Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Jannar 2014 – Anudal Industrial vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-3/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Anudal Industrial, SL (Badalona, Spanja) (rappreżentanti: J. García Muñoz, J. Jiménez-Blanco u J. Corral García, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1 u 6 tad-Deċiżjoni

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżoni, sa fejn jordna l-irkupru tal-għajnuna, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-proċedura hija l-istess bħal dik tal-Kawża T-515/13, Il-Kummissjoni vs Spanja.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

Id-deċiżjoni tikser il-forom proċedurali sostanzjali u l-Artikoli 20, 21 u 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li ttieħdet bħala konsegwenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni vvizzjata b’irregolaritajiet sostanzjali.

Żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn ġie kkunsidrat li l-miżuri li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mingħajr ma ġiet ipprovata n-natura selettiva tagħhom.

Żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn ġie kkunsidrat li l-miżuri li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat filwaqt li ma ġiex stabbilit li l-miżuri inkwistjoni kellhom effett fuq il-kummerċ Komunitarju.

Żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn ġie kkunsidrat li teżisti għajnuna mill-Istat peress illi l-Gruppi li għandhom Interess Ekonomiku u l-investituri tagħhom huma kkwalifikati bħala benefiċjarji, mingħajr ma din l-għajnuna ma tagħtihom vantaġġi kompetittivi u lanqas ma taffettwa l-kummerċ Komunitarju fis-setturi rispettivi tagħhom.

Żball ta’ liġi sa fejn huwa ordnat l-irkupru tal-eventwali għajnuna bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, aspettattivi leġittimi u ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.