegati, konverżjoni transkonfinali ma hijiex differenti minn amalgamazzjoni transkonfinali (42). Il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola din tal-aħħar separatament fid-Direttiva 2005/56/KE (43) li l-Artikolu 16 tagħha jinkludi regola speċjali għall-ħarsien tal-interessi tal-impjegati, li essenzjalment hija intiża għall-ksib ta’ soluzzjoni nnegozjata. Fid-dawl ta’ dan, ma jkun hemm ebda tħassib jekk l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ kumpannija li twettaq konverżjoni transkonfinali jinsisti fuq l-osservanza ta’ regoli f’dan is-sens.

3.      Konklużjoni ad interim

66.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-obbligu ġenerali li ssir il-proċedura ta’ stralċ ma jikkostitwixxix miżura proporzjonata għall-protezzjoni tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati ta’ kumpannija li twettaq konverżjoni transkonfinali.

V –    Konklużjoni

67.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) kif ġej:

1.         Operazzjoni li permezz tagħha kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, bl-għan li tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha f’dan l-Istat Membru, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbilment prevista fl-Artikoli 49 u 54 TFUE, sa fejn tkun teżisti jew ikun hemm intenzjoni ta’, installazzjoni effettiva ta’ din il-kumpannija fl-Istat Membru l-ieħor għall-finijiet ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva. Dan ma jaffettwax is-setgħa ta’ dan l-Istat Membru li jiddefinixxi kemm il-fattur ta’ konnessjoni meħtieġ minn kumpannija sabiex din tkun tista’ titqies bħala kkostitwita skont id-dritt nazzjonali tiegħu, kif ukoll il-fattur ta’ konnessjoni li huwa meħtieġ għaż-żamma ta’ dan l-istatus.

2.         Fil-każ fejn kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor tkun effettivament installat ruħha fi Stat Membru ieħor bl-iskop li teżerċita attività ekonomika effettiva, jew ikollha l-intenzjoni li tinstalla ruħha hemmhekk, u tikkonverti ruħha f’kumpannija taħt id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi li t-tħassir tal-kumpannija mir-reġistru kummerċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ xoljiment tal-kumpannija wara li jkun sar l-istralċ tagħha, tkun tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

3.         L-obbligu ġenerali li ssir il-proċedura ta’ stralċ ma jikkostitwixxix miżura proporzjonata għall-protezzjoni tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati ta’ kumpannija li twettaq konverżjoni transkonfinali.



1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456), tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126), tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C‑208/00, EU:C:2002:632), tat-30 ta’ Settemrbu 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512), tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C‑411/03, EU:C:2005:762), tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723), u tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440). Fuq il-livell tad-dritt sekondarju, dan il-qasam għadu ma huwiex irregolat fid-dettall, ara, madankollu, id-Direttiva 2005/56/KE, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1) u r-Regolament Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251).


3 –      Bl-esklużjoni tal-entrati doppji, il-bażi tad-data tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preżentement tinkludi mhux inqas minn 559 pubblikazzjoni akkademika li jindirizzaw direttament is-sentenzi gwida msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 (ara curia.europa).


4 –      Kummidjant Bavarjan, kif ukoll kabarettista, kittieb u awtur ta’ diversi idjomi (1882-1948).


5 –      Ara l-Ġurnal Uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Recueil des Sociétés et Associations, C - N° 1841 tal-31 ta’ Lulju 2013, p. 88334 sa 88342.


6 –      It-tentattivi sabiex it-trasferimenti transkonfinali tas-sede jiġu rregolati fid-dritt sekondarju fil-qafas tal-erbatax-il Direttiva dwar il-liġi tal-kumpanniji sa issa għadhom ma rnexxewx. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew (P7_TA[2012]0259) tenna t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex titressaq proposta leġiżlattiva ġdida rilevanti. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2012 (“Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva”, COM[2012] 740 final), il-Kummissjoni essenzjalment irrikonoxxiet l-importanza tal-kwistjoni u sussegwentement nediet proċedura ta’ konsultazzjoni (ara http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2013/seat-transfer/docs/summary-of-responses_en.pdf). Sa issa, ma jidhirx li ttieħdu passi oħra f’dan ir-rigward.


7 –      Riżultat simili mil-lat funzjonali jista’ possibbilment jinkiseb skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/56 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2) permezz ta’ amalgamazzjoni transkonfinali. Dan jimplika madankollu x-xoljiment tal-entità mingħajr żamma tal-identità ġuridika tagħha (ara l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva).


8 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punti 19 u 23).


9 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440).


10 –      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 47).


11 –      Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 24), u tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C‑411/03, EU:C:2005:762, punt 19).


12 –      Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 109 u 110), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 26 u 27), u tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑‑378/10, EU:C:2012:440, punti 28 u 29).


13 –      Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, EU:C:1974:68, punt 21), tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 25), tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, EU:C:2006:568, punt 18), u tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, EU:C:2010:632, punt 37).


14 –      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, EU:C:2006:568, punt 19), u tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, EU:C:2010:632, punt 38).


15 –      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C-‑221/89, EU:C:1991:320, punt 20) u tal-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑246/89, EU:C:1991:375, punt 21).


16 –      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 54), tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 34), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 51).


17 –      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 34), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 51).


18 –      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 54).


19 –      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C‑215/01, EU:C:2003:662, punt 32). F’każijiet partikolari, il-kiri ta’ bini għall-użu professjonali jista’ jkun suffiċjenti; ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1985, Steinhauser (197/84, EU:C:1985:260, punt 16) u tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (205/84, EU:C:1986:463, punt 21). Is-sempliċi reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għall-kuntrarju ma hijiex suffiċjenti; ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 21).


20 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 35).


21 –      F’dan ir-rigward, nixtieq nagħmel riferiment għad-dikjarazzjonijiet li saru fis-seduta mir-rappreżentanta legali ta’ Polbuds, li jipprovdu li, għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad fit-talba għal domanda preliminari, il-kumpannija ttrasferixxiet l-attivitajiet kollha tagħha lejn il-Lussemburgu u ma għadha twettaq ebda attività ekonomika l-Polonja. Hija l-qorti tar-rinviju pero’ li għandha tislet konklużjoni definittiva dwar din il-kwistjoni.


22 –      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723).


23 –      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 110).


24 –      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 111).


25 –      Ara l-punt 47 tas-sentenza.


26 –      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126).


27 –      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512).


28 –      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 37),


29 –      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37), tas‑17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et (C‑79/01, EU:C:2002:592, punt 26), tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 36), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 48).


30 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 112 et seq).


31 –      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37), tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C‑250/95, EU:C:1997:239, punt 26), tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 47), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 42), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 61). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 113).


32 –      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 20), tat-23 ta’ Marzu 2000, Diamantis (C‑373/97, EU:C:2000:150, punt 33), tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68), tat-13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 29), u tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 37).


33 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/02, EU:C:2004:129, punt 27), tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑433/04, EU:C:2006:702, punt 35), tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 34), kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT (C‑318/10, EU:C:2012:415, punt 38).


34 –      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 38).


35 –      Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C‑208/00, EU:C:2002:632, punt 92), tat‑13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C‑411/03, EU:C:2005:762, punt 28), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, VALE (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 39).


36 –      Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C‑411/03, EU:C:2005:762, punt 30), u tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE (C 378/10, EU:C:2012:440, punt 40).


37 –      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 36), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 135).


38 –      Ara, b’analoġija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU L 110, p. 1), kif ukoll is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 37).


39 –      Dan japplika fi kwalunkwe każ taħt ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (“ir-Regolament Brussell Ia”; ĠU 2012 L 351, p. 1), ara l-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Artikolu 63(1)(b) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, għall-finijiet tad-dritt dwar l-insolvenza wkoll, għandu jitqies li l-qrati Pollakki għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali peress li fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, p. 19) jinsab fil-Polonja. Ara, f’dan ir-rigward ukoll, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kornhaas (C‑594/14, EU:C:2015:806).


40 –      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/25/KE, tal-21 ta’ April 2004, fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20).


41 –      B’kuntrast, il-post tas-sede statutorja huwa, ġeneralment, irrilevanti għall-portata tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni operattivi, jiġifieri drittijiet għall-protezzjoni ta’ interessi speċifiċi tal-persunal.


42 –      Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2005/56/KE (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


43 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.