Language of document : ECLI:EU:T:2010:99

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Marzu 2010 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna favur ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju – Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni adottata wara annullament parzjali mill-Qorti tal-Ġustizzja – Assoċjazzjoni – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà ”

Fil-Kawża T‑189/08,

Forum 187 ASBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Sutton u G. Forwood, barristers,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2008/283/KE tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE (ĠU 2008, L 90, p. 7), sa fejn hija ma tagħtix perijodi tranżitorji prospettivi raġjonevoli liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra. p. I‑5479),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-iskema fiskali Belġjana taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, li tidderoga mil-liġi ordinarja, hija rregolata bid-Digriet Irjali Nru 187, tat-30 ta’ Diċembru 1982, dwar it-twaqqif ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni (Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1983), kif kompletat u emendat diversi drabi.

2        Il-benefiċċju ta’ din l-iskema huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni individwali u minn qabel taċ-ċentru permezz ta’ digriet irjali. Sabiex jikseb din l-awtorizzazzjoni, iċ-ċentru għandu jifforma parti minn grupp multinazzjonali li jkollu kapital u riżervi li jilħqu jew jaqbżu biljun BEF u li jipproduċi fatturat annwu li l-ammont globali tiegħu jilħaq jew jaqbeż għaxar biljun BEF. Huma awtorizzati biss ċerti attivitajiet preparatorji, awżiljarji jew ta’ ċentralizzazzjoni u l-impriżi tas-settur finanzjarju huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-iskema. Iċ-ċentri jridu jimpjegaw, fil-Belġju, għallinqas l-ekwivalenti ta’ għaxar ħaddiema full time matul l-ewwel sentejn tal-attività tagħhom.

3        L-awtorizzazzjoni mogħtija lill-ċentru huwa validu għal għaxar snin u tista’ tiġġedded għal għaxar snin oħra.

4        L-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kienet ġiet eżaminata mill-Kummissjoni meta ġiet introdotta. B’mod partikolari, f’deċiżjonijiet ikkomunikati fil-forma ta’ ittri fis-16 ta’ Mejju 1984 u fid-9 ta’ Marzu 1987, il-Kummissjoni kienet essenzjalment ikkunsidrat li tali skema, ibbażata fuq sistema ta’ determinazzjoni b’rata fissa tad-dħul taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, ma kienx fiha elementi ta’ għajnuna.

5        Wara li, fil-11 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni adottat Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 277), hija wettqet eżami ġenerali tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istati Membri mill-aspett tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

6        F’dan il-kuntest, fi Frar 1999, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jipprovdulha ċerta informazzjoni b’mod partikolari fuq l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Dawn irrispondew f’Marzu 1999.

7        F’Lulju 2000, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-imsemmija awtoritajiet li din l-iskema kienet tidher li tammonta għal għajnuna mill-Istat. Bil-għan li jibdew il-proċedura ta’ kooperazzjoni, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339), id-dipartimenti tal-Kummissjoni stiednu lill-awtoritajiet Belġjani jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar.

8        Fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat erba’ proposti ta’ miżuri utli, abbażi tal-Artikolu 88(1) KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Hija pproponiet lill-awtoritajiet Belġjani li jaċċettaw li jagħmlu numru ta’ emendi għal din l-iskema filwaqt li pprovdiet, b’mod tranżitorju, li qabel id-data ta’ aċċettazzjoni ta’ dawn il-miżuri, iċ-ċentri awtorizzati jkomplu jibbenefikaw mill-iskema preċedenti sal-31 ta’ Diċembru 2005.

9        Peress li l-awtoritajiet Belġjani ma aċċettawx il-miżuri utli proposti, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura formali ta’ eżami permezz ta’ deċiżjoni notifikata b’ittra tas-27 ta’ Frar 2002 (ĠU C‑147, p. 2), skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 659/1999. B’mod partikolari, hija stiednet lir-Renju tal-Belġju jissottometti l-kummenti tiegħu u jipprovdi kull informazzjoni utli għall-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Hija stiednet ukoll lil dan l-Istat Membru u lit-terzi kkonċernati sabiex jissottomettu kummenti u jipprovdu kull elementi utli sabiex jiġi ddeterminat jekk kinux jeżistu, għall-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni, aspettattivi leġittimi li jimponu t-teħid ta’ miżuri tranżitorji.

10      Fit-13 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura formali ta’ eżami (Kawża T‑276/02).

11      Wara l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni adottat, fis-17 ta’ Frar 2003, id-Deċiżjoni 2003/757/KE, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju favur iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, p.25, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2003”).

12      Skont l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-2003:

“Artikolu 1

L-iskema fiskali attwalment fis-seħħ fil-Belġju favur ċentri ta’ koordinazzjoni awtorizzati abbażi tad-Digriet Irjali Nru 187 hija skema ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

Il-Belġju huwa obbligat ineħħi l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1 jew jibdilha b’mod li tkun kompatibbli mas-suq komuni.

Mid-data meta tiġi nnotifikata din id-deċiżjoni, il-benefiċċju ta’ din l-iskema jew tal-elementi tagħha la jkun jista’ jingħata iktar lil benefiċjarji ġodda u lanqas jiġi pprorogat permezz tat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonjiet fis-seħħ.

F’dak li jirrigwarda ċ-ċentri diġà awtorizzati qabel il-31 ta’ Diċembru 2000, l-effetti tal-iskema jistgħu jinżammu sa meta tiskadi l-awtorizzazzjoni individwali fis-seħħ fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, u l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2010. Konformement mat-tieni subparagrafu, fil-każ ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel din id-data, il-benefiċċju tal-iskema li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ma jistax jingħata iktar, lanqas temporanjament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Sa mis-6 ta’ Marzu 2003, ir-Renju tal-Belġju għamel sottomissjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni simultanjament u talabhom sabiex “isir dak kollu meħtieġ sabiex iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet wara s-17 ta’ Frar 2003 ikun jista’ jiġi pprorogat sal-31 ta’ Diċembru 2005”. Din it-talba ġġedded fl-20 ta’ Marzu u fis-26 ta’ Mejju 2003 abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE.

14      Fil-25 u t-28 ta’ April 2003, ir-Renju tal-Belġju u r-rikorrenti, l-assoċjazzjoni Forum 187, li tiġbor iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, ipreżentaw rikorsi bil-għan tas-sospensjoni u l-annullament, totali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-2003 (Kawżi C‑182/03 u T‑140/03 li saru C‑217/03; Kawżi C‑182/03 R u T‑140/03 R, li saru C‑217/03 R).

15      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Ġunju 2003, Forum 187 vs Il-Kummissjoni (T‑276/02, Ġabra p. II-2075), il-Qorti Ġenerali rrifjutat bħala inammissibbli r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura formali ta’ eżami.

16      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I-6887, iktar ’il quddiem id-“Digriet Forum 187”), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-2003, sa fejn din tipprojbixxi lir-Renju tal-Belġju milli jġedded l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li kienu fis-seħħ fid-data meta ġiet innotifikata l-imsemmija deċiżjoni.

17      Hekk kif awtorizzahom id-Digriet Forum 1887, l-awtoritajiet Belġjani ġeddew l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li skadew bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005. Ħlief għal erba’ ċentru li bbenefikaw minn tiġdid għal żmien indeterminat, dawn l-awtorizzazzjonijiet iġġeddu kollha għal perijodu li skada fil-31 ta’ Diċembru 2005.

18      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/531/KE tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar l-għoti mill-Gvern Belġjan ta’ għajnuna lil ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 184, p. 17), li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, ġie ddikjarat li “l-għajnuna li l-Belġju [kien] beħsiebu jagħti sal-31 ta’ Diċembru 2005 lill-impriżi li fil-31 ta’ Diċembru 2000, bis-saħħa tad-Digriet Irjali Nru 187 […], kienu jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni bħala ċentri ta’ koordinazzjoni li kienet tiskadi bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet kompatibbli mas-suq komuni. Fl-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (Kawża C‑399/03).

19      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-2003 sa fejn din ma tipprovdix miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament ma’, jew ftit wara, in-notifika tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑ 217/03, Ġabra p. I‑5479, iktar ’il quddiem is-“Sentenza Forum 187”). Fl-istess jum, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll id-Deċiżjoni 2003/531 permezz tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑399/03, Ġabra p. I‑ 5629).

20      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jipprovdulha, fi żmien 20 ġurnata ta’ xogħol, ċerta informazzjoni sabiex tiddetermina s-segwitu xieraq li għandha tagħti għas-Sentenza Forum 187.

21      Fis-27 ta’ Diċembru 2006, ir-Renju tal-Belġju adotta liġi li kienet tinkludi diversi dispożizzjonijiet (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75266, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2006”) li kienet tippermetti li tiġi pprorogata sal-31 ta’ Diċembru 2010 l-awtorizzazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha li jitolbuha, jekk ikun il-każ b’effett retroattiv. Barra ċ-ċentri li l-awtorizzazzjonijiet iġġeddew wara d-Digriet Forum 187, bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, il-liġi tal-2006 kienet tipprevedi li din il-possibbiltà ta’ proroga kienet ukoll aċċessibbli għaċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiskadi bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2010 kif ukoll numru mhux speċifikat ta’ ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ser tiskadi sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 iżda li, sa dakinhar, ma jkunux għamlu t-talba ta’ tiġdid. Din il-liġi ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat iżda d-dħul fis-seħħ tagħha ġie sospiż bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

22      Wara diversi avviżi u skambji ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew, fis-16 ta’ Jannar 2007, l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Lulju 2006. Huma żiedu xi preċiżazzjonijiet kumplementari permezz ta’ ittri tat-8 u tas-16 ta’ Frar 2007. Barra minn hekk, inżammu tliet laqgħat, fil-5 u 15 ta’ Frar kif ukoll fis-16 ta’ Marzu 2007, bejn il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet.

23      B’ittra tal-21 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Belġjani dwar id-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura formali ta’ eżami miftuħa fis-27 ta’ Frar 2002 dwar l-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni. Din id-deċiżjoni kif ukoll it-talba magħmula lill-persuni interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżuri tranżitorji adegwati li, skont is-Sentenza Forum 187, kellha tkun il-Kummissjoni li tipprovdi għalihom, ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2007 (ĠU C 110, p. 20).

24      Fit-13 ta’ Novembru 2007, wara l-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/283/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni tal-2003 (ĠU 2008, L 90, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

25      Id-deċiżjoni kkontestata temenda l-ewwel nett l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2003, b’mod li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li t-talba ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti fid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni tal-2003 jew li l-awtorizzazzjoni kienet tiskadi fl-istess żmien jew ftit wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri bejn it-18 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, ikunu awtorizzati jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005 u li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħhom ikun awtorizzat sa din l-istess data. Wara, fir-rigward tal-erba’ ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ġiet imġedda għal żmien indeterminat wara d-Digriet Forum 187, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 setgħet tqajjem aspettattiva leġittima fiċ-ċentri minħabba l-fatt li huma setgħu jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni sad-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża prinċipali. Peress li din is-sentenza ngħatat fit-22 ta’ Ġunju 2006, u fid-dawl tan-natura fiskali tal-miżura, id-deċiżjoni kkontestata testendi l-benefiċċju tal-aspettattivi leġittimi sabiex tippermetti lil dawn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni sal-aħħar tal-perijodu taxxabbli normali kurrenti fid-data tas-sentenza. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara l-liġi tal-2006 inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn tfittex li ġġedded l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

26      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jgħid dan li ġej:

“Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni [tal-2003] jiġi miżjud it-test li ġej:

‘Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li t-talba tagħhom ta’ tiġdid hija pendenti fid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni jew li l-ftehim [l-awtorizzazzjoni] tagħhom tiskadi fl-istess ħin jew ftit wara din in-notifika, jiġifieri bejn id-data ta’ din in-notifika u l-31 ta’ Diċembru 2005, jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005. It-tiġdid tal-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni msemmija huwa awtorizzat sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.”

27      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-erba’ ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju li l-ftehim [l-awtorizzazzjoni] tagħhom ġie mġedded għal tul ta’ żmien indeterminat fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza [Digriet] tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Ġunju 2003 li tħabbar is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2003/757/KE jistgħu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sat-tmiem tal-perjodu taxxabbli ordinarju li kien għaddej fit-22 ta’ Ġunju 2006.”

28      L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponi:

“Il-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 hija inkompatibbli mas-Suq Komuni minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha huma maħsuba biex jipprorogaw, permezz ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ tiġdid ta’ ftehim [awtorizzazzjoni], l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

Il-Kummissjoni b’riżultat ta’ dan tistieden lill-Belġju biex jirrinunzja milli jdaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006.”

29      Fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jgħid dan li ġej:

“L-Artikolu 1 japplika mit-18 ta’ Frar 2003.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

31      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti, sabiex twieġeb matul is-seduta, filwaqt li talbitha tipproduċi wkoll dokument, li pproduċiet fit-terminu previst.

32      B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar ir-rapprt għas-seduta, ittra li ċentru ta’ koordinazzjoni bagħatilha fis-27 ta’ Jannar 2009 kif ukoll ir-rimarki tagħha f’dan ir-rigward. Fit-3 ta’ Lulju 2009, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jinkludi dawn id-dokumenti fil-proċess u talab lill-partijiet jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwarhom fis-seduta.

33      Is-sottomissjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-6 ta’ Lulju 2009.

34      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ma tawtorizzax il-perijodi tranżitorji prospettivi raġonevoli liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati bis-Sentenza Forum 187 ;

–        tieħu kull miżura neċessarja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Mingħajr ma ressqet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huma inammissibbli. Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

 Argumenti tal-partijiet

37      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma pprovatx li hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ma pprovatx li kienet tinsab f’waħda mit-tliet ipoteżijiet li bih, skont il-ġurisprudenza, rikors magħmul minn assoċjazzjoni jkun ammissibbli.

38      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ipoteżi li tgħid li l-assoċjazzjoni kienet effettwata minħabba l-effett fuq l-interessi tagħha, l-allegazzjoni ta’ Forum 187 li tgħid li hija taġixxi f’isimha hija biss sempliċi affermazzjoni u ma hija bbażata fuq ebda element li juri li l-interessi tagħha huma affettwati.

39      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ipoteżi li tgħid li dispożizzjoni legali tirrikonoxxi lill-assoċjazzjoni possibbiltajiet ta’ natura proċedurali, il-parteċipazzjoni ta’ Forum 187 fil-proċedura ta’ eżami mhux biżżejjed, skont il-ġurisprudenza, sabiex tagħtiha interess ġuridiku.

40      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-ipoteżi li tgħid li l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi tar-rikorrenti li għandhom interess ġuridiku, il-Kummissjoni tikkontesta l-ewwel nett li r-rikors ta’ Forum 187 huwa ammissibbli għar-raġuni li r-rikors ippreżentat fil-kawża C‑217/03 intlaqa’ bħala ammissibbli, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi fis-seħħ fil-mument tal-preżentata u mhux fuq l-identità tar-rikorrent. Dan huwa, f’kull każ, impossibbli meta r-rikorrenti tkun, bħal f’dan il-każ, assoċjazzjoni, peress li l-kompożizzjoni tagħha tista’ tinbidel. F’dan ir-rigward, il-mandat anness mar-rikors ma jsostnix l-affermazzjoni li tgħid li l-membri tar-rikorrenti tawha l-mandat speċifiku u lanqas ma turi li hija tirrappreżenta ċ-ċentri affettwati mid-deċiżjoni kkontestata.

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li l-ebda prova ma ssostni l-affermazzjoni li tgħid li r-rikorrenti tirrappreżenta ċ-ċentri li kisbu tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħhom għal żmien indeterminat, lanqas ma turi li hija tirrappreżenta ċ-ċentri li jistgħu jkunu direttament u individwalment affettwati mid-deċiżjoni kkontestata.

42      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika, il-Kummissjoni sostni, l-ewwel nett, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huma inammissibbli, għar-raġuni li r-rikorrenti ma mmotivatx il-produzzjoni tardiva tagħhom. Barra minn hekk, din il-produzzjoni tardiva ma setgħetx tiġi ġġustifikata. Wara, anki jekk wieħed jassumi li l-provi kienu ammissibbli, il-Kummissjoni tirrileva ma ġiex indikat kif l-għaxar ċentri, li tagħhom ir-rikorrenti pprovdiet il-mandati, huma affettwati mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-ismijiet fit-tabella prodotta fl-anness tar-replika tagħha ma humiex l-istess bħal dawk taċ-ċentri li tagħhom intwerew is-sitwazzjoni fiskali u, fl-avviżi tax-taxxa mogħtija, l-ismijiet taċ-ċentri huma mħassra. Għaldaqstant ma hemm l-ebda rabta bejn iċ-ċentri li r-rikorrenti tafferma li qed taġixxi f’isimhom u l-avviżi ta’ taxxa prodotti minnha, li għandhom juru l-interess tagħhom li tinżamm l-iskema inkwistjoni. Issa, ma hemm xejn li jżomm milli tinbidel l-informazzjoni fir-rigward tal-partijiet prinċipali f’kawża, b’mod partikolari meta minnha wieħed jista’ jikseb l-ammissibbiltà. Fl-aħħar nett, peress li l-amissibbiltà għandha tiġi evalwata fid-data tal-preżentata tar-rikors u li l-parti l-kbira tal-avviżi għandhom data li ġiet wara din data, dawn tal-aħħar ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

43      It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk wieħed kellu jassumi li l-membri tagħha huma affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma pprovawx li għandhom interess li jiksbu l-annullament tagħha. Fil-fatt, li wieħed ikun membru tal-assoċjazzjoni rikorrenti ma jimplikax l-eżistenza ta’ interess fl-istabbiliment mill-ġdid tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika mill-iskema inkwistjoni. B’hekk, għalkemm, jekk, fil-ftuħ tal-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni tal-2003, iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha kienu interessati fiż-żamma tal-iskema msemmija, dan issa ma huwiex iktar il-każ, hekk kif ġie rrikonoxxut barra minn hekk mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li, mis-sena ta’ stima 2006, l-impriżi Belġjani kollha, inklużi ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, għandhom il-possibbiltà li jagħżlu l-iskema ta’ tnaqqis tal-interessi fiskali (iktar ’il quddiem ir-“RDIN”), li ġiet introdotta bil-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2005, li waqqfet tnaqqis tat-taxxa għall-kapital b’riskju (Moniteur belge tat-30 ta’ Ġunju 2005, p. 30077). Ir-rikorrenti barra minn hekk ammettiet hija stess li l-iskema mwaqqfa mid-Digriet Irjali Nru 187 hija saħansitra inqas vantaġġuża mir-RDIN, u affermat, f’Ottubru 2006, li xi ċentri ppreferew jirrikorru għal din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk, quod non, ir-rikorrenti għandha, fost il-membri tagħha, ċentri li d-dritt tagħhom li jibbenefikaw minn perijodu tranżitorju huwa affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, huma ma għandhomx neċessarjament interess li jikkontestawha, peress li l-annullament tagħha ma jtejjibx neċessarjament is-sitwazzjoni legali tagħhom.

44      Il-Kummissjoni żżid, fil-kontroreplika tagħha, li l-fatt li xi ċ-ċentri kienu rċevew avviżi ta’ taxxa għall-2006 ma jippermettix li jiġi stabbilit li hemm interess ġuridiku. Fil-fatt, ir-RDIN ma huwiex ekwivalenti għal eżenzjoni fiskali totali, b’mod li taxxa dovuta għall-2006 (jew, sussegwentement, għall-2007) ma jipprovax li ċ-ċentri jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli fil-kuntest tar-RDIN milli dawk taħt l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Fir-rigward taċ-ċentru li l-approvazzjoni tiegħu ġiet imġedda għal żmien indeterminat, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx lok li dan jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors peress li l-ebda element ma ġie prodott biex juri li huwa kkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-kolonni tat-tabella mogħtija fl-anness tar-replika dwar it-taxxa supplimentari dovuta minħabba d-deċiżjoni kkontestata huma vojta u l-ebda avviż ta’ taxxa indikat li jikkonċernah ma jidher fost dawk mogħtija mir-rikorrenti.

45      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tar-rikorrenti taħt il-liġi Belġjana tirrendi r-rikors bla skop. Fil-fatt, minkejja li d-Digriet Forum 187 jawtorizzahom, mingħajr ma jobbligahom, iġeddu l-awtorizzazzjonijiet ta’ xi wħud miċ-ċentri sas-sentenza fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Belġjani ġeddewhom, ħlief erba’ minnhom, sal-aħħar tal-2005. Issa, l-ebda wieħed miċ-ċentri rrappreżentati mir-rikorrenti ma kien talab it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tiegħu qabel l-iskadenza tagħha, filwaqt li s-Sentenza Forum 187 kienet għadha ma ngħatatx. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-ebda prova ma ssostni l-affermazzjoni li tgħid li t-tiġdid retroattiv tal-awtorizzazzjonijiet jikkostitwixxi prassi abbużiva ammessa fil-Belġju. Barra minn hekk, bil-kontra tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, ma huwiex minħabba d-deċiżjoni kkontestata li ċ-ċentri kienu tilfu l-istatus tagħhom imma minħabba l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni tagħhom, taħt il-liġi Belġjana, fl-aħħar tal-2005.

46      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk ir-rikorrenti kellhiex interess ġuridiku għar-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata pprojbixxiet it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonstata li l-ebda element prodott fir-replika ma juri dan l-interess.

47      Il-Kummissjoni tirrileva li l-pożizzjoni tagħha hija kkorroborata bl-adozzjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2008, tad-digriet irjali li jadatta l-leġiżlazzjoni fiskali dwar iż-żieda fil-każ ta’ nuqqas jew insuffiċjenza fil-ħlas antiċipat minn xi wħud miċ-ċentri ta’ koordinazzjoni (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 2008, p. 68976) li bih l-awtoritajiet Belġjani neħħew iż-żidied li kellhom jintalbu mingħand iċ-ċentri minħabba l-ħlas tardiv tat-taxxa għas-snin 2007 u 2008. B’hekk, minkejja li huma kienu talbu perijodu tranżitorju itwal fl-osservazzjonijiet li ppreżentaw b’risposta għad-deċiżjoni li twessa’ l-proċedura formali ta’ eżami (ara l-punt 23 ikatr ’il fuq), l-awtoritajiet Belġjani ma sostnewx iktar dan il-punt wara d-deċiżjoni kkontestata, b’mod li l-pożizzjoni preċedenti tagħhom ma ppermettietx li jiġi ġġustifikat interess ġuridiku tar-rikorrenti.

48      It-tielet nett, il-Kummissjoni tirrileva, fil-kontroreplika tagħha, li, b’differenza mis-sitwazzjoni eżistenti fil-kuntest tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2003, id-deċiżjoni kkontestata ma tqassarx l-awtorizzazzjoni taċ-ċentri mġedda sal-aħħar tal-2005 u ma tistax titqies li hija tentattiv ta’ tiġdid, peress li tentattiv bħal dan ma setax jeżisti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti qed titlob fil-fatt kumpens għar-rifjut li tiġi approvata għajnuna ġdida li minnha l-membri tagħha jridu jibbenefikaw, imma li ma jistgħux jippretenduha. Ir-rikors huwa inammissibbli wkoll f’dan is-sens.

49      Ir-raba’ nett, jekk wieħed jissupponi li l-provi prodotti fil-fażi tar-replika huma ammissibbli u suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ma huwiex ammissibbli sa fejn jikkonċerna, l-iktar, l-għaxar ċentri li għalihom ġew prodotti l-provi.

50      Preliminarjament, ir-rikorrenti tfakkar li hija assoċjazzjoni bla skop ta’ lukru, imwaqqfa taħt il-liġi Belġjana, li għandha bħala għan, skont l-istatuti tagħha, il-promozzjoni tal-interessi nazzjonali u internazzjonali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kkostitwiti b’applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 187. Hija taġixxi f’dan il-każ kemm f’isimha kif ukoll f’isem il-membri tagħha li awtorizzawha formalment. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża, fir-replika tagħha, li hija ngħatat mandat minn għaxra mill-membri tagħha sabiex tirrappreżentahom fil-kuntest tar-rikors preżenti u qed tipprovdi, b’mod partikolari, tabella bl-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom, il-mandati ta’ dawn iċ-ċentri li jawtorizzawha tippreżenta r-rikors kif ukoll avviżi u estratti tar-rettifiki li ġew indirizzati lilhom. Hija tgħid ukoll li l-membri tagħha ppreżentaw lill-awtoritajiet Belġjani talbiet għal tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom, kif ukoll, għal wieħed minnhom, li jikseb mill-imsemmija awtoritajiet tiġdid għal żmien indeterminat.

51      Ir-rikorrenti wara ssostni li l-għaxar ċentri ta’ koordinazzjoni li hija tirrappreżenta huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u għandhom interess li jikkontestawha, u għaldaqstant, ir-rikors tagħha huwa ammissibbli. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, bil-kontra ta’ dak li qalet il-Kummissjoni, hija ma titlobx li l-ammissibbiltà kkonstata fis-Sentenza Forum 187 tiġġustifika li r-rikors preżenti jkun ammissibbli. Hija madankollu tibbaża ruħha fuq ir-raġunament żviluppat fl-imsemmija sentenza fir-rigward tal-kriterji ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ta’ assoċjazzjoni.

52      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-effett dirett u individwali, ir-rikorrenti tenfasizza, l-ewwel nett, li ċ-ċentri li hija tirrappreżenta huma kkonċernati direttament. Fil-fatt, minħabba l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iċ-ċentri ma jistgħux iktar jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kemm wara l-31 ta’ Diċembru 2005, kemm wara l-31 ta’ Diċembru 2006. Huma jkunu jridu jaffaċċjaw, ħlief għal ċentru wieħed li kiseb tiġdid għal żmien indeterminat, bdil fil-ħlas fiskali għas-snin 2006 u 2007 (ara l-punt 54 iktar ’il quddiem). It-tieni nett, dawn iċ-ċentri huma individwalment ikkonċernati peress li huma jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u huma membri ta’ grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont kriterji tal-membri tal-grupp. Dawn iċ-ċentri għandhom għaldaqstant interess ġuridiku, bħal, wara kollox, ir-rikorrenti, li skont l-istatut għandha l-inkarigu li tiddefendi l-interessi tagħhom. Fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar il-fatt li l-membri ma ġewx affettwati negattivament mid-deċiżjoni kkontestata daqs dawk dwar il-kompożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti tiċħadhom u tirreferi għat-tabella fl-anness tar-replika tagħha li għandha l-informazzjoni rilevanti għal kull wieħed miċ-ċentri li hija tirrappreżenta.

53      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-interess ġuridiku tagħha u ta’ dak tal-membri tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-liġi Belġjana, barra mid-Digriet Irjali Nru 187, hija mingħajr rilevanza peress li l-kawża preżenti tirrigwarda biss il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li l-imsemmi digriet irjali huwa l-unika liġi rilevanti f’dan il-każ. Ma hemmx lok, għaldaqstant, ta’ evalwazzjoni komparattiva ta’ dan id-digriet irjali u tar-RDIN. Barra minn hekk, il-pożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni (ara l-punt 43 iktar ’il fuq) ma humiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-vantaġġi relattivi tar-RDIN u tal-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jvarjaw minn ċentru għal ieħor u li, f’kull każ, il-kawża preżenti tirrigwarda biss il-legalità tal-perijodi tranżitorji retroattivi stabbiliti mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-ebda wieħed miċ-ċentri rrappreżentati mir-rikorrenti ma kien irrinunzja għall-istatus ta’ ċentru ta’ koordinazzjoni għas-sena 2006 favur ir-RDIN u wieħed biss kien irrinunzja mill-2007 ’l quddiem. Bl-istess mod, l-ebda wieħed miċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tiegħu kienet fis-seħħ wara d-data tad-deċiżjoni kkontestata, it-13 ta’ Novembru 2007, ma kien għażel ir-RDIN.

54      It-tieni nett, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jimplementaw id-deċiżjoni kkontestata u li jirkupraw it-taxxa għas-snin 2006 u 2007 turi l-interess finanzjarju u ġuridiku tal-għaxar ċentri inkwistjoni. Fil-fatt, ħlief dawk li kisbu tiġdid għal żmien indeterminat, dawn kienu rċevew talbiet tal-awtoritajiet Belġjani għall-ħlas, retroattivament, tat-taxxa addizzjonali minħabba li tilfu l-istatus tagħhom ta’ ċentru ta’ koordinazzjoni. B’hekk, ċerti ċentri kienu rċevew avviżi ta’ rettifika, u ħafna minnhom wara rċevew avviżi li jippreċiżaw l-ammont li għandu jinġabar. L-ammont totali dovut kien ta’ iktar minn EUR 40 miljun. Fir-rigward taċ-ċentru li kiseb tiġdid għal żmien indeterminat, l-interess tiegħu kien li jevita l-irkupru retroattiv għall-2007.

55      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani ma awtorizzawx tiġdid liċ-ċentri kkonċernati mis-Sentenza Forum 187, ħlief għal erba’ minnhom, sal-31 ta’ Diċembru 2005 biss huwa bla ħsara għall-kapaċità taċ-ċentri kkonċernati li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni wara din id-data, u dan sal-aħħar ta’ perijodu tranżitorju prospettiv raġonevoli. B’hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, id-Digriet Irjali Nru 187 jibqa’ l-bażi legali tal-awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, la l-awtoritajiet Belġjani u lanqas iċ-ċentri ma aċċettaw li huma jistgħu ma jiġġeddux għal perijodu raġonevoli wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

56      F’dan is-sens, fir-rigward tal-fatt li l-awtoritajiet Belġjani kienu indikaw, fl-2001 u fl-2002, li ma kinux ser jipprorogaw l-iskema inkwistjoni lil hinn mill-2005, ir-rikorrenti tindika li l-iżviluppi li ġraw wara d-Deċiżjoni tal-2003 wasslet li dawn l-awtoritajiet ifittxu alternattiva għal din l-iskema u jiffissaw perijodu tranżitorju adatt għaċ-ċentri li kienu ntlaqtu ħażin mid-Deċiżjoni tal-2003 u bbenefikaw mid-Digriet Forum 187.

57      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani ma kinux irrinunzjaw li jagħtu l-benefiċċju tal-iskema inkwistjoni liċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet tiskada qabel il-31 ta’ Diċembru 2005. Huma kienu, bil-kontra, talbu lill-Kummissjoni tiffissa perijodu tranżitorju prospettiv. Barra minn hekk, wara s-Sentenza Forum 187, il-possibbiltà għaċ-ċentri kkonċernati minn din is-sentenza li jinkiseb tiġdid sal-2010, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2006, kien issemma f’ittra indirizzata lir-rikorrenti mill-ministru tal-finanzi Belġjan f’Lulju 2006. barra minn hekk, l-avviżi ta’ rettifika indirizzati liċ-ċentri juru li l-impossibbiltà li jingħatalhom tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħhom wara l-31 ta’ Diċembru 2005 jirriżulta esklużivament mid-deċiżjoni kkontestata u mhux minn deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani qabel din id-deċiżjoni. Huma kienu barra minn hekk adottaw, mingħajr ma jimplementawha, il-liġi tal-2006, li tipproroga l-perijodu tranżitorju sal-2010. Barra minn hekk, f’ittra tal-14 ta’ Awwissu 2007, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana kienet tat terminu lil xi wħud miċ-ċentri sabiex jippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom tat-taxxa għall-2007, minħabba l-inċertezza dwar id-data ta’ skadenza tal-istatus tagħhom. Dan it-terminu ġie pprorogat fil-21 ta’ Novembru 2007, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Għandu jitfakkar li r-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet, bħal ma hija Forum 187, li hija inkarigata li tiddefendi l-interessi kollettivi taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju, huma ammissibbli, skont il-ġurisprudenza, fi tliet ċirkustanzi, jiġifieri meta huma jirrappreżentaw l-interessi ta’ impriżi li, huma stess, ikollhom interess ġuridiku, jew meta jkunu individwati minħabba li jkunu ntlaqtu fl-interessi tagħhom inkwantu assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħhom ta’ negozjatur tkun ġiet affettwata bl-att li jkun qed jintalab l-annullament tiegħu, jew inkella meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxi lilhom espressament numru ta’ possibbiltajiet ta’ natura proċedurali (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il‑Kummissjoni, T‑122/96, Ġabra p. II-1559, punt 60; tal-10 ta’ Diċembru 2004, EFfCI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑196/03, Ġabra p. II-4263, punt 42, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, FederDoc et vs Il‑Kummissjoni, T‑170/04, Ġabra p. II-2503, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-Sentenza Forum 187, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-każ inkwistjoni, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikat li hija qed taġixxi kemm f’isimha kif ukoll f’isem dawk il-membri tagħha li awtorizzawha tressaq il-rikors preżenti. Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat, ir-rikorrenti ma tat l-ebda element li juri li l-interessi tagħha huma affettwati.

60      Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni legali ma tirrikonoxxi lir-rikorrenti possibbilitajiet ta’ natura proċedurali, u hija barra minn hekk ma invokat l-ebda waħda.

61      Għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li tirrappreżenta r-rikorrenti jew xi wħud minn fosthom għandhomx interess ġuridiku. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina, l-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ma għandhiex interess ġuridiku.

62      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II-1195, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      L-interess ġuridiku għandu jkun eżistenti u attwali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II-2181, punt 33), u għandu jiġi evalwat fil-jum meta r-rikors ikun ġie ppreżentat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T‑159/98, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑395, punt 28). Dan għandu jibqa’ preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fil-każ inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstat li r-rikorrenti ma ressqet, fir-rikors tagħha, l-ebda informazzjoni preċiża dwar iċ-ċentri li hija tirrappreżenta fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fażi tar-replika, hija pproduċiet il-mandati li tawha għaxra mill-membri tagħha sabiex tippreżenta dan ir-rikors. Hija pproduċiet ukoll tabella li turi s-sitwazzjoni tal-membri tagħha, mingħajr ma ssemihom, li minnha jirriżulta, b’mod partikolari, li, fost l-għaxar membri li hija tirrappreżenta, dak li għandu n-numru 35 fit-tabella li tidher fl-anness tar-replika (iktar ’il quddiem iċ-“Ċentru Nru 35”) biss kiseb tiġdid tal-awtorizzazzjoni tiegħu għal żmien indeterminat, filwaqt li d-disgħa ċentri l-oħra kisbu tiġdid sal-31 ta’ Diċembru 2005. Hija barra minn hekk ipproduċiet avviżi u avviżi ta’ rettifika indirizzati mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana li xi wħud mill-membri li hija tirrappreżenta fil-każ inkwistjoni.

65      Għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-Kummissjoni mhux korretta meta tippretendi, hija u tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-fażi tar-replika huma inammissibbli, għar-raġuni li hija ma ġġustifikatx għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-partijiet jistgħu jipproduċu l-provi li jsostnu l-argumenti tagħhom fir-replika jew fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Għaldaqstant, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 66(2) tal-imsemmija regoli, li jipprovdu espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti jibqgħu riżervati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Trends, T‑448/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-każ inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti fir-replika tagħha jikkostitwixxu elaborazzjoni tal-provi li jidhru fir-rikors tagħha u huma intizi li jirrispondu għall-argumenti dwar l-inammissibbiltà tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Għaldaqstant, ir-regola tad-dekadenza prevista fl-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex applikabbli fil-konfront tagħhom, b’mod li l-provi inkwistjoni huma ammissibbli.

67      Għandu wkolli jiġi rrilevat li, b’risposta għal talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat f’liema numri jidhru fl-ewwel kolonna tat-tabella prodotti fl-anness tar-replika l-għaxar ċentri li hija trid tirrappreżenta fil-każ inkwistjoni.

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li wieħed għandu jeżamina l-interess ġuridiku tal-għaxar ċentri li r-rikorrenti trid tirrappreżenta fil-każ inkwistjoni.

69      Fir-rigward, l-ewwel nett, taċ-Ċentru Nru 35, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti pproduċiet, fir-replika tagħha, dokument li bih dan iċ-ċentru kkonferma li awtorizza lir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument għandu d-data tal-31 ta’ Ottubru 2008, jiġifieri iktar minn ħames xhur wara l-preżentata tar-rikors. Ma tressaq l-ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li, fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors, iċ-Ċentru Nru 35 kien ta mandat lir-rikorrenti sabiex taġixxi fil-każ inkwistjoni. Mistoqsija f’dan ir-rigward fis-seduta, ir-rikorrenti indikat li ċ-Ċentru Nru 35 kien ivvota favur it-tressiq tar-rikors matul laqgħa. L-ebda minuti jew verbal ta’ din il-laqgħa ma ġew prodotti sabiex jitqiegħed fil-proċess, u r-rikorrenti stess barra minn hekk ma pproponietx li tagħmel hekk wara s-seduta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax titqies li ppreżentat ir-rikors preżenti f’isem iċ-Ċentru Nru 35 u għaldaqstant bħala rappreżentanti tal-interessi tiegħu fil-każ inkwistjoni. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċentru ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors preżenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Jannar 2009 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), iċ-Ċentru Nru 35 isostni, mingħajr qatt ma jirreferi għar-rikors preżenti, li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernahx.

70      Fir-rigward, it-tieni nett, tad-disa’ ċentri l-oħra, hemm lok, qabel kollox, li jiġi kkonstatat li huma validament taw lir-rikorrenti l-mandati qabel ma ppreżentat ir-rikors preżenti.

71      Għandu wara jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li temenda l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2003, dawn iċ-ċentri bbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005.

72      Għandu barra minn hekk jiġi enfasizzat li, wara d-Digriet Forum 187, l-awtoritajiet Belġjani ġeddu l-awtorizzazzjoni ta’ dawn iċ-ċentri għal perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2005 u li, minkejja t-talbiet tagħhom lill-awtoritajiet Belġjani, huma ma kisbux il-proroga tal-awtorizzazzjoni tagħhom għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-awtorizzazzjonijiet tad-disa’ ċentri inkwistjoni kienu limitati sal-31 ta’ Diċembru 2005 kien ġie deċiż mill-awtoritajiet Belġjani waħedhom, mingħajr ma kienu mġiegħla jagħmlu hekk. Fil-fatt, id-Digriet Forum 187 issospenda d-Deċiżjoni tal-2003 sa fejn kienet tipprojbixxi t-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, mingħajr ma ppreveda limitu ta’ żmien għat-tul ta’ dan it-tiġdid barra minn dak indikat mis-sentenza tal-qorti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-awtoritajiet Belġjani setgħu jġeddu l-awtorizzazzjoni tad-disa’ ċentri inkwistjoni għal żmien indeterminat, bħal ma ġara barra minn hekk fil-każ ta’ erba’ ċentri, minkejja l-fatt li dan it-tiġdid ma setax, skont id-Digriet Forum 187, jipproduċi effetti lil hinn mis-Sentenza Forum 187.

74      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, mill-31 ta’ Diċembru 2005, id-disa’ ċentri inkwistjoni ma għandhomx iktar awtorizzazzjoni valida taħt il-liġi Belġjana u għaldaqstant ma jibbenefikawx iktar validament mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-disa’ ċentri ma jistgħux jinvokaw l-applikazzjoni ta’ perijodu tranżitorju, fis-sens tas-Sentenza Forum 187, li jmur lil hinn minn dak iffissat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

76      Fil-fatt, l-iskop stess ta’ perijodu tranżitorju huwa li tiġi żgurata tranżizzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, f’dan il-każ, bejn dik li fiha ċ-ċentri inkwistjoni jibbenefikaw mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u dik li fiha hija ma jibbenefikawx iktar. Mis-Sentenza Forum 187 (punt 163) jirriżulta għaldaqstant li ċ-ċentri kkonċernati minn din is-sentenza, li tagħhom huma parti d-disa’ ċentri inkwistjoni, kellhom jingħataw perijodu tranżitorju raġonevoli sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-2003.

77      Issa, peress li, mill-31 ta’ Diċembru 2005, id-disa’ ċentri inkwistjoni ma jibbenefikawx iktar mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, kull perijodu li jiġi wara din id-data li fih matulu huma bbenefikaw mill-iskema inkwistjoni ma jistax jitqies li għandu bħala għan li jippermetilhom jadattaw ruħhom, għaliex huma diġà jinsabu f’din is-sitwazzjoni l-ġdida. Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn ir-rikors preżenti jintlaqa’, id-disa’ ċentri inkwistjoni ma jistgħu jistennew li jingħatalhom, retroattivament, perijodu tranżitorju wara l-31 ta’ Diċembru 2005, inkwantu perijodu bħal dan ikun bla ebda skop.

78      L-impossibbiltà li wieħed jibbenefika, anki retroattivament, minn perijodu tranżitorju itwal fl-ipoteżi fejn iċ-ċentri ma għandhomx iktar awtorizzazzjoni valida tirriżulta barra minn hekk mid-Digriet Forum 187. Fil-fatt, fil-kuntest tat-talba għal sospensjoni tad-Deċiżjoni tal-2003 li pprojbixxiet it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ xi wħud miċ-ċentri, il-president tal-Qorti tal-Ġustizzja kien qies li, fin-nuqqas ta’ talba għal sospensjoni, deċiżjoni fil-kawża prinċipali li tkun favur ir-rikorrenti tkun, f’dak li jirrigwarda l-perijodu tranżitorju, prevalentement mingħajr effett, peress li miżuri finanzjarji eventwali ma jidhrux adatti sabiex jistabbilixxu mill-ġdid retroattivament l-istabbiltà tal-qafas leġiżlattiv taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni (Digriet Forum 187, punt 146).

79      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors li jfittex l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għaliex ma tipprevedix perijodu tranżitorju raġonevoli, li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni f’dan is-sens ma tagħti l-ebda benefiċċju lid-disa’ ċentri.

80      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li jitqegħdu indiskussjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

81      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat, sostanzjalment, fuq il-fatt li ċ-ċentri kellhom il-possibbiltà jibbenefikaw mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2005, id-Digriet Irjali Nru 187 jibqa’ l-bażi legali tal-awtorizzazzjonijiet (ara l-punti 55 sa 57 iktar ’il fuq), ċertament jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fl-ipoteżi fejn ma għandux jiġi eskluż li, kieku r-rikors tagħha jintlaqa’, rikorrent jista’ jinvoka ċerti pretensjonijiet mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew, almenu, jitlob eżami tagħhom minnhom, dan jiġġustifika interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni, T‑9/98, Ġabra p. II-3367, punti 34 u 38, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Koninklijke Friesland Foods vs Il-Kummissjoni, T‑348/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 72).

82      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, fil-każ inkwistjoni, anki jekk wieħed kellu jassumi li r-rikors jintlaqa’, iċ-ċentri rrappreżentati mir-rikorrenti ma kellhom l-ebda pretensjoni x’jinvokaw quddiem l-awtoritajiet Belġjani speċifikament dwar il-perijodu tranżitorju li minnu jistgħu jibbenefikaw, li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ntqal qabel, jekk wieħed jassumi li kellhom l-intenzjoni jagħmlu hekk, l-awtoritajiet Belġjani ma setgħux jagħtu, anki retroattivament, lil dawn iċ-ċentri proroga tal-perijodu tranżitorju li ngħata lilhom, peress li huma ma kinux jibbenefikaw iktar mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tqis li l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani ġeddu l-awtorizzazzjoni taċ-ċentri inkwistjoni biss sal-31 ta’ Diċembru 2005 huwa bla ħsara għall-possibbiltà tagħhom li jibbenefikaw mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni wara din id-data. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-2003, li jikklassifikaw din l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li timponi fuq l-awtoritajiet Belġjani li jneħħuha jew jibdluha sabiex issir kompatibbli mas-suq komuni, ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza Forum 187. Huma jipproduċu għaldaqstant l-effetti tagħhom wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2003, b’mod li l-awtoritajiet Belġjani ma jistgħux jawtorizzaw tiġdid tal-awtorizzazzjoni taċ-ċentri inkwistjoni biss fuq il-bażi tad-Digriet Irjali Nru 187. Barra minn hekk, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tkun neċessarja deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddefinit perijodu tranżitorju ġdid li minnu jkunu jistgħu jibbenefikaw iċ-ċentri, sa fejn ma hijiex il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li għandha tissostitwixxi deċiżjoni oħra bid-deċiżjoni kkontestata jew li tibdel din id-deċiżjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2000, Deutsche Post vs IECC u Il‑Kummissjoni, C‑428/98 P, Ġabra p. I‑3061, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il‑Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II-3731, punt 141).

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li ċ-ċentri inkwistjoni ma jistgħux jibbażaw l-interess ġuridiku tagħhom fuq l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 187 wara l-31 ta’ Diċembru 2005 u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani ma eskludewx li jawtorizzaw il-benefiċċju tal-iskema inkwistjoni wara din id-data, fejn huma jqisu li dawn iċ-ċentri jistgħu jibbenefikaw minnhom, ma huwiex rilevanti.

84      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II-1197, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li ntqalu qabel, l-ebda waħda mill-provi prodotti mir-rikorrenti ma tippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Belġjani jipprorogaw, retroattivament, l-approvazzjoni taċ-ċentri inkwistjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005, abbażi tad-Digriet Irjali Nru 187. L-avviżi ta’ rettifika indirizzati mill-awtoritajiet fiskali Belġjani liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, prodotti mir-rikorrenti fir-replika tagħha, jikkostitwixxu, fil-fatt, indizju kuntrarju.

85      Fir-rigward tal-liġi tal-2006, għandu jiġi rrilevat li hija ma tistax, f’kull każ, tiġġustifika l-interess ġuridiku tad-disa’ ċentri inkwistjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li jirrigwardaw l-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ma daħlux fis-seħħ. Id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom fil-fatt kellha tiġi ffissata, skont l-Artikolu 298 tagħha, permezz ta’ digriet irjali tal-kunsill tal-ministri, li għadu ma ġiex adottat. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, dan id-dħul fis-seħħ fil-fatt ġie ssuġġettat mill-awtoritajiet Belġjani għall-konferma mill-Kummissjoni li hija ma tqajjimx oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Issa, id-deċiżjoni kkontestata tiddisponi, fl-Artikolu 3 tagħha, li l-liġi tal-2006 hija inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jfittxu li jipprorogaw, permezz ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni, l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-digriet irjali tad-19 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Belġjani “jaċċettaw id-deċiżjoni [kkontestata] li ma jdaħħlux fis-seħħ [il-liġi tal-2006]” fejn tirreferi għall-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u informaw b’dan lill-persuni taxxabbli kkonċernati. Isegwi li l-awtoritajiet Belġjani ma kellhomx l-intenzjoni jdaħħlu fis-seħħ din il-liġi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax espliċitament id-deċiżjoni kkontestata fejn tirreferi għal-liġi tal-2006.

86      Għandu fl-aħħar nett jiġi skartat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-interess ġuridiku taċ-ċentri huwa pprovat bid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jimplementaw id-deċiżjoni kkontestata u li jirkupraw it-taxxi għas-snin 2006 u 2007 (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Fil-fatt, peress li ma jibbenefikawx iktar validament, taħt id-dritt Belġjan, mill-awtorizzazzjoni li biha jibbenefikaw mill-iskema fiskali taħt id-Digriet Irjali Nru 187, wara l-31 ta’ Diċembru 2005, dawn iċ-ċentri kellhom, minn din id-data, iħallsu t-taxxa li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema ġenerali jew, jekk ikun il-każ, tar-RDIN, kieku jkunu għażlu din tal-aħħar. Din is-sitwazzjoni tirriżulta, hekk kif ġà ġie indikat, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jillimitaw l-awtorizzazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2005 u mhux mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn dak iż-żmien iċ-ċentri inkwistjoni ma jistgħux jibbażaw ruħhom, sabiex jiġġustifikaw interess ġuridiku kontra din id-deċiżjoni, fuq il-fatt li huma ma qisux li jridu jħallsu t-taxxa li tirriżulta mill-iskema ġenerali imma qiesu dik li tirriżulta mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, filwaqt li ma kellhomx dritt għaliha taħt id-dritt Belġjan.

87      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li d-disa’ ċentri li r-rikorrenti tirrappreżenta fil-każ inkwistjoni ma jistgħux jinvokaw interess ġuridiku, u għaldaqstant ma jistgħux ikunu ammessi jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

88      Isegwi li r-rikorrenti ma tinsabx f’sitwazzjoni li tippermettilha tiddikjara, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, li r-rikors ta’ assoċjazzjoni huwa ammissibbli.

89      Għaldaqstant, ir-rikors preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Fil-każ inkwistjoni, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Forum 187 ASBL hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Marzu 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż