Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2009 - Berenschot Groep vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-428/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Berenschot Groep BV (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: B. O'Connor, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni mhux motivata tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Awwissu 2009, sabiex ma tikklassifikax l-offerta magħmula mir-rikorrenti bħala waħda fost is-seba' offerti l-iktar vantaġġjużi ekonomikament u konsegwentement li ma żżommx il-konsorzju mmexxi mir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti "kuntratt qafas multiplu għall-provvista ta' servizzi għal perijodu qasir esklużivament favur pajjiżi terzi benefiċjarji tal-għajnuna esterna mill-Kummissjoni Ewropea";

tinvestiga t-tmexxija tal-proċedura ta' sejħa għal offerti u l-eżerċizzju tal-viġilanza fir-rigward tal-offerti ssuspettati bi frodi;

tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta' Ottubru 2009;

tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra neċessarja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li ma żżommx il-proposta li hija ssottomettiet, bħala parti għall-konsorzju, b'risposta għal sejħa għal offerti miftuħa (EuropAid/127054/C/SER/multi) għal provvista ta' servizzi fil-kuntest ta' "kuntratt qafas multiplu għall-provvista ta' servizzi għal perijodu qasir esklużivament favur pajjiżi terzi benefiċjarji tal-għajnuna esterna mill-Kummissjoni Ewropea" 1 [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Ottubru 2009, li tagħti aċċess parzjali lir-rapporti ta' evalwazzjoni rigward l-imsemmija proċedura ta' sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqajjem il-motivi segwenti.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-kumitat ta' evalwazzjoni ma evalwax b'mod xieraq l-esperti msemmija fl-offerta tar-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, il-kumitat ta' evalwazzjoni għamel żball manifest ta' evalwazzjoni peress li huwa ma kienx raġjonevoli meta ħa inkunsiderazzjoni l-esperti tal-konsorzju mmexxija mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li l-kumitat ta' evalwazzjoni u l-Kummissjoni ma taw l-ebda spjegazzjoni dwar is-sistema l-ġdida ta' klassifikazzjoni tal-curriculum vitae individwali u lanqas ma spjegaw ir-raġuni għalfejn l-esperti tar-rikorrenti kisbu punteġġ daqstant baxx. Jekk il-kumitat ta' evalwazzjoni ma użax kriterji oġġettivi fl-evalwazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni ma assiguratx l-osservanza tal-prinċipji ta' trattament ugwali tal-offerenti, ta' trasparenza, ta' kompetizzjoni korretta u ta' amministrazzjoni tajba. Ir-rapport ta' evalwazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni fl-21 ta' Ottubru 2009 ma għamilx tajjeb għan-nuqqas ta' informazzjoni, peress li kienet limitata għall-preżentazzjoni tal-punteġġi finali miksuba mir-rikorrenti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 1049/2001 2, peress li hija ma tatx risposta għat-talba tar-rikorrenti sabiex tingħata aċċess għad-dokumenti fit-termini stabbiliti minn dan l-Artikolu. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, peress li r-rapport ta' evalwazzjoni ma ngħatax kmieni biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 230 KE.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju 3 u taħt id-Deċiżjoni 2008/969 4, peress li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tipproteġi l-integrità tal-baġit Komunitarju billi ma eskludietx l-offerenti ssuspettati bi frodi mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

____________

1 - ĠU 2008/S 90-121428

2 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43)

3 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal- 25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)

4 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar is-Sistema ta' Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 2008 344, p.125)