Language of document : ECLI:EU:C:2022:322

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ April 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 80 – Rappreżentazzjoni tas-suġġetti tad-data minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru – Azzjoni rappreżentattiva mressqa minn assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi fl-assenza ta’ mandat u indipendentement minn ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġett tad-data – Azzjoni bbażata fuq il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, fuq il-ksur ta’ liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jew fuq il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi”

Fil-Kawża C‑319/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Meta Platforms Ireland Limited, li qabel kienet Facebook Ireland Limited,

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Meta Platforms Ireland Limited, minn H.‑G. Kamann, M. Braun u H. Frey, Rechtsanwälte, kif ukoll minn V. Wettner, Rechtsanwältin,

–        għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V., minn P. Wassermann, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, Dr G. Kunnert u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, C. Vieira Guerra, P. Barros da Costa u L. Medeiros, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn F. Erlbacher, H. Kranenborg u D. Nardi, sussegwentement minn F. Erlbacher u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 80(1) u (2) u tal-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Meta Platforms Ireland Limited, li qabel kienet Facebook Ireland Limited, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Irlanda, u l-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Unjoni Federali”) dwar il-ksur, minn Meta Platforms Ireland, tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-protezzjoni tad-data personali li jikkostitwixxi, fl-istess ħin, prattika kummerċjali żleali, ksur ta’ liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRĠPD

3        Il-premessi 9, 10, 13 u 142 tar-RĠPD jistipulaw:

“(9)      L-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva 95/46/KE [tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)] jibqgħu sodi, iżda din ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha, in-nuqqas ta’ ċertezza legali jew perċezzjoni pubblika mifruxa li hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-attività online. Id-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Istati Membri jistgħu jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta’ xkiel għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni, jgħawwġu l-kompetizzjoni u jxekklu lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Tali differenza fil-livelli ta’ protezzjoni hija dovuta għall-eżistenza ta’ differenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva [95/46].

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

[…]

(13)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti. […]

[…]

(142)      Fejn is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament, hu għandu jkollu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li jkunu kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, ikollhom objettivi statutorji li jkunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali biex iressqu ilment f’ismu quddiem awtorità superviżorja, jeżerċitaw id-dritt għal rimedju ġudizzjarju f’isem suġġetti tad-data jew jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens f’isem suġġetti tad-data jekk dan tal-aħħar ikun previst fil-liġi tal-Istat Membru. Stat Membru jista’ jipprovdi li tali korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni jkollhom id-dritt li jressqu ilment f’dak l-Istat Membru, indipendentement mill-mandat ta’ suġġett tad-data, u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn ikollhom raġunijiet biex iqisu li kien hemm ksur tad-drittijiet tas-suġġett tad-data bħala riżultat tal-ipproċessar ta’ data personali li jikser dan ir-Regolament. Dak il-korp, dik l-organizzazzjoni jew dik l-assoċjazzjoni ma jistgħux jingħataw is-setgħa li jitolbu kumpens f’isem is-suġġett tad-data b’mod indipendenti mill-mandat tas-suġġetti tad-data.”

4        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.”

5        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

6        Il-Kapitolu III tar-RĠPD, li jinkludi l-Artikoli 12 sa 23, huwa intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”.

7        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, jipprovdi:

“Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, b’mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista’ tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b’mezzi oħra.”

8        Fil-paragrafu 1(c) u (e) tiegħu, l-Artikolu 13 tar-RĠPD, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi:

“Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

(c)      l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

[…]

(e)      ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu […]”

9        Il-Kapitolu VIII tal-imsemmi regolament, li jinkludi l-Artikoli 77 sa 84, huwa intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”.

10      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 77 tar-RĠPD, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.”

11      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 78 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.”

12      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 79 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.”

13      L-Artikolu 80 tar-RĠPD, intitolat “Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f’ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f’ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu [82] f’ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta’ suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f’dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar.”

14      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jipprovdi:

“Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.”

15      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 84 tar-RĠPD, intitolat “Pieni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 IdDirettiva 2005/29/KE

16      L-għan tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86) huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

17      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

(a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

(b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

5.      Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. […]”

18      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infurzar”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

Dawn il-mezzi għandhom jinkludu disposizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi kompetituri, jistgħu:

(a)      jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali u/jew

(b)      iġibu każijiet ta’ tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 10. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu disponibbli indipendentement minn jekk il-konsumaturi milquta jinsabux fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jinsab il-kummerċjant jew fi Stat Membru ieħor.

[…]”

19      Fil-punt 26 tiegħu, l-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li fih il-lista tal-prattiki kummerċjali li huma meqjusa li huma żleali f’kull ċirkustanza, jipprovdi:

“Fejn il-kummerċjant jagħmel solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali. Dan huwa mingħajr preġudizzju […] [għa]d-Direttiva 95/46/KE […]”

 Id-Direttiva 2009/22/KE

20      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

2.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1.”

21      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/22, intitolat “Dispożizzjoni għal azzjoni aktar wiesgħa”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iddisinjati li jagħtu lill-entitajiet kwalifikati jew kull persuna oħra konċernata aktar drittijiet estensivi biex iressqu l-azzjoni f’livell nazzjonali.”

22      L-Anness I tad-Direttiva 2009/22 jinkludi l-lista tad-direttivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 tagħha. Il-punt 11 ta’ dan l-anness isemmi d-Direttiva 2005/29.

 IdDirettiva (UE) 2020/1828

23      Il-premessi 11, 13 u 15 tad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22 (ĠU 2020, L 409, p. 1) jiddikjaraw:

“(11)      Din id-Direttiva ma għandhiex tissostitwixxi l-mekkaniżmi proċedurali nazzjonali eżistenti għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi jew individwali tal-konsumatur. B’kunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet legali tagħhom, jenħtieġ li hija tħalli fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri jekk ifasslux il-mekkaniżmu proċedurali għall-azzjonijiet rappreżentattivi meħtieġa minn din id-Direttiva bħala parti minn mekkaniżmu proċedurali eżistenti jew bħala parti minn mekkaniżmu proċedurali ġdid għall-miżuri kollettivi ta’ inġunzjoni jew miżuri kollettivi ta’ rimedju, jew bħala mekkaniżmu proċedurali distint, dment li mill-inqas mekkaniżmu proċedurali nazzjonali wieħed għall-azzjonijiet rappreżentattivi jikkonforma ma’ din id-Direttiva. […] Jekk ikun hemm stabbiliti mekkaniżmi proċedurali fil-livell nazzjonali flimkien mal-mekkaniżmu proċedurali meħtieġ minn din id-Direttiva, jenħtieġ li l-entità kwalifikata tkun tista’ tagħżel liema mekkaniżmu proċedurali għandu jintuża.

[…]

(13)      Jenħtieġ li l-ambitu ta’ din id-Direttiva jirrifletti l-iżviluppi reċenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur. Peress li issa l-konsumaturi joperaw f’suq usa’ u dejjem aktar diġitalizzat, il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur teħtieġ li oqsma bħall-protezzjoni tad-data, is-servizzi finanzjarji, l-ivvjaġġar u t-turiżmu, l-enerġija u l-mezzi tat-telekomunikazzjoni jkunu koperti mid-Direttiva, barra l-liġi ġenerali tal-konsumatur. […]

[…]

(15) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-atti legali elenkati fl-Anness I u għalhekk ma għandhiex tbiddel jew testendi d-definizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-atti legali jew tissostitwixxi kwalunkwe mekkaniżmu ta’ infurzar li dawk l-atti legali jista’ jkun fihom. Pereżempju, il-mekkaniżmi ta’ infurzar previsti fir-[RĠPD] jew ibbażati fuqu jistgħu, fejn applikabbli, jibqgħu jintużaw għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi.”

24      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal azzjonijiet rappreżentattivi mressqa kontra ksur imwettaq minn kummerċjanti tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I, inklużi tali dispożizzjonijiet kif trasposti fil-liġi nazzjonali, li jagħmel ħsara jew li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I. […]”

25      Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑25 ta’ Diċembru 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑25 ta’ Ġunju 2023.

[…]”

26      L-Anness I tad-Direttiva 2020/1828, li jinkludi l-lista tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tagħha, isemmi, fil-punt 56 tiegħu, ir-RĠPD.

 Iddritt Ġermaniż

 IlLiġi dwar lAzzjonijiet għallĦruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni

27      Skont l-Artikolu 2 tal-Gesetz über Unterlassungsklagen bei Verbraucherrechts- und anderen Verstößen (Unterlassungsklagengesetz – UKlaG) (il-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni fir-Rigward ta’ Ksur tad-Dritt tal-Konsum u ta’ Ksur Ieħor), tas‑26 ta’ Novembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3138), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni”):

“(1)      Kull min jikser, b’mod ieħor minbarra bl-użu jew bir-rakkomandazzjoni ta’ kundizzjonijiet ġenerali, regoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi) jista’ jagħti lok għal mandat ta’ inibizzjoni għall-futur u mandat ta’ inibizzjoni immedjat fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi […]

(2)      Fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ifissru b’mod partikolari:

[…]

11.      ir-regoli li jiddefinixxu l-legalità

(a)      tal-ġbir ta’ data personali ta’ konsumatur minn impriża jew

(b)      l-ipproċessar jew l-użu ta’ data personali li nġabret minn imprenditur rigward konsumatur,

meta d-data tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża għal finijiet ta’ reklamar, stħarriġ tas-suq jew tal-opinjoni, ta’ operat ta’ aġenzija ta’ informazzjoni, ta’ stabbiliment ta’ profili ta’ personalità u użu, ta’ kull kummerċ ta’ data ieħor jew għal finijiet kummerċjali analogi.”

28      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tindika li, skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni, l-organi li għandhom locus standi, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, jistgħu, minn naħa, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi, jitolbu l-waqfien tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi skont l-Artikolu 307 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili) u, min-naħa l-oħra, jitolbu l-waqfien tal-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-istess liġi.

 IlLiġi Kontra lKompetizzjoni Żleali

29      L-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGB1. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali”), jipprevedi:

“Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali.”

30      L-Artikolu 3a tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali huwa fformulat kif ġej:

“Kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, iwettaq aġir żleali, peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa sostanzjalment l-interessi tal-konsumaturi, tal-atturi l-oħra tas-suq u tal-kompetituri.”

31      L-Artikolu 8 tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali jipprovdi:

“(1)      Kull prattika kummerċjali illeċita skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7 tista’ twassal għal mandat ta’ inibizzjoni u, f’każ ta’ riskju ta’ reċidiva, għal mandat ta’ inibizzjoni jew ta’ projbizzjoni. […]

[…]

(3)      Il-mandati previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jintalbu:

[…]

3.      mill-entitajiet ikkwalifikati li jipproduċu l-prova li huma jinsabu fil-lista tal-entitajiet ikkwalifikati, skont l-Artikolu 4 tal-[Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni] […]”

 IlLiġi dwar ilMezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi

32      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tindika li l-Artikolu 13(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi), tas‑26 ta’ Frar 2007 (BGBl. 2007 I, p. 179), kien applikabbli sad-dħul fis-seħħ tar-RĠPD. B’effett minn dik id-data, din id-dispożizzjoni ġiet issostitwita bl-Artikoli 12 sa 14 tar-RĠPD.

33      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Elettroniċi:

“Sa mill-bidu tal-użu, huwa l-fornitur ta’ servizzi li għandu jinforma lill-utent b’mod li jinftiehem globalment dwar il-metodu, il-portata u l-iskop tal-ġbir u tal-użu ta’ data personali kif ukoll tal-ipproċessar tad-data tiegħu fl-Istati li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 95/46] sa fejn huwa jkun għadu ma ġiex informat dwar dan.”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomanda preliminari

34      Meta Platforms Ireland, li tiġġestixxi l-offerta tas-servizzi tan-network soċjali online Facebook fl-Unjoni, hija l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali tal-utenti ta’ dan in-network soċjali fl-Unjoni. Facebook Germany GmbH, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, tippromwovi taħt l-indirizz www.facebook.de l-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar. Il-pjattaforma tal-internet Facebook tinkludi, b’mod partikolari fl-indirizz tal-internet www.facebook.de, spazju msejjaħ “App-Zentrum” (Spazju Applikazzjonijiet) li fih Meta Platforms Ireland tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha logħob bla ħlas ipprovdut minn terzi. Meta jikkonsulta l-Ispazju Applikazzjonijiet ta’ xi wħud minn dan il-logħob, l-utent jara l-indikazzjoni li tgħid li l-użu tal-applikazzjoni kkonċernata jippermetti lill-kumpannija tal-logħob tikseb ċertu numru ta’ data personali u jawtorizzaha tagħmel pubblikazzjonijiet f’isem dan l-utent, bħall-punteġġ tiegħu u informazzjoni oħra. Il-konsegwenza ta’ dan l-użu hija li l-utent jaċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali tal-applikazzjoni u l-politika ta’ din l-applikazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, fil-każ ta’ logħba partikolari, huwa indikat li l-applikazzjoni hija awtorizzata tippubblika l-istatus, ir-ritratti u informazzjoni oħra f’isem l-istess utent.

35      L-Unjoni Federali, organu li għandu locus standi skont l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni, tqis li l-indikazzjonijiet ipprovduti mil-logħob ikkonċernat fl-Ispazju Applikazzjonijiet huma żleali, b’mod partikolari mill-perspettiva tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet legali li japplikaw għall-kisba ta’ kunsens validu tal-utent skont id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, hija tqis li l-indikazzjoni li l-applikazzjoni hija awtorizzata tippubblika f’isem l-utent ċerta informazzjoni personali tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni ġenerali li tisfavorixxi indebitament lill-utent.

36      F’dan il-kuntest, l-Unjoni Federali ressqet quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra Meta Platforms Ireland ibbażata fuq l-Artikolu 3a tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, fuq il-punt 11 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni kif ukoll fuq il-Kodiċi Ċivili. Din l-azzjoni kienet tressqet indipendentement minn ksur konkret ta’ dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ suġġett tad-data u mingħajr mandat minn tali suġġett tad-data.

37      Il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ikkundannat lil Meta Platforms Ireland skont it-talbiet tal-Unjoni Federali. L-appell ippreżentat minn Meta Platforms Ireland quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) ġie miċħud. Meta Platforms Ireland għalhekk ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda adottata mill-qorti tal-appell.

38      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-azzjoni tal-Unjoni Federali hija fondata sa fejn Meta Platforms Ireland kisret l-Artikolu 3a tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, kif ukoll il-punt 11 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni, u użat kundizzjoni ġenerali invalida, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni.

39      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-ammissibbiltà tal-azzjoni tal-Unjoni Federali. Fil-fatt, hija tqis li ma huwiex eskluż li l-Unjoni Federali, li effettivament kellha locus standi fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha – abbażi tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali u tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar l-Azzjonijiet għall-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni – tilfet din il-kwalità fil-mori tal-kawża, wara d-dħul fis-seħħ tar-RĠPD u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 80(1) u (2) kif ukoll tal-Artikolu 84(1) tiegħu. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha tilqa’ r-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Meta Platforms Ireland u tiċħad l-azzjoni tal-Unjoni Federali peress li, skont id-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti tad-dritt Ġermaniż, il-locus standi għandu jippersisti sat-tmiem tal-aħħar istanza.

40      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta f’dan ir-rigward ma tirriżultax b’mod ċar mill-evalwazzjoni tal-formulazzjoni, tal-istruttura kif ukoll tal-għan tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

41      Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eżistenza tal-locus standi tal-organi, tal-organizzazzjonijiet jew tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru stabbiliti b’mod validu konformement mad-dritt ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 80(1) tar-RĠPD, teħtieġ li s-suġġett tad-data jkun ta mandat lil organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni sabiex dawn jeżerċitaw f’ismu d-drittijiet previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tar-RĠPD u d-dritt li jinkiseb kumpens previst fl-Artikolu 82 tar-RĠPD meta d-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi dan.

42      Issa, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-locus standi skont il-punt 3 tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali ma jipprevedix tali rikors fuq mandat u f’isem suġġett tad-data sabiex jiġu invokati d-drittijiet personali tiegħu. Għall-kuntrarju, dan il-locus standi jagħti lil assoċjazzjoni, abbażi ta’ dritt tagħha stess li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) kif ukoll mill-Artikolu 3a tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, locus standi oġġettiv sabiex taġixxi kontra ksur tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data u minn mandat mogħti minn dawn tal-aħħar.

43      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 80(2) tar-RĠPD ma jipprevedix il-locus standi ta’ assoċjazzjoni sabiex jiġi applikat, b’mod oġġettiv, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, sa fejn din id-dispożizzjoni teħtieġ li d-drittijiet ta’ suġġett tad-data previsti fir-RĠPD ikunu ġew effettivament miksura minħabba pproċessar speċifiku ta’ data.

44      Barra minn hekk, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni, bħal dak previst fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, ma jistax jirriżulta mill-Artikolu 84(1) tar-RĠPD, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw ir-regoli dwar sanzjonijiet oħra applikabbli għal ksur ta’ dan ir-regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Fil-fatt, il-locus standi ta’ assoċjazzjoni, bħal dak previst fl-Artikolu 8(3) tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, ma jistax jitqies li huwa “piena”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tar-RĠPD.

45      Fir-rigward tal-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, il-qorti tar-rinviju tqis li mill-fatt li dan tal-aħħar armonizza b’mod partikolari s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji jista’ jiġi dedott li huma prinċipalment dawn l-awtoritajiet li għandhom jivverifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-frażi “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju […] ieħor”, li tinsab fl-Artikolu 77(1), fl-Artikolu 78(1) u (2) kif ukoll fl-Artikolu 79(1) tar-RĠPD, tista’ ddgħajjef it-teżi ta’ regolamentazzjoni eżawrjenti minn dan ir-regolament tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tad-dritt.

46      Għal dak li jirrigwarda l-għan tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-effett utli tiegħu jista’ jimmilita favur l-eżistenza ta’ locus standi ta’ assoċjazzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data, sa fejn dan jagħti possibbiltà addizzjonali ta’ superviżjoni tal-applikazzjoni tad-dritt, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni tad-data personali, konformement mal-premessa 10 tar-RĠPD. Madankollu, l-aċċettazzjoni tal-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tista’ titqies li tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mir-RĠPD.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 84(1) tar-[RĠPD], jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li – b’mod parallel mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet superviżorji responsabbli sabiex jissorveljaw u jinfurzaw [dan] ir-regolament u l-possibbiltajiet ta’ rikors tal-persuni kkonċernati [tas-suġġetti tad-data] – jagħtu lill-kompetituri, minn naħa, u lill-assoċjazzjonijiet, organi u kmamar awtorizzati skont id-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, is-setgħa, f’każ ta’ ksur tar-[RĠPD], li jaġixxu kontra l-awtur ta’ dan il-ksur billi jippreżentaw rikors quddiem il-qrati ċivili, indipendentement mill-ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ persuni kkonċernati individwali u mingħajr mandat ta’ persuna kkonċernata, billi jinvokaw il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, il-ksur ta’ liġi fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali ineffettivi [kundizzjonijiet ġenerali invalidi]?”

 Fuq iddomanda preliminari

48      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 36 kif ukoll mill-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi, bħalma hija l-Unjoni Federali, u Meta Platforms Ireland, u din it-tilwima tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk tali assoċjazzjoni tistax taġixxi kontra din il-kumpannija fl-assenza ta’ mandat mogħti lilha għal dan il-għan u indipendentement mill-ksur tad-drittijiet konkreti tas-suġġetti tad-data.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-risposta għad-domanda preliminari tiddependi biss mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-RĠPD, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80(1) tar-RĠPD u tal-Artikolu 84 tar-RĠPD ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 80(1) tar-RĠPD teħtieġ li s-suġġett tad-data jkun ta mandat lill-organu, lill-organizzazzjoni jew lill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, sabiex dawn jieħdu, f’ismu, il-miżuri legali previsti fl-Artikoli 77 sa 79 tar-RĠPD. Issa, huwa paċifiku li dan ma huwiex il-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali sa fejn l-Unjoni Federali qiegħda taġixxi indipendentement minn kull mandat mogħti minn suġġett tad-data. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-Artikolu 84 tar-RĠPD jirrigwarda s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament, aspett dan li lanqas ma huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali ma tqajjimx il-kwistjoni tal-locus standi ta’ kompetitur. Għaldaqstant, għandha tingħata risposta biss għall-parti tad-domanda li tirrigwarda l-locus standi tal-assoċjazzjonijiet, tal-organi u tal-kmamar awtorizzati skont id-dritt nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 80(2) tar-RĠPD.

51      Minn dan isegwi li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 80(2) tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi tressaq azzjoni legali, fl-assenza ta’ mandat mogħti lilha għal dan il-għan u indipendentement minn ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġett tad-data, kontra l-allegat awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi tinvoka ksur tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, ksur ta’ liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jew ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi.

52      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 10 tar-RĠPD, dan tal-aħħar huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha u li jneħħi l-ostakoli għall-flussi ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni.

53      F’dan il-kuntest, il-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament jirregola, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data meta d-data personali li tikkonċernah kienet is-suġġett ta’ pproċessar allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tista’ għalhekk tintalab jew direttament mis-suġġett tad-data, jew minn entità awtorizzata, fil-preżenza jew fl-assenza ta’ mandat għal dan il-għan, skont l-Artikolu 80 tar-RĠPD.

54      Għalhekk, l-ewwel nett, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq huwa stess ilment quddiem awtorità superviżorja ta’ Stat Membru jew rikors quddiem il-qrati ċivili nazzjonali. B’mod iktar preċiż, dan is-suġġett tad-data għandu, rispettivament, id-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, konformement mal-Artikolu 77 tar-RĠPD, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja, skont l-Artikolu 78 tar-RĠPD, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur, previst fl-Artikolu 79 tar-RĠPD, u d-dritt li jinkiseb kumpens għad-dannu mġarrab mingħand il-kontrollur jew il-proċessur, skont l-Artikolu 82 tar-RĠPD.

55      Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 80(1) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex dawn iressqu lment jew jeżerċitaw, f’ismu, id-drittijiet previsti fl-artikoli msemmija iktar ’il fuq.

56      Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 80(2) tar-RĠPD, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kull organu, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, indipendentement minn kull mandat mogħti minn suġġett tad-data, għandu jkollhom, fl-Istat Membru inkwistjoni, id-dritt li jressqu lment quddiem l-awtorità superviżorja, skont l-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 tiegħu, jekk iqisu li kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ suġġett tad-data previsti f’dan ir-regolament minħabba l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-RĠPD, moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessi 9, 10 u 13 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali li hija, bħala prinċipju, kompleta. Madankollu, numru ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jiftħu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu regoli nazzjonali supplimentari, iktar stretti jew derogatorji, li jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati (“klawżoli ta’ ftuħ”).

58      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE u minħabba n-natura stess tar-regolamenti u tal-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 80(2) tar-RĠPD, li jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk, sabiex tkun tista’ tiġi eżerċitata l-azzjoni rappreżentattiva mingħajr mandat fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, prevista f’din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw il-possibbiltà mogħtija lilhom minn din id-dispożizzjoni li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, din il-modalità ta’ rappreżentanza tas-suġġetti tad-data.

60      Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-possibbiltà mogħtija lilhom minn tali klawżola ta’ ftuħ, huma għandhom jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fil-kundizzjonijiet u fil-limiti previsti fid-dispożizzjonijiet tar-RĠPD u għandhom għalhekk jilleġiżlaw b’mod li ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

61      F’dan il-każ, kif ġie kkonfermat mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża, il-leġiżlatur Ġermaniż ma adottax, wara d-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, dispożizzjonijiet partikolari intiżi speċifikament li jimplimentaw, fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-Artikolu 80(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/22, diġà tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jressqu azzjoni ġudizzjarja kontra l-allegat awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, dan il-gvern jenfasizza li, fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu essenzjalment jiġi vverifikat jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil kull Stat Membru fl-Artikolu 80(2) tar-RĠPD u għalhekk din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tagħha kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 80(2) tar-RĠPD jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmu ta’ azzjoni rappreżentattiva kontra l-allegat awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li jistabbilixxi ċertu numru ta’ rekwiżiti fil-livell tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae li għandhom jiġu osservati għal dan il-għan.

64      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ tali mekkaniżmu, il-locus standi huwa rrikonoxxut lil organu, lil organizzazzjoni jew lil assoċjazzjoni li jissodisfaw il-kriterji elenkati fl-Artikolu 80(1) tar-RĠPD. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tirreferi għal “korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom”.

65      Issa, għandu jiġi kkonstatat li assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħalma hija l-Unjoni Federali, tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett sa fejn issegwi l-għan ta’ interess pubbliku li jiġu żgurati d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi, peress li t-twettiq ta’ tali għan jista’ jkun marbut mal-protezzjoni tad-data personali ta’ dawn tal-aħħar.

66      Fil-fatt, il-ksur tar-regoli li għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi jew li jiġġieldu kontra l-prattiki kummerċjali żleali – ksur li assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħalma hija l-Unjoni Federali, hija intiża li tipprevjeni u tissanzjona b’mod partikolari bit-tressiq ta’ kawża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli – jista’ jkun marbut, bħal f’dan il-każ, ma’ ksur tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali ta’ dawn il-konsumaturi.

67      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi mekkaniżmu, l-eżerċizzju tal-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) tar-RĠPD minn entità li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, jeħtieġ li din l-entità, indipendentement minn kull mandat mogħti lilha, tqis “li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar” tad-data personali tiegħu.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel, li, għall-finijiet tat-tressiq ta’ azzjoni rappreżentattiva, fis-sens tal-Artikolu 80(2) tar-RĠPD, tali entità ma tistax tkun meħtieġa tidentifika b’mod individwali u minn qabel is-suġġett tad-data li jkun speċifikament ikkonċernat minn ipproċessar ta’ data li allegatament huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

69      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “suġġett tad-data”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ma jkoprix biss “persuna fiżika identifikata” iżda jkopri wkoll “persuna fiżika identifikabbli”, jiġifieri persuna fiżika “li tista’ tiġi identifikata”, direttament jew indirettament, b’riferiment għal identifikatur, bħal, b’mod partikolari, isem, numru ta’ identifikazzjoni, data dwar il-lokalizzazzjoni jew identifikatur online. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indikazzjoni ta’ kategorija jew ta’ grupp ta’ persuni affettwati minn tali pproċessar tista’ tkun ukoll suffiċjenti għall-finijiet tat-tressiq ta’ tali azzjoni rappreżentattiva.

70      It-tieni, skont l-Artikolu 80(2) tar-RĠPD, l-eżerċizzju ta’ azzjoni rappreżentattiva lanqas ma huwa suġġett għall-eżistenza ta’ ksur konkret tad-drittijiet li persuna tislet mir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

71      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, imfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, it-tressiq ta’ azzjoni rappreżentattiva jeħtieġ biss li l-entità kkonċernata “tqis” li d-drittijiet ta’ suġġett tad-data previsti f’dan ir-regolament inkisru minħabba l-ipproċessar tad-data personali tiegħu u għalhekk tallega l-eżistenza ta’ pproċessar ta’ data li jmur kontra dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

72      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi rrikonoxxut il-locus standi ta’ tali entità, skont l-imsemmija dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi sostnut li l-ipproċessar tad-data kkonċernat jista’ jaffettwa d-drittijiet li persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli jisiltu mill-imsemmi regolament, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi pprovat dannu reali mġarrab mis-suġġett tad-data, f’sitwazzjoni partikolari, minħabba l-ksur tad-drittijiet tiegħu.

73      Tali interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 16 TFUE u mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, mal-għan imfittex mir-RĠPD li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi kif ukoll, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punti 44, 45 kif ukoll 91).

74      Issa, il-fatt li assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħalma hija l-Unjoni Federali, jiġu awtorizzati jressqu, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rikors rappreżentattiv, azzjonijiet intiżi sabiex jitwaqqaf ipproċessar li jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, indipendentement mill-ksur tad-drittijiet ta’ persuna individwalment u konkretament affettwata minn dan il-ksur, jikkontribwixxi mingħajr ebda dubju sabiex jissaħħu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għalihom.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni rappreżentattiva, sa fejn tippermetti li jiġi evitat numru kbir ta’ ksur tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data minħabba l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jista’ jkun iktar effettiv mir-rikors li persuna waħda individwalment u konkretament affettwata minn ksur tad-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data personali tagħha tista’ teżerċita kontra l-awtur ta’ dan il-ksur.

76      Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-funzjoni preventiva ta’ azzjonijiet mibdija minn assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, bħalma hija l-Unjoni Federali, ma tkunx tista’ tiġi żgurata jekk l-azzjoni rappreżentattiva prevista fl-Artikolu 80(2) tar-RĠPD tippermetti biss li jiġi invokat il-ksur tad-drittijiet ta’ persuna individwalment u konkretament affettwata minn dan il-ksur.

77      Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat ukoll, kif titlob il-qorti tar-rinviju, jekk l-Artikolu 80(2) tar-RĠPD jipprekludix l-eżerċizzju ta’ azzjoni rappreżentattiva indipendentement minn ksur konkret ta’ dritt ta’ suġġett tad-data u minn mandat mogħti minn dan tal-aħħar meta l-ksur tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data jkun ġie allegat fil-kuntest ta’ azzjoni intiża sabiex tiġi mistħarrġa l-applikazzjoni ta’ regoli legali oħra intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, kif ġie essenzjalment osservat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-ksur ta’ regola dwar il-protezzjoni tad-data personali jista’ fl-istess ħin jimplika ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jew dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

79      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-possibbiltà li hija tagħtihom fis-sens li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jkunu awtorizzati jaġixxu kontra ksur tad-drittijiet previsti fir-RĠPD permezz, jekk ikun il-każ, ta’ regoli li jkollhom bħala għan il-protezzjoni tal-konsumaturi jew il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali żleali, bħal dawk previsti fid-Direttiva 2005/29 u fid-Direttiva 2009/22.

80      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 80(2) tar-RĠPD hija barra minn hekk ikkorroborata mid-Direttiva 2020/1828, li tħassar u tissostitwixxi, b’effett mill‑25 ta’ Ġunju 2023, id-Direttiva 2009/22. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2020/1828, din tal-aħħar tapplika għall-azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minħabba ksur imwettaq minn professjonisti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni previsti fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li jsemmi, fil-punt 56 tiegħu, ir-RĠPD.

81      Huwa minnu li d-Direttiva 2020/1828 ma hijiex applikabbli fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha għadu ma skadiex. Madankollu, hija tinkludi diversi elementi li jikkonfermaw li l-Artikolu 80 tar-RĠPD ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet rappreżentattivi komplementari fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

82      Fil-fatt, għalkemm, kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ possibbli li jiġi previst mekkaniżmu proċedurali għal azzjonijiet rappreżentattivi komplementari fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-mekkaniżmi ta’ applikazzjoni previsti fir-RĠPD jew ibbażati fuqu, bħal dak previst fl-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament, ma jistgħux jiġu ssostitwiti jew emendati, kif tippreċiża l-premessa 15 tal-imsemmija direttiva, u għalhekk jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 80(2) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi tressaq azzjoni legali, fl-assenza ta’ mandat mogħti lilha għal dan il-għan u indipendentement minn ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data, kontra l-allegat awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi tinvoka ksur tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, ksur ta’ liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jew ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi f’sitwazzjoni fejn l-ipproċessar ta’ data kkonċernat jista’ jaffettwa d-drittijiet li persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli jisiltu minn dan ir-regolament.

 Fuq lispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi tressaq azzjoni legali, fl-assenza ta’ mandat mogħti lilha għal dan il-għan u indipendentement minn ksur ta’ drittijiet konkreti ta’ suġġetti tad-data, kontra l-allegat awtur ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali, billi tinvoka ksur tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, ksur ta’ liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jew ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali invalidi f’sitwazzjoni fejn l-ipproċessar ta’ data kkonċernat jista’ jaffettwa d-drittijiet li persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli jisiltu minn dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.