Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Mejju 2008 - Transnational Company 'Kazchrome' u ENRC Marketing vs Il-Kunsill

(Kawża T-192/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Transnational Company 'Kazchrome' (TNK Kazchrome) (Aktobe, il-Każakistan) u ENRC Marketing AG (Kloten, l-Iżvizzera) (rappreżentanti: L. Ruessmann u A. Willems, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja safejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż tagħha kif ukoll tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li jipproduċu u jbigħu il-ferro-silikon fis-suq ta' l-Unjoni Ewropea, jitolbu l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/20081 tal-25 ta' Frar 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li huma direttament u individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat u li d-dazju anti-dumping impost minn dan ir-regolament huwa riżultat ta' numru ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, ta' żbalji fattwali manifesti u ta' ksur tar-Regolament Bażiku2 (iktar 'il quddiem "ir-Regolament Bażiku") kif ukoll tal-Ftehim Anti-Dumping tal-WTO. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenut naqas mill-obbligu ta' motivazzjoni li huwa għandu skond l-Artikolu 253 KE.

Abbażi ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill naqas milli jiddistingwi bejn l-effetti kkawżati minn fatturi oħra stabbiliti u kwalunkwe dannu kkawżat minn importazzjonijiet milquta u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill jiksru l-Artikoli 3(2), 3(6) u 3(7) tar-Regolament Bażiku.

Abbażi tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-dazju anti-dumping ġie adottat abbażi ta' evalwazzjoni żbaljata ta' l-interess Komunitarju u bi ksur ta' l-Artikoli 9(4) u 21 tar-Regolament Bażiku.

Abbażi tat-tielet motiv tagħhom, qed jiġi sostnut li minkejja li r-rikorrenti pprovdew informazzjoni korretta lill-istituzzjonijiet, huma ġew allegatament ittrattati bħala li ma kkooperawx, il-Kunsill naqas milli jivverifika l-fatti li ntużaw ms informazzjoni li kienet disponibbli u fir-rigward ta' liema huwa kien ġie mgħarraf u naqas milli jimplementa trattament ta' ekonomija tas-suq approprjat fit-termini imposti mir-Regolament Bażiku.

Abbażi tar-raba' motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet tad-difiża tagħhom inkisru matul l-investigazzjoni.

____________

1 - ĠU 2008 L 55, p. 6

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1)