Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ottubru 2009 - Purvis vs Il-Parlament

(Kawża T-439/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: John Robert Purvis (Saint-Andrews, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara d-deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament tad-9 ta' Marzu u tal-1 ta' April 2009 illegali inkwantu dawn jemendaw is-sistema ta' pensjoni addizzjonali u jħassru l-modi speċjali ta' ħlas tal-pensjoni addizzjonali tal-Membri jew ex Membri tal-Parlament li aderixxew volontarjament għal din is-sistema ta' pensjoni fakultattiva;

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Awwissu 2009 li tiċħad lir-rikorrent il-benefiċċju tal-pensjoni tiegħu, sal-limitu ta' 25%, fl-għamla ta' kapital;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors sar kontra d-deċiżjoni tal-Parlament, tas-7 ta' Awwissu 2009, meħuda għall-implementazzjoni tas-sistema ta' pensjoni addizzjonali (volontarja) li tinsab fl-Anness VIII tar-regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, kif emendati bid-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2009, u li tiċħad it-talba tar-rikorrent li jibbenefika, parzjalment (25%) fl-għamla ta' kapital u parzjalment fl-għamla ta' rendita, mill-pensjoni addizzjonali tiegħu b'effett mix-xahar ta' Awwissu 2009.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka fil-mertu erba' aggravji fuq il-bażi:

-    tal-ksur tad-drittijiet kweżiti tar-rikorrent kif ukoll tal-prinċipju tal-aspettativi leġittimi;

-    tal-ksur tal-prinċipji ġenerali ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità;

-    tal-ksur tal-Artikolu 29 tar-Regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jipprevedu attenzjoni partikolari min-naħa tal-kwesturi u tas-segretarju ġenerali għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni stretta ta' dawn ir-regoli;

-    tal-ksur tal-bona fide fl-eżekuzzjoni ta' kuntratti u fuq in-nullità ta' klawżoli purament fakultattivi.

____________