Language of document : ECLI:EU:T:2021:638

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Prattika miftiehma – Skambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Drittijiet tad-difiża u dritt għal smigħ – Intanġibbiltà tal-att – Ksur uniku u kontinwu – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Valur tal-bejgħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Paragrafu 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑363/18,

Nippon Chemi-Con Corporation, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun), irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer, M. Röhrig, I.-L. Stoicescu u P. Neideck, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Cleenewerck de Crayencour, B. Ernst, T. Franchoo, C. Sjödin u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1768 final tal-21 ta’ Marzu 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u, sussidjarjament, għall-annullament tal-multa imposta fuqha permezz tal-imsemmija deċiżjoni jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta, D. Gratsias, M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

1        Ir-rikorrenti, Nippon Chemi-Con Corporation, hija kumpannija stabbilita fil-Ġappun, li timmanifattura u tbigħ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju. Hija mmanifatturat ukoll kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju sa Marzu 2005 u biegħet minnhom sa Jannar 2011, b’bejgħ dirett, iffatturat fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), sa Frar 2005. Ir-rikorrenti għandha 100 % tal-ishma ta’ Europe Chemi-Con (Deutschland) GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, kif ukoll 100 % tal-ishma ta’ United Chemi-Con, kumpannija rregolata mid-dritt tal-Istati Uniti (iktar ’il quddiem, rispettivament, “Europe Chemi-Con” u “United Chemi-Con” u, meħuda flimkien mar-rikorrenti, il-“grupp Nippon Chemi-Con”).

2        Il-ksur inkwistjoni jikkonċerna l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju. Il-kapaċitaturi huma komponenti elettriċi li jaħżnu l-enerġija b’mod elettrostatiku f’kamp elettriku. Il-kapaċitaturi elettrolitiċi huma użati fi kważi l-prodotti elettroniċi kollha, bħalma huma kompjuters personali, tablets, telefons, airconditioners, friġġijiet, washing machines, prodotti awtomobilistiċi u tagħmir industrijali. Għalhekk, il-klijentela hija ddiversifikata ħafna. Il-kapaċitaturi elettrolitiċi, u b’mod iktar preċiż il-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju, huma prodotti li l-prezz tagħhom jikkostitwixxi parametru kompetittiv importanti.

B.      Il-proċedura amministrattiva

3        Fl-4 ta’ Ottubru 2013, Panasonic u s-sussidjarji tagħha ressqu, quddiem il-Kummissjoni Ewropea, talba għall-għoti ta’ marker skont il-paragrafi 14 u 15 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”), filwaqt li pprovdew informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur preżunt fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi.

4        Fit-28 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), talbet informazzjoni lil diversi impriżi li joperaw fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi, fosthom ir-rikorrenti.

5        Mit-3 sas-6 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-bini ta’ Europe Chemi-Con.

6        Fl-4 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija bagħtet b’mod partikolari lir-rikorrenti.

7        Bejn it-12 ta’ Novembru u s-17 ta’ Diċembru 2015, id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom aċċess għall-parti l-kbira tal-fajl permezz ta’ “DVD ta’ aċċess għall-fajl”.

8        Wara talbiet għal aċċess, imressqa minn diversi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar l-ismijiet tal-klijenti mneħħija mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-4 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni żewġ DVDs ġodda li jinkludu l-ismijiet tal-klijenti mistura, li r-rikorrenti saret taf bihom fis-7 ta’ Marzu u fis-27 ta’ April 2016.

9        Fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni bagħtet ittra li tesponi l-fatti dwar ċerti elementi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lid-destinatarji tagħha (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti”), li magħha kienet annessa verżjoni ġdida mhux imnaddfa tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-4 ta’ Novembru 2015 u tal-Anness 1 tagħha, u stabbilixxiet terminu ta’ ġimagħtejn sabiex iwieġbu, estiż sal-20 ta’ Mejju 2016.

10      Fl-20 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti.

11      Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, instemgħu mill-Kummissjoni waqt is-seduta li seħħet mit-12 sal-14 ta’ Settembru 2016.

C.      Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 1768 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

1.      Ksur

13      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi, li fih ipparteċipaw disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, jiġifieri Elna, Hitachi AIC, Holy Stone, Matsuo, NEC Tokin, Nichicon, Rubycon, Sanyo (li tirreferi għal Sanyo u Panasonic flimkien), u r-rikorrenti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“parteċipanti fl-akkordju”) (premessa 1 u Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li l-ksur inkwistjoni seħħ bejn is-26 ta’ Ġunju 1998 u t-23 ta’ April 2012, fit-territorju kollu taż-ŻEE, u kien ikkonsista fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      L-akkordju kien essenzjalment organizzat permezz ta’ laqgħat multilaterali, li ġeneralment kienu jinżammu fil-Ġappun, kull xahar jew kull xahrejn, fil-livell maniġerjali għoli responsabbli għall-bejgħ, u kull sitt xhur fil-livell tad-diretturi, inklużi l-presidenti (premessi 63, 68 u 738 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-laqgħat multilaterali ġew, l-ewwel, organizzati, bejn l-1998 u l-2003, bl-isem ta’ “ċirku tal-kapaċitaturi elettrolitiċi” jew ta’ “konferenza tal-kapaċitaturi elettrolitiċi” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat ECC”). Sussegwentement, dawn ġew organizzati, bejn l-2003 u l-2005, bl-isem ta’ “konferenza aluminju-tantalju” jew “grupp tal-kapaċitaturi tal-aluminju jew tat-tantalju” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat ATC”). Fl-aħħar nett, huma ġew organizzati, bejn l-2005 u l-2012, bl-isem ta’ “grupp ta’ studju tas-suq” jew “grupp ta’ marketing” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat MK”). B’mod parallel mal-laqgħat MK, u flimkien ma’ dawn il-laqgħat, bejn l-2006 u l-2008 ġew organizzati laqgħat “żieda fl-ispejjeż” jew “żieda tal-kapaċitaturi” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat CUP”) (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Minbarra dawn il-laqgħat multilaterali, il-parteċipanti fl-akkordju kellhom ukoll, skont il-bżonn, kuntatti bilaterali u trilaterali ad hoc (premessi 63, 75 u 739 tad-deċiżjoni kkontestata). (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kuntatti antikompetittivi”).

18      Fil-kuntest tal-kuntatti antikompetittivi, il-parteċipanti fl-akkordju, essenzjalment, kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-prezzijiet futuri pprattikati, dwar it-tnaqqis futur fil-prezz u l-firxa ta’ dan it-tnaqqis, fuq l-offerta u d-domanda, inkluż fuq l-offerta u d-domanda futuri, u, f’ċerti każijiet, kienu jikkonkludu, japplikaw u jimmonitorjaw il-ftehimiet dwar il-prezzijiet (premessi 62, 715, 732 u 741 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-parteċipanti fl-akkordju kien jikkostitwixxi forma ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma, li kellu għan komuni, jiġifieri li tiġi evitata l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u jiġi kkoordinat l-aġir futur tagħhom fir-rigward tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi, u b’hekk li titnaqqas l-inċertezza fis-suq (premessi 726 u 731 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-aġir kellu għan antikompetittiv uniku (premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

21      Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju mis-26 ta’ Ġunju 1998 sat-23 ta’ April 2012 (premessa 959 u Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti

22      L-Artikolu 2(j) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi multa ta’ EUR 97 921 000 fuq ir-rikorrenti.

4.      Il-kalkolu tal-ammont tal-multi

23      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) (premessa 980 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fl-ewwel lok, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, skont il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 (premessa 989 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-bejgħ abbażi tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju ffatturati lil klijenti stabbiliti fiż-ŻEE (premessa 990 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur rilevanti tal-bejgħ b’mod separat għaż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u l-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju, u applikat fil-konfront tagħhom koeffiċjenti multiplikaturi differenti skont it-tul ta’ żmien (premessa 991 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qabel kollox qieset li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala sena ta’ referenza, minn naħa, l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur f’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju, jiġifieri s-sena 2011–2012, u, min-naħa l-oħra, l-aħħar sena sħiħa li matulha r-rikorrenti biegħet kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju, jiġifieri s-sena 2003-2004, peress li hija kienet waqfet tbigħhom qabel it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (premessi 34, u 989 sa 991, tabella 1 fil-premessa 1007, u nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1657 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti, permezz tal-intermedjazzjoni ta’ Europe Chemi-Con u ta’ United Chemi-Con, kienet iffatturat bejgħ dirett ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju fiż-ŻEE matul il-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (premessi 990 u 998 tad-deċiżjoni kkontestata) u bejgħ dirett ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju fiż-ŻEE sal-1 ta’ Frar 2005 (premessi 34 u 1006 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fl-aħħar nett, fil-konfront tar-rikorrenti l-Kummissjoni użat koeffiċjent multiplikatur ta’ 13.82 (li jikkorrispondi għall-perijodu bejn is-26 ta’ Ġunju 1998 u t-23 ta’ April 2012) għall-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju, u ta’ 5.26 (li jikkorrispondi għall-perijodu bejn id-29 ta’ Ottubru 1999 u l-1 ta’ Frar 2005) għall-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantanlju (it-tabella 1 fil-premessa 1007 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jintuża skont il-gravità tal-ksur għal 16 %. F’dan ir-rigward, hija qieset li “arranġamenti” orizzontali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li l-akkordju kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (premessi 1001 sa 1003 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Il-Kummissjoni applikat ammont addizzjonali ta’ 16 %, abbażi tal-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa imposta (premessa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat għal EUR 205 649 000 l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti (premessa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni ma kkonstatat l-eżistenza ta’ ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 1054 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni applikat il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena kummerċjali preċedenti, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (premessi 1057 u 1058 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat għal EUR 97 921 000 l-ammont totali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (it-tabella 3 fil-premessa 1139 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

38      Fid-19 ta’ Ottubru 2018, ir-risposta tal-Kummissjoni ġiet iddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

39      Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar u fil-5 ta’ Ġunju 2019 rispettivament.

40      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

41      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lid-Disa’ Awla Estiża, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

42      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom fis-seduta.

43      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2020.

44      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl-1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet, skont l-Artikoli 22 u 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

45      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu kkonstatat li r-rikorrenti wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE;

–        sussidjarjament, tannulla l-multa li ġiet imposta fuqha jew, iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

46      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

[omissis]

B.      Fuq il-mertu

56      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi insostenn kemm tat-talbiet prinċipali tagħha, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tat-talbiet sussidjarji tagħha, intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

57      Permezz tal-ewwel ħames motivi, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi fit-territorju kollu taż-ŻEE matul perijodu ta’ kważi erbatax-il sena. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-”Karta”), tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ intanġibbiltà tal-att. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ provi tal-ksur, fuq żbalji materjali ta’ fatt u fuq il-preskrizzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ ksur minħabba l-għan. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza territorjali tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

58      Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-multa li ġiet imposta fuqha, billi titlob l-annullament tagħha jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha. Dan il-motiv huwa bbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-2006, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

[omissis]

1.      Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

a)      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza territorjali tal-Kummissjoni

71      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet territorjalment kompetenti sabiex tapplika f’dan il-każ l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba li l-aġir antikompetittiv kien ġie implimentat fuq il-livell mondjali, inkluż fiż-ŻEE, filwaqt li l-imsemmi aġir kien iffokat fuq l-Ażja u ma kienx ġie implimentat, u lanqas ma kellu effett sinjifikattiv, fiż-ŻEE.

72      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

73      Fir-rigward tal-applikabbiltà territorjali tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, għandu jitfakkar li r-regola tal-kompetizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE tipprojbixxi l-ftehimiet u l-prattiki li għandhom bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni “fi ħdan is-suq intern”.

74      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE huma ssodisfatti f’żewġ każijiet.

75      Fl-ewwel lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE hija ġġustifikata f’sitwazzjoni fejn il-prattiki li huwa jkopri jiġu implimentati fit-territorju tas-suq intern, u dan indipendentement mill-post ta’ fejn jinħolqu. Fil-fatt, l-issuġġettar tal-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni għall-post li fih inħoloq l-akkordju iwassal b’mod ċar sabiex jingħata mezz faċli lill-impriżi sabiex jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 16).

76      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-post fejn l-akkordju ġie implimentat jinsabx fiż-ŻEE, minn naħa, ma huwiex importanti jekk il-parteċipanti fl-akkordju jkunux użaw jew le sussidjarji stabbiliti fiż-ŻEE sabiex jistabbilixxu kuntatti bejniethom u x-xerrejja li huma stabbiliti hemmhekk (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 17). Min-naħa l-oħra, dan il-kriterju tal-implimentazzjoni tal-akkordju bħala element li jorbtu mat-territorju tal-Unjoni huwa ssodisfatt mis-sempliċi bejgħ fl-Unjoni tal-prodott suġġett għal kartell, indipendentement mil-lokalizzazzjoni tas-sorsi ta’ provvista u tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, LG Electronics vs Il-Kummissjoni, T‑91/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:609, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku meta jkun prevedibbli li l-prattiki li huwa jkopri jipproduċu effett immedjat u sostanzjali fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 11).

78      F’dan il-każ, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li hija kienet l-awtorità kompetenti sabiex tapplika kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE abbażi tal-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu l-aġir tal-akkordju kien ġie implimentat fuq il-livell mondjali, inkluż fiż-ŻEE.

79      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, l-ewwel nett, minkejja li l-parteċipanti fl-akkordju kienu impriżi li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġappun u li l-kuntatti antikompetittivi kienu seħħew fil-Ġappun, dawn tal-aħħar jew kellhom portata mondjali, b’tali mod li kienu jinkludu ż-ŻEE, jew kienu jikkonċernaw direttament iż-ŻEE. B’mod partikolari, il-konnessjoni maż-ŻEE kienet iġġustifikata mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju, inkluża r-rikorrenti, kienu wettqu bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi fiż-ŻEE matul il-perijodu tal-ksur. Sussegwentement, il-parteċipanti fl-akkordju, minn naħa, kienu jiskambjaw informazzjoni dwar klijenti li għandhom is-sede tagħhom fiż-ŻEE jew klijenti li għandhom fabbriki ta’ manifattura fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, kienu jikkoordinaw il-politika kummerċjali tagħhom, skont b’mod partikolari varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju tal-muniti, inkluż l-euro, u ż-żieda fil-prezz tal-materja prima, mingħajr restrizzjoni ġeografika. Fl-aħħar nett, l-informazzjoni skambjata kienet tkopri l-bejgħ kollu, kemm jekk iddestinat għall-Ġappun jew għal barra mill-pajjiż u kemm jekk il-klijenti jkunu Ġappuniżi jew barranin (premessi 665 sa 672 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Ċertament, huwa minnu li r-rikorrenti, minn naħa, tikkontesta l-eżistenza ta’ rabta bejn ċerti kuntatti antikompetittivi u ż-ŻEE, kwistjoni li ser tkun is-suġġett tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv, u, min-naħa l-oħra, issostni li kienet teżisti rabta limitata bejn l-akkordju u ż-ŻEE, kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u s-sitt motiv.

81      Madankollu, ir-rikorrenti ma tiċħadx li l-parteċipanti fl-akkordju, inkluża hija stess, wettqu, direttament jew indirettament, bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi fuq il-livell mondjali, inkluż fl-Ewropa, anki jekk ir-rikorrenti ssostni li l-bejgħ f’din iż-żona ġeografika kien limitat ħafna u mwettaq mis-sussidjarji tagħha.

82      Minn dan jirriżulta li l-kriterju tal-implimentazzjoni tal-akkordju bħala element ta’ rabta tiegħu mat-territorju tal-Unjoni huwa ssodisfatt f’dan il-każ u li l-ksur imsemmi permezz tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li hija kellha kompetenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

83      Għaldaqstant il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

d)      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ ksur uniku u kontinwu

308    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li jkopri l-kapaċitaturi elettrolitiċi matul it-tul kollu tal-ksur allegat.

309    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ prova ta’ pjan ġenerali. It-tieni parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ prova ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn il-kuntatti antikompetittivi. It-tielet parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura eteroġenja tal-industrija tal-kapaċitaturi, li tirrendi impossibbli l-eżistenza tal-ksur allegat.

[omissis]

314    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-diversi kuntatti antikompetittivi deskritti fit-Taqsima 4.3.6 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jagħmlu parti minn pjan globali b’għan antikompetittiv uniku. L-għan segwit mill-partijiet, u li jidher minn dawn l-iskambji, kien li tiġi evitata l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u li jiġi kkoordinat l-aġir futur dwar il-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi, billi b’hekk titnaqqas l-inċertezza fis-suq (premessi 730 u 731 tad-deċiżjoni kkontestata).

315    Dan l-għan antikompetittiv uniku kien imfittex permezz ta’ diskussjonijiet dwar il-prezzijiet, inkluż dwar il-prezzijiet futuri, ta’ diskussjonijiet fuq l-offerta u d-domanda, inkluż fuq l-offerta u d-domanda futuri (b’mod partikolari dwar il-volum ta’ produzzjoni jew iż-żieda jew it-tnaqqis tal-kunsinni) u, f’ċerti każijiet, dwar il-konklużjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet (premessi 62 u 715 tad-deċiżjoni kkontestata).

316    Il-Kummissjoni qieset li, għalkemm l-akkordju kien evolva maż-żmien, l-għan ma kienx inbidel, u l-113-il kuntatt antikompetittiv deskritti fid-deċiżjoni kkontestata li jippreżentaw karatteristiċi komuni f’dak li jirrigwarda l-parteċipanti, in-natura u l-portata materjali tad-diskussjonijiet, kienu jikkoinċidu. B’hekk, il-laqgħat multilaterali, organizzati taħt ismijiet differenti (laqgħat ECC tal-1998 sal-2003, laqgħat ATC tal-2003 sal-2005, laqgħat MK tal-2005 sal-2012 u laqgħat CUP tal-2006 sal-2008), f’mumenti differenti, ġew segwiti mid-disa’ parteċipanti fl-akkordju u kienu jirrigwardaw kemm il-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju kif ukoll tat-tantalju. B’mod parallel, kien hemm kuntatti bilaterali u trilaterali skont il-bżonnijiet, li jkopru kwistjonijiet speċifiċi. L-istess individwi, jew is-suċċessuri tagħhom skont il-każ, kienu involuti fil-kuntatti antikompetittivi (premessi 70 sa 75, 726, 732, 741, 743 tad-deċiżjoni kkontestata).

317    Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur kompla mingħajr interruzzjoni minkejja l-evoluzzjoni tar-realtà ekonomika, il-varjazzjonijiet tal-istruttura organizzattiva ta’ wħud mill-impriżi kkonċernati u tal-bidliet li seħħew fil-persunal involut fl-aġir (premessi 76, 729, 742 u 745 tad-deċiżjoni kkontestata).

1)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ pjan ġenerali

318    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ pjan ġenerali, sa fejn, essenzjalment, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tatx il-prova li kull kuntatt antikompetittiv kellu l-istess għan uniku, filwaqt li l-fatt li l-laqgħat CUP użaw “mekkaniżmu” differenti minn dak tal-laqgħat l-oħra juri d-differenza fl-għanijiet bejn id-diversi kuntatti antikompetittivi. Fit-tieni lok, id-deskrizzjoni tal-pjan ġenerali, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, hija wisq vaga u impreċiża, filwaqt li l-kunċett ta’ pjan ġenerali jeħtieġ riferiment għal prodotti, għal żona ġeografika u għal mekkaniżmu kollużiv speċifiċi. Fit-tielet lok, il-provi invokati mill-Kummissjoni ma jurux li għan antikompetittiv uniku ġie segwit matul il-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur.

319    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

320    F’dan il-każ, l-elementi msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, dawk imfakkra fil-punti 314 sa 317 iktar ’il fuq, dwar il-karatteristiċi komuni tal-kuntatti antikompetittivi, li l-għan aħħari tagħhom kien il-koordinazzjoni tal-aġir fil-qasam tal-prezzijiet, huma suffiċjenti, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 150 u 151, 310 u 311 iktar ’il fuq, sabiex juru li dawn kellhom l-istess għan u li kienu jaqgħu taħt pjan globali b’għan wieħed.

321    L-argumenti tar-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni.

322    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma kinitx mistennija tivverifika jekk kull wieħed mid-diversi kuntatti antikompetittivi kienx intiż sabiex jiffaċċja konsegwenza jew diversi konsegwenzi tal-kompetizzjoni normali u kienx ikkontribwixxa, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. Huma l-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-parteċipanti fl-akkordju li jikkostitwixxu l-pjan ġenerali kif previst mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 313 iktar ’il fuq.

323    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element konkret li jippermetti li jiġi ssuġġerit li ċerti aġir kellhom karatteristiċi li jindikaw li dawn l-aġir ma kellhomx l-istess għan antikompetittiv u, għaldaqstant, li dawn ma kinux jaqgħu taħt l-istess pjan ġenerali.

324    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-laqgħat CUP kellhom għan differenti, żvelat mill-fatt li dawn il-laqgħat kienu jużaw “mekkaniżmu” differenti minn dak tal-laqgħat l-oħra. Ċertament, huwa minnu li l-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fil-laqgħat CUP kienu kkonkludew ftehimiet fuq il-prezzijiet u kienu stabbilixxew sistema ta’ rendikont tal-azzjonijiet tal-impriżi għal finijiet ta’ kontroll tal-istrateġija tagħhom għaż-żidiet fil-prezzijiet (ara l-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 315 iktar ’il fuq, dan il-“mekkaniżmu” ta’ monitoraġġ jew ta’ kontroll tal-istrateġija għaż-żidiet fil-prezz kien biss wieħed mill-mezzi sabiex jintlaħaq l-għan aħħari tal-koordinazzjoni tal-aġir fil-qasam tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li dan il-“mekkaniżmu” ta’ kontroll kien jifforma parti minn strateġija globali li skontha l-impriżi kienu jissorveljaw l-aġir reċiproku tagħhom b’mod ġenerali u, għaldaqstant, barra wkoll mil-laqgħat CUP (ara l-premessa 716 tad-deċiżjoni kkontestata).

325    B’hekk, minkejja li, fil-kuntest tal-laqgħat CUP, il-parteċipanti komplew bi ftehimiet dwar il-prezzijiet u sistema ta’ kontroll tal-istrateġija tal-prezzijiet, filwaqt li fil-kuntest ta’ laqgħat oħra skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet jew fuq l-offerta u d-domanda, il-laqgħat CUP ma jistgħux jiġu pperċepiti bħala li jfittxu għan differenti minn dak tal-kuntatti antikompetittivi l-oħra.

326    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tatx prova li l-kuntatti antikompetittivi deskritti fid-deċiżjoni kkontestata kellhom għan uniku, fir-rigward tal-għan allegatament differenti mfittex mil-laqgħat CUP.

327    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deskrizzjoni tal-pjan ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata hija “vaga u impreċiża wisq” u li ma hija “xejn iktar minn riferiment ġenerali għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq”.

328    Ċertament, huwa minnu li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 312 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur.

329    Madankollu, f’dan il-każ, l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq deskrizzjoni insuffiċjenti tal-pjan ġenerali fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma ineffettivi. Fil-fatt, l-att li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa d-deċiżjoni kkontestata u mhux id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li, barra minn hekk, hija att ta’ natura purament provviżorja. Minkejja li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika l-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura, din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu huma ta’ natura purament provviżorja (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

330    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deskrizzjoni tal-pjan ġenerali ma hijiex “vaga” f’dak li jirrigwarda l-prodotti, il-mekkaniżmi kollużivi u s-swieq ikkonċernati. Fil-fatt, dawn l-elementi kollha jirriżultaw b’mod ċar mid-deskrizzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, kif miġbura fil-qosor fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li tgħid li l-ksur inkwistjoni seħħ bejn is-26 ta’ Ġunju 1998 u t-23 ta’ April 2012, fit-territorju kollu taż-ŻEE, u kkonsista fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki ta’ prezzijiet fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

331    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ deskrizzjoni “vaga” tal-pjan ġenerali huwa bbażat fil-parti l-kbira tiegħu fuq il-premessi 767, 769 u 770 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludu r-risposta tal-Kummissjoni għall-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti tinjora l-premessi 730 sa 743 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-motivi li għalihom il-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti pjan ġenerali b’għan komuni.

332    Issa, mill-imsemmija premessi 730 sa 743 tad-deċiżjoni kkontestata, fost premessi oħra mfakkra fil-punti 314 sa 316 iktar ’il fuq, jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-pjan ġenerali bħala li jikkonsisti f’li tiġi evitata l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u fil-koordinazzjoni tal-aġir futur tal-parteċipanti fir-rigward tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju, u b’hekk titnaqqas l-inċertezza fis-suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni spjegat b’liema mod dan l-għan komuni kien imfittex u r-raġunijiet li għalihom il-kuntatti antikompetittivi deskritti fid-deċiżjoni kkontestata kienu jikkostitwixxu aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku uniku, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 310 iktar ’il fuq.

333    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-provi invokati mill-Kummissjoni ma jurux li għan antikompetittiv uniku kien ġie segwit matul il-perijodu kollu tal-ksur.

334    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tinvoka biss provi dwar il-laqgħat ECC u ATC mingħajr ma tippreċiża l-għan li fuqu huma bbażati l-laqgħat l-oħra huwa direttament kontradett mill-kontenut stess tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat essenzjalment fuq il-premessa 733 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tinkludix lista eżawrjenti tal-elementi li juru l-għan tal-parteċipanti, iżda sempliċement issemmi, bħala “eżempju”, ċerti elementi bbażati fuq it-Taqsima 4.3.6 tad-deċiżjoni kkontestata.

335    Issa, l-imsemmija Taqsima 4.3.6 tad-deċiżjoni kkontestata tippreżenta kronoloġija sħiħa tal-kuntatti antikompetittivi, b’dettalji dwar kull laqgħa multilaterali u kull kuntatt bilaterali jew trilaterali, kif ukoll indikazzjoni, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-premessi 77 sa 105 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu deskrizzjoni qasira tal-kuntatti antikompetittivi f’dak li jirrigwarda d-dati, il-postijiet, il-parteċipanti u s-suġġetti ttrattati matul id-diversi gruppi ta’ laqgħat u kuntatti. Il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni jidhru wkoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna relatati ma’ dawn il-premessi.

336    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex tiġi kkontestata l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet waqt ċerti laqgħat ATC – inkwantu dawn id-dikjarazzjonijiet ma jidhrux fil-proċessi verbali u ma jirriflettux għan iktar wiesa’ – invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 733 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li l-Kummissjoni ddeterminat l-għan komuni tal-akkordju abbażi biss tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, filwaqt li dawn huma indikati bħala eżempju u l-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq dan l-għan komuni kienet ibbażata fuq diversi elementi oħra. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet matul ċerti laqgħat ATC huwa fondat, huwa ma jistax jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għan komuni tal-kuntatti antikompetittivi kollha.

337    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, evalwata globalment, tkun tissodisfa dan ir-rekwiżit. Għalhekk, l-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tagħti prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minn impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda fl-intier tagħhom.

[omissis]

345    Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ riferiment espress għaż-ŻEE matul ċerti laqgħat ma tfissirx madankollu li l-kuntatti antikompetittivi kollha f’daqqa, irrilevati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ rabta maż-ŻEE. F’dan il-każ, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 271 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti li hija suffiċjenti sabiex tiġi dedotta rabta bejn il-kuntatti kkontestati, meħuda b’mod globali, u ż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-parteċipanti fl-akkordju, inkluża r-rikorrenti, kienu jiżguraw bejgħ dirett ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi fiż-ŻEE. F’dan il-kuntest, sabiex turi rabta maż-ŻEE, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi li r-rikorrenti kienet twettaq bejgħ fiż-ŻEE lill-klijenti kollha msemmija fil-kuntatti antikompetittivi.

346    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ġustament ikkonkludiet li kien jeżisti pjan ġenerali.

347    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

3)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura eteroġenja tal-industrija tal-kapaċitaturi

388    Ir-rikorrenti ssostni li n-natura eteroġenja tal-industrija tal-kapaċitaturi tagħmilha impossibbli li jkun hemm kollużjoni dwar il-kapaċitaturi elettrolitiċi kollha. Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li jkopri l-kapaċitaturi elettrolitiċi kollha tal-aluminju u tat-tantalju b’mod ġenerali. Fil-fatt, il-kapaċitaturi huma prodotti ddiversifikati ħafna, li huma distinti permezz ta’ numru ta’ karatteristiċi u li għalihom, fid-dawl tal-mudell ta’ provvista dominanti tagħhom, ma jeżistix prezz uniformi fis-suq. Konsegwentement, il-ksur inkwistjoni ma setax ikopri t-totalità tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi lejn iż-ŻEE. Fil-fatt, iż-żewġ kategoriji distinti ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju jkopru varjetà wiesgħa ta’ tipi ta’ prodotti, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-prezz tagħhom u ż-żona ġeografika kkonċernata. L-iskambji ta’ informazzjoni ġenerali, li seħħew matul il-kuntatti antikompetittivi, huma insuffiċjenti sabiex titnaqqas l-inċertezza fis-suq u sabiex tiġi ffaċilitata koordinazzjoni tal-prezzijiet bejn il-kompetituri, iktar u iktar peress li t-tipi kollha ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju ma kinux is-suġġett ta’ dawn l-iskambji.

389    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

390    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti twettaq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, meta ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien jeżisti ksur uniku u kontinwu li, meħud fl-intier tiegħu, ikopri t-tipi kollha ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju.

391    Fil-fatt, dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessa 736, huwa li wara eżami tal-laqgħat kollha u tal-elementi relatati magħhom, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kuntatti antikompetittivi kollha kienu jikkonċernaw il-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju jew tat-tantalju, b’mod ġenerali, jew saħansitra t-tnejn li huma.

392    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddefinixxi s-suq inkwistjoni abbażi ta’ kriterji ekonomiċi. Huma l-membri tal-akkordju stess li jiddeterminaw il-prodotti li huma s-suġġett tad-diskussjonijiet u l-prattiki miftiehma tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata, EU:T:2005:220, punt 90).

393    Barra minn hekk, il-prodotti kkonċernati minn akkordju huma ddeterminati b’riferiment għall-provi dokumentali ta’ aġir antikompetittiv effettiv meta mqabbla ma’ prodotti speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, EU:T:2003:335, punt 27).

394    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni li ma hija appoġġjata minn ebda prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, ABB vs Il-Kummissjoni, C‑593/18 P, EU:C:2019:1027, punti 44 u 45).

395    Madankollu, f’dan il-każ, l-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li mill-kuntatti antikompetittivi kollha, u, b’mod partikolari, mil-laqgħat tad-29 ta’ Awwissu 2002, tat-22 ta’ Diċembru 2006, tal-25 ta’ Ġunju 2008 u tal-20 ta’ Diċembru 2010, iċċitati bħala eżempju, jirriżulta li l-informazzjoni skambjata ma kinitx limitata għal ċerti sottotipi ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju, iżda li kienet tikkonċerna l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u dawk tat-tantalju b’mod ġenerali (ara l-premessa 796 tad-deċiżjoni kkontestata).

396    Fit-tieni lok, l-informazzjoni skambjata kienet tirrigwarda wkoll kunsiderazzjonijiet speċifiċi, iżda rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti, bħaż-żieda fl-ispiża tal-materja prima u l-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju, li ma kinux limitati għal ċerti sottotipi ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (ara, b’mod partikolari, il-premessa 796 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna nri 1417 u 1418 tad-deċiżjoni kkontestata).

397    Fit-tielet lok, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ impriża l-parteċipanti fl-akkordju ma kienu introduċew ebda limitazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodotti koperti mill-akkordju (ara l-premessa 797 tad-deċiżjoni kkontestata).

398    Fir-raba’ lok, il-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-parteċipanti fl-akkordju kienu responsabbli mill-manifattura u/jew mill-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju b’mod ġenerali u mhux ta’ firxa ta’ kapaċitaturi speċifiċi (ara l-premessa 798 tad-deċiżjoni kkontestata).

399    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 151 u 392 sa 394 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li qieset li, meħuda flimkien, l-informazzjoni skambjata waqt kuntatti antikompetittivi kienet tkopri l-kapaċitaturi elettrolitiċi kollha tal-aluminju u tat-tantalju u, għaldaqstant, li l-ksur uniku u kontinwu kien ikopri dawn il-prodotti kollha.

400    Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

[omissis]

f)      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-2006 kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

[omissis]

1)      Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq żbalji fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ

[omissis]

ii)    Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażat fuq żball inkwantu l-valur tal-bejgħ jinkludi l-bejgħ imwettaq mis-sussidjarji tar-rikorrenti

460    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-bejgħ billi inkludiet il-bejgħ tal-grupp Nippon Chemi-Con u, b’mod partikolari, ta’ Europe Chemi-Con, iffatturati lill-klijenti kollha stabbiliti fiż-ŻEE. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma wettqitx hi stess bejgħ fiż-ŻEE u li l-aġir deskritt fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna biss b’mod minimu lill-klijenti tal-grupp Nippon Chemi-Con. Fost is-sittin klijent imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, tnejn biss huma klijenti mondjali ta’ United Chemi-Com u erba’ biss huma klijenti mondjali ta’ Europe Chemi-Con. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Europe Chemi‑Con u United Chemi-Con igawdu minn setgħa tariffarja awtonoma fir-rigward tal-klijenti lokali tagħhom kif ukoll tal-klijenti mondjali li għandhom sede fl-Ewropa, u din is-setgħa hija suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li dawn is-sussidjarji, miżmuma 100 % mir-rikorrenti, jagħmlu parti mill-istess impriża. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-bejgħ tal-grupp Nippon Chemi-Con lill-klijenti lokali u mondjali tiegħu kellu rabta diretta jew indiretta mal-ksur, u lanqas li dan il-ksur kellu xi effetti speċifiċi fiż-ŻEE.

461    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

462    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ “impriża” jindika kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

463    Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, f’dan il-kuntest, kellu jinftiehem bħala li jindika unità ekonomika, anki jekk mill-perspettiva ġuridika din l-unità ekonomika kienet ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u, min-naħa l-oħra, li meta tali entità ekonomika kienet tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali hija kienet obbligata twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:819, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

464    Fir-rigward ukoll tal-kunċett ta’ impriża, din id-darba mqiegħed fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, huwa plawżibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, minkejja li approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tal-poter ekonomiku tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-parti tad-dħul mill-bejgħ globali provenjenti mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur tirrifletti bl-aħjar mod l-importanza ekonomika tal-ksur (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

465    Barra minn hekk, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm tkun iżżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 63). Tali preżunzjoni timplika, sakemm ma tiġix ikkonfutata, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha huwa kkunsidrat bħala stabbilit u jservi ta’ bażi għall-Kummissjoni biex iżżomm lill-ewwel waħda responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkollha tipproduċi kwalunkwe prova supplimentari (ara s-sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

466    Ċertament, il-preżunzjoni ta’ assenza ta’ awtonomija tas-sussidjarji ġiet żviluppata mill-ġurisprudenza sabiex l-aġir ta’ entità ġuridika (is-sussidjarja) jiġi imputat lil oħra (il-kumpannija omm). Madankollu, din il-preżunzjoni ta’ assenza ta’ awtonomija tas-sussidjarji hija valida wkoll fir-rigward, bħal f’dan il-każ, tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq kumpannija omm li tkun ipparteċipat direttament fil-ksur u li, matul il-perijodu tal-ksur, tkun wettqet bejgħ tal-prodotti kkonċernati minn dan il-ksur fiż-ŻEE permezz tas-sussidjarji tagħha.

467    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, ir-rikorrenti kellha 100 % tal-ishma ta’ Europe Chemi-Con kif ukoll 100 % tal-ishma ta’ United Chemi-Con (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li r-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha jikkostitwixxu l-istess unità ekonomika u b’hekk jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 463 iktar ’il fuq. Minn dan isegwi wkoll li teżisti preżunzjoni konfutabbli ta’ assenza ta’ awtonomija tas-sussidjarji kkonċernati.

468    Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element konkret li jippermetti li tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni ta’ assenza ta’ awtonomija u li jsostni allegata setgħa tariffarja awtonoma tas-sussidjarji tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tat-tieni motiv jirriżulta li ċerti klijenti ta’ Europe Chemi-Con u ta’ United Chemi-Con, li kellhom is-sede tagħhom jew fabbriki ta’ manifattura fl-Ewropa, kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet waqt ċerti kuntatti antikompetittivi (ara l-punti 249, 280 u 296 iktar ’il fuq), li barra minn hekk ir-rikorrenti stess tammetti fir-rikors.

469    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-preżunzjoni ta’ assenza ta’ awtonomija tas-sussidjarji tar-rikorrenti ma ġietx ikkonfutata f’dan il-każ.

470    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa għandu jikkorrispondi għall-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, imwettaq mill-“impriża” b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur, fiż-ŻEE (ara l-punt 434 iktar ’il fuq). Dan ifisser li, f’dan il-każ, il-valur tal-bejgħ għandu jinkludi l-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju mwettqa fiż-ŻEE mill-unità ekonomika komposta mir-rikorrenti u mis-sussidjarji tagħha miżmuma 100 %.

471    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ imwettaq mill-impriża f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi li s-sussidjarji tar-rikorrenti ffatturaw lil klijenti stabbiliti fl-Ewropa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 150).

[omissis]

474    Għaldaqstant, it-tieni lment tal-ewwel parti tas-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Nippon Chemi-Con Corporation għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.