Language of document : ECLI:EU:T:2014:1061

Kawża T‑10/09 RENV

Formula One Licensing BV

vs

L‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva F1‑LIVE — Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti F 1 u nazzjonali u internazzjonali verbali F 1 Formula 1 — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009)”

Sommarju — Sentenza tal‑Qorti Ġenerali (It‑Tmien Awla) tal‑11 ta’ Diċembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade mark figurattiva F1‑LIVE — Trade mark figurattiva F 1 Formula 1 u trade marks verbali F 1

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Koeżistenza mat-trade marks preċedenti — Rikonoxximent ta’ ċertu livell ta’ karattru distintiv ta’ trade mark nazzjonali

(Il-ħames premessa tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 u Artikoli 8(1)(b) u 2(a)(ii); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95, Artikolu 3(1)(b); Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 3(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade mark preċedenti b’karattru vagament distintiv — Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Teżisti, għall-konsumaturi medji tal-Unjoni Ewropea, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn, minn naħa, is-sinjal figurattiv F1‑LIVE, li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għal prodotti u għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 16, 38 u 41, skont il-Ftehim ta’ Nice, u, min-naħa l-oħra, it-trade marks verbali F 1 irreġistrati preċedentement fil-Ġermanja għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 41, fir-Renju Unit għal prodotti u għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 16 u 38 u, bħala trade mark internazzjonali li għandha effetti fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fl-Ungerija, għal prodotti u għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 16, 38 u 41, kif ukoll it-trade mark Komunitarja figurattiva F 1 Formula 1 irreġistrata preċedentement għal prodotti u għal servizzi fl-istess klassijiet.

Għalkemm jeżistu elementi ta’ distinzjoni viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti, jeżisti, wkoll, ċertu livell ta’ xebh globali, minħabba l-inklużjoni tal-element verbali tat-trade mark preċedenti fit-trade mark figurattiva li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu biss immaġni imperfetta tat-trade marks inkwistjoni, hekk li l-element li huwa d-denominatur komuni tagħhom, l-element “f1”, joħloq ċertu xebh bejniethom, u mill-interdipenenza tad-diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-prodotti kkonċernati huma identiċi jew jixxiebhu ħafna, li l-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-konsumaturi ma tistax tiġi eskluża. Fi kliem ieħor, teżisti probabbiltà li ż-żewġ trade marks ikunu marbuta flimkien fil-ħsieb tal-konsumaturi, peress li dawn jinterpretaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala varjazzjoni tat-trade mark preċedenti F 1 minħabba r-riproduzzjoni identika ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, tal-oriġini kummerċjali tagħhom.

(ara l-punti 29, 30, 45, 52)

2.      Sabiex ma jinkisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, irid jiġi rikonoxxut ċertu livell ta’ karattru distintiv lit-trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li l-element komuni tat-trade marks inkwistjoni huwa ġeneriku, deskrittiv jew nieqes minn kwalunkwe karattru distintiv, u fin-nuqqas ta’ dan, il-validità tat-trade mark preċedenti fil-kuntest ta’ proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja titqiegħed f’dubju, fatt li jwassal għall-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

Huwa minnu li meta ssir oppożizzjoni, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, huma obbligati li jivverifikaw b’liema mod il-pubbliku rilevanti jikkunsidra s-sinjal identiku għal din it-trade mark nazzjonali fit-trade mark li għaliha qed issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jevalwaw, jekk ikun il-każ, il-livell tal-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal.

Madankollu, l-imsemmija verifiki ma jistgħux iwasslu għall-konstatazzjoni tal-assenza tal-karattru distintiv ta’ sinjal identiku għal trade mark nazzjonali rreġistrata u protetta, peress li tali konstatazzjoni la hija kompatibbli mal-koeżistenza tat-trade marks Komunitarji u tat-trade marks nazzjonali, u lanqas mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, interpretat flimkien mal-paragrafu 2(a)(ii) ta’ dan l-istess artikolu.

Fil-fatt, tali konstatazzjoni tippreġudika t-trade marks nazzjonali identiċi għal sinjal ikkunsidrat bħala li huwa nieqes mill-karattru distintiv, peress li r-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark Komunitarja tikkostitwixxi sitwazzjoni li tista’ telimina l-protezzjoni nazzjonali ta’ dawn it-trade marks. Barra minn hekk, l-imsemmija konstatazzjoni ma tirrispettax is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 40/94, li tibbaża ruħha fuq il-koeżistenza tat-trade marks Komunitarji u dawk nazzjonali, kif tistabbilixxi l-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, peress li l-validita’ ta’ trade mark internazzjonali jew nazzjonali tista’ titqiegħed f’dubju minħabba l-assenza tal-karattru distintiv unikament fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104 u d-Direttiva 2008/95 dwar it-trade marks.

(ara l-punti 33-37)

3.      Jekk il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, dan ma huwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru vagament distintiv, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati.

(ara l-punt 49)