Language of document : ECLI:EU:T:2014:683

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

17 ta’ Lulju 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Ristrutturazzjoni ta’ WestLB — Għajnuna maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Artikolu 87(3)(b) KE — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni taħt ċerti kundizzjonijiet — Rikors għal annullament — Interess individwali — Interess ġuridiku — Ammissibbiltà — Kolleġjalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Artikolu 295 KE — Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999”

Fil-Kawża T‑457/09,

Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband, stabbilit f’Münster (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn A. Rosenfeld u I. Liebach, sussegwentement minn A. Rosenfeld u O. Corzilius, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Flynn, K. Gross u B. Martenczuk, sussegwentement minn L. Flynn, B. Martenczuk u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/971/KE, tat-12 ta’ Mejju 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qed tipproponi li tagħti għar-ristrutturar ta’ WestLB AG (C 43/08 (eks N 390/08)) (ĠU L 345, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová, E. Buttigieg, A.M. Collins u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti

1.     Benefiċjarju

1        Fi żmien il-fatti, il-WestLB AG kien bank kummerċjali, li jopera fuq livell internazzjonali, stabbilit fl-Istat Federali Ġermaniż (Land) ta’ Nordrhein-Westfalen (iktar ’il quddiem il-“Land ta’ NRW”). B’bilanċ totali ta’ EUR 286.5 biljun (fil-31 ta’ Diċembru 2007), huwa fost il-fornituri prinċipali ta’ servizzi finanzjarji Ġermaniżi. Fil-kwalità tiegħu ta’ bank ċentrali għall-banek tat-tfaddil tal-Land ta’ NRW u tal-Land ta’ Brandenburg (il-Ġermanja), huwa kien jiżgura r-rabta bejn dawn l-istituzzjonijiet bankarji u s-swieq finanzjarji globali. Il-WestLB joffri firxa sħiħa ta’ prodotti u ta’ servizzi ta’ bank universali.

2        L-azzjonisti ta’ WestLB (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti”) kienu, fi żmien il-fatti, l-ewwel nett, ir-rikorrent, jiġifieri Westfälisch‑Lippischer Sparkassen- und Giroverband, it-tieni nett, ir-Rheinischer Sparkassen- und Giroverband, it-tielet nett, il-Land ta’ NRW, ir-raba’ nett, il-Landschaftsverband Westfalen-Lippe, u l-ħames nett, il-Landschaftsverband Rheinland.

3        Ir-rikorrent u r-Rheinischer Sparkassen- und Giroverband huma żewġ gruppi ta’ banek tat-tfaddil, rispettivament, tar-reġjun ta’ Westfalen-Lippe (il-Ġermanja) u tar-reġjun ta’ Rhein (il-Ġermanja) u, fi żmien il-fatti, kull wieħed minnhom kellu 25.03 % mill-kapital ta’ WestLB. Il-Land ta’ NRW, kellu 37.4 % minn dan il-kapital. Fl-aħħar nett, il-Landschaftsverband Westfalen-Lippe u l-Landschaftsverband Rheinland huma żewġ gruppi ta’ komuni, rispettivament, tar-reġjun ta’ Westfalen-Lippe u tar-reġjun ta’ Rhein u kellhom kull wieħed minnhom 6.09 % minn dan il-kapital.

2.     Diffikultajiet finanzjarji ta’ WestLB u notifika tal-istituzzjoni ta’ stralċ

4        Minn nofs is-sena 2007, portafoll ta’ investimenti strutturati ta’ WestLB, ta’ valur nominali ta’ EUR 23 biljun, li kien jinkludi ipoteki riskjużi (subprime) (iktar ’il quddiem il-“portafoll ta’ EUR 23 biljun”), ra l-valur tiegħu jonqos. Peress li ma kienx kapaċi jirrifinanzja dan il-portafoll fuq is-suq, il-WestLB kellu jikkonsolida dan fil-bilanċ tiegħu billi jinkludi telf sostanzjali.

5        Fl-20 ta’ Jannar 2008, waqt laqgħa ta’ urġenza, l-azzjonisti ddeċidew, minn naħa, li jinjettaw sa EUR 2 biljun fil-WestLB bħala kumpens għat-telf previst għas-sena 2007 u tnaqqis fil-valur temporanju u, min-naħa l-oħra, li l-WestLB jimplementa pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni u jinnegozja l-possibbiltà ta’ konċentrazzjoni mal-Landesbank (bank reġjonali) tal-Istati federali Ġermaniżi (Länder) ta’ Hessen u Thüringen (iktar ’il quddiem il-“Helaba”) [premessa 13 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1628 finali, tat-30 ta’ April 2008, dwar il-ħolqien tal-istituzzjoni ta’ stralċ mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur il-WestLB (għajnuna NN 25/2008, ex CP 15/08, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni provviżorja”)].

6        Fis-7 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ għajnuna, il-WestLB qed jirriskja li jaqa’ taħt il-livell tar-rekwiżiti kapitali statutorji fil-31 ta’ Marzu 2008.

7        Fit-8 ta’ Frar 2008, l-azzjonisti laħqu ftehim imsejjaħ “karta tal-punti ewlenin” (Eckpunktepapier). Dan il-ftehim ipprovda miżura li tissostitwixxi dawk previsti fl-20 ta’ Jannar 2008, jiġifieri l-istabbiliment ta’ istituzzjoni ta’ stralċ (iktar ’il quddiem l-“istituzzjoni ta’ stralċ”) intiża sabiex tiżola lill-WestLB mir-riskji kkawżati mill-portafoll ta’ EUR 23 biljun. Fl-istess ġurnata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza tal-ftehim, li ġie nnotifikat fis-27 ta’ Marzu 2008.

8        Fil-31 ta’ Marzu 2008, l-azzjonisti approvaw l-implementazzjoni tal-istituzzjoni ta’ stralċ, suġġett għall-approvazzjoni mill-parlament tal-Land ta’ NRW.

3.     Deskrizzjoni tal-istituzzjoni ta’ stralċ

9        L-implementazzjoni tal-istituzzjoni ta’ stralċ tinkludi l-bejgħ, b’effett mill-31 ta’ Marzu 2008, tal-portafoll ta’ EUR 23 biljun, għall-valur nominali tiegħu, lil kumpannija bi skop speċifiku stabbilita fl-Irlanda, Phœnix Light SF Ltd (iktar ’il quddiem “Phœnix Light”). Din il-kumpannija intrabtet li tkompli tiffinanzja mill-ġdid dan il-portafoll.

10      Sabiex jitħallas il-prezz tal-bejgħ, Phoenix Light ħarġet titoli b’valur nominali ta’ EUR 23 biljun. Dan il-ħruġ sar f’żewġ partijiet. L-ewwel parti kienet tikkonsisti f’titoli komuni (iktar ’il quddiem is-“senior notes”), li għandhom valur nominali totali ta’ EUR 18-il biljun. It-tieni parti kienet tikkonsisti f’titoli subordinati, li huma l-ewwel nett ikkonċernati fil-każ ta’ telf marbut mal-assi ttrasferiti (iktar ’il quddiem il-“junior notes”), li għandhom valur nominali totali ta’ EUR 5 biljuni.

11      Il-Land ta’ NRW huwa responsabbli għall-kapital kollu kopert mill-junior notes fir-rigward tad-detenturi ta’ dawn. Skont l-Eckpunktepapier, jista’ jitlob kumpens pro rata mill-erba’ azzjonisti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-WestLB għal kull rimbors mwettaq bis-saħħa tal-garanzija hekk stabbilita (iktar ’il quddiem il-“garanzija kkontestata”), b’limitu ta’ EUR 2 miljuni. Fil-każ li jiġu mitluba EUR 3 biljuni addizzjonali, il-Land ta’ NRW jista’ jitlob li dawn l-azzjonisti jittrasferixxilu numru korrispondenti ta’ azzjonijiet tagħhom ta’ WestLB. L-azzjonisti jistgħu jaqblu wkoll dwar ħlas fi flus.

12      Phoenix Light għandha tħallas fir-rigward tal-garanzija kkontestata kummissjoni ta’ garanzija kull sena. Hija għandha wkoll tħallas qligħ lid-detenturi tat-titoli. Dawn l-ispejjeż kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi tal-istituzzjoni ta’ stralċ, kollha għandhom jitħallsu mir-remunerazzjoni tat-titoli ttrasferiti lil Phoenix Light.

13      Sussegwentement, il-WestLB xtara l-junior notes, u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, dawn it-titoli kienu koperti mill-garanzija mil-Land ta’ NRW, bl-awdituri ta’ WestLB jqisu li, b’differenza mill-portafoll ta’ EUR 23 biljun, ma kienx hemm għalfejn li jikkoreġu l-valur ’l isfel. Min-naħa l-oħra, il-junior notes setgħu jiġu użati bħala garanzija sabiex jinġabru l-fondi neċessarji għax-xiri tagħhom.

14      Il-WestLB xtara wkoll is-senior notes.

4.     Notifika komplementari

15      Fil-11 ta’ April 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni notifika komplementari dwar l-istituzzjoni ta’ stralċ. Hija indikat li, wara l-approvazzjoni mill-parlament tal-Land ta’ NRW, din l-istruttura kienet stabbilita u, filwaqt li ammettiet li din tinvolvi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, talbet l-awtorizzazzjoni immedjata tagħha bħala għajnuna għas-salvataġġ. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet li tippreżenta lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur, li jiskadu fit-8 ta’ Awwissu 2008, jew pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ WestLB, jew prova tal-waqfien komplet tal-garanzija kkontestata. Hija indikat li f’dan l-aħħar każ, il-WestLB għandu jirrimborsa l-“ħlasijiet” li huwa eventwalment ibbenefika minnhom, u li l-effetti ekonomiċi kollha tal-garanzija jkunu kkanċellati.

5.     Awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għal perijodu ta’ sitt xhur

16      Fit-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 1628 finali, dwar il-ħolqien tal-istituzzjoni ta’ stralċ mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur il-WestLB (għajnuna NN 25/2008, ex CP 15/08) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni provviżorja”).

17      F’din id-deċiżjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-garanzija kkontestata kienet għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni osservat li l-għajnuna msemmija fil-punt preċedenti ma kinitx maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Għalhekk, ma setgħatx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE. Madankollu, wara li eżaminat l-għajnuna fid-dawl tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni”), il-Kummissjoni kkunsidrat li setgħet tkun awtorizzata skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE (premessi 41 sa 58 tad-deċiżjoni provviżorja).

19      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, l-ewwel nett, li l-WestLB kien impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni osservat li jekk il-garanzija kkontestata ma kinitx ġiet mogħtija, minn naħa, il-WestLB ma setax josserva r-rekwiżiti ta’ kapitalizzazzjoni statutorji u, min-naħa l-oħra, in-nota ta’ kreditu tiegħu kienet ġiet degradata b’tali mod li jagħmel diffiċli l-finanzjament mill-ġdid tiegħu u li jikkawża telf addizzjonali li jista’ jinkludi t-terminazzjoni tal-attivitajiet tiegħu f’perijodu medju (premessi 44 u 45 tad-deċiżjoni provviżorja).

20      Il-Kummissjoni indikat, it-tieni nett, li l-garanzija kkontestata kienet ekwivalenti għal “self kapitali” li jippermetti lill-WestLB jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapitalizzazzjoni statutorji u, għalhekk, ikompli l-attività tiegħu. Il-Kummissjoni nnotat li din il-garanzija tosserva l-limitazzjonijiet previsti mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, sa fejn, minn naħa, din ġiet stabbilita għal perijodu ta’ sitt xhur u kienet riversibbli fin-natura, u, min-naħa l-oħra, l-element ta’ għajnuna fiha kien il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività (premessi 47 sa 49, 52, 54 u 55 tad-deċiżjoni provviżorja).

21      Il-Kummissjoni indikat, it-tielet nett, li l-għajnuna mogħtija kienet iġġustifikata minn raġunijiet soċjali serji, ma kellhiex effetti sekondarji ħżiena inaċċettabbli u kienet l-ewwel għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni li l-WestLB irċieva fl-aħħar għaxar snin, skont dak li huwa mitlub mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni (premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni provviżorja).

22      Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni provviżorja, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanzija kkontestata kienet għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, implementata bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Hija indikat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tikkomunikalha, fit-8 ta’ Awwissu 2008 l-iktar tard, jew pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ WestLB, jew prova tal-waqfien komplet tal-garanzija kkontestata. Il-Kummissjoni indikat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet, f’dan l-aħħar argument, sabiex “il-ftehim eżistenti bejn il-Land ta’ NRW u Phoenix Light”, dwar il-garanzija kkontestata, ikun revokat. Konsegwentement, il-WestLB għandu jirrimborsa l-ħlasijiet li huwa rċieva taħt dan il-ftehim.

23      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna inkwistjoni sat-8 ta’ Awwissu 2008 u indikat li, fil-każ fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkomunikalha pjan ta’ ristrutturazzjoni kredibbli, l-awtorizzazzjoni kienet, bħala prinċipju, estiża sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar dan il-pjan.

6.     Notifika u eżami tal-estensjoni tal-istituzzjoni ta’ stralċ

24      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-WestLB u l-azzjonisti kellhom diskussjonijiet regolari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ laqgħa mal-WestLB u mal-azzjonisti fil-15 ta’ Lulju 2008, indikat il-kriterji li fil-fehma tagħha għandhom jikkundizzjonaw l-awtorizzazzjoni tagħha, jiġifieri li dan il-pjan kien jippermetti li jinkiseb, f’ċerti termini vinkolanti, tnaqqis ta’ 50 % fid-daqs tal-bilanċ ta’ WestLB u bidla fl-istruttura tal-azzjonisti tiegħu.

25      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Awwissu 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tittrasforma l-istituzzjoni ta’ stralċ fi struttura permanenti. In-notifika kienet akkumpanjata minn pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ WestLB (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali”) u ftehim adottat mill-azzjonisti magħruf bħala “ftehim ta’ punti ewlenin” (Eckpunktevereinbarung).

26      Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali, b’mod partikolari jipprovdi miżuri importanti sabiex jonqsu l-bilanċ kif ukoll l-attivitajiet ta’ WestLB u sabiex ikun hemm bidla fl-azzjonisti tiegħu li tiggarantixxi li l-azzjonisti ma jkollhomx iktar il-maġġoranza ta’ kontroll fit-30 ta’ Settembru 2009 (l-azzjonisti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtu li jinformaw b’mod iktar preċiż il-Kummissjoni f’dan ir-rigward qabel il-31 ta’ Diċembru 2008).

27      Fl-Eckpunktevereinbarung, l-azzjonisti intrabtu li jsibu soluzzjonijiet għad-diffikultajiet ta’ WestLB kompatibbli ma’ riforma sostenibbli tas-settur tal-banek reġjonali Ġermaniżi. Huma indikaw li kienu bi ħsiebhom jissuġġettaw lill-Kummissjoni, qabel il-31 ta’ Diċembru 2008, pjan ta’ ristrutturazzjoni, li jinkludi miżuri ta’ tnaqqis li jmorru lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali u li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidla fl-azzjonisti.

28      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2008 li tinkludi stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 88(2) KE [Għajnuna mill-Istat — Il-Ġermanja — Għajnuna mill-Istat C 43/08 (ex N 390/08) – WestLB] (ĠU C 322, p. 16, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”) fir-rigward tal-“garanzija ġenerali mogħtija lill-WestLB mill-azzjonisti pubbliċi tiegħu”.

29      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonfermat l-evalwazzjonijiet li għamlet fid-deċiżjoni provviżorja dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (premessi 34 u 35 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) u dwar il-possibbiltà li teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Hija kkunsidrat li l-kriżi fis-“suq subprime” kienet għadha ma wasslitx għal taqlib serju fl-ekonomija fis-sens tal-Artikolu 87(3)(b) KE (premessi 43 u 45 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Il-Kummissjoni osservat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet qed tikkunsidra li tittrasforma l-istituzzjoni ta’ stralċ fi struttura permanenti, bl-għajnuna inkwistjoni jkollha tiġi għaldaqstant evalwata bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni (premessa 33 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

30      Sussegwentement, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-konformità tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali mal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u indikat li kellha bżonn ta’ informazzjoni supplimentari (premessa 47 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

31      F’dan ir-rigward, osservat li l-WestLB ma kellux l-intenzjoni li jitbiegħed mill-mudell kummerċjali tiegħu, li fiż-żmien kien irriżulta inadegwat. Bidliet iktar drastiċi jistgħu jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tiegħu. Il-Kummissjoni nnotat li d-diffikultajiet ta’ WestLB kienu x’aktarx dovuti għall-kompożizzjoni tal-azzjonisti tiegħu u għall-interessi diverġenti tal-azzjonisti u esprimiet dubji dwar il-possibbiltà ta’ orjentazzjoni strateġika ġdida utli fl-assenza ta’ soluzzjoni għal dawn il-problemi strutturali. Il-Kummissjoni sabet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali jipprovdi għal bidla fl-azzjonisti, peress li dan jista’ jikkawża bidla fil-mudell kummerċjali ta’ WestLB. Madankollu, peress li l-pjan ma fihx miżuri konkreti dwar dan il-punt, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat sa liema punt dan jgħin sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà tal-bank (premessi 48 sa 50 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

32      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet fl-24 ta’ Novembru 2008.

33      Fis-16 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet estensjoni tat-terminu previst sabiex tikkomunika miżuri konkreti għall-bidla fl-azzjonisti ta’ WestLB. Il-Kummissjoni estendiet dan it-terminu sal-31 ta’ Marzu 2009.

34      Skont ir-rikorrent, fil-31 ta’ Marzu 2009, matul laqgħa mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ppreżentat “programm” li fih il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, skont kalendarju stabbilit minn qabel, sabiex tiġi awtorizzata l-istituzzjoni ta’ stralċ bħala struttura permanenti u indikat li hija tista’ tadotta deċiżjoni negattiva fit-13 ta’ Mejju 2009.

35      Mis-6 sat-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ltaqgħet mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mal-WestLB u mal-azzjonisti dwar ir-ristrutturazzjoni tal-bank u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi evitata deċiżjoni negattiva.

36      Fit-30 ta’ April 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat pjan ta’ ristrutturazzjoni li jinkludi ċerti tibdiliet, diskussi mal-Kummissjoni fir-rigward tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ristrutturazzjoni finali”).

37      Dan il-pjan kien, l-ewwel nett, jipprovdi bidla fl-azzjonisti ta’ WestLB li għandha titwettaq qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 (pereżempju, permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni). Il-WestLB huwa offrut għall-bejgħ, kollu kemm hu jew f’unitajiet separati, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija qabel il-31 ta’ Awwissu 2010, b’tali mod li t-tranżazzjoni tista’ tipproduċi l-effetti tagħha l-iktar tard fl-1 ta’ Jannar 2012 u taħt ċerti kundizzjonijiet.

38      Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat il-bejgħ ta’ WestLB, kienu previsti miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni li jippermettu tnaqqis tal-ispejjeż u tar-riskji kif ukoll orjentazzjoni kummerċjali ġdida, jiġifieri l-għeluq ta’ diversi stabbilimenti kif ukoll it-tnaqqis tal-bilanċ u tal-kalkolu tal-assi skont ir-riskju b’25 % fil-31 ta’ Marzu 2010 u b’50 % fl-aħħar ta’ Marzu 2011 meta mqabbla ma’ dawk fl-2007.

39      Fl-aħħar nett, il-pjan inkwistjoni kien jipprovdi, jew għal stralċ jew għal tnaqqis ta’ diversi oqsma ta’ attività ta’ WestLB.

7.     Id-deċiżjoni kkontestata

40      Fit-12 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2009/971/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qed tipproponi li tagħti għar-ristrutturar ta’ WestLB.

41      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li temmen li din id-deċiżjoni kien fiha żbalji u ineżattezzi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-premessa 41, ifformulata kif ġej:

“[…] L-emendi kollha li saru fil-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni inizjali] ġew diskussi mal-Kummissjoni, aċċettati [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja], u sottomessi lill-Kummissjoni fit-30 t’April tal-2009. Iżda l-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni finali] għadu xorta soġġett għall-konferma uffiċjali minn tlieta mill-ħames [azzjonisti]. Għalkemm ġie aċċettat [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] u mis-sidien [mill-azzjonisti] tiegħu, għaldaqstant, li il-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni finali] ma jistax jitqies li jorbot. Matul il-proċeduri l-Kummissjoni osservat li s-sidien ma kinux kapaċi jikkonformaw mal-iskeda oriġinali u li t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li hu meħtieġ li tehmeż xi kundizzjonijiet mad-Deċiżjoni tagħha.”

42      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li s-sentenza ta’ qabel tal-aħħar ta’ din il-premessa kienet ineżatta sa fejn “l-estensjoni tat-terminu kien immotivat u approvat mill-Kummissjoni”.

43      Fl-10 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni pproponiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li temenda l-ifformular tas-sentenza ta’ qabel tal-aħħar ta’ din il-premessa, billi tindika li din kienet sempliċi preċiżazzjoni, kif ġej:

“Matul il-proċeduri l-Kummissjoni osservat li s-sidien [l-azzjonisti] ma kinux kapaċi jikkonformaw mal-iskeda oriġinali għal pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] awtorizzat, u li t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda.”

44      Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qablet mal-ifformular il-ġdid permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni adottat fit-28 ta’ Lulju 2009, rettifika għad-Deċiżjoni 2009/971. Il-Kummissjoni bagħtet din ir-rettifika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-istess ħin mal-verżjoni korretta ta’ din id-deċiżjoni (ĠU L 345, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

45      Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat li kienet diġà kkunsidrat fid-deċiżjoni provviżorja, li l-istabbiliment tal-istituzzjoni ta’ stralċ iwassal għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil WestLB u osservat li l-ammont ta’ din l-għajnuna, ladarba l-istituzzjoni ta’ stralċ tinbidel f’struttura permanenti jikkorrispondi f’kull probabbiltà għall-valur nominali (EUR 5 biljuni) tal-garanzija kkontestata (premessi 52, 54 sa 58 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li hija kienet għamlet fid-deċiżjoni provviżorja u fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li kien possibbli li teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE.

47      Il-Kummissjoni indikat li din il-bidla kienet dovuta għall-fatt li wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, hija kkonstatat, fil-komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU 2008, C 270, p. 8, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja”), fil-komunikazzjoni intitolata “Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa” (ĠU 2009, C 10, p. 2) u fil-komunikazzjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti, li l-miżuri ta’ għajnuna favur il-banek kienu ta’ natura sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju li kien qed jhedded l-ekonomija Ġermaniża (premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Madankollu, il-Kummissjoni indikat li, hekk kif hija diġà spjegat fil-komunikazzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti, il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja għandha tiġi evalwata skont il-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, wara li jiġu kkunsidrati l-aspetti partikolari ta’ kriżi sistematika fis-swieq finanzjarji (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Il-Kummissjoni indikat li hija kellha teżamina, b’konformità mal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, l-ewwel nett, jekk kienx hemm pjan ta’ ristrutturazzjoni li jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil, barra minn hekk, jekk l-għajnuna kienet limitata għaż-żmien u għall-ammont minimu neċessarju u jekk il-WestLB ipparteċipax permezz ta’ kontribuzzjoni kunsiderevoli għall-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni u fl-aħħar nett, jekk l-għajnuna tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni f’miżura li tmur kontra l-interess komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li hija tista’ timponi kundizzjonijiet fuq il-benefiċjarju (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali u kkonkludiet li dawn jippermettu li tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil (premessi 66 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li l-kontribuzzjoni li WestLB obbliga ruħu li jagħmel għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni kienet waħda sostanzjali u tikkorrispondi għall-massimu possibbli u, min-naħa l-oħra, li l-għajnuna kienet limitata għall-minimu neċessarju (premessi 76 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 80 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali jipprovdix għal miżuri li jistgħu inaqqsu għall-minimu l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetituri u, fil-premessa 88 ta’ din id-deċiżjoni, ikkonkludiet li, b’mod ġenerali, “il-miżuri kumpensatorji” huma proporzjonali għall-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, filwaqt li jiżguraw it-tnaqqis massimu possibbli ta’ dawn l-effetti.

53      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, sakemm jiġu mħarsa ċerti kundizzjonijiet (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna fil-forma ta’ garanzija ta’ €5 biljuni li [r-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha l-intenzjoni li tagħti lil WestLB […] hi kompatibbli mas-suq komuni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u fl-Anness.

Artikolu 2

1. Il-[pjan ta’ ristrutturazzjoni finali] għandu jiġi implimentat, soġġett għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Anness u skont l-iskeda taż-żmien imħabbra.

2. Jekk ikun xieraq […] il-Kummissjoni tista’, b’risposta għal applikazzjoni rraġunata kif xieraq min-naħa [tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja]:

a)      tippermetti estensjoni tal-limiti taż-żmien […], jew

b)      f’ċirkostanzi eċċezzjonali, teżenta, temenda jew tibdel waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet […].

[…]”

55      L-Anness tad-deċiżjoni kkontestata huwa emendat kif ġej:

“Fir-rigward tal-Artikolu 2(1)

[…]

2.1. Is-sidien [l-azzjonisti] […] għandhom ibiegħu l-WestLB, fit-totalità tiegħu jew f’unitajiet separati […] sal-31 ta’ Diċembru tal-2011.

2.2. Is-sidien [l-azzjonisti] […] għandhom jibdew proċedura ta’ sejħa għall-offerti […] u jikkonkludu kuntratt ta’ bejgħ max-xerrej sal-31 t’Awwissu tal-2011, sabiex il-bejgħ ikun jista’ jibda jkollu effett sal-31 ta’ Diċembru tal-2011 [l-1 ta’ Jannar 2012 l-iktar tard]. Għal raġunijiet sostanzjati b’mod xieraq, il-Kummissjoni tista’ taqbel dwar bejgħ bi trattat privat jew dwar konsolidizzazzjoni ta’ Landesbanken […]

[…]

3.1. B’referenza għat-total tal-karta tal-bilanċ verifikata ta’ WestLB’s għal 31 ta’ Diċembru tal-2007 […] it-total tal-karta tal-bilanċ għandu jitnaqqas b’25 % sal-31 ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-31 ta’ Marzu tal-2011 […]

[…]

4.1. In-negozju ewlieni ta’ WestLB għandu jiġi sseparat, u kategorizzat fl-oqsma tan-negozju li ġejjin […] sat-30 t’Ottubru tal-2009:

a)      servizzi bankarji transazzjonali;

b)      sħubija ma’ kumpaniji ta’ daqs medju u banek tat-tfaddil (Verbund/Mittelstand);

c)      swieq kapitali, servizzi bankarji bl-ingrossa u finanzjament strutturat.

4.2. [Dawn l]-oqsma tan-negozju separati […] għandhom jinbiegħu flimkien jew separatament sal-31 ta’ Diċembru tal-2011.

4.3. Waqt li l-bejgħ ikun pendenti, l-ebda [minn dawn l]-oqsma tan-negozju separati […] ma jistgħu jitwessgħu b’amalgamazzjonijiet jew akkwiżizzjonijiet […]

[…]

4.5. Fis-swieq kapitali […] għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin għal negozju tas-suq kapitali waqt li l-bejgħ ikun pendenti:

[…]

4.6. Fil-qasam tas-swieq kapitali, is-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat tan-negozju, ir-restrizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw […] waqt li l-bejgħ ikun pendenti:

[…]

5.1. Dawn l-ishma kollha […] għandhom jinbiegħu fit-totalità tagħhom mill-aktar fis possibbli u mhux iżjed tard minn […] 2010: [16-il sehem elenkat]

[…]

5.8. Waqt li l-bejgħ ikun pendenti, fil-każ ta’ telf, WestLB m’għandux jagħmel ħlas fuq strumenti kapitali ibridi. Jekk il-karta tal-bilanċ ta’ WestLB, mingħajr aġġustament tar-riservi kapitali, turi telf, dawn l-istrumenti għandhom jipparteċipaw ukoll fit-telf.

[…]

6.1. WestLB għandu jinbiegħ, fit-totalità tiegħu jew f’unitajiet separati, fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, soġġetta għal-limiti taż-żmien fil-punti 2.1 u 2.2 [tal-anness għad-deċiżjoni kkontestata].

6.2. Il-proċedura għandha tkun miftuħa għal kwalunkwe xerrej potenzjali, domestiku jew barrani […]

[…]

6.4. Ix-xerrej

a)      irid ikun terza parti mhux konnessa mas-sidien [mal-azzjonisti]. […]

b)      għandu b’mod raġjonevoli jkun mistenni li jkun kapaċi jikseb l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa […];

c)      fuq il-bażi tar-riżorsi finanzjarji tiegħu u b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tiegħu, għandu jkun kapaċi li jiżgura s-solvenza [tal-WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil].

6.5. Id-divestiment sħiħ tal-oqsma tan-negozji segmentati għandu jiġi preferut għal trasferiment sempliċi tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti […]. Trasferiment ta’ din ix-xorta tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti hu ammissibbli biss jekk fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti ma ssir l-ebda offerta għad-divestiment sħiħ ta’ qasam tan-negozju segmentat wieħed jew iżjed. Il-Kummissjoni għandha tkun informata bl-għoti tat-tender, u tista’ tagħmel oġġezzjoni.

6.6. Dan hu mingħajr ħsara għall-possibbiltà […] ta’ bejgħ permezz ta’ trattat privat jew konsolidazzjoni ta’ Landesbanken bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Is-sidien [l-azzjonisti] preċedenti jistgħu għaldaqstant isiru l-azzjonisti tal-minoranza [l-azzjonisti minoritarji] jekk tintilef il-maġġoranza li tikkontrolla [l-WestLB].

6.7. L-oqsma u l-attivitajiet tan-negozju li ma jinbiegħx għandhom finalment ma jitkomplewx sal-31 ta’ Diċembru tal-2011, jew jitħallew li jiskadu wara dik id-data mal-maturità tan-negozju sottostanti.

[…]

Fir-rigward tal-Artikolu 2(2) [tad-deċiżjoni kkontestata]

Meta tiġi applikata l-klawżola ta’ reviżjoni fl-Artikolu 2(2) [tad-deċiżjoni kkontestata], il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet tal-provvista u s-sitwazzjoni fis-swieq kapitali.”

8.     Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ WestLB wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

56      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-portafoll ta’ EUR 23 biljun naqas sal-punt li l-eżistenza tal-garanzija kkontestata ma kinitx biżżejjed sabiex tippermetti lill-WestLB tosserva r-rekwiżiti kapitali statutorji. Permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni awtorizzat provviżorjament l-għoti ta’ garanzija ġdida favur WestLB, ta’ ammont ta’ EUR 6.4 biljun, bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE (għajnuna mill-Istat N 531/2009) (ĠU C 305, p. 4). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet li tintroduċi miżuri ġodda ta’ ristrutturazzjoni qabel it-30 ta’ Novembru 2009.

57      Fl-10 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 3 biljuni favur WestLB u garanzija supplimentari ta’ EUR 1 biljun li l-għan tagħha kienet li tittrasferixxi lil istituzzjoni ta’ stralċ ġdida assi ta’ valur nominali ta’ EUR 85.1 biljun. Il-Kummissjoni awtorizzat provviżorjament dawn il-miżuri l-ġodda, permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2009.

58      Fil-15 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ stralċ”).

59      Fl-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida dwar il-miżuri ta’ għajnuna implementati favur WestLB bejn l-2007 u l-aħħar tal-2011 (għajnuna C 40/2009 u C 43/2008) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali tal-2011”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħassret id-deċiżjoni kkontestata (Artikolu 3 tad-deċiżjoni finali tal-2011). Mill-perspettiva tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, hija eżaminat l-injezzjonijiet kollha ta’ kapital u l-garanziji mogħtija favur WestLB bejn l-2007 u Diċembru 2011, inkluża l-garanzija kkontestata. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din kienet għajnuna għar-ristrutturazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE, bla ħsara għall-implementazzjoni tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ stralċ.

 Il-proċeduri

60      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent ippreżenta rikors bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

61      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrent ippreżenta talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tad-digriet tat-18 ta’ Marzu 2011, Westfälisch‑Lippischer Sparkassen-und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), l-Imħallef għal miżuri provviżorji ċaħad din it-talba u rriżerva l-ispejjeż.

62      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Qorti Ġenerali l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-2011 u ddikjarat li, wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, “ir-rikorrent [ma kellux] iktar interess ġuridiku, jekk wieħed jassumi li [kien] qatt eżista”. Madankollu, hija ma spjegatx ir-raġuni għal din l-affermazzjoni.

63      Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”), stiednet lir-rikorrent jikkummenta dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan ir-rikors bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-2011.

64      Ir-rikorrent għamel dan permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2012.

65      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2012, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tar-rikorrent tal-11 ta’ Ġunju 2012.

66      Il-Kummissjoni għamlet dan permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2013. F’din l-ittra, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, b’mod motivat, tikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni.

67      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2013, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba magħmula mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

68      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Ewwel Awla, irrinvijat il-kawża lill-Ewwel Awla Estiża, skont l-Artikolu 14(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

69      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) hemżet mal-mertu t-talba mressqa mill-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

70      Fil-31 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu previst.

71      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

72      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2013.

 It-talbiet tal-partijiet

73      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

74      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

75      Fl-ittra tagħha tas-26 ta’ April 2012, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tagħti lir-rikorrent l-opportunità li jgħarraf jekk huwiex dispost li jirrinunzja;

–        jekk ir-rikorrent jirrinunzja, tiddikjara li r-rikors ma għadx għandu skop.

76      Fl-ittra tal-11 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kawża ma għadx għandha skop;

–        sussidjarjament, fil-każ fejn tikkunsidra li r-rikors mid-deċiżjoni kkontestata ma għadx għandu skop, tawtorizza l-adattament tal-motivi u tat-talbiet tiegħu u tikkunsidra li issa jirrigwarda l-annullament parzjali tad-deċiżjoni finali tal-2011, sa fejn hija tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata.

77      Fl-ittra tal-11 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors;

–        tiċħad it-talba għall-adattament tal-motivi u tat-talbiet tar-rikorrent;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

78      Fl-ittra tal-4 ta’ April 2013, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba magħmula mill-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni;

–        fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        torganizza ż-żamma ta’ seduta.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq il-locus standi tar-rikorrent

79      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li peress li għandu personalità ġuridika, ir-rikorrent, persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt pubbliku, jista’ jippreżenta rikors għal annullament bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, hekk kif huwa ġustament isostni. Madankollu, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet indirizzata biss lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hemm lok li jiġi vverifikat, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, jekk ir-rikorrent huwa kkonċernat individwalment minn din id-deċiżjoni, u peress li ma hemmx dubju li r-rikorrent huwa kkonċernat direttament minnha, dan ma ġiex diskuss bejn il-partijiet.

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzhom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 33).

81      Ir-rikorrent isostni li huwa kkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward huwa jippreżenta diversi osservazzjonijiet li jistgħu jinġabru f’żewġ argumenti prinċipali, ibbażati, l-ewwel nett, mill-fatt li huwa ħa sehem fl-adozzjoni tal-miżura li l-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata u, it-tieni nett, mill-effett ħażin tiegħu b’mod partikolari bħala azzjonist.

82      Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrent huwa biss parzjalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata. Hija f’dan ir-rigward tqis, minn naħa, li r-rikorrent ma jistax jibbaża l-locus standi tiegħu fuq l-istatus tiegħu ta’ organu li ħa l-miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat f’din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li r-rikorrent, bħala azzjonist, huwa kkonċernat individwalment minn dawk il-kundizzjonijiet biss li huma elenkati fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-obbligu tal-azzjonisti li jbigħu l-WestLB lil terz mhux konness (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ bejgħ”).

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ħa sehem fl-adozzjoni tal-miżura li l-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata

83      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-pożizzjoni ġuridika ta’ organu li ma huwiex Stat Membru, li peress li għandu personalità ġuridika u ħa miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat f’deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“persuna li tagħti l-għajnuna”), jista’ jiġi effettwat individwalment minn din id-deċiżjoni jekk din tipprekludih milli jeżerċita kif jidhirlu l-kompetenzi tiegħu, li b’mod partikolari jikkonsistu fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 29, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275, punti 50 u 51).

84      Ir-rikorrent isostni, minn naħa, li huwa koawtur ta’ din il-miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li ħa din il-miżura fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu stess. Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata tipprekludih milli jeżerċita l-kompetenzi tiegħu kif huwa jrid, li jikkonsistu, f’dan il-każ, fl-għoti tal-garanzija kkontestata. Ir-rikors huwa konsegwenza ammissibbli skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

85      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestatx li r-rikorrent jista’ jitqies bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tosserva li r-rikorrent ma kellux interess ġuridiku speċifiku, li, skont il-ġurisprudenza, jostakolah milli jippreżenta rikors validu bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna. Madankollu, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Ottubru 2013, kif ukoll matul is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li r-rikorrent ma setax jiġi kkunsidrat bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna. Skont il-Kummissjoni, l-għajnuna eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata ngħatat lill-WestLB mil-Land NRW biss.

86      Jirriżulta mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda biss “garanzija ta’ €5 biljuni” (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), li l-garanzija kkontestata hija l-unika miżura formalment kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat f’din id-deċiżjoni.

87      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent jistax jiġi kkunsidrat bħala li jkun ta parti minn din l-għajnuna.

88      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li, fuq livell formali, il-garanzija kkontestata ngħatat fil-konfront ta’ xerrejja potenzjali ta’ junior notes tal-Land ta’ NRW u mhux mill-azzjonisti l-oħra (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti l-oħra”), peress li l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, inkluż ir-rikorrent, jekk din il-garanzija tiġi mitluba, hija ta’ natura purament interna għall-azzjonisti.

89      Għalhekk, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata li x-xerrejja ta’ junior notes jistgħu jitolbu lil-Land ta’ NRW kumpens ekonomiku jekk ikunu meħtieġa li jġarrbu telf marbut ma’ degradazzjoni tal-valur ta’ dawn it-titoli, xejn fid-deċiżjoni kkontestata jew fil-fajl ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li jkunu jistgħu wkoll jitolbu kumpens kwalunkwe għall-azzjonisti l-oħra. L-intervent ta’ dawn fil-każ ta’ eżekuzzjoni tal-garanzija kkontestata hija limitata, bis-saħħa tal-ftehimiet li l-azzjonisti daħlu fihom, sabiex joffru kumpens lil-Land ta’ NRW li jkun prorata għas-sehem tagħhom tal-kapital għall-ewwel EUR 2 biljuni mħallsa u għal kull ammont addizzjonali, jew li jiġu lilu ttrasferiti azzjonijiet ta’ WestLB, jew li jaqblu dwar kumpens fi flus (ara l-punt 11 iktar ’il fuq u l-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

90      Dwar dan il-punt, hemm lok li jingħad li r-rikorrent innifsu kkonferma fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Ottubru 2013, kif ukoll matul is-seduta, li l-Land ta’ NRW huwa biss garanti tal-valur nominali tal-junior notes fil-konfront tad-detenturi ta’ dawn it-titoli u li dawn ma jkunux jistgħu jitolbu xi kumpens lill-azzjonisti l-oħra.

91      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-premessi 24 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-tielet paragrafu tal-premessa 20 tad-deċiżjoni provviżorja li l-intervent tal-azzjonisti l-oħra favur il-Land ta’ NRW fil-każ li l-garanzija kkontestata tiġi mitluba ma hijiex awtomatika, iżda teħtieġ li talba għal kumpens tkun magħmula minn qabel minn dan il-Land. Għalhekk il-Land ta’ NRW jibqa’ mhux biss l-uniku garanti tal-valur nominali tal-junior notes fil-konfront tad-detenturi ta’ dawn it-titoli, iżda wkoll l-amministratur tat-tqassim tal-ispejjeż assoċjati mal-eżekuzzjoni eventwali tal-garanzija kkontestata bejn l-azzjonisti, bla ħsara għall-osservanza tal-limiti massimi ta’ responsabbiltà li qablu dwarhom.

92      Barra minn hekk, f’termini sostantivi, hemm lok li jiġi osservat li, kif il-partijiet sostnew matul is-seduta, il-WestLB huwa l-benefiċjarju tal-garanzija kkontestata li, bis-saħħa tiegħu, it-tranżazzjonijiet deskritti fil-punti 9 sa 14 iktar ’il fuq, li permezz tagħhom inħolqot l-istituzzjoni ta’ stralċ, ippermettulu fil-prattika li jelimina mill-bilanċ tiegħu assi li l-valur tagħhom kien serjament degradat u li jirreġistra assi ġodda, jiġifieri l-junior notes, li kienu ggarantiti li għandhom valur nominali ekwivalenti għal dak tal-assi mibjugħin. Madankollu, filwaqt li l-parteċipazzjoni tal-Land ta’ NRW fil-garanzija kkontestata setgħet tagħti vantaġġ lill-WestLB f’dan il-kuntest, il-parteċipazzjoni tal-azzjonisti l-oħra ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għall-oriġini tal-ħolqien tagħha.

93      Għalhekk, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li r-rikorrent sostna matul is-seduta, l-involviment tal-azzjonisti l-oħra fil-konfront tal-Land ta’ NRW jirriżulta f’obbligu ta’ rimbors parzjali lil dan il-Land tal-ispejjeż imġarrba fl-eżekuzzjoni tal-garanzija kkontestata (iktar ’il quddiem l-“involviment tal-azzjonisti l-oħra”) ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “kontra garanziji” favur id-detenturi ta’ junior notes, sa fejn dan l-involviment ma jinkludix l-obbligu ta’ ħlas ta’ perċentwali tal-valur nominali tal-junior notes favur dawn id-detenturi fil-każ fejn, minn naħa, tintalab il-garanzija kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-Land ta’ NRW ma tosservax dan.

94      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk, hekk kif sostna r-rikorrent matul is-seduta, l-involviment tal-azzjonisti l-oħra saħħaħ is-solvenza tal-Land ta’ NRW fil-konfront tad-detenturi tal-junior notes, għandu jiġi osservat li, anki jekk ir-riskju ta’ insolvenza tal-Land ta’ NRW, li hija kollettività territorjali li għandha l-awtonomija tagħha u l-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li jirriżulta mill-Kostituzzjoni Ġermaniża, ikun ipprovat, u li, f’każ ta’ falliment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx meħtieġa, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħha, li tipprovdi assistenza finanzjarja sabiex tkopri d-djun tagħha, l-ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-involviment tal-azzjonisti l-oħra x’aktarx li jtejjeb id-drittjiet tad-detenturi tal-junior notes li jeżegwixxu l-garanzija kkontestata jew li jagħtuhom prijorità fuq detenturi oħra ta’ dejn fil-konfront ta’ dan il-Land.

95      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, li kif issostni l-Kummissjoni, l-għajnuna awtorizzata fid-deċiżjoni kkontestata ngħatat biss mil-Land ta’ NRW, u l-azzjonisti l-oħra ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala persuni li jagħtu parti minn din l-għajnuna.

96      Din il-konklużjoni ma tista’ tiġi invalidata mill-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrent matul is-seduta.

97      Għalhekk, ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni stess kienet iddeskriviet l-azzjonisti l-oħra bħala persuni li jagħtu l-għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata.

98      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jingħad, li l-kwistjoni jekk ir-rikorrent huwiex il-persuna li tagħti l-għajnuna hija kwistjoni oġġettiva, li tiddependi fuq punti ta’ fatt stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrent ma jikkontestax, u mhux mill-evalwazzjoni eventwali ta’ dawn l-elementi magħmula mill-Kummissjoni.

99      It-tieni nett, hemm lok li jiġi osservat li, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tidentifika speċifikament il-persuna li tagħti l-għajnuna. Hekk kif huwa ġustament osserva matul is-seduta, il-Kummissjoni setgħet sempliċement tispjega r-raġunijiet li għalihom kien jidhrilha li l-garanzija kkontestata kienet ġiet mogħtija mill-Istat mir-riżorsi pubbliċi. Peress li l-imputabbiltà tal-Istat tal-garanzija kkontestata u l-eżistenza ta’ trasferiment tar-riżorsi pubbliċi ma ġewx ikkontestati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri amministrattivi, il-kwistjoni jekk l-azzjonisti l-oħra setgħux jiġu kkunsidrati bħala persuna li tagħti l-għajnuna kien għalhekk irrilevanti fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni.

100    It-tielet nett, fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni, huwa ċertament minnu li fl-ewwel inċiż tal-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-garanzija kkontestata hija magħmula, parzjalment, minn “garanzija maħruġa mis-sidien ta’ WestLB skont l-ishma rispettivi tagħhom li jkopru pretensjonijiet sa ammont massimu ta’ €2 biljuni miżmuma minn WestLB kontra Phoenix Light”. Bl-istess mod, fir-raba’ inċiż tal-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li Phoenix Light għandha tħallas “lill-garanti” kummissjoni ta’ garanzija kull sena għall-għoti tal-garanzija kkontestata. Madankollu, il-Kummissjoni fl-istess ħin tikkonstata fit-tielet inċiż tal-premessa 23 ta’ din id-deċiżjoni li huwa l-Land ta’ NRW li ħareġ garanzija għall-junior notes bl-effett li l-junior notes jitqiesu iktar siguri. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet indikat fid-dispożittiv tad-deċiżjoni provviżorja li, jekk pjan ta’ ristrutturazzjoni ma jkunx lilha ppreżentat sat-8 ta’ Awwissu 2008 l-iktar tard, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet sabiex “il-ftehim eżistenti bejn il-Land ta’ NRW u Phoenix Light”, dwar il-garanzija kkontestata, kien ikun revokat (ara l-punti 15 u 22 iktar ’il fuq).

101    Fit-tieni lok, ir-rikorrent sostna matul is-seduta li l-Land ta’ NRW qatt ma ddeċieda li jiggarantixxi l-valur nominali tal-junior notes fl-assenza ta’ involviment tal-azzjonisti l-oħra. Dan l-involviment kien għalhekk kundizzjoni sine qua non tal-garanzija kkontestata.

102    F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li r-rikorrent ma ssostanzja l-affermazzjoni tiegħu bl-ebda prova. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk, fl-assenza ta’ involviment tal-azzjonisti l-oħra, il-Land ta’ NRW iddeċieda li jagħti l-garanzija kkontestata jew le.

103    F’kull każ, l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ir-raġunijiet suġġettivi li wasslu lil-Land ta’ NRW li jaqbel li jkun l-uniku garanti tal-valur nominali tal-junior notes fil-konfront tad-detenturi ta’ dawn ma għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni jekk l-involviment tal-azzjonisti l-oħra għandu vantaġġ sinjifikattiv għall-WestLB u jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat favur dan il-bank.

104    Fit-tielet lok, ir-rikorrent sostna matul is-seduta li l-Land ta’ NRW kien l-uniku garanti tal-valur nominali tal-junior notes minħabba li kien l-unika għażla possibbli minn perspettiva prattika. Skont ir-rikorrent, peress li dawn it-titoli kienu maħsuba sabiex jitqiegħdu fis-swieq finanzjarji internazzjonali, il-garanzija assoċjata għandha tkun sempliċi minn perspettiva legali u ta’ natura li tippermetti lill-investituri, li ma setgħux jidħlu f’analiżi dettaljata f’dak li jirrigwarda tranżazzjonijiet ta’ xiri ta’ dan it-tip ta’ titolu, minn naħa, li jidentifikaw faċilment il-garanti, u, min-naħa l-oħra, li ma jkollhomx jindirizzaw lill-garanti differenti fil-każ li l-garanzija tkun trid tiġi eżegwita.

105    Dwar dan il-punt, mill-ewwel għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li tgħid li l-investituri ma jwettqux analiżi dettaljata f’dak li jirrigwarda x-xiri ta’ titoli fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Din hija allegazzjoni mhux sostanzjata u ftit li xejn plawżibbli, peress li dmir minimu ta’ diliġenza huwa meħtieġ minn kull investitur, u dan b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-investituri li jiddeċiedu li joperaw fis-swieq finanzjarji internazzjonali matul perijodu ta’ kriżi kbira li taffettwa dawn is-swieq.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrent ma jispjegax għalfejn, mill-perspettiva tas-sempliċità għad-detenturi tal-junior notes, għażliet oħra ma humiex ukoll possibbli.

107    Għalhekk, dan l-argument ma jippermettix li jiġi mifhum għalfejn l-għoti ta’ garanzija insolidum tal-azzjonisti kollha fuq parti mill-valur nominali ta’ kull titolu, flimkien ma’ garanzija esklużiva tal-Land ta’ NRW għall-bqija jew sistema ta’ kontra garanziji li permezz tagħhom l-azzjonisti l-oħra jaqblu li jkopru perċentwali mir-responsabbiltà ta’ din il-Land fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ma kienx jippermetti lix-xerrejja ta’ junior notes jidentifikaw faċilment l-garanti ta’ dawn it-titoli u jindirizzaw lil garanti wieħed fil-każ ta’ eżekuzzjoni tal-garanzija. Dawn iż-żewġ sistemi alternattivi, li flimkien magħhom jista’ jkun hemm ftehimiet interni ta’ tqassim tal-ispejjeż ta’ kull eżekuzzjoni eventwali tal-garanzija, jista’ jkollhom, kuntrarjament għall-involviment tal-azzjonisti l-oħra f’din il-kawża, vantaġġ supplimentari għad-detenturi tal-junior notes.

108    Fl-aħħar nett, u f’kull każ, il-kwistjoni jekk is-sistema magħżula mill-azzjonisti sabiex jiggarantixxu l-valur nominali tal-junior notes kienet l-unika sistema possibbli ma għandu l-ebda effett fuq jekk l-involviment tal-azzjonisti l-oħra tax vantaġġ lill-WestLB, benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din il-kwistjoni ma għandha l-ebda effett dwar il-punt jekk dawn l-azzjonisti jistgħux jiġu kkunsidrati bħala persuni li jagħtu l-għajnuna inkwistjoni.

109    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li ma huwiex stabbilit li r-rikorrent huwa kkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata bħala persuna li tagħti l-għajnuna inkwistjoni.

 Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq l-effett ħażin individwali fuq ir-rikorrent bħala azzjonist

110    Ir-rikorrent isostni li huwa kkonċernat individwalment, bħala azzjonist, fid-deċiżjoni kkontestata, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet kollha li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni.

111    Il-Kummissjoni tammetti li r-rikorrent huwa kkonċernat individwalment, bħala azzjonist, mill-obbligu ta’ bejgħ. Madankollu, hija tikkontesta li huwa kkonċernat individwalment mill-kundizzjonijiet l-oħra li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni kkontestata.

112    Skont ġurisprudenza stabbilita, minbarra li tinvoka interess ġuridiku li huwa distint minn dak ta’ impriża kkonċernata minn att tal-Unjoni Ewropea u li fiha hija żżomm parti mill-kapital, persuna ma tistax tiddefendi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ dan l-att ħlief billi teżerċita d-drittijiet ta’ membru ta’ din l-impriża, li min-naħa tagħha għandha d-dritt li tippreżenta rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2000, Euromin vs Il‑Kunsill, T‑597/97, Ġabra p. II‑2419, punt 50, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Marzu 2012, European Goldfields vs Il‑Kummissjoni, T‑261/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 21).

113    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent għandu interess ġuridiku distint minn dak ta’ WestLB f’dak li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

114    Ir-rikorrent isostni li l-interess ġuridiku tiegħu huwa distint minn dak ta’ WestLB, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tordnalu jirrinunzja għad-dritt ta’ proprjetà tiegħu u jaċċetta ristrutturazzjoni radikali ta’ dan il-bank, inkluż tnaqqis tal-bilanċ ta’ 50 %, li jnaqqas sostanzjalment il-valur tal-azzjoni.

115    Hemm lok li l-ewwel nett jingħad, hekk kif il-Kummissjoni stess ammettiet, li r-rikorrent għandu interess ġuridiku distint minn dak ta’ WestLB f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ bejgħ.

116    Fil-fatt, dan l-obbligu jikkonċerna biss lill-azzjonisti, li huma obbligati jirrinunzjaw, f’termini imperattivi, għad-dritt tagħhom ta’ proprjetà fuq il-WestLB sabiex l-għajnuna mogħtija favur dan il-bank, u neċessarja għar-ristrutturazzjoni tagħha, tkun awtorizzata. Il-WestLB, min-naħa l-oħra, ma għandu jwettaq l-ebda azzjoni bis-saħħa ta’ dan l-obbligu, li ma jaffettwax l-assi tiegħu u ma jaffettwax l-aġir tiegħu fis-suq.

117    Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk relatati mat-tnaqqis tal-bilanċ ta’ WestLB, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dawn jirrelataw mal-attività kummerċjali ta’ dan il-bank u l-bejgħ u/jew l-istralċ tal-assi tiegħu. Il-WestLB jista’ jsostni huwa stess kull argument, fil-kuntest ta’ rikors imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata, dwar l-illegalità jew l-assenza ta’ neċessità ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

118    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni tindika, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrent, li d-drittijiet mhux politiċi ta’ azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata Ġermaniża huma limitati minn naħa, għat-tqassim tal-profitti tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, sabiex jirċievu xi bonus fil-każ ta’ stralċ tal-impriża. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, taħt id-dritt Ġermaniż, il-klassifikazzjoni bħala azzjonist ma jagħtix drittijiet fuq l-assi tal-impriża. Il-kundizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-assi totali tal-bilanċ ta’ impriża, konsegwentement ma għandu jaffettwa l-ebda dritt tal-azzjonisti.

119    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-argument imressaq essenzjalment mir-rikorrent, li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni u li eventwalment għandha effett negattiv fuq il-valur tal-azzjoni ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija, huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 112 iktar ’il fuq u għalhekk għandu jiġi miċħud.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata barra mill-obbligu ta’ bejgħ, fosthom dawk dwar it-tnaqqis tal-bilanċ ta’ WestLB, l-interess ġuridiku tar-rikorrent jikkoinċidi ma’ dak ta’ WestLB u, għalhekk, ma huwiex kkonċernat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent huwa kkonċernat individwalment minn din id-deċiżjoni peress li l-awtorizzazzjoni tal-garanzija inkwistjoni kienet suġġetta għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ.

 Talba dwar il-locus standi tar-rikorrent

121    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-rikorrent għandu locus standi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata biss fir-rigward ta’ dak li jirriżulta mill-obbligu ta’ bejgħ.

122    Għalhekk, il-motivi u l-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tat-talba tiegħu għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu eżaminati sa fejn huma intiżi sabiex juru l-illegalità tal-inklużjoni ta’ dan l-obbligu fl-anness ta’ din id-deċiżjoni u għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli għall-bqija.

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent

123    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tad-deċiżjoni finali tal-2011, il-Kummissjoni awtorizzat, bla ħsara għall-osservanza tal-pjan ta’ stralċ, sitt miżuri ta’ għajnuna, minbarra l-garanzija kkontestata. Dawn is-sitt miżuri huma elenkati fl-Artikolu 1(1)(b) sa (g) ta’ din id-deċiżjoni.

124    Il-pjan ta’ stralċ, li jissostitwixxi l-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali, jinvolvi t-tmiem ta’ WestLB u jipprovdi, kif issostni l-Kummissjoni, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrent:

–        il-kollokament ta’ ċerti attivitajiet ta’ WestLB li jiġu magħquda flimkien f’“Verbundbank” (grupp bankarju) li ser jaġixxi bħala fornitur għall-banek tat-tfaddil tal-Land ta’ NRW u tal-Land ta’ Brandenburg u għall-klijenti tagħhom;

–        il-bejgħ ta’ numru kbir ta’ oqsma ta’ attivitajiet u ta’ ishma ta’ WestLB;

–        it-trasferiment permanenti tal-portafolli kollha ta’ WestLB li jkun għad fadal lejn istituzzjoni ta’ stralċ ġdida, imsejħa EAA;

–        l-istabbiliment ta’ bank ta’ servizzi u ta’ ġestjoni ta’ portafolli provviżorjament imsejjaħ SPM Bank sussegwentement Portigon, responsabbli biex jipprovdi servizzi lill-EEA u lill-Verbundbank;

–        il-limitazzjoni tal-liċenzja bankarja universali ta’ WestLB permezz tal-eliminazzjoni ta’ ċerti awtorizzazzjonijiet.

125    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif il-Kummissjoni kkonfermat matul is-seduta, li l-pjan ta’ stralċ jinkludi żmantellar ordnat tal-attivitajiet ta’ WestLB, kif ukoll it-trasferiment ta’ parti minn dawn tal-aħħar lill-Verbundbank, sabiex jiżgura l-kontinwità ta’ ċerti servizzi kkunsidrati bħala strateġiċi għall-banek tat-tfaddil li fir-rigward tagħhom il-WestLB fi żmien il-fatti, fil-kwalità tiegħu ta’ bank ċentrali, kien jiżgura r-rabta mas-swieq finanzjarji globali.

126    Madankollu, il-pjan ta’ stralċ ma jipprevedi la bidla globali fil-kapital azzjonarju ta’ WestLB, qabel l-istralċ tagħha, la l-impossibbiltà għall-azzjonisti li jkollhom ishma ta’ kull xorta, wara dan l-istralċ, fis-suċċessuri ta’ ċerti attivitajiet ta’ WestLB, jiġifieri l-Verbundbank, l-EEA jew il-bank ta’ servizzi u ta’ ġestjoni ta’ portafolli provviżorjament imsejjaħ SPM Bank u sussegwentement Portigon.

127    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrent, minn naħa, li l-Verbundbank ittieħed mill-Helaba fl-1 ta’ Lulju 2012 u, min-naħa l-oħra, li, bis-saħħa tal-ftehim ta’ trasferiment lil din tal-aħħar tal-Verbundbank, ir-rikorrent sar azzjonist tal-Helaba u għalhekk indirettament, koproprjetarju tal-Verbundbank.

128    Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest fattwali li hemm lok li tiġi eżaminata t-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrent tilef l-interess ġuridiku tiegħu fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-2011.

129    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent fid-dawl tas-suġġett tar-rikors għandu jiġi evalwat, taħt piena ta’ inammissibbiltà, fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, l-interess ta’ dan ir-rikorrent li jikseb sodisfazzjon għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L‑Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42).

130    Skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ talba għal annullament meta r-rikorrent ikun tilef l-interess tiegħu fl-annullament tal-att ikkontestat minħabba avveniment li jkun seħħ matul l-istanza, li għandu bħala konsegwenza li l-annullament ta’ dan l-att, fih innifsu, ma jistax ikollu konsegwenzi legali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, T‑475/07, Ġabra p. II‑5937, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Madankollu, hekk kif ir-rikorrent ġustament isostni, rikorrent jista’ jkompli jiġġustifika interess li jikseb l-annullament ta’ att li ġie mħassar, sa fejn it-tħassir ma jwassalx għall-istess effetti legali ta’ annullament eventwali mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma jikkostitwixxix rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, filwaqt li l-annullament tiegħu jipproduċi effett ex tunc (ara s-sentenza Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Barra minn hekk, fil-każ fejn att huwa annullat, l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att hija obbligata tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza timplika. Dawn il-miżuri jinvolvu, b’mod partikolari, it-tneħħija tal-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament. Huwa b’dan il-mod illi l-istituzzjoni kkonċernata tista’ titwassal biex terġa’ tpoġġi, b’mod adegwat, lir-rikorrent fis-sitwazzjoni li fiha kien qabel jew biex tevita li jiġi adottat att identiku (ara s-sentenza Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Kif indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata u għalhekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti flimkien magħha ġew imħassra fid-deċiżjoni finali tal-2011. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx irtirata mill-Kummissjoni. Għalhekk, hija tkompli tipproduċi effetti legali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent għall-perijodu inkluż bejn il-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha u l-mument tat-tħassir tagħha (12 ta’ Mejju 2009-20 ta’ Diċembru 2011). B’mod partikolari, hekk kif ir-rikorrent ġustament isostni, id-deċiżjoni kkontestata, matul dan il-perijodu, issuġġettatu għall-obbligu li jirrinunzja għas-sehem tiegħu fil-WestLB. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, b’mod li dawn tal-aħħar jibqgħu jżommu l-interess ġuridiku tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 70).

134    Essenzjalment, il-Kummissjoni ressqet żewġ argumenti biex tirribatti din il-konklużjoni.

135    L-ewwel nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-obbligu ta’ bejgħ ma ġiex implementat, peress li kien impossibbli li jinsab xerrej għall-WestLB, u ma għadux jidher fil-pjan ta’ stralċ, bir-rikorrent li sar koproprjetarju tal-Helaba u għalhekk tal-Verbundbank. Skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn dan li annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent rigward l-obbligu ta’ bejgħ. Madankollu, ir-rikors ma huwiex ammissibbli f’dak li jirrigwarda dan l-obbligu, peress li r-rikorrent ma seta’ jikseb l-ebda vantaġġ jekk ir-rikors jintlaqa’.

136    F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li r-rikorrent kien suġġett għall-obbligu ta’ bejgħ matul perijodu ta’ iktar minn sentejn. Ċertament, dan l-obbligu ma ġiex eżegwit fil-prattika. Madankollu, ir-rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li kienet suġġetta għal dan l-obbligu.

137    Fil-fatt, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att mhux eżegwit li jaffettwah direttament sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ illegalità mwettqa fir-rigward tiegħu, b’mod li tali konstatazzjoni tkun tista’ sservi bħala bażi ta’ rikors għad-danni eventwali intiż li jikkumpensa b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, T‑299/05, Ġabra p. II‑565, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Hekk huwa f’din il-kawża, peress li r-rikorrent kien sostna spejjeż għall-bejgħ tas-sehem tiegħu fil-WestLB, anki jekk dan il-bejgħ ma jkunx finalment seħħ. Kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, minn naħa, dawn l-ispejjeż jirriżultaw b’mod suffiċjentement dirett mid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, minkejja d-deċiżjonijiet differenti adottati fil-konfront tal-WestLB wara l-kriżi finanzjarja, ma hemm ebda raġuni li jiġi kkunsidrat li jkun impossibbli li tiġi raġonevolment identifikata l-parti tal-ispejjeż minfuqa mir-rikorrent relatata mal-marketing li kellu jwettaq għal dan il-bejgħ.

139    F’dan il-kuntest, ir-rikorrent għad għandu interess li jikkonstata n-natura illegali tad-deċiżjoni kkontestata peress li, minn naħa, din il-konstatazzjoni torbot lill-qorti tal-Unjoni fid-dawl ta’ rikors għad-danni u, min-naħa l-oħra, hija tista’ tikkostitwixxi l-bażi għal diskussjonijiet eventwali barra mill-qrati bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent sabiex jiġi kkumpensat id-dannu allegatament subit minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, punt 137 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni tkun qed issir ammissjoni li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mħassra wara li ġie ppreżentat rikors għal annullament, iżda qabel il-Qorti Ġenerali ma tista’ tiddeċiedi dwar is-sentenza rilevanti, ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju, jekk dawn ma jkunux ġew eżegwiti. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li tali sitwazzjoni hija inkompatibbli mal-ispirtu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li l-qorti tal-Unjoni għandha teżamina l-legalità tal-atti adottati flimkien mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tal-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u tal-atti tal-Parlament intiżi sabiex joħolqu effetti legali għar-rigward ta’ terzi. Fil-fatt, jekk l-Unjoni hija komunità ta’ dritt, la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-trattat u d-dritt li jirriżulta minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, punt 137 iktar ’il fuq, punti 56 u 57).

141    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel argument mressaq mill-Kummissjoni biex jinvalida l-konklużjoni li r-rikorrent għandu interess ġuridiku.

142    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma għadx għandu interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn l-effetti ħżiena kollha tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni setgħu jiġu kkawżati lill-istatus legali tiegħu huma wkoll ikkawżati mid-deċiżjoni finali tal-2011.

143    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni finali tal-2011 ma tikkawżax l-effetti negattivi kollha msemmija fil-punt preċedenti. Għalhekk, din id-deċiżjoni ma teħtieġx obbligu ta’ bejgħ mir-rikorrent u tippermettilu li jżomm l-ishma tiegħu, bħala prinċipju, fl-attivitajiet ta’ WestLB li ġew maqsuma.

144    It-tieni argument imressaq mill-Kummissjoni biex jinvalida l-konklużjoni li r-rikorrent iżomm interess ġuridiku għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent għandu interess ġuridiku. Għaldaqstant, it-talba mressqa mill-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

146    Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata t-talba għall-adattament tal-motivi u tat-talbiet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-2011 ippreżentata mir-rikorrent fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiddetermina li r-rikors fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata ma għadx għandu skop.

2.     Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

147    Ir-rikorrent ressaq tmien motivi insostenn tar-rikors tiegħu. Dawn il-motivi huma bbażati fuq ksur, għall-ewwel motiv, tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, għat-tieni motiv, tal-Artikolu 87(1) KE peress li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-garanzija kkontestata ma ġietx eżaminata, għat-tielet motiv, tal-Artikolu 87(3)(b) KE, għar-raba’ motiv, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għall-ħames motiv, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għas-sitt motiv, tal-Artikolu 295 KE, għas-seba’ motiv, tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) u, għat-tmien motiv, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

148    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-motivi kollha.

149    Kif huwa indikat fil-punt 122 iktar ’il fuq, il-motivi mressqa mir-rikorrent huma biss ammissibbli sakemm dawn huma intiżi sabiex juru l-illegalità tal-inklużjoni tal-obbligu ta’ bejgħ fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata.

150    Ir-rikorrent jinvoka l-illegalità ta’ din l-inklużjoni taħt ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi. Madankollu, fil-kuntest ta’ dawn l-istess motivi, huwa jippreżenta wkoll argumenti dwar il-legalità tal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn l-argumenti huma inammissibbli, huma għandhom mill-ewwel jiġu miċħuda.

151    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-obbligu ta’ bejgħ ma setax jiġi legalment inkluż fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata jekk din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, jew tal-Artikolu 87(3)(b) KE, jew tal-Artikolu 87(1) KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni mill-garanzija kkontestata, li r-rikorrent isostni fil-kuntest, rispettivament, tal-ewwel tliet motivi. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-motivi huma wkoll ammissibbli u għandhom jiġu eżaminati.

152    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat:

–        l-ewwel nett, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità,

–        it-tieni nett, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(b) KE,

–        it-tielet nett, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE,

–        ir-raba’ nett, it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni,

–        il-ħames nett, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikolu 295 KE u tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

153    Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni motiv ċerti argumenti mressqa fit-tmien motiv dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-effetti possibbli fuq il-kompetizzjoni tal-garanzija kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

154    Fir-rikors, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, iżda biss mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli, fiż-żmien tal-fatti, ta’ kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, jiġifieri N. Kroes, u dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità li jirriżulta mill-Artikolu 219 KE u mill-Artikolu 1 tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni [C (2000) 3614] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213).

155    Madankollu, kif ġustament tindika l-Kummissjoni, jidher minn nota tad-Direttur tar-Reġistru tas-Segretarjat tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2009 li, fl-istess jum, tadotta ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (SEC 2009 663/2002), id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mill-Kulleġġ tal-Kummissarji permezz ta’ proċedura bil-miktub, u mhux minn N. Kroes.

156    Fir-replika, ir-rikorrent jammetti li n-nota tad-Direttur tar-Reġistru tas-Segretarjat tal-Kummissjoni msemmi fil-punt preċedenti jikkostitwixxi l-prova tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata permezz tal-proċedura bil-miktub. Madankollu, huwa jsostni dan il-motiv u jippreżenta żewġ allegazzjonijiet ġodda (iktar ’il quddiem l-“allegazzjonijiet ġodda”).

157    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-proċedura bil-miktub “normalment tinkludi biss ħamest ijiem”. Madankollu, il-Kummissjoni ttrażmettiet il-verżjoni bil-Ġermaniż tad-deċiżjoni kkontestata lill-WestLB fis-6 ta’ Mejju 2009. Skont ir-rikorrent, jirriżulta minn żewġ ittri bil-posta elettronika tal-Kummissjoni tas-6 u tas-7 ta’ Mejju 2009 li t-test ta’ din id-deċiżjoni nbidel fis-7 ta’ Mejju 2009. Ir-rikorrent isostni li għalhekk ma jistax jifhem “liema test ġie adottat [permezz tal-proċedura bil-miktub] u meta dan ġie ppreżentat”. Huwa talab lill-Kummissjoni “tipprovdi l-kjarifiki neċessarji” f’dan ir-rigward.

158    It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li “l-prova tat-tħejjija ta’ proċedura bil-miktub ma tispjegax […] ir-raġuni għalfejn deċiżjoni li għandha tiġi ppreżentata […] fil-laqgħa tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 ġiet imressqa hekk malajr b’ġurnata”. Huwa jindika li jirriżulta minn posta elettronika mill-Ministeru tal-Ekonomija Ġermaniż tal-11 ta’ Mejju 2009 li din il-bidla ġiet deċiża mill-Kummissjoni “sabiex ittaffi l-jum tal-Erbgħa fejn kien hemm diġà numru ta’ deċiżjonijiet x’jittieħdu”. Ir-rikorrent iddeduċa minn dan li kien previst li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata matul il-laqgħa tat-13 ta’ Mejju 2009 u mhux permezz tal-proċedura bil-miktub. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li din il-proċedura mhux intiża biex tintuża għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-ġestjoni attwali. L-użu tagħha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tinvolvi obbligu ta’ bejgħ huwa għalhekk eskluż.

159    Il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjonijiet il-ġodda huma inammissibbli, peress li din tkun introduzzjoni ta’ motivi ġodda fl-istadju tar-risposta. F’kull każ, dawn l-allegazzjonijiet huma manifestament infondati.

160    Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati u li l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċeduri (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/04, Ġabra p. II‑573, punt 164).

161    Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39, u tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il‑Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punt 34).

162    Ir-rikorrent ma jikkontestax iktar id-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma ġietx adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, kif kien argumentat fir-rikors. Madankollu, permezz tal-allegazzjonijiet il-ġodda, huwa jkompli jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx realment jew validament meħuda mill-Kulleġġ tal-Kummissarji. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li hemm rabta suffiċjenti bejn il-motiv inizjali u l-allegazzjonijiet il-ġodda, sabiex ikunu ammissibbli.

163    Għalhekk hemm lok li jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet il-ġodda fuq il-mertu.

164    Permezz tal-ewwel fost l-allegazzjonijiet il-ġodda, ir-rikorrent essenzjalment isostni, minn naħa, li l-verżjoni finali tad-deċiżjoni kkontestata ma ġietx ikkomunikata lill-membri tal-Kummissjoni fi żmien xieraq u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha tindika jekk il-verżjoni finali tad-deċiżjoni kkontestata ġietx fil-fatt adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub.

165    Fir-rigward tal-ewwel domanda, hemm lok li jingħad li r-rikorrent sempliċement jindika li l-proċedura bil-miktub “normalment tinkludi biss ħamest ijiem” u l-Kummissjoni bidlet it-test tad-deċiżjoni kkontestata sas-7 ta’ Mejju 2009. Madankollu, l-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, li jipprovdilha l-possibbiltà li tadotta proposta minn wieħed jew iktar mill-membri tagħha permezz ta’ proċedura bil-miktub, ma jiffissax terminu sabiex il-membri tal-Kummissjoni jiddisponu minn test tal-proposta kkonċernata qabel din tkun tista’ tiġi adottata. It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement tipprovdi li “it-test tal-proposta għandu jitqassam bil-miktub lill-Membri tal-Kummissjoni […] flimkien ma’ stipulazzjoni li tindika l-perjodu ta’ żmien li fih il-Membri għandhom jistqarru jekk xtaqux jagħmlu xi riservi jew emendi”.

166    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni indikat fil-kontroreplika, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrent, li l-bidliet fit-test kienu biss korrezzjonijiet żgħar fil-verżjoni Ġermaniża meta mqabbla mal-verżjoni tal-lingwa tax-xogħol użata, jiġifieri l-Ingliż.

167    Konsegwentement, l-affermazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata billi ngħata terminu wisq qasir għall-eżami tal-membri tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

168    Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, huwa biżżejjed li jiġi rilevat li l-Kummissjoni diġà ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata, fil-verżjoni finali tagħha, permezz tal-proċedura bil-miktub, tat-12 ta’ Mejju 2009. Dan ġie kkorroborat minn nota tad-Direttur tar-Reġistru tas-Segretarjat tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 155 iktar ’il fuq u ma ġiex ikkontestat mir-rikorrent.

169    Għalhekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-allegazzjonijiet il-ġodda bħala infondata.

170    Permezz tat-tieni fost l-allegazzjonijiet il-ġodda, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-proċedura bil-miktub ma setgħetx tintuża sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din il-proċedura hija rriżervata għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jsiru mill-ġestjoni attwali.

171    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mqabbel l-ifformular tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, bis-saħħa ta’ liema l-proċeduri, rispettivament, ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ delegazzjoni, huma riservati għat-teħid ta’ miżuri ta’ ġestjoni jew amministrattivi, bl-ifformular tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, li ma fihx tali limitazzjoni fir-rigward tal-proċedura bil-miktub.

172    Kuntrarjament għal dak li r-rikorrent josserva, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata min-nota ta’ spjega tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni li jinsabu fis-sit internet ta’ din, li r-rikorrent annetta mar-replika. Hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni, din in-nota ma għandha ebda forza legali li torbot, kif indikat fit-test innifsu. Barra minn hekk, huwa msemmi f’din in-nota ta’ spjega li “[l-proċedura bil-miktub, il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u l-proċeduri ta’ delegazzjoni] huma, fil-parti l-kbira tal-każijiet, maħsuba sabiex itaffu lill-Kulleġġ minn deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ kwistjonijiet kurrenti u li ma jeħtiġux dibattitu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li ma jfissirx li l-proċedura bil-miktub hija eskluża mill-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li ma jikkonċernawx kwistjonijiet kurrenti.

173    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni fost l-allegazzjonijiet il-ġodda huwa wkoll infondat.

174    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(b) KE

175    Ir-rikorrent ifakkar li l-Kummissjoni awtorizzat l-għoti tal-garanzija kkontestata favur WestLB bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE u jsostni li hija għamlet żball fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

176    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreżenta numru ta’ argumenti li jistgħu jinqasmu f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda ta’ natura prinċipali u t-tieni waħda ta’ natura sussidjarja. Dawn il-partijiet huma bbażati, rispettivament, mill-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE kien simili għal dak tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u għal dak tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u mill-fatt li l-Kummissjoni imponiet fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod żbaljat, kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-Linji gwida mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

 Fuq l-ewwel parti, ippreżentata prinċipalment, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE kien simili għal dak tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u għal dak tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni

177    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni, meta eżaminat il-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE, ikkunsidrat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni kien simili għal, minn naħa, dak tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u, min-naħa l-oħra, dak tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Dan kien jikkostitwixxi żball serju ta’ evalwazzjoni.

178    Essenzjalment, ir-rikorrent jippreżenta żewġ ilmenti insostenn ta’ din il-parti, li l-Kummissjoni tikkontesta. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-għan intiż sabiex jiġi rrimedjat taqlib fl-ekonomija ta’ Stat Membru huwa dejjem konformi mal-interess komuni. It-tieni lment huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żewġ żbalji magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, rispettivament, billi kisret l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE, sa fejn hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, u billi ma ssuġġettatx l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata, f’kull każ, għall-kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk li jistgħu jkunu meħtieġa fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

–       Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-fatt li l-għan intiż sabiex jiġi rrimedjat taqlib fl-ekonomija ta’ Stat Membru huwa dejjem konformi mal-interess komuni

179    Ir-rikorrent jqis li l-għan tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, fil-każijiet previsti mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, huwa li jgħin impriża li hija f’diffikultà f’ambjent ekonomiku b’saħħtu. L-eżistenza ta’ dan l-ambjent huwa r-raġuni għaliex, minn naħa, l-għajnuna li tista’ tfixkel il-kundizzjonijiet kummerċjali f’miżura kuntrarja għall-interess komuni ma tistax tiġi awtorizzata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-għajnuna awtorizzata jkunu minimizzati. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE huwa li jiġi rrimedjat taqlib fl-ekonomija kollha. Dan huwa dejjem konformi mal-interess komuni kif ukoll huwa kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta’ kompetizzjoni vijabbli. Ir-rikorrent jikkonkludi li l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna koperta minn din id-dispożizzjoni ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjonijiet intiżi li jipproteġu l-kompetizzjoni.

180    Dwar dan il-punt, hemm lok li l-ewwel nett jingħad, li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tal-garanzija kkontestata kien li jippermetti r-ristrutturazzjoni ta’ WestLB, li, minħabba l-importanza sistemika ta’ dan, kien neċessarju sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija Ġermaniża kkawżat minn kriżi finanzjarja serja, li r-rikorrent ma jikkontestax.

181    Barra minn hekk, sa fejn dan l-ilment jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni, wara li kkonstatat li l-garanzija kkontestata intiża sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija Ġermaniża, kienet obbligata tikkunsidraha kompatibbli mas-suq komuni u ma setgħetx tissuġġetta l-awtorizzazzjoni għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet, hemm lok li l-ewwel nett jingħad li jirriżulta mill-ifformular tal-istess Artikolu 87(3)(b) KE li l-Kummissjoni, meta tikkonstata, bħal f’din il-kawża, li għajnuna mill-Istat hija maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, ma hijiex, minn dan il-fatt biss, obbligata li tikkunsidra li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni.

182    Fil-fatt, b’differenza mill-għajnuna li tirriżulta mill-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat prevista mill-Artikolu 87(2) KE, li, skont din id-dispożizzjoni, “tkun” ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, l-Artikolu 87(3) KE jipprovdi li ċerti kategoriji ta’ għajnuna, inklużi dawk maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib fl-ekonomija ta’ Stat Membru, “[jistgħu jkunu]” kkunsidrati bħala kompatibbli ma’ dan is-suq.

183    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 87(3) KE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u ta’ ordni soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 24; tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I‑135, punt 18).

184    Għalhekk, id-differenza fil-formulazzjoni enfasizzata mir-rikorrent bejn l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li jippermetti li tiġi awtorizzata ċerta għajnuna basta dik l-għajnuna “ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, u l-Artikolu 87(3)(b) KE, li ma jipprovdix tali kundizzjoni, ma jwassalx għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma tistax tevalwa l-impatt ta’ għajnuna awtorizzata bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fuq is-suq jew is-swieq rilevanti fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, Ġabra p. II‑1971, punti 138 sa 143; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 183 iktar ’il fuq, punt 17).

185    Fl-aħħar nett, il-kompetenza tal-Kummissjoni, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, sabiex tiddeċiedi li għajnuna inkompatibbli mat-termini tal-Artikolu 87 KE għandha tkun “emendata” neċessarjament jimplika li deċiżjoni li tawtorizza għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw li l-għajnuna awtorizzata ma tbiddilx il-kundizzjonijiet kummerċjali b’mod li jmur kontra l-interess komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il‑Kummissjoni, T‑244/93 u T‑486/93, Ġabra p. II‑2265, punti 53 sa 55).

186    Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 87(3)(b) KE ma jostakolax lill-Kummissjoni milli tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-kundizzjonijiet.

187    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet jista’ jkollhom l-għan li jikkoreġu l-effetti tal-għajnuna awtorizzata fuq il-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li jirriżulta mill-premessi 68 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw l-obbligu ta’ bejgħ, u tal-pożizzjoni tagħhom fi ħdan tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali u li jippermetti li tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil li l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata ma kinitx suġġetta għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ sabiex jiġu mminimizzati l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni, iżda sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WestLB.

188    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żewġ żbalji magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, rispettivament, billi kisret l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE, sa fejn hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u billi ma ssuġġettatx l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata, f’kull każ, għall-kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk li jistgħu jkunu meħtieġa fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

189    Minn naħa, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE, meta eżaminat il-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, anki jekk kienet ikkunsidrat li din il-garanzija setgħet tirrimedja għal taqlib fl-ekonomija Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(b) KE għandha, f’kull każ, tkun suġġetta għal kundizzjonijiet inqas stretti mill-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

190    Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punt 183 iktar ’il fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fil-qasam tal-Artikolu 87(3) KE. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu għaldaqstant ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il‑Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    Fil-kuntest ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Kummissjoni hija fondata meta tibbaża ruħha fuq il-kriterji li hija tqis l-iktar xierqa sabiex tevalwa jekk għajnuna tistax titqies kompatibbli mas-suq komuni, sakemm dawn huma rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 3(g) KE u tal-Artikolu 87 KE, kif ukoll li tippreċiża dawn il-kriterji f’linji gwida konformi mat-Trattat. L-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ tali linji gwida jirriżulta mill-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u jeħtieġ biss limitu minnha stess għal din is-setgħa fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fl-evalwazzjoni ta’ għajnuna individwali fid-dawl tal-linji gwida adottati minnha qabel, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew li tirrinunzja għal dawn. Minn naħa, hija jibqgħalha s-setgħa li tħassar jew li timmodifika dawn il-linji gwida jekk iċ-ċirkustanzi hekk jimponu. Min-naħa l-oħra, dawn il-linji gwida jirrigwardaw settur definit u huma motivati mill-intenzjoni li tiġi segwita politika li ġiet iddeterminata minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 89).

192    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jingħad li l-Kummissjoni kienet informat lill-Istati Membri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bil-linji gwida li hija kellha l-intenzjoni tapplika, bis-saħħa tas-setgħat lilha mogħtija mill-Artikoli 87 KE et seq, għall-għajnuna mogħtija favur istituzzjonijiet finanzjarji minħabba l-kriżi finanzjarja. Dan kien b’mod partikolari s-suġġett tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata.

193    Jirriżulta mill-punt 10 ta’ din il-komunikazzjoni li l-kompatibbiltà mas-suq komuni, bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE, tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri minħabba fil-kriżi finanzjarja għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, anki jekk iċ-“ċirkostanzi ta’ bħalissa” jistgħu jiġġustifikaw l-approvazzjoni ta’ ċerti miżuri eċċezzjonali. Fl-applikazzjoni tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk osservat il-limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li hija kienet imponiet fuqha stess iktar qabel.

194    Fit-tieni lok, hemm lok li jingħad li r-rikorrent ma pprovda l-ebda raġuni li tipprova li l-kriterji stipulati fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala l-iktar xierqa sabiex jiġi evalwat jekk l-għajnuna mogħtija minħabba l-kriżi finanzjarja tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, ma humiex rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 3(g) KE u tal-Artikolu 87 KE, fir-rigward tal-għajnuna kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

195    Barra minn hekk, dawn il-linji gwida jistgħu jiġu kkunsidrati, bħala prinċipju, xierqa sabiex tiġi evalwata il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, b’mod partikolari jekk il-benefiċjarji huma, bħal f’din il-kawża, banek ta’ importanza sistematika li l-vijabbiltà ekonomika tagħha kienet kompromessa sal-punt li tipperikola l-eżistenza tagħhom.

196    Għalhekk, minn naħa, il-fatt li tali għajnuna hija neċessarja sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju f’ekonomija ma jfissirx li ma tistax titqies bħala għajnuna favur impriża f’diffikultà, fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li jgħid li tali impriża ma hijiex kapaċi, bir-riżorsi proprji tagħha jew b’fondi li tista’ tikseb mis-sidien-azzjonisti jew mill-kredituri tagħha, li twaqqaf telf li, fl-assenza ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha ċertament għall-mewt ekonomiku kważi f’terminu ta’ żmien qasir jew medju. Bħala prinċipju, bank li l-vijabbiltà ekonomika tiegħu tkun kompromessa sal-punt li tipperikola l-eżistenza tiegħu jista’ jitqies bħala impriża f’diffikultà.

197    Min-naħa l-oħra, il-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jeħtieġu, sabiex jikkunsidraw għajnuna għar-ristrutturazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, li l-benefiċjarju jkun suġġett għal pjan ta’ ristrutturazzjoni li jippermetti li jiġi stabbilit f’terminu raġonevoli l-vijabbiltà tiegħu fuq perijodu ta’ żmien twil, li flimkien mal-għajnuna jittieħdu miżuri intiżi sabiex tiġi evitata kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni u li tkun limitata għall-minimu tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni (rispettivament, paragrafi 35 sa 37, 38 sa 42 u 43 sa 45 ta’ dawn il-linji gwida). Madankollu, il-Kummissjoni hija intitolata li teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mogħtija lill-banek ta’ importanza sistemika, minħabba fil-kriżi finanzjarja, tkun suġġetta għall-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, anki fil-każ fejn l-għajnuna hija maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

198    L-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li jippermetti li jistabbilixxi mill-ġdid f’terminu raġonevoli l-vijabbiltà ta’ dawn il-banek fuq perijodu ta’ żmien twil, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, fondata li tikkunsidra li r-ristrutturazzjoni ta’ bank ta’ importanza sistematika li l-vijabbiltà tiegħu ma hijiex żgurata ma tistax tikkontribwixxi sabiex jiġi rrimedjat fit-tul it-taqlib ikkawżat fl-ekonomija ta’ Stat Membru mid-diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħu magħhom dan il-bank jew is-settur finanzjarju kollu kemm hu. Fil-fatt, dan il-bank diffiċilment jista’ jeżerċita l-attivitajiet normali tiegħu, peress li r-relazzjonijiet mal-klijenti tiegħu, kredituri u msieħba huma negattivament effettwati mill-inċertezza tal-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu u mill-fraġiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tiegħu. Minħabba l-importanza sistemika ta’ dan il-bank, l-impossibbiltà li jeżerċita normalment dawn l-attivitajiet jista’ jkollu effett negattiv fuq is-sistema finanzjarja nazzjonali kollha li tista’ tiġi trażmessa lill-ekonomija kollha.

199    Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit li flimkien mal-għajnuna jittieħdu miżuri intiżi sabiex tiġi evitata kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ għajnuna fuq is-suq jew is-swieq rilevanti u, b’mod partikolari tal-effett tiegħu fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali, li l-Kummissjoni għandha timplementa meta tapplika l-Artikolu 87(3)(b) KE, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti prevedibbli tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AITEC et vs Il‑Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punti 138 sa 143). Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tissuġġetta għajnuna għar-ristrutturazzjoni għall-osservanza tal-kundizzjonijiet intiżi sabiex jitnaqqas l-effett ta’ din l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni.

200    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rekwiżit li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni, għandu jiġi osservat li, bħala dispożizzjoni li tintroduċi derogi, l-Artikolu 87(3)(b) KE għandu jiġi interpretat restrittivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punt 98). Għalhekk, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni tinjora din id-dispożizzjoni meta tiddeċiedi li tippermetti biss l-għajnuna, li hija limitata għall-minimu meħtieġ biex ikun żgurat ir-ristrutturazzjoni tal-benefiċjarju sabiex ikun jista’ jiżviluppa biżżejjed l-attivitajiet tiegħu sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija.

201    It-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jipprovdu ċerti kriterji speċifiċi applikabbli għas-settur bankarju [ara l-paragrafu 6 tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u n-nota ta’ qiegħ il-paġna msemmija fil-paragrafu 25(a) tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni].

202    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet intitolata, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tapplika l-Artikolu 87(3)(b) KE filwaqt li teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija favur banek f’diffikultà ta’ importanza sistemika fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

203    Għalhekk, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tapplika, f’din il-kawża, il-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, hemm lok li jiġi eżaminat jekk setgħetx tikkunsidra, minn naħa, li l-WestLB kien bank f’diffikultà ta’ importanza sistematika u, min-naħa l-oħra, li huwa kien ibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-għan immedjat tal-garanzija kkontestata kienu li jiġi evitat l-effett negattiv tad-degradazzjoni tal-valur tas-suq tal-portafoll ta’ EUR 23 biljun fuq il-bilanċ ta’ WestLB. Il-partijiet essenzjalment jindikaw li, jekk din il-miżura, jew kull miżura oħra ta’ għajnuna ta’ effett ekwivalenti, ma kinitx ġiet adottata, il-WestLB kien jesperjenza diffikultajiet finanzjarji serji ta’ natura li jipperikolaw il-kontinwità tas-servizzi bankarji tiegħu fi żmien qasir u saħansitra twassal għat-tmiem tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra mingħajr ma twettaq żball li l-WestLB kien jikkostitwixxi impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li hija kienet diġà indikat fil-premessi 44 u 45 tad-deċiżjoni provviżorja, u li ma ġiex ikkontestat, la mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u lanqas mir-rikorrent.

205    Kuntrarjament għal dak li r-rikorrent isostni matul is-seduta, il-fatt li l-garanzija kkontestata ngħatat minn azzjonist ta’ WestLB ma jfissirx li dan il-bank ma jistax jitqies bħala impriża f’diffikultà, fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

206    Fil-fatt, kieku l-argument tar-rikorrent jiġi ammess dan jostakola sistematikament li parti kbira mill-impriżi pubbliċi jiġu kklassifikati bħala impriżi f’diffikultà. Madankollu, huwa ċar li l-għan tal-paragrafu 9 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ma huwiex li jeskludi l-impriżi pubbliċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, iżda li jiddistingwi bejn l-impriżi li ma humiex kapaċi li jiżguraw l-kontinwità tagħhom fl-assenza tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, peress li dawn ikunu kklassifikati bħala impriżi f’diffikultà, mill-impriżi li għalihom tali għajnuna ma tkunx neċessarja.

207    Għalhekk, il-fatt li l-garanzija kkontestata ngħatat minn azzjonist ta’ WestLB ma għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni jekk dan seta’ jitqies bħala impriża f’diffikultà. L-unika kwistjoni rilevanti f’dan ir-rigward huwa jekk dan il-bank seta’ jegħleb id-diffikultajiet ekonomiċi tiegħu fl-assenza ta’ sostenn pubbliku li jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, kwistjoni li ma ġietx imqajma mir-rikorrent.

208    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrent innifsu sostna li l-WestLB kellha importanza sistemika għall-ekonomija Ġermaniża.

209    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrent ma kkontestax li l-istabbiliment tal-istituzzjoni ta’ stralċ tista’ titqies bħala ristrutturazzjoni ta’ WestLB jew li l-garanzija kkontestata tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

210    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni seta’ jkun effettwat fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

211    Għalhekk, sa fejn l-argumenti tar-rikorrent jistgħu jiġu interpretati bħala li jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

212    F’kull każ, għandu jiġi osservat li, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, din ma eżaminatx biss l-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jinsabu fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Jirriżulta mill-punti 63 u 76 sa 79 ta’ din id-deċiżjoni li l-Kummissjoni rrinunzjat għar-rekwiżit li l-WestLB jipprovdi kontribuzzjoni ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni, anki jekk din il-kontribuzzjoni minima kienet, bħala prinċipju, prevista fil-paragrafu 44 ta’ dawn il-linji gwida għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi l-kbar. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba fid-dejn estern ta’ WestLB, ikun prattikament impossibbli li jintlaħaq dan l-għan ta’ kontribuzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li seta’ ma jkunx xieraq fil-kuntest ta’ kriżi finanzjarja sistemika li teħtieġ kontribuzzjoni kkwantifikata b’mod preċiż mingħand WestLB.

213    Konsegwentement, l-għażla tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għoti tal-garanzija kkontestata favur WestLB bis-saħħa tad-deroga għall-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat prevista mill-Artikolu 87(3)(b) KE kellha l-effett li l-awtorizzazzjoni tkun suġġetta għal ċerti aspetti għal kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk normalment previsti mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, kuntrarjament għal dak li r-rikorrent essenzjalment isostni.

214    It-tieni lment, għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

215    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tiġi miċħuda din il-parti.

 Fuq it-tieni parti, ippreżentata sussidjarjament, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni imponiet fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod żbaljat, kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni flimkien mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE

216    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata anki jekk id-derogi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(3)(b) u (c) KE kellhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom l-istess għan, peress li l-Kummissjoni imponiet f’din id-deċiżjoni kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti bl-applikazzjoni tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jipproduċi tabella komparattiva ta’ ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni qabel u matul il-kriżi finanzjarja dwar l-għajnuna favur diversi banek. Skont ir-rikorrent, jirriżulta minn din it-tabella li l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża sabiex jiġi evitat taqlib fl-ekonomija kienet suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti milli l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża sabiex jiġi evitat falliment f’ambjent ekonomiku b’saħħtu. Ir-rikorrent josserva li, fl-ebda każ elenkat f’din it-tabella, minbarra dak ta’ WestLB, il-Kummissjoni ma talbet għal bdil tal-azzjonisti tal-benefiċjarju.

217    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

218    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li t-tabella komparattiva pprovduta mir-rikorrent tirrifletti, għal kull deċiżjoni, it-tnaqqis tal-bilanċ tal-benefiċjarju tal-għajnuna kkonċernata li għaliha l-Kummissjoni ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tagħha. Skont ir-rikorrent, minn naħa, ċerti deċiżjonijiet ittieħdu bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE u oħrajn bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni applikat fil-każijiet kollha l-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li din tal-aħħar ma tikkontestax.

219    Madankollu, kif enfasizzat ġustament mill-Kummissjoni, din it-tabella ma tippermettix li jiġi evalwat l-isfond fattwali u legali li fihom jingħataw l-għajnuna u lanqas ir-raġunament segwit minnha f’kull każ. Lanqas ma dan jippermetti li tiġi evalwata in-natura iktar jew inqas stretta tal-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni tissuġġetta kull awtorizzazzjoni, u lanqas id-derogi mill-prinċipji stabbiliti fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni li l-Kummissjoni awtorizzat. Għalhekk, l-informazzjoni f’din it-tabella ma turix li l-Kummissjoni rrinunzjat milli titlob lil WestLB għal kontribuzzjoni ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni, anki jekk din ir-rinunzja trid tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura iktar jew inqas stretta tal-kundizzjonijiet li għalihom il-Kummissjoni ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata. Għalhekk hemm lok li f’din il-kawża titnaqqas l-importanza tal-konklużjonijiet li wasal għalihom ir-rikorrent minn din it-tabella.

220    It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ bejgħ, ir-rikorrent ma jispjegax b’liema mod din il-kundizzjoni hija iktar strinġenti minn dawk li jistgħu jiġu imposti bis-saħħa tal-applikazzjoni flimkien tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

221    F’kull każ, in-natura u l-importanza tal-kundizzjonijiet li għalihom deċiżjoni tista’ tkun suġġetta, sabiex tiżgura li l-benefiċjarju jkun vijabbli fuq perijodu ta’ żmien twil, bilfors jiddependu fuq is-sitwazzjoni ekonomika tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati kif ukoll tad-diffikultajiet ekonomiċi li jiffaċċja l-benefiċjarju.

222    Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma hemm xejn li jeskludi li dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx ikunu iktar stretti f’ċerti aspetti, meta l-għajnuna ġiet mogħtija lil bank fil-kuntest ta’ kriżi finanzjarja serja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ suq fil-biċċa ’l kbira dgħajjef, jista’ jkun neċessarju li titnaqqas l-istruttura u l-profil tar-riskju ta’ impriża f’diffikultà sabiex tiġi ggarantita s-sopravvivenza tagħha, mingħajr ma jiġi eskluż li din tkun marbuta li titlob bidla fl-azzjonisti tagħha.

223    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

224    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni u lanqas ma indikat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom din il-garanzija toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni

225    Ir-rikorrent isostni li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova tal-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni, u lanqas ma indikat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom din il-garanzija kkawżat distorsjoni tal-kompetizzjoni. Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

226    F’dan il-kuntest, għandu jiġi wkoll eżaminat f’dan l-istadju, l-argument imressaq mir-rikorrent fit-tmien motiv, li jgħid li “d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed, peress li ma tindikax jekk hemmx, u x’inhi n-natura[,] tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-[garanzija kkontestata], f’settur finanzjarju kkaratterizzat mill-falliment tas-suq u mill-għajnuna pubblika mogħtija mill-Istati Membri sa EUR 3 000 biljun”.

227    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

228    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna li għandha impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni hija marbuta mhux li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna hijiex kapaċi taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 111).

229    Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx ipproduċiet fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-garanzija kkontestata ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 87(1) KE u lanqas ksur tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. L-uniċi mistoqsijiet rilevanti huma jekk, minn naħa, il-Kummissjoni indikatx f’din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet li għalihom din il-garanzija setgħetx tikkawża tali distorsjoni u, min-naħa l-oħra, skont il-każ, jekk ir-rikorrent kienx wera li dawn ir-raġunijiet kienu żbaljati.

230    L-ewwel nett, hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel waħda minn dawn il-mistoqsijiet, dwar il-motivazzjoni, u, barra minn hekk, it-tieni waħda, fuq il-mertu.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni

231    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew il-persuni l-oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatti u ta’ liġi kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66).

232    Meta applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna, il-prinċipju msemmi fil-punt preċedenti jeżiġi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, anki fil-każijiet fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna li hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha almenu ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 15; tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 52, u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 98).

233    Madankollu, fejn deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat ġiet adottata f’kuntest magħruf sew lill-gvern ikkonċernat u li taqa’ taħt prassi deċiżjonali stabbilita, b’mod partikolari fir-rigward ta’ din tal-aħħar, tali deċiżjoni tista’ tiġi mmotivata b’mod sommarju (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, C‑150/09 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    Id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex motivazzjoni speċifika dwar il-kwistjoni jekk il-garanzija kkontestata kienet tali li tfixkel il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 52 ta’ din id-deċiżjoni, is-segwenti:

“Il-[garanzija kkontestata] hi kontinwazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ mogħtija mis-sidien [mill-azzjonisti]. Kif iddeċidiet il-Kummissjoni fid-[deċiżjoni provviżorja] tagħha tat-30 t’April tal-2008, il-[garanzija kkontestata] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] ma tinnegax dan.”

235    Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kwalifika tal-garanzija kkontestata ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u, għaldaqstant, neċessarjament, dwar il-kwistjoni jekk din il-garanzija kienet tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni tirreferi għal dik fid-deċiżjoni provviżorja, kif ir-rikorrent stess indika.

236    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tillimita ruħha għal riferiment għall-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni provviżorja.

237    Dwar dan il-punt, hemm lok li jiġi indikat li fid-digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Iride”) fejn il-Kummissjoni tillimita ruħha, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat, li tindika li “kkonstatat li l-miżura inkunsiderazzjoni [għandha] tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat” (ara d-digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, moqri fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Frar 2009, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, T‑25/07, Ġabra p. II‑245, punt 67, li tat lok, fl-appell, lil dan id-digriet).

238    Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet din il-motivazzjoni suffiċjenti billi bbażat fuq żewġ elementi. Minn naħa, li l-gvern ikkonċernat kien fih innifsu, fin-notifika tiegħu, ikkwalifika l-miżura bħala għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, il-kuntest legali u fattwali tad-deċiżjoni Iride tinkludi deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat favur benefiċjarju ieħor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ENEL”), li hija suffiċjentement immotivata u li seħħet f’kuntest fattwali u legali relatat u simili biżżejjed (digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punti 24 u 26).

239    Għandu jiġi nnotat li ż-żewġ elementi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fid-digriet Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, sabiex tikkunsidra li d-deċiżjoni Iride kienet biżżejjed motivata, jinsabu f’din il-kawża.

240    Minn naħa, meta fil-11 ta’ April 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni notifika kumplimentari dwar l-istituzzjoni ta’ stralċ u talbet l-awtorizzazzjoni provviżorja għall-istabbiliment ta’ din l-istruttura, hija ammettiet li din tinvolvi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur WestLB (premessi 4 u 25 tad-deċiżjoni provviżorja). Madankollu, ma jirriżultax mill-fajl li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat sussegwentement id-deċiżjoni provviżorja peress li l-garanzija kkontestata kienet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

241    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni provviżorja jikkonċernaw it-tnejn kemm huma l-istess miżura statali (l-garanzija kkontestata), l-istess benefiċjarju (il-WestLB) u l-istess għan (li jiġi evitat li l-WestLB huwa mġiegħel iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu minħabba fid-degradazzjoni tal-valur tas-suq tal-portafoll ta’ EUR 23 biljun fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja). F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet seħħew f’kuntest fattwali u legali relatat u simili biżżejjed.

242    Għandu jiġi osservat, fl-aħħar nett, li, peress li kienu għaddew 23 xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ENEL (1 ta’ Diċembru 2004) u mill-adozzjoni tad-deċiżjoni Iride (8 ta’ Novembru 2006), iż-żmien li għadda bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni provviżorja (30 ta’ April 2008) u d-deċiżjoni kkontestata (12 ta’ Mejju 2009) huwa ta’ 12-il xahar u 12-il jum.

243    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet sempliċement tillimita ruħha sabiex tirreferi għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat li hija kienet għamlet fid-deċiżjoni provviżorja.

244    Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni provviżorja hijiex motivata biżżejjed f’dan ir-rigward.

245    Din il-motivazzjoni tinsab fil-punt 30 tad-deċiżjoni provviżorja, li huwa fformulat kif ġej:

“[I]l-Kummissjoni tikkonstata li [l]-WestLB għandha attivitajiet transkonfinali u internazzjonali, b’tali mod li kull vantaġġ li jirriżulta mir-riżorsi tal-Istat ifixkel il-kompetizzjoni fis-settur bankarju u jeffettwa il-kummerċ intra-Komunitarju (deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑50/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2007, BAWAG, li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 127).”

246    Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni provviżorja għandha tiġi kkompletata minn dik fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2007, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 50/2006 (eks NN 68/2006, CP 102/2006) tal-Awstrija favur il-BAWAG‑PSK (ĠU 2008, L 83, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni BAWAG‑PSK”), li għaliha tirreferi l-Kummissjoni. Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni stess indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, hija kienet għamlet żball tal-pinna fil-premessa 30 tad-deċiżjoni provviżorja billi rreferiet għall-premessa 127 tad-deċiżjoni BAWAG‑PSK, li ma tikkonċernax il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna msemmija minn din l-aħħar deċiżjoni setgħetx tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-eżami ta’ din il-kwistjoni jinsab attwalment fil-premessi 121 sa 125 tad-deċiżjoni BAWAG‑PSK, li huma fformulati kif ġej:

“121. L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jipprojbixxi għajnuna li tinfluwenza l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni.

122. Il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-apprezzament legali tagħha, ma tridx turi effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawwiġ tal-kompetizzjoni reali, iżda sempliċement jekk l-għajnuna tintużax biex tinfluwenza dan il-kummerċ u biex tgħawweġ il-kompetizzjoni. Jekk l-għajnuna ta’ Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ intrapriża fil-konfront ta’ kompetituri oħra fil-kummerċ ġol-Komunità, il-kompetittività tagħhom trid titqies bħala waħda influwenzata mill-għajnuna.

123. Il-Kummissjoni tfakkar li s-settur bankarju ilu miftuħ għall-kompetizzjoni għal ħafna snin. Il-kompetizzjoni, li possibilment kienet diġà teżisti minħabba l-moviment tal-kapital ħieles ipprovdut fit-Trattat tal-KE tjiebet permezz tal-liberalizzazzjoni progressiva.

124. Il-BAWAG-PSK jiddisponi minn fergħat u kumpaniji sussidjarji f’diversi Stati Membri […]. Għall-kuntrarju, banek minn Stati Membri oħra joperaw anki fl-Awstrija […].

125. Fl-aħħarnett, fis-settur bankarju qed isir kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-garanzija qed issaħħaħ lill-BAWAG-PSK fil-konfront ta’ intrapriżi bankarji oħra li qiegħed f’kompetizzjoni magħhom fil-kummerċ ġol-Komunità. Għalhekk, il-garanzija qed tintuża biex tinfluwenza l-kummerċ bejn l-Istati Membri u biex tgħawweġ il-kompetizzjoni.”

247    Jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni provviżorja li l-garanzija kkontestata kienet suxxettibbli li taffettwa l-kompetizzjoni fis-settur bankarju fuq il-bażi, l-ewwel nett, li dan is-settur kien miftuħ għall-kompetizzjoni, it-tieni nett, li l-garanzija kkontestata saħħet il-pożizzjoni ta’ WestLB fis-swieq fejn huwa wettaq l-attivitajiet tiegħu meta mqabbel ma’ banek oħra li ma rċevux għajnuna u, it-tielet nett, li l-WestLB kellu attivitajiet transkonfinali u internazzjonali.

248    Għandu jiġi eżaminat jekk din il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, fir-rigward tal-kuntest tad-deċiżjoni provviżorja kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

249    L-ewwel lok, il-qorti tal-Unjoni stabbilit li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet relattivi, rispettivament, għall-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma, bħala regola ġenerali, marbuta b’mod inseparabbli u kkunsidrat li, meta għajnuna mogħtija ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma influwenzati mill-għajnuna (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il‑Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

250    Madankollu, huwa stabbilit u manifest li l-WestLB huwa preżenti fis-suq ta’ numru ta’ Stati Membri u li fis-suq Ġermaniż, huwa espost għall-kompetizzjoni, reali jew potenzjali ta’ diversi banek stabbiliti fi Stati Membri oħra.

251    Fit-tieni lok, kif indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 123 tad-deċiżjoni BAWAG‑PSK, is-settur bankarju kien is-suġġett ta’ proċess importanti ta’ liberalizzazzjoni fil-livell Komunitarju. Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza li din iċ-ċirkustanza żżid l-kompetizzjoni li tista’ diġà tirriżulta mill-moviment liberu tal-kapital previst mit-Trattat, li huwa ta’ natura li jikkaratterizza effett reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 142 u 145).

252    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, kif indikat mill-Kummissjoni fil-paragrafu 4 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, it-tmiem ta’ impriżi ineffiċjenti huwa funzjonament normali tas-suq u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija fost it-tipi ta’ għajnuna mill-Istat li l-iktar għandha effett ta’ distorsjoni importanti, għalhekk, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ din l-għajnuna huwa stabbilit fit-Trattat KE u għandha tibqa’ fis-seħħ fir-rigward ta’ din l-għajnuna u l-possibbiltà ta’ deroga għandha tkun limitata.

253    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, meta l-għajnuna hija essenzjali għas-sopravivenza ta’ impriża li kieku mingħajra tisparixxi, l-għoti ta’ għajnuna neċessarjament iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li dan jipprekludi allokazzjoni mill-ġdid tal-partijiet tas-suq ta’ din l-impriża fost il-kompetituri tagħha.

254    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur impriża, bħall-WestLB, li għandha attivitajiet transkonfinali sinjifikattivi, li topera f’settur li kien suġġett ta’ liberalizzazzjoni fl-Unjoni, bħas-settur bankarju, u li seta’ jisparixxi mis-suq jekk l-għajnuna ma ngħatatx jista’ jkun partikolarment konċiż.

255    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-motivazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni provviżorja dwar il-kwistjoni jekk il-garanzija kkontestata tistax taffettwa l-kompetizzjoni għandha titqies bħala suffiċjenti.

 Fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni

256    Ir-rikorrent iressaq żewġ argumenti sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk din il-garanzija kkontestata tistax taffettwa l-kompetizzjoni. Fl-ewwel argument tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kellha teżamina s-sitwazzjoni reali tas-suq fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biex tivverifika jekk il-garanzija kkontestata, ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni provviżorja, tistax tkompli tkun hekk ikkwalifikata. Permezz tat-tieni argument, ir-rikorrent isostni li l-għajnuna favur is-settur finanzjarju mogħtija mill-2008 ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

–       Fuq l-ewwel argument, li l-Kummissjoni kellha teżamina s-sitwazzjoni reali tas-suq fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

257    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tagħmel referenza għad-deċiżjoni provviżorja f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-garanzija kkontestata setgħetx tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Skont ir-rikorrent, meta tadotta deċiżjoni li tiddikjara li miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni hija dejjem obbligata teżamina s-sitwazzjoni reali tas-suq fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Ir-rikorrent josserva li l-Kummissjoni kienet partikolarment meħtieġa li taffettwa tali eżami f’din il-kawża. Minn naħa, bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni provviżorja u dik tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriżi finanzjarja saret waħda mill-iktar gravi f’dan l-aħħar seklu, li wassal lill-Kummissjoni biex tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna favur is-settur finanzjarju ta’ ammont totali ta’ madwar EUR 3 000 biljun. Ir-rikorrent għalhekk għandu dubju jekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien għad hemm kompetizzjoni li tista’ tikkawża distorsjoni f’dan is-settur. Barra minn hekk, ir-rikorrent josserva li għajnuna ta’ EUR 5 biljun, jiġifieri 0.167 % tat-total ta’ għajnuna awtorizzat mill-Kummissjoni minħabba l-kriżi finanzjarja sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, diffiċli li tikkawża distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni li tibqa’ fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni provviżorja tirrigwarda miżura ta’ salvataġġ temporanju meta d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda miżura ta’ ristrutturazzjoni permanenti.

258    Għandu jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, il-kwistjoni dwar jekk għajnuna mill-Istat għandha tiġi deċiża abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiġu evalwati fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u li, għalhekk, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni jsir fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li meta l-Kummissjoni diġà kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat miżura f’deċiżjoni mhux ikkontestata, hekk kif għamlet f’din il-kawża fir-rigward tal-garanzija kkontestata fid-deċiżjoni provviżorja, hija ma hijiex neċessarjament meħtieġa li taffettwa eżami ġdid tas-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fid-data meta hija adottat deċiżjoni ġdida li tkompli tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat l-istess miżura, sa fejn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jiġu adottati f’kuntest fattwali u legali relatat u simili biżżejjed.

260    Madankollu, l-argumenti tar-rikorrent ma humiex suxxettibbli li juru li seħħet bidla fiċ-ċirkustanzi bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni provviżorja u dik tad-deċiżjoni kkontestata li tobbliga lill-Kummissjoni twettaq eżami ġdid tal-effett potenzjali tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni.

261    L-ewwel nett, id-deterjorament tal-kriżi finanzjarja li eventwalment seħħet bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni provviżorja (30 ta’ April 2008) u d-deċiżjoni kkontestata (12 ta’ Mejju 2009) kif ukoll l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu ta’ sensiela ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ammont globali favur is-settur finanzjarju ma jwaqqafx milli tkompli tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat miżura adottata favur bank f’diffikultà mingħajr ma ssir analiżi ġdida tal-kompetizzjoni eżistenti f’dan is-settur.

262    Minn naħa, dan is-settur kien is-suġġett ta’ proċess importanti ta’ liberalizzazzjoni fil-livell Komunitarju, li enfasizza l-kompetizzjoni li setgħet diġà tirriżulta mill-moviment liberu tal-kapital previst mit-Trattat (sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 251 iktar ’il fuq, punt 145). Madankollu, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-aggravament eventwali tal-kriżi finanzjarja u l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna msemmija fil-punt preċedenti jkunu eliminaw din il-kompetizzjoni intensifikata sal-punt li l-garanzija kkontestata tistax iktar taffettwaha.

263    F’kull każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ammont ta’ EUR 5 biljuni li jippermetti lil bank kbir f’diffikultà li jkompli bl-attivitajiet tiegħu u, għalhekk, li ma jitlifx parti sinjifikattiva tas-suq favur il-kompetituri tiegħu huwa bħala prinċipju suxxettibbli li jaffettwa l-kompetizzjoni eżistenti, anki fil-każ fejn wieħed jassumi li kien partikolarment dgħajjef.

264    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jikkontradixxix l-argument tal-Kummissjoni li numru ta’ banek stabbiliti fl-Istati Membri, inklużi banek reġjonali Ġermaniżi simili għal WestLB ma kienu rċevew ebda għajnuna mill-Istat fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ir-relazzjoni kompetittiva bejn dawn il-banek u l-WestLB kienu neċessarjament effettwati mill-għoti tal-garanzija kkontestata anki jekk f’dik id-data, banek oħra kienu rċevew sostenn pubbliku sinjifikattiv.

265    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt li l-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ miżura kienu rċevew għajnuna mill-Istat huwa mingħajr effett għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura (sentenza Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 54).

266    It-tieni nett, il-fatt li l-garanzija kkontestata, mfassla waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni provviżorja bħala miżura temporanja u riversibbli, li saret miżura b’effett permanenti matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix bdil fiċ-ċirkustanzi li jostakola lill-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, milli tirreferi għall-klassifikazzjoni li saret fid-deċiżjoni provviżorja. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tista’ raġonevolment tikkunsidra, kif hija ġustament targumenta, li miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, u li għalhekk setgħet tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, li l-applikazzjoni tagħhom kienet suġġetta għal limitazzjoni temporanja, għandha għalhekk iktar u iktar tiġi hekk ikklassifikata fl-assenza ta’ din il-limitazzjoni.

267    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx fid-deċiżjoni kkontestata jekk il-garanzija kkontestata setgħetx tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda li rreferiet għall-eżami li kienet effettwat f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni provviżorja, ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni argument, li jgħid li l-għajnuna favur is-settur finanzjarju mogħtija mill-2008 ma jistax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni

268    Ir-rikorrent isostni li l-għajnuna favur is-settur finanzjarju mogħti mill-2008 huwa intiż sabiex jiġi evitat kollass ta’ dan is-settur u għalhekk ma jistax jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.

269    Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-għajnuna eżaminata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija għajnuna individwali mogħtija favur bank wieħed, il-WestLB, u mhux għajnuna mogħtija lis-settur finanzjarju Ġermaniż jew Ewropew kollu. Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li s-sopravivenza ta’ WestLB jista’ wkoll ikollha konsegwenzi ekonomiċi pożittivi għall-istituzzjonijiet li ma jkunux irċevew miżuri ta’ sostenn statali. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-WestLB huwa neċessarjament f’pożizzjoni kompetittiva iktar b’saħħitha fil-konfront ta’ dawn l-istituzzjonijiet milli kieku kellu jieqaf mill-attivitajiet tiegħu.

270    L-argument imressaq mir-rikorrent ma jistax jiġi milqugħ.

271    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kwistjoni jekk il-garanzija kkontestata setgħetx tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni hijiex biżżejjed u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrent ma pprovax li l-motivi indikati mill-Kummissjoni kienu vvizzjati bi żball.

272    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

273    Hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi mfakkar li l-argument imressaq mir-rikorrent li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed, peress li la tindika li l-garanzija kkontestata tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u lanqas in-natura ta’ dawn id-distorsjonijiet, diġà ġiet eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv.

274    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-konformità tal-garanzija kkontestata mal-Artikolu 87(3)(b) KE. Skont ir-rikorrent, ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni ma jippermettux li jinftiehem għalfejn il-kundizzjonijiet fl-anness tagħha huma neċessarji u jekk humiex proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan iffissat minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-motivazzjoni kellha tkun speċjalment iddettaljata fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest tal-kriżi finanzjarja, it-tieni nett, tal-portata tal-kundizzjonijiet mitluba fid-deċiżjoni kkontestata u, it-tielet nett, tal-fatt li dan “kien imur iktar lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti”.

275    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikors kien ammissibbli biss f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni tal-kundizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ bejgħ fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, u l-argumenti tar-rikorrent ma jistgħux biss jiġu eżaminati fuq il-mertu fir-rigward tal-motivazzjoni dwar dawn il-kundizzjonijiet.

276    Dwar dan il-punt, ir-rikorrent josserva li d-deċiżjoni kkontestata kellha tinkludi motivazzjoni iktar dettaljata dwar in-neċessità tal-obbligu ta’ bejgħ, u dan iktar milli kieku obbligu ekwivalenti kellu jiġi impost f’proċeduri paralleli” oħra. Il-motivazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-banek tat-tfaddil u l-Land ta’ NRW kultant ifittxu interessi opposti, ma hijiex biżżejjed. Għalhekk huwa soltu li l-interessi tal-proprjetarji ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jkunu kultant kontradittorji. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkumplimentata bl-ispjegazzjonijiet li l-Kummissjoni biss ipprovdiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

277    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

278    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-garanzija kkontestata kienet għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur impriża f’diffikultà. Kif dan huwa indikat fil-punt 210 iktar ’il fuq, hija għalhekk setgħet teżamina l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

279    Skont il-paragrafu 17 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, ristrutturazzjoni hija bbażata fuq pjan fattibbli, koerenti u wiesa’, intiża sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tal-impriża fuq perijodu ta’ żmien twil. Skont il-paragrafu 34 ta’ dawn il-linji gwida, l-għotja ta’ għajnuna individwali għar-ristrutturar trid tkun suġġetta għall-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni.

280    Il-paragrafu 47 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jiddisponi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jimplementa b’mod sħiħ il-pjan imsemmi fil-punt preċedenti, kif ukoll jeżegwixxi kull obbligu ieħor previst mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Kull nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ pjan jew ta’ osservanza ta’ obbligi huwa kkunsidrat bħala użu ħażin tal-għajnuna.

281    Il-paragrafi 35 sa 37 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni fihom ir-regoli li permezz tagħhom il-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, kif ukoll l-informazzjoni kollha li għandu jinkludi. L-ewwel nett, dan il-pjan għandu jkun fih l-informazzjoni neċessarja kollha, inkluż studju tas-suq u deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-impriża li għandha sservi bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-miżuri proposti. It-tieni nett, l-Istat Membru kkonċernat għandu jintrabat ma’ dan il-pjan. It-tielet nett, il-pjan għandu jippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid f’terminu raġonevoli l-vijabbiltà tal-impriża fuq perijodu ta’ żmien twil fuq il-bażi ta’ argumenti realistiċi, b’tali mod li hija tkun tista’ tkopri, ladarba r-ristrutturazzjoni hija kompleta, l-ispejjeż kollha tagħha billi tagħmel użu biss mill-forzi tagħha stess. Ir-raba’ nett, jekk id-diffikultajiet tal-impriża jirriżultaw minn difetti fis-sistema ta’ tmexxija tagħha, dan għandu jkun suġġett għal adattamenti meħtieġa.

282    Il-punti 38 sa 40 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jirrigwardaw il-“prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni” marbuta mal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-ewwel nett, miżuri kumpensatorji għandhom jiġu adottati biex jiġu limitati l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“miżuri kumpensatorji”). It-tieni nett, dawn il-miżuri għandhom ikunu “adegwati” fis-sens li huma ma għandhomx jikkawżaw deterjorazzjoni tal-istruttura tas-suq. It-tielet nett, huma għandhom ikunu “proporzjonati” għall-effetti ta’ distorsjoni kkawżati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma għandhom jirrigwardaw is-suq jew swieq li fihom l-impriża inkwistjoni ser ikollha pożizzjoni sinjifikattiva wara r-ristrutturazzjoni. Sussegwentement, jekk dawn il-miżuri jistgħu jseħħu qabel jew wara l-għoti tal-għajnuna, huma għandhom fi kwalunkwe każ ikunu parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fl-aħħar nett, ma għandhomx jikkonsistu f’sempliċi tpaċija tal-kontijiet jew waqfien ta’ attivitajiet bla profitt peress li dawn ma jirriżultawx fi tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-impriża inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux vs Il‑Kummissjoni, T‑115/09 u T‑116/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

283    Minn naħa, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni hija kundizzjoni essenzjali sabiex għajnuna għar-ristrutturazzjoni titqies kompatibbli mas-suq komuni. Dan il-pjan isir element ċentrali tal-analiżi li l-Kummissjoni għandha tagħmel f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem l-“eżami ta’ kompatibbiltà”). Fl-aħħar nett, il-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jipprovdu li l-eventwali awtorizzazzjoni tal-għajnuna għandha awtomatikament tkun suġġetta għall-osservanza tal-pjan eżaminat u vvalidata mill-Kummissjoni,

284    Min-naħa l-oħra, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni għandha taffettwa l-eżami tal-kompatibbiltà għandu jkun fih żewġ tipi ta’ miżuri, li huma distinti skont l-għan tagħhom. L-għan tal-ewwel tip ta’ miżuri huwa li tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża fuq perijodu ta’ żmien twil. Fir-rigward tat-tieni tip ta’ miżura, l-għan tagħha huwa li tiġi evitata kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni. Bħala prinċipju, xejn ma jżomm lill-kontenut tal-miżuri kollha previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni milli jkunu s-suġġett ta’ negozjazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, u fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna jista’, skont il-każ, ikun involut. Madankollu, jirriżulta mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni li huwa dan tal-aħħar li għandu jintrabat għal pjan finali.

285    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ssodisfatt ladarba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tindika l-motivi li minħabba fihom hija tikkunsidra li l-għajnuna hija ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, partikolarment l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, prova sodisfaċenti tal-vijabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna fuq perijodu ta’ żmien twil u tan-natura proporzjonata tal-għajnuna fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

286    Huwa fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal li hemm lok, minn naħa, li tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tindika r-raġunijiet għalfejn iddeċidiet li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ u, min-naħa l-oħra, li teżamina jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija, dwar dan il-punt, suffiċjenti.

 Fuq il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tindika r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ

287    Sabiex tiddetermina l-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tindika r-raġunijiet li għalihom iddeċidiet li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ, hemm lok, l-ewwel nett, li tidentifika l-għan li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni għandha tiġġustifika din d-deċiżjoni. It-tieni nett, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni bl-osservanza tal-miżuri previsti mill-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li jintrabtu għalihom l-Istati Membri. It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-portata ta’ dan l-obbligu huwa differenti meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiggarantixxi l-osservanza tal-pjanijiet inkwistjoni billi tissuġġetta d-deċiżjonijiet b’kundizzjonijiet, bis-saħħa tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999. Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ bejgħ jagħmilx parti mill-ewwel pjan ta’ ristrutturazzjoni sħiħ ta’ WestLB, li intrabtet għaliha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

–       Fuq l-għan li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ

288    Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-għan imfittex mill-Kummissjoni, meta tiddeċiedi li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, huwa li jiġi żgurat it-twettiq tal-għan imfittex mill-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat li fuqha l-awtorizzazzjoni hija fondata. Jekk l-awtorizzazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 87(3)(b) KE, fit-tieni argument tiegħu, ir-rikorrent huwa tal-fehma li dan l-għan għandu jirrimedja għal taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

289    Din l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda.

290    Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 284 iktar ’il fuq, l-għan imfittex mill-Kummissjoni meta ssuġġettat l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għall-osservanza tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li għalihom intrabat l-Istat Membru kkonċernat, huwa, l-ewwel nett, jiġi ggarantit ir-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil u, it-tieni nett, jiġi żgurat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma jkunux eċċessivi.

291    F’din il-kawża, kif ġie indikat fil-punt 187 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ bejgħ kien inkluż fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata bħala miżura intiża sabiex tiżgura r-ritorn ta’ WestLB għall-vijabbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil. Għalhekk, huwa biss fir-rigward ta’ dan l-għan li l-Kummissjoni għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza ta’ dan l-obbligu.

–       Fuq il-portata tal-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni bl-osservanza tal-miżuri previsti mill-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li jintrabtu għalihom l-Istati Membri

292    Għandu jiġi osservat li filwaqt li, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li kellha ġġib il-prova tal-għoti ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-oneru tal-prova tal-kompatibbiltà mas-suq komuni, b’deroga għal din id-dispożizzjoni, jaqa’ fuq l-Istat Membru kkonċernat, li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, Ġabra p. II‑2911, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

293    Għalhekk, meta fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni wiesgħa disponibbli għaliha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3) KE (ara l-punt 183 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni teżiġi, bħal f’din il-kawża, fil-linji gwida tagħha, fl-istruzzjonijiet tagħha jew fil-komunikazzjonijiet tagħha, li, sabiex għajnuna tiġi awtorizzata, l-Istat Membru kkonċernat jintrabat ma’ pjan li jippermetti li jintlaħqu ċerti għanijiet leġittimi preċiżi, huwa dan tal-aħħar u mhux il-Kummissjoni li għandu juri li dan il-pjan huwa probabbli li jwassal biex jistabbilixxi li kull miżura prevista mill-pjan huwa indispensabbli f’dan ir-rigward.

294    Għalhekk, u wara li ġie kkunsidrat dak li ntqal fil-punti 279 sa 284 iktar ’il fuq, pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala magħmul minn numru ta’ impenji proposti minn Stat Membru intiżi sabiex jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet għal deroga mill-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat ikunu ssodisfatti. Dawn l-impenji huma intiżi sabiex tinkiseb mill-Kummissjoni deċiżjoni li ma hijiex dritt individwali għall-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna li tippermetti li tiġi evitata l-kompetizzjoni, u huma proposti biex jiżguraw li l-għanijiet stipulati fil-punti 284 u 290 iktar ’il fuq jintlaħqu.

295    Għall-benefiċjarju tal-għajnuna, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni huwa, barra minn hekk, is-sett ta’ kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tal-għajnuna huwa suġġett mill-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan tal-aħħar jintrabat fil-konfront tal-Kummissjoni, li jagħti l-għajnuna suġġett għall-osservanza ta’ dan il-pjan mill-benefiċjarju.

296    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari għandha, l-ewwel nett, tistabbilixxi li l-miżura awtorizzata għandha effettivament tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni nett, tivverifika li l-Istat Membru kkonċernat stabbilixxa li l-għajnuna tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi msemmija mill-Artikolu 87(3) KE, u, it-tielet nett, tikkonstata li fir-rigward tal-miżuri kollha previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li ntrabat għalihom dan l-Istat Membru, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun vijabbli fuq perijodu ta’ żmien twil u li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni pprovokati mill-għajnuna ma jkunux eċċessivi.

297    Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni r-rikorrent, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tispjega n-neċessità ta’ kull miżura prevista mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, u lanqas li timponi biss il-miżuri l-inqas kontraenti possibbli fost dawk li jiżguraw l-implementazzjoni tal-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti, sakemm jew l-Istat Membru kkonċernat ikun intrabat minn qabel għal pjan ta’ ristrutturazzjoni inqas kontraenti, li jwieġeb b’mod xieraq għal dawn l-għanijiet, jew li dan l-Istat Membru jkun wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-inklużjoni ta’ ċerti miżuri fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u li jkun intrabat għalihom fuq il-bażi li l-Kummissjoni kienet indikatlu definittivament li l-għajnuna ma kinitx ser tkun awtorizzata fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, peress li d-deċiżjoni li tikkundizzjona l-għoti ta’ għajnuna għall-osservanza ta’ dawn il-miżuri ma tistax tiġi attribwita lill-Istat Membru kkonċernat f’dawn il-każijiet.

298    L-ewwel nett, din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li l-miżuri previsti minn pjan ta’ ristrutturazzjoni jistgħu jkunu numerużi u differenti ħafna, b’tali mod li jkun neċessarju li jkollok konoxxenza profonda tal-funzjonament u tal-istruttura interna tal-benefiċjarju tal-għajnuna, tas-sitwazzjoni kummerċjali tiegħu kif ukoll tal-għażliet strateġiċi li huma disponibbli għalih, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri alternattivi. Peress li l-Kummissjoni mhux neċessarjament tiddisponi minn din il-konoxxenza, hija ma għandhiex il-possibbiltà li tidentifika miżuri li jistgħu jissostitwixxu dawk previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat intrabat għalihom.

299    It-tieni nett, li jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tiġġustifika n-natura neċessarja ta’ kull miżura prevista mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni jista’ jostakolha milli tikkonstata, f’ċerti sitwazzjonijiet, li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun vijabbli fuq perijodu ta’ żmien twil. Dan jidher li huwa l-każ ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li jinkludi ċerti miżuri li, meħudin flimkien, jippermettu li tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ dan il-benefiċjarju, iżda li, meta eżaminati separatament, ma jidhrux li huma indispensabbli f’dan ir-rigward. F’każ bħal dan, il-karattru strettament neċessarju ta’ kwalunkwe miżura proposta ma setax jintwera mill-Kummissjoni u fil-prattika, hija lanqas ma setgħat tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għall-osservanza ta’ dawn. Għalhekk ma setgħetx tiżgura r-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà.

300    Fl-aħħar nett, it-tielet nett, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tawtorizza għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur bank li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu kienet iddeterjorat sal-punt li huwa seta’ jtemm l-attivitajiet tiegħu u jikkawża kriżi fis-suq finanzjarju nazzjonali, huwa biss intervent pubbliku, li jevita li l-kompetizzjoni tipproduċi riżultat li jippermetti il-kontinwità tiegħu, u dan sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

301    F’dan il-kuntest, filwaqt li huwa ġustifikat li jiġi mitlub mill-Kummissjoni li tiżgura li l-għajnuna, minn naħa, tkun suġġetta li tipproduċi l-effett benefiku mixtieq fuq l-ekonomija, li jista’ b’mod partikolari jeħtieġ li l-vijabbiltà tal-bank tkun żgurata, u min-naħa l-oħra, li jkollha l-iżgħar effett possibbli fuq il-kompetizzjoni, ikun madankollu eċċessiv li jkun meħtieġ li tistabbilixxi wkoll li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna jkunu l-inqas onerużi possibbli għall-benefiċjarju.

302    Il-konklużjoni msemmija fil-punti 296 u 297 iktar ’il fuq hija għaldaqstant koerenti mal-ġurisprudenza li tgħid li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni, huwa ssodisfatt ladarba d-deċiżjoni kkonċernata tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom l-għajnuna hija ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, peress li dawn il-kundizzjonijiet kienu, partikolarment l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, prova sodisfaċenti tal-vijabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna fuq perijodu ta’ żmien twil kif ukoll tan-natura proporzjonata tal-għajnuna fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tiegħu (ara l-punt 285 iktar ’il fuq).

–       Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-portata tal-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni bl-osservanza tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li jintrabtu għalihom l-Istati Membri kkonċernati huwa differenti meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiggarantixxi l-osservanza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni billi tissuġġetta d-deċiżjonijiet tagħha b’kundizzjonijiet, bis-saħħa tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999

303    Matul is-seduta, ir-rikorrent afferma li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala differenti minn dak deskritt fil-punti 296 u 297 iktar ’il fuq meta l-Kummissjoni ddeċidiet, bis-saħħa tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, li torbot deċiżjoni li tawtorizza għajnuna għar-ristrutturazzjoni b’kundizzjoni.

304    Madankollu, sa fejn tali kundizzjoni tirrifletti, bħal f’din il-kawża, miżura prevista mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li fir-rigward tagħha intrabat l-Istat Membru kkonċernat, din l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda.

305    Fil-fatt, fid-dawl, minn naħa, tar-responsabbiltà partikolari mogħtija mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni lil kull Stat Membru li jixtieq jagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur impriża, f’dak li jirrigwarda s-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjoni awtomatika, prevista minn dawn il-linji gwida, tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għall-osservanza tal-miżuri f’dan il-pjan, dawn il-miżuri għandhom jitqiesu bħala parti mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna li l-Istat Membru kkonċernat iffissa (ara l-punt 295 iktar ’il fuq). Dawn il-kundizzjonijiet, barra minn hekk, jagħmlu parti mill-kuntest fattwali u legali li fuq il-bażi tiegħu l-Istat Membru kkonċernat talab lill-Kummissjoni taffettwa eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna.

306    Għalhekk, meta l-Kummissjoni tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal tali kundizzjoni, hija ma timponi, la fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna u lanqas fuq l-Istat Membru kkonċernat, ebda obbligu li din ma kinitx kienet assumiet qabel.

307    Barra minn hekk, il-konsegwenzi li jirriżultaw, għall-Istat Membru kkonċernat, mill-ksur ta’ tali kundizzjoni huma essenzjalment ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw minn nuqqas ta’ osservanza ta’ miżura prevista mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li ntrabat għalih, jiġifieri l-fatt li l-għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li ġiet applikata b’mod abbużiv, u l-possibbiltà għal din li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat li l-Istat Membru inkwistjoni naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu.

308    Fl-aħħar nett, u f’kull każ, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-garanzija kkontestata setgħet tiġi biss awtorizzata fid-dawl tal-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li jipprovdi l-implementazzjoni ta’ ċerti miżuri, ma jidhirx loġiku li jkun meħtieġ minnha li tindika r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna għandha tkun ikkundizzjonata għall-fatt li dawn il-miżuri jiġu implementati.

309    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet biss obbligata li tindika r-raġunijiet li għalihom l-adozzjoni tal-miżuri kollha previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali, fejn huwa stabbilit li l-obbligu ta’ bejgħ jagħmel parti, kienu biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil u sabiex jiġi żgurat li l-garanzija kkontestata ma tikkawżax distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni, sakemm huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx preċedentement intrabtet għal pjan ta’ ristrutturazzjoni sħiħ inqas kontraenti li jwieġeb b’mod adegwat għal dawn l-għanijiet u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx weriet l-oppożizzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-obbligu ta’ bejgħ fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali u kienet pproponiet l-inklużjoni tagħha għar-raġuni biss li l-Kummissjoni kienet indikatilha b’mod definittiv li l-għajnuna ma kinitx tkun awtorizzata fil-każ kuntrarju (ara l-punt 297 iktar ’il fuq).

–       Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali kien l-ewwel pjan ta’ ristrutturazzjoni sħiħ ta’ WestLB li għalih intrabtet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jekk din tal-aħħar kinitx weriet l-oppożizzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-obbligu ta’ bejgħ f’dan il-pjan

310    Hemm lok li l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali, li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Awwissu 2008 u li ma kienx jinkludi l-bejgħ ta’ WestLB fl-istess termini bħal dawk tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali, jistax jitqies bħala pjan ta’ ristrutturazzjoni sħiħ.

311    Minn naħa, għandu jitfakkar, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali kien jinkludi impenn li sal-31 ta’ Diċembru tal-2008 jippreżenta “miżuri konkreti” intiżi għall-bidla fl-istruttura tal-azzjonisti ta’ WestLB (ara premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, premessi 2 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 26 iktar ’il fuq). Dawn il-miżuri mhux identifikati, għandu jkollhom l-effett tat-telfa, mill-azzjonisti, tal-maġġoranza ta’ kontroll qabel it-30 ta’ Settembru 2009.

312    Min-naħa l-oħra, man-notifika tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali lill-Kummissjoni, din kienet informata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-azzjonisti kienu qablu, fil-kuntest tal-Eckpunktevereinbarung, li jissottomettulha pjan ta’ ristrutturazzjoni, li jinkludi miżuri ta’ tnaqqis li jmorru lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali u li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidla fl-azzjonisti, qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 (premessa 26 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u punt 27 iktar ’il fuq).

313    Għalhekk, meta l-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali ġie lilha nnotifikat, il-Kummissjoni neċessarjament kellha tikkunsidra li miżuri ta’ ristrutturazzjoni addizzjonali sinjifikattivi, li seta’ jkollhom effett ċar fuq l-eżami tal-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata, kienu sussegwentement ser jiġu ppreżentati lilha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq dan l-eżami fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali. Dan għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat bħala pjan sħiħ fis-sens tal-paragrafi 35 sa 45 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

314    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax mill-fajl li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni sabiex twettaq l-eżami tal-kompatibbiltà tal-garanzija kkontestata fid-dawl jew tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali, jew minn miżuri oħra differenti minn dawk previsti mill-pjan finali jew li huwa kien oppona li l-għoti tal-garanzija kkontestata tkun suġġetta għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ. Madankollu, minħabba fir-responsabbiltà speċjali mogħtija mil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni lil kull Stat Membru li jixtieq jagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni f’dak li jirrigwarda l-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, ma jistax jiġi ammess, jekk ma jkunx ikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-miżuri f’dan il-pjan, li dawn il-miżuri ma jkunux lilu attribwibbli. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lanqas ma sostniet, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni tal-ftuħ, li l-obbligu ta’ bejgħ ma kienx neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WestLB jew li soluzzjonijiet alternattivi inqas stretti kienu prevedibbli (ara premessi 44 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata), billi l-Kummissjoni, kif hija ġustament issostni, kienet diġà essenzjalment indikat, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li bidla fl-azzjonisti ta’ WestLB tista’ tkun neċessarja f’dan ir-rigward. Barra minn dan, sa fejn la l-WestLB u lanqas waħda mill-partijiet interessati ma ssottomettew osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkunsidrat li lanqas dan ma ġie oppost. F’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ fatt, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, f’din il-kawża, li d-deċiżjoni li tinkludi l-obbligu ta’ bejgħ fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali ma jistax jiġi attribwit, fl-aħħar istanza, lir-Repubblika Repubblika Federali tal-Ġermanja.

315    Fl-aħħar nett, u f’kull każ, anki jekk ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni tal-obbligu ta’ bejgħ fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali ġie ssuġġerit jew kien meħtieġ mill-Kummissjoni, huwa ma jsostnix li din adottat deċiżjoni, espressa jew taċita, li jew tiċħad il-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali, jew pjan ieħor preċedenti ta’ ristrutturazzjoni li ma jinkludix l-obbligu ta’ bejgħ, jew li tikkomunika b’mod definittiv lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-garanzija kkontestata ma hijiex awtorizzata jekk dan l-obbligu ma ġiex inkluż fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ WestLB.

316    Għalhekk għandu jiġi konkluż, minn naħa, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali kien l-uniku pjan, fis-sens tal-paragrafi 35 sa 40 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li fuqu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li ma ġiex stabbilit, b’tali mod li din l-inklużjoni ma tistax tiġi lilha attribwita fl-aħħar istanza, li dan l-Istat Membru kien oppona għall-inklużjoni tal-obbligu ta’ bejgħ f’dan il-pjan.

–       Konklużjoni

317    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, dwar in-neċessità li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-kundizzjonijiet previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali intiż sabiex jiggarantixxi l-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil, jikkonsisti f’li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-osservanza ta’ dan il-pjan huwa biżżejjed biex jintlaħaq it-twettiq ta’ dan il-għan.

318    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li r-rikorrent essenzjalment isostni, ma hemmx lok li tiġi separatament eżaminata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-obbligu ta’ bejgħ. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kellha biss tindika għalfejn l-obbligu ta’ bejgħ, flimkien mal-miżuri l-oħra previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali, kien x’aktarx suxxettibbli li jwassal għat-twettiq tal-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil.

319    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssodisfatx dan l-obbligu.

 Fuq l-eżami tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-neċessità tal-obbligu ta’ bejgħ

320    L-ewwel nett, hemm lok li jingħad li l-Kummissjoni osservat, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ambitu tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil għandu jkun fi proporzjon dirett mal-ambitu u mal-ammont tal-għajnuna u mas-solidità tal-mudell tan-negozju ta’ dan il-bank, kif ukoll li huwa indikat fil-paragrafu 52 tal-komunikazzjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti u fil-paragrafu 44 tal-komunikazzjoni intitolata “Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa”.

321    It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-ristrutturazzjoni tal-azzjonisti ta’ WestLB kien pass importanti sabiex jissolvew id-diffikultajiet ta’ dawn u jiġi żgurat żvilupp ekonomiku pożittiv. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għall-osservazzjonijiet, effettwati fid-deċiżjoni tal-ftuħ, dwar il-fatt li dawn id-diffikultajiet kienu pprovokati mill-kompożizzjoni tal-azzjonisti kif ukoll mill-kunflitt ta’ interessi bejn l-azzjonisti.

322    Kif kien indikat fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni diġà osservat, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li s-sitwazzjoni diffiċli ta’ WestLB kienet x’aktarx dovuta għall-kompożizzjoni tal-azzjonisti tiegħu u għall-“interessi diverġenti” tal-azzjonisti. Fil-premessa 50 ta’ din id-deċiżjoni, hija kienet indikat li l-bidla fl-azzjonisti intiża fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali kienet tista’ tikkawża bidla fil-mudell kummerċjali ta’ dan il-bank. Fil-premessa 48 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li dan il-mudell kummerċjali, ikkaratterizzat minn portafolli ta’ investiment fil-parti ’l kbira strutturati, minn obbligi li ma humiex inklużi fil-karta tal-bilanċ u minn aċċess limitat għat-tranżazzjonijiet imwettqa f’isem il-klijenti, ma kienx suffiċjenti fuq perijodu ta’ żmien twil.

323    It-tielet nett, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li l-WestLB u l-azzjonisti kienu aċċettaw l-opinjoni li tgħid li d-diffikultajiet ta’ WestLB kienu parzjalment dovuti għall-kompożizzjoni tal-azzjonisti tiegħu u li kienu intrabtu li jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ din taħt il-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, pereżempju, li għandha tiġi prodotta bħala prova qabel il-31 ta’ Diċembru 2008. Il-Kummissjoni osservat li l-approċċ privileġġat kien jikkonsisti fl-inkorporazzjoni ta’ WestLB mal-Helaba. Billi miżura kumplimentari, kien propost li jiġi inkluż f’dan il-grupp id-Dekabank Deutsche Girozentrale. Il-Kummissjoni indikat li l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ opzjonijiet ma kellha suċċess għal ħafna raġunijiet, fosthom il-kunflitt ta’ interessi bejn l-azzjonisti. Il-Kummissjoni indikat li l-banek tat-tfaddil li kienu indirettament preżenti fost l-azzjonisti ta’ WestLB u tal-Land ta’ NRW kienu kultant ifittxu interessi direttament opposti u kkunsidrat li dan kien juri “l-fondatezza tal-opinjoni [li kienet] esprimiet f’dan ir-rigward” fid-deċiżjoni tal-ftuħ u “l-pass importanti li [għandha] l-bidla tal-azzjonisti sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tal-[WestLB] fuq perijodu ta’ żmien twil”.

324    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ ta’ WestLB għandu jkun iffaċilitat bis-separazzjoni preċedenti tal-attivitajiet tan-negozju differenti tiegħu u l-iggruppar tagħhom fi tliet oqsma tan-negozju ewlenin, li jiġu offruti għall-bejgħ kemm b’mod separat u kif ukoll fit-totalità tagħhom.

325    Il-ħames nett, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-WestLB dawwar l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, abbanduna n-negozju li minnu kien qed jagħmel telf bħal ġestjoni tal-investiment u attivitajiet f’ismu, li wasslu għall-kriżi, u qed jerġa’ jiffoka mill-ġdid fuq negozju bbażat fuq il-klijenti. Il-Kummissjoni kkonstatat li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali jipprovdi lill-WestLB li jikkonċentra għal darb’oħra l-attivitajiet tiegħu fin-Nordrhein-Westfalen, u b’mod iktar ġenerali fil-Ġermanja u li jiffoka f’ċerti setturi importanti. Il-Kummissjoni indikat li l-attenzjoni minn attivitajiet riskjużi għal negozju inqas volatili bħas-servizzi bankarji fuq tranżazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-banek tat-tfaddil, mal-klijenti privati u mal-impriżi jippermettu li tiżdied il-parti vijabbli tal-attivitajiet ta’ WestLB, u għaldaqstant tikkontribwixxi għar-ritorn għal vijabbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil u għalhekk tabbanduna approċċ kummerċjali li ma kienx sostenibbli fuq perijodu ta’ żmien twil.

326    Fl-aħħar nett, is-sitt nett, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali jinkludi miżuri ta’ tnaqqis fl-ispejjeż u miżuri li jippermettu titjib tal-ġestjoni tar-riskju tiegħu, u għalhekk, tal-profil tar-riskju ta’ WestLB. Kif dan ġie indikat fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjan juri b’mod ċar li l-WestLB seta’ jirrestawra l-vijabbiltà tiegħu fuq perijodu ta’ żmien twil.

327    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat b’mod suffiċjentement preċiż diversi miżuri fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali li jippermettu l-modifika tal-firxa tal-attivitajiet u tal-istruttura tal-azzjonisti ta’ WestLB. Għall-Kummissjoni, din il-bidla kellha bħala konsegwenza l-abbandun tal-politika kummerċjali, b’mod partikolari kkaratterizzata mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet b’riskju għoli, li kienu għall-oriġini tad-diffikultajiet finanzjarji tal-bank. Barra minn hekk, il-proprjetarji ta’ dan ma kienx għad għadhomx il-kunflitti ta’ interess li kellhom, skont il-Kummissjoni, rwol importanti fil-ħolqien ta’ dawn id-diffikultajiet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddikjarat li l-passaġġ ta’ WestLB għal mudell ta’ negozju inqas riskjuż u għal struttura tal-azzjonisti inqas kunflitttwali ssaħħet kif ukoll ġiet iffaċilitata permezz ta’ miżuri ta’ tnaqqis ta’ spejjeż u permezz tad-diviżjoni tiegħu f’setturi ta’ attività differenti li setgħu jiġu mibjugħa separatament.

328    Din il-motivazzjoni tippermetti li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali, u elenkati fl-anness għad-deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk relatati mal-obbligu ta’ bejgħ, x’aktarx li kienu se jiżguraw ir-ritorn għall-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil.

329    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda l-issuġġettar tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ.

330    Sussidjarjament, għandu jiġi osservat li din il-motivazzjoni għandha wkoll tiġi kkunsidrata suffiċjenti jekk, hekk kif ir-rikorrent essenzjalment isostni, il-Kummissjoni kienet meħtieġa li tiġġustifika n-natura stretta neċessarja tal-obbligu ta’ bejgħ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil.

331    Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 31, 32 u 321 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni indikat matul il-proċeduri amministrattivi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll f’din id-deċiżjoni, li d-diffikultajiet finanzjarji ta’ WestLB kienu dovuti għal mudell kummerċjali mhux vijabbli.

332    Il-Kummissjoni indikat ukoll li dan il-mudell kien parzjalment il-konsegwenza tal-eżistenza ta’ struttura tal-azzjonisti partikolari u ta’ kunflitt ta’ interess bejn l-azzjonisti.

333    Ċertament, il-Kummissjoni ma speċifikatx fis-sottomissjonijiet tagħha l-karatteristiċi tal-azzjonisti ta’ WestLB, li fil-fehma tagħha kienu responsabbli ta’ dan il-mudell kif ukoll l-interessi opposti tal-azzjonisti li jirrendu iktar diffiċli l-vijabbiltà kummerċjali ta’ dan il-bank. Hija essenzjalment issostni li peress li l-azzjonisti ta’ WestLB kienu kkontrollati mill-banek tat-tfaddil tar-reġjuni ta’ Westfalen-Lippe u ta’ Rheinland, ma kienx raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-WestLB jista’ jiżviluppa attività kummerċjali ta’ importanza f’qasam essenzjali sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tiegħu lejn il-vijabbiltà kummerċjali u fejn dawn il-banek tat-tfaddil kienu attivi, jiġifieri l-bank privat f’isem il-klijenti.

334    Madankollu, l-istruttura tal-azzjonisti ta’ WestLB u l-interessi, possibbilment opposti, tal-azzjonisti huma neċessarjament elementi magħrufa sew mir-rikorrent, għalhekk ma jkunx raġonevoli li l-Kummissjoni tkun meħtieġa tirriproduċi fid-deċiżjoni kkontestata l-karatteristiċi ta’ din l-istruttura li jikkawżaw, fil-fehma tagħha, id-diffikultajiet finanzjarji ta’ WestLB (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, Far Eastern New Century vs Il‑Kunsill T‑167/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 127).

335    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġà essenzjalment indikat, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li d-diffikultajiet finanzjarji ta’ WestLB kienu dovuti għal mudell kummerċjali mhux vijabbli minħabba fl-istruttura tal-azzjonisti tiegħu u fil-kunflitti ta’ interess bejn l-azzjonisti, mingħajr ma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ir-rikorrent, bħala parti interessata, ma kkontestaw din il-konklużjoni preliminari, jew talbu għal iżjed informazzjoni dwar il-motivi wara din, li huma elementi rilevanti f’din il-kawża sabiex tiġi limitata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Far Eastern New Century vs Il‑Kunsill, punt 334 iktar ’il fuq, punt 128).

336    Fl-aħħar nett, hekk kif ir-rikorrent innifsu indika, l-azzjonisti kienu ffirmaw l-Eckpunktevereinbarung ikkomunikat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Awwissu 2008 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). Dan id-dokument, li ġie adottat wara l-iskambji bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-WestLB u l-azzjonisti, jinkludi fih impenn għall-bidla fl-istruttura tal-azzjonisti tal-bank (ara l-punti 26 u 27 iktar ’il fuq). Ir-rekwiżit tal-Kummissjoni li tispjega għalfejn din il-bidla kienet neċessarja hija attenwata f’din il-kawża.

337    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud dan il-motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

338    Dan il-motiv huwa essenzjalment maqsum fi tliet partijiet, ibbażati rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet evalwat il-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata minn premessa żbaljata, it-tieni wieħed, ta’ ksur tad-dritt ta’ proprjetà u, it-tielet wieħed, tal-eżistenza ta’ dannu sproporzjonat għall-azzjonisti meta mqabbel mal-għan imfittex fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet evalwat il-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata minn premessa żbaljata

339    Ir-rikorrent isostni li, kif indika fit-tielet motiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE, dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha l-garanzija kkontestata ġiet awtorizzata, kien simili għal dak tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni għalhekk evalwat minn premessa żbaljata l-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrent, ir-riżoluzzjoni ta’ taqlib serju fl-ekonomija jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali iktar importanti mill-promozzjoni ta’ settur jew ta’ reġjun. Huwa jsostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità inkiser għal din ir-raġuni biss.

340    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

341    Għandu jiġi osservat li r-rikorrent jinvoka formalment biss ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, dan jinvolvi l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(b) KE, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u jirreferi għall-argumenti mressqa f’dan ir-rigward fit-tielet motiv. L-ewwel parti għandha għalhekk tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawn l-argumenti, kif ġustament issostni l-Kummissjoni.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà

342    Ir-rikorrent isostni li l-azzjonisti kienu mċaħħda mid-dritt tagħhom ta’ proprjetà fid-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni ta’ dan id-dritt fl-Unjoni, argument li l-Kummissjoni tikkontesta.

343    Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti, bħall-parti preċedenti, hija biss formalment ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrent effettivament jantiċipa l-argumenti mressqa fis-sitt motiv, li insostenn tiegħu huwa jinvoka n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li ġġiegħel l-azzjonisti jċedu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom lill-WestLB. L-argumenti mressqa mir-rikorrent huma għaldaqstant eżaminati fil-kuntest tas-sitt motiv. Madankollu, sa fejn ma jurux l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma għandhom jiġu miċħuda fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dannu sproporzjonat għall-azzjonisti meta mqabbel mal-għan imfittex fid-deċiżjoni kkontestata

344    Ir-rikorrent isostni li ċ-ċaħda tad-dritt ta’ proprjetà tal-azzjonisti li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata hija ta’ dannu sproporzjonat għalihom meta mqabbel mal-għan imfittex mill-Kummissjoni sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju. Dan id-dannu huwa iktar sproporzjonat, minn naħa, peress li dan is-settur kien diġà ġie mqalleb min-numru ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, il-garanzija kkontestata kienet ikkunsidrata bħala neċessarja għal “salvataġġ” ta’ bank importanti u sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-funzjonament tajjeb ta’ dan is-settur.

345    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

346    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tingħażel dik li hija l-inqas restrittiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25, u tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).

347    Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi kriterju tal-legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni. Fid-dawl ta’ dan, fil-kuntest tal-eżami tal-azzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni, iqumu dejjem il-kwistjonijiet, minn naħa, tal-portata u tal-limiti eżatti tal-obbligi li jirriżultaw mill-osservanza ta’ dan il-prinċipju u, min-naħa l‑oħra, tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra p. I‑5949, punti 36 u 37).

348    Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’din il-kawża, b’mod partikolari għandhom jiġu kkunsidrati l-obbligi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għall-benefiċċju ta’ impriża li l-kontinwità tagħha hija kompromessa, hekk kif essenzjalment jirriżulta mill-punti 287 sa 302 iktar ’il fuq.

349    Fid-dawl ta’ dak indikat fil-punti 287 sa 302 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma teħtieġx li l-Kummissjoni tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għall-miżuri strettament meħtieġa sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni jekk dawn il-miżuri huma parti minn pjan ta’ ristrutturazzjoni li intrabat għalih l-Istat Membru kkonċernat.

350    Fil-fatt, l-implementazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-kuntest huwa limitat għal, minn naħa, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li fir-rigward tiegħu l-Istat Membru kkonċernat intrabat li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun vijabbli fuq perijodu ta’ żmien twil u li d-distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni jkunu evitati, u, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru kkonċernat ma intrabatx għal pjan li fih miżuri inqas kontraenti li jippermettu li tiġi biżżejjed iggarantita din il-vijabbiltà ekonomika u li jiġu evitati dawn id-distorsjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Alrosa, punt 347 iktar ’il fuq, punt 41).

351    Il-proporzjonalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

352    F’dan ir-rigward, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali huwa l-uniku pjan ta’ ristrutturazzjoni sħiħ li fuqu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 316 iktar ’il fuq). Peress li l-obbligu ta’ bejgħ kien previst minn dan il-pjan, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata b’kundizzjonijiet inqas restrittivi f’dak li jirrigwarda l-bdil tal-azzjonisti ta’ WestLB minn dawk previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali.

353    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, billi ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

354    Fl-aħħar nett, u sussidjarjament, għandu jiġi osservat li, anki jekk il-Kummissjoni kellha tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni biss għall-miżuri l-inqas kontraenti possibbli ta’ natura li jiżguraw r-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà ekonomika fuq perijodu ta’ żmien twil, kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma weriex li l-obbligu ta’ bejgħ huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex mill-Kummissjoni.

355    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kuntrarjament għal dak li essenzjalment indika r-rikorrent, l-għan imfittex mill-Kummissjoni meta ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ ma kienx li jiġi evitat li din il-garanzija tikkawża distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni fis-swieq finanzjarji.

356    Fil-fatt, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni u hekk kif indikat fil-punti 187 u 291 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ bejgħ huwa intiż sabiex jiżgura r-ritorn ta’ WestLB għal vijabbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil.

357    Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrent li din il-kundizzjoni hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan intiż li jevita d-distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni.

358    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrent ma ppreżenta l-ebda argument intiż sabiex juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-għan intiż sabiex jiżgura r-ritorn ta’ WestLB għall-vijabbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil.

359    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ użu ħażin ta’ poter

360    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u wettqet użu ħażin ta’ poter.

361    Skont ir-rikorrent, il-fatt li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għall-bank bl-obbligu ta’ bejgħ ta’ dan huwa mingħajr preċedent fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. L-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament tirriżulta b’mod ċar mit-tqabbil tad-deċiżjoni kkontestata mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3708 finali, tas-7 ta’ Mejju 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat N 244/2009 – Commerzbank, Il-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Commerzbank”). F’din id-deċiżjoni, adottata ġimgħa qabel id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma talbietx bidla fl-azzjonisti tal-bank benefiċjarju tal-għajnuna. Barra minn hekk, ir-rikorrent ippreżenta tabella li, fil-fehma tiegħu, turi li d-deċiżjoni dwar il-WestLB hija l-unika, fost dawk dwar l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, fejn l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna eżaminata kienet suġġetta għal bidla fl-azzjonisti tal-benefiċjarju.

362    Ir-rikorrent iżid li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva tal-inugwaljanza fit-trattament subita mill-WestLB. Huwa jinnota li, fir-realtà, il-Kummissjoni użat arbitrarjament il-kompetenza lilha mogħtija permezz tal-Artikolu 87(3)(b) KE għal għan differenti minn dak imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li torganizza mill-ġdid lill-WestLB u lill-azzjonisti tiegħu. Skont ir-rikorrent, dan jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter fis-sens tal-Artikolu 230(2) KE. Dan fih tliet punti ta’ fatti insostenn ta’ din l-affermazzjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ffissat minn qabel, fil-15 ta’ Lulju 2008, il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni tar-ristrutturazzjoni. It-tieni nett, hija ma bidlitx dawn il-kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-kriżi finanzjarja marret għall-agħar u l-fatt li hija finalment iddeċidiet li tapplika l-Artikolu 87(3)(b) KE. It-tielet nett, N. Kroes pubblikament insistiet f’diversi okkażjonijiet dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ erba’ artikli fl-istampa, u regolarment bagħtet twissijiet dwar il-konsolidazzjoni tal-banek tal-Länder, filwaqt li sostniet li s-settur finanzjarju Ġermaniż, “ibbażat fuq tliet punti ta’ raġunament”, kien antikwat u kien jeħtieġ li jiġi rriformat.

363    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

364    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C‑248/04, Ġabra p. I‑10211, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2012, Djebel‑SGPS vs Il‑Kummissjoni, T‑422/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 202).

365    Madankollu, ir-rikorrent ma weriex li l-WestLB kien f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-banek li rċevew l-għajnuna mill-Istat imsemmija fir-rikors u li fir-rigward tagħhom, fil-fehma tiegħu, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna għar-ristrutturazzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ bidla fl-azzjonisti.

366    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-effett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil bank f’diffikultà f’sitwazzjoni ta’ kriżi finanzjarja jiddependi fundamentalment fuq sett ta’ ċirkustanzi individwali, li jinkludu s-sitwazzjoni ekonomika tal-bank u l-prospetti tiegħu għal ritorn għall-vijabbiltà ekonomika. Madankollu, ir-rikorrent ma jeżaminax jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet tagħha li jirrigwardaw il-banek li huwa jirreferi għalihom, kinitx ikkunsidrat jekk l-istrutturi tal-azzjonisti kinux ukoll problematiċi bħal dawk ta’ WestLB, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni.

367    Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni Commerzbank, il-Kummissjoni tafferma li din ma kinitx suġġetta għal bidla fl-azzjonisti tal-benefiċjarju fuq ir-raġuni, minn naħa, li kuntrarjament għall-WestLB, il-Commerzbank kien kumpannija msejħa “miftuħa” li l-ishma tiegħu miżmuma minn azzjonisti mifruxa u, min-naħa l-oħra, li d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom ma kinux dovuti għall-istruttura tal-azzjonisti tiegħu jew għall-interessi diverġenti fost l-azzjonisti li r-rikorrent ma kkontestat la fil-kontroreplika u lanqas matul is-seduta.

368    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 87(3)(b) KE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, jekk wieħed jassumi li din ġiet stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2010, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑396/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54, u Djebel‑SGPS vs Il‑Kummissjoni, punt 364 iktar ’il fuq, punt 198). Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà jirrispondu għal sitwazzjoni oġġettiva li hija evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha. Ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni f’deċiżjoni preċedenti għandhom għaldaqstant jibqgħu mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza Djebel‑SGPS vs Il‑Kummissjoni, punt 364 iktar ’il fuq, punt 199, u l-ġurisprudenza ċċitata).

369    It-tielet nett, kif argumentat ġustament mill-Kummissjoni, din ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tiffissa kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà iktar stretti mid-deċiżjonijiet preċedenti jekk l-evoluzzjoni tas-suq komuni u l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fih jitolbu dan, peress li l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jifformaw aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Djebel‑SGPS vs Il‑Kummissjoni, punt 364 iktar ’il fuq, punt 200, u l-ġurisprudenza ċċitata).

370    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, il-fatt li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għall-osservanza tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li intrabat għalihom l-Istat Membru kkonċernat ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

371    Fil-fatt, fil-każ fejn l-awtorizzazzjoni ta’ żewġ għajnuna għall-ristrutturazzjoni simili kienet suġġetta għal kundizzjonijiet differenti previsti mill-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li fir-rigward tagħhom intrabtu rispettivament l-Istati Membri kkonċernati, is-sitwazzjoni differenti li fiha jinsabu l-benefiċjarji tal-għajnuna ma tirriżultax mill-għażla tal-Kummissjoni, iżda min-natura tal-impenji adottati rispettivament mill-Istati Membri, u għalhekk il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina jekk dawn kinux jippermettu li jiġi żgurat ir-ritorn tal-benefiċjarji għall-vijabbiltà u l-prevenzjoni tad-distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni.

372    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑342/03, Ġabra p. I‑1975, punt 64).

373    Issa, hemm lok li l-ewwel nett jingħad, li l-artikli fl-istampa ċċitati mir-rikorrent li jikkonċernaw ċerti dikjarazzjonijiet ta’ N. Kroes ma jurux, hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni, li din użat il-kompetenzi tagħha ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat għall-finijiet oħra għajr dawk previsti mill-Artikolu 87 KE.

374    Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, N. Kroes għarrfet lill-pubbliku bl-opinjoni tagħha li kull awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għandha tkun suġġetta għar-riżoluzzjoni taċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom il-WestLB kien f’diffikultà qabel il-kriżi finanzjarja, li jeħtieġ bidla sinjifikattiva fil-mudell kummerċjali tan-negozju tiegħu u fil-problemi strutturali relatati mal-kompożizzjoni tal-azzjonisti tiegħu. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma jinkludux opinjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni u lanqas dwar l-istruttura tas-settur finanzjarju Ġermaniż.

375    F’kull każ, ir-rikorrent ma jispjegax kif id-dikjarazzjonijiet ta’ N. Kroes għandhom jiġu kkunsidrati bħala bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li tilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura.

376    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni setgħet tindika, fil-15 ta’ Lulju 2008, il-kundizzjonijiet li fil-fehma tagħha għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-garanzija kkontestata tista’ tiġi awtorizzata u li hija ma bidlietx dawn il-kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-kriżi finanzjarja marret għall-agħar u l-fatt li hija ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 87(3)(b) KE, ma jikkostitwixxux indiċi oġġettivi li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bil-għan li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk eċċepiti jew li tiġi evitata proċedura.

377    Fil-fatt, dan jindika biss li, fi stadju relattivament bikri tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-garanzija kkontestata diffiċilment kienet awtorizzata jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ WestLB ma kienx jinkludi ċerti kundizzjonijiet li kienu ġew inkorporati fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali, mingħajr ma tieħu pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward. Madankollu, ma jirriżultax mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni fittxet li tibdel l-istruttura tal-proprjetà ta’ WestLB jew li tnaqqas id-daqs ta’ dan il-bank sabiex jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk li tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank u ta’ prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni eċċessiva.

378    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-rikorrent ma ppreżentax motiv għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet eżerċitat pressjoni żejda jew mhux dovuta fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tintrabat ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni finali.

379    Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni informali tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li tawtorizza l-garanzija kkontestata fl-assenza ta’ ċerti miżuri, mwettqa fil-15 ta’ Lulju 2008, kienet preċeduta minn studju estensiv ta’ din il-garanzija mill-perspettiva tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fit-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni kienet diġà adottat id-deċiżjoni provviżorja li tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ din il-garanzija mas-suq komuni u, kif huwa indikat fil-punt 320 iktar ’il fuq, la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, la l-WestLB u l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma opponew formalment, meta kellhom l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, għall-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni espressa f’din id-deċiżjoni li tgħid li bidla fl-azzjonisti tista’ tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà ta’ WestLB fuq perijodu ta’ żmien twil.

380    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni kienet ttrattatu b’mod diskriminatorju jew li kienet abbużat mis-setgħat tagħha skont l-Artikolu 87 KE.

381    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 295 KE

382    Skont l-Artikolu 295 KE, “it-Trattat [KE] għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”.

383    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret din id-dispożizzjoni billi ssuġġettat l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-obbligu ta’ bejgħ. Huwa jsostni li l-Kummissjoni ċaħħdet l-azzjonisti mid-dritt tagħhom ta’ proprjetà u ddeterminat min jista’ jkun proprjetarju ta’ beni partikolari, li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Anki fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-Kummissjoni ma tistax tobbliga proprjetarju jċedi d-dritt tiegħu ta’ proprjetà mingħajr ma tikser il-limiti assoluti stabbiliti mill-Artikolu 295 KE fuq il-kompetenzi tal-Unjoni.

384    Ir-rikorrent iqis li l-qasam ta’ protezzjoni tal-Artikolu 295 KE huwa f’kull każ effettwat meta l-Istati Membri ma jkollhom prattikament ebda diskrezzjoni fil-ġestjoni tagħhom tal-impriżi pubbliċi, fiż-żamma tal-ishma li jkollhom f’dawn tal-aħħar, jew f’li jitqiesu kunsiderazzjonijiet oħrajn apparti kriterji purament ta’ qligħ. Skont ir-rikorrent, din id-diskrezzjoni tneħħiet lill-azzjonisti mid-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt jekk dan l-għan tad-deċiżjoni kkontestata kienx ta’ natura primarja jew sekondarja, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, huwa irrilevanti.

385    Ir-rikorrent isostni li “jekk wieħed jeżamina n-numru sostanzjali ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u ta’ miżuri ad hoc fis-settur finanzjarju, huwa kkonstatat […] li l-Kummissjoni ma tiddeċidiex iktar dwar każijiet iżolati, iżda li permezz ta’ interventi strutturali fuq il-mudelli ekonomiċi u s-setturi ta’ attivitajiet differenti tal-banek, hija qed twettaq organizzazzjoni mill-ġdid sinjifikattiva tas-settur finanzjarju”. Ir-rikorrent jafferma li l-Kummissjoni, fil-fatt, ikkontrollat lis-settur kollu mill-perspettiva tal-politika ekonomika u mhux minn dik tal-politika tal-kompetizzjoni, li jmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha u jikser l-Artikolu 295 KE.

386    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

387    L-ewwel nett, għandu jingħad li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm is-sistema ta’ proprjetà għadha taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 295 KE, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-effett li teżenta s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 1984, Fearon, 182/83, Ġabra p. 3677, punt 7, u tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 192).

388    Għalhekk, u b’mod konformi mal-Artikolu 86(1) KE, ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, li huma regoli fundamentali, huma applikabbli mingħajr distinzjoni għall-impriżi pubbliċi u dawk privati (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 387 iktar ’il fuq, punt 193).

389    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Artikolu 295 KE jillimita l-portata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 387 iktar ’il fuq, punt 194).

390    Għaldaqstant, l-Artikolu 295 KE ma jistax jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tiddeċiedi jekk miżura milquta mill-projbizzjoni ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) KE tistax tkun awtorizzata jew le bis-saħħa ta’ waħda mid-derogi għal din id-dispożizzjoni prevista mill-Artikolu 87(3) KE.

391    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 295 KE ma jostakolax lill-Kummissjoni milli tissuġġetta l-awtorizzazzjoni għal għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju ta’ impriża li għandha tiġi ristrutturata għall-bejgħ tagħha, meta dan huwa intiż li jiżgura l-vijabbiltà tiegħu fuq perijodu ta’ żmien twil.

392    Kif tindika l-Kummissjoni, tali ssuġġettar lanqas ma jikkontesta s-“sistema tal-proprjetà” fl-Istat Membru kkonċernat.

393    Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li l-ewwel nett jingħad, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li dik l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-impriżi indipendentement mis-sistema tal-proprjetà li huma suġġetti għaliha ma għandhiex l-effett li tirrestrinġi l-qasam ta’ protezzjoni tal-Artikolu 295 KE u li twassal biex l-Istati Membri ma jkollhom prattikament ebda diskrezzjoni fil-ġestjoni tagħhom tal-impriżi pubbliċi, fiż-żamma tal-ishma li jkollhom f’dawn tal-aħħar jew f’li jitqiesu kunsiderazzjonijiet oħrajn apparti kriterji purament ta’ qligħ (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 387 iktar ’il fuq, punt 195).

394    Fil-fatt, jekk jitqies li l-interessi msemmija fil-punt preċedenti jistgħu jopponu l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Artikolu 86(2) KE sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom in-natura ta’ monopolju fiskali jistgħu jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni jekk dawn tal-aħħar jostakolaw it-twettiq fid-dritt jew fil-fatt tal-funzjoni partikolari mogħtija lil dawk l-impriżi (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 387 iktar ’il fuq, punt 196). 

395    Issa, ir-rikorrent ma sostniex li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(2) KE biex jeżentaw lill-WestLB mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni huma sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 387 iktar ’il fuq, punti 197).

396    Għalhekk, l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-għan imfittex mill-Kummissjoni meta tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-obbligu ta’ bejgħ kien li jikkontesta l-istruttura tas-settur finanzjarju Ġermaniż u l-eżistenza ta’ azzjonist pubbliku fil-WestLB jew f’banek oħra huwa żbaljat, hekk kif indikat il-Kummissjoni.

397    F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li d-deċiżjoni kkontestata ma tissuġġettax l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-bejgħ ta’ WestLB lil persuni privati. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li soluzzjonijiet alternattivi kienu aċċettati, bħall-konsolidazzjoni tal-banek reġjonali Ġermaniżi, meta dawn tal-aħħar ikunu ta’ natura pubblika, kif ukoll indikaw il-partijiet fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Ottubru 2013.

398    Fl-aħħar nett, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata ma kinitx suġġetta għat-telf mingħajr korrsipettiv fil-WestLB tal-azzjonisti. Minħabba fil-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-awtorizzazzjoni, l-azzjonisti jistgħu jbigħu l-ishma tagħhom lil kull persuna privata jew pubblika li tissodisfa ċerti kriterji u li hija approvata mill-Kummissjoni.

399    Ma jistax jiġi eskluż li l-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett dan il-bejgħ, b’mod partikolari t-terminu li fih għandu jitwettaq u l-assenza ta’ garanzija li, qabel l-iskadenza tagħha, il-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi ta’ din kriżi fuq il-valur tal-assi bankarji ma kinux kompluti, kienu suxxettibbli li jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-prezz li seta’ jiġi pperċepit mill-azzjonisti. Madankollu, din iċ-ċirkustanza għandha titqiegħed f’perspettiva ma’ dik li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, fl-assenza ta’ għoti tal-garanzija kkontestata jew ta’ miżura ta’ għajnuna ta’ effett ekwivalenti, il-WestLB seta’ jisparixxi, u għalhekk il-valur tas-suq tal-impriża kien, bħala prinċipju, ħafna iżgħar jekk din il-garanzija ma kinitx eżentata mill-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-Artikolu 87(1) KE.

400    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999

401    Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, “[i]l-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni posittiva kondizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni u tista’ tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata”.

402    Hekk kif ir-rikorrent jindika, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li timponi kundizzjonijiet jew obbligi ġie rikonoxxut mill-qrati tal-Unjoni anki qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 185 iktar ’il fuq).

403    Ir-rikorrent essenzjalment iressaq tliet argumenti insostenn ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni tikkontesta.

404    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-ksur tal-Artikolu 295 KE li l-Kummissjoni wettqet meta adottat id-deċiżjoni kkontestata jinvolvi wkoll ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

405    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex distint minn dak li r-rikorrent invoka fil-motiv preċedenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 295 KE. Għalhekk, għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawn l-argumenti.

406    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix lill-Kummissjoni timponi kundizzjonijiet li jaffettwaw dritt ta’ proprjetà. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jgħid li r-regoli għandhom ikunu ċari u preċiżi bil-għan li jiżgura l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi, jeżiġi li ksur ta’ dritt fundamentali kien ibbażat fuq dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għall-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni u tal-istituzzjoni kkonċernata f’dan ir-rigward. L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tali dispożizzjoni, sa fejn ma jispeċifikax il-kundizzjonijiet u l-obbligi li jistgħu jkunu imposti mill-Kummissjoni.

407    Ir-rikorrent isostni li dan l-argument ġie msaħħaħ bi “tqabbil ma’ oqsma rregolati oħra”. Huwa josserva li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jippermetti lill-Kummissjoni tobbliga lill-impriżi u lill-assoċjazzjoni tal-impriżi li jtemmu l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Issa, skont ir-rikorrent, l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li miżuri korrettivi ta’ natura strutturali jew komportamentali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex effettivament itemm dan il-ksur, jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm miżura komportamentali li tkun effettiva ugwalment jew jekk din tkun ta’ natura iktar vinkolanti għall-impriża kkonċernata mill-miżura strutturali. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

408    Bl-istess mod, ir-rikorrent josserva li l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 8(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jipprovdu “kontenut minimu għar-rekwiżiti materjali għall-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet”. L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2008, C 267, p. 1) jindika barra minn hekk li l-Kummissjoni tista’ biss tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni għall-impenji meħuda mill-partijiet.

409    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jippreċiża sempliċement l-prerekwiżiti proċedurali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex hija tkun tista’ tiddikjara għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni billi tissuġġettaha b’ċerti kundizzjonijiet. Kif tindika l-Kummissjoni, jirriżulta b’mod partikolari minn din id-dispożizzjoni li dan huwa possibbli biss f’deċiżjonijiet meħuda, bħal f’din il-kawża, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet sostantivi li l-Kummissjoni tista’ tissuġġetta għalihom l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat bis-saħħa tal-Artikolu 87(3) KE ma jirriżultawx mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, iżda mill-bażi legali li fuqha hija bbażata d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna, f’din il-kawża l-Artikolu 87(3)(b) KE.

410    Hekk kif ġie ripetutament indikat, il-Kummissjoni tista’, meta tikkunsidra li tawtorizza għajnuna għar-ristrutturazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(b) KE, tapplika fl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna l-kriterji li jinsabu fil-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, inkluż dak dwar ir-ritorn tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-vijabbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għall-osservanza tal-miżuri kollha li jinsabu fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni li l-Istat Membru intrabat li jiżgura għar-ritorn għall-vijabbiltà.

411    Fost dawn il-miżuri hemm b’mod partikolari l-obbligu ta’ bejgħ, li għalih jirreferi essenzjalment ir-rikorrent.

412    Għalhekk, it-tieni argument imressaq mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

413    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li “l-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jiġu ffissati l-kundizzjonijiet unilaterali li b’mod partikolari kienu marbuta mar-rinunzja għad-dritt ta’ proprjetà”. Skont il-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni kienet li l-azzjonisti “ma kinux kapaċi jikkonformaw mal-iskeda oriġinali […] u li t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda”. Issa, ir-rikorrent josserva li ma kienx ġie stabbilit kalendarju. Ir-rikorrent jammetti li d-deċiżjoni kkontestata lanqas ma ssemmi din il-ġustifikazzjoni, iżda fil-fehma tiegħu dan ma huwiex “żball żgħir”, “mingħajr effett fuq id-dispożittiv tagħha u [r-]raġunijiet”. Il-Kummissjoni sussegwentement kkunsidrat il-kundizzjonijiet bħala neċessarji peress li “t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda”. Madankollu, deċiżjoni tal-istanzi kompetenti tal-azzjonisti setgħet ġiet adottata qabel l-aħħar ta’ Mejju 2009. Ir-rikorrent ikkonkluda li l-Kummissjoni għażlet li ma tistenniex din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, la huwa neċessarju u lanqas ma huwa biżżejjed, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, li terminu, li barra minn hekk huwa ineżistenti, ma huwiex osservat mill-partijiet.

414    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrent essenzjalment isostni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistenna li l-azzjonisti jiddeċiedu huma stess l-kundizzjonijiet tar-ristrutturazzjoni ta’ WestLB. Kif ġie indikat fil-punt 284 iktar ’il fuq, dawn il-kundizzjonijiet kellhom jiġu previsti fi pjan ta’ ristrutturazzjoni li jintrabat għalih l-Istat Membru kkonċernat u mhux l-azzjonisti.

415    Fir-rigward tar-referenzi għall-korrezzjoni miġjuba fil-premessa 41 tal-verżjoni qabel il-korrezzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher fil-premessa 42 ta’ din id-deċiżjoni, fil-verżjoni korretta tagħha, ir-rikorrent ma jindikax b’mod ċar il-konklużjonijiet li fil-fehma tiegħu l-Qorti Ġenerali għandha tieħu.

416    F’kull każ, it-tqabbil tal-verżjoni qabel il-korrezzjoni u l-verżjoni kkoreġuta tad-deċiżjoni kkontestata juru li din hija bidla żgħira.

417    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 41 u 43 iktar ’il fuq, fil-verżjoni tagħha qabel il-korrezzjoni, huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li “[għ]alkemm ġie aċċettat [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] u mis-sidien [mill-azzjonisti] tiegħu […] il-pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni finali] ma jistax jitqies li jorbot” u, min-naħa l-oħra, li, “[m]atul il-proċeduri l-Kummissjoni osservat li s-sidien [l-azzjonisti] ma kinux kapaċi jikkonformaw mal-iskeda oriġinali u li t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda”. Fil-verżjoni korretta, dawn l-osservazzjonijiet ma baqgħux jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, iżda din tindika li, “[m]atul il-proċeduri l-Kummissjoni osservat li s-sidien [l-azzjonisti] ma kinux kapaċi jikkonformaw mal-iskeda oriġinali għal pjan ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] awtorizzat, u li t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda”.

418    Għalhekk, il-kontenut taż-żewġ verżjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata huwa, dwar dan il-punt, simili. Ma hemm l-ebda raġuni li jiġi kkunsidrat li d-differenzi fl-ifformular bejn iż-żewġ verżjonijiet jiżvelaw kwalunkwe bidla fir-raġunament min-naħa tal-Kummissjoni.

419    Fl-aħħar nett, kif il-Kummissjoni targumenta, din il-korrezzjoni ma għandha l-ebda rabta mal-kapaċità tagħha li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tuża’ d-dritt mogħtija mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

420    It-tielet argument imressaq mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

421    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

422    Peress li l-motivi ammissibbli kollha ta’ dan ir-rikors ġew miċħuda bħala infondati, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

423    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

424    Peress li r-rikorrent tilef, huwa għandu jbati l-ispejjeż sostnuti minnu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kemm f’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali kif ukoll il-proċeduri għal miżuri provviżorji, hekk kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talba ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, hija miċħuda.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.

3)      Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk dwar l-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Collins

 

      Gervasoni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Lulju 2014.

Werrej


Fatti

1.  Benefiċjarju

2.  Diffikultajiet finanzjarji ta’ WestLB u notifika tal-istituzzjoni ta’ stralċ

3.  Deskrizzjoni tal-istituzzjoni ta’ stralċ

4.  Notifika komplementari

5.  Awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għal perijodu ta’ sitt xhur

6.  Notifika u eżami tal-estensjoni tal-istituzzjoni ta’ stralċ

7.  Id-d eċiżjoni kkontestata

8.  Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ WestLB wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċeduri

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-locus standi tar-rikorrent

Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ħa sehem fl-adozzjoni tal-miżura li l-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq l-effett ħażin individwali fuq ir-rikorrent bħala azzjonist

Talba dwar il-locus standi tar-rikorrent

Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent

2.  Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalitŕ

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(b) KE

Fuq l-ewwel parti, ippreżentata prinċipalment, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE kien simili għal dak tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u għal dak tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni

–  Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-fatt li l-għan intiż sabiex jiġi rrimedjat taqlib fl-ekonomija ta’ Stat Membru huwa dejjem konformi mal-interess komuni

–  Fuq it-tieni lment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żewġ żbalji magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, rispettivament, billi kisret l-għan tal-Artikolu 87(3)(b) KE, sa fejn hija eżaminat il-kompatibbiltŕ tal-garanzija kkontestata mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni u billi ma ssuġġettatx l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata, f’kull każ, għall-kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk li jistgħu jkunu meħtieġa fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

Fuq it-tieni parti, ippreżentata sussidjarjament, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni imponiet fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod żbaljat, kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-Linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni flimkien mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni u lanqas ma indikat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom din il-garanzija toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni

Fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-effetti tal-garanzija kkontestata fuq il-kompetizzjoni

–  Fuq l-ewwel argument, li l-Kummissjoni kellha teżamina s-sitwazzjoni reali tas-suq fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq it-tieni argument, li jgħid li l-għajnuna favur is-settur finanzjarju mogħtija mill-2008 ma jistax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tindika r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ

–  Fuq l-għan li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-garanzija kkontestata għall-osservanza tal-obbligu ta’ bejgħ

–  Fuq il-portata tal-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni bl-osservanza tal-miżuri previsti mill-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li jintrabtu għalihom l-Istati Membri

–  Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-portata tal-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni bl-osservanza tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li jintrabtu għalihom l-Istati Membri kkonċernati huwa differenti meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiggarantixxi l-osservanza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni billi tissuġġetta d-deċiżjonijiet tagħha b’kundizzjonijiet, bis-saħħa tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999

–  Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni finali kien l-ewwel pjan ta’ ristrutturazzjoni sħiħ ta’ WestLB li għalih intrabtet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jekk din tal-aħħar kinitx weriet l-oppożizzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-obbligu ta’ bejgħ f’dan il-pjan

–  Konklużjoni

Fuq l-eżami tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-neċessitŕ tal-obbligu ta’ bejgħ

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet evalwat il-proporzjonalitŕ tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata minn premessa żbaljata

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetŕ

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dannu sproporzjonat għall-azzjonisti meta mqabbel mal-għan imfittex fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ użu ħażin ta’ poter

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 295 KE

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.