Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ġunju 2009 - CLARO vs UASI - Telefónica (Claro)

(Kawża T-225/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: CLARO SA (rappreżentanti: E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Telefónica, SA (Madrid, Spanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta' Frar, fil-Każ R 1079/2008-2, b'rinviju tal-każ lill-imsemmi Bord sabiex dan jiġi deċiż u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: BCP S/A, kumpannija li attwalment taġixxi taħt l-isem CLARO S.A., ir-rikorrenti.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark tridimensjonali li tinkludi l-element denominattiv "CLARO" (applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 5.229.241) għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9 u 38.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Telefónica, SA.

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Trade mark verbali Komunitarja preċedenti "CLARO" (Nru 2.017.341) fost l-oħrajn għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9 u 38.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud bħala inammissibbli, billi r-rikorrenti ma ddepożitatx nota li tesponi l-motivi tar-rikors.

Motivi invokati: Id-deċiżjoni kkontestata hija, skont ir-rikorrenti, kuntrarja għall-prinċipju ta' kontinwità funzjonali bejn il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Skont ir-rikorrenti, kien evidenti li r-rikors tagħha kien intiż kontra t-totalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni interpretat b'mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja.

____________