Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2013 – Anicav et vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-454/10 u T-482/11) 1

(“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Għajnuna lis-settur tal-frott u tal-ħaxix — Rikors għal annullament — Interess dirett — Ammissibbiltà — Frott u ħaxix ipproċessat — Fondi operattivi u programmi operattivi — Finanzjament ta’ ‘attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar’”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) (Napoli, l-Italja) (Kawża T-454/10); Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon) (Madrid, Spanja); u s-sittax-il rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness I tas-sentenza (Kawża T-482/10) (rappreżentanti: inizjalment J. L. da Cruz Vilaça, S. Estima Martins u S. Carvalho de Sousa, sussegwentement S. Estima Martins, S. Carvalho de Sousa u R. Oliveira, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Kawża T-454/10, inizjalment, B. Schima, M. Vollkommer, sussegwentement B. Schima u N. Donnelly; Kawża T-482/11, K. Banks u B. Schima, aġenti)

Intervenjenti insostenn tar-rikorrenti fil-Kawża T-454/10: Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA) (Milano, l-Italja) u l-għaxar intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness II tas-sentenza (rappreżentanti: inizjalment J. L. da Cruz Vilaça, S. Estima Martins u S. Carvalho de Sousa, sussegwentement S. Estima Martins, S. Carvalho de Sousa u R. Oliveira, avukati)

Intervenjenti insostenn tal-konvenuta : Confederazione Cooperative Italiane (Ruma, l-Italja) u t-tmien intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness III tas-sentenza (rappreżentanti: M. Merola, M. C. Santacroce u L. Cappelletti, avukati)

Suġġett

Fil-Kawża T-454/10, talba għall-annullament tal-Artikolu 52(2a) u tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010 (ĠU L 199, p. 12), u fil-Kawża T-482/11, talba għall-annullament tal-Artikoli 50(3) u 60(7), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1).

Dispożittiv

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010, huwa annullat sa fejn dan jipprovdi li l-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar.

L-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, huwa annullat sa fejn dan jipprovdi li l-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar.

L-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 huwa annullat.

Ma hemmx lok li ttieħed deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T-454/10 sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż għall-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007.

L-effetti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ser jinżammu fis-sens biss li l-ħlasijiet lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżegwiti abbażi ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet sad-data li fiha tingħata din is-sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

Fil-Kawża T-454/10, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) u tal-intervenjenti insostenn tat-talbiet ta’ din tal-aħħar, li isimhom jidher fl-Anness II.

Fil-Kawża T-454/10, l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li isimhom jidher fl-Anness III, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Fil-Kawża T-482/11, il-Kummissjoni għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon) u tar-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness I.

Fil-Kawża T-482/11, l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li isimhom jidher fl-Anness III, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

____________

1 ĠU C 328, 04.12.2010.