Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Mejju 2009 - Abertis Infraestructuras vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-200/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Abertis Infraestructuras, SA (Barċellona, Spanja) (rappreżentanti: M. Roca Junyent u P. Cllol García, abogados)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif ukoll skont kull dispożizzjoni oħra skont id-dritt.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta' din il-kawża huwa dak tal-Kawża T-58/09, Schaemaventotto vs Il-Kummissjoni (ĠU C 82, p 32) ; dan huwa l-att ġuridiku li permezz tiegħu il-Kummissjoni għalqet il-fajl skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1) (iktar 'il quddiem l-"RKK"), dwar il-kontroll tal-konċentrazzjoni bejn ir-rikorrenti u Autostrade, S.p.A (Każ COMP/M. 4388 - Albertis vs Autostrade).

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

Il-Kummissjoni kisret l-obbligi legali tagħha meta għalqet il-proċeduri fis-seħħ skont l-imsemmi Artikolu 21, mingħajr ma ddikjarat il-ksur imettaq mill-Italja għad-dannu tad-drittijiet ta' Albertis; u, sussidjarjament, il-Kummissjoni wettqet żball fl-analiżi tagħha ta' kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju u b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21 RCC.

Il-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21 RCC. Dan il-ksur jagħti lok għall-invalidità tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni, billi jipprekludi li l-għan tal-Artikolu 21 RCC jitwettaq totalment.

Il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni tal-atti.

Il-Kummissjoni wettqet abbuż ta' poter peress li tat deċiżjoni fil-kuntest ta' dispożizzjoni, l-Artikolu 21 RCC, li ma kinitx tippermettiha li tagħti din id-deċiżjoni, li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 226 KE, u dan bi ħsara għall-garanziji eżistenti fl-Artikolu 21 RCC, fejn b'hekk ċaħdet kull effett lill-Artikolu 21 RCC u naqset milli tipproteġi l-konċentrazzjoni li kienet protetta u approvata preċedentement mill-Kummissjoni stess.

Il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ġenerali ta' ċertezza legali, amministrazzjoni tajba u aspettativi leġettimi billi naqset milli tieħu azzjoni kontra l-Istat Membru, f'ċirkustanzi li ma jħallux marġni għall-evalwazzjoni, u b'hekk kisret l-aspettativi tal-operaturi.

Fl-aħħar nett u sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-analiżi tagħha tal-qafas ġuridiku ppreżentat mill-Istat Taljan, peress li ma stabbilietx qafas ġuridiku li jiggarantixxi li, f'amalgazzjonijiet futuri transkonfinali li jseħħu fis-settur tal-awtostradi fl-Italja, l-impriżi jirċievu trattament ugwali u skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji.

____________