KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑2 ta’ Diċembru 2021 (1)
Kawża C‑319/20
Facebook Ireland Limited
vs
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 80(2) – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru – Locus standi ta’ assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi”
I. Introduzzjoni
1. Fl-ekonomija moderna, immarkata miż-żieda tal-ekonomija diġitali, l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jaffettwa l-persuni mhux biss fil-kwalità tagħhom ta’ persuni fiżiċi li jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija mir-Regolament (UE) 2016/679 (2), iżda wkoll fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi.
2. Din il-kwalità għandha l-konsegwenza li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi qed ikunu dejjem iktar fl-oriġini ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jitwaqqaf l-aġir ta’ wħud mill-kontrolluri li jippreġudika b’mod simultanju kemm id-drittijiet protetti minn dan ir-regolament u minn regoli oħra li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali.
3. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Unjoni Federali”) u Facebook Ireland Limited, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Irlanda. L-Unjoni Federali tallega li din il-kumpannija kisret il-leġiżlazzjoni Ġermaniża relattiva għall-protezzjoni tad-data personali u wettqet, fl-istess waqt, prattika kummerċjali żleali, ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi.
4. Din it-talba tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 sabiex tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jżommu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-locus standi li jagħtihom id-dritt nazzjonali sabiex jitwaqqaf aġir li jikkostitwixxi, fl-istess waqt, ksur tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmi regolament u ksur ta’ regoli intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja (3) kienet iddeċidiet li tali locus standi huwa kompatibbli mad-Direttiva 95/46/KE (4), għandha tkun hi li tiddeċiedi jekk ir-Regolament 2016/679 emendax l-istat tad-dritt dwar dan il-punt.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament 2016/679
5. L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data”, huwa fformulat kif ġej (5):
“1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f’ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f’ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu [82] f’ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta’ suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f’dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar.”
B. Id‑dritt Ġermaniż
6. L-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali) (6), tat‑3 ta’ Lulju 2004, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi:
“Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali”.
7. L-Artikolu 3a tal-UWG huwa fformulat kif ġej:
“Kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, iwettaq aġir żleali, peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa sostanzjalment l-interessi tal-konsumaturi, tal-atturi l-oħra tas-suq u tal-kompetituri.”
8. L-Artikolu 8(1) u (3) tal-UWG jipprovdi:
“(1) Kull min jipparteċipa fi prattika kummerċjali illegali skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7, jista’ jagħti lok għal mandat ta’ inibizzjoni immedjat (eliminazzjoni), u f’każ ta’ riskju ta’ reċidiv, għal mandat ta’ inibizzjoni għall-futur (astensjoni). Id-dritt li jinkiseb mandat ta’ inibizzjoni għall-futur (astensjoni) jitnissel hekk kif ikun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikoli 3 jew 7.
[…]
(3) Huma detenturi tad-drittijiet mogħtija fil-paragrafu 1:
[…]
3. l-entitajiet kwalifikati, li jistabbilixxu li huma mniżżla fil-lista ta’ entitajiet kwalifikati msemmija fl-Artikolu 4 tal-[Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen (il-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni fir-Rigward ta’ Ksur tad-Dritt tal-Konsum u ta’ Ksur Ieħor (7), tas‑26 ta’ Novembru 2001, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali] jew fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi [(8)];
[…]”
9. L-Artikolu 2 tal-UKlaG jipprovdi:
“(1) Kull min jikser, b’mod ieħor minbarra bl-użu jew bir-rakkomandazzjoni ta’ kundizzjonijiet ġenerali, regoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi) jista’ jagħti lok għal mandat ta’ inibizzjoni għall-futur u mandat ta’ inibizzjoni immedjat fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi […]
(2) Fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ifissru b’mod partikolari:
[…]
11. ir-regoli li jiddefinixxu l-legalità
(a) tal-ġbir ta’ data personali ta’ konsumatur minn impriża jew
(b) l-ipproċessar jew l-użu ta’ data personali li nġabret minn imprenditur rigward konsumatur,
meta d-data tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża għal finijiet ta’ reklamar, stħarriġ tas-suq jew tal-opinjoni, ta’ operat ta’ aġenzija ta’ informazzjoni, ta’ stabbiliment ta’ profili ta’ personalità u użu, ta’ kull kummerċ ta’ data ieħor jew għal finijiet kummerċjali analogi.
[…]”
10. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tindika li, skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-UKlaG, l-organi li għandhom locus standi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jressqu azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fir-rigward ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tinkludi wkoll, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) ta’ din il-liġi, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-legalità tal-ġbir, tal-ipproċessar u tal-użu, minn imprenditur, ta’ data personali ta’ konsumatur għall-finijiet pubbliċitarji. Barra minn hekk, dejjem skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(1) tal-UKlaG, l-organi li għandhom locus standi jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 1 tal-UKlaG, il-waqfien tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi skont l-Artikolu 307 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), meta jikkunsidraw li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali imorru kontra dispożizzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data.
11. L-Artikolu 13(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi) (9), tas‑26 ta’ Frar 2007, huwa fformulat kif ġej:
“Sa mill-bidu tal-użu, huwa l-fornitur ta’ servizzi li għandu jinforma lill-utent b’mod li jinftiehem globalment dwar il-metodu, il-portata u l-iskop tal-ġbir u tal-użu ta’ data personali kif ukoll tal-ipproċessar tad-data tiegħu fl-Istati li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 95/46] sa fejn huwa jkun għadu ma ġiex informat dwar dan. Fil-proċeduri awtomatiċi, li jippermettu l-identifikazzjoni sussegwenti tal-utent u li jippreparaw il-ġbir jew l-użu ta’ data personali, l-utent għandu jkun informat fil-bidu ta’ din il-proċedura. L-utent għandu jkun jista’ jikkonsulta l-kontenut ta’ din l-informazzjoni f’kull waqt”.
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
12. Fil-Ġermanja, l-Unjoni Federali hija mniżżla fil-lista ta’ entitajiet li għandhom locus standi skont l-Artikolu 4 tal-UKlaG. Facebook Ireland topera, fl-indirizz elettroniku www.facebook.de, il-pjattaforma Internet Facebook, li tippermetti l-iskambju ta’ data personali u data oħra.
13. Il-pjattaforma Internet Facebook tinkludi spazju msejjaħ “App‑Zentrum” (Spazju Applikazzjonijiet) li fih Facebook Ireland tqiegħed, b’mod partikolari għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha, logħob gratwit ipprovdut minn terzi. Waqt il-konsultazzjoni ta’ ċertu logħob fl-Ispazju Applikazzjonijiet fis‑26 ta’ Novembru 2012, l-utent seta’ jara għadd ta’ informazzjoni taħt il-buttuna “Sofort spielan” (Ilgħab). Minn din l-informazzjoni, jirriżulta essenzjalment, li l-użu tal-applikazzjoni kkonċernata tippermetti lill-kumpannija li tkun ipprovdiet il-logħob tikseb għadd ta’ data personali u jawtorizzaha tipproċedi għal pubblikazzjonijiet, f’isem l-utent, ta’ ċerta informazzjoni, bħall-iskor tiegħu. Dan l-użu implika l-aċċettazzjoni mill-utent tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-applikazzjoni u tal-politika tagħha fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, fil-każ tal-logħba Scrabble, huwa indikat li l-applikazzjoni hija awtorizzata tippubblika l-istatus, ir-ritratti u informazzjoni oħra f’isem l-utent.
14. L-Unjoni Federali tikkritika l-preżentazzjoni tal-indikazzjonijiet ipprovduti taħt il-buttuna “Ilgħab” fl-Ispazju Applikazzjonijiet għar-raġuni li huma żleali, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet legali li japplikaw għall-kisba ta’ kunsens validu tal-utent skont dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-indikazzjoni finali fil-każ tal-logħba Scrabble tikkostitwixxi kundizzjoni ġenerali li tisfavorixxi lill-utent b’mod indebitu.
15. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Federali ressqet quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Facebook Ireland. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din l-azzjoni kienet tressqet indipendentement mill-ksur konkret ta’ drittijiet għall-protezzjoni tad-data ta’ suġġett tad-data u mingħajr mandat ta’ tali suġġett.
16. L-Unjoni Federali talbet li Facebook Ireland tiġi pprojbita, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, “milli tippreżenta logħob, fil-kuntest ta’ attivitajiet kummerċjali destinati għall-konsumaturi li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fil-[…]Ġermanja, fis-sit internet korrispondenti għall-indirizz elettroniku www.facebook.com, u dan fi ‘Spazju Applikazzjonijiet’, b’tali mod li, billi jikklikkja fuq il-buttuna “[Ilgħab]”, il-konsumatur jiddikjara li l-operatur tal-logħba jikseb, bl-intervent ta’ network soċjali operat minn [Facebook Ireland], informazzjoni fuq id-data personali li tinsab fih u huwa awtorizzat jittrażmetti (jippubblika) informazzjoni f’isem il-konsumatur […]”.
17. L-Unjoni Federali talbet ukoll li Facebook Ireland tiġi pprojbita “milli tinkludi fi ftehimiet mal-konsumaturi li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-[…]Ġermanja d-dispożizzjoni li ġejja jew dispożizzjonijiet b’kontenut identiku relattivi għall-użu ta’ applikazzjonijiet (apps) fil-kuntest ta’ network soċjali, kif ukoll milli tinvoka d-dispożizzjonijiet relattivi għat-trażmissjoni ta’ data lill-operaturi tal-logħob: ‘Diese Anwendung darf Statusmeldungen, Fotos und mehr in deinem Namen posten’ [Din l-applikazzjoni hija awtorizzata tippubblika l-istatus, ritratti u informazzjoni oħra tiegħek f’ismek]”.
18. Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ikkundannat lil Facebook Ireland skont it-talbiet tal-Unjoni Federali. L-appell ippreżentat minn Facebook Ireland quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) kien miċħud.
19. Facebook Ireland ippreżentat rikors għal “reviżjoni” kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju.
20. Fil-mertu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa ġust li l-qorti tal-appell qieset li t-talbiet tal-Unjoni Federali kienu fondati. Fil-fatt, billi ma osservatx l-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-ewwel parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tat-TMG, Facebook Ireland kisret l-Artikolu 3a tal-UWG u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) tal-UKlaG. Il-qorti tal-appell ġustament ikkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tat-TMG inkwistjoni f’dan il-każ, huma dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-aġir tal-operaturi fis-suq fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG. Barra minn hekk, dawn huma dispożizzjonijiet li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11)(a) tal-UKlaG, jirregolaw il-legalità tal-ġbir, tal-ipproċessar jew tal-użu, minn imprenditur ta’ data personali ta’ konsumatur li nġabret, ġiet ipproċessata u ntużat għal finijiet pubbliċitarji. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis, li billi ma osservatx l-obbligi ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data applikabbli f’dan il-każ, Facebook Ireland użat kundizzjoni ġenerali ineffettiva fis-sens tal-Artikolu 1 tal-UKlaG.
21. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex legali li l-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li r-rikors tal-Unjoni Federali kien ammissibbli. Fil-fatt, hija tistaqsi dwar jekk assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħall-Unjoni Federali, għadx għandha, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, setgħa li taġixxi, billi tippreżenta rikors quddiem il-qrati ċivili, fil-konfront ta’ ksur ta’ dan ir-regolament, u dan indipendentement mill-ksur konkret ta’ drittijiet ta’ suġġetti tad-data individwali u mingħajr mandat ta’ dawn tal-aħħar, billi tinvoka l-ksur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) tal-UKlaG jew anki l-użu ta’ kundizzjoni ġenerali ineffettiva b’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-UKlaG.
22. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma kienx hemm dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, l-Unjoni Federali kellha s-setgħa li tressaq azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-qrati ċivili skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(1) tal-UKlaG.
23. Skont din l-istess qorti, huwa possibbli li din is-sistema ġuridika kienet emendata minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679.
24. Fil-mertu, hija tosserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tat-TMG ma baqgħux applikabbli wara dan id-dħul fis-seħħ, u l-obbligi ta’ informazzjoni rilevanti llum huma dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament 2016/679. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, Facebook Ireland ma osservatx l-obbligu li hija għandha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti fil-provvista lis-suġġett tad-data, f’forma konċiża, trasparenti, li tinftiehem u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(c) u (e) tal-imsemmi regolament, li jirrigwardaw l-iskop tal-ipproċessar ta’ data u d-destinatarju ta’ data personali.
25. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors, jeżisti, skont il-qorti tar-rinviju, dibattitu dwar jekk organi li għandhom locus standi fis-sens tal-Artikolu 4 tal-UKlaG għandhomx setgħa, wara d-dħul fis-sens tar-Regolament 2016/679 u skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, li jieħdu azzjoni legali fil-konfront ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li huma ta’ applikazzjoni diretta skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE, billi jinvokaw il-ksur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG.
26. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis l-eżistenza ta’ perspettivi diverġenti dwar jekk ir-Regolament 2016/679 jirregolax huwa stess, b’mod eżawrjenti, il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.
27. Din il-qorti tosserva, fir-rigward tal-formulazzjoni tar-Regolament 2016/679, li l-locus standi ta’ entità bħall-Unjoni Federali, skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, ma huwiex kopert mill-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament, peress li l-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma saritx fuq mandat jew f’isem suġġett tad-data sabiex tasserixxi d-drittijiet personali tiegħu. Għall-kuntrarju, din tirrigwarda l-locus standi tal-Unjoni Federali fir-rigward tad-dritt tagħha stess, li jippermettilha, f’każ ta’ ksur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG, taġixxi kontra ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament b’mod oġġettiv, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data individwali u ta’ mandat min-naħa ta’ dawn tal-aħħar.
28. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li locus standi tal-Unjoni Federali sabiex tapplika, b’mod oġġettiv, id-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex previst fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, minkejja li din id-dispożizzjoni tipprovdi l-possibbiltà ta’ azzjoni minn tali entità indipendentement minn kull mandat mogħti minn suġġett tad-data, madankollu d-drittijiet ta’ suġġett tad-data, kif previsti f’dan ir-regolament, xorta nkisru minħabba pproċessar. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament lanqas ma jawtorizzaw, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, locus standi ta’ assoċjazzjonijiet li jinvokaw ksur oġġettiv tad-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet suġġettivi ta’ suġġett tad-data konkret, abbażi, bħal f’dan il-każ, tal-Artikolu 3a u tal-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG. Konklużjoni identika tista’ tirriżulta mit-tieni sentenza tal-premessa 142 tar-Regolament 2016/679 li ssemmi wkoll il-ksur ta’ drittijiet ta’ suġġett tad-data bħala kundizzjoni għal locus standi ta’ assoċjazzjoni indipendentement minn mandat tas-suġġett inkwistjoni.
29. Barra minn hekk, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 8(3) tal-UWG, ma jistax, skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-Artikolu 84(1) tar-Regolament 2016/679, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistipulaw is-sistema dwar sanzjonijiet oħra applikabbli għal ksur ta’ dan ir-regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Fil-fatt, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 8(3) tal-UWG, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “piena”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmi regolament.
30. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-istruttura tar-Regolament 2016/679 ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk il-locus standi ta’ organu skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, jiġifieri fir-rigward ta’ dispożizzjoni intiża għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, għadux jista’ jiġi rrikonoxxut wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Din il-qorti tikkunsidra li mill-fatt li dan jagħti lill-awtoritajiet superviżorji setgħat estiżi fil-qasam tas-sorveljanza, ta’ investigazzjoni u tal-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi, jista’ jiġi dedott li prinċipalment huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jikkontrollaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Dan imur kontra interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni ta’ regolament, bħala prinċipju, hija permessa biss jekk din tkun espressament awtorizzata. Madankollu, il-frażi “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju […] ieħor”, li tinsab fl-Artikolu 77(1), fl-Artikolu 78(1) u (2) kif ukoll fl-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament, tista’ ddgħajjef it-teżi ta’ regolament eżawrjenti fil-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt mill-imsemmi regolament.
31. Għal dak li jirrigwarda l-għan tar-Regolament 2016/679, l-effett utli tiegħu jista’ jimmilita favur l-eżistenza ta’ locus standi tal-assoċjazzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 8(3)(3) tal-UWG, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data, sa fejn dan jagħti possibbiltà addizzjonali li tiġi kkontrollata l-applikazzjoni tad-dritt, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni tad-data personali, skont il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-aċċettazzjoni tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mill-imsemmi regolament.
32. Il-qorti tar-rinviju turi wkoll id-dubji tagħha fir-rigward tal-persistenza, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, tal-locus standi tal-organi msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(1) tal-UKlaG sabiex jeżerċitaw azzjonijiet f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-azzjonijiet introdotti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2)(11) tal-UKlaG. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-locus standi, skont l-Artikolu 1 tal-UKlaG, ta’ assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi fid-dawl li titlob il-waqfien tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi, fis-sens tal-Artikolu 307 tal-Kodiċi Ċivili.
33. Preżunt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti li kienu l-bażi, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, tal-locus standi ta’ organi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala implimentazzjoni antiċipata tal-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikonoxximent f’dan il-każ ta’ locus standi tal-Unjoni Federali teħtieġ, li hija tinvoka li d-drittijiet ta’ suġġett tad-data, previsti fl-imsemmi regolament, ġew miksura minħabba pproċessar. Madankollu, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ssodisfatta.
34. Fil-fatt, din il-qorti tenfasizza li t-talbiet tal-Unjoni Federali jirrigwardaw il-kontroll astratt tal-preżentazzjoni tal-Ispazju Applikazzjonijiet minn Facebook Ireland fid-dawl tad-dritt oġġettiv tal-protezzjoni tad-data, mingħajr ma l-Unjoni Federali allegat il-ksur ta’ drittijiet ta’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679.
35. Jekk jiġi kkonstatat li l-Unjoni Federali tilfet, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, il-locus standi li kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż iċċitati iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikors għal “reviżjoni” ppreżentat minn Facebook Ireland għandu jiġi milqugħ u l-azzjoni tal-Unjoni Federali miċħuda, peress li skont id-dritt proċedurali Ġermaniż, il-locus standi għandu jippersisti sat-tmiem tal-aħħar istanza.
36. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 84(1) tar-Regolament 2016/679, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li – b’mod parallel mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet superviżorji responsabbli sabiex jissorveljaw u jinfurzaw [dan] ir-regolament u l-possibbiltajiet ta’ rikors tal-persuni kkonċernati [tas-suġġetti tad-data] – jagħtu lill-kompetituri, minn naħa, u lill-assoċjazzjonijiet, organi u kmamar awtorizzati skont id-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, is-setgħa, f’każ ta’ ksur tar-Regolament 2016/679, li jaġixxu kontra l-awtur ta’ dan il-ksur billi jippreżentaw rikors quddiem il-qrati ċivili, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ persuni kkonċernati individwali u mingħajr mandat ta’ persuna kkonċernata, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali ineffettivi [kundizzjonijiet ġenerali invalidi]?”
37. L-Unjoni Federali, Facebook Ireland, il-Gvern Awstrijak u dak Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Portugiż, kif ukoll dak Ġermaniż ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit‑23 ta’ Settembru 2021.
IV. Analiżi
38. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2016/679, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) ta’ dan tal-aħħar, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjoni legali kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi.
39. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679, “suġġett tad-data”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, huwa “persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”. Meta tali persuna tikkunsidra li d-data personali tagħha kienet l-oġġett ta’ pproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, hija jkollha diversi rimedji.
40. Għalhekk, suġġett tad-data għandu d-dritt, skont l-Artikolu 77 tal-istess regolament, li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 78 tar-Regolament 2016/679, dan is-suġġett tad-data għandu d-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja. Barra minn hekk, l-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lil kull suġġett tad-data d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk jikkunsidra li d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi regolament ġew miksura minħabba pproċessar tad-data personali tiegħu mwettaq bi ksur tal-istess regolament.
41. Ovvjament, is-suġġetti tad-data jistgħu jressqu huma stess ilment quddiem awtorità superviżorja jew jeżerċitaw ir-rimedji ġudizzjarji deskritti preċedentement. Madankollu, l-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679 jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li dawn il-persuni jkunu rrappreżentati minn organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru. Lil hinn mir-rimedji individwali, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi għalhekk possibbiltajiet differenti ta’ azzjonijiet rappreżentattivi mibdija bl-intervent ta’ entitajiet responsabbli mir-rappreżentanza tas-suġġetti tad-data (10). L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679 jaqa’ għalhekk fit-tendenza konsistenti fl-iżvilupp tal-azzjonijiet rappreżentattivi eżerċitati minn tali entitajiet bil-għan li jiddefendu interessi ġenerali jew kollettivi bħala mezz ta’ tisħiħ tal-aċċess għall-ġustizzja ta’ persuni affettwati mill-ksur tar-regoli inkwistjoni (11).
42. L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data”, jinkludi żewġ paragrafi. L-ewwel wieħed jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn suġġett tad-data jagħti mandat lil organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni sabiex jirrappreżentawh. It-tieni wieħed jirrigwarda l-azzjoni rappreżentattiva eżerċitata minn entità indipendentement minn kull mandat mogħti minn suġġett tad-data.
43. Peress li l-azzjoni eżerċitata mill-Unjoni Federali ma hijiex sostnuta fuq mandat ta’ suġġett tad-data, huwa l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 li huwa rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.
A. Is‑sentenza Fashion ID
44. Fis-sentenza tagħha Fashion ID, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, dwar kwistjoni simili għal dik invokata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, hija ddeċidiet li “li l-Artikoli 22 sa 24 [ta’ din id-direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali” (12).
45. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-konstatazzjoni li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 95/46 ma kienet timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu, u lanqas ma tagħtihom espressament is-setgħa li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà li assoċjazzjoni tirrappreżenta lil suġġett tad-data fi proċeduri ġudizzjarji jew li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja fuq inizjattiva tagħha nnifisha kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali (13). Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma jfissirx li din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjoni legali kontra l-awtur preżunt ta’ tali preġudizzju (14). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-karatteristiċi ta’ direttiva kif ukoll l-obbligu tal-Istati Membri destinatarji li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, b’konformità mal-għan imfittex minnha (15).
46. Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-Direttiva 95/46 kellha l-għanijiet li “tiġi żgurata protezzjoni effikaċi u sħiħa tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali” u li “tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni [Ewropea]” (16). Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li Stat Membru jipprevedi l-possibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ personali jikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet (17). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “l-Istati Membri minn ċerti aspetti għandhom marġni ta’ manuvra bil-għan tat-traspożizzjoni [tad-Direttiva 95/46]” (18), b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 22 sa 24, li “huma redatti f’termini ġenerali, u li ma joperawx armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mar-rikorsi ġudizzjarji li jistgħu jiġu ppreżentati fir-rigward tal-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali” (19). Għalhekk, “il-fatt li tiġi ppreveduta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali jidher li jista’ jikkostitwixxi miżura xierqa fis-sens [tal-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva], li tikkontribwixxi, […] għat-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (20).
47. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk dak li seta’ jiġi aċċettat taħt il-portata tad-Direttiva 95/46 għandux issa jiġi pprojbit wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament għandu l-effett ġuridiku li jipprekludi l-locus standi ta’ assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?
48. Diġà jista’ jkun hemm dubju mill-qari tal-punt 62 tas-sentenza Fashion ID, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li r-Regolament 2016/679 “jawtorizza espressament, fl-Artikolu 80(2) tiegħu, lill-Istati Membri jippermettu lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali b’ebda mod ma jfisser li l-Istati Membri ma jistgħux jagħtuhom dan id-dritt taħt il-portata tad-Direttiva 95/46, iżda jikkonferma, għall-kuntrarju, li l-interpretazzjoni tagħha meħuda inkunsiderazzjoni għal din is-sentenza tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni” (21).
49. Għar-raġunijiet li ser niżviluppa issa, nikkunsidra li la s-sostituzzjoni tad-Direttiva 95/46 b’regolament u lanqas il-fatt li r-Regolament 2016/679 jiddedika wkoll artikolu għar-rappreżentanza tas-suġġetti tad-data fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ma huma ta’ natura li jikkontestaw dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Fashion ID, jiġifieri li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-possibbiltà li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjonijiet legali kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali.
B. Il‑karatteristiċi partikolari tar‑Regolament 2016/679
50. Fir-rigward tas-sostituzzjoni tad-Direttiva 95/46 permezz ta’ regola ta’ natura differenti, jiġifieri r-Regolament 2016/679, għandu jiġi rrilevat li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-forma ġuridika ta’ regolament, li skont l-Artikolu 288 TFUE hija obbligatorja fl-elementi tagħha kollha u direttament applikabbli f’kull Stat Membru, hija spjegata permezz tal-volontà tiegħu, espressa fil-premessa 13 tar-Regolament 2016/679, li jiġi żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern. Għaldaqstant, dan ir-regolament donnu, mal-ewwel daqqa t’għajn, jimmilita lejn armonizzazzjoni sħiħa, u għalhekk ma jistabbilixxix biss regoli minimi li l-Istati Membri jistgħu jgħollu u ma jħallix lil dawn l-Istati l-għażla li jidderogaw, jikkumplimentaw jew jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex l-applikazzjoni simultanja u uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament fl-Unjoni ma tkunx kompromessa.
51. Ir-realtà tirriżulta li hija iktar kumplessa. Fil-fatt, il-bażi legali tar-Regolament 2016/679, jiġifieri l-Artikolu 16 TFUE (22), jipprekludi li jiġi kkunsidrat li billi adottat dan ir-regolament, l-Unjoni antiċipat ir-riperkussjonijiet kollha li l-protezzjoni tad-data personali jista’ jkollha f’oqsma oħra relattivi, b’mod partikolari, għad-dritt industrijali, għad-dritt tal-kompetizzjoni jew anki għad-dritt tal-konsum, billi tipprojbixxi l-Istati Membri milli jadottaw regoli speċifiċi f’dawn l-oqsma, u dan b’mod ftit jew wisq awtonomu, skont jekk ikunx qasam irregolat mid-dritt tal-Unjoni jew le (23). F’dan is-sens, minkejja li l-protezzjoni tad-data personali hija ta’ natura trasversali, l-armonizzazzjoni mwettqa mir-Regolament 2016/679 hija limitata għall-aspetti speċifikament koperti minn dan ir-regolament f’dan il-qasam. Lil hinn minn dawn, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jilleġiżlaw, sakemm ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet tal-imsemmi regolament.
52. Barra minn hekk, meta wieħed jidħol fid-dettall tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-estensjoni tal-armonizzazzjoni mwettqa minn dan ir-regolament tvarja skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-portata normattiva tal-imsemmi regolament teħtieġ eżami każ b’każ (24). Minkejja li jista’ jiġi kkunsidrat, f’konformità mal-ġurisprudenza relattiva għad-Direttiva 95/46 (25), li r-Regolament 2016/679 iwettaq armonizzazzjoni li “bħala prinċipju, hija kompleta”, madankollu, diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jirrikonoxxu lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra li għandu jew jista’, skont il-każ, ikun użat minn dawn tal-aħħar fil-kundizzjonijiet u l-limiti previsti minn dawn l-istess dispożizzjonijiet (26).
53. Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE u minħabba n-natura stess tar-regolamenti u tal-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri” (27). L-użu ta’ regolament ma jimplikax neċessarjament l-assenza ta’ kull marġni ta’ azzjoni mħollija lis-suġġetti tad-drittijiet mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (28). Barra minn hekk, in-natura obbligatorja u direttament applikabbli ta’ regolament ma tipprekludix li att ta’ din in-natura jinkludi regoli fakultattivi (29).
54. L-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jikkostitwixxi, minħabba l-użu tal-kelma “jistgħu”, eżempju ta’ dispożizzjoni fakultattiva li toffri lill-Istati Membri marġni diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tiegħu.
55. Din id-dispożizzjoni tagħmel parti minn mid-diversi “klawżoli tal-ftuħ” inklużi f’dan ir-regolament, li jagħtuh is-singularità tiegħu meta mqabbel ma’ regolament klassiku u jqarrbuh lejn direttiva (30). Ir-referenzi għad-dritt nazzjonali li jinsabu f’dawn il-klawżoli jistgħu jkunu obbligatorji (31), madankollu ħafna drabi jikkostitwixxu fakultà mħollija lill-Istati Membri (32). Jista’ jiġi osservat li dawn id-diversi referenzi għad-drittijiet nazzjonali jqajmu r-riskju ta’ frammentazzjoni ġdida tas-sistema tal-protezzjoni tad-data personali fi ħdan l-Unjoni, u jmorru kontra l-volontà espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jasal għal uniformizzazzjoni ulterjuri ta’ din is-sistema u jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-effettività ta’ din il-protezzjoni, anki fuq il-qari tal-obbligi tagħhom mill-kontrolluri u mill-proċessuri (33). Għalhekk, il-portata tal-armonizzazzjoni mwettqa mir-Regolament 2016/679 hija limitata mid-diversi “klawżoli tal-ftuħ” li jinsabu f’dan ir-regolament.
56. Huwa ċar li meta mqabbel ma’ dak li kien il-każ tad-Direttiva 95/46, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, fir-Regolament 2016/679, jirregola b’mod iktar wiesa’ u preċiż fuq livell tal-Unjoni l-aspetti relattivi għar-rappreżentanza tas-suġġetti tad-data sabiex jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u anki azzjoni ġudizzjarja (34). Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx l-istess portata normattiva. Fil-fatt, filwaqt li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa obbligatorju fuq l-Istati Membri (35), il-paragrafu 2 tiegħu joffri biss fakultà lil dawn tal-aħħar. Għalhekk, sabiex l-azzjoni rappreżentattiva mingħajr mandat prevista fl-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament tkun tista’ tiġi eżerċitata, l-Istati Membri għandhom jużaw il-fakultà offruta lilhom minn din id-dispożizzjoni li jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom din il-modalità ta’ rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data.
57. L-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, anki biss minħabba n-natura fakultattiva tiegħu u d-differenzi potenzjali bejn id-drittijiet nazzjonali li huwa jimplika, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li wettaq armonizzazzjoni sħiħa fir-rigward tal-azzjonijiet rappreżentattivi mingħajr mandat fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data personali. Madankollu, meta jimplimentaw din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw il-kundizzjonijiet u l-limiti li bihom il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jillimita l-eżerċizzju tal-possibbiltà prevista fl-imsemmija dispożizzjoni.
58. Minkejja li meta mqabbel ma’ dak li kien il-każ bid-Direttiva 95/46, il-qafas huwa iktar preċiż, madankollu, l-Istat Membri baqgħalhom marġni diskrezzjonali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679.
59. Mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, li wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament il-leġiżlatur Ġermaniż ma adottax dispożizzjoni intiża speċifikament għall-implimentazzjoni, fid-dritt nazzjonali tiegħu, tal-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, kif il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regoli tad-dritt Ġermaniż eżistenti minn qabel, li jagħtu lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, il-locus standi sabiex jitwaqqaf aġir li jikkostitwixxi ksur fl-istess waqt ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 u ta’ regoli li b’mod partikolari, għandhom l-għan li jipproteġu l-konsumaturi humiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, id-dritt nazzjonali eżistenti minn qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament huwa konsistenti ma’ dak li jippermetti l-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament?
60. Kif ippreċiża l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw assoċjazzjoni bħall-Unjoni Federali tippreżenta azzjoni rappreżentattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/22. Sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jawtorizzax ukoll tali azzjoni u għalhekk jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali jaqgħux fil-kuntest tal-marġni diskrezzjonali rrikonoxxut lil kull Stat Membru (36), għandu jiġi interpretat dan l-artikolu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tiegħu kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.
C. L‑interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tal‑Artikolu 80(2) tar‑Regolament 2016/679
61. Skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, l-azzjonijiet rappreżentattivi previsti minnu jistgħu jiġu eżerċitati minn “kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1” ta’ dan l-artikolu. L-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament isemmi “korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom”. Fl-opinjoni tiegħi, tali definizzjoni ma tistax tiġi limitata għall-entitajiet li l-għan uniku u esklużiv tagħhom huwa l-protezzjoni tad-data personali, iżda testendi għal dawk kollha li għandhom għan ta’ interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tad-data personali. Dan huwa l-każ ta’ assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħall-Unjoni Federali, li għandhom jeżerċitaw azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fir-rigward ta’ aġir li, filwaqt li jippreġudika d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, jikser ukoll regoli fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali (37).
62. Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, l-azzjoni rappreżentattiva tista’ tiġi eżerċitata minn entità li tissodisfa l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jekk hija “[tqis] li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt [dan ir-regolament] b’riżultat tal-ipproċessar”. Għall-kuntrarju ta’ dak li l-qorti tar-rinviju donnha tagħti x’tifhem, ma naħsibx li din l-aħħar frażi għandha tiġi interpretata f’sens restrittiv, bħala li tfisser li sabiex ikollha s-setgħa taġixxi b’konformità ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, entità għandha twettaq individwalizzazzjoni minn qabel ta’ persuna waħda jew diversi persuni affettwati b’mod konkret mill-ipproċessar inkwistjoni. Ix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament bl-ebda mod ma jmur f’dan is-sens. Barra minn hekk, id-definizzjoni nnifisha tal-kunċett ta’ “suġġett tad-data”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, jiġifieri “persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” (38), jidhirli li hija inkompatibbli mar-rekwiżit li l-persuni li huma l-oġġett ta’ pproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom ikunu diġà identifikati waqt il-preżentazzjoni ta’ azzjoni rappreżentattiva skont l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament. Loġikament isegwi li ma huwiex meħtieġ, skont din id-dispożizzjoni, li entità tallega l-eżistenza ta’ każijiet konkreti fir-rigward ta’ persuni individwalment identifikati sabiex tkun tista’ taġixxi b’mod konformi ma’ dak li tipprovdi l-imsemmija dispożizzjoni.
63. Nikkunsidra li l-implimentazzjoni ta’ azzjoni rappreżentattiva skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 tippreżumi biss li tkun allegata l-eżistenza ta’ pproċessar ta’ data personali li jmur kontra dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jipproteġu d-drittijiet individwali, u għalhekk jista’ jaffettwa d-drittijiet ta’ persuni identifikati jew identifikabbli, mingħajr ma l-locus standi ta’ entità jkun suġġett għall-verifika każ b’każ tal-punt dwar jekk inkisrux id-drittijiet ta’ persuna partikolari waħda jew iktar (39). Fil-qosor, tali azzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet li persuna fiżika jista’ jkollha skont l-imsemmi regolament wara pproċessar tad-data personali tagħha. Din l-azzjoni ma għandhiex l-għan li tipproteġi dritt oġġettiv, iżda d-drittijiet suġġettivi biss li s-suġġetti tad-data għandhom direttament skont ir-Regolament 2016/679 (40). Fi kliem ieħor, il-klawżola tal-ftuħ li tinsab fl-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament hija intiża sabiex tippermetti lill-entitajiet li għandhom is-setgħa jitolbu l-verifika permezz ta’ awtorità superviżorja jew anki permezz ta’ qorti tal-osservanza mill-kontrolluri tar-regoli li jipproteġu suġġetti tad-data li jinsabu fl-imsemmi regolament (41). F’din il-perspettiva, huwa suffiċjenti, sabiex entità jkollha locus standi skont din id-dispożizzjoni, li hija turi l-ksur ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet suġġettivi ta’ suġġetti tad-data.
64. Kif tindika, essenzjalment, il-Kummissjoni, interpretazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, fis-sens li sabiex tkun tista’ teżerċita azzjoni rappreżentattiva mingħajr mandat, entità għandha turi jew tasserixxi li ġew affettwati d-drittijiet ta’ persuna partikolari f’sitwazzjoni partikolari, tillimita b’mod sinjifikattiv ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Bħall-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, nikkunsidra li l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament għandu jkun l-oġġett ta’ interpretazzjoni li tippreżerva l-effett utli tiegħu fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 80(2) tal-imsemmi regolament għandu jinftiehem bħala li jmur lil hinn mir-rappreżentanza ta’ każijiet individwali, li huma l-oġġett tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, billi tiftaħ possibbiltà ta’ rappreżentanza, fuq l-inizjattiva ta’ entitajiet li għandhom is-setgħa u b’mod awtonomu, ta’ interessi kollettivi ta’ persuni li huma l-oġġett ta’ pproċessar tad-data personali tagħhom li jmur kontra r-Regolament 2016/679. L-effett utli tal-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament jonqos bil-kbir jekk jiġi kkunsidrat li, bħal dak meħtieġ mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, entità jkollha l-azzjoni tagħha limitata fiż-żewġ każijiet għar-rappreżentanza ta’ persuni msemmija u individwalment identifikati.
65. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 li jiena nsostni, hija konformi man-natura preventiva u mal-għan dissważiv tal-azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kif ukoll mal-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull kunflitt individwali (42).
66. Ħlief b’riskju li jinħolqu żewġ standards differenti fir-rigward tal-locus standi ta’ entitajiet bis-setgħa li jippreżentaw azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni skont jekk tali azzjoni hijiex ibbażata fuq miżura nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jew dak tad-Direttiva 2020/1828, jidhirli li huwa xieraq, minkejja li din id-direttiva ma hijiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din tal-aħħar ma teħtieġx li tali entitajiet jinvokaw l-eżistenza ta’ konsumaturi individwali msemmija b’mod speċifiku bħala li ġew affettwati mill-ksur inkwistjoni (43), iżda li jinvokaw l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn professjonisti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva (44), li barra minn hekk isemmi, fil-punt 56 tiegħu, ir-Regolament 2016/679.
67. It-teżi favorevoli għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 tipprekludi, fil-fehma tiegħi, b’mod żbaljat, il-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (45) u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ kull persuna li tkun l-oġġett ta’ pproċessar preżunt kuntrarju għal dan ir-regolament. Fil-fatt, il-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi ma jeskludix, fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni tad-drittijiet suġġettivi li s-suġġetti tad-data għandhom direttament skont ir-Regolament 2016/679, iżda għall-kuntrarju, jintegra tali protezzjoni.
68. Barra minn hekk, fl-indikazzjoni li tinsab fil-premessa 15 tad-Direttiva 2020/1828, li tipprovdi li “l-mekkaniżmi ta’ infurzar previsti fir-Regolament […] 2016/679 […] jew ibbażati fuqu jistgħu, fejn applikabbli, jibqgħu jintużaw għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi” (46), nista’ nara l-konferma li l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament tista’ tirrigwarda l-protezzjoni ta’ tali interessi.
69. Mill-elementi preċedenti niddeduċi li l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 jawtorizza, fil-fehma tiegħi, lill-Istati Membri jipprovdu l-possibbiltà li l-entitajiet għandhom is-setgħa jeżerċitaw, mingħajr mandat ta’ suġġetti tad-data, azzjonijiet rappreżentattivi intiżi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, sakemm jiġi allegat il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet suġġettivi lis-suġġetti tad-data.
70. Issa, dan huwa sewwasew il-każ tal-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni li tressqet mill-Unjoni Federali kontra Facebook Ireland.
71. Fil-fatt, infakkar li skont il-qorti tar-rinviju u skont it-talbiet tal-Unjoni Federali, Facebook Ireland ma osservatx l-obbligu tagħha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2016/679, li jikkonsisti li s-suġġett tad-data tiġi pprovduta, f’forma konċiża, trasparenti, li tinftiehem u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1)(c) u (e) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw l-iskop tal-ipproċessar tad-data u d-destinatarju tad-data personali. Dawn id-dispożizzjonijiet jappartjenu żgur għall-kategorija ta’ dawk li jagħtu drittijiet suġġettivi lis-suġġetti tad-data, kif tikkonferma b’mod partikolari, il-konstatazzjoni li dawn jinsabu fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”. Għalhekk, il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tista’ tintalab jew direttament mis-suġġetti tad-data, jew minn entità li għandha s-setgħa skont l-Artikolu 80(1) tar-Regolament 2016/679 jew anki skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament.
72. Inqis ukoll li l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu s-setgħa lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li teżerċita azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament permezz ta’ regoli intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali. Fil-fatt, tali regoli jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet simili għal dawk kontenuti fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom (47), li jimplika li l-ksur ta’ regola relattiva għall-protezzjoni tad-data personali tista’ twassal b’mod simultanju għall-ksur ta’ regoli relattivi għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew għal prattiki kummerċjali żleali. Fil-formulazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, xejn ma jipprekludi implimentazzjoni parzjali ta’ din il-klawżola tal-ftuħ, fis-sens li l-azzjoni rappreżentattiva hija intiża għall-protezzjoni, fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi, id-drittijiet li s-suġġetti tad-data għandhom minn dan ir-regolament (48).
73. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679, hija l-aħjar waħda, anki sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.
74. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2016/679, moqri flimkien mal-premessi 10, 11 u 13 tiegħu, dan ir-regolament jimponi fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-kompitu li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]” (49). Barra minn hekk, l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex “tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali” (50).
75. Ikun kontra l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali jekk l-Istati Membri jiġu preklużi milli jistabbilixxu azzjonijiet li, filwaqt li jfittxu għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, jikkontribwixxu wkoll sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-data personali. Bħal dak li kien japplika għad-Direttiva 95/46, għadu jista’ jiġi ddikjarat, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, li s-setgħa tal-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li jwaqqfu pproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv (51).
76. B’hekk il-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi minn assoċjazzjonijiet huwa partikolarment addattat għall-għan intiż sabiex jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali. F’dan id-dawl, il-funzjoni preventiva ta’ azzjonijiet mibdija minn dawn l-assoċjazzjonijiet ma tistax tiġi żgurata jekk l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 tippermetti biss li jiġi invokat il-ksur tad-drittijiet ta’ persuna affettwata individwalment u b’mod konkret minn dan il-ksur.
77. Għalhekk, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħall-Unjoni Federali, tikkontribwixxi mingħajr dubju sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet protetti mir-Regolament 2016/679 (52).
78. Barra minn hekk, ikun jekk xejn paradossali li t-tisħiħ tal-mezzi ta’ kontroll tar-regoli relattivi għall-protezzjoni tad-data personali mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni tar-Regolament 2016/679 jiġi tradott finalment fi tnaqqis tal-livell ta’ din il-protezzjoni meta mqabbel ma’ dak li l-Istati Membri setgħu jiżguraw taħt il-portata tad-Direttiva 95/46.
79. Huwa minnu li, bid-differenza għall-Istati Uniti tal-Amerika, fid-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjonijiet relattivi, minn naħa, għall-prattiki kummerċjali żleali, u min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni tad-data personali ġew żviluppati separatament. Għalhekk, iż-żewġ oqsma huma l-oġġett ta’ kuntesti normattivi differenti.
80. Għalhekk, jeżistu interazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ oqsma, b’tali mod li azzjonijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-protezzjoni tad-data personali jistgħu, fl-istess waqt u b’mod indirett, jikkontribwixxu għal waqfien ta’ prattika kummerċjali żleali. Il-maqlub huwa minnu wkoll (53). Mill-bqija, rabta bejn il-protezzjoni tad-data personali, mill-angolu tal-kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data, u l-protezzjoni tal-konsumaturi, tinsab espressa fir-Regolament 2016/679 stess, b’mod partikolari fil-premessa 42 tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat l-interazzjonijiet bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u d-Direttiva 2005/29/KE (54).
81. L-interazzjonijiet bejn id-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt tal-konsum u d-dritt tal-kompetizzjoni huma frekwenti u numerużi, sa fejn l-istess aġir jista’ jaqa’ simultanjament taħt regoli tad-dritt appartenenti għal dawn l-oqsma differenti. Tali interazzjonijiet jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-data personali iktar effettiva (55).
82. Ċertament, il-benefiċjarji tad-drittijiet previsti mir-Regolament 2016/679 ma humiex limitati għall-kategorija ta’ konsumaturi, peress li dan ir-regolament ma huwiex ibbażat fuq perċezzjoni konsumerista tal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (56), iżda fuq dik li tipprovdi li din il-protezzjoni hija, skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u kif tindika b’mod partikolari, il-premessa 1 kif ukoll l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, dritt fundamentali (57).
83. Xorta jibqa’ l-fatt, li fl-era tal-ekonomija diġitali, is-suġġetti tad-data ħafna drabi jkollhom il-kwalità ta’ konsumaturi. Din hija r-raġuni għaliex ir-regoli intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi huma ħafna drabi mobilizzati sabiex jiżguraw lil dawn tal-aħħar protezzjoni minn ipproċessar tad-data personali tagħhom li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679.
84. Fl-aħħar ta’ din l-analiżi, bilfors għandu jiġi kkonstatat li tista’ teżisti sovrappożizzjoni bejn l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 u dik prevista mid-Direttiva 2020/1828 sabiex jinkisbu mandati ta’ inibizzjoni meta s-“suġġetti tad-data”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandhom ukoll il-kwalità ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (58). Hawnhekk, nara s-sinjal ta’ kumplimentarjetà u konverġenza tad-dritt relattiv għall-protezzjoni tad-data personali mal-oqsma l-oħra tad-dritt, bħad-dritt tal-konsum u d-dritt tal-kompetizzjoni. Bl-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ressaq dan il-moviment iktar ’il quddiem billi rabat b’mod espliċitu l-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi mal-osservanza tar-Regolament 2016/679. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli kontenuti f’dan tal-aħħar tista’ biss tissaħħaħ.
V. Konklużjoni
85. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) għandha tkun is-segwenti:
L-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jieħdu azzjoni legali kontra l-awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi, sakemm l-azzjoni rappreżentattiva inkwistjoni hija intiża sabiex tikseb ir-rispett tad-drittijiet li l-persuni li huma l-oġġett tal-ipproċessar ikkontestat, għandhom direttament skont dan ir-regolament.