Language of document : ECLI:EU:T:2021:637

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Multi – Immunità parzjali minn multa – Paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 – Tnaqqis tal-ammont tal-multa – Paragrafu 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑344/18,

Rubycon Corp., stabbilita f’Ina (il-Ġappun),

Rubycon Holdings Co. Ltd, stabbilita f’Ina,

irrappreżentati minn J. Rivas Andrés u A. Federle, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Ernst, L. Wildpanner u F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1768 final tal-21 ta’ Marzu 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta, D. Gratsias, M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

1        Ir-rikorrenti, Rubycon Corp. (iktar ’il quddiem l-“ewwel rikorrenti”) u Rubycon Holdings Co. Ltd (iktar ’il quddiem it-“tieni rikorrenti”), huma kumpanniji stabbiliti fil-Ġappun. L-ewwel rikorrenti timmanifattura u tbigħ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju. Mill-1 ta’ Frar 2007, it-tieni rikorrenti għandha 100 % tal-kapital tal-ewwel rikorrenti.

2        Il-ksur inkwistjoni jikkonċerna l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju. Il-kapaċitaturi huma komponenti elettriċi li jaħżnu l-enerġija b’mod elettrostatiku f’kamp elettriku. Il-kapaċitaturi elettrolitiċi huma użati fi kważi l-prodotti elettroniċi kollha, bħalma huma kompjuters personali, tablets, telefons, airconditioners, friġġijiet, washing machines, prodotti awtomobilistiċi u tagħmir industrijali. Għalhekk, il-klijentela hija ddiversifikata ħafna. Il-kapaċitaturi elettrolitiċi, u b’mod iktar preċiż il-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju, huma prodotti li l-prezz tagħhom jikkostitwixxi parametru kompetittiv importanti.

B.      Il-proċedura amministrattiva

3        Fl-4 ta’ Ottubru 2013, Panasonic u s-sussidjarji tagħha ressqu, quddiem il-Kummissjoni Ewropea, talba għall-għoti ta’ marker skont il-paragrafi 14 u 15 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”), filwaqt li pprovdew informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur preżunt fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi.

4        Fit-28 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), talbet informazzjoni lil diversi impriżi li joperaw fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi, fosthom ir-rikorrenti.

5        Fis-26 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

6        Fl-4 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija bagħtet b’mod partikolari lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma weġbux għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

7        Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, instemgħu mill-Kummissjoni waqt is-seduta li seħħet mit-12 sal-14 ta’ Settembru 2016.

C.      Id-deċiżjoni kkontestata

8        Fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 1768 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

1.      Ksur

9        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi, li fih ipparteċipaw disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, jiġifieri Elna, Hitachi AIC, Holy Stone, Matsuo, NEC Tokin, Nichicon, Nippon Chemi-Con, Sanyo (li tirreferi għal Sanyo u Panasonic flimkien), u r-rikorrenti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“parteċipanti fl-akkordju”) (premessa 1 u Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li l-ksur inkwistjoni seħħ bejn is-26 ta’ Ġunju 1998 u t-23 ta’ April 2012, fit-territorju kollu taż-ŻEE, u kien ikkonsista fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      L-akkordju kien essenzjalment organizzat permezz ta’ laqgħat multilaterali, li ġeneralment kienu jinżammu fil-Ġappun, kull xahar jew kull xahrejn, fil-livell maniġerjali għoli responsabbli għall-bejgħ, u kull sitt xhur fil-livell tad-diretturi, inklużi l-presidenti (premessi 63, 68 u 738 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Il-laqgħat multilaterali ġew, l-ewwel, organizzati, bejn l-1998 u l-2003, bl-isem ta’ “ċirku tal-kapaċitaturi elettrolitiċi” jew ta’ “konferenza tal-kapaċitaturi elettrolitiċi” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat ECC”). Sussegwentement, dawn ġew organizzati, bejn l-2003 u l-2005, bl-isem ta’ “konferenza aluminju-tantalju”, ta’ “grupp tal-kapaċitaturi tal-aluminju jew tat-tantalju” jew ta’ “laqgħat ATC”. Fl-aħħar nett, huma ġew organizzati, bejn l-2005 u l-2012, bl-isem ta’ “grupp ta’ studju tas-suq” jew “grupp ta’ marketing” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat MK”). B’mod parallel mal-laqgħat MK, u flimkien ma’ dawn il-laqgħat, bejn l-2006 u l-2008 ġew organizzati laqgħat “żieda fl-ispejjeż” jew “żieda tal-kapaċitaturi” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat CUP”) (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Minbarra dawn il-laqgħat multilaterali, il-parteċipanti fl-akkordju kellhom ukoll, skont il-bżonn, kuntatti bilaterali u trilaterali ad hoc (premessi 63, 75 u 739 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“iskambji antikompetittivi”).

14      Fil-kuntest tal-iskambji antikompetittivi, il-parteċipanti fl-akkordju, essenzjalment, kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-prezzijiet futuri pprattikati, dwar it-tnaqqis futur fil-prezz u l-firxa ta’ dan it-tnaqqis, fuq l-offerta u d-domanda, inkluż fuq l-offerta u d-domanda futuri, u, f’ċerti każijiet, kienu jikkonkludu, japplikaw u jimmonitorjaw il-ftehimiet dwar il-prezzijiet (premessi 62, 715, 732 u 741 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-parteċipanti fl-akkordju kien jikkostitwixxi forma ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma, li kellu għan komuni, jiġifieri li tiġi evitata l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u jiġi kkoordinat l-aġir futur tagħhom fir-rigward tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi, u b’hekk titnaqqas l-inċertezza fis-suq (premessi 726 u 731 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-aġir kellu għan antikompetittiv uniku (premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

17      Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-ewwel rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-23 ta’ April 2012 (premessa 961 u Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tat-tieni rikorrenti fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm, li kellha l-kapital azzjonarju kollu tal-ewwel rikorrenti, għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2007 sat-23 ta’ April 2012 (premessi 962 u 963 u Artikolu 1(h) tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Il-multi imposti fuq ir-rikorrenti

19      L-Artikolu 2(k) u (l) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi, minn naħa, multa ta’ EUR 27 718 000 fuq l-ewwel rikorrenti “flimkien u in solidum” mat-tieni rikorrenti u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 706 000 fuq l-ewwel rikorrenti.

4.      Il-kalkolu tal-ammont tal-multi

20      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) (premessa 980 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fl-ewwel lok, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, skont il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 (premessa 989 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-bejgħ abbażi tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju ffatturati lil klijenti stabbiliti fiż-ŻEE (premessa 990 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur rilevanti tal-bejgħ b’mod separat għaż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u l-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju, u applikat fil-konfront tagħhom koeffiċjenti multiplikaturi differenti skont it-tul ta’ żmien (premessa 991 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jintuża skont il-gravità tal-ksur għal 16 %. F’dan ir-rigward, hija qieset li “arranġamenti” orizzontali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li l-akkordju kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (premessi 1001 sa 1003 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat ammont addizzjonali ta’ 16 %, abbażi tal-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa imposta (premessa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fir-rigward ukoll tal-koeffiċjent multiplikatur relatat mat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, tat lill-ewwel rikorrenti immunità parzjali mill-multa għat-tul tal-ksur, li tikkorrispondi għall-perijodu tal-ksur mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003, minħabba li hija kienet ipproduċiet provi determinanti sabiex jiġu stabbiliti punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu t-tul tal-ksur għal dan il-perijodu (ara l-premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      B’hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, f’dak li jirrigwarda l-ewwel rikorrenti, koeffiċjent multiplikatur ta’ 8.65, li jikkorrispondi għall-perijodu bejn id-29 ta’ Awwissu 2003 u t-23 ta’ April 2012 u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn is-26 ta’ Ġunju 1998 u t-28 ta’ Awwissu 2003 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). F’dak li jikkonċerna lit-tieni rikorrenti, il-Kummissjoni użat koeffiċjent multiplikatur ta’ 5.22, li jikkorrispondi għall-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2007 u t-23 ta’ April 2012 (it-tabella 1 fil-premessa 1007, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1658 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa għall-ewwel rikorrenti għal EUR 61 434 000 u l-ammont bażiku tal-multa għat-tieni rikorrenti għal EUR 39 598 000 (premessa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, l-ewwel nett il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis addizzjonali tal-multa abbażi tal-paragrafu 37 tal-Linji gwida tal-2006 (premessi 1052 u 1053 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkonstatat l-eżistenza ta’ ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 1054 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Sussegwentement, il-Kummissjoni applikat il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena kummerċjali preċedenti, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (premessi 1057 u 1058 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fl-aħħar nett, wara l-applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu ta’ 10 %, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti, skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta fuqhom, sa fejn hija qieset li huma kienu t-tieni impriża li pproduċiet provi li jagħtu valur miżjud sinjifikattiv (premessi 1082 u 1083 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti immunità parzjali mill-multa relatata mal-gravità tal-ksur, skont it-tielet subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 26, minħabba li l-provi li huma kienu pprovdew ma kinux ippermettewlha tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur (premessi 1093 sa 1096 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat l-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għal EUR 28 424 000 (premessa 1139 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

37      Fis-27 ta’ Settembru 2018, ir-risposta tal-Kummissjoni ġiet iddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

38      Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2018 u fid-29 ta’ Jannar 2019 rispettivament.

39      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

40      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lid-Disa’ Awla Estiża, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

41      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom fis-seduta.

42      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2020.

43      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl-1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet, skont l-Artikoli 22 u 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

44      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikkonċernahom u, b’mod partikolari, tannulla l-Artikolu 1(h), l-Artikolu 2(k) u (l), u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

[omissis]

B.      Fuq il-mertu

53      Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi insostenn kemm tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tal-multi imposti fuqhom, kif ukoll tat-talbiet tagħhom intiżi għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi. L-ewwel motiv jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti immunità parzjali ta’ multa minħabba provi li huma pproduċew, dwar punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur. It-tieni motiv jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li ma timxix mal-metodu ġenerali previst mil-Linji gwida tal-2006 u li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-paragrafu 37 ta’ dawn il-linji gwida.

1.      Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

a)      Fuq l-ewwel motiv, dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti immunità parzjali minn multa minħabba provi li huma pproduċew, dwar punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur

59      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tagħtihom immunità parzjali minn multa skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, sa fejn il-provi li huma pprovdew dwar il-laqgħat ECC u CUP ippermettew lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-gravità tal-ksur.

[omissis]

2)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006

[omissis]

i)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ECC u fil-laqgħat CUP

78      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta użat il-provi li huma pproduċew dwar il-laqgħat CUP u l-laqgħat ECC sabiex iżżommhom responsabbli għall-elementi kollha tal-ksur, inklużi dawn il-laqgħat. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienu l-ewwel li pproduċew provi dwar il-laqgħat CUP, li l-eżistenza tagħhom ma kinitx magħrufa mill-Kummissjoni sa dik id-data. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienu l-uniċi li pprovdew provi dwar il-laqgħat ECC.

79      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

80      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-ewwel rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-23 ta’ April 2012 u tat-tieni rikorrenti fil-kwalità tagħha ta’ kumpanija omm għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2007 sat-23 ta’ April 2012 (ara l-punti 17 u 18 iktar ’il fuq).

81      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu l-uniċi li pprovdew provi dwar l-iskambji antikompetittivi li seħħew matul is-snin 1998 sa 2004, bl-eċċezzjoni ta’ skambju li seħħ matul is-sena 2003, u li dawn il-provi ppermettewlha żżid it-tul tal-ksur għall-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003 (premessa 1080 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna nri 1708 u 1709 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu tal-ewwel li pprovdew provi dwar il-laqgħat CUP (premessi 1080 u 1096 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1710 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dawn il-provi kienu ppermettewlha tiskopri aspett funzjonali ieħor tal-akkordju, jiġifieri l-eżistenza, in-natura u l-kontenut tal-laqgħat CUP, organizzati bejn l-2006 u l-2008 (premessa 1080 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1710 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet, minn naħa, il-Kummissjoni tat lill-ewwel rikorrenti immunità parzjali mill-multa, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, għall-perijodu ta’ ksur mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003. Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ir-responsabbiltà tal-ewwel rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju matul il-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-23 ta’ April 2012, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003 meta ffissat il-koeffiċjent multiplikatur għat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur (ara l-punti 17 u 26 iktar ’il quddiem).

84      B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-perijodu li jikkorrispondi għal din l-immunità parzjali minn multa, mogħtija fir-rigward tat-tul tal-ksur, kien jinkludi l-perijodu li matulu seħħew il-laqgħat kollha ECC, bl-eċċezzjoni tal-laqgħa tas-7 ta’ Novembru 2003 (ara l-premessi 78 u 80 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 128 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punti 12 u 26 iktar ’il fuq).

85      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-provi prodotti mir-rikorrenti, dwar il-laqgħat ECC u l-laqgħat CUP, ma kinux ippermettewlha tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti immunità parzjali mill-multa relatata mal-gravità tal-ksur, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

86      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-provi kollha pprovduti mir-rikorrenti, li dawn kellhom jiġu kkunsidrati bħala t-tieni impriża li pprovdiet valur miżjud sinjifikattiv (premessi 1082 u 1083 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta fuqhom, skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

87      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta żammithom responsabbli għall-ksur fit-termini msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq.

88      Fil-fatt, l-immunità parzjali minn multa prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 tikkonċerna biss l-ammont tal-multa. Kif tfakkar fil-punt 75 iktar ’il fuq, meta l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmija immunità parzjali jiġu ssodisfatti, l-unika konsegwenza li tirriżulta hija li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tibbaża ruħha fuq il-provi inkwistjoni sabiex tiddetermina l-gravità jew it-tul tal-ksur tal-applikant għal klemenza. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni dawn il-fatti sabiex tiffissa l-ammont tal-multa.

89      Għaldaqstant, l-immunità parzjali minn multa, prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, ma għandha ebda effett fuq il-portata tar-responsabbiltà għall-ksur ikkonstatat fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji ta’ tali immunità.

[omissis]

91      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ECC u fil-laqgħat CUP, għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kellhomx effett fuq il-gravità tal-ksur

92      Ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 1094 u 1096 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi prodotti minnhom dwar il-laqgħat ECC u l-laqgħat CUP ma kellhomx effett fuq il-gravità tal-ksur. Skont ir-rikorrenti, dawn il-provi kienu ppermettew li jiġi stabbilit li l-ksur kien ikopri wkoll ftehimiet dwar il-prezzijiet u għalhekk ma kienx limitat għal diskussjonijiet dwar informazzjoni dwar il-prezzijiet u dwar l-offerta u d-domanda. Barra minn hekk, dawn il-provi juru l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ senjalazzjoni u ta’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza, mill-impriżi, tal-ftehimiet fil-qasam tal-prezz. Għaldaqstant, dawn il-provi kienu determinanti sabiex tissaħħaħ il-gravità tal-ksur. Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38), u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, EU:T:2007:115).

93      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

94      Kif tfakkar fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, il-benefiċċju tal-immunità parzjali minn multa prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jeżiġi li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet, jiġifieri li l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li pproduċiet provi determinanti fis-sens tal-paragrafu 25 tal-imsemmi avviż, li dawn il-provi għandhom jippermettu li jiġu stabbiliti punti ta’ fatt addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tistabbilixxi, u li dawn il-punti ta’ fatt addizzjonali jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur.

95      Minn dan jirriżulta li għall-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, ma huwiex biżżejjed li provi jkunu determinanti fis-sens tal-paragrafu 25 ta’ dan l-avviż, iżda jeħtieġ ukoll li dawn jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità jew it-tul tal-ksur (sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑267/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:110, punt 405).

96      F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel rikorrenti kienet l-unika waħda li pproduċiet provi dwar il-laqgħat ECC u li r-rikorrenti kienu tal-ewwel li pproduċew provi dwar il-laqgħat CUP. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi prodotti mill-ewwel rikorrenti dwar il-laqgħat ECC ippermettewlha żżid it-tul tal-ksur u, minħabba f’hekk, tatha immunità parzjali mill-multa għall-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003 (ara l-punti 80 sa 84 iktar ’il fuq).

97      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmija provi, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-laqgħat CUP, ma kinux ippermettewlha tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur (premessi 1094 u 1096 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, hija rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti immunità parzjali mill-multa relatata mal-gravità tal-ksur (ara l-punt 85 iktar ’il fuq).

98      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, matul it-tul kollu tal-akkordju, il-partijiet kienu skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet, l-offerta u d-domanda u li, ċertament, matul ċerti laqgħat ECC u CUP, l-impriżi kienu kkonkludew ftehimiet dwar il-prezzijiet. Madankollu, skont il-Kummissjoni, kemm il-prattiki miftiehma kif ukoll il-ftehimiet dwar il-prezzijiet, bħala manifestazzjonijiet tal-aġir kollużiv f’dan il-każ, kienu jagħmlu parti mill-istess ksur gravi tal-Artikolu 101(1) TFUE. B’hekk, il-fatt li l-partijiet ipparteċipaw mhux biss fi prattiki miftiehma, iżda wkoll fi ftehimiet, ma kellu ebda effett fuq il-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-laqgħat ECC u l-laqgħat CUP ma kinux materjalment differenti mil-laqgħat multilaterali l-oħra msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, li jagħmlu parti mill-istess ksur uniku u kontinwu li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 72, 1094 u 1096 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      B’mod partikolari, fir-rigward tal-laqgħat CUP, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-perijodu li matulu nżammu dawn il-laqgħat u fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-fatt li dawn kienu jinżammu b’mod parallel mal-laqgħat MK, l-iżvelar, mir-rikorrenti, tal-eżistenza tal-laqgħat CUP la żied it-tul u lanqas il-gravità tal-ksur (ara l-premessa 1096 tad-deċiżjoni kkontestata).

100    Bl-istess mod, fir-rigward tas-sorveljanza żgurata fil-kuntest tal-laqgħat CUP, il-Kummissjoni kkunsidrat li din is-sorveljanza ma kinitx partikolarità tal-akkordju ta’ natura li tinfluwenza l-gravità tal-ksur, b’mod partikolari peress li l-impriżi kienu jissorveljaw l-aġir reċiproku tagħhom b’mod ġenerali kif ukoll barra mil-laqgħat CUP (ara l-premessa 716 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li la l-laqgħat ECC u lanqas il-laqgħat CUP ma kellhom natura differenti mill-manifestazzjonijiet l-oħra tal-aġir kollużiv f’dan il-każ, li kollha kienu jikkostitwixxu prattiki miftiehma u/jew ftehimiet fuq il-prezzijiet li kienu jagħmlu parti mill-istess ksur gravi tal-Artikolu 101(1) TFUE. B’mod partikolari, fir-rigward tal-laqgħat CUP, il-Kummissjoni kkonkludiet li, anki mingħajr dawn il-laqgħat, il-ksur kien daqstant twil u kien jikkostitwixxi ksur daqstant gravi tar-regoli tal-kompetizzjoni.

102    L-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

103    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, huwa marbut mal-eżistenza ta’ intenzjoni komuni bejn mill-inqas żewġ partijiet, tkun xi tkun il-forma tagħha, sakemm tkun l‑espressjoni fidila tal-intenzjoni tagħhom (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 413 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Barra minn hekk, il-kunċett ta’ prattika miftiehma fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twasslet sal-istadju li fih ftehim veru u proprju ġie konkluż, intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 414 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jiġbru taħthom forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess natura u li jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tal-intensità tagħhom u tal-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 132).

106    Għalhekk, għalkemm il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma għandhom elementi kostituttivi parzjalment differenti, dawn ma humiex reċiprokament inkompatibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkwalifika kull wieħed mill-aġir ikkonstatat bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, iżda tista’ tikkwalifika ġustament uħud minn dan l-aġir bħala “ftehim” u oħrajn bħala “prattiki miftiehma” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 132, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 453).

107    B’hekk, il-kwalifika doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ġew ikkwalifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, li ma jipprevedix kwalifika speċifika għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, MRI vs Il-Kummissjoni, T‑154/09, EU:T:2013:260, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li jikkonsisti f’akkordji u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politika tal-prezzijiet fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq).

109    B’mod partikolari, mill-premessi 704 sa 743 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, peress li l-ksur inkwistjoni kien kumpless u fuq żmien twil, hija ma kinitx mistennija tikkwalifika d-diversi aġir bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-iskambji antikompetittivi, imsemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq, kollha kellhom l-istess għan antikompetittiv, jiġifieri dak tal-koordinazzjoni tal-politika tal-prezzijiet. Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-aġir tal-impriżi kien jinkludi kemm skambji ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet, skambji ta’ informazzjoni dwar l-offerta u d-domanda, u l-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar il-prezzijiet, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza ma kienx partikolarità tal-akkordju, sa fejn, indipendentement mill-eżistenza ta’ tali mekkaniżmu, l-impriżi kienu jissorveljaw l-aġir reċiproku tagħhom b’mod ġenerali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan l-aġir kien jieħu l-forma ta’ ftehimiet u/jew ta’ prattiki miftiehma u kienu jagħmlu parti minn pjan globali b’għan antikompetittiv uniku.

110    Ċertament, huwa minnu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ssemmi l-laqgħat ECC u l-laqgħat CUP bħala eżempji ta’ laqgħat multilaterali li matulhom l-impriżi kkonkludew ftehimiet fuq il-prezzijiet, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħhom (ara l-premessa 715(c) tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Iżda xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-laqgħat multilaterali kollha deskritti fil-punt 12 iktar ’il fuq kellhom karatteristiċi komuni u li s-suġġett tad-diskussjonijiet organizzati matul dawn il-laqgħat multilaterali kien baqa’ l-istess jew simili ħafna matul il-perijodu kollu tal-ksur (premessi 70 sa 72 u 741 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-mekkaniżmu ta’ sorveljanza ma kienx partikolarità tal-akkordju, peress li l-impriżi jeżerċitaw sorveljanza ġenerali u reċiproka barra minn dan il-mekkaniżmu (premessa 716 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    B’hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 sa 107 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan il-ksur kumpless, li involva lil diversi impriżi li kellhom għan komuni ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-prezzijiet, matul diversi snin, il-Kummissjoni ma kinitx mistennija tikkwalifika bi preċiżjoni kull aġir li jikkostitwixxi ksur bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma. Fi kwalunkwe każ, dawn iż-żewġ forom ta’ ksur huma previsti fl-Artikolu 101 TFUE.

113    Minn dan jirriżulta li f’dan il-każ ma tistax tiġi stabbilita distinzjoni bejn allegata gravità ikbar tal-“akkordji” meta mqabbla ma’ gravità iktar dgħajfa tal-“prattiki miftiehma”. Fil-fatt, f’kuntest bħal dak inkwistjoni, fejn l-aġir li jikkostitwixxi ksur ġie kklassifikat mingħajr distinzjoni bħala ftehimiet “u/jew” bħala prattiki miftiehma, u fejn kull wieħed minnhom jikkorrobora l-eżistenza ta’ ksur kumpless, uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, kwalifikazzjoni preċiża ta’ dan l-aġir bħala ftehimiet jew prattiki miftiehma ma tistax tkun ta’ natura li tistabbilixxi differenza bejn il-gravità ta’ kull aġir.

114    Għall-kuntrarju, kwalifikazzjoni preċiża ta’ kull aġir li jikkostitwixxi l-akkordju bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma ma jistax ikollha effett fuq il-gravità tal-ksur, peress li dawn iż-żewġ forom ta’ ksur huma previsti fl-Artikolu 101(1) TFUE u peress li dan ma jipprevedix kwalifikazzjoni speċifika għal tip ta’ ksur kumpless, bħal dak f’dan il-każ.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38), u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, EU:T:2007:115), invokati mir-rikorrenti, ma joffru ebda sostenn għall-pożizzjoni tagħhom. Bid-differenza minn din il-kawża, il-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni iktar limitata, jew saħansitra ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni, f’ċerti elementi tal-akkordju, bħal mekkaniżmi ta’ kumpens jew ta’ sorveljanza (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 28, 29, 78, 86 u 93, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02 u T‑136/02, EU:T:2007:115, punti 418, 439, 563 u 566). Bl-istess mod, b’differenza mill-imsemmija kawżi, f’din il-kawża ma ġiet identifikata ebda sistema ta’ sorveljanza jew mekkaniżmu awtonomu ieħor bħala komponent distint tal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

116    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-gravità tal-ksur għal 16 %. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, jiġifieri l-fatt li dan kien jikkonsisti f’ “arranġamenti” orizzontali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet, li kienu jinsabu fost il-ksur l-iktar gravi tal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika tal-ksur, billi indikat li dan kien jestendi għat-territorju kollu taż-ŻEE (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

117    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-mekkaniżmu ta’ sorveljanza diskuss fil-laqgħat CUP ma kienx karatteristika partikolari tal-akkordju, peress li l-impriżi jeżerċitaw sorveljanza ġenerali u reċiproka barra minn dan il-mekkaniżmu (ara l-punt 111 iktar ’il fuq).

118    Għalhekk, b’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 115 iktar ’il fuq, il-ksur inkwistjoni f’dan il-każ ma għandux komponenti oħra, li huma awtonomi meta mqabbla mal-ftehimiet u/jew prattiki miftiehma kollha intiżi għall-koordinazzjoni tal-politika tal-prezzijiet, li jifformaw dan il-ksur. B’mod partikolari, il-laqgħat CUP kienu jidħlu f’dan il-grupp ta’ ftehimiet u/jew prattiki miftiehma u ma kellhomx karatteristiċi partikolari li jista’ jkollhom impatt speċifiku fuq il-gravità tal-ksur (ara l-punti 98 u 99 iktar ’il fuq).

119    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li r-rikorrenti ma kinux ipproduċew provi li jippermettu li jiġu stabbiliti fatti addizzjonali li kienu jsaħħu l-gravità tal-ksur.

120    Għalhekk, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

3)      Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

131    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tagħtihom tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ta’ mill-inqas 3 %, ekwivalenti għat-tnaqqis li hija tat lill-impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom f’ċerti gruppi ta’ laqgħat ma ġietx stabbilita, jiġifieri Sanyo, NEC Tokin (Nec Corp. u Tokin Corp.), Matsuo u Nichicon. Billi ma mxietx b’dan il-mod, il-Kummissjoni ttrattat lill-parteċipanti fl-akkordju, li ħbew elementi fattwali tal-ksur dwar ċerti gruppi ta’ laqgħat, b’mod iktar favorevoli mir-rikorrenti, li żvelaw l-eżistenza ta’ wieħed minn dawn il-gruppi ta’ laqgħat.

132    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

[omissis]

134    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq paragun żbaljat bejn il-kunċett ta’ immunità parzjali minn multa, kif prevista fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, u ċ-ċirkustanzi attenwanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, bħal dawk elenkati fil-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006.

135    Fil-fatt, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex paragunabbli, fuq il-livell fattwali, ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju msemmija minnhom.

136    Minn naħa, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat CUP, kif ukoll fil-laqgħat MK, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset li l-ewwel rikorrenti kienet ipparteċipat fihom (ara l-premessi 88 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

137    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Sanyo, ta’ NEC Tokin u ta’ Matsuo fil-laqgħat CUP ma kinitx stabbilita u li xejn ma kien jagħti prova li huma kienu jafu bihom (premessi 754, 759 u 764 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Nichicon fil-laqgħat MK ma kinitx stabbilita u li xejn ma kien jagħti prova li hija kienet taf bihom (premessa 761 tad-deċiżjoni kkontestata).

138    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti pproduċew provi li ppermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza, in-natura u l-kontenut tal-laqgħat CUP (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), u dan ma kienx il-każ fir-rigward ta’ Sanyo, NEC Tokin, Matsuo u Nichicon.

139    Għaldaqstant, is-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrenti u dik ta’ Sanyo, ta’ NEC Tokin, ta’ Matsuo u ta’ Nichicon huma sostanzjalment differenti.

140    Fit-tieni lok, iż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli minn perspettiva ġuridika. Minn naħa, il-Kummissjoni kellha tevalwa jekk in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Sanyo, ta’ NEC Tokin, ta’ Matsuo u ta’ Nichicon f’ċerti skambji antikompetittivi kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti fis-sens tal-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, din l-istituzzjoni kellha tevalwa jekk il-kooperazzjoni tar-rikorrenti fl-investigazzjoni tagħha kellhiex twassal sabiex tagħtihom l-immunità parzjali minn multa.

141    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, bħala prinċipju, il-persuna kkonċernata ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha bħala ċirkustanza attenwanti, barra mill-kuntest ġuridiku tal-imsemmi avviż (ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, EGL et vs Il-Kummissjoni, T‑251/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:114, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Għaldaqstant, il-kooperazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma tistax tingħata piż lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, b’mod partikolari, bħala ċirkustanza attenwanti skont il-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-raba’ inċiż ta’ dan il-paragrafu, jista’ jitqies bħala ċirkustanza attenwanti ta’ natura li twassal għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa l-fatt li l-impriża kkonċernata tikkoopera b’mod effettiv mal-Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera.

143    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti, il-kundizzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti bl-ebda mod ma huma paragunabbli ma’ dawk meħtieġa għall-applikazzjoni tal-immunità parzjali minn multa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-fatti inkwistjoni.

144    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur u taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jew matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, jew inkella waqt l-aġġustament tal-ammont bażiku abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti u aggravanti (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104 u 105; ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Laufen Austria vs Il-Kummissjoni, C‑637/13 P, EU:C:2017:51, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Għall-kuntrarju, mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jirriżulta li l-immunità parzjali minn multa tingħata, b’mod partikolari, meta applikant għal klemenza jipprovdi lill-Kummissjoni provi li hija tuża sabiex tistabbilixxi punti ta’ fatt addizzjonali li jsaħħu l-gravità tal-ksur, jiġifieri l-gravità globali tal-ksur.

146    F’dan il-każ, minn naħa, it-tnaqqis ta’ 3 % mogħti lil Sanyo, lil NEC Tokin, lil Matsuo u lil Nichicon ħa inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, jew saħansitra n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom f’ċerti gruppi ta’ laqgħat.

147    Min-naħa l-oħra, ir-rifjut li r-rikorrenti jingħataw immunità parzjali mill-multa fir-rigward tal-gravità tal-ksur huwa bbażat fuq il-fatt li l-provi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-laqgħat CUP ma kinux ippermettew lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-gravità globali tal-ksur (ara l-punti 33 u 97 iktar ’il fuq).

148    Minn dan isegwi li trattament inqas favorevoli tar-rikorrenti ma ġiex ipprovat f’dan il-każ, peress li s-sitwazzjoni tagħhom u dik tal-impriżi msemmija iktar ’il fuq ma hijiex paragunabbli, la minn perspettiva fattwali u lanqas minn perspettiva ġuridika.

149    It-tielet parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, dan l-ewwel motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq it-tieni motiv, dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li ma timxixmal-metodu ġenerali previst mil-Linji gwida tal-2006 u li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-paragrafu 37 ta’ dawn il-linji gwida

[omissis]

2)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ inidividwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet

169    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw żball ta’ liġi kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet fir-rigward tar-rifjut tal-Kummissjoni li ma timxix mal-metodu ġenerali previst mil-Linji gwida tal-2006 u li tagħtihom tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa abbażi tal-paragrafu 37 ta’ dawn l-istess linji gwida.

[omissis]

174    Il-Kummissjoni toġġezzjona essenzjalment li f’din il-kawża ma kinitx obbligata li ma timxix mal-metodu ġenerali previst mil-Linji gwida tal-2006.

175    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ speċifiku, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

176    Barra minn hekk, għandhom jitfakkru l-istadji għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti li ġew segwiti f’dan il-każ mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, qabel kollox, l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-ewwel rikorrenti ġie kkalkolat mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003, peress li l-Kummissjoni kienet tatha immunità parzjali mill-multa għal dan il-perijodu, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

177    Għalhekk, wara l-istadji mfakkra fil-punti 21 sa 27 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ffissat għal EUR 61 434 000 l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-ewwel rikorrenti, u għal EUR 39 598 000 l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq it-tieni rikorrenti.

178    Sussegwentement, peress li l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq l-ewwel rikorrenti kien jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena kummerċjali preċedenti, il-Kummissjoni applikat dan il-limitu u, konsegwentement, l-ammont bażiku tal-multa tnaqqas għal EUR 40 606 385, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

179    Fl-aħħar nett, fuq dan l-ammont bażiku ta’ EUR 40 606 385, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 30 % skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. L-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għalhekk jammonta għal EUR 28 424 000 (ara l-punti 32 u 34 iktar ’il fuq).

180    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

181    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jsostnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li ma timxix mal-metodu ġenerali previst mil-Linji gwida tal-2006 minħabba l-fatt li l-użu tal-metodu previst f’dawn il-linji gwida kien iwassal għal applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għal diversi parteċipanti fl-akkordju.

182    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-argument tagħhom ma jsib ebda sostenn fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, qabel xejn, il-Qorti Ġenerali ċertament irrilevat li l-multiplikazzjoni tal-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur seta’ jimplika li, fil-kuntest tal-Linji gwida tal-2006, l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 issa huwa r-regola iktar milli l-eċċezzjoni għal kull impriża li kienet topera prinċipalment f’suq wieħed u li kienet ipparteċipat għal iktar minn sena f’akkordju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, kull differenzazzjoni bbażata fuq il-gravità jew iċ-ċirkustanzi attenwanti normalment mhux se tkun iktar suxxettibbli li teffettwa multa li kienet ġiet limitata b’mod li tinżamm taħt l-10 %.

183    Madankollu, fil-punt 75 tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289), il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, sempliċement irrilevat li l-assenza ta’ differenzazzjoni li tirriżulta mill-metodoloġija l-ġdida ta’ kalkolu tal-multi fil-kuntest tal-Linji gwida tal-2006 setgħet teħtieġ li hija teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-każijiet konkreti fejn is-sempliċi applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida ma kinitx tippermetti differenzazzjoni xierqa. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn dan l-istess punt 75, kif ukoll mill-punti 81 sa 87 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li ma kienx hemm motiv ta’ natura li jiġġustifika t-tnaqqis tal-multa mitluba mir-rikorrenti. Għalhekk, hija qieset li ma kienx neċessarju li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

184    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289), il-multa finali imposta mill-Kummissjoni kienet tikkorrispondi għall-multa massima, jiġifieri l-multa li tikkorrispondi għal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena preċedenti. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, sa fejn, wara l-applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu, ir-rikorrenti bbenefikaw ukoll minn tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta fuqhom (ara l-punti 32, 178 u 179 iktar ’il fuq).

185    Bl-istess mod, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722) ma tagħti l-ebda sostenn għall-argument tar-rikorrenti. Minn naħa, fil-punti 50 et seq ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss il-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punt 51 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tirreferix direttament għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289), iżda sempliċement tirriproduċi dak li l-Kummissjoni rrilevat f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

186    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jistax ikun ibbażat fuq dawn is-sentenzi. B’mod ġenerali, dan l-argument ma huwiex ikkonfermat mill-ġurisprudenza.

187    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, il-fatt li, b’applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi previst fil-Linji gwida tal-2006 tiġi imposta multa fuq impriża li tkun tirrappreżenta proporzjon tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha ogħla minn dak li kienu jirrappreżentaw il-multi imposti fuq kull waħda mill-impriżi l-oħra rispettivament, ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, huwa inerenti għal dan il-metodu ta’ kalkolu, li ma huwiex ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati, li jirriżultaw diskrepanzi bejn dawn l-impriżi f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn dan id-dħul mill-bejgħ u l-ammont tal-multi imposti fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 64).

188    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiżgura, fil-każ fejn tali multi huma imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-differenza perċentwali li tirrappreżenta l-multa fid-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati minħabba n-natura inqas diversifikata tal-attività tagħhom ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat li l-Kummissjoni ma timxix mal-metodu ta’ kalkolu li hija stess iffissat. Fil-fatt, dan ikun ta’ benefiċċju għal ċerti impriżi abbażi ta’ kriterju li huwa mingħajr rilevanza fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur. Issa, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni hija obbligata tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għall-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq ir-rikorrenti kif ukoll fuq impriżi oħra ta’ natura “monoprodott”, filwaqt li tammetti li din tal-aħħar hija stabbilita, ma kienx jimponi fuq il-Kummissjoni li ma timxix mal-metodu ta’ kalkolu tal-multi previst fil-Linji gwida tal-2006.

191    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jidhru li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-ewwel rikorrenti hija impriża “monoprodott” ma jiġġustifikax, waħdu, li l-Kummissjoni ma timxix mal-Linji gwida tal-2006 sabiex tagħti tnaqqis tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

192    Qabel kollox, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 189 iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li impriża li tipparteċipa f’akkordju jkollha portafoll ta’ prodotti mnaqqas ma huwiex raġuni suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat li l-Kummissjoni ma timxix mal-metodu ta’ kalkolu tal-multi li hija stess iffissat għaliha nnifisha. Minn naħa, il-metodu ta’ kalkolu tal-multi ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi, iżda, għall-kuntrarju, fuq il-valur tal-oġġetti jew tas-servizzi b’rabta mal-ksur. Konsegwentement, huwa inerenti għal dan il-metodu li jirriżultaw diskrepanzi bejn l-impriżi f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn dan id-dħul mill-bejgħ u l-ammont tal-multi imposti fuqhom. Min-naħa l-oħra, in-natura inqas diversifikata tal-attivitajiet ta’ ċerti impriżi ma hijiex kriterju rilevanti fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur u għalhekk ma tistax tikkostitwixxi raġuni sabiex jingħata vantaġġ lil dawn l-impriżi bl-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti.

193    Sussegwentement, l-ispeċjalizzazzjoni qawwija tar-rikorrenti jew l-inqas diversifikazzjoni tal-attività tagħhom meta mqabbla ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju ma jistgħux ikunu biżżejjed, fihom infushom, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità billi ma applikatx kriterji partikolari għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parti mid-dħul mill-bejgħ globali li ġejja mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija l-iktar waħda li hija xierqa sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur. Konsegwentement, peress li r-rikorrenti jwettqu parti partikolarment importanti, u saħansitra kważi t-totalità, tad-dħul mill-bejgħ totali tagħhom permezz tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur, il-fatt li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jirrappreżenta perċentwal iktar għoli mid-dħul mill-bejgħ totali meta mqabbel ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju jirrifletti biss l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur għar-rikorrenti. Tali riżultat ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2019, Hitachi-LG Data Storage u Hitachi-LG Data Storage Korea vs Il‑Kummissjoni, T‑1/16, EU:T:2019:514, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    Fl-aħħar nett, impriża, bħall-ewwel rikorrenti, li twettaq parti partikolarment importanti mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha permezz tal-prodott li jaqa’ taħt l-akkordju tikseb, konsegwentement, profitt partikolarment kbir minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1923).

195    Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li, fil-passat, il-Kummissjoni adottat approċċ differenti għall-kalkolu tal-multi imposti fuq impriżi “monoprodott” li kienu jaqbżu l-limitu ta’ 10 %, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, peress li din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, kuntest ġuridiku għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    Fir-raba’ lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ la ppermetta li r-rikorrenti jiġu ddifferenzjati mill-impriżi l-oħra “monoprodott”, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul differenti tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, u lanqas ma ppermetta li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ kooperazzjoni tar-rikorrenti, li ma huwiex rifless fl-ammont finali tal-multi li ġew imposti fuqhom.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 990 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat koeffiċjenti multiplikaturi differenti skont it-tul fir-rigward kemm tar-rikorrenti kif ukoll ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con (ara l-punt 27 iktar ’il fuq u t-tabella 1 fil-premessa 1007 tad-deċiżjoni kkontestata). Ċertament, huwa minnu li dawn il-koeffiċjenti ġew applikati fuq il-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi, skont il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Huwa wkoll minnu li, fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-operazzjoni, il-Kummissjoni kellha bżonn tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex iġġib l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq dawn l-impriżi taħt dan il-limitu massimu (ara l-premessa 1058 tad-deċiżjoni kkontestata).

198    Madankollu, l-argument tar-rikorrenti li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ma ppermettiex li ssir distinzjoni bejn ir-rikorrenti u l-impriżi “monoprodott” l-oħra ma jiħux inkunsiderazzjoni d-differenza fl-għan bejn il-kriterji rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa u l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

199    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 2 tal-Linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku huwa ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, filwaqt li l-livell massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu għan distint u awtonomu minn dak tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur.

200    Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti minnha. B’hekk, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu kwantifikabbli u assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni, C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Minn naħa, dan il-limitu huwa intiż sabiex jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 281). Min-naħa l-oħra, huwa għandu l-għan li jevita li jiġu imposti multi li fir-rigward tagħhom ikun jista’ jiġi previst li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsu. L-unika konsegwenza possibbli ta’ tali limitu hija li l-ammont tal-multa kkalkolata fuq il-bażi tal-kriterji tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur jitnaqqas għal-livell massimu awtorizzat meta dan l-ammont jaqbeż lil-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx it-totalità tal-multa li, fil-prinċipju, tkun dovuta abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq dawn il-kriterji (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ hija iktar probabbli għall-impriżi li għandhom portafoll ta’ prodotti mnaqqas, xorta jibqa’ l-fatt li din l-applikazzjoni ma jistax ikollha, fiha nnifisha, effett fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, peress li dan il-metodu u dan il-limitu massimu għandhom għanijiet distinti u awtonomi, kif jirriżulta mill-punti 199 sa 201 iktar ’il fuq.

203    Fil-ħames lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jsostnu li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ f’dan il-każ ma jippermettix li jiġi rifless il-livell ta’ kooperazzjoni pprovduta minnhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

204    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 124 iktar ’il fuq, l-għan tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni ma huwiex intiż sabiex jagħti lill-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordji sigrieti l-possibbiltà li jevitaw il-konsegwenzi pekunjarji tar-responsabbiltà tagħhom, iżda sabiex jiffaċilita l-iskoperta ta’ tali prattiki u, sussegwentement, matul il-proċedura amministrattiva, sabiex jgħin lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha intiżi sabiex jiġu rrikostitwiti l-fatti rilevanti sa fejn huwa possibbli.

205    B’hekk, il-kumpens previst mill-programm ta’ klemenza ma jingħatax b’għan ta’ ekwità, iżda bħala korrispettiv għal kooperazzjoni li tkun iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, EGL et vs Il-Kummissjoni, T‑251/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:114, punt 184 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti bbenefikaw, l-ewwel nett, minn immunità parzjali minn multa għall-perijodu mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-28 ta’ Awwissu 2003 skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006; sussegwentement, mill-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u, fl-aħħar nett, minn tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta fuqhom skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-imsemmi avviż (ara l-punti 26, 31 u 32 iktar ’il fuq).

207    Issa, fir-rigward tal-immunità parzjali minn multa għat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li huwa inerenti għal-loġika tal-politika ta’ klemenza li din l-immunità parzjali, imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, qatt ma tirriżulta fi tnaqqis tal-ammont finali tal-multa, iżda f’eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur abbażi tat-tul sabiex jiġi żgurat li l-impriżi li jkunu għamlu talba għal klemenza ma tiġix imposta fuqhom multa għall-perijodu ta’ ksur li għalih huma pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, FRA.BO vs Il-Kummissjoni, T‑381/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:111, punt 70).

208    Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi rrilevat, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 1062 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li tnaqqis tal-multa mogħtija lil impriża jsir null bl-effetti ta’ dispożizzjoni oħra applikata favur u għall-benefiċċju tal-imsemmija impriża – f’dan il-każ, il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 – ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-metodu applikat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

209    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rikorrenti kienu t-tieni impriża li pproduċiet provi li jagħtu valur miżjud sinjifikattiv u tathom tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa li Altrimenti kienet tiġi imposta fuqhom, li jikkorrispondi għall-perċentwali massima ta’ tnaqqis prevista fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

210    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat nuqqas ta’ differenzazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. Għall-kuntrarju, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kif ukoll tat-tnaqqis ta’ 30 % minħabba l-kooperazzjoni wasslu għal tnaqqis sinjifikattiv tal-multa li tikkonċernahom. Fil-fatt, l-ammont bażiku tal-multa kien ġie ffissat għal EUR 61 434 000 għall-ewwel rikorrenti u għal EUR 39 598 000 għat-tieni rikorrenti, jiġifieri total ta’ EUR 101 032 000, filwaqt li l-ammont finali tal-multa jammonta għal EUR 28 424 000 (ara l-punti 177 u 179 iktar ’il fuq).

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi previst fil-Linji gwida tal-2006 ma ġiex ipprovat f’dan il-każ.

212    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeħtieġ li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa li għandha titħallas in solidum għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur li bih l-impriża kkonċernata hija akkużata individwalment u t-tul tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il-Kummissjoni, C‑243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li, meta tiddetermina r-relazzjoni esterna ta’ solidarjetà, il-Kummissjoni hija b’mod partikolari obbligata tosserva l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il-Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 52).

213    Issa, l-argument tar-rikorrenti ma jirrigwardax il-kontestazzjoni ta’ relazzjoni ta’ solidarjetà li l-Kummissjoni applikat bi żball meta imponiet l-istess multa fuq impriżi differenti.

214    It-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Rubycon Corp. u Rubycon Holdings Co. Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.