Language of document : ECLI:EU:T:2009:191

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Interess individwali – Ammissibbiltà – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Artikolu 87(3)(ċ) KE”

Fil-Kawża T‑301/02,

AEM SpA, stabbilita f’Milan (l-Italja), irrappreżentata minn A. Giardina, C. Croff, A. Santa Maria u G. Pizzonia, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

ASM Brescia SpA, stabbilita f’Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn G. Caia, V. Salvadori, N. Pisani u F. Capelli, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, AEM SpA, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borża, li 51 % tal-azzjonijiet tagħha huma miżmuma mill-muniċipalità ta’ Milan (l-Italja). Hija ġiet stabbilita fl-1996 wara li ġiet ittrasformata l-impriża muniċipali li kellha l-istess isem. Ir-rikorrenti tipprovdi prinċipalment is-servizzi tat-tqassim tal-elettriku u tat-tqassim u l-bejgħ ta’ gass naturali u ta’ enerġija termika fit-territorju, b’mod partikolari, tal-belt ta’ Milan.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        Il-legge n° 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet awtonomi lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, fosthom kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”). Ir-rikorrenti hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90.

3        F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge n° 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 1986, n° 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318 tal-1 ta’ Lulju 1986, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-9 ta’ Awwissu 1986, GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 1986), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

4        Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge Nru 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-Liġi Nru 549/95”) u tad-decreto-legge n° 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-30 ta’ Awwissu 1993, GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

–        l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

–        l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

 Il-proċeduri amministrattivi

5        Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

6        B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, saret laqgħa fid-19 ta’ Jannar 1998, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

7        B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1999, C 220, p. 14).

8        Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi interessati li intervjenew.

9        Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħar-rikorrenti, kif ukoll ACEA SpA u Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (Kawżi T‑297/02 u T‑300/2), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

10      L-awtoritajiet Taljani u l-Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), konfederazzjoni li tiġbor fiha b’mod partikolari kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u impriżi speċjali tal-komuni fl-Italja, adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

11      Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industrija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

12      Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

13      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat[ha …] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni kemm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (iktar ’il quddiem, meqjusin flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Arikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

“Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE]. 

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP …] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ riferiment użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Jannar 2003, ASM Brescia SpA talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2003, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza (kompożizzjoni preċedenti) awtorizza dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini stabbiliti.

20      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      Fis-27 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

22      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana wkoll ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bir-referenza C‑290/02. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u dawk fil-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C‑290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02.

23      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C‑290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi r-rikorsi ppreżentati minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 85). Din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T‑222/04.

24      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għas-sentenza finali.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, bil-miktub, domandi lill-partijiet, u dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

26      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02, T‑189/03 u T‑222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

28      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin inkompatibbli mas-suq komuni;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jobbliga lir-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

30      Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

31      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali inkwantu tikkonċerna skema ta’ għajnuna u b’hekk numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi definiti skont kriterju ġenerali, bħall-fatt li huma parti minn kategorija ta’ impriżi. Fil-fehma tagħha, ma għandhomx jitqajmu dubji dwar il-portata ġenerali, u b’hekk in-natura leġiżlattiva, ta’ att minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu.

32      Skont il-Kummissjoni, sabiex individwu jkun ikkonċernat individwalment minn att ta’ portata ġenerali, dan l-att għandu jippreġudika d-drittijiet speċifiċi tiegħu jew l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu għandha tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmi individwu. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kollha li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, ma nkisrux drittijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi li jistgħu jiġu ddivrenzjati mill-impriżi l-oħrajn kollha li huma benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ impriża preċiża. La d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħmlu riferiment għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji individwali.

33      Skont il-Kummissjoni, l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tgħid li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li l-imsemmi benefiċjarju huwa kkonċernat individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

34      Kawżi iktar reċenti ma jqajmux dubji dwar din il-ġurisprudenza stabbilita. Skont il-Kummissjoni, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sardegna Lines”), ma tistax tiġi applikata għar-rikorsi kollha ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli u li jkun ġie ordnat l-irkupru tagħha. Din il-konklużjoni għandha tinsilet b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ġiet eżaminata b’mod astratt. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sardegna Lines, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-fatt ibbenefikat minn għajnuna individwali, peress li l-vantaġġ ingħata permezz ta’ att adottat abbażi ta’ liġi reġjonali kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġiet eżaminata bir-reqqa matul il-proċedura formali ta’ eżami.

35      Il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti wkoll minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), inkwantu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru eżatt u lanqas l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma kellhiex l-informazzjoni kollha rilevanti u ma kinitx taf l-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’kull wieħed mill-każijiet. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tapplika b’mod awtomatiku, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Alzetta, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ingħatat permezz ta’ att ulterjuri.

36      Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mhuwiex il-fatt li tkun magħrufa l-identità ta’ impriża li huwa importanti għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà, iżda l-fatt li tkun inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal xi karatteristiċi tal-każ inkwistjoni li jkunu tali li jiġġustifikaw eżami individwali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet ingħatat ebda informazzjoni li turi li, fir-rigward tar-rikorrenti, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna jew kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni.

37      Fi kwalunkwe każ, la l-fatt li pparteċipat fil-proċedura formali ta’ eżami previst mill-Artikolu 88(2) KE, u lanqas l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata mhuma biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jindividwalizzaw lir-rikorrenti. Fil-fatt, billi r-rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata mhumiex ammissibbli skont l-Artikolu 230 KE, l-istess għandu japplika għal dawk ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata.

38      Fl-aħħar lok, il-fatt li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’dan il-każ jiġi ddikjarat inammissibbli ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rimedji legali previsti mill-Artikoli 241 KE u 234 KE huma biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677).

39      Ir-rikorrenti tafferma li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tikkonċernaha individwalment. Fil-fatt, din hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90, u għaldaqstant hija impriża koperta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin u li ġie ordnat l-irkupru tagħha.

40      L-intervenjenti taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni u mal-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il‑Kummissjoni, C‑321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28).

43      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward tal-impriża rikorrenti, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15, u s-sentenza Alzetta, punt 35 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Sardegna Lines, punt 34 iktar ’il fuq, li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx ikkonċernata biss mid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża inkwantu impriża tas-settur marittimu f’Sardenja, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna għall-armaturi Sardi, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kien ammissibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Alzetta, punt 39).

45      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna settorjali u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt 70).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, mir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward jirriżulta li r-rikorrenti hija tabilħaqq benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt ir-rikorrenti tafferma li bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin matul is-snin 1996 sa 1999. Din l-affermazzjoni ma ġietx kontradetta mir-Repubblika Taljana.

47      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

48      Minn dan isegwi li r-rikorrenti hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

49      Fir-rigward tal-interess dirett tar-rikorrenti, sa fejn l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni li tkun ingħatatilhom b’mod illegali u sa fejn ir-rikorrenti bbenefikat minnha u għandha tħallasha lura, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala kkonċernata direttament minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 75).

50      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

 Fuq il-mertu

51      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 253 KE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat;

–        ksur tal-Artikolu 88(1) KE u tal-Artikolu 253 KE minħabba l-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna ġdida;

–        ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) u tal-Artikolu 253 KE;

–        ksur tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ libertà ta’ stabbiliment kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        illegalità tal-ordni ta’ rkupru.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 253 KE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

52      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni, nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

–       Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ investigazzjoni

53      Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata b’nuqqas ġenerali ta’ investigazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tar-riskji li jirriżultaw, għall-kompetizzjoni, mill-eżistenza tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq id-diversi swieq tas-servizzi pubbliċi lokali. Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, hija tikkunsidra li ma jeżisti ebda “suq globali tas-servizzi pubbliċi lokali” u li l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi tas-suq għal kull prodott u/jew għal kull żona ġeografika, li kienet tippermettilha tevalwa l-effetti tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq kull suq ikkunsidrat individwalment. Is-suq tal-konċessjonijiet tas-servizzi pubbliċi lokali, imsemmi fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa differenti mis-suq tas-servizzi pubbliċi. Ir-rikorrenti ssostni wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-Kummissjoni li twettaq eżami ġenerali u astratt.

54      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/182/KE, tat-30 ta’ Lulju 1997, dwar l-għajnuna mogħtija mir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia (l-Italja) lill-impriżi tat-trasport bit-triq ta’ merkanzija tar-reġjun (ĠU 1998, L 66, p. 18). Fil-fatt, fl-imsemmija deċiżjoni, l-iskema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet ġiet ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat biss għal dak li jikkonċerna ċerti setturi. Barra minn hekk, ċerta għajnuna kienet, skont l-attività tal-impriżi benefiċjarji, ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni turi li huwa possibbli li ssir analiżi iktar fid-dettall tas-sitwazzjoni tad-diversi setturi ta’ skema globali ta’ għajnuna.

55      Il-Kummissjoni tosserva li, peress li dan il-każ jirrigwarda skema ta’ għajnuna, hija kellha neċessarjament tagħmel evalwazzjoni ġenerali u astratta. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani ma speċifikawx quddiem il-Kummissjoni liema servizzi, fost is-servizzi kkonċernati, kienu magħluqa għall-kompetizzjoni Komunitarja.

–       Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

56      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq tliet argumenti prinċipali.

57      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kinux joperaw fi swieq kompetittivi u li, għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin li jibbenefikaw minnha ma kinitx kapaċi tfixkel il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi pubbliċi lokali.

58      Fil-fatt, is-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika ġie liberalizzat biss fl-1999 bit-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3). Barra minn hekk, qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, ir-rikorrenti ma eżerċitat ebda attività fis-suq tal-klijenti finali li kienu ħielsa li jagħżlu l-fornitur tal-enerġija tagħhom. It-tqassim tal-enerġija elettrika kien ukoll eskluż mill-kompetizzjoni, inkwantu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li kienu jorganizzaw il-provvista ta’ dawn is-servizzi kienu jinvolvu sitwazzjoni ta’ monopolju għal kull żona territorjali.

59      Għal dak li jirrigwarda t-tqassim tal-gass, dan ġie liberalizzat biss fl-2000 permezz tat-traspożizzjoni fl-Italja tad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28).

60      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha ssegwi l-metodu adottat fid-Deċiżjoni tagħha 98/693/CE, tal-1 ta’ Lulju 1998, dwar l-iskema Spanjola ta’ għajnuna għax-xiri ta’ vetturi industrijali Plan Renvoe Industrial (Awwissu 1994-Diċembru 1996) (ĠU L 329, p. 23), li fiha hija ddikjarat li ċerti miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni.

61      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti fir-rigward tal-possibbiltà għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li joperaw fi swieq barra mit-territorju li fih huwa kompetenti l-komun ta’ riferiment tagħhom.

62      Il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kellhomx aċċess liberu għas-servizzi pubbliċi lokali ta’ muniċipalitajiet oħra. Fil-fatt, l-użu tal-konċessjoni diretta huwa suġġett għall-qbil bejn dawn il-muniċipalitajiet u l-komun li jikkontrolla l-kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 inkwistjoni kif ukoll għall-kundizzjoni ġenerali li jiġu sodisfatti l-interessi tal-awtorità lokali ta’ oriġini.

63      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tispeċifika li hija ma pparteċipat f’ebda sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi lokali f’żoni ġeografiċi oħrajn matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. Għaldaqstant hija ma bbenefikat minn ebda vantaġġ meta mqabbla mal-impriżi li ma kinux ibbenefikaw mill-istess trattament. Hija żżid li l-impriżi kollha li joperaw f’dawn is-setturi kienu ngħataw konċessjonijiet esklużivi għal żmien twil.

64      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li għalkemm il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ħadu l-għamla ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku, u b’hekk kienu ispirati mill-kriterji adottati għall-impriżi privati, huma ġew stabbiliti bl-għan waħdieni li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi pubbliċi lokali. Il-qasam ta’ attività tagħhom huwa b’hekk limitat għas-servizzi pubbliċi lokali. Għaldaqstant, mhuwiex iġġustifikat li jiġi sostnut, kif għamlet il-Kummissjoni, li filwaqt li l-impriżi speċjali tal-komuni kienu marbuta joperaw biss fis-swieq tas-servizzi pubbliċi lokali, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 kienu ħielsa li joperaw fi swieq oħra. Il-kontenut u l-għan tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 baqgħu fil-parti l-kbira l-istess bħal dawk tal-impriżi speċjali tal-komuni. Ir-rikorrenti tispeċifika li, sal-1999, hija eżerċitat l-attivitajiet tagħha biss fis-setturi riżervati tal-gass u tal-elettriku u li hija kienet saret attiva fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet biss wara l-1999.

65      Skont ir-rikorrenti, peress li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ġew stabbiliti sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, huma ma pparteċipawx f’sejħiet għal offerti għall-għoti tal-imsemmija servizzi. Skont ir-rikorrenti, min dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ kompetizzjoni sabiex jinkiseb il-kuntratt mhuwiex konvinċenti, peress li s-suq fis-settur tas-servizzi pubbliċi ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni.

66      Is-sentenza tal-assemblea plenarja tal-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja) Nru 4989, tas-6 ta’ Mejju 1995, iċċitata mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 61 (premessa 92) tad-deċiżjoni kkontestata, sempliċiment tirrikonoxxi n-natura ġuridika privata tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 mingħajr ma tgħid xejn fuq il-possibbiltà tagħhom li joperaw liberament f’diversi swieq. L-imsemmija sentenza tikkonferma wkoll li d-deċiżjoni li tiġi stabbilita kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 kellha awtomatikament l-effett li tafda s-servizzi pubbliċi lokali esklużivament lil din tal-aħħar.

67      Fi kwalunkwe każ, l-użu tal-profitti miksubin mill-provvista esklużiva ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali minn impriża sabiex testendi l-attività tagħha għas-suq viċin li huwa miftuħ għall-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-possibbiltà għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li joperaw fi swieq oħra ma tistax tikkostitwixxi argument sabiex l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat.

68      Fir-rigward tal-Artikolu 253 KE, ir-rikorrenti tenfasizza li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa partikolarment importanti fil-kuntest ġenerali tal-għajnuna mill-Istat u jsir essenzjali meta l-miżuri tal-Istat li jagħtu vantaġġ fiskali jikkonċernaw, bħal f’dan il-każ, numru kbir ta’ persuni privati. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni adegwata huwa iktar u iktar importanti f ’dan il-każ billi dawn huma swieq partikolari, bħal dawk tas-servizzi pubbliċi lokali, li kultant huma kkaratterizzati minn sitwazzjoni ta’ monopolju.

69      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm l-analiżi tal-kundizzjonijiet konkreti tal-kompetizzjoni tista’ tkun superfluwa għal setturi industrijali u kummerċjali normali, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tas-setturi li huma fil-parti l-kbira rregolati u rriżervati għal impriżi partikolari, bħalma kienu s-servizzi pubbliċi lokali fl-Italja matul is-snin 90.

70      Fir-rigward tal-effett antikompetittiv tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq swieq oħra, il-Kummissjoni ma tipprovax li l-kompetizzjoni ġiet potenzjalment jew effettivament imfixkla, hija ma tippreċiżax is-swieq ikkonċernati u lanqas ma turi li l-allegata distorsjoni hija attribwibbli għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. Il-Kummissjoni sempliċiment għamlet riferiment b’mod ġenerali għal “swieq ta’ prodotti oħra fejn jeżisti kummerċ intra-Komunitarju” u għal “setturi differenti mill-hekk imsejħa servizzi pubbliċi lokali” (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kellha twettaq analiżi usa’ u b’mod iżjed eżawrjenti tal-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq il-kompetizzjoni fis-setturi l-oħra.

71      Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata wkoll b’nuqqas ta’ motivazzjoni inwkantu tagħmel distinzjoni bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, minn naħa, u l-impriżi muniċipali li għandhom il-personalità ġuridika li għandhom l-entitajiet lokali u li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, min-naħa l-oħra, mingħajr ma tindika r-raġunijiet għal dan.

72      L-intervenjenti, essenzjalment, tadotta l-pożizzjoni u l-argumenti tar-rikorrenti għal dak li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 87 KE.

73      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha invokati.

–       Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

74      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kummerċ intra-Komunitarju mhuwiex affettwat f’dan il-każ. Hija tinvoka f’dan ir-rigward il-fatt li s-servizzi pubbliċi lokali huma fdati direttament lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Proċeduri ta’ għażla ġew organizzati biss fit-territorji li fihom ma kienet topera ebda impriża muniċipali jew kumpannija tal-Liġi Nru 142/90. Ir-rikorrenti ma taqbilx mal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-eżistenza nfisha tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ħeġġet lill-komuni jafdaw is-servizzi pubbliċi lokali direttament lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 pjuttost milli jorganizzaw sejħiet għal offerti. Għall-kuntrarju, hija ssostni li, kieku ma setgħetx tagħti s-servizzi pubbliċi permezz ta’ konċessjoni diretta, ebda muniċipalità ma kienet taqbel li jinħolqu kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, il-muniċipalitajiet kienu jesponu ruħhom għar-riskju li l-kumpanniji “tagħhom” tal-Liġi Nru 142/90 isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi oħrajn fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Settembru 2000, dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa (ĠU 2001, C 17, p. 4) li fiha l-Kummissjoni ddikjarat li r-regoli tal-kompetizzjoni kienu applikabbli biss meta l-attivitajiet inkwistjoni setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istat Membri. Pereżempju, skont regola ġenerali stabbilita fil-punt 32 tal-imsemmija komunikazzjoni, attività li taffettwa s-suq biss b’mod marġinali, bħal bosta servizzi ta’ interess ġenerali li huma ta’ natura lokali, normalment ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet għalfejn il-każ preżenti ma jaqax taħt l-imsemmija regola ġenerali.

76      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tagħha tal-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment għall-kundizzjonijiet intrinsiċi ta’ kull wieħed mis-swieq tas-servizzi pubbliċi lokali u sempliċement affermat li “ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza nfisha tal-għajnuna favur kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ħeġġet lill-komuni jafdawlhom direttament is-servizzi minflok jagħtu konċessjonijiet permezz ta’ proċeduri miftuħa”.

77      L-intervenjenti tadotta, essenzjalment, il-pożizzjoni tar-rikorrenti għal dak li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 87 KE.

78      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kummerċ intra-Komunitarju huwa affettwat f’dan il-każ u li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkollu l-possibbiltà li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, għandu jingħata vantaġġ selettiv. Fir-raba’ lok, l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”, punti 74 u 75, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 27).

80      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kellha tagħmel analiżi fir-rigward ta’ kull suq u, fit-tieni lok, li żewġ kundizzjonijiet mill-erbgħa msemmijin fl-Artikolu 87(1) KE dwar il-fatt li l-kummerċ intra-Komunitarju għandu jintlaqat u dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni, mhumiex sodisfatti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti jew b’nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-eżami ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

–       Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ investigazzjoni

81      Għal dak li jikkonċerna l-analiżi fir-rigward ta’ kull suq, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda kategorija speċifika ta’ impriżi, jiġifieri l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Il-fatt li kumpannija tkun waħda tal-Liġi Nru 142/90 huwa l-uniku rekwiżit sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmija skema.

82      Għandu jiġi osservat ukoll li l-applikazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin mhijiex limitata għal servizzi partikolari u li l-attivitajiet tal-impriżi koperti mill-imsemmija skema mhumiex limitati għas-settur tas-servizzi pubbliċi. Fil-fatt din hija skema waħda ta’ għajnuna u mhux diversi skemi ta’ għajnuna kklassifikati skont l-attività jew is-suq ikkonċernat.

83      Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta twettaq eżami fir-rigward ta’ kull settur sabiex tevalwa l-effetti tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

84      Fir-rigward tar-riferiment għad-Deċiżjoni 98/182, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju tal-każ li ta lok għal din id-deċiżjoni, li kien ikopri settur wieħed biss, f’dan il-każ huma involuti għadd kbir ta’ setturi.

85      Għal dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni li s-suq tal-konċessjonijiet huwa differenti mis-suq tas-servizzi pubbliċi, għandu jiġi osservat li, sabiex jiżguraw is-servizzi pubbliċi, l-awtoritajiet lokali jistgħu jużaw il-forma ġuridika tal-konċessjoni u li s-suq tal-konċessjonijiet f’dan is-settur huwa miftuħ għall-kompetizzjoni Komunitarja u huwa suġġett għar-regoli tat-Trattat KE.

86      Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat fil-premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġuni għalfejn hija wettqet eżami ġenerali u astratt tal-iskema inkwistjoni.

87      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

88      Dwar it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet fost dawk imsemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk, minħabba r-regoli dettaljati li dan il-programm jipprovdi, dan tal-aħħar huwiex tali li jagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289).

90      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/92, Ġabra p. II‑1385, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Minbarra dan, ma jeżisti ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relativament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relativament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 43; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 42, u s-sentenza Altmark, punt 79 iktar ’il fuq, punt 81).

92      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li b’ebda mod ma kien eskluż li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat ta’ oriġini tagħha jista’ madankollu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mill-imsemmija impriża tista’ tibqa’ l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport tagħhom fis-suq ta’ dan l-Istat jonqsu (sentenza Altmark, punt 79 iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

93      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni li l-kompetizzjoni tkun afettwata, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, ċertament, ir-rikorrenti sostniet li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kinux joperaw fi swieq kompetittivi u dan billi għamlet riferiment, b’mod partikolari, għas-setturi ta’ attività tagħha, hija ma pprovdiet ebda prova valida sabiex issostni l-affermazzjoni li tgħid li s-setturi ekonomiċi tas-servizzi pubbliċi koperti ma kinux miftuħin għall-kompetizzjoni f’dak iż-żmien. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-każ jirrigwarda skema ta’ għajnuna li tkopri diversi setturi u mhux diversi skemi ta’ għajnuna li kull waħda minnhom tkopri settur speċifiku.

94      Il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tapplika biss għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, indipendentement mill-attivitajiet tagħhom, u l-fatt li dawn l-impriżi joperaw effettivament f’diversi setturi tal-ekonomija, kif diġà ġie osservat fil-punti 81 sa 83 ta’ din is-sentenza, huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-miżura inkwistjoni tista’ tinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

95      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessi 73 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti setturi kkonċernati, bħal dawk tal-prodotti farmaċewtiċi, tal-iskart, tal-gass, tal-elettriku u tal-ilma, kienu kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni fiż-żmien meta daħlet fis-seħħ il-miżura inkwistjoni.

96      Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 mhumiex limitati għas-settur tas-servizzi pubbliċi lokali. Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni tista’ tiffaċilita l-espansjoni tal-imsemmija kumpanniji fi swieq oħrajn li huma miftuħin għall-kompetizzjoni, u b’hekk tipproduċi effetti ta’ distorsjoni anki f’setturi differenti mis-servizzi pubbliċi lokali. F’dan ir-rigward, jirriżulta mil-Liġi Nru 142/90, kif interpretata mill-Corte suprema di cassazione, sentenza Nru 4989 tas-6 ta’ Mejju 1995, u mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), sentenza Nru 4586 tat-3 ta’ Settembru 2001, li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu f’territorji oħrajn kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dawk tas-servizzi pubbliċi previsti fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom riżorsi u mezzi b’mod kunsiderevoli u jekk ikun tali li jikkawża preġudizzju lill-awtorità ta’ riferiment.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti jgħid l-istess ħaġa. Mill-imsemmi statut jirriżulta fil-fatt li r-rikorrenti tista’ tistabbilixxi uffiċċji rreġistrati, rappreżentazzjonijiet, kumpanniji sussidjarji u fergħat fl-Italja u f’pajjiżi oħrajn. Minn dan l-istatut jirriżulta wkoll li l-għanijiet tal-kumpannija jkopru kamp ta’ attività wiesa’. Barra minn hekk, huwa previst li r-rikorrenti tista’ takkwista ishma u interessi f’kumpanniji jew impriżi oħrajn, kemm Taljani kif ukoll barranin, li jkollhom għanijiet simili, relatati jew komplementari.

98      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-regoli tal-kompetizzjoni ma jipprekludux, minnhom infushom, li l-profitti miksubin mill-provvista ta’ servizz pubbliku jkunu jistgħu jintużaw sabiex attività tiġi estiża għal suq ieħor, għandu jingħad li, jekk kumpannija li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat u konsegwentement setgħet iżżid il-profitti tagħha, testendi l-attivitajiet tagħha għal suq ieħor miftuħ għall-kompetizzjoni, mhuwiex possibbli li jiġi eskluż effett ċert fuq il-kompetizzjoni.

99      Fl-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummisjoni, li fis-setturi ta’ attività tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, l-impriżi jikkompetu sabiex jiksbu l-konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi lokali fid-diversi komuni u li s-suq tal-imsemmija konċessjonijiet huwa suq miftuħ għall-kompetizzjoni (premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Ftit jimporta li r-rikorrenti ma pparteċipat f’ebda sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi lokali f’żoni ġeografiċi oħrajn matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

100    L-argument marbut man-nuqqas ta’ kompetizzjoni u b’hekk ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati minħabba li fir-realtà s-servizzi kkonċernati ngħataw direttament lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu jiġi rrifjutat. Minn naħa, l-għoti dirett ma jinvalidax il-konstatazzjoni magħmula fil-punti preċedenti li tgħid li s-suq inkwistjoni kien ikkaratterizzat, għall-inqas, minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-argument pjuttost juri l-effetti restrittivi tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza nfisha tal-għajnuna favur kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ħeġġet lill-komuni sabiex jafdawlhom direttament is-servizzi minflok ma jagħtu konċessjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa.

101    Fir-rigward, preċiżament, tal-kwistjoni jekk il-miżura kkonċernata ħolqotx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni saħħet il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 fil-konfront ta’ kull impriża Taljana jew barranija oħra attiva fis-suq ikkonċernat. Hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi li ma għandhomx il-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u li l-parti l-kbira tal-kapital tagħhom mhijiex miżmuma mill-awtoritajiet lokali huma żvantaġġati fil-każ li jkunu jixtiequ jipparteċipaw f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizz partikolari f’territorju partikolari.

102    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-miżura kkonċernata toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

103    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 joperaw waħedhom fis-suq nazzjonali tagħhom jew fit-territorju tal-oriġini tagħhom mhuwiex determinanti. Fil-fatt, il-kummerċ bejn l-Istati huwa affettwat mill-miżura kkonċernata meta jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq Taljan (ara l-punt 92 iktar ’il fuq).

104    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżura kkonċernata setgħet toħloq ostaklu għall-impriżi barranin li xtaqu jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew joffru s-servizzi tagħhom hemmhekk u għaldaqstant kienet taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

105    Fil-fatt, minn naħa, il-miżura inkwistjoni tippreġudika lill-impriżi barranin li jressqu offerti għal konċessjonijiet lokali ta’ servizzi pubbliċi fl-Italja peress li l-impriżi pubbliċi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni jistgħu joffru prezzijiet iktar kompetittivi mill-kompetituri nazzjonali jew Komunitarji tagħhom, li ma jibbenefikawx minnha. Min-naħa l-oħra, il-miżura kkonċernata tirrendi inqas attraenti għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn l-investiment fis-settur tas-servizzi pubbliċi lokali fl-Italja (pereżempju, permezz tal-akkwist tal-maġġoranza tal-azzjonijiet), peress li l-impriżi mixtrija ma jkunux intitolati għall-għajnuna (jew jistgħu jitilfuha) minħabba n-natura tal-azzjonisti l-ġodda tagħhom (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni spjegat biżżejjed, fil-premessi 62 sa 64, 69, 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, għalfejn hija kienet ikkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet tali li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat, il-Kummissjoni mhijiex marbuta turi l-effetti reali tal-għajnuna diġà mogħtija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 33).

107    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-klassifikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat mhijiex ivvizzjata bi żball u li, għaldaqstant, it-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda.

108    Dan il-motiv kollu għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(1) KE u tal-Artikolu 253 KE minħabba l-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna ġdida

 L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin hija għajnuna eżistenti u li, għaldaqstant, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(1) u (2) KE.

110    Hija ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tippreċedi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE. Fil-fatt, din l-eżenzjoni kienet ġiet prevista għall-impriżi muniċipali u speċjali mill-bidu tas-seklu li għadda u ġiet ipprorogata favur kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

111    Sabiex issostni iktar l-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, punt 33), u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309), li minnhom jirriżulta, fil-fehma tagħha, li l-Kummissjoni hija marbuta teżamina l-aspetti l-ġodda ta’ skema ta’ għajnuna mibdula. F’dan il-każ, il-qasam ta’ attivitajiet tal-impriżi inkarigati mis-servizzi pubbliċi ma nbidilx. Fil-fatt, ir-rikorrenti tindika li l-Liġi Nru 142/90 kienet intiża sabiex tippermetti lill-entitajiet lokali sabiex jorganizzaw is-servizzi lokali tagħhom f’forma ġuridika differenti minn dik tal-impriżi muniċipali.

112    Skont ir-rikorrenti, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata mhijiex loġika u hija kontradittorja. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti, tammetti li l-impriżi muniċipali u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 jikkostitwixxu, essenzjalment, l-istess entità ekonomika. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, hija tikkunsidra li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 jikkostitwixxu entitajiet ekonomikament u essenzjalment distinti mill-muniċipalitajiet. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Peress li l-kundizzjonijiet sabiex entità tkun tista’ tibbenefika minn din l-eżenzjoni u dawk sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienu identiċi, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li lanqas din tal-aħħar ma kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

113    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jistabbilixxi li “[b]illi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni”. Dan ifisser li, fir-rigward tal-perijodu sal-mument tal-liberalizzazzjoni tas-setturi kkunsidrati, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, peress li hija ngħatat f’setturi li mhumiex miftuħin għall-kompetizzjoni.

114    Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrenti ssostni wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

115    L-intervenjenti tadotta, essenzjalment, il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

116    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni, billi tagħmel riferiment għall-premessi 86 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid li l-konklużjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija llum ikkonfermata mill-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

117    Fis-sentenza tagħha Namur-Les assurances du crédit, punt 111 iktar ’il fuq (punt 13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE jirriżulta li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens Artikolu 88(1) KE l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u dik li setgħet tiġi eżegwita legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 88(3) KE, inklużi dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza, tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punti 4 sa 6), filwaqt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst mid-dispożizzjoni minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-miżuri li jistabbilixxu jew ibiddlu għajnuna. It-tibdil jista’ jirrigwarda għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni.

118    Fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 irriproduċa u applika r-regoli stabbiliti mill-ġurisprudenza.

119    Skont din id-dispożizzjoni, dawn li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna eżistenti:

i)       kull għajnuna li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fl-Istat Membru kkonċernat;

ii)       għajnuna awtorizzata, li tfisser, l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

iii)  kull għajnuna kkunsidrata awtorizzata meta l-Kummissjoni tonqos li tadotta deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn, li bħala prinċipju jiddekorri mill-ġurnata wara dik meta hija tirċievi n-notifika kompleta tagħha, u li hija għandha sabiex twettaq eżami preliminari;

iv)       kull għajnuna li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-irkupru tagħha skada;

v)       kull għajnuna kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ hija ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, iżda li sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma ġiet mibdula mill-Istat Membru. Il-miżuri li jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni.

120    Imbagħad, skont l-Artikolu 1(ċ) tal-imsemmi regolament, kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida.

121    Essenzjalment, il-miżuri li jistabbilixxu għajnuna jew li jibdlu għajnuna eżistenti jikkostitwixxu għajnuna ġdida. B’mod partikolari, meta t-tibdil jaffettwa l-essenza nfisha tal-iskema inizjali, din l-iskema tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jinfired mill-iskema inizjali (sentenza Government of Gibraltar, punt 111 iktar ’il fuq, punti 109 sa 111).

122    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjoni ma taqax taħt it-tieni, it-tielet u r-raba’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 li jippermettu li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala eżistenti. Barra minn hekk, dawn ma ġewx invokati mir-rikorrenti.

123    Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ġiet stabbilita mid-Digriet leġiżlattiv Nru 331/93 u mil-Liġi Nru 549/95. Fl-1990, filwaqt li l-Liġi Nru 142/90 irriformat l-istrumenti ta’ organizzazzjoni legali li l-komuni kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jamministraw is-servizzi pubbliċi lokali, fosthom il-possibbiltà li jistabbilixxu kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku, ma kienet ġiet prevista ebda eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għal dawn il-kumpanniji.

124    Fil-fatt, kull kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 stabbilita bejn l-1990 u d-dħul fis-seħħ fit-30 ta’ Awwissu 1993 tal-Artikolu 66 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 331/93 kienet suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul.

125    Konsegwentement, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex is-sistema fiskali applikabbli għall-awtoritajiet lokali tiġi estiża għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, il-leġiżlatur Taljan kellu jadotta liġi ġdida għexur ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE.

126    Barra minn hekk, anki jekk jingħad li l-eżenzjoni mit-taxxi għall-impriżi muniċipali ġiet introdotta qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u baqgħet fis-seħħ sal-1995, jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma essenzjalment distinti mill-impriżi muniċipali. L-estensjoni tal-vantaġġi fiskali eżistenti għall-impriżi muniċipali u speċjali għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji, bħal dik tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, tikkostitwixxi bidla li tista’ tiġi mifruda mill-iskema inizjali. Fil-fatt, hekk kif huwa indikat fis-sentenza tal-Consiglio di Stato Nru 4586, tat-3 ta’ Settembru 2001, jeżistu differenzi legali bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u l-impriżi muniċipali b’mod partikolari minħabba li dawk imsemmijin l-ewwel mhumiex suġġetti għal-limitu territorjali strett impost fuq dawk imsemmijin l-aħħar u li l-kampijiet ta’ attività ta’ dawk imsemmijin l-ewwel huma ħafna iktar estiżi. B’hekk, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 96 iktar ’il fuq, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu barra mit-territorju ta’ riferiment kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dak tas-servizz pubbliku previst fl-istatut tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom b’mod kunsiderevoli riżorsi u mezzi u jekk ikun tali li jippreġudika lill-awtorità ta’ riferiment.

127    Konsegwentement, għalkemm il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 daħlu fid-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi muniċipali, il-leġiżlazzjoni li tiddetermina l-kampijiet ta’ attività materjali u ġeografika tagħhom inbidlet b’mod kunsiderevoli.

128    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, introdotta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(70) tal-Liġi Nru 549/95 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 66(14) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 331/93 ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

129    Għal dak li jikkonċerna t-tieni argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss għal miżuri li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna meta daħlu fis-seħħ. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ġiet stabbilita f’mument meta s-swieq kienu, fi kwalunkwe każ, għalkemm x’aktarx f’livelli differenti, miftuħin għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

130    Għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-fatt li kienet teżisti ċerta kompetizzjoni fis-setturi li fihom il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma attivi kien ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni injorat l-argument li jgħid li l-miżura inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti (premessi 82 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

131    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn, minn naħa, l-eżami tal-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti minħabba li l-impriżi muniċipali u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 jikkostitwixxu, essenzjalment, l-istess entità ekonomika u, min-naħa l-oħra, l-eżami tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin minħabba li dawn iż-żewġ tipi ta’ impriżi jikkostitwixxu entitajiet ekonomikament u essenzjalment distinti, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Taljan, ikkunsidrat li l-ewwel eżenzjoni kienet iġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema kkonċernata. Mingħajr mhuwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni setgħet possibbilment wettqet żball fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma jimplikax li għandha tiġi annullata parti oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

132    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u tal-Artikolu 253 KE

 L-argumenti tal-partijiet

133    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball inkwantu ma kkunsidratx li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienet għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

134    Hija ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ippermettiet ir-ristrutturar tal-impriżi kkonċernati u l-bidla ta’ ekonomija tas-suq ikkaratterizzata minn monopolju f’dik ta’ suq kompetittiv. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha tapplika l-istess raġunament bħal dak applikat fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Novembru 1999, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji intiżi biex jeliminaw l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għall-impriżi muniċipali ta’ trasport (ĠU C 379, p. 11), u fid-Deċiżjoni tagħha 2000/410/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-iskema ta’ għajnuna li Franza biħsiebha tapplika favur is-settur Franċiż tal-portijiet (ĠU 2000, L 155, p. 52). Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE għal miżuri tal-Istat kienet intiża biss sabiex tiżgura t-tranżizzjoni minn sistema ta’ monopolju għal sistema liberalizzata, permezz ta’ proċess ta’ privatizzazzjoni tal-kumpanniji li kienu azzjonisti tal-kumpanniji kkonċernati.

135    Ir-rikorrenti targumenta li, mingħajr l-adozzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, il-komuni qatt ma kienu jittrasformaw l-impriżi muniċipali tagħhom f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Barra minn hekk, b’din il-miżura, ġiet żgurata t-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u ġie previst perijodu tranżitorju sabiex ikun jista’ jsir ir-ristrutturar tal-impriżi, mingħajr madankollu ma ġiet affettwata l-kontinwità tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, l-impriżi inkwistjoni sabu ruħhom quddiem limitazzjonijiet kbar għal dak li jirrigwarda t-territorju tagħhom u l-oqsma li joperaw fihom. Peress li l-oqsma li joperaw fihom il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 kienu limitati, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienet iġġustifikata.

136    Fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, wara l-privatizzazzjoni tagħha fl-1998, hija wettqet rijorganizzazzjoni u ristrutturar fundamentali tal-installazzjonijiet tagħha, u l-vantaġġi li rriżultaw minn dan ibbenefikaw b’mod sħiħ lill-belt ta’ Milan.

137    L-intervenjenti tadotta, essenzjalment, il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

138    Il-Kummissjoni, billi tagħmel riferiment għall-premessi 97 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

139    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-Artikolu 87(3) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18). L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

140    F’dan il-każ, qabel kollox fir-rigward tal-motivazzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni vverifikat, abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, jekk l-għajnuna setgħetx tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, l-ewwel nett, fid-dawl tal-linji gwida rilevanti u, it-tieni nett, indipendentment mill-imsemmija linji gwida. F’dan ir-rigward, hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija kienet waslet għal konklużjoni negattiva (premessi 97 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Imbagħad, jirriżulta b’mod ċar mill-proċess li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin taqa’ taħt id-deroga prevista mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE, ma kinux sodisfatti. L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji ma kinitx intiża sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jagħmlu profitt u ma kinitx irriżervata għal impriżi li kienu jinsabu f’diffikultà. Anki jekk jitqies li dan kien il-każ, ma ġie ppreżentat ebda pjan ta’ ristrutturar jew miżura intiża biex tikkumpensa d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni inerenti fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Skont il-ġurisprudenza, sabiex tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-għajnuna lil impriżi li jinsabu f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar koerenti li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 45).

142    Għal dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li l-miżura inkwistjoni ffaċilitat il-bidla ta’ ekonomija tas-suq ikkaratterizzata minn monopolju f’dik ta’ suq kompetittiv, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma turix kif il-miżura inkwistjoni wasslet għal kompetizzjoni iktar intensiva. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat, is-swieq ikkonċernati kienu diġà kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni u, b’hekk, il-miżura inkwistjoni setgħet tfixkel il-kompetizzjoni.

143    Għal dak li jikkonċerna l-allegata kontradizzjoni ma’ deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni li jawtorizzaw sistema tranżitorja, għandu jiġi osservat li miż-żewġ deċiżjonijiet li tagħmel riferiment għalihom ir-rikorrenti jirriżulta li dawn mhumiex paragunabbli. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 1999, hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni fiskali fl-imsemmija kawża ġew ipprojbiti milli jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti barra mit-territorju ta’ riferiment tagħhom sakemm is-swieq domestiċi tagħhom jiġu miftuħa. Fir-rigward tad-deċiżjoni 2000/410, l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ kien suġġett għat-twettiq ta’ investimenti sabiex jiġi ttrasferit u ssostitwit it-tagħmir eżistenti.

144    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ libertà ta’ stabbiliment kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

145    Ir-rikorrenti tikkontesta l-ksur tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ libertà ta’ stabbiliment, allegat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u ssostni nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

146    Ir-rikorrenti qabel kollox issostni li għandha ssir distinzjoni bejn il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa ta’ natura ġenerali, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment, li min-naħa tiegħu huwa ta’ natura speċifika. Skont ir-rikorrenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma tiksirx dawn iż-żewġ prinċipji.

147    Ir-rikorrenti teskludi li kemm l-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn kif ukoll l-impriżi Taljani li ma rriżultawx mit-trasformazzjoni ta’ impriża muniċipali f’kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. Għaldaqstant, din ma ġietx applikata b’mod diskriminatorju sabiex jiġu ffavorizzati l-impriżi Taljani.

148    Il-fatt li impriża tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin la jiddependi min-nazzjonalità tagħha u lanqas min-natura tal-azzjonisti tagħha, peress li, hekk kif tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eliġibbiltà ta’ impriża għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tiddependi biss mill-forma ġuridika tagħha (jiġifieri ex entità pubblika ttrasformata f’kumpannija b’kapital azzjonarju) u mill-azzjonijiet tagħha (maġġoranza miżmuma mis-settur pubbliku). Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja.

149    Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ingħataw l-operat dirett u esklużiv tas-servizzi pubbliċi lokali fit-territorju tal-komun ta’ riferiment tagħhom eskluda l-possibbiltà għal kull impriża oħra, Taljana jew ta’ Stat Membru ieħor, li tintervjeni fis-suq ta’ dawn is-servizzi.

150    Minbarra dan, skont ir-rikorrenti l-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn li għandhom parteċipazzjoni minoritarja f’kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 setgħu jgawdu indirettament mill-vantaġġi tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

151    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod. Għaldaqstant, peress li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-kumpanniji “normali” minħabba l-qasam ta’ attività limitat tagħhom, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin hija ġustifikata.

152    L-intervenjenti tadotta, essenzjalment, il-pożizzjoni tar-rikorrenti.

153    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv mhuwiex fondat. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet tat-Trattat KE għajr dawk tal-Artikolu 87 KE ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

154    Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-ewwel u t-tielet motivi ġew miċħuda inkwantu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tikkostitwixxi għajnuna u inkwantu l-kundizzjonijiet sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga prevista mill-Artikolu 87(3) KE mhumiex sodisfatti. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin mas-suq komuni minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ libertà ta’ stabbilitment tikkonċerna motivazzjoni sussidjarja fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ir-raba’ motiv huwa irrilevanti.

155    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru

 L-argumenti tal-partijiet

156    Ir-rikorrenti ssostni li l-ordni ta’ rkupru tikser it-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet legali li jirrigwardaw l-applikazzjoni tiegħu. Skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna, b’mod inkundizzjonat u ġenerali, lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupra l-vantaġġi kollha li bbenefikaw minnhom l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 kollha, filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-possibbiltà li ċerta għajnuna, mingħajr ma identifikat liema, hija kompatibbli mat-Trattat KE. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammet il-possibbiltà li ċerti każijiet parikolari jkunu koperti mir-regola de minimis jew jiġu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti skont is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju jew inkella li jkunu kompatibbli mas-suq komuni għal raġunijiet speċifiċi għall-każ inkwistjoni.

157    Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija doppjament ivvizzjata b’illegalità: minn naħa, peress li l-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ għajnuna eventwalment kompatibbli mat-Trattat KE u, min-naħa l-oħra, peress li hija tobbliga lir-Repubblika Taljana tiddetermina liema miżuri konkreti jikkostitwixxu għajnuna. Il-kollaborazzjoni li l-Kummissjoni hija marbuta tagħti ma tistax tpatti għall-inċertezzi li jirriżultaw mill-proċedura ta’ rkupru f’dan il-każ.

158    L-intervenjenti tadotta l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

159    Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-evalwazzjoni astratta ta’ skema ta’ għajnuna, mingħajr eżami dettaljat tal-każijiet individwali ta’ applikazzjoni, ma tistax tagħti lok għal ordni ta’ rkupru.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

160    Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 89 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha biex tistudja l-karatteristiċi tal-iskema.

161    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li deċiżjoni negattiva dwar skema ta’ għajnuna ma għandhiex tinkludi analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali abbażi ta’ dik l-iskema. Huwa biss fuq il-livell tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 91).

162    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru, kif ukoll il-ħlas, jekk ikun il-każ, tal-interessi relatati, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenzi Tubemeuse, punt 91 iktar ’il fuq, punt 66; tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I‑135, punt 47, u tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑110/02, Ġabra p. I 6333, punt 41).

163    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li din il-ġurisprudenza tapplika kemm għal għajnuna individwali kif ukoll għal għajnuna mħallsa fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna.

164    Madankollu, l-analiżi ġenerali u astratta ta’ skema ta’ għajnuna ma teskludix li, f’każ individwali, l-ammont mogħti abbażi ta’ din l-iskema ma jaqax taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE, pereżempju, minħabba li l-għoti individwali ta’ għajnuna jaqa’ taħt ir-regoli de minimis. Din il-kunsiderazzjoni tispjega r-riżervi li jinsabu fil-premessi 72, 85 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata.

165    Għalkemm huwa ċertament minnu li r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jillimita ruħu, meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għalkemm, f’dan ir-rigward, dawn ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinicke & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 10). Dan ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali, meta jeżegwixxu l-imsemmija deċiżjoni, milli jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-riżervi. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tordna biss l-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u mhux tal-ammonti li, għalkemm ikunu tħallsu taħt l-iskema inkwistjoni, ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli skont regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija jew skont regoli de minimis jew inkella skont deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni.

166    Imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li r-Repubblika Taljana hija obbligata tiddetermina liema miżuri konkreti jikkostitwixxu għajnuna, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ għajnuna huwa ta’ natura ġuridika u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali hija kompetenti sabiex tinterpreta l-kunċetti ta’ għajnuna u ta’ għajnuna eżistenti u tista’ tiddeċiedi fuq l-eventwali karatteristiċi speċifiċi ta’ każ definit, jekk ikun hemm bżonn, billi tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

167    Barra minn hekk, li kieku jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-evalwazzjoni astratta ta’ skema ta’ għajnuna, mingħajr eżami dettaljat tal-każijiet individwali ta’ applikazzjoni, ma tistax tagħti lok għal ordni ta’ rkupru, ikun ifisser li tiġi eskluża sistematikament il-possibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna mħallsa indebitament u b’hekk li jitneħħa kull sinjifikat mill-Artikoli 87 KE u 88 KE. F’każ bħal dan, ikun impossibbli għall-Kummissjoni, li hija l-unika awtorità li hija kompetenti sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, li teżamina d-diversi każijiet ta’ applikazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna.

168    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

169    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

171    Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AEM SpA hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

3)      ASM Brescia SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.